Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52021AE2647

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Intejbu l-livell tal-inklużività, is-sigurtà u l-affidabbiltà tad-diġitalizzazzjoni għal kulħadd” (Opinjoni esploratorja)

EESC 2021/02647

ĠU C 374, 16.9.2021, p. 11–15 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

16.9.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 374/11


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Intejbu l-livell tal-inklużività, is-sigurtà u l-affidabbiltà tad-diġitalizzazzjoni għal kulħadd”

(Opinjoni esploratorja)

(2021/C 374/03)

Relatur:

Philip VON BROCKDORFF

Korelatur:

Violeta JELIĆ

Konsultazzjoni

Presidenza Slovena, 19.3.2021

Bażi legali

Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

Sezzjoni kompetenti

Sezzjoni għas-Suq Uniku, il-Produzzjoni u l-Konsum

Adottata fis-sezzjoni

15.6.2021

Adottata fil-plenarja

7.7.2021

Sessjoni plenarja Nru

562

Riżultat tal-votazzjoni

(favur/kontra/astensjonijiet)

221/0/3

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1.

Il-KESE jirrakkomanda l-adozzjoni rapida ta’ politika inklużiva tal-gvern diġitali tal-UE, li tibni fuq il-Pjan ta’ Azzjoni dwar il-Gvern Elettroniku għall-2016–2020, id-Dikjarazzjoni ta’ Tallinn dwar il-Gvern Elettroniku, id-Dikjarazzjoni ta’ Berlin dwar is-Soċjetà Diġitali u l-gvern diġitali bbażat fuq il-valur. (1) Il-konklużjonijiet tal-Kunsill jirrikonoxxu li l-amministrazzjonijiet pubbliċi għandhom ir-responsabbiltà miżjuda li jiżguraw li ċ-ċittadini jiġu ttrattati bl-istess mod u li jkunu intitolati għall-istess drittijiet ta’ aċċess għall-gvern diġitali.

1.2.

Il-KESE jirrakkomanda li fit-tfittxija tal-inklużività, il-gvernijiet jistabbilixxu strateġiji komprensivi, jappoġġjaw miżuri u leġiżlazzjoni li jkunu adegwati u proporzjonati, biex jiżguraw l-interoperabbiltà, il-kwalità, l-iffukar fuq il-bniedem, it-trasparenza, is-sigurtà, is-sikurezza u l-aċċessibbiltà tas-servizzi u tal-prodotti pubbliċi diġitali, kif ukoll l-aħjar aċċess għas-saħħa, għall-edukazzjoni u għall-opportunitajiet ekonomiċi u kulturali. Il-gvernijiet nazzjonali, reġjonali u lokali jeħtieġ li jiddiġitalizzaw malajr kemm jista’ jkun u jaċċelleraw l-implimentazzjoni ta’ infrastrutturi diġitali ġodda, inkluż il-5G.

1.3.

Il-KESE jirrikonoxxi li hemm bżonn ta’ investiment kbir min-naħa tal-gvernijiet sabiex tinkiseb l-inklużività. Barra minn hekk, huwa preżunt li, fil-pjani għall-irkupru u r-reżiljenza tal-Istati Membri, l-inklużività se tidher b’mod prominenti ħafna fit-trasformazzjoni diġitali ppjanata, bl-użu tal-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta għalkemm limitat tal-UE bħala parti min-Next Generation EU, kif ukoll il-Programm Ewropa Diġitali u l-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej (b’mod partikolari l-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR) u l-Fond Soċjali Ewropew Plus (FSE+)).

1.4.

Il-KESE jirrikonoxxi li d-diġitalizzazzjoni tista’ tipprovdi kemm opportunitajiet kif ukoll theddid għan-negozji. Għalhekk, il-ħtieġa li l-gvernijiet jipprovdu appoġġ finanzjarju adegwat, inkluż permezz ta’ fondi tal-UE lin-negozji ta’ kull daqs, speċjalment lill-SMEs. Dan jgħinhom jadattaw b’suċċess għat-tranżizzjoni.

1.5.

Il-KESE jirrakkomanda wkoll li l-prattiki tax-xogħol bħal xogħol mill-bogħod jiġu implimentati b’kunsiderazzjoni sħiħa għall-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata. Id-djalogu soċjali, l-appoġġ lill-SMEs u lill-intrapriżi tal-ekonomija soċjali, u r-rispett għad-drittijiet tal-ħaddiema, inkluż in-negozjar kollettiv, huma ta’ importanza kbira biex tiġi żgurata tranżizzjoni bla xkiel.

1.6.

Il-KESE jirrakkomanda li l-Istati Membri jaħdmu aktar mill-qrib flimkien fuq l-iżvilupp u l-validazzjoni ta’ soluzzjonijiet diġitali, li jwasslu għal network għall-kondiviżjoni tal-aħjar prattiki.

1.7.

Il-KESE jirrakkomanda wkoll rieżami mal-UE kollha tal-politiki u tal-miżuri tal-gvern biex jiġu involuti l-partijiet ikkonċernati rilevanti fil-proposta ta’ miżuri effettivi bbażati fuq il-ġustizzja soċjali. Dan għandu jinkludi politiki u riżorsi finanzjarji bil-għan li tiġi ffaċilitata t-trasformazzjoni diġitali. Il-KESE jenfasizza wkoll il-ħtieġa li jiżdiedu b’mod sinifikanti r-rati ta’ reġistrazzjoni fl-oqsma tal-edukazzjoni relatati mal-iSTEM matul is-snin li ġejjin.

1.8.

Il-KESE jirrakkomanda t-tisħiħ tal-Att dwar is-Servizzi Diġitali u tal-Att dwar is-Swieq Diġitali, bħala prekundizzjoni għal trasformazzjoni diġitali li hija affidabbli u fejn il-konsumaturi jistgħu jagħmlu għażliet f’suq verament miftuħ u kompetittiv. Fl-Att dwar is-Servizzi Diġitali, ir-responsabbiltajiet u l-obbligazzjonijiet għall-pjattaformi għandhom isiru aktar ċari u infurzabbli aħjar milli qed jiġi propost bħalissa. Fl-Att dwar is-Swieq Diġitali, l-użu ta’ “dark patterns” u ta’ arkitettura oħra tal-għażla “mhux newtrali”, li bil-moħbi tinfluwenza l-imġiba tal-konsumaturi, għandu jiġi pprojbit.

1.9.

Fl-aħħar nett, il-KESE jirrikonoxxi li d-diġitalizzazzjoni u l-ekoloġizzazzjoni tal-ekonomiji tal-UE u l-miri tan-newtralità karbonika tal-UE b’mod partikolari, jimxu id f’id. Il-fatt li wieħed isir “diġitali u ekoloġiku” huwa ta’ importanza vitali, iżda għal darb’oħra l-KESE jenfasizza li l-ekwità u d-djalogu soċjali dejjem għandhom ikunu l-prinċipji gwida għall-implimentazzjoni ta’ teknoloġiji diġitali u ekoloġiċi.

2.   Kummenti ġenerali

2.1.

Is-soċjetajiet Ewropej qed jagħmlu t-tranżizzjoni għall-online. Il-pandemija tal-COVID-19 aċċellerat il-ħtieġa li s-soċjetà tiddiġitalizza, peress li l-kanali diġitali ħafna drabi matul il-lockdowns kienu l-uniċi kanali disponibbli għaċ-ċittadini u għan-negozji.

2.2.

Min-naħa tagħhom, ħafna sidien ta’ negozji jirrikonoxxu l-fatt li huwa meħtieġ li jagħmlu tranżizzjoni diġitali biex jiżguraw is-suċċess fit-tul tan-negozji tagħhom. Bl-istess mod, il-ħaddiema u l-pubbliku jeħtieġ li jifhmu x’inhi d-diġitalizzazzjoni, kif taffettwa l-ħajja tax-xogħol u ta’ kuljum tagħhom bħala membri ta’ organizzazzjoni tan-negozju jew ta’ entità tas-settur pubbliku, jew sempliċiment bħala membri ta’ komunità. Kif stipulat fl-Aġenda l-Ġdida għall-Konsumatur, il-konsumaturi Ewropej għandhom ikunu fil-qalba tat-tranżizzjonijiet diġitali u għandhom jingħataw protezzjoni adegwata u rwol attiv fil-proċess tal-bidla.

2.3.

Fir-rigward tal-gvernijiet fl-UE kollha, id-diġitalizzazzjoni rapida hija inevitabbli u din tista’ ssir biss possibbli permezz tal-infiq pubbliku fuq l-infrastruttura diġitali. L-awtoritajiet pubbliċi fil-livell lokali, reġjonali, nazzjonali u Ewropew jeħtieġ li jevolvu f’organizzazzjonijiet flessibbli, reżiljenti u innovattivi, billi jisfruttaw il-benefiċċji tat-trasformazzjoni diġitali u tat-teknoloġiji emerġenti u l-kapaċitajiet avvanzati sabiex jipprovdu liċ-ċittadini u lin-negozji b’servizzi diġitali inklużivi, kontinwi, konvenjenti, trasparenti, sikuri u affidabbli ffukati fuq il-bniedem.

2.4.

L-amministrazzjonijiet pubbliċi, in-negozji, il-ħaddiema u l-pubbliku ġenerali jeħtieġ li jadattaw (filwaqt li jiġu pprovduti b’appoġġ u, fejn meħtieġ, soluzzjonijiet analoġiċi bħala alternattiva) għad-dinja ffukata fuq it-teknoloġija li qed ngħixu fiha, u huwa importanti li wieħed jifhem x’inhi d-differenza bejn id-diġitalizzazzjoni, il-bidla diġitali u t-trasformazzjoni diġitali.

2.5.

Id-diġitalizzazzjoni tirreferi għall-verżjoni diġitali ta’ oġġetti fiżiċi jew analoġiċi u għandha rwol importanti fil-kuntest tan-negozji u tal-gvernijiet, u n-numru ta’ sigħat maħduma. Il-proċess tad-diġitalizzazzjoni jistabbilixxi katina ta’ avvenimenti li jistgħu jottimizzaw drastikament il-fluss tax-xogħol ta’ kwalunkwe negozju u gvern, li jirriżulta fi proċessi awtomatizzati tan-negozju u tal-gvern. Dan jirrappreżenta sfida kemm għall-ħaddiema kif ukoll għall-impjegati taċ-ċivil.

2.6.

Filwaqt li l-biċċa l-kbira tan-negozji u tal-gvernijiet jużaw metodi ta’ diġitalizzazzjoni bażiċi fil-proċessi tagħhom ta’ kuljum, hemm ħafna aktar x’jista’ jsir biex id-diġitalizzazzjoni tiġi applikata b’mod effettiv. L-isfida hawnhekk tinsab fil-bini tal-fiduċja fost il-ħaddiema, l-impjegati taċ-ċivil u l-pubbliku ġenerali jekk iridu jadattaw b’suċċess għal flussi u proċessi tax-xogħol diġitalizzati ġodda. Fuq il-post tax-xogħol, din it-tranżizzjoni tirrikjedi djalogu soċjali, kif ukoll rispett għan-negozjar kollettiv. It-tranżizzjoni tista’ taffettwa ħafna l-ħajja tal-ħaddiema u għalhekk il-ħtieġa li tiġi pprovduta informazzjoni u li jsiru konsultazzjonijiet fi stadju bikri tal-proċess. Bl-istess mod, il-pubbliku jeħtieġ li jkun konxju tal-konsegwenzi mhux intenzjonati tat-trasformazzjoni.

2.7.

Billi d-diġitalizzazzjoni tidher li żżid l-effiċjenza fin-negozji u fil-gvernijiet (il-benefiċċji potenzjali minn dejjem kienu sopravalutati), dejjem hemm xi konsegwenza negattiva, kif inhu l-każ meta l-ħaddiema jew l-impjegati taċ-ċivil jingħataw is-sensja, jew meta l-pubbliku, speċjalment l-anzjani u l-persuni b’diżabilità, ma jadattax malajr biżżejjed, jew xejn affattu, għad-diġitalizzazzjoni. Din hija r-raġuni għaliex huwa tant importanti li d-diġitalizzazzjoni ssir aċċessibbli għal kulħadd irrispettivament mill-età, mill-ġeneru, mill-istatus soċjoekonomiku u mid-diżabilità. Bl-istess mod, l-SMEs jistgħu jsibu ruħhom fi żvantaġġ kompetittiv jekk ma jkunux jistgħu jlaħħqu mal-pass tad-diġitalizzazzjoni fl-industrija tagħhom, b’mod partikolari jekk tali proċessi jkunu jirrikjedu spiża għolja inizjali bil-quddiem.

2.8.

Id-diġitalizzazzjoni hija t-tieni terminu li n-negozji, il-ħaddiema u l-pubbliku ġenerali jeħtieġ li jifhmu. Din tinkludi firxa wiesgħa ta’ elementi. Id-diġitalizzazzjoni tgħin fit-trasformazzjoni ta’ kif in-negozji joperaw permezz tal-applikazzjoni tat-teknoloġiji diġitali. Dan jaffettwa l-mudelli tan-negozju, il-flussi ta’ komunikazzjoni fi ħdan u barra n-negozju kkonċernat, u tabilħaqq il-katina tal-valur kollha.

2.9.

Id-diġitalizzazzjoni tiftaħ bibien ġodda ta’ opportunità għan-negozji billi toħloq flussi ta’ dħul b’bażi diġitali li qatt ma kienu disponibbli fil-passat. Mill-integrazzjoni tal-midja soċjali sal-kapaċità li jiġu offruti servizzi tad-data bbażati fuq l-abbonament lill-klijenti, l-applikazzjonijiet kummerċjali mibnija apposta jistgħu jkunu ċ-ċavetta għall-innovazzjoni, it-tkabbir u l-espansjoni għan-negozji fil-futur. Teknoloġiji diġitali ġodda, speċjalment dawk indikati bl-akronimu SMACIT (soċjali, mobbli, analitiċi, cloud u Internet tal-oġġetti), huma opportunità kbira għall-SMEs minħabba li dawn it-teknoloġiji għal organizzazzjonijiet kbar u antiki jirrappreżentaw fl-istess ħin opportunitajiet u theddidiet eżistenzjali.

2.10.

Snin ta’ riċerka dwar l-eżiti tat-trasformazzjonijiet diġitali wrew li r-rata ta’ suċċess ta’ dawn l-isforzi hija konsistentement baxxa: anqas minn 30 fil-mija tal-eżiti ppjanati. Ir-riżultati reċenti ta’ McKinsey fuq kampjun ta’ 263 rispondent juru li 16 fil-mija biss tar-rispondenti qalu li t-trasformazzjonijiet diġitali tal-organizzazzjonijiet tagħhom kienu tejbu b’suċċess il-prestazzjoni. Dawn l-isfidi jħabbtu wiċċhom magħhom ukoll “industriji intelliġenti” bħat-teknoloġija avvanzata, il-midja u t-telekomunikazzjoni, li fosthom ir-rata ta’ eżiti ta’ suċċess ma taqbiżx is-26 fil-mija. Min-naħa l-oħra, f’organizzazzjonijiet b’anqas minn 100 impjegat, hemm 2,7 darbiet aktar ċans li r-rispondenti jgawdu minn trasformazzjoni diġitali aktar ta’ suċċess milli huwa l-każ f’organizzazzjonijiet kbar b’aktar minn 50 000 impjegat.

2.11.

Madankollu, irrispettivament mid-daqs, in-negozji li għadhom l-għeruq tagħhom fi proċessi aktar tradizzjonali huma f’riskju li jitilfu l-kompetittività u huwa żbaljat li wieħed jassumi a priori li n-negozji kollha jistgħu jiksbu d-diġitalizzazzjoni b’suċċess. L-istess jgħodd għall-ħaddiema, speċjalment dawk li jaħdmu f’attivitajiet tradizzjonali.

2.12.

It-tranżizzjoni għad-diġitalizzazzjoni tista’ tgħin biex tixpruna l-effiċjenza tan-negozju u tiftaħ opportunitajiet ġodda għan-negozji biex jiġġeneraw l-introjtu, minbarra li tgħin biex titnaqqas il-marka tal-karbonju. Dan jista’ jappoġġja wkoll aktar mobbiltà fis-suq tax-xogħol, itejjeb il-produttività u l-flessibbiltà fuq il-post tax-xogħol u jippermetti l-integrazzjoni bejn ix-xogħol u l-ħajja privata meta l-ħaddiema jaħdmu mill-bogħod mid-dar, kif seħħ matul il-pandemija tal-COVID-19.

2.13.

Madankollu, ir-realtà tista’ tkun differenti ħafna u wieħed għandu jieqaf u jistaqsi jekk id-diġitalizzazzjoni u x-xogħol mill-bogħod b’mod partikolari fil-fatt irriżultawx f’bilanċ aħjar bejn ix-xogħol u l-ħajja privata. Għalkemm ħafna ħaddiema jiffavorixxu x-xogħol mill-bogħod, ħafna drabi dan ġie implimentat b’mod ħażin, li jkollu impatt fuq il-kundizzjonijiet tax-xogħol, speċjalment fil-każ ta’ ommijiet li jaħdmu u ħaddiema b’ħiliet diġitali inadegwati. Għalhekk, huwa leġittimu li wieħed jistaqsi jekk id-diġitalizzazzjoni għamlitx il-konfini bejn il-ħajja privata u professjonali anqas ċari. Filwaqt li d-diġitalizzazzjoni tista’ tagħti spinta lill-prestazzjoni tal-ħaddiema u tan-negozji, l-implikazzjonijiet għall-ħajja tal-familja u possibbilment għas-saħħa jistgħu jkunu kompletament differenti. L-għodod tal-intelliġenza artifiċjali, applikati b’mod mgħaġġel matul il-pandemija, kellhom it-tendenza li jżidu l-istress u r-riskji għas-saħħa u s-sikurezza fost il-ħaddiema.

2.14.

Hemm ukoll tendenza dejjem tikber li l-individwi ma “jiskonnettjawx” mill-proċessi tax-xogħol diġitali. Hekk kif ix-xogħol mill-bogħod qed isir in-norma fin-negozji u fis-servizzi pubbliċi, huwa ta’ importanza vitali li dan iseħħ fil-kuntest tad-djalogu soċjali u tan-negozjar kollettiv. Id-dritt ta’ skonnessjoni jeħtieġ li jiġi rikonoxxut ukoll permezz ta’ strument għall-UE kollha.

2.15.

L-aspett finali tad-diġitalizzazzjoni jaffettwa mhux biss lis-sidien tan-negozju, iżda lis-soċjetà b’mod ġenerali. Matul l-aħħar tliet deċennji, u l-aktar b’mod partikolari f’dawn l-aħħar għaxar snin, kien hemm bidla drammatika lejn l-adozzjoni ta’ teknoloġiji diġitali fl-ambjenti soċjali u fl-attivitajiet umani kollha. Dan żviluppa essenzjalment dawk li huma magħrufa bħala “klijenti diġitali”, b’għadd dejjem akbar ta’ persuni li jiddependu mid-diġitalizzazzjoni prattikament fl-aspetti kollha tal-ħajja ta’ kuljum tagħhom. Id-diġitalizzazzjoni bil-mod qed issir il-bażi għall-mod kif l-organizzazzjonijiet ta’ kull forma u daqs jikkomunikaw mal-klijenti iżda jkun żbaljat li wieħed jassumi li l-persuni kollha, irrispettivament mill-età tagħhom, ikunu jistgħu jlaħħqu ma’ żviluppi diġitali ġodda.

2.16.

Dan iwassalna għad-distinzjoni bejn id-diġitalizzazzjoni u t-trasformazzjoni diġitali. Din tal-aħħar hija kollha dwar it-trasformazzjoni tal-operazzjonijiet kummerċjali u soċjali f’elementi tad-dinja diġitali, kif ilkoll esperjenzajna b’ħafna modi matul il-pandemija, pereżempju b’żieda fix-xogħol mill-bogħod.

3.   Kummenti speċifiċi

3.1.

Id-diġitalizzazzjoni kontinwa tas-soċjetà u tal-ekonomija tagħna sempliċiment se tkompli tikber u tapprofondixxi, u filwaqt li d-diġitalizzazzjoni twiegħed aktar vantaġġi soċjali u ekonomiċi, hemm ukoll tħassib dwar l-impatt ta’ diviżjoni tagħha fuq is-soċjetà u jekk għadd dejjem akbar ta’ persuni għandhomx verament il-ħiliet diġitali neċessarji. Fit-teorija, it-teknoloġiji trasformattivi jidhru li jagħtu spinta lill-inklużjoni soċjali minflok iżidu d-differenzi bejn dawk li għanhom il-ħiliet diġitali u dawk żvantaġġjati, iżda għal darb’oħra r-realtà fil-prattika tista’ tkun xi ftit differenti. Ħafna nies sempliċiment mhumiex qed jirnexxilhom jadattaw għar-ritmu rapidu tat-trasformazzjoni diġitali. Dan japplika b’mod speċjali għall-anzjani, għall-persuni b’diżabilità, u għall-persuni li jgħixu f’reġjuni rurali u mbiegħda.

3.2.

Filwaqt li d-diġitalizzazzjoni għal kulħadd hija meħtieġa biex jittejbu l-effiċjenza u l-produttività, kif ukoll biex jitħaffef l-iżvilupp soċjoekonomiku f’dinja wara pandemija, it-trasformazzjoni diġitali għandha titwettaq bl-aħjar mod. B’dan qed nifhmu li l-politika dwar it-trasformazzjoni diġitali, kemm għas-settur pubbliku kif ukoll privat, trid tkun inklużiva, tevita l-ispejjeż kollha tal-esklużjoni ta’ gruppi fis-soċjetà bħall-anzjani, il-persuni soċjoekonomikament żvantaġġati, il-persuni b’diżabilità, u dawk fiż-żoni rurali.

3.3.

Sabiex tinkiseb l-inklużività, il-gvernijiet jeħtieġ li jistabbilixxu strateġiji komprensivi u miżuri ta’ appoġġ biex jiżguraw l-interoperabbiltà, il-kwalità, l-iffukar fuq il-bniedem, it-trasparenza, is-sigurtà, is-sikurezza, u l-aċċessibbiltà tas-servizzi u tal-prodotti pubbliċi diġitali, kif ukoll l-aħjar aċċess għas-saħħa, għall-edukazzjoni u għall-opportunitajiet ekonomiċi u kulturali. F’dan il-kuntest, l-għodod diġitali jistgħu jintużaw mill-amministrazzjonijiet pubbliċi biex jinvolvu liċ-ċittadini fil-ħolqien ta’ servizzi pubbliċi diġitali, filwaqt li jiżguraw li tali servizzi jissodisfaw il-ħtiġijiet u l-preferenzi taċ-ċittadini li jużawhom.

3.4.

Fuq kollox, il-kisba tal-inklużività tirrikjedi investiment kbir min-naħa tal-gvernijiet u huwa preżunt li, fil-pjani ta’ rkupru u reżiljenza tal-Istati Membri, l-inklużività se tidher b’mod prominenti ħafna fit-trasformazzjoni diġitali ppjanata, bl-użu tal-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta tal-UE bħala parti min-Next Generation EU, kif ukoll il-Programm Ewropa Diġitali u l-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej (b’mod partikolari l-FEŻR u l-FSE+). Madankollu, fil-każ tal-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta, ġew espressi riżervi dwar l-adegwatezza tiegħu biex jissodisfa l-isfidi ta’ tranżizzjoni kemm tad-diġitalizzazzjoni kif ukoll tat-tibdil fil-klima (2). Il-gvernijiet nazzjonali, reġjonali u lokali jeħtieġ ukoll li jiddiġitalizzaw u jaċċelleraw l-implimentazzjoni ta’ infrastrutturi diġitali ġodda, inkluż il-5G.

3.5.

Il-mewġa ta’ trasformazzjoni diġitali hija mingħajr preċedent f’termini ta’ veloċità, kamp ta’ applikazzjoni u daqs. Li wieħed jistenna li n-negozji, l-SMEs u l-intrapriżi tal-ekonomija soċjali kollha jadattaw malajr u b’suċċess għal din il-mewġa ta’ bidla mingħajr preċedent mhuwiex realistiku. It-trasformazzjoni tista’ tiġġenera vittmi daqskemm suċċessi sakemm in-negozji ma jingħatawx biżżejjed żmien biex jadattaw u jkunu appoġġjati minn miżuri rilevanti.

3.6.

Tali miżuri għandhom jinkludu l-għoti tal-infrastruttura meħtieġa lin-negozji biex jappoġġjaw it-trasformazzjoni diġitali u l-qafas leġiżlattiv ta’ akkumpanjament li huwa proporzjonat u adegwat għall-użu tiegħu. Rilevanti wkoll hija l-ħtieġa li l-Istati Membri jaħdmu mill-qrib fuq l-iżvilupp u l-validazzjoni ta’ soluzzjonijiet diġitali li jwasslu għal network għall-kondiviżjoni tal-aħjar prattiki. Miżuri oħra jistgħu jinkludu krediti tat-taxxa biex jiġi appoġġjat aktar l-investiment meħtieġ min-negozji fit-trasformazzjoni diġitali tal-operazzjonijiet u l-proċessi ta’ ħidma tagħhom.

3.7.

Is-swieq fejn il-konsumaturi jistgħu jafdaw, ikunu ħielsa mill-manipulazzjoni u jagħmlu għażliet f’ambjent verament miftuħ u kompetittiv huma prekundizzjoni għal diġitalizzazzjoni affidabbli. Dan spiss ma jkunx il-każ, jekk inħarsu lejn kemm huma kkonċentrati ċerti swieq (midja soċjali, apps ta’ komunikazzjoni, tiftix, OS eċċ.) u kemm ħafna drabi d-drittijiet tal-konsumatur qed jiġu miksura. Fl-Opinjoni tiegħu dwar l-Aġenda l-Ġdida għall-Konsumatur (INT/922 (3)), il-KESE enfasizza li r-regoli dwar il-protezzjoni tal-konsumatur jeħtieġ li jiġu adattati wkoll għad-dinja diġitalizzata. L-isfidi l-ġodda maħluqa mit-teknoloġiji diġitali emerġenti bħall-intelliġenza artifiċjali (IA), l-Internet tal-Oġġetti (IoT) u r-robotika jitolbu tisħiħ tal-protezzjoni attwali.

3.8.

Prekundizzjoni oħra għall-kisba tal-eżiti mixtieqa tat-trasformazzjoni diġitali hija t-tħejjija tan-negozju tad-daqsijiet kollha, inklużi l-intrapriżi tal-ekonomija soċjali, għat-trasformazzjoni diġitali. Dan jinkludi appoġġ minn riżorsi finanzjarji eliġibbli u programmi ta’ taħriġ għas-sidien ta’ negozji żgħar u għall-persunal biex isiru familjari mal-aħħar teknoloġiji u l-opportunitajiet li jirriżultaw minnhom. It-tieni nett, l-aspetti kollha tal-introduzzjoni ta’ din il-bidla profonda jeħtieġ li jiġu kkomunikati fil-livelli kollha fuq il-post tax-xogħol. It-tielet nett, jeħtieġ ukoll li titqajjem kuxjenza dwar il-ħtieġa li jiġu introdotti modi ġodda ta’ ħidma, ta’ tħejjija u ta’ komunikazzjoni f’konformità mal-bidla mingħajr preċedent fil-kultura organizzazzjonali.

3.9.

It-trasformazzjoni diġitali wasslet għal żieda sinifikanti fid-domanda għall-ħiliet diġitali fi prattikament l-industriji kollha, mill-manifattura għas-servizzi finanzjarji u lil hinn minnhom, bid-domanda mistennija tiżdied aktar fil-futur prevedibbli. Għalhekk, huwa essenzjali li l-gvernijiet u n-negozji jkomplu jinvestu fl-edukazzjoni u fit-taħriġ għal kulħadd, inkluża l-edukazzjoni vokazzjonali, biex jiżguraw li t-trasformazzjoni diġitali sseħħ mingħajr xkiel u bl-użu tat-talent xieraq biex l-individwi u n-negozji jkunu jistgħu jgawdu l-benefiċċji ta’ din it-tranżizzjoni. Dan għandu jinkludi wkoll l-edukazzjoni dwar il-parteċipazzjoni fi pjattaformi diġitali.

3.10.

Hekk kif it-trasformazzjoni diġitali qed isseħħ aktar malajr, dan jeħtieġ li jkun akkumpanjat minn żieda sinifikanti fir-rati ta’ reġistrazzjoni fl-oqsma tal-edukazzjoni relatati mal-iSTEM matul is-snin li ġejjin. L-iżvilupp ta’ ħiliet STEM huwa meħtieġ biex tiġi appoġġjata t-trasformazzjoni, biex titnaqqas id-disparità bejn il-ġeneri, u biex tinħoloq il-ġenerazzjoni ta’ innovaturi li jmiss. L-edukazzjoni STEM tgħin biex tingħata spinta lill-ekonomija u jinħolqu l-impjiegi.

3.11.

It-trasformazzjoni diġitali rriżultat f’żieda fl-intensifikazzjoni tax-xogħol u fin-nuqqas ta’ sigurtà fl-impjiegi, u b’hekk ħolqot sfidi serji għall-protezzjoni, ir-rappreżentanza u t-trattament ġust tal-ħaddiema. Id-Dikjarazzjoni taċ-Ċentenarju tal-ILO għall-Futur tax-Xogħol, adottata fl-2019, ipproponiet approċċ iffukat fuq il-bniedem għal teknoloġija ġdida fid-dinja tax-xogħol. Madankollu, l-isfida hija kif dan jista’ jissarraf f’politiki, f’leġiżlazzjoni u f’miżuri effettivi li jipproteġu lill-ħaddiema u li jippermettu rappreżentanza adegwata. Din hija r-raġuni għaliex rieżami tal-politiki fl-UE kollha (u possibbilment leġiżlazzjoni li hija proporzjonata u adatta għall-iskop tagħha) u l-miżuri jitqiesu meħtieġa, mhux biss għal finijiet ta’ koerenza tal-politika iżda wkoll biex il-partijiet ikkonċernati rilevanti jkunu involutifl-iżvilupp ta’ politika bbażata fuq l-objettiv fundamentali li tinkiseb il-ġustizzja soċjali.

3.12.

Fl-aħħar nett, kwalunkwe diskussjoni dwar id-diġitalizzazzjoni għal kulħadd ma tistax tinjora r-rabta tagħha mal-ekoloġizzazzjoni tal-ekonomiji tal-UE u l-miri tan-newtralità karbonika tal-UE, kif ukoll l-enfasi li qed titqiegħed fil-Pjani għall-Irkupru u r-Reżiljenza fuq inizjattivi li jappoġġjaw dawn il-miri.

3.13.

“Diġitali u ekoloġiku” mhux biss għandhom jimxu id f’id, iżda huma essenzjali għall-promozzjoni tal-innovazzjoni fl-UE kollha. L-eżempji jinkludu teknoloġiji blockchain għall-ottimizzazzjoni tal-katina ta’ provvista u t-titjib tal-effiċjenza, li jgħinu fit-tnaqqis tal-konsum tar-riżorsi filwaqt li jżommu rendikont tal-komponenti, tal-prodotti u l-materjali, u b’hekk jikkontribwixxu għall-ekonomija ċirkolari. Barra minn hekk, it-teknoloġiji diġitali jistgħu jgħinu biex jinnewtralizzaw jew jikkumpensaw għall-emissjonijiet li huma teknikament ta’ sfida jew għaljin. Il-fatt li wieħed isir “diġitali u ekoloġiku” huwa ta’ importanza vitali, iżda kif ġie enfasizzat f’din l-Opinjoni, il-ġustizzja fis-soċjetà għandha dejjem tkun il-prinċipju gwida għall-implimentazzjoni ta’ dan il-kunċett. Fi kliem ieħor, il-benefiċċji tat-trasformazzjoni diġitali, pereżempju, fl-applikazzjoni tal-aktar teknoloġiji reċenti użati biex jiġu pprovduti servizzi intelliġenti, kontinwi u mhux intrużivi fl-oqsma tal-enerġija, is-sigurtà, il-mobbiltà, il-benesseri u l-komunità li jgħinu biex tinkiseb in-newtralità karbonika, għandhom ikunu aċċessibbli għal kulħadd.

3.14.

Aħna nirrikonoxxu li dan ma jinkisibx faċilment iżda huwa preċiżament għaliex il-pjani ta’ diġitalizzazzjoni marbuta mal-ekoloġizzazzjoni tal-ekonomiji tal-UE għandhom jinvolvu proċess ta’ konsultazzjoni u analiżi ta’ diversi partijiet ikkonċernati, ibbażati fuq id-djalogu soċjali u n-negozjar kollettiv, fejn l-enfasi tkun fuq miri fuq perjodu ta’ żmien medju u twil li effettivament jagħmlu differenza fil-ħajja tal-Ewropej.

Brussell, is-7 ta’ Lulju 2021.

Christa SCHWENG

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew


(1)  Dan huwa konformi mal-Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar Insawru l-Futur Diġitali tal-Ewropa (id-9 ta’ Ġunju 2020), li fihom il-Kunsill “jappella lill-Kummissjoni biex tipproponi politika msaħħa tal-UE dwar il-gvernijiet diġitali, b’kont meħud tal-inklużjoni elettronika taċ-ċittadini u l-atturi privati kollha, biex tiżgura koordinazzjoni u appoġġ għat-trasformazzjoni diġitali tal-amministrazzjonijiet pubbliċi fl-Istati Membri kollha tal-UE, inkluż interoperabbiltà u standards komuni għal flussi u servizzi tad-data tas-settur pubbliku li jkunu sikuri u mingħajr fruntieri”.

(2)  https://www.epsu.org/article/proposed-transition-fund-really-just

(3)  ĠU C 286, 16.7.2021, p. 45.


Top