Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52021AE2472

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Lejn katina tal-provvista tal-ikel ġusta” (Opinjoni esploratorja)

EESC 2021/02472

ĠU C 517, 22.12.2021, p. 38–44 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

22.12.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 517/38


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Lejn katina tal-provvista tal-ikel ġusta”

(Opinjoni esploratorja)

(2021/C 517/05)

Relatur:

Branko RAVNIK

Korelatur:

Peter SCHMIDT

Konsultazzjoni

Ittra mill-Presidenza Slovena tal-Kunsill, 19.3.2021

Bażi legali

Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

Sezzjoni kompetenti

Sezzjoni għall-Agrikoltura, l-Iżvilupp Rurali u l-Ambjent

Adottata fis-sezzjoni

9.9.2021

Adottata fil-plenarja

22.9.2021

Sessjoni plenarja Nru

563

Riżultat tal-votazzjoni

(favur/kontra/astensjonijiet)

211/1/6

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1.

Il-KESE jilqa’ d-Direttiva tal-UE dwar prattiki kummerċjali inġusti fil-katina tal-provvista agrikola u alimentari bħala pass ’il quddiem fl-indirizzar tal-iżbilanċi tal-poter tul il-katina. Il-prattiki kummerċjali inġusti huma fenomenu kumpless b’implikazzjonijiet soċjetali wiesgħa, u r-regolamentazzjoni għandha rwol ewlieni f’dan il-kuntest. Il-Kumitat iħeġġeġ lill-Istati Membri jittrasponu u jimplimentaw id-Direttiva u jindirizzaw il-prattiki kummerċjali inġusti b’mod urġenti.

1.2.

Il-katina tal-provvista tal-ikel Ewropea wriet li kienet reżiljenti b’mod sinifikanti matul it-tifqigħa tal-COVID-19. Il-konsumaturi kellhom aċċess f’kull ħin għal kważi l-oġġetti tal-ikel kollha. Minkejja li kienu esposti għar-riskji ta’ infezzjoni, il-ħaddiema fil-katina tal-provvista tal-ikel għamlu biċċa xogħol tajba ħafna.

1.3.

Madankollu, osservazzjonijiet bikrija juru li hemm ukoll bidliet notevoli fl-imġiba fil-produzzjoni, id-distribuzzjoni u l-konsum. Il-KESE jirrakkomanda li tiġi appoġġjata t-trasformazzjoni tas-sistemi tal-ikel tal-Ewropa sabiex dawn ikunu ambjentalment, ekonomikament u soċjalment sostenibbli, reżiljenti, ġusti u inklużivi u, fuq kollox, jipprovdu lill-konsumaturi Ewropej b’ikel sikur, tajjeb għas-saħħa u prodott b’mod sostenibbli. Il-KESE jinnota li l-kooperazzjoni (aktar milli l-kompetizzjoni) fost l-operaturi tal-katina tal-ikel hija essenzjali biex titrawwem sistema tal-ikel aktar reżiljenti u sostenibbli sabiex jiġi żgurat sehem ġust għall-operaturi u tiġi evitata d-denigrazzjoni.

1.4.

Il-KESE jenfasizza r-rakkomandazzjoni tiegħu li l-operaturi aktar dgħajfa, speċjalment il-bdiewa, jitħallsu prezz ekwu u ġust li jippermetti lill-fornituri jirċievu introjtu li jkun adegwat għall-investiment, l-innovazzjoni u l-produzzjoni sostenibbli (1). Għandu jiġi stabbilit mekkaniżmu li jsegwi l-monitoraġġ tad-distribuzzjoni tal-valur miżjud gross fil-katina tal-provvista tal-ikel. Skont iċ-ċifri tal-Kummissjoni, is-sehem tal-valur miżjud gross fil-katina tal-provvista tal-ikel li jmur għand il-produttur primarju naqas minn 31 % fl-1995 għal 23,4 % fl-2015 (l-aħħar ċifri disponibbli).

1.5.

Il-KESE jenfasizza wkoll ir-rakkomandazzjoni tiegħu biex jiġu indirizzati l-prattiki kummerċjali inġusti li mhumiex ikkunsidrati fi ħdan ir-rekwiżiti minimi tad-Direttiva (2), u jilqa’ l-isforzi li saru minn diversi Stati Membri biex jindirizzaw kwistjonijiet bħax-xiri bi prezz inqas mill-ispiża tal-produzzjoni, l-irkanti inversi doppji (double race auctions), jew il-protezzjoni tal-atturi kollha fil-katina tal-provvista irrispettivament mid-daqs jew il-pożizzjoni tagħhom fil-katina alimentari. Il-KESE jilqa’ l-fatt li l-Kummissjoni ddeċidiet li tirregola l-prattiki kummerċjali inġusti fil-katina tal-provvista tal-ikel. Madankollu, il-KESE jiddispjaċih li l-Kummissjoni ma ħaditx approċċ armonizzat biex tiġi evitata l-frammentazzjoni fis-suq uniku. Il-KESE jqis li l-miżuri addizzjonali għandhom ikunu kompatibbli mas-suq uniku u soġġetti għal valutazzjoni tal-impatt adatta. Madankollu, il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon il-fatt li l-Istati Membri qed jittrasponu u jimplimentaw id-Direttiva, b’hekk jiżguraw aktar ġustizzja fil-katina tal-provvista tal-ikel, u jappella għal approċċ aktar armonizzat fil-futur.

1.6.

Il-KESE jappella lill-Istati Membri jistabbilixxu liġijiet li jipproteġu l-atturi kummerċjali kollha. Id-daqs mhuwiex neċessarjament indikatur indirett tas-saħħa fis-suq u, konsegwentement, l-operaturi kummerċjali kollha, kbar u żgħar, għandhom ikunu protetti kontra l-prattiki kummerċjali inġusti.

1.7.

Il-KESE jħeġġeġ ukoll lill-Istati Membri jistabbilixxu mekkaniżmi li jippermettulhom jimmonitorjaw, jevalwaw u jinfurzaw l-implimentazzjoni tal-liġijiet ta’ traspożizzjoni, u joħolqu forums għal djalogu f’kooperazzjoni mal-partijiet ikkonċernati.

1.8.

Bħalissa, l-iżbilanċi tas-setgħa ekonomika u tan-negozjar fis-sistemi tal-ikel Ewropej (iżda wkoll globali) jagħmlu pressjoni fuq il-profittabbiltà tas-settur agrikolu u fuq il-pagi, it-tnaqqis fil-potenzjal tal-investiment tal-intrapriżi tal-ikel iż-żgħar u ta’ daqs medju u l-abbandun tal-bejgħ bl-imnut f’livell lokali minn negozji tal-familja. Għalhekk, huma meħtieġa mekkaniżmi korrettivi bbażati fuq l-evidenza biex jiġi żgurat żvilupp ibbilanċjat tal-atturi fil-katina tal-provvista tal-ikel Ewropea u biex jiġi appoġġjat sehem ġust tal-benefiċċji ekonomiċi tal-produzzjoni u d-distribuzzjoni tal-ikel ġewwa u barra l-UE, u b’hekk jitrawmu sistemi tal-ikel sostenibbli. Il-Kummissjoni ma siltitx konklużjonijiet mill-valutazzjonijiet tal-impatt dwar l-Istrateġija mill-Għalqa sal-Platt.

1.9.

Il-KESE jenfasizza l-importanza li l-partijiet interessati kollha jkollhom l-għodod u l-informazzjoni t-tajba biex jibbenefikaw mid-Direttiva. Konsegwentement, il-KESE jistieden lill-Kummissjoni Ewropea, lill-Istati Membri u lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) biex jiżguraw li l-partijiet interessati jkunu jafu d-drittijiet tagħhom u l-proċeduri biex jimplimentawhom, inkluż f’dak li għandu x’jaqsam mal-kummerċ transnazzjonali, kemm fl-UE kif ukoll minn pajjiżi terzi.

1.10.

Il-KESE jtenni li l-promozzjoni ta’ prattiki kummerċjali aktar ġusti għandha tkun parti minn politika komprensiva tal-UE dwar l-ikel u l-kummerċ, li tinkludi l-katina tal-provvista kollha u tiżgura l-implimentazzjoni tal-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli (SDGs) tan-NU.

2.   Introduzzjoni

2.1.

Prattiki kummerċjali inġusti huma definiti bħala “prattiki minn negozju għal negozju li jiddevjaw minn imġiba kummerċjali korretta, huma kuntrarji għall-bona fide u n-negozjar ġust u jiġu imposti b’mod unilaterali minn sieħeb kummerċjali wieħed fuq ieħor” (3). Il-katina tal-provvista tal-ikel hija partikolarment vulnerabbli għall-prattiki kummerċjali inġusti, minħabba żbilanċi qawwija bejn operaturi. Il-prattiki kummerċjali inġusti jistgħu jseħħu fl-istadji kollha tal-katina tal-provvista, u dawk li joriġinaw f’livell wieħed tal-katina jista’ jkollhom effetti fuq partijiet oħrajn tal-katina, abbażi tas-saħħa fis-suq tal-atturi involuti (4).

2.2.

Kif deskritt fid-dettall fl-Opinjoni tal-KESE dwar Ktajjen tal-provvista agroalimentari iktar ġusti adottata fl-2016 (5) u fl-Opinjoni dwar It-titjib tal-katina tal-provvista tal-ikel fl-2018 (6), il-konċentrazzjoni tas-setgħa ta’ negozjar wasslet għal abbuż minn pożizzjonijiet dominanti, li wassal biex operaturi aktar dgħajfa jsiru dejjem aktar vulnerabbli għall-prattiki kummerċjali inġusti. Dan jittrasferixxi r-riskju ekonomiku mis-suq ’il fuq fil-katina tal-provvista u jħalli impatt partikolarment negattiv fuq il-konsumaturi u xi operaturi, eż. il-bdiewa, il-ħaddiema u l-SMEs. Skont iċ-ċifri tal-Kummissjoni, is-sehem tal-valur miżjud gross fil-katina tal-provvista tal-ikel li jmur għand il-produttur primarju naqas minn 31 % fl-1995 għal 23,4 % fl-2015 (l-aħħar ċifri disponibbli). Skont il-Kummissjoni, il-problema tal-prattiki kummerċjali inġusti ġiet rikonoxxuta mill-partijiet interessati kollha fil-katina tal-provvista tal-ikel, u kien irrappurtat li l-maġġoranza tal-operaturi esperjenzaw prattiki kummerċjali inġusti (7).

2.3.

Id-Direttiva (UE) 2019/633 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (8) dwar il-prattiki kummerċjali inġusti fil-katina tal-provvista agrikola u alimentari ġiet adottata f’April 2019. Id-Direttiva hija qasira, konċiża u bbażata fuq ftit prinċipji ewlenin. L-Istati Membri kienu meħtieġa jittrasponu d-Direttiva fil-liġi nazzjonali sal-1 ta’ Mejju 2021 u japplikawha sitt xhur wara. Din hija parti minn aġenda usa’ ta’ governanza, li għandha l-għan li tikseb katina tal-provvista tal-ikel aktar effiċjenti u aktar ġusta, u tinkludi wkoll il-kooperazzjoni tal-produtturi u miżuri biex tissaħħaħ it-trasparenza tas-suq. L-Istrateġija Mill-Għalqa sal-Platt (9) hija mfassla wkoll biex tikkontribwixxi għat-titjib tal-pożizzjoni tal-bdiewa fil-katina tal-provvista tal-ikel.

2.4.

Il-Presidenza Slovena tal-UE talbet lill-KESE jfassal Opinjoni esploratorja dwar il-kisba effettiva tal-objettivi tad-Direttiva fil-prattika, dwar l-aħjar prattiki tal-Istati Membri fir-regolamentazzjoni tal-katina tal-provvista tal-ikel, kif ukoll dwar il-passi meħtieġa biex jiġi żgurat li dan il-proċess ma jitwaqqafx.

3.   Il-pożizzjoni tal-KESE dwar il-prattiki kummerċjali inġusti

3.1.

Fl-Opinjoni tiegħu tal-2018 (10), il-KESE laqa’ l-proposta tal-Kummissjoni (KE) biex titnaqqas l-okkorrenza tal-prattiki kummerċjali inġusti bħala l-ewwel pass meħtieġ sabiex ikunu protetti l-operaturi aktar dgħajfa, partikolarment il-bdiewa, il-ħaddiema u ċerti operaturi, u biex tittejjeb il-governanza fil-katina tal-provvista tal-ikel. Approċċ regolatorju u qafas leġiżlattiv b’mekkaniżmi ta’ infurzar effettivi u robusti huma l-mod kif il-prattiki kummerċjali inġusti jistgħu jiġu indirizzati b’mod effettiv fil-livell tal-UE. Dan ġie mtenni wkoll fl-Opinjoni tal-KESE tal-2020 dwar l-Istrateġija Mill-Għalqa sal-Platt (11).

3.2.

Madankollu, il-KESE ddispjaċieh li l-KE introduċiet biss standard minimu komuni ta’ protezzjoni madwar l-UE bil-projbizzjoni ta’ għadd speċifiku ta’ prattiki kummerċjali inġusti biss. Hemm il-ħtieġa għal projbizzjoni fuq il-prattiki abbużivi kollha.

3.3.

Rigward l-infurzar, il-KESE laqa’ l-proposta tal-KE li jinħoloq qafas armonizzat tal-UE tal-awtoritajiet tal-infurzar.

3.4.

Minbarra li tindirizza l-prattiki kummerċjali inġusti, il-KESE rrakkomanda li l-KE tinkoraġġixxi u tappoġġja mudelli ta’ negozju li jaqdu rwol sabiex jagħmlu l-katina tal-provvista sostenibbli, jibbilanċjawha mill-ġdid u jtejbu l-effiċjenza, sabiex tissaħħaħ il-pożizzjoni ta’ operaturi aktar dgħajfa.

4.   Traspożizzjoni u implimentazzjoni tad-Direttiva dwar prattiki kummerċjali inġusti — qagħda attwali

4.1.

L-Istati Membri bħalissa jinsabu fil-proċess li jittrasponu u jimplimentaw id-Direttiva (12). Il-biċċa l-kbira tal-assoċjazzjonijiet tal-bdiewa, it-trade unions u l-proċessuri tal-ikel iqisu li l-miżuri ppjanati mhumiex biżżejjed biex jipproteġuhom. Madankollu, huma appoġġjaw il-miżuri proposti biex tiġi implimentata d-Direttiva dwar il-prattiki kummerċjali inġusti u saħansitra appellaw għal ambizzjonijiet ogħla, filwaqt li f’xi każijiet il-bejjiegħa bl-imnut esprimew fehmiet diverġenti.

4.2.

Sa Novembru 2021, il-KE se tressaq rapport interim dwar it-traspożizzjoni u l-implimentazzjoni tad-Direttiva u, fl-2025, evalwazzjoni dwar l-effettività tad-Direttiva. Din l-evalwazzjoni se tkun ibbażata fuq ir-rapporti annwali tal-Istati Membri u r-riżultati mill-istħarriġiet tal-KE mmirati lejn il-partijiet ikkonċernati dwar l-istat tal-prattiki kummerċjali inġusti fil-katina tal-provvista tal-ikel (13). Il-KESE jissuġġerixxi li l-Kummissjoni tikkonsulta wkoll max-xerrejja u tiġbor l-esperjenza tagħhom dwar id-Direttiva. Il-mekkaniżmu ta’ kooperazzjoni kif stabbilit mid-Direttiva għandu jipprovdi forum adatt għall-awtoritajiet tal-infurzar u l-Kummissjoni biex jiddiskutu l-effettività tad-Direttiva, abbażi tar-rapporti annwali tal-Istati Membri. Matul dawn il-laqgħat regolari, jistgħu jiġu identifikati l-aħjar prattiki, kif ukoll il-lakuni, u jistgħu jiġu mqabbla l-approċċi tal-Istati Membri.

4.3.

Il-KESE jilqa’ l-fatt li l-Kummissjoni ddeċidiet li tirregola l-prattiki kummerċjali inġusti fil-katina tal-provvista tal-ikel. Madankollu, il-KESE jiddispjaċih li l-Kummissjoni ma ħaditx approċċ armonizzat, li jikkawża frammentazzjoni fis-suq uniku. Minkejja dan, il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon il-fatt li l-Istati Membri qed jittrasponu u jimplimentaw id-Direttiva, b’hekk jiżguraw aktar ġustizzja fil-katina tal-provvista tal-ikel, u jappella għal approċċ aktar armonizzat fil-futur.

5.   Prattiki tajbin fil-proċess ta’ traspożizzjoni/implimentazzjoni

5.1.

Il-KESE jilqa’ l-liġijiet nazzjonali ta’ traspożizzjoni ambizzjużi (minn hawn ’il quddiem imsejħa “prattiki tajba”) li jipprojbixxu xi prattiki kummerċjali inġusti li huma permessi taħt ċerti kundizzjonijiet fid-Direttiva. Pereżempju, il-projbizzjoni fuq ir-ritorn ta’ prodotti mhux mibjugħa lill-fornitur mingħajr ma jitħallsu jew li l-ispiża tal-ħażna tax-xerrej tiġi trasferita lill-fornitur, li ġiet ippromulgata mil-liġi ta’ traspożizzjoni Ġermaniża (14).

5.2.

Il-KESE jilqa’ l-introduzzjoni ta’ artikoli fil-liġijiet ta’ traspożizzjoni li jipprojbixxu x-xiri bi prezz inqas mill-ispiża tal-produzzjoni, inklużi l-operaturi kollha. Dan huwa l-każ fil-liġi Spanjola (15), li, minbarra li tipprojbixxi lill-operaturi kollha milli jixtru bi prezz inqas mill-ispiża tal-produzzjoni, tipprojbixxi l-qerda tal-valur tul il-katina tal-provvista tal-ikel. Bl-istess mod, il-leġiżlatur Taljan ingħata l-mandat biex jindirizza din il-kwistjoni fil-liġi ta’ traspożizzjoni (16). Fil-Ġermanja, il-Parlament Federali Ġermaniż se jwettaq verifika tal-projbizzjoni possibbli ta’ xiri bi prezz inqas mill-ispiża tal-produzzjoni fi ħdan l-evalwazzjoni li se ssir sentejn wara d-dħul fis-seħħ.

5.3.

Dan huwa parti minn pakkett usa’ ta’ inizjattivi promossi mill-Kummissjoni Ewropea, inkluż pereżempju osservatorji tal-prezzijiet tas-suq (17), li huwa essenzjali għall-appoġġ tat-trasparenza u l-ġustizzja fis-settur. Barra minn hekk, jeħtieġ li tissemma wkoll l-importanza tar-reċiproċità fil-kummerċ internazzjonali (18).

5.4.

Il-KESE jilqa’ l-liġijiet li jistabbilixxu ombudsperson għall-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tagħhom. Fi Spanja, twaqqfet aġenzija indipendenti (AICA) biex tissorvelja l-implimentazzjoni tal-liġi, u jeżisti ombudsperson li għandu l-mandat li jinkoraġġixxi kodiċijiet ta’ kondotta volontarji. Fil-Ġermanja, dawk affettwati minn prattiki kummerċjali inġusti se jkunu jistgħu jressqu l-ilmenti anonimi tagħhom quddiem ombudsperson indipendenti, inkluż ir-rappurtar ta’ prattiki inġusti li mhumiex elenkati fil-leġiżlazzjoni. L-ombudsperson se tkun tista’ wkoll tibda investigazzjonijiet u tgħaddi każijiet ta’ ksur lill-Uffiċċju Federali tal-Agrikoltura u l-Ikel (BLE), kif ukoll tissorvelja l-ispejjeż tal-produzzjoni u l-iżviluppi fil-prezzijiet (19).

5.5.

Id-daqs mhuwiex neċessarjament indikatur indirett tas-saħħa fis-suq u, konsegwentement, l-operaturi kummerċjali kollha, kbar u żgħar, għandhom ikunu protetti kontra l-prattiki kummerċjali inġusti. Il-KESE jappella lill-Istati Membri jistabbilixxu liġijiet li jipproteġu l-atturi kummerċjali kollha. Fejn dan il-livell ta’ ambizzjoni ma jintlaħaqx, huwa jirrikonoxxi l-mertu tal-pajjiżi li l-liġijiet tagħhom ikopru atturi akbar tal-inqas f’setturi ewlenin. Fil-Ġermanja, pereżempju, il-limitu ta’ EUR 350 miljun jinżamm għall-kumpaniji agrikoli, tas-sajd u tal-produzzjoni tal-ikel, iżda għal-laħam, il-frott, il-ħaxix u l-prodotti ortikulturali, il-limitu se jiġi stabbilit għal fatturat ta’ EUR 4 biljun, li jirriżulta f’aktar atturi protetti mil-liġi (20). Il-liġi preliminari Belġjana telimina l-“approċċ gradwali” li joffri lill-atturi kummerċjali kollha taħt il-limitu ta’ EUR 350 miljun protezzjoni kontra l-prattiki kummerċjali inġusti irrispettivament mid-daqs tagħhom meta mqabbel max-xerrej. Spanja toffri protezzjoni speċjali għall-produtturi primarji, iżda l-operaturi kollha huma protetti bil-liġi, irrispettivament mid-daqs u/jew il-pożizzjoni tagħhom fis-suq.

5.6.

L-irkanti inversi doppji (21) ġew marbuta ma’ impatti negattivi serji għall-bdiewa (22), li huma de facto mġiegħla jipparteċipaw f’din il-prattika minħabba l-iżbilanċ tal-poter bejn ix-xerrejja u l-bejjiegħa. Il-projbizzjoni tal-irkanti inversi doppji għandha tikkontribwixxi biex jiġu evitati każijiet li fihom il-fornituri jkollhom ibigħu bi prezz inqas mill-ispiża tal-produzzjoni. Għalkemm il-proċess tat-traspożizzjoni tad-Direttiva fl-Italja għadu ma ġiex iffinalizzat, il-KESE qed isegwi b’interess id-diskussjoni li għaddejja bħalissa dwar il-possibbiltà li jiġu pprojbiti l-irkanti inversi doppji fil-pajjiż, fejn il-leġiżlatur ingħata l-mandat biex jindirizza din il-kwistjoni fil-liġi ta’ traspożizzjoni.

5.7.

Il-KESE jqis ukoll bħala prattika tajba l-obbligu li jkun hemm kuntratti bil-miktub għall-operazzjonijiet kollha, u li jiġu inklużi f’bażi tad-data għal aktar trasparenza u kontroll. Il-liġi Spanjola tinkludi tali obbligu b’impatt tajjeb ħafna fuq ir-relazzjonijiet kummerċjali. Il-kuntratt għandu jinkludi kunċetti bħall-kwalità, it-tul ta’ żmien, il-prezz, l-indikatur tal-prezzijiet, in-negozjar mill-ġdid, it-tiġdid u t-terminazzjoni b’avviż.

5.8.

Il-KESE jilqa’ l-klawżola tal-liġi Ġermaniża li tistabbilixxi l-ewwel evalwazzjoni sentejn wara d-dħul fis-seħħ tal-liġi, u l-fatt li, minbarra li jirrevedi l-konformità mal-projbizzjonijiet eżistenti, il-Parlament Federali Ġermaniż jista’ wkoll jespandi l-lista tal-prattiki kummerċjali inġusti pprojbiti (23); jieħu nota wkoll tal-liġi preliminari Belġjana, li tipprevedi l-possibbiltà li l-prattiki kummerċjali inġusti jiżdiedu mal-lista fi kwalunkwe ħin permezz ta’ digriet irjali wara konsultazzjoni mal-partijiet ikkonċernati.

6.   Lakuni identifikati

6.1.

Il-KESE jinsisti li l-prattiki kummerċjali inġusti kollha msemmija mid-Direttiva jista’ jkollhom impatt dannuż fuq l-atturi l-aktar dgħajfa tal-katina, inklużi l-hekk imsejħa “prattiki griżi”. Fornituri aktar dgħajfa jistgħu jħossuhom imġiegħla jiffirmaw ftehim ma’ xerrej aktar b’saħħtu li jkun fih termini kuntrattwali li mhumiex fl-interess tagħhom. Għalkemm il-possibbiltà ta’ “projbizzjoni ġenerali” li tipprojbixxi l-prattiki kummerċjali inġusti kollha ġiet diskussa f’diversi Stati Membri, kien diffiċli li jintlaħaq dan il-livell ta’ ambizzjoni mingħajr l-intervent tal-UE. Bl-istess mod, fl-Opinjoni tiegħu tal-2018, il-KESE appella għal projbizzjoni komprensiva fuq il-prattiki kummerċjali inġusti u għall-possibilità li l-Istati Membri jestendu l-lista tal-prattiki kummerċjali inġusti inizjalment ipprojbiti. Wieħed għad irid jara liema mekkaniżmi ta’ reviżjoni se jintroduċu l-liġijiet ta’ traspożizzjoni.

6.2.

Id-Direttiva tagħti lill-fornituri, lill-organizzazzjonijiet tal-fornituri u lill-organizzazzjonijiet mingħajr skop ta’ qligħ id-dritt li joperaw f’isem il-fornituri d-dritt li jressqu lmenti. Madankollu, il-KESE huwa mħasseb li jista’ jkun hemm avvenimenti li fihom tkun qed isseħħ prattika kummerċjali inġusta illegali, f’każijiet meta parti affettwata (eż. ħaddiem) tikseb informazzjoni rilevanti, iżda l-awtoritajiet tal-infurzar ma jkunux jistgħu jindirizzawha minħabba li ma jkunx hemm ilment formali minn operatur affettwat jew l-organizzazzjoni tiegħu. Peress li jista’ jkun li l-operaturi affetwati joqogħdu lura milli jressqu lmenti, anke meta d-drittijiet tagħhom ma jkunux qed jiġu rispettati, il-KESE jistieden lill-KE timmonitorja mill-qrib u tevalwa sa liema punt il-bidliet jistgħu jkunu meħtieġa biex jipproteġu aħjar il-partijiet l-aktar vulnerabbli li jiddependu mill-operaturi, bħall-ħaddiema, il-bdiewa u s-sajjieda. Id-Direttiva dwar il-prattiki kummerċjali inġusti ma tippresupponix kuntratt bil-miktub. Madankollu, tippresupponi relazzjoni ta’ bejgħ. Għalhekk, il-KESE jenfasizza s-suġġeriment tiegħu li tiġi estiża l-protezzjoni għal każijiet fejn isseħħ prattika kummerċjali inġusta iżda ma jkunx hemm kuntratt (bil-miktub). Il-KESE diġà talab l-introduzzjoni tad-dritt ta’ azzjoni kollettiva (24).

6.3.

L-“approċċ gradwali” tad-Direttiva jimplika li, f’ċerti sitwazzjonijiet, operatur li huwa dgħajjef f’termini ta’ saħħa fis-suq iżda għandu fatturat kbir mhuwiex protett mil-liġi. Dan jintroduċi inċertezza għall-fornituri li mhumiex konxji tal-fatturat annwali tal-imsieħba kummerċjali tagħhom. Il-KESE jistieden lill-KE u lill-Istati Membri tal-UE biex jimmonitorjaw u jindirizzaw il-konsegwenzi negattivi ta’ dan l-“approċċ gradwali” u jikkunsidraw li jipproteġu l-atturi kummerċjali kollha irrispettivament mid-daqs tagħhom.

6.4.

Relazzjonijiet kummerċjali stabbli, bilanċjati u fit-tul bejn l-operaturi tal-katina tal-ikel jistgħu jgħinu lill-bdiewa, li jieħdu perċentwal iżgħar u li dejjem qed jiċkien tal-prezz finali matul iż-żmien, biex jipparteċipaw aktar fil-valur miżjud tal-prodotti. L-aspetti tar-reġjonalità u tal-kwalità jistgħu jżommu l-valur miżjud fir-reġjun meta mqabbel mal-importazzjonijiet ta’ materja prima minn pajjiżi terzi li fil-parti l-kbira tagħhom għandhom standards ta’ produzzjoni aktar baxxi milli fl-UE. Tikkettar aħjar tal-oriġini jwassal għal aktar trasparenza fil-ktajjen tal-provvista tal-ikel.

7.   Vulnerabbiltajiet fil-katina tal-provvista agroalimentari esposti mill-COVID-19

7.1.

B’mod ġenerali, il-katina tal-provvista tal-ikel Ewropea wriet li kienet reżiljenti ferm matul il-kriżi tal-COVID-19. Il-konsumaturi kellhom aċċess f’kull ħin għal kważi l-oġġetti tal-ikel kollha. Minkejja li kienu esposti għar-riskji ta’ infezzjoni, il-ħaddiema fil-katina tal-provvista tal-ikel għamlu biċċa xogħol tajba ħafna. Madankollu, il-COVID-19 taffettwa s-sistema agroalimentari globali kollha. Hija s-sors ta’ xokk simmetriku iżda asinkroniku fuq is-sistemi tal-ikel globali u nazzjonali, li jaffettwa: 1) il-kanali tal-provvista u d-domanda fi żminijiet differenti; 2) l-elementi kollha tas-sistema tal-ikel, mill-produzzjoni primarja sal-ipproċessar tal-ikel, il-bejgħ bl-imnut u s-servizz tal-ikel (HORECA), il-kummerċ internazzjonali u s-sistemi loġistiċi, u d-domanda intermedja u finali; 3) is-swieq tal-fatturi (xogħol u kapital) u oġġetti intermedji tal-produzzjoni. Il-mezzi ta’ trażmissjoni ta’ dawn l-effetti jinkludu bosta fatturi makroekonomiċi (eż. ir-rati tal-kambju, il-prezzijiet tal-enerġija, l-aċċess għas-swieq finanzjarji) u, fuq kollox, it-tnaqqis tal-attività ekonomika aggregata u żieda fil-qgħad.

7.2.

Ir-restrizzjonijiet fuq il-moviment liberu tal-ħaddiema (il-Kummissjoni ħarġet linji gwida dwar persuni b’funzjonijiet essenzjali, eż. ħaddiema staġjonali) minn Stat Membru għal ieħor affettwaw ħafna oqsma tal-produzzjoni u l-ipproċessar tal-ikel (eż. il-ħsad tal-frott u l-ħaxix u l-ipproċessar tal-laħam u tal-ħalib) li jiddependu mix-xogħol ta’ ħaddiema staġjonali minn Stati Membri oħra jew minn pajjiżi terzi. Barra minn hekk, il-ħaddiema migranti spiss jgħixu u jaħdmu f’kundizzjonijiet ħżiena u jinsabu f’riskju ogħla ta’ infezzjoni, kif muri minn tifqigħat fil-biċċeriji u fl-impjanti tal-ipproċessar u l-imballaġġ tal-laħam madwar id-dinja. Dan joħloq kemm problema serja tas-saħħa pubblika kif ukoll interruzzjoni fil-katina tal-provvista tal-ikel.

7.3.

Barra minn hekk, billi fixklet it-trasport tal-ikel minħabba miżuri ta’ konteniment u tfixkil loġistiku, din il-pandemija wasslet ukoll għal protezzjoniżmu li jaffettwa l-importazzjonijiet u l-esportazzjonijiet tal-ikel. Fl-istess ħin, bosta enfasizzaw l-importanza ta’ ikel magħmul reġjonalment fl-UE u l-benefiċċji tradizzjonali ta’ ktajjen tal-provvista qosra u ta’ produzzjoni u kummerċ lokali. Il-ktajjen tal-provvista qosra u l-produzzjoni u l-kummerċ lokali wrew li kienu saħansitra aktar attraenti waqt il-kriżi peress li n-nies bdew ifittxu modi ġodda u aktar diretti biex jixtru l-ikel tagħhom u l-produtturi bdew isibu opportunitajiet ġodda għall-prodotti tagħhom. Madankollu, wieħed mill-aktar aspetti importanti huwa t-twettiq tal-ħtieġa li jitkompla l-kummerċ ġust u sostenibbli fil-livell reġjonali u internazzjonali. Ir-restrizzjonijiet kummerċjali jistgħu jipperikolaw l-istabbiltà, li taffettwa b’mod partikolari lill-popolazzjonijiet b’introjtu baxx.

7.4.

Il-lockdown ġab fi stat prekarju l-qasam tal-ospitalità u parti mill-industrija tal-ikel (eż. is-settur tal-lukandi u r-ristoranti u industriji oħra “barra mid-dar” u s-servizzi tal-konsenja tal-ikel, il-bejjiegħa bl-ingrossa u l-bejjiegħa bl-imnut li jinsabu f’żoni turistiċi), b’konsegwenzi estensivi. Minbarra l-istabbilimenti nfushom, l-interruzzjoni tal-attivitajiet kisret ukoll is-sistema kkonsolidata tal-provvista tal-ikel li minnha kienu jiddependu ħafna bdiewa u fornituri ta’ prodotti agrikoli. Il-fornituri ta’ prodotti friski ntlaqtu b’mod qawwi. L-inbid ta’ kwalità għolja, il-ġobon u l-aqwa qatgħat tal-laħam li normalment jinbiegħu fir-ristoranti ġew sostitwiti bi prodotti standard mixtrija fis-supermarkets u kkunsmati d-dar (FAO, 2020; OECD, 2020). Xi produtturi rreaġixxew billi marru eqreb lejn is-swieq tal-bejgħ bl-imnut jew online, fejn f’tant każijiet sabu kompromessi u ftehimiet tajbin ħafna, iżda ħafna ma setgħux jadattaw u tilfu l-klijenti u l-introjtu. L-agrituriżmu, li spiss jgħin lill-bdiewa jiddiversifikaw is-sorsi tal-introjtu tagħhom, intlaqat ħażin ukoll mir-restrizzjonijiet tal-COVID-19.

7.5.

Il-kriżi tal-COVID-19 aċċellerat b’mod drammatiku l-bidla lejn ix-xiri online u dan jidher li se jkompli. Studju reċenti ta’ McKinsey (25) juri li, fl-2020, ix-xiri online għall-prodotti tal-merċa fl-Ewropa kiber b’55 % u l-bidla hija mistennija li tkompli, u 50 % tal-konsumaturi li użaw kanali online matul il-pandemija għandhom l-intenzjoni li jkomplu jagħmlu dan.

7.6.

L-emerġenza tal-COVID-19 u l-firxa globali rapida tagħha huma xokk kbir għall-UE u għall-ekonomija globali. Ittieħdu miżuri baġitarji, ta’ likwidità u ta’ politika immedjati u komprensivi biex jipprovdu għajnuna lis-setturi l-aktar milquta. L-UE għandha sett ta’ għodod estensiv ta’ miżuri ta’ intervent fis-suq u għadd minnhom ġew attivati waqt il-kriżi tal-COVID-19 biex jappoġġjaw l-introjtu tal-azjendi agrikoli. Madankollu, ir-rispons kien limitat peress li ma kien hemm kważi l-ebda fondi fil-baġit tal-UE biex jiġu ffinanzjati miżuri addizzjonali ta’ emerġenza għall-agrikoltura fl-aħħar sena tal-perjodu baġitarju 2014-2020.

7.7.

Fl-aħħar nett, il-KE nediet Patt Ekoloġiku Ewropew b’implikazzjonijiet ukoll għall-agrikoltura (l-Istrateġija Mill-Għalqa sal-Platt u l-Istrateġija għall-Bijodiversità), u l-pakkett ta’ stimolu NextGenerationEU alloka EUR 7,5 biljun addizzjonali għall-FAEŻR. Il-valutazzjonijiet tal-impatt dwar l-Istrateġija mill-Għalqa sal-Platt huma inkwetanti għall-UE. Madankollu, il-KESE jappella għal appoġġ ta’ politika aktar ibbilanċjat favur is-settur agroalimentari meta mqabbel ma’ xi partijiet oħra tal-ekonomija fejn l-istruttura ekonomika hija ħafna aktar reżiljenti u l-livelli ta’ profittabbiltà huma ħafna ogħla.

8.   Il-passi li jmiss

8.1.

Il-marġni għal manuvra li d-Direttiva tħalli lill-Istati Membri biex jabbozzaw il-liġijiet li jimplimentaw id-Direttiva ppermettew lil kull wieħed minnhom jistabbilixxi leġiżlazzjoni mfassla apposta li tkun adattata sew għall-kuntest nazzjonali tagħhom. Kif issemma qabel, xi Stati Membri żiedu l-livell ta’ ambizzjoni biex ikun ogħla mill-istandards minimi ta’ armonizzazzjoni tad-Direttiva u daħħlu fis-seħħ liġijiet li joffru protezzjoni addizzjonali lill-fornituri tal-UE u lil dawk li mhumiex fl-UE.

8.2.

Filwaqt li huwa mistenni li l-fornituri ta’ Stat Membru partikolari se jkollhom aċċess faċli għall-partikolaritajiet tal-liġi ta’ traspożizzjoni nazzjonali tagħhom (inkluż il-mekkaniżmu tal-ilmenti u l-awtorità kompetenti), dan jista’ ma jkunx il-każ għall-fornituri li jesportaw lejn Stati Membri oħra tal-UE u għall-fornituri mhux tal-UE li jesportaw lejn l-UE. Il-KESE jilqa’ l-isforz ta’ tixrid li għamlet il-KE bil-pubblikazzjoni tal-Fuljett dwar id-Direttiva dwar il-Prattiki Kummerċjali Inġusti (26), iżda jirrimarka li dan id-dokument fih biss informazzjoni relatata mal-istandards minimi ta’ armonizzazzjoni. Sabiex jiġu offruti l-għodod it-tajba għall-esportaturi biex jibbenefikaw mil-liġijiet nazzjonali ta’ traspożizzjoni, il-KESE jistieden lill-KE tiżgura li l-informazzjoni l-aktar rilevanti kollha relatata ma’ kull waħda mil-liġijiet tkun faċilment disponibbli għall-esportaturi.

8.3.

Il-KESE jenfasizza li huwa fl-interess tal-partijiet interessati kollha li d-Direttiva tapplika għal kwalunkwe relazzjoni kummerċjali li fiha tal-inqas ix-xerrej jew il-bejjiegħ ikun kumpanija tal-UE anke meta l-fornitur huwa attur mhux mill-UE. Il-KESE jistieden lill-KE u lis-SEAE biex jieħdu vantaġġ mill-potenzjal ta’ tixrid tad-delegazzjonijiet tal-UE f’pajjiżi terzi biex jipprovdu informazzjoni lill-fornituri mhux tal-UE. Din l-informazzjoni għandha tmur lil hinn mil-linji gwida ġenerali tad-Direttiva u tinkludi informazzjoni prattika dwar il-partikolaritajiet u l-awtoritajiet tal-infurzar tal-Istati Membri.

8.4.

Il-KESE jilqa’ l-idea li l-katina tal-provvista agroalimentari tiġi kkunsidrata bħala ekosistema strateġika għall-irkupru Ewropew, u jappella għal aktar kooperazzjoni fil-katina tal-provvista u djalogu mal-partijiet interessati biex tiġi ffaċilitata t-tranżizzjoni lejn sistemi tal-ikel aktar sostenibbli b’mod li jkun inklużiv kemm jista’ jkun. F’dan ir-rigward, il-KESE jinnota l-importanza, id-diversità u l-iskala tal-inizjattivi li jittieħdu tul il-katina tal-provvista tal-ikel biex tiġi appoġġjata t-tranżizzjoni lejn is-sostenibbiltà billi jsir investiment fl-inkoraġġiment ta’ produzzjoni sostenibbli u lokali.

Brussell, it-22 ta’ Settembru 2021.

Christa SCHWENG

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew


(1)  Opinjoni tal-KESE dwar It-titjib tal-katina tal-provvista tal-ikel (ĠU C 440, 6.12.2018, p. 165).

(2)  Opinjoni tal-KESE dwar Ktajjen tal-provvista agroalimentari iktar ġusti (ĠU C 34, 2.2.2017, p. 130) u Opinjoni tal-KESE dwar It-titjib tal-katina tal-provvista tal-ikel (ĠU C 440, 6.12.2018, p. 165).

(3)  KE, 2014.

(4)  Task Force dwar is-Swieq Agrikoli, 2016.

(5)  Opinjoni tal-KESE dwar It-titjib tal-katina tal-provvista tal-ikel (ĠU C 34, 2.2.2017, p. 130).

(6)  Opinjoni tal-KESE dwar It-titjib tal-katina tal-provvista tal-ikel (ĠU C 440, 6.12.2018, p. 165).

(7)  Komunikazzjoni tal-KE, 2014.

(8)  Id-Direttiva (UE) 2019/633 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' April 2019 dwar prattiki kummerċjali inġusti fir-relazzjonijiet bejn in-negozji fil-katina tal-provvista agrikola u alimentari (ĠU L 111, 25.4.2019, p. 59).

(9)  L-Istrateġija mill-Għalqa sal-Platt.

(10)  Opinjoni tal-KESE dwar It-titjib tal-katina tal-provvista tal-ikel (ĠU C 440, 6.12.2018, p. 165).

(11)  Opinjoni tal-KESE dwar Mill-għalqa sal-platt: strateġija sostenibbli dwar l-ikel (ĠU C 429, 11.12.2020, p. 268).

(12)  Traspożizzjoni nazzjonali mill-Istati Membri.

(13)  Sit web tal-KE.

(14)  Approvazzjoni pendenti fit-tieni kamra, u għalhekk għadha ma ġietx ikkomunikata uffiċjalment lill-KE. Ippjanata għat-28 ta’ Mejju 2021.

(15)  Ley 12/2013, de 2 de agosto, de medidas para mejorar el funcionamiento de la cadena alimentaria [Liġi 12/2013, tat-2 ta’ Awwissu, li għandha l-għan li ssaħħaħ il-funzjonament tal-katina tal-ikel]. Din il-liġi se tiġi emendata minn abbozz ta’ liġi li qed jiġi nnegozjat bħalissa, imsemmi bl-Ispanjol bħala Proyecto de Ley por el que se modifica la Ley 12/2013 de medidas para mejorar el funcionamiento de la cadena alimentaria [Abbozz ta’ liġi li jimmodifika l-Liġi 12/2013 li għandha l-għan li ssaħħaħ il-funzjonament tal-katina tal-ikel].

(16)  Gazzetta Ufficiale della Repubblica Italiana 23.4.2021.

(17)  Osservatorji tas-suq tal-Kummissjoni Ewropea Ara wkoll l-eżempju tal-Programm Franċiż tal-Prezzijiet tas-Settur tal-Ikel u s-Sorveljanza tal-Marġni.

(18)  Opinjoni tal-KESE dwar Il-kompatibbiltà tal-politika kummerċjali tal-UE mal-Patt Ekoloġiku Ewropew (ĠU C 429, 11.12.2020, p. 66).

(19)  Is-sit web tal-BLE.

(20)  Din il-klawżola tapplika biss sa Mejju 2025, u wara dan il-limitu jinżel għal EUR 350 miljun.

(21)  L-irkanti inversi doppji huma mekkaniżmi użati mix-xerrejja biex jippożizzjonaw il-fornituri kontra xulxin f’irkanti online organizzati f’qasir żmien, li fihom jiġu inċentivati joffru l-prodotti tagħhom bl-irħas prezz possibbli.

(22)  Studju ta’ każ mill-Oxfam.

(23)  L-evalwazzjoni għandha tinkludi wkoll ir-riżultati ta’ eżami ta’ projbizzjoni possibbli fuq ix-xiri ta’ prodotti tal-ikel u agrikoli bi prezz inqas mill-ispejjeż tal-produzzjoni tagħhom.

(24)  Opinjoni tal-KESE dwar It-titjib tal-katina tal-provvista tal-ikel (ĠU C 34, 2.2.2017, p. 130).

(25)  https://www.mckinsey.com/industries/retail/our-insights/disruption-and-uncertainty-the-state-of-european-grocery-retail-2021

(26)  Fuljett tal-KE (mhux disponibbli bil-Malti).


Top