Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52021AE1986

    Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar l-Approċċ Globali għar-Riċerka u l-Innovazzjoni — L-istrateġija tal-Ewropa għall-kooperazzjoni internazzjonali f’dinja li qed tinbidel” [COM(2021) 252 final]

    EESC 2021/01986

    ĠU C 105, 4.3.2022, p. 77–80 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    4.3.2022   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 105/77


    Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar l-Approċċ Globali għar-Riċerka u l-Innovazzjoni — L-istrateġija tal-Ewropa għall-kooperazzjoni internazzjonali f’dinja li qed tinbidel”

    [COM(2021) 252 final]

    (2022/C 105/11)

    Relatur:

    Neža REPANŠEK

    Konsultazzjoni

    Kummissjoni Ewropea, 1.7.2021

    Bażi legali

    Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

    Sezzjoni kompetenti

    Sezzjoni għas-Suq Uniku, il-Produzzjoni u l-Konsum

    Adottata fis-sezzjoni

    30.9.2021

    Adottata fil-plenarja

    20.10.2021

    Sessjoni plenarja Nru

    564

    Riżultat tal-votazzjoni

    (favur/kontra/astensjonijiet)

    231/0/4

    1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

    1.1.

    Il-KESE jilqa’ l-impenn tal-UE biex tmexxi u tippreserva t-trasparenza fil-kooperazzjoni internazzjonali fir-riċerka u l-innovazzjoni, filwaqt li tippromovi kundizzjonijiet ekwi u reċiproċità mibnija fuq il-valuri fundamentali.

    1.2.

    Il-KESE jilqa’ l-konklużjonijiet tad-“Dikjarazzjoni ta’ Bonn dwar il-Libertà tar-Riċerka Xjentifika”, adottata fil-Konferenza Ministerjali dwar iż-Żona Ewropea tar-Riċerka (ŻER) f’dik il-belt fl-20 ta’ Ottubru 2020, peress li tirrappreżenta prekundizzjoni għal xenarju dinamiku ta’ riċerka u innovazzjoni li jistinka għall-promozzjoni tal-għarfien u l-benefiċċju tas-soċjetà. Il-KESE jappoġġja l-adozzjoni ta’ dawn il-prinċipji fil-livell internazzjonali fil-futur.

    1.3.

    Il-KESE jqis li hemm bżonn li l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili jiġu involuti aħjar fl-appoġġ lill-istituzzjonijiet tal-UE u lill-Istati Membri biex jiżviluppaw politiki straordinarji u programmi speċjali (mobilità tal-karrieri, attrazzjoni/żamma tar-riċerkaturi, u riżultati ta’ riċerka applikata u ta’ innovazzjoni għall-kultura intraprenditorjali tal-SMEs tal-UE) li kapaċi jisfruttaw il-valur miżjud tal-UE li min-naħa tagħhom jistgħu jikkontribwixxu għal Żona Ewropea tar-Riċerka (1) ambizzjuża għad-deċennju li jmiss. Dan għandu jinvolvi b’mod partikolari li jitqiesu t-tagħlimiet meħuda matul il-pandemija u l-impatt tat-tibdil fil-klima fuq is-soċjetajiet u l-ekonomiji, kif ukoll il-ħtieġa li jiġi żgurat it-trasferiment sħiħ tal-għarfien u t-teknoloġija permezz tat-trasformazzjoni diġitali tar-riċerka. Il-pandemija tat prominenza lill-kooperazzjoni fil-qasam tas-saħħa, fejn l-enfasi trid tkun sabiex il-kura tas-saħħa ssir disponibbli, sabiex issir ħidma biex tittejjeb u tissaħħaħ is-saħħa b’mod f’waqtu, kif ukoll sabiex il-professjonisti tas-saħħa jikkooperaw bejniethom, fejn il-ħidma flimkien tista’ ssib soluzzjonijiet anke għall-problemi tas-saħħa l-aktar kumplessi.

    1.4.

    Il-KESE jixtieq jiġbed l-attenzjoni dwar l-importanza li jissaħħaħ ir-rwol ta’ tmexxija tal-UE fl-appoġġ tas-sħubijiet multilaterali tar-riċerka u l-innovazzjoni biex jitwasslu soluzzjonijiet ġodda għall-isfidi ekoloġiċi, diġitali, tas-saħħa, soċjali u tal-innovazzjoni, filwaqt li jitqies l-impatt attwali tal-COVID-19 fuq is-sistemi tas-saħħa, is-soċjetajiet, il-komunitajiet tan-negozju u l-ekonomija globali usa’ Ewropej.

    1.5.

    Sabiex jingħata kontribut konkret bil-għan ta’ UE aktar b’saħħitha fid-dinja, il-KESE jitlob li l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili jiġu inklużi b’mod adatt fil-livell tal-UE u dak nazzjonali fil-ħidma tal-Kummissjoni Ewropea fil-monitoraġġ tal-azzjonijiet, kif stabbilit fil-Komunikazzjoni tagħha. Fid-dawl tal-forum ippjanat taż-ŻER għat-tranżizzjoni, il-KESE jissuġġerixxi li tiġi ffaċilitata azzjoni konġunta mal-UE u l-istituzzjonijiet nazzjonali permezz ta’ Rapport preliminari tan-Network ta’ Għarfien tas-Soċjetà Ċivili, li għandu jiġi ppreżentat u diskuss f’konferenza internazzjonali li ssir fl-2022.

    2.   Kummenti ġenerali

    2.1.

    L-Approċċ Globali għar-Riċerka u l-Innovazzjoni jippreżenta l-perspettiva tal-Kummissjoni għall-istrateġija tal-Ewropa dwar il-kooperazzjoni internazzjonali fir-riċerka u l-innovazzjoni. L-istrateġija għandha wkoll l-għan li ssaħħaħ is-sħubijiet biex jipprovdu soluzzjonijiet ġodda għall-isfidi ekoloġiċi, diġitali, tas-saħħa, soċjali u tal-innovazzjoni.

    2.2.

    L-istrateġija l-ġdida tibni fuq żewġ objettivi prinċipali. L-ewwel nett, hija timmira għal ambjent ta’ riċerka u innovazzjoni li huwa bbażat fuq regoli u valuri, u li huwa miftuħ ukoll, sabiex jgħin lir-riċerkaturi u lill-innovaturi madwar id-dinja jaħdmu flimkien fi sħubijiet multilaterali u jsibu soluzzjonijiet għall-isfidi globali. It-tieni, għandha l-għan li tiżgura r-reċiproċità u kundizzjonijiet ekwi fil-kooperazzjoni internazzjonali fir-riċerka u l-innovazzjoni.

    2.3.

    L-approċċ globali ġdid jeħtieġ li jiġi implimentat permezz ta’:

    il-modulazzjoni tal-kooperazzjoni bilaterali tal-UE fir-riċerka u l-innovazzjoni biex issir kompatibbli mal-interessi u mal-valuri Ewropej u biex tissaħħaħ l-awtonomija strateġika miftuħa tal-UE;

    il-mobilizzazzjoni tax-xjenza, tat-teknoloġija u tal-innovazzjoni biex jiġi aċċellerat l-iżvilupp sostenibbli u inklużiv, u t-tranżizzjoni lejn soċjetajiet u ekonomiji reżiljenti u bbażati fuq l-għarfien f’pajjiżi b’introjtu baxx u medju;

    it-tnedija ta’ inizjattivi mfassla fuq approċċ ta’ Tim Ewropa, li jikkombinaw azzjonijiet mill-UE, l-istituzzjonijiet finanzjarji u l-Istati Membri biex jisfruttaw l-effettività u l-impatt tal-azzjonijiet.

    2.4.

    Il-Komunikazzjoni sservi wkoll ta’ gwida fl-implimentazzjoni tad-dimensjoni internazzjonali tal-programm il-ġdid tal-UE għar-riċerka u għall-innovazzjoni ċivili, Orizzont Ewropa, u s-sinerġiji tiegħu ma’ programmi oħrajn tal-UE, b’mod partikolari l-Istrument ta’ Viċinat, ta’ Kooperazzjoni għall-Iżvilupp u ta’ Kooperazzjoni Internazzjonali – Ewropa Globali.

    3.   Impenn lejn trasparenza internazzjonali u valuri fundamentali fir-riċerka u l-innovazzjoni

    3.1.

    Sabiex iżomm ir-rwol ta’ tmexxija, il-programm tal-UE għar-riċerka u l-innovazzjoni jeħtieġ jibqa’ miftuħ għad-dinja. Dan ifisser li l-parteċipanti mid-dinja kollha, irrispettivament mill-post tal-istabbiliment jew tar-residenza tagħhom, għandhom ikunu jistgħu jipparteċipaw fi programmi tal-UE bħall-Erasmus+ u l-Orizzont Ewropa. Barra minn hekk, ir-rispett u l-fehim komuni tal-valuri fir-riċerka għandhom jiġu promossi u implimentati aktar fis-sħubijiet internazzjonali kollha.

    3.2.

    B’segwitu għall-Kodiċi ta’ Kondotta Ewropea għall-Integrità tar-Riċerka (2), l-Opinjoni tal-KESE dwar Żona Ewropea tar-Riċerka (ŻER) ġdida għar-riċerka u l-innovazzjoni (3) tenfasizza l-ħtieġa li l-prinċipju tal-integrità xjentifika u etika jiġi inkorporat fl-etika u l-integrità tar-riċerka, sabiex jiġi evitat it-telfien f’termini ta’ saħħa tal-bniedem, flus u falliment xjentifiku. Il-Komunikazzjoni tenfasizza r-rwol tal-UE li tipproteġi l-valuri fundamentali komuni meta tindirizza l-isfidi etiċi u tiżgura l-innovazzjoni teknoloġika ċċentrata fuq il-bniedem.

    3.3.

    Il-libertà akkademika, l-awtonomija istituzzjonali, l-aspetti etiċi u ta’ integrità tar-riċerka, il-fondazzjonijiet empiriċi, l-ugwaljanza bejn il-ġeneri, id-diversità u l-inklużività għandhom jiġu integrati fil-kooperazzjoni internazzjonali fir-riċerka. Il-KESE jaqbel bis-sħiħ mal-importanza tal-bilanċ bejn il-ġeneri u l-ugwaljanza, l-awtonomizzazzjoni taż-żgħażagħ u l-parteċipazzjoni, l-inklużjoni u d-diversità fir-riċerka globali fl-innovazzjoni. Ambjent inklużiv u li jappoġġja r-riċerka, mingħajr interferenza politika, flimkien ma’ opportunitajiet għar-riċerka, għandhom jiġu promossi fil-livelli kollha. Il-KESE jilqa’ l-inizjattiva tal-KE biex tiżviluppa u tippromovi linji gwida dwar kif għandha tiġi indirizzata l-interferenza barranija li fil-mira tagħha jkollha l-organizzazzjonijiet tar-riċerka u l-istituzzjonijiet ta’ edukazzjoni għolja tal-UE.

    3.4.

    L-għan globali tal-UE huwa li tagħmel is-settijiet tad-data FAIR: traċċabbli (Findable), aċċessibbli (Accessible), interoperabbli (Interoperable) u riutilizzabbli (Reusable) fi ħdan il-kunċett ta’ data miftuħa u xjenza miftuħa.

    3.5.

    Huwa importanti li jiġi pprovdut finanzjament prinċipali fil-livell nazzjonali, filwaqt li jiġi żgurat livell adegwat ta’ investiment fir-riċerka u l-iżvilupp li jkun kapaċi jilħaq l-għanijiet stabbiliti fis-settur.

    3.6.

    “Id-Diplomazija dwar ix-Xjenza” tista’ tgħin lill-UE tippreżenta setgħa ta’ persważjoni u ssegwi l-interessi u l-valuri ekonomiċi tagħna b’mod aktar effettiv, tissodisfa d-domanda u l-interess minn pajjiżi msieħba u tiffoka fuq il-kwalitajiet pozittivi tal-UE bħala ċentru tar-riċerka u tal-innovazzjoni. Il-KESE huwa konvint li djalogu soċjali u ċiviku kostruttiv fil-livelli kollha jikkontribwixxi għal diplomazija xjentifika li tirnexxi fil-komunitajiet tagħna.

    4.   Bilanċ ġdid – Lejn kundizzjonijiet ekwi u reċiproċità fir-Riċerka u l-Innovazzjoni

    4.1.

    Permezz tal-politiki u tal-programmi tagħha, l-UE hija katalizzatur ewlieni għall-internazzjonalizzazzjoni fil-qasam tar-riċerka u l-innovazzjoni. Hija kapaċi tinvolvi wkoll sistemi ta’ produzzjoni, u timmobilizza x-xjenza, ir-riċerkaturi żgħażagħ, in-networks interdixxiplinari, it-teknoloġija u l-innovazzjoni biex taċċellera l-iżvilupp sostenibbli u inklużiv, minn naħa waħda, u t-tranżizzjoni lejn soċjetajiet u ekonomiji reżiljenti u bbażati fuq l-għarfien f’pajjiżi bi dħul baxx u medju, min-naħa l-oħra. Il-KESE jenfasizza l-importanza tal-investimenti privati u partikolarment dawk pubbliċi fix-xjenza sabiex jinżamm il-pass ma’ atturi ewlenin globali oħrajn fir-riċerka u l-innovazzjoni, u fl-istess ħin biex jiġu protetti d-drittijiet tal-bniedem u l-valuri fundamentali.

    4.2.

    Atturi xjentifiċi ewlenin oħra issa qed jonfqu aktar mill-UE fuq ix-xjenza f’termini ta’ perċentwal tal-prodott domestiku gross. It-tensjonijiet ġeopolitiċi qed jiżdiedu u d-drittijiet tal-bniedem u l-valuri fundamentali bħal-libertà akkademika qed jiġu kkontestati. Il-libertà akkademika hija sinsla għall-edukazzjoni għolja fl-UE, u għandha tiġi protetta fil-konfront ta’ pajjiżi terzi. Fid-dawl ta’ avvenimenti reċenti, il-KESE jilqa’ u jappoġġja l-appell mill-akkademiċi Ewropej (4) biex tittieħed azzjoni immedjata biex jinħolqu perkorsi legali komplementari mħaffa għar-riċerkaturi u l-akkademiċi f’riskju, inklużi akkademiċi, studenti u atturi tas-soċjetà ċivili mill-Afganistan, speċjalment in-nisa u l-minoranzi etniċi u reliġjużi.

    5.   Nindirizzaw l-isfidi globali flimkien

    5.1.

    Il-KESE jappoġġja bis-sħiħ li ssir enfasi diretta fuq it-“tranżizzjoni doppja u ġusta”, jiġifieri t-Tranżizzjoni Diġitali u l-Patt Ekoloġiku, u fuq il-politiki dwar is-saħħa u dwar l-irkupru fit-tul wara l-COVID-19. L-Ewropa jeħtieġ tikkoopera bejn il-fruntieri fuq skala li qatt ma rajna bħalha qabel biex nitgħallmu kif, flimkien ma’ msieħba oħrajn, niżviluppaw soluzzjonijiet innovattivi ħalli nwettqu tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali ġusti f’konformità mal-għanijiet ta’ żvilupp sostenibbli u biex nippromovu r-reżiljenza, il-prosperità, il-kompetittività tal-Ewropa – b’mod partikolari favur l-SMEs mikro – u nappoġġjaw il-benesseri ekonomiku u soċjali. Minbarra li jrawwem tranżizzjoni lejn ekonomija Ewropea aktar reżiljenti, irkupru inklużiv li jiżgura li l-ebda Ewropew ma jitħalla jibqa’ lura huwa essenzjali fil-proċess ta’ tranżizzjoni lejn ekonomija Ewropea sostenibbli u li fl-istess ħin joħloq opportunitajiet ġodda għall-ħaddiema. L-innovazzjoni soċjali tista’ taqdi wkoll rwol importanti f’dawk il-proċessi.

    5.2.

    It-trasparenza reċiproka, l-iskambju liberu ta’ ideat u l-ħolqien konġunt ta’ soluzzjonijiet huma essenzjali għall-insegwiment u l-promozzjoni ta’ għarfien fundamentali. Dawn huma komponenti ewlenin ta’ ekosistema tal-innovazzjoni vibranti, minħabba li l-ftuħ fil-kooperazzjoni, li jikkaratterizza l-azzjoni tal-UE, qed iseħħ f’ambjent globali ttrasformat.

    5.3.

    Il-mobilizzazzjoni tar-riċerkaturi u tal-innovaturi tad-dinja se tkun kruċjali għall-benesseri taċ-ċittadini u tal-ġenerazzjonijiet futuri. Kif deher mill-pandemija globali reċenti, it-tisħiħ tal-kooperazzjoni internazzjonali dwar kwistjonijiet bħas-saħħa globali, jgħinna niksbu innovazzjonijiet rivoluzzjonarji. L-UE jeħtieġ li tappoġġja l-objettivi tagħha ta’ awtonomija strateġika miftuħa billi, b’mod parallel, timmodula l-kooperazzjoni bilaterali tagħha ma’ pajjiżi terzi f’ċerti oqsma (5).

    5.4.

    B’rispons għax-xejriet globali attwali, l-UE għandha tmexxi bl-eżempju, billi tippromovi multilateraliżmu bbażat fuq ir-regoli. L-ordni multilaterali jeħtieġ li jingħata spinta ġdida biex isir adatt għall-iskop tiegħu sabiex ikun jista’ jindirizza l-isfidi globali, u jwieġeb għat-talbiet dejjem akbar taċ-ċittadini għal trasparenza, kwalità u inklużività. L-UE għandha tippromovi wkoll il-modernizzazzjoni ambizzjuża tal-istituzzjonijiet internazzjonali multilaterali ewlenin, filwaqt li ssegwi pjan direzzjonali kondiviż għal ftuħ reċiproku fil-kooperazzjoni fir-riċerka u l-innovazzjoni sabiex tiffaċilita rispons globali għall-isfidi globali u tiskambja l-aħjar prattiki.

    5.5.

    L-UE jeħtieġ taqdi rwol ewlieni bħala dik li tistabbilixxi l-istandards globali u jenħtieġ li dan il-proċess jiġi promoss ukoll permezz ta’ rwol akbar fil-kooperazzjoni internazzjonali dwar riċerka prenormattiva u ta’ standardizzazzjoni li tkun “favur l-SMEs”. Il-KESE jenfasizza l-importanza ta’ miżuri ta’ appoġġ għall-SMEs fl-oqsma kollha tal-protezzjoni tad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali.

    5.6.

    Il-KESE jappoġġja bis-sħiħ il-pjan ta’ azzjoni dwar il-proprjetà intellettwali (6) bħala approċċ tajjeb ħafna u olistiku għall-immodernizzar tas-sistema tal-proprjetà intellettwali tal-UE. It-tnedija tas-Sistema tal-Privattiva Unitarja jeħtieġ li tkun prijorità ewlenija u ser issaħħaħ b’mod konsiderevoli l-kompetittività tal-kumpaniji tal-UE.

    5.7.

    Ċerti pajjiżi qegħdin ifittxu dejjem aktar tmexxija teknoloġika permezz ta’ miżuri diskriminatorji, u ta’ spiss jużaw ir-riċerka u l-innovazzjoni bħala għodda għall-influwenza globali u għall-kontroll soċjali. Għandhom jissaħħu l-prosperità u l-kompetittività ekonomika tal-UE, iżda anke l-kapaċità tagħha li tagħmel għad-dispożizzjoni b’mod awtonomu taċ-ċittadini tagħha u li tipprovdilhom teknoloġiji u servizzi kruċjali li huma sikuri u siguri. L-UE għandha tmexxi l-iżvilupp ta’ normi globali ġodda, standards internazzjonali u oqfsa ta’ kooperazzjoni f’oqsma bħal dak diġitali, inkluża l-intelliġenza artifiċjali u teknoloġiji ġodda oħra. Il-kwalitajiet pożittivi demokratiċi u regolatorji tal-UE huma assi biex jgħinu fil-bini ta’ dinja aħjar, filwaqt li l-kredibbiltà tagħha bħala attur tal-paċi u l-istrutturi tas-sigurtà u d-difiża tagħha jistgħu jgħinu biex jappoġġjaw l-isforzi multilaterali biex il-paċi tinżamm, tingħata sostenn u tinbena.

    5.8.

    Il-KESE ilu fuq quddiem fit-tmexxija tad-dibattitu dwar l-intelliġenza artifiċjali (IA) sa mill-ewwel Opinjoni tiegħu dwar is-suġġett fl-2017 (7), u ppubblika għadd ta’ Opinjonijiet dwar is-suġġett matul dawn l-aħħar snin (8). Huwa ilu jippromovi approċċ ta’ “human-in-command” għall-IA, fejn il-bnedmin jibqa’ jkollhom f’idejhom it-tmexxija tal-IA f’sens tekniku, u jżommu wkoll il-kapaċità li jiddeċiedu jekk, meta u kif jużawha fis-soċjetà tagħna inġenerali. Barra dan jeħtieġ tingħata attenzjoni dwar l-impatt tal-IA fuq l-impjiegi, l-importanza li jinstab bilanċ tajjeb bejn ir-regolamentazzjoni, l-awtoregolamentazzjoni u l-gwida etika, u l-impatt tal-IA fuq il-konsumaturi, fost oħrajn. Il-KESE bħalissa qed jabbozza l-Opinjoni formali tiegħu dwar il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea għal Att dwar l-Intelliġenza Artifiċjali (9).

    5.9.

    Il-kapaċità tal-UE li tkun attur globali hija żgurata wkoll permezz tal-konsistenza bejn l-azzjonijiet esterni tal-UE u l-politiki interni f’kull Stat Membru. Vuċi tal-UE magħquda u koerenti hija essenzjali biex jiġu stabilizzati s-sħubijiet u l-alleanzi tagħna ma’ pajjiżi terzi, biex jingħata appoġġ lill-organizzazzjonijiet multilaterali u reġjonali, u biex jiġi nnegozjat approċċ ibbażat aktar fuq l-interessi għall-beni pubbliċi globali.

    Brussell, l-20 ta’ Ottubru 2021.

    Christa SCHWENG

    Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew


    (1)  Nota tal-Presidenza lill-Kunsill – It-tiġdid taż-Żona Ewropea tar-Riċerka – kif għandha titħejja t-tnedija ta’ ŻER ambizzjuża li tkun adattata għall-għaxar snin li ġejjin? u Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar iż-Żona Ewropea tar-Riċerka l-Ġdida – stqarrija għall-istampa, 1 ta’ Diċembru 2020.

    (2)  The European Code of Conduct for Research Integrity, www.allea.org [accessed 6 June 2021].

    (3)  L-Opinjoni tal-KESE dwar A new European Research Area (ERA) for Research and Innovation (ĠU C 220, 9.6.2021, p. 79).

    (4)  https://www.scholarsatrisk.org/2021/08/urgent-appeal-to-european-governments-and-eu-institutions-take-action-for-afghanistans-scholars-researchers-and-civil-society-actors/

    (5)  L-integrazzjoni tal-kooperazzjoni mal-pajjiżi tal-EFTA, il-Balkani tal-Punent, it-Turkija, il-pajjiżi koperti mill-Politika Ewropea tal-Viċinat u r-Renju Unit, l-approfondiment tas-sħubijiet tal-UE mal-Afrika, l-Amerika Latina u reġjuni oħrajn eċċ.

    (6)  Opinjoni tal-KESE dwar “Pjan ta’ azzjoni dwar il-proprjetà intellettwali” (ĠU C 286, 16.7.2021, p. 59).

    (7)  ĠU C 288, 31.8.2017, p. 1.

    (8)  ĠU C 440, 6.12.2018, p.1; ĠU C 440, 6.12.2018, p.51; ĠU C 240, 16.7.2019, p. 51; ĠU C 47, 11.2.2020, p. 64; ĠU C 364, 28.10.2020, p. 87.

    (9)  INT/940 – Regolament dwar l-intelliġenza artifiċjali (ĠU C 517, 22.12.2021, p. 61).


    Top