Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52020XC1208(02)

    Avviż ta’ informazzjoni dwar it-terminazzjoni tad-démarches ma’ pajjiż terz innotifikat fil-21 ta’ April 2016 dwar il-possibbiltà li jiġi identifikat bħala pajjiż terz li ma jikkooperax skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1005/2008 li jistabbilixxi sistema Komunitarja sabiex tipprevjeni, tiskoraġġixxi u telimina sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat 2020/C 424/04

    C/2020/8330

    ĠU C 424, 8.12.2020, p. 29–29 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    8.12.2020   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 424/29


    Avviż ta’ informazzjoni dwar it-terminazzjoni tad-démarches ma’ pajjiż terz innotifikat fil-21 ta’ April 2016 dwar il-possibbiltà li jiġi identifikat bħala pajjiż terz li ma jikkooperax skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1005/2008 li jistabbilixxi sistema Komunitarja sabiex tipprevjeni, tiskoraġġixxi u telimina sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat

    (2020/C 424/04)

    Il-Kummissjoni Ewropea (il-Kummissjoni) temmet id-démarches ma’ Kiribati fil-ġlieda kontra s-sajd IUU mibdija fil-21 ta’ April 2016 bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C/2016/2254 (1) dwar in-notifika lil Kiribati li l-Kummissjoni qed tqis il-possibbiltà li Kiribati jiġi identifikat bħala pajjiż terz li ma jikkooperax skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1005/2008 li jistabbilixxi sistema Komunitarja sabiex tipprevjeni, tiskoraġġixxi u telimina sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat (ir-Regolament IUU).

    1.   Qafas ġuridiku

    Skont l-Artikolu 32 tar-Regolament IUU, jenħtieġ li l-Kummissjoni tinnotifika lill-pajjiżi terzi bil-possibbiltà li jiġu identifikati bħala pajjiżi li ma jikkooperawx. Din in-notifika hija ta’ natura preliminari. In-notifika tal-pajjiżi terzi bil-possibbiltà li jiġu identifikati bħala pajjiżi li ma jikkooperawx hija bbażata fuq il-kriterji stipulati fl-Artikolu 31 tar-Regolament IUU.

    Jenħtieġ li l-Kummissjoni tieħu d-démarches kollha stipulati fl-Artikolu 32 fir-rigward ta’ dawk il-pajjiżi. B’mod partikolari, fin-notifika l-Kummissjoni għandha tinkludi l-informazzjoni dwar il-fatti u l-kunsiderazzjonijiet essenzjali ta’ din l-identifikazzjoni, l-opportunità lil dawk il-pajjiżi biex iwieġbu u jipprovdu evidenza li tikkontradixxi l-identifikazzjoni jew, fejn xieraq, pjan ta’ azzjoni għat-titjib u l-miżuri meħuda biex tiġi rrettifikata s-sitwazzjoni.

    Il-Kummissjoni għandha tagħti żmien xieraq lill-pajjiżi terzi kkonċernati sabiex iwieġbu għan-notifika u żmien raġenevoli biex jirrimedjaw is-sitwazzjoni.

    2.   Proċedura

    Fil-21 ta’ April 2016, il-Kummissjoni Ewropea nnotifikat lil Kiribati bil-possibbiltà li jiġi identifikat bħala pajjiż terz li ma jikkooperax fil-ġlieda kontra s-sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat (IUU).

    Il-Kummissjoni saħqet li, sabiex ma jiġix identifikat bħala pajjiż li ma jikkooperax, Kiribati kien mistieden jikkoopera mal-Kummissjoni fuq il-bażi ta’ proposta ta’ pjan ta’ azzjoni biex jiġu rrettifikati n-nuqqasijiet identifikati.

    Il-Kummissjoni fetħet proċess ta’ djalogu ma’ Kiribati. Dan il-pajjiż ippreżenta kummenti orali u bil-miktub li ġew ikkunsidrati u tqiesu mill-Kummissjoni. Il-Kummissjoni kompliet tfittex u tivverifika l-informazzjoni kollha li qieset meħtieġa.

    Kiribati introduċa l-miżuri meħtieġa għall-waqfien tal-attivitajiet tas-sajd IUU msemmija u l-prevenzjoni ta’ kull attività futura bħal din, u rrettifika kull att jew ommissjoni li wasslu għan-notifika tal-possibbiltà li jiġi identifikat bħala pajjiż li ma jikkooperax fil-ġlieda kontra s-sajd IUU.

    3.   Konklużjoni

    Għaldaqstant, fiċ-ċirkostanzi partikolari u wara li ġew eżaminati l-kunsiderazzjonijiet imsemmija hawn fuq, il-Kummissjoni tikkonkludi li d-démarches fil-konfront ta’ Kiribati skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 32 tar-Regolament IUU fir-rigward tal-eżerċizzju tad-dmirijiet imposti fuqu skont il-liġi internazzjonali bħala Stat tal-bandiera, tal-port, kostali jew tas-suq, u l-azzjonijiet tiegħu biex jipprevjeni, jiskoraġġixxi u jelimina s-sajd IUU, huma b’dan itterminati. L-awtoritajiet kompetenti rilevanti ġew infurmati uffiċjalment mill-Kummissjoni.

    It-terminazzjoni tad-démarches msemmija hawn fuq ma tipprekludix lill-Kummissjoni jew lill-Kunsill milli jieħdu passi sussegwenti fil-futur, f’każ li l-elementi fattwali juru li l-pajjiż jonqos milli jaqdi d-dmirijiet imposti fuqu skont il-liġi internazzjonali bħala Stat tal-bandiera, tal-port, kostali jew tas-suq, u milli jieħu azzjoni biex jipprevjeni, jiskoraġġixxi u jelimina s-sajd IUU.


    (1)  https://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/PDF/?uri=CELEX:32016D0423(01)&from=MT


    Top