Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52020XC0923(01)

Pubblikazzjoni ta’ applikazzjoni għall-approvazzjoni ta’ emenda mhux minuri fl-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott, skont l-Artikolu 50(2)(a) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel 2020/C 315/03

C/2020/6481

ĠU C 315, 23.9.2020, p. 3–13 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

23.9.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 315/3


Pubblikazzjoni ta’ applikazzjoni għall-approvazzjoni ta’ emenda mhux minuri fl-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott, skont l-Artikolu 50(2)(a) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel

(2020/C 315/03)

Din il-pubblikazzjoni tikkonferixxi d-dritt ta’ oppożizzjoni għall-applikazzjoni għal emenda skont l-Artikolu 51 tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1) fi żmien tliet xhur mid-data ta’ din il-pubblikazzjoni.

APPLIKAZZJONI GĦALL-APPROVAZZJONI TA’ EMENDA FL-ISPEĊIFIKAZZJONI TA’ PRODOTT TA’ DENOMINAZZJONIJIET TA’ ORIĠINI PROTETTI JEW TA’ INDIKAZZJONIJIET ĠEOGRAFIĊI PROTETTI LI MHUX MINURI

Applikazzjoni għall-approvazzjoni ta’ emenda skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 53(2) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012

“QUEIJOS DA BEIRA BAIXA (QUEIJO DE CASTELO BRANCO, QUEIJO AMARELO DA BEIRA BAIXA, QUEIJO PICANTE DA BEIRA BAIXA)”

Nru tal-UE: PDO-PT-0214-AM02 – 15.2.2018

DOP (X) IĠP ()

1.   Grupp applikant u interess leġittimu

Grupp applikant

Associação de Produtores de Queijo do Distrito de Castelo Branco

Interess leġittimu

Il-grupp ta’ produtturi magħmul mill-operaturi tal-“Queijo da Beira Baixa” (produtturi u proċessuri) għandu interess leġittimu li jippreżenta din l-applikazzjoni għal emenda. L-“Associação de Produtores de Queijo do Distrito de Castelo Branco” huwa l-grupp ta’ produtturi li kien responsabbli għall-applikazzjoni inizjali għar-reġistrazzjoni.

Isem il-grupp

Associação de Produtores de Queijo do Distrito de Castelo Branco

Tip ta’ grupp

Aktar minn persuna waħda

Parteċipanti

Produttur(i), Proċessur(i)

Indirizz

Parque Industrial, Lote 5

6060-182 Idanha-a-Nova

Pajjiż

Il-Portugall

Tel.

+351 277200235

Posta elettronika:

queijosbeirabaixa@gmail.com

2.   Stat Membru jew Pajjiż Terz

Il-Portugall

3.   Intestatura fl-ispeċifikazzjoni tal-prodott affettwata mill-emenda

Isem il-prodott

Deskrizzjoni tal-prodott

Żona ġeografika

Prova tal-oriġini

Metodu ta’ produzzjoni

Rabta

Tikkettar

Oħrajn

4.   Tip ta’ emenda/i

Emenda għall-ispeċifikazzjoni tal-prodott ta’ DOP jew IĠP irreġistrata li ma għandhiex tikkwalifika bħala minuri skont it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 53(2) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012

Emenda għall-Ispeċifikazzjoni tal-prodott ta’ DOP jew IĠP irreġistrata li għaliha ma jkun ġie rreġistrat l-ebda Dokument Uniku (jew ekwivalenti) u li ma għandhiex tikkwalifika bħala minuri skont it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 53(2) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012

5.   Emendi

5.1.   Isem il-prodott

Emenda għall-ispeċifikazzjoni tal-prodott ta’ denominazzjoni ta’ oriġini protetta li għaliha ma ġie ppubblikat l-ebda Dokument Uniku (jew l-ekwivalenti) u li qiegħda tiġi ppubblikata għall-ewwel darba.

L-isem “Queijos da Beira Baixa (Queijo de Castelo Branco, Queijo Amarelo da Beira Baixa, Queijo Picante da Beira Baixa)” qiegħed jiġi emendat għal “Queijo da Beira Baixa”.

L-iskop tal-emenda li għaliha saret l-applikazzjoni huwa li ġġib l-isem irreġistrat “Queijos da Beira Baixa (Queijo de Castelo Branco, Queijo Amarelo da Beira Baixa, Queijo Picante da Beira Baixa)” konformi mal-Ispeċifikazzjoni tiegħu li ssemmi reġjun demarkat wieħed għall-produzzjoni tal-ġobon “Beira Baixa”, ikkaratterizzat minn fatturi storiċi, reputazzjonali u speċifiċi tal-ħamrija u tal-klima u tal-bniedem, u tliet tipi ta’ ġobon li jintgħarfu mill-karatteristiċi tagħhom u li huma marbutin mill-qrib maż-żona ġeografika demarkata: Beira Baixa.

Madankollu, ir-reġistrazzjoni fl-1996 tal-“Queijos da Beira Baixa (Queijo de Castelo Branco, Queijo Amarelo da Beira Baixa, Queijo Picante da Beira Baixa)” tinkludi tliet tipi ta’ ġobon, u dawn l-indikazzjonijiet jirriżultaw individwalment fl-Ispeċifikazzjonijiet li jservu ta’ bażi għar-reġistrazzjoni inizjali, b’mod partikolari fid-Digriet Regolatorju Nru 22/88 tal-25 ta’ Mejju 1988, li joħloq ir-reġjun demarkat ta’ Beira Baixa u li jiddefinixxi l-metodi għall-kisba tal-Queijo de Castelo Branco, il-Queijo Amarelo da Beira Baixa u l-Queijo Picante da Beira Baixa.

Għal din ir-raġuni, minħabba li l-Queijo de Castelo Branco, il-Queijo Amarelo da Beira Baixa u l-Queijo Picante da Beira Baixa huma tipi ta’ ġobniet minn Beira Baixa, l-isem “Queijos da Beira Baixa (Queijo de Castelo Branco, Queijo Amarelo da Beira Baixa, Queijo Picante da Beira Baixa) DOP” qiegħed jinbidel għal “Queijo da Beira Baixa DOP”.

5.2.   Deskrizzjoni tal-prodott

1.

Għalkemm mhux iddikjarat fl-ispeċifikazzjoni oriġinali, issa ġie stipulat li jista’ jintuża biss ħalib mhux ipproċessat mir-razza tan-nagħaġ Merino jew minn razez oħra ta’ nagħaġ li huma adattati sew għar-reġjun, jew mir-razza tal-mogħoż Charnequeiro jew minn razez oħra ta’ mogħoż li huma adattati sew għar-reġjun, minħabba li dan huwa fattur deċiżiv għall-karatteristiċi tal-prodott, skont id-deskrizzjoni tal-prodott u r-rabta maż-żona ġeografika.

“Id-DOP “Queijo da Beira Baixa” huwa l-isem mogħti lill-ġobniet tat-tip Amarelo, Castelo Branco u Picante.

It-tip ta’ ġobon Castelo Branco jsir mit-tneħħija tal-ilma bil-mod mill-baqtiet wara l-koagulazzjoni tal-ħalib mhux ipproċessat li jinkiseb biss mir-razza tan-nagħaġ Merino jew minn razez oħra ta’ nagħaġ li huma adattati għar-reġjun, bi preparat tal-qaqoċċ salvaġġ (Cynara cardunculus L.).

It-tipi Amarelo u Picante jsiru mit-tneħħija tal-ilma bil-mod mill-baqtiet tal-ħalib mhux ipproċessat wara l-koagulazzjoni ta’ ħalib pur jew ta’ taħlita ta’ ħalib miksub mir-razez tan-nagħaġ Merino jew nagħaġ ieħor u ta’ ħalib mhux ipproċessat mir-razza tal-mogħoż Charnequeiro jew minn razez oħra ta’ mogħoż li huma adattati għar-reġjun, bit-tames tal-annimali.

2.

Għalkemm mhux iddikjarat fl-ispeċifikazzjoni oriġinali, l-emendi t’hawn taħt huma maħsuba li jissodisfaw il-ħtiġijiet ġodda tas-suq mingħajr ma jibdlu l-karatteristiċi speċifiċi tal-prodott li jagħmluh uniku. Dawn il-bidliet huma ġġustifikati wkoll minn bidliet fid-drawwiet tal-konsumatur, b’mod partikolari fir-rigward ta’ ġobniet ta’ daqs żgħir b’kapaċità akbar ta’ durabbiltà u preservazzjoni. Għalhekk:

a.

Ġiet introdotta deskrizzjoni għall-prodott “Queijo da Beira Baixa” tat-tipi Castelo Branco “Velho” u Queijo Amarelo “Velho”, li tapplika għal prodotti li huma ppreservati jew immaturati għal perjodu ta’ aktar minn 90 ġurnata. F’dawn il-kundizzjonijiet, il-kwalifikatur “Velho” jiżdied mal-indikazzjonijiet għat-tipi Castelo Branco u Amarelo.

Żdied il-paragrafu li ġej:

“Fejn il-perjodu ta’ preservazzjoni jkun ta’ aktar minn 90 ġurnata, il-kwalifikatur “Velho” jiżdied mal-indikazzjoni għat-tipi Amarelo u Castelo Branco.”

b.

Qiegħda tiġi introdotta l-possibbiltà li l-prodott “Queijo da Beira Barra” jiġi kkummerċjalizzat f’porzjonijiet, minħabba li dan jippermetti lill-konsumaturi jixtru porzjonijiet iżgħar li huma aktar adattati għall-aspettattivi u l-ħtiġijiet tagħhom.

Żdied il-paragrafu li ġej:

“Il-“Queijo da Beira Baixa” jiġi kkummerċjalizzat sħiħ jew f’porzjonijiet.”

c.

Żewġ forom ta’ preżentazzjoni huma stabbiliti, għat-tipi Castelo Branco (Velho) u Amarelo (Velho) b’perjodu minimu ta’ preservazzjoni jew maturazzjoni ta’ 90 ġurnata. Jintużaw pejst tal-paprika u żejt taż-żebbuġa verġni biex tinkesa l-qoxra tal-ġobon u dan jagħtiha kulur oranġjo jew aħmar. Dan jinkiseb billi l-ġobon jiġi mgħaddas f’kontenituri biż-żejt taż-żebbuġa.

Żdied il-paragrafu li ġej:

“Il-Queijo da Beira Baixa tat-tipi Amarelo (Velho) u Castelo Branco (Velho) jistgħu jiġu wkoll, b’mod fakultattiv, ikkummerċjalizzati mgħaddsa f’kontenituri biż-żejt taż-żebbuġa jew miksija b’pejst tal-paprika u biż-żejt taż-żebbuġa verġni.”

L-inklużjoni tat-tipi ta’ ġobniet “velho” (immaturati) u tal-forom ta’ preżentazzjoni msemmija hawn fuq hija ġġustifikata minn domanda dejjem tikber u mill-ħajra tal-konsumaturi għal togħmiet ġodda u għalhekk mill-ħtieġa li l-produtturi jissodisfaw l-aspettattivi tal-konsumaturi għal firxa usa’ ta’ prodotti. Dawn it-tekniki ilhom jintużaw lokalment għal żmien twil bl-għan li jiżdiedu l-ħajja fuq l-ixkaffa u d-durabbiltà tal-ġobon. Fiż-żewġ każijiet, it-togħma ewlenija tal-ġobon tiġi ppreservata, minħabba li l-karatteristiċi intrinsiċi tiegħu jirriżultaw mit-tip ta’ ħalib użat u mill-mezz ta’ manifattura li bażikament jibqgħu l-istess.

5.3.   Żona ġeografika

Iż-żona ġeografika demarkata issa tkopri:

il-muniċipalitajiet u l-kwartieri stabbiliti fir-reġistrazzjoni inizjali definita fid-Digriet Regolatorju Nru 22/88 tat-28 ta’ Mejju 1988 bħala ż-“Żona Ddefinita għall-Queijos da Beira Baixa” li magħha żdiedu l-postijiet li ġejjin:

il-muniċipalità ta’ Mação

żdiedu l-kwartieri ta’ Coutada, Canhoso u Sarzedoo li jappartjenu għall-muniċipalità ta’ Covilhã.

Ir-raġuni għaż-żieda ta’ Mação hija li minkejja s-sitwazzjoni tagħha fil-fruntieri tar-reġjun naturali ta’ Beira Baixa, din kienet ġiet eskluża bi żball miż-żona ġeografika ddefinita fiż-żmien tar-reġistrazzjoni inizjali.

Coutada, Canhoso u Sarzed żdiedu minħabba riorganizzazzjoni amministrattiva li ma taffettwax iż-żona ġeografika fiha nfisha (il-Liġi Nru 11-A/2013 tat-28 ta’ Jannar 2013, li tikkonforma mal-obbligu tar-riorganizzazzjoni amministrattiva tat-territorju tal-kwartieri skont il-Liġi Nru 22/2012 tat-30 ta’ Mejju 2012 li tapprova l-qafas legali għar-riorganizzazzjoni amministrattiva u tiddetermina l-ġurisdizzjoni territorjali għall-kwartieri maħluqa mill-aggregazzjoni).

5.4.   Metodu ta’ produzzjoni

1.

Għalkemm ma kien hemm l-ebda referenza minn qabel għal dan fl-ispeċifikazzjoni oriġinali, qiegħda tingħata spjegazzjoni dwar il-varjazzjonijiet li jeżistu għat-tipi ta’ ġobon “velho”.

Iddaħħal dan il-paragrafu:

“Il-ġobniet tat-tip “velho” jistgħu jiġu wkoll ikkummerċjalizzati mgħaddsa f’kontenituri biż-żejt taż-żebbuġa jew miksija b’pejst tal-paprika u biż-żejt taż-żebbuġa. Dawn il-ġobniet jitħejjew billi l-qoxra u l-wiċċ kollu tal-ġobon ippreservat jinksew b’pejst tal-paprika u biż-żejt taż-żebbuġa ffurmati billi jitħalltu dawn iż-żewġ ingredjenti flimkien u billi l-ġobon jiġi mgħaddas fiż-żejt taż-żebbuġa verġni, rispettivament.”

2.

Għalkemm mhux iddikjarat fl-ispeċifikazzjoni oriġinali, minħabba li l-veġetazzjoni spontanja mhijiex dejjem biżżejjed biex tissodisfa l-ħtiġijiet tal-merħliet, issa se jkun possibbli li jintużaw supplimenti bħat-tiben u l-ħuxlief magħmula fiż-żona ġeografika demarkata minn bdiewa tan-nagħaġ u tal-mogħoż minn għelejjel tal-foraġġ miżrugħa fil-ħarifa jew fix-xitwa (ħafur, ġulbiena, segala, lupin isfar u għelejjel oħra tal-foraġġ imħallta) u minn għelejjel tal-foraġġ miżrugħa fir-rebbiegħa (qamħirrun, sorgu u għelejjel oħra tal-foraġġ imħallta) imkabbra fiż-żona ġeografika demarkata.

Żdied il-paragrafu li ġej:

“L-għalf kollu pprovdut lill-annimali għandu jiġi miż-żona ġeografika. Huwa biss fi żminijiet ta’ skarsezza (minħabba kundizzjonijiet meteoroloġiċi eċċezzjonali, tifqigħat ta’ mard infettiv, kontaminazzjoni minn sustanzi tossiċi jew nirien) li jkun possibbli li wieħed jirrikorri għal għalf minn reġjuni oħra, sakemm dan ma jammontax għal aktar minn 50 % tal-materja niexfa fuq bażi annwali. Dan l-għalf ikun l-istess u għandu l-istess kompożizzjoni bħall-għalf miż-żona ġeografika, sabiex il-karatteristiċi tal-prodott ma jiġux affettwati.”

3.

Il-formulazzjoni fl-Anness II [sic] għall-ispeċifikazzjoni inizjali dwar il-kundizzjonijiet għall-kisba u l-aċċettazzjoni tal-ħalib ġiet emendata biex tinkludi spjegazzjoni tal-kundizzjonijiet li fihom il-ħalib għandu jiġi estratt, miġbur u ttrasportat, kif ukoll dettalji tal-operazzjonijiet involuti fl-istadju tal-manifattura, b’mod partikolari dawk li jiddeterminaw li l-prodott għandu jsir skont id-deskrizzjoni pprovduta.

Żdied il-paragrafu li ġej:

“Il-kundizzjonijiet tal-iġjene għall-ħlib tan-nagħaġ u l-mogħoż li l-ħalib tagħhom jintuża għall-produzzjoni tal-“Queijo da Beira Baixa” huma dawn li ġejjin:

(a)

L-annimali għandhom jiġu identifikati u għandhom jinżammu nodfa u f’kundizzjonijiet tajba;

(b)

M’għandu jitħalla jsir l-ebda xogħol li jista’ jipperikola l-kwalità tal-ħalib;

(c)

Qabel jibda l-ħlib, il-beżżul, id-driegħ u ż-żoni tal-madwar għandhom ikunu nodfa;

(d)

In-nagħaġ bi ġrieħi viżibbli fuq driegħhom għandhom jinħalbu l-aħħar, jew separatament u l-ħalib tagħhom għandu jiġi rrifjutat;

(e)

Il-persunal inkarigat mill-ħlib u mill-immaniġġjar tal-ħalib għandu juża l-ilbies tal-ħlib xieraq li jrid ikun nadif;

(f)

Dawk li jaħilbu għandhom jaħslu jdejhom qabel ma jibdew jaħilbu u jżommuhom nodfa kemm jista’ jkun waqt l-operazzjoni;

(g)

Wara l-ħlib, il-ħalib għandu jinħażen fil-kamra tal-ħalib jew f’faċilità xierqa. Jekk ma jinġabarx fi żmien is-sagħtejn li jkun imiss, irid jitkessaħ għal taħt is-6 °C. It-temperatura tal-ħalib imkessaħ li qiegħed jiġi ttrasportat m’għandhiex taqbeż l-10 °C;

(h)

Il-kontenituri li jżommu l-ħalib għandhom ikunu mgħottija sakemm jibqgħu fl-istalla u anki matul l-operazzjonijiet tat-trasport u l-ħżin. Dawn għandhom ikunu magħmulin minn materjal li huwa lixx, faċli biex jitnaddaf u jiġi ddiżinfettat u reżistenti għall-korrużjoni;

(i)

Il-ħalib għandu jiġi ffiltrat u l-filtru għandu jiġi sostitwit qabel ma jitlef il-kapaċità ta’ filtrazzjoni tiegħu.”

4.

Bl-istess mod, minkejja li ma saret l-ebda referenza għal dan fl-ispeċifikazzjoni inizjali, il-firxa ta’ valuri li għandhom jiġu rrispettati meta l-ħalib jitħallat min-nagħaġ u l-mogħoż hija speċifikata wkoll bħala perċentwali tal-ħalib totali użat biex isiru d-diversi tipi ta’ “Queijo da Beira Barra”.

Żdiedet l-informazzjoni li ġejja:

Queijo da Beira Baixa

Ħalib tan-nagħaġ

Ħalib tal-mogħoż

Tip Castelo Branco

100 %

0 %

Tip Amarelo

50 % -100 %

0 % -50 %

Tip Picante

0 % -100 %

0 % -100 %

5.

Għalkemm mhux iddikjarat fl-ispeċifikazzjoni oriġinali, l-emendi ta’ hawn taħt huma bbażati fuq il-ħtieġa li jiġu ċċarati u pprovduti d-dettalji tal-passi involuti fl-istadju tal-manifattura, jiġifieri dawk li huma deċiżivi biex jippermettu l-kisba ta’ prodott bil-karatteristiċi mixtieqa: l-ipproċessar tal-ħalib (it-tisħin u l-koagulazzjoni - it-tħawwid tal-baqta), it-tneħħija tal-ilma mix-xorrox (l-ippressar), il-kundizzjonijiet tal-preservazzjoni u tal-maturazzjoni (it-tidwir u l-ħasil), sabiex jiġi ggarantit li l-prodott dejjem isir fl-istess kundizzjonijiet u li għandu l-istess karatteristiċi.

Għalhekk:

Il-ħalib għandu jiġi pproċessat immedjatament wara l-ħlib. Jekk dan ma jkunx possibbli, jinstab mod biex jiġi kkonservat f’temperatura ta’ mhux aktar minn 6 °C għal perjodu ta’ żmien limitat.

Żdied il-paragrafu li ġej:

“Il-ħalib mhux ipproċessat tan-nagħaġ jew tal-mogħoż, kemm waħdu jew imħallat flimkien skont it-tip ta’ ġobon li jkun qiegħed isir (Castelo Branco, Amarelo jew Picante), jiġi pproċessat immedjatament wara l-ħlib. Jekk dan ma jkunx possibbli, għandu jinżamm f’temperatura massima ta’ 6 °C.”

Għat-tliet tipi ta’ ġobon, it-tip ta’ aġent tal-koagulazzjoni użat u firxa għall-aħjar valur tat-temperatura li l-ħalib għandu jilħaq (temperatura tal-koagulazzjoni) qabel jiżdied aġent tal-koagulazzjoni, li tindika l-iskala ta’ żmien għat-tul ta’ żmien ta’ din l-operazzjoni.

Dan jintroduċi l-possibbiltà li jintuża t-tames tal-annimali jew preparat tal-qaqoċċ salvaġġ bħala aġent tal-koagulazzjoni, u mhux biss infużjoni tal-qaqoċċ salvaġġ. Din l-emenda hija r-riżultat ta’ żvilupp teknoloġiku li jista’ jiġi applikat matul il-proċess tal-manifattura, li m’għandu l-ebda impatt fuq il-karatteristiċi finali tal-prodott.

Żdiedet l-informazzjoni li ġejja:

Queijo da Beira Baixa

Aġent tat-tbaqqit

Temperatura tat-tbaqqit

Ħin tat-tbaqqit

Tip Castelo Branco

Preparat tal-qaqoċċ salvaġġ

28 – 36 °C

40– 90 m

Tip Amarelo

Tames tal-annimali

27 – 36 °C

30– 60 m

Tip Picante

Tames tal-annimali

27 – 36 °C

30– 60 m

Għat-tliet tipi ta’ ġobon ġie speċifikat it-tip ta’ ħidma tal-baqta, b’mod partikolari kif din tinqata’ u titqassam fil-forom, b’referenza għall-metodi użati għall-ftuħ tal-forom u l-ippressar sakemm ix-xorrox jitneħħielu l-ilma, waqt li l-baqta tibqa’ tinħadem sakemm tinkiseb il-konsistenza meħtieġa.

Għat-tip ta’ ġobon Castelo Branco, issir nota tal-qatgħat suċċessivi tal-baqta’ sakemm il-granulometrija miksuba tkun simili għal dik ta’ ħabba tar-ross, bil-baqtiet ikomplu jinħadmu sakemm tinkiseb il-konsistenza meħtieġa.

Iddaħħlu l-paragrafi li ġejjin:

Il-“Queijo da Beira Baixa” tat-tip “Castelo Branco”

L-ewwel qatgħa mhux raffinata ssir hekk kif jintemm it-tbaqqit, jiġifieri meta l-baqtiet jibdew jinqalgħu minn mal-kontenitur li jinżammu fih. Dan jiġi segwit minn perjodu qasir ta’ waqfien sabiex il-baqtiet ikunu jistgħu jitilgħu ’l fuq mix-xorrox li jkun qiegħed jitneħħielu l-ilma. Dan jiġi segwit minn qatgħat suċċessivi fil-baqtiet sakemm dawn ikunu bejn wieħed u ieħor id-daqs ta’ ħabba tar-ross. Il-baqtiet jitneħħew u jitqiegħdu f’forom li jkunu miftuħa għad-dijametru jew l-għamla massima tagħhom u mbagħad jiġu pproċessati sakemm jitneħħa x-xorrox kollu, u dan jinkiseb permezz ta’ diversi operazzjonijiet tal-ippressar;”

U

“Il-“Queijo da Beira Baixa” tat-tip “Amarelo” u l-“Queijo da Beira Baixa” tat-tip “Picante”

Il-baqtiet jinqatgħu permezz ta’ arpa tal-ġobon u jiġu mqassma gradwalment fost il-forom varji, miftuħa għad-dijametru jew l-għamla massima tagħhom. Ix-xorrox imbagħad jitneħħielu l-ilma billi l-forom jiġu ppressati jew issikkati ripetutament, kif applikabbli. Il-proċess biex issir kull unità jitqies bħala komplut meta l-pejst ikollu l-konsistenza karatteristika tal-ġobon.”

Qiegħda tingħata spjegazzjoni dwar il-kundizzjonijiet li fihom isir it-tmelliħ u dwar it-tekniki użati skont it-tip ta’ ġobon meħtieġ.

Iddaħħlu l-paragrafi li ġejjin:

“Għall-“Queijo da Beira Baixa” tat-tipi “Castelo Branco” u “Amarelo”, it-tmelliħ jista’ jsir kif ġej:

Bl-aktar mod tradizzjonali billi l-melħ jitferrex fuq il-wiċċ tal-ġobon wara li jiġi prodott, f’liema każ il-kwantità tal-melħ tiġi kkalkulata fuq bażi empirika abbażi tal-għarfien espert ta’ dak li jagħmel il-ġobon;

Billi l-melħ jitħallat direttament fil-baqtiet jew fil-ħalib, skont il-metodu li tradizzjonalment jintuża mir-ragħajja tal-muntanji;

Billi l-ġobon jiġi mgħaddas fis-salmura għal perjodu ta’ żmien li jvarja skont il-kontenut tal-melħ użat u d-daqs tal-ġobon.”

U

“Għall-ġobon “Queijo da Beira Baixa” tat-tip “Picante”, il-ġobon jista’ jiġi mmellaħ f’applikazzjoni waħda, billi l-melħ jinxtered fuq iż-żona tal-wiċċ tal-ġobniet jew billi jiġu mgħaddsa fis-salmura, jew fi stadji, bl-ewwel applikazzjoni titwettaq fuq in-naħa ta’ fuq tal-ġobon immedjatament wara l-ipproċessar u t-tieni applikazzjoni, fuq in-naħa l-oħra tal-ġobon u fuq in-naħat vertikali, li sseħħ diversi sigħat wara, possibbilment segwita minn applikazzjonijiet oħra.”

Qiegħda tingħata spjegazzjoni dwar il-kundizzjonijiet li fihom il- “Queijo da Beira Baixa” tat-tipi Castelo Branco “Velho” u Amarelo “Velho” għandhom jiġu ppreservati u mmaturati, minħabba li dawn it-tipi ta’ ġobon ma kinux inklużi fl-ispeċifikazzjoni inizjali.

Ġew introdotti l-paragrafi li ġejjin:

“Il-perjodu minimu ta’ preservazzjoni huwa ta’ 40 ġurnata għall-“Queijo da Beira Baixa” tat-tipi Amarelo u Castelo Branco u ta’ 90 ġurnata għall-“Queijo da Beira Baixa” tat-tipi Amarelo “Velho” u Castelo Branco “Velho””.

U

“L-ippreservar tat-tipi Castelo Branco u Amarelo jista’ jsir:

Bl-aktar mod tradizzjonali, f’liema każ isir fit-taqsima tal-ħalib tal-ġobon fejn il-ġobon jitħalla jinxef u jitneħħielu l-ilma u jiġi ppreservat bl-esponiment għall-elementi fil-kundizzjonijiet naturali tal-umdità, l-arja u t-temperatura.

F’kundizzjonijiet ikkontrollati, li jissimulaw il-kundizzjonijiet ambjentali meqjusa bħala l-aħjar għall-proċess, skont il-valuri stabbiliti fit-tabella li ġejja:

Queijo da Beira Baixa

Temperatura (°C)

Umdità relattiva (%)

Tip Castelo Branco

8 - 14

74 - 90

Tip Amarelo

8 - 14

74 - 98”

Minħabba li t-tekniki inkwistjoni jintużaw fil-livell lokali, fil-każ tal-varjetà “Picante” tal-“Queijo da Beira Baixa”, ġiet ipprovduta deskrizzjoni tal-possibbiltà li l-proċess ta’ preservazzjoni jitwettaq bl-użu ta’ tekniki antiki ta’ preservazzjoni jew maturazzjoni f’kundizzjonijiet naturali ta’ preservazzjoni bl-użu ta’ sodod tat-tiben tas-segala, minkejja li dan ma kienx previst fl-ispeċifikazzjoni oriġinali. Issa huwa wkoll possibbli li dan it-tip ta’ ġobon jiġi ppreservat bl-użu ta’ teknika differenti ta’ preservazzjoni f’kundizzjonijiet naturali ta’ preservazzjoni, bl-istadju tal-ippressar segwit minn tmelliħ fin-niexef, biex b’hekk jiġu salvagwardjati l-karatteristiċi organolettiċi tal-aroma u t-togħma tal-prodott finali.

Iddaħħlu l-paragrafi li ġejjin:

“Il-“Queijo Picante” jista’ jiġi ppreservat b’żewġ modi differenti, li t-tnejn li huma jitwettqu f’kundizzjonijiet ambjentali naturali (ara d-deskrizzjoni hawn taħt).

Ladarba tintemm l-operazzjoni tat-tmelliħ, il-ġobniet jgħaddu għal parti speċifika tal-ħalib, magħrufa bħala “curadouro”, fejn issir il-preservazzjoni. Din il-fażi ddum sakemm il-ġobon jitnixxef biżżejjed u jkun hemm ċerta konsistenza. Wara, dawn jitqiegħdu f’saffi ta’ diversi ġobniet (dan it-tqassim jissejjaħ il-“Castelo” jew “kastell”) u jiġu koperti bil-melħ. Il-ġobniet jibqgħu hekk għal ġimagħtejn sa tliet ġimgħat skont il-grad tat-tneħħija tal-ilma mix-xorrox, il-kwantità tal-melħ użat u l-kundizzjonijiet igrometriċi tal-bini, sakemm dawn jiksbu konsistenza aktar soda.

Wara dan iż-żmien, il-ġobniet jittieħdu f’maħżen u jitqiegħdu fuq sodda tat-tiben tas-segala, fuq ix-xifer tagħhom, jiġifieri f’linja, flimkien, wiċċ imb’wiċċ u jserrħu ma’ xulxin. Xi kultant ikun hemm it-tieni u t-tielet saff fuq l-ewwel wieħed.

Dan jista’ jsir ukoll kif ġej:

Wara li jiġu ppressati, issir l-ewwel operazzjoni tat-tmelliħ fin-niexef. Wara, il-ġobniet jittieħdu f’imħażen fejn jinżammu f’temperatura tal-kamra u jibda l-proċess tal-preservazzjoni. Il-ġobniet jitqiegħdu f’kontenituri fejn jibqgħu f’kundizzjonijiet anerobiċi, f’saff wieħed. Imbagħad, dawn jiġu mmellħa fin-niexef għat-tieni darba u l-ġobniet jitqiegħdu f’żewġ saffi. Wara madwar ġimgħa, il-ġobniet jitqiegħdu fuq xulxin. Wara din l-operazzjoni, il-ġobniet jiddawru regolarment u jitnaddfu meta jkun meħtieġ.”

Għalkemm ma hemm l-ebda referenza għal dan fl-Ispeċifikazzjoni oriġinali, il-firxa ta’ valuri għat-temperatura ammissibbli għall-preżervazzjoni estiża jew l-iffriżar tal-“Queijo da Beira Baixa” tat-tipi Castelo Branco, Castelo Branco “Velho”, Amarelo u Amarelo “Velho” ġiet iddefinita bħala li tvarja bejn -1 °C u -18 °C.

Żdied dan li ġej mal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott: Il-“Queijo da Beira Baixa” tat-tipi “Amarelo” u “Castelo Branco” jistgħu jinżammu ffriżati f’temperaturi li jvarjaw bejn -1 °C u -18 °C għal perjodu ta’ żmien estiż.

6.

Ir-referenzi li saru fl-ispeċifikazzjoni oriġinali għall-gruppi ta’ produtturi u operaturi u għall-ksur u l-multi msemmija fid-dokument oriġinali tħassru minħabba li dawn mhumiex parti mill-ispeċifikazzjoni tal-prodott.

7.

Xi paragrafi mill-ispeċifikazzjoni oriġinali tħassru wkoll minħabba li jikkonċernaw regoli li japplikaw għall-produzzjoni tal-ġobon b’mod ġenerali u huma koperti mil-leġislazzjoni ġenerali.

5.5.   Rabta

Skont l-Artikolu 7(1)(f)(i) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Novembru 2012 dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel, ġew inklużi d-dettalji dwar ir-rabta bejn il-kwalità jew il-karatteristiċi tal-prodott u l-ambjent ġeografiku msemmi fl-Artikolu 5(1) tar-Regolament imsemmi hawn fuq.

5.6.   Tikkettar

Ir-referenzi għat-tipi ta’ timbri u indikazzjonijiet ġeneriċi fl-ispeċifikazzjoni oriġinali tħassru u ġew sostitwiti bl-obbligu li t-tikketti jinkludu l-kliem “Queijo da Beira Baixa – Denominação de Origem Protegida” jew “Queijo da Beira Baixa DOP” flimkien mal-indikazzjoni tat-tip ta’ ġobon: Amarelo, Castelo Branco jew Picante, skont id-deskrizzjoni tal-prodott.

Għalkemm m’hemm l-ebda referenza għal dan fl-ispeċifikazzjoni oriġinali, il-kwalifikatur “velho” jista’ jiżdied mal-indikazzjonijiet għat-tipi Amarelo u Castelo Branco skont id-deskrizzjoni tal-prodott.

L-emendi li saru għandhom l-għan li jġibu l-isem emendat konformi mad-deskrizzjoni tal-prodott.

DOKUMENT UNIKU

“Queijo da Beira Baixa”

Nru tal-UE: PDO-PT-0214-AM02 – 15.2.2018

DOP (X) IĠP ()

1.   Isem/Ismijiet

“Queijo da Beira Baixa”

2.   Pajjiż(i) applikant(i)

Il-Portugall

3.   Deskrizzjoni tal-prodott agrikolu jew tal-oġġett tal-ikel

3.1.   Tip ta’ prodott

Klassi 1.3. Ġobon

3.2.   Deskrizzjoni tal-prodott li għalih japplika l-isem f’(1)

Il-“Queijo da Beira Baixa” jirreferi għall-ġobon ippreservat tat-tipi Amarelo, Castelo Branco u Picante, li jirriżulta mill-koagulazzjoni tal-ħalib mhux ipproċessat mir-razza tan-nagħaġ Merino jew minn razez oħra ta’ nagħaġ li huma adattati sew għar-reġjun, u ħalib mhux ipproċessat mill-mogħoż Charnequeiro jew minn razez oħra ta’ mogħoż li huma adattati sew għar-reġjun. Il-ħalib jista’ jkun minn razza waħda jew imħallta fi proporzjonijiet differenti.

Il-perjodu minimu ta’ preservazzjoni huwa ta’ 40 ġurnata għall-“Queijo da Beira Baixa” tat-tipi “Amarelo” u “Castelo Branco”. Il-perjodu minimu ta’ preservazzjoni għall-“Queijo da Beira Baixa” tat-tip “Picante” huwa ta’ 120 ġurnata. Fejn il-perjodu ta’ preservazzjoni jkun ta’ aktar minn 90 ġurnata, il-kwalifikatur “Velho” jiżdied mal-indikazzjoni għat-tipi Amarelo u Castelo Branco.

Il-karatteristiċi ewlenin huma stabbiliti hawn taħt:

“Queijo da Beira Baixa”

Għoli (cm)

Piż (kg)

Dijametru (cm)

Tip Amarelo

3 – 5

0,6 - 1

12 - 16

3 – 4 (*1)

0,2 – 0,5 (*1)

7 – 10 (*1)

Tip Amarelo “velho”

3 – 5

0,4 - 0,9

12 - 16

Tip Castelo Branco

5 – 8

0,8 – 1,3

12 – 16

4 – 6 (*1)

0,35 – 0,55 (*1)

8 – 10 (*1)

Tip Castelo Branco “velho”

5 – 8

0,4 – 1,1

12 - 16

Tip Picante

3 – 5

0,4 – 1

10 - 15


“Queijo da Beira Baixa”

Forma

Qoxra

Tip Amarelo

Ċilindru regolari qasir (ċatt) bi ġnub kemxejn imbewqa u b’xifer bejn wieħed u ieħor definit

Konsistenza nofsha iebsa, soda u solida, iżda raffinata. Kulur isfar jew isfar skur

Tip Amarelo “velho”

Ċilindru regolari qasir (ċatt) bi ġnub imbewqa u b’xifer bejn wieħed u ieħor definit In-naħa ta’ fuq normalment tkun konkavi.

Konsistenza malleabbli għal iebsa, dehra normali, raġonevolment ċatta għal imfellija, iffurmata sew u relattivament uniformi. Għandha kulur oranġjo jew ħamrani

Tip Castelo Branco

Ċilindru baxx (ċatt) regolari bi ġnub imbewqa ’l barra u b’xi tbewwiq fuq u mingħajr xifer definit

Fil-bidu b’konsistenza malleabbli, li tibbies, iffurmata sew u lixxa fid-dehra tagħha. Kulur isfar lewn it-tiben li jagħti fl-isfar skur

Tip Castelo Branco “velho”

Ċilindru regolari qasir (ċatt) bi ġnub imbewqa u b’xifer imbewwaq bejn wieħed u ieħor definit. In-naħa ta’ fuq normalment tkun konkavi.

Konsistenza relattivament malleabbli għal iebsa, dehra normali, raġonevolment ċatta għal imfellija, iffurmata sew u relattivament uniformi. Kulur isfar skur li jagħti fl-oranġjo fil-kannella jew fl-aħmar

Tip Picante

Ċilindru regolari qasir (ċatt) bi ġnub dritti u b’xifer lixx definit

Mingħajr qoxra


“Queijo da Beira Baixa”

Ġewwa

Konsistenza

Dehra

Kulur

Aroma u togħma

Tip Amarelo

Ġobon nofsu iebes jew nofsu artab, miksija, u medjament kremuża

Mhux żejtnija b’xi fetħiet irregolari

Kemxejn safrani u uniformi

Togħma intensa u nadifa li hija kemxejn aċiduża

Tip Amarelo “velho”

Iebsa sa iebsa ħafna, miksija, kemxejn imfarrka u xotta

Mhux żejtnija, miksija u b’xi fetħiet irregolari

Kulur isfar skur li jagħti fl-oranġjo, li jiskura minn barra ’l ġewwa

Togħma intensa, dejjiema u nadifa li hija qawwija u kemxejn pikkanti u mielħa

Tip Castelo Branco

Nofsha iebsa jew nofsha ratba, miksija; meta wieħed itaptap fuqha, din tinħass solida u għandha kulur ċar lewn il-ġilda ta’ tanbur

Mhux żejtnija b’xi fetħiet żgħar

Abjad li jagħti għal safrani kullimkien

Aroma u togħma mtejba; it-togħma tista’ tkun kemxejn pikkanti jekk ikun ippreservat għal perjodu twil

Tip Castelo Branco “velho”

Iebsa sa iebsa ħafna, miksija, kemxejn imfarrka u xotta

Mhux żejtnija, miksija jew b’xi fetħiet

Kulur minn isfar skur li jagħti fl-oranġjo, li jiskura minn barra ’l ġewwa

Togħma intensa, dejjiema u nadifa, pjuttost qawwija għal qawwija, kemxejn pikkanti u mielħa

Tip Picante

Konsistenza iebsa jew nofsha iebsa

L-ebda fetħa jew b’fetħiet żgħar u irregolari

Ivarja minn kulur bajdani għal kulur li jagħti fil-griż

Attiv u karatteristiku ħafna, mingħajr togħma apparti li huwa pikkanti ħafna


“Queijo da Beira Baixa”

Umdità (%) (*2)

Xaħam (%) (*3)

Tip Amarelo

54 – 69

45 – 60

Tip Amarelo “velho”

49 – 56

45 – 60

Tip Castelo Branco

54 - 69

45 - 60

Tip Castelo Branco “velho”

49 - 56

45 - 60

Tip Picante

49 - 63

35 - 60

Il-“Queijo da Beira Baixa” jiġi kkummerċjalizzat sħiħ jew f’porzjonijiet.

Il-Queijo da Beira Baixa tat-tipi Amarelo “Velho” u Castelo Branco “Velho” jistgħu jiġu wkoll ikkummerċjalizzati mgħaddsa f’kontenituri biż-żejt taż-żebbuġa jew miksija b’pejst tal-paprika u biż-żejt taż-żebbuġa verġni.

3.3.   Għalf (għall-prodotti li joriġinaw mill-annimali biss) u materja prima (għall-prodotti pproċessati biss)

Il-bażi tal-għalf għan-nagħaġ u l-mogħoż tiġi mir-ragħa dirett fil-mergħat naturali tar-reġjun ta’ Beira Baixa li huma magħmulin minn speċijiet ta’ mergħat bħal Vulpia, Periballia, Stellatum Lolium spp, Trifolium spp, u Ornithopus, Agrostis u Poa, li jikbru madwar ir-reġjun kollu skont il-kompożizzjoni tal-ħamrija. F’reġjuni anqas fertili, il-mergħat jittejbu billi jiġu introdotti speċijiet ta’ foraġġ bħal silla subterrana (Trifolium subterranum) u għanqtux (Ornithopus cumpressus), u għelejjel oħra tal-foraġġ li jintużaw għall-produzzjoni tal-ħuxlief u l-użu ta’ ħuxlief maħsud għal darb’oħra għar-ragħa.

L-għalf tal-annimali huwa ssupplimentat matul il-perjodi fejn ikun hemm l-akbar skarsezza bid-distribuzzjoni ta’ oġġetti tal-ikel ikkonservati (ħuxlief u tiben) miż-żona ġeografika demarkata, u bl-użu ta’ għelejjel taċ-ċereali u ta’ għelejjel tal-foraġġ, għal ragħa dirett jew maqtugħ, u dawn jiġu kkultivati f’reġim taż-żrigħ f’xitwa awtunnali, nixfin, bil-ħafur jew mingħajru, bil-ġulbiena (Vicia sativa), bis-segala (Secale cereale), bil-lupin isfar (Lupinus luteus) u b’għelejjel oħra tal-foraġġ u f’irqajja’ msoqqija jew f’art friska mhux imsoqqija u, f’reġim taż-żrigħ fir-rebbiegħa, bil-qamħirrum (Zea mays) u bis-sorgu tal-foraġġ (Sorghum vulgare) u b’għelejjel oħra tal-foraġġ tas-soltu fir-reġjun u bbażati fuq il-legumi u ċ-ċereali.

L-għalf kollu pprovdut lill-annimali għandu jiġi miż-żona ġeografika. Huwa biss fi żminijiet ta’ skarsezza (minħabba kundizzjonijiet meteoroloġiċi eċċezzjonali, tifqigħat ta’ mard infettiv, kontaminazzjoni minn sustanzi tossiċi jew nirien) li jkun possibbli li wieħed jirrikorri għal għalf minn reġjuni oħra, sakemm dan ma jammontax għal aktar minn 50 % tal-materja niexfa fuq bażi annwali. Dan l-għalf għandu jkun l-istess u għandu l-istess kompożizzjoni bħall-għalf miż-żona ġeografika, sabiex il-karatteristiċi tal-prodott ma jiġux affettwati.

Jista’ jintuża biss ħalib mhux ipproċessat min-nagħaġ u l-mogħoż minn stokk imrobbi u magħluf fiż-żona ġeografika demarkata għall-produzzjoni tal-“Queijo da Beira Baixa”.

3.4.   Passi speċifiċi tal-produzzjoni li jridu jsiru fiż-żona ġeografika ddefinita

Il-produzzjoni tal-ħalib u l-manifattura tal-“Queijo da Beira Baixa” inkluż il-maturazzjoni u l-preservazzjoni jseħħu fiż-żona ġeografika demarkata.

3.5.   Regoli speċifiċi dwar it-tqattigħ, it-taħkik, l-ippakkjar, eċċ.

3.6.   Regoli speċifiċi dwar it-tikkettar

Skont it-tip ta’ ġobon, l-indikazzjoni li ġejja għandha tiġi inkluża fuq l-ippakkjar: “Queijo da Beira Baixa – Denominação de Origem Protegida”, jew “Queijo da Beira Baixa DOP”, u indikazzjoni tat-tip ta’ ġobon: Amarelo, Castelo Branco jew Picante.

Il-kwalifikatur “Velho” jista’ jiżdied mal-indikazzjonijiet għat-tipi Amarelo jew Castelo Branco.

4.   Definizzjoni fil-qosor taż-żona ġeografika

Iż-żona ġeografika tal-produzzjoni hija ristretta għall-kwartieri kollha fil-muniċipalitajiet ta’ Castelo Branco, Fundão, Belmonte, Penamacor, Idanha-a-Nova, Vila Velha de Rodão, Proença-a-Nova, Vila de Rei, Sertã, Oleiros, Mação u l-kwartieri tal-muniċipalità ta’ Covilhã: Aldeia de São Francisco, União das Freguesias de Barco e Coutada, Boidobra, União das freguesias de Casegas e Orondo, União das freguesias de Covilhã e Canhoso, Dominguiso, Ferro, Orjais, Peraboa, União das freguesias de Peso e Vales do Rio, São Jorge da Beira, Sobral de São Miguel, União de freguesias de Teixoso e Sarzedo, Tortosendo, União das freguesias de Vale Formoso e Aldeia do Souto.

5.   Rabta maż-żona ġeografika

Il-kwalità tal-“Queijo da Beira Barra” hija dovuta għall-fatturi naturali u umani taż-żona ġeografika demarkata.

Diversi awturi jipprovdu evidenza ta’ kif il-fatturi klimatiċi, l-altimetrija u t-tip ta’ ħamrija tar-reġjun ilhom minn żmien żemżem jinfluwenzaw il-kopertura dominanti tal-veġetazzjoni, u dan min-naħa tiegħu influwenza l-karatteristiċi tal-ħalib prodott mill-annimali li jikkonsmawha u li huwa fattur determinanti għall-karatteristiċi tal-ġobon li għalih din hija l-materja prima.

Il-produzzjoni tal-ġobon u l-istorja pastorali tar-reġjun ta’ Beira Baixa hija marbuta mill-qrib mal-flussi migratorji tal-merħliet magħrufa bħala transumanza. Skont O. Ribeiro, 1941, dan il-fluss migratorju beda f’Novembru bil-moviment tal-merħla tal-ħalib, li hija l-aktar sensittiva għall-kesħa u n-nuqqas ta’ ikel, lejn destinazzjonijiet oħra bħal Campinas da Idanha, Campo Albicastrense u Cova da Beira.

Antunes et. al. (1943), kiteb dan li ġej: “Fil-Portugall, fejn l-għarfien dwar din l-industrija huwa attribwit lir-Rumani, dan għandu jmur lura għaż-żmien tal-invażjonijiet u tal-okkupazzjoni tal-Peniżola. U ladarba l-produzzjoni kienet magħrufa, huwa faċli timmaġina li din infirxet malajr fir-reġjun ta’ Montes Herminos, wieħed mir-reġjuni l-aktar popolati bin-nagħaġ u l-mogħoż, u hemmhekk ħadet karatteristiċi lokali, iżda żammet, sa ċertu punt, l-orjentazzjoni teknika primittiva li, minħabba migrazzjonijiet transumanti perjodiċi, infirxet b’mod naturali lejn ir-reġjuni ta’ Castelo Branco”.

Il-kundizzjonijiet estremi, bħall-ħamrija fqira, xtiewi ħorox u sjuf sħan ħafna, jinfluwenzaw b’mod qawwi d-distribuzzjoni tal-għelejjel fir-reġjun, jiffavorixxu sistemi ta’ produzzjoni tradizzjonali pjuttost estensivi u jikkawżaw lin-nagħaġ u lill-mogħoż imrobbija b’dan il-mod biex jipproduċu ħalib li l-karatteristiċi tiegħu huma tali li, wara li jkun ġie pproċessat minn nies lokali li jużaw il-ħiliet u l-għarfien espert tal-antenati tagħhom, u b’mod partikolari peress li dan huwa ħalib mhux ipproċessat, jipproduċi ġobon distintiv li jibqa’ magħruf għal żmien twil.

L-aroma intensa tal-“Queijo da Beira Baixa” u t-togħma qawwija, nadifa u pjuttost pikkanti tagħha, li jsiru aktar qawwija u aktar intensi malli jimmatura l-ġobon, huma għalhekk ir-riżultat tal-karatteristiċi tal-ħalib pur mhux ipproċessat użat, jew imħallat fi proporzjonijiet differenti, u huma marbuta mill-qrib mal-biedja fir-reġjun u l-veġetazzjoni tipika ta’ mergħat naturali u mtejba, li tifforma parti ewlenija mill-għalf tan-nagħaġ u tal-mogħoż imrobbija fiż-żona ġeografika ddefinita.

Il-konsistenza miksija u uniformi, il-kulur u d-dehra mhux żejtnija tal-pejst, b’fetħiet żgħar u pjuttost irregolari bħala riżultat tal-proċess tal-manifattura huma wkoll ir-riżultat tal-għarfien espert tan-nies tar-reġjun, b’mod partikolari fir-rigward tal-kontroll tat-temperatura tal-ħalib u l-ħin tat-tbaqqit.

Madankollu, l-importanza tal-għarfien espert ma tistax tiġi miċħuda irrispettivament mit-teknika użata għat-tmelliħ tal-“Queijo da Beira Baixa”. Din l-operazzjoni titwettaq b’mod tradizzjonali, bil-kwantità tal-melħ u l-ħin tat-tmelliħ ikkalkulati b’mod empiriku minn min jipproduċi l-ġobon tar-reġjun.

Iż-żamma tal-maturazzjoni u tal-kundizzjonijiet tal-preservazzjoni f’faċilitajiet b’ambjent ikkontrollat u l-attenzjoni li għandha tingħata matul dan il-proċess - b’mod partikolari fir-rigward tal-ħasil tal-ġobon, li l-frekwenza tiegħu tiddependi mid-dehra tal-qoxra, li dejjem għandha tkun lixxa u nadifa - huma proċeduri li ġejjin minn għarfien lokali li huma deċiżivi biex jiġi żgurat li l-ġobon miksub ikollu pejst bil-konsistenza, il-kulur u d-dehra meħtieġa. Dan l-aspett huwa aktar rilevanti meta l-maturazzjoni u l-preservazzjoni jseħħu f’kundizzjonijiet naturali.

Kemm it-tekniki ta’ manifattura kif ukoll ta’ konservazzjoni użati għall-“Queijo da Beira Baixa” għaddew minn ġenerazzjoni għal oħra sal-ġurnata tal-lum.

Fl-1906, Prego, fix-xogħol tiegħu, “Manteigas e Queijos (Butir u ġobniet)” irrefera kif ġej għall-ġobniet prodotti fir-reġjun ta’ Beira Baixa “Ir-reġjun ta’ Beira Baixa li jkopri Fundão, Penamacor, Idanha-a-Velha, …., jipproduċi xi ġobon imħallat tal-mogħoż u tan-nagħaġ li, f’ċerti snin u meta jittieklu f’ċerti sessjonijiet, għandhom kwalitajiet mimlija togħma u pejst fin (…), u madankollu huma ġobniet fini ħafna b’valur għoli ħafna anke fis-swieq l-aktar eżiġenti(….)” dikjarazzjoni li baqgħet vera s’issa.

Referenza għall-pubblikazzjoni tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott

(it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 6(1) ta’ dan ir-Regolament)

https://tradicional.dgadr.gov.pt/images/prod_imagens/queijos/docs/CE_Queijo_Beira_Baixa_analise.pdf


(1)  ĠU L 343, 14.12.2012, p. 1.

(*1)  Żewġ meded ta’ daqs huma permessi għat-tipi Amarelo u Castelo Branco

(*2)  b’referenza għall-ġobon mingħajr xaħam

(*3)  b’ referenza għall-materja niexfa


Top