This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52020XC0914(04)
Notice of initiation of an expiry review of the anti-dumping measures applicable to imports of biodiesel originating in the United States of America 2020/C 303/06
Notifika ta’ bidu ta’ rieżami ta’ skadenza tal-miżuri anti-dumping applikabbli għall-importazzjonijiet ta’ bijodiżil li joriġinaw mill-Istati Uniti tal-Amerka 2020/C 303/06
Notifika ta’ bidu ta’ rieżami ta’ skadenza tal-miżuri anti-dumping applikabbli għall-importazzjonijiet ta’ bijodiżil li joriġinaw mill-Istati Uniti tal-Amerka 2020/C 303/06
C/2020/6130
ĠU C 303, 14.9.2020, p. 18–27
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
14.9.2020 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 303/18 |
Notifika ta’ bidu
ta’ rieżami ta’ skadenza tal-miżuri anti-dumping applikabbli għall-importazzjonijiet ta’ bijodiżil li joriġinaw mill-Istati Uniti tal-Amerka
(2020/C 303/06)
Wara l-pubblikazzjoni tan-Notifika tal-iskadenza imminenti tal-miżuri anti-dumping (1) fis-seħħ fuq l-importazzjonijiet ta’ bijodiżil li joriġinaw mill-Istati Uniti tal-Amerka (“l-Istati Uniti” jew “il-pajjiż ikkonċernat”), il-Kummissjoni Ewropea (“il-Kummissjoni”) irċeviet talba għal rieżami skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament (UE) 2016/1036 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2016 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Unjoni Ewropea (2) (“ir-Regolament bażiku”).
1. Talba għal rieżami
It-talba tressqet fil-11 ta’ Ġunju 2020 mill-European Biodiesel Board (“EBB”), (“l-applikant”), għan-nom tal-produtturi li jirrappreżentaw iktar minn 25 % tal-produzzjoni totali tal-bijodiżil tal-Unjoni.
Verżjoni miftuħa tat-talba u l-analiżi tal-grad ta’ sostenn mill-produtturi tal-Unjoni għat-talba huma disponibbli fil-fajl għall-ispezzjoni mill-partijiet interessati. It-Taqsima 5.6 ta’ din in-Notifika tipprovdi informazzjoni dwar l-aċċess għall-fajl għall-partijiet interessati.
2. Prodott soġġett għal rieżami
Il-prodott soġġett għal dan ir-rieżami huwa l-esteri monoalkiliċi aċidi xaħmija u/jew nafta paraffinika miksuba minn sinteżi u/jew trattament idriku, ta’ oriġini mhux mill-fossili, magħruf normalment bħala “bijodiżil”, fil-forma pura jew f’taħlita li jkun fiha bil-piż iktar minn 20 % ta’ esteri monoalkiliċi aċidi xaħmija u/jew nafta paraffinika miksuba minn sinteżi u/jew trattament idriku, ta’ oriġini mhux mill-fossili, li joriġina mill-Istati Uniti, u li attwalment jaqa’ taħt il-kodiċijiet NM ex 1516 20 98 (kodiċi TARIC 1516209829), ex 1518 00 91 (kodiċi TARIC 1518009129), ex 1518 00 99 (kodiċi TARIC 1518009929), ex 2710 19 43 (kodiċi TARIC 2710194329), ex 2710 19 46 (kodiċi TARIC 2710194629), ex 2710 19 47 (kodiċi TARIC 2710194729), ex 2710 20 11 (kodiċi TARIC 2710201129), ex 2710 20 16 (kodiċi TARIC 2710201629) , ex 3824 99 92 (kodiċi TARIC 3824999212), ex 3826 00 10 (kodiċijiet TARIC 3826001029, 3826001059, 3826001099), ex 3826 00 90 (kodiċi TARIC 3826009019).
3. Miżuri eżistenti
Permezz tar-Regolament (KE) Nru 599/2009 (3), il-Kunsill impona dazji anti-dumping definittivi fuq l-importazzjonijiet ta’ bijodiżil li joriġinaw mill-Istati Uniti tal-Amerka. B’segwitu għal investigazzjoni antiċirkomvenzjoni, il-miżuri ġew estiżi permezz tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 444/2011 (4) għall-importazzjonijiet ta’ bijodiżil ikkunsinnati mill-Kanada, kemm jekk iddikjarat li joriġina mill-Kanada kif ukoll jekk le Permezz tar-Regolament (UE) Nru 444/2011, il-miżuri ġew estiżi għall-importazzjonijiet ta’ bijodiżil f’taħlita li fiha bil-piż 20 % jew inqas esteri monoalkiliċi aċidi xaħmija u/jew nafta paraffinika miksuba minn sinteżi u/jew trattament idriku, ta’ oriġini mhux mill-fossili, li joriġinaw fl-Istati Uniti tal-Amerka. Il-miżuri li hemm fis-seħħ attwalment huma imposti permezz tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/1518 (5), b’segwitu għal rieżami ta’ skadenza skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament bażiku.
4. Raġunijiet għar-rieżami
It-talba hija bbażata fuq ir-raġunijiet li l-iskadenza tal-miżuri x’aktarx twassal għal rikorrenza ta’ dumping u għal rikorrenza ta’ dannu għall-industrija tal-Unjoni.
4.1. Allegazzjoni dwar il-probabbiltà ta’ rikorrenza ta’ dumping
L-allegazzjoni tal-probabbiltà ta’ rikorrenza ta’ dumping fir-rigward tal-Istati Uniti (“il-pajjiż ikkonċernat”) hija bbażata fuq paragun tal-prezz domestiku mal-prezz tal-esportazzjoni (fil-livell mill-fabbrika) tal-prodott soġġett għal rieżami meta jinbiegħ għall-esportazzjoni lejn il-Kanada, il-Messiku u l-Perù, fid-dawl tal-assenza attwali ta’ volumi sinifikanti ta’ importazzjonijiet mill-Istati Uniti lejn l-Unjoni.
Abbażi tal-paragun ta’ hawn fuq, li juri l-eżistenza ta’ dumping, l-applikant jallega li hemm probabbiltà ta’ rikorrenza ta’ dumping min-naħa tal-pajjiż ikkonċernat.
4.2. Allegazzjoni dwar il-probabbiltà ta’ rikorrenza ta’ dannu
L-applikant jallega li hemm probabbiltà ta’ rikorrenza ta’ dannu. F’dan ir-rigward l-applikant ipprovda evidenza suffiċjenti li turi li jekk il-miżuri jitħallew jiskadu, il-livell attwali ta’ importazzjoni tal-prodott soġġett għal rieżami mill-pajjiż ikkonċernat lejn l-Unjoni x’aktarx li jiżdied minħabba l-eżistenza ta’ kapaċità mhux użata fil-pajjiż ikkonċernat u l-attraenza tas-suq tal-Unjoni f’termini ta’ volum tal-konsum. Barra minn hekk, fl-assenza ta’ miżuri, il-prezzijiet tal-esportazzjoni tal-pajjiż ikkonċernat ikunu f’livell baxx biżżejjed biex jikkawżaw dannu materjali lill-industrija tal-Unjoni. L-applikant jallega li kwalunkwe żieda sostanzjali fl-importazzjonijiet bi prezzijiet li jkunu l-oġġett ta’ dumping mill-pajjiż ikkonċernat x’aktarx li taggrava iżjed is-sitwazzjoni ekonomika tal-industrija tal-Unjoni, jekk dawn il-miżuri jitħallew jiskadu.
Finalment, l-applikant jallega li t-titjib inizjali tas-sitwazzjoni tad-dannu seħħ l-aktar minħabba l-impożizzjoni tal-miżuri u li kwalunkwe żieda sostanzjali ta’ importazzjonijiet bi prezzijiet li jkunu l-oġġett ta’ dumping mill-pajjiż ikkonċernat x’aktarx li twassal għal dannu materjali lill-industrija tal-Unjoni. L-effett ikkombinat ta’ prezzijiet baxxi u kwantitajiet kbar ikollhom effett avvers sinifikanti fuq is-sitwazzjoni ekonomika kumplessiva tal-industrija tal-Unjoni, b’mod partikolari fuq il-volumi ta’ bejgħ, il-prezzijiet u l-profittabbiltà.
5. Proċedura
Wara li ġie ddeterminat, b’segwitu għal konsultazzjoni tal-Kumitat stabbilit permezz tal-Artikolu 15(1) tar-Regolament bażiku, li teżisti evidenza suffiċjenti ta’ probabbiltà ta’ dumping u ta’ dannu biex jiġi ġġustifikat il-bidu ta’ rieżami ta’ skadenza, il-Kummissjoni b’dan tagħti bidu għal rieżami f’konformità mal-Artikolu 11(2) tar-Regolament bażiku.
Ir-rieżami ta’ skadenza se jiddetermina jekk huwiex probabbli li l-iskadenza tal-miżuri twassal għal kontinwazzjoni jew rikorrenza ta’ dumping tal-prodott soġġett għal rieżami li joriġina mill-pajjiż ikkonċernat u għal kontinwazzjoni jew rikorrenza ta’ dannu għall-industrija tal-Unjoni.
Ir-Regolament (UE) 2018/825 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6), li daħal fis-seħħ fit-8 ta’ Ġunju 2018 (il-pakkett tal-Modernizzazzjoni tat-TDI), daħħal bidliet sinifikanti fl-iskeda ta’ żmien u fl-iskadenzi li kienu applikabbli qabel fil-proċedimenti anti-dumping. Il-limiti ta’ żmien għall-partijiet interessati biex jipprovdu evidenza, b’mod partikolari fl-istadju bikri tal-investigazzjonijiet, tqassru.
Il-Kummissjoni tiġbed ukoll l-attenzjoni tal-partijiet li wara t-tifqigħa tal-COVID-19 ġie ppubblikat Avviż (7) dwar il-konsegwenzi tat-tifqigħa tal-COVID-19 fuq l-investigazzjonijiet anti-dumping u antisussidji li jistgħu jkunu applikabbli għal dan il-proċediment.
5.1. Perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami u l-perjodu kkunsidrat
L-investigazzjoni ta’ kontinwazzjoni jew ta’ rikorrenza ta’ dumping tkopri l-perjodu mill-1 ta’ Lulju 2019 sat-30 ta’ Ġunju 2020 (“il-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami”). L-eżami tax-xejriet rilevanti għall-valutazzjoni tal-probabbiltà ta’ kontinwazzjoni jew ta’ rikorrenza ta’ dannu jkopri l-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2017 sa tmiem il-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami (“il-perjodu kkunsidrat”).
5.2. Kummenti dwar it-talba u l-bidu tal-investigazzjoni
Il-partijiet interessati kollha li jixtiequ jikkummentaw dwar it-talba (inklużi kwistjonijiet relatati mad-dannu u mal-kawżalità) jew dwar kwalunkwe aspett li jirrigwarda l-bidu tal-investigazzjoni (inkluż il-grad ta’ sostenn għat-talba) iridu jagħmlu dan fi żmien 37 jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika.
Kwalunkwe talba għal seduta ta’ smigħ fir-rigward tal-bidu tal-investigazzjoni trid tiġi ppreżentata fi żmien 15-il jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika.
5.3. Proċedura għad-determinazzjoni ta’ probabbiltà ta’ kontinwazzjoni jew ta’ rikorrenza ta’ dumping
F’rieżami ta’ skadenza, il-Kummissjoni teżamina l-esportazzjonijiet li saru lejn l-Unjoni matul il-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami u, irrispettivament mill-esportazzjonijiet lejn l-Unjoni, tikkunsidra jekk is-sitwazzjoni tal-kumpaniji li jipproduċu u li jbigħu l-prodott soġġett għal rieżami fil-pajjiż ikkonċernat hijiex tali li x’aktarx ikun hemm kontinwazzjoni jew rikorrenza tal-esportazzjonijiet bi prezzijiet li jkunu l-oġġett ta’ dumping lejn l-Unjoni jekk il-miżuri jiskadu.
Għaldaqstant, il-produtturi (8) kollha tal-prodott soġġett għal rieżami mill-pajjiż ikkonċernat, irrispettivament minn jekk esportawx il-prodott soġġett għal rieżami lejn l-Unjoni fil-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami jew le, huma mistiedna jipparteċipaw fl-investigazzjoni tal-Kummissjoni.
5.3.1. Investigazzjoni tal-produtturi fil-pajjiż ikkonċernat
Minħabba l-għadd potenzjalment kbir ta’ produtturi esportaturi fil-pajjiż ikkonċernat li huma involuti f’dan ir-rieżami ta’ skadenza, u sabiex il-Kummissjoni tlesti l-investigazzjoni fil-limiti ta’ żmien statutorji, hija tista’ tillimita l-produtturi li jridu jiġu investigati għal għadd raġonevoli billi tagħżel kampjun (dan il-proċess jissejjaħ ukoll “kampjunar”). Il-kampjunar isir f’konformità mal-Artikolu 17 tar-Regolament bażiku.
Sabiex il-Kummissjoni tkun tista’ tiddeċiedi jekk huwiex meħtieġ kampjunar, u jekk dan ikun il-każ, biex tagħżel kampjun, il-produtturi kollha, jew ir-rappreżentanti li jaġixxu għan-nom tagħhom, inklużi dawk li ma kkooperawx fl-investigazzjoni li wasslet għall-miżuri soġġetti għal dan ir-rieżami, huma b’dan mitluba jipprovdu lill-Kummissjoni b’informazzjoni dwar il-kumpaniji tagħhom fi żmien sebat ijiem mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika. Din l-informazzjoni trid tiġi pprovduta permezz ta’ TRON.tdi f’dan l-indirizz: https://tron.trade.ec.europa.eu/tron/tdi/form/30625d3d-aeae-265e-2dd0-67ad20871175. L-informazzjoni dwar l-aċċess għal Tron tinsab fit-Taqsimiet 5.6 u 5.9 ta’ hawn taħt.
Il-Kummissjoni, sabiex tikseb l-informazzjoni li tqis li hija meħtieġa għall-għażla tal-kampjun ta’ produtturi fil-pajjiż ikkonċernat, tikkuntattja wkoll lill-awtoritajiet tal-pajjiż ikkonċernat u tista’ tikkuntattja lil kwalunkwe assoċjazzjoni magħrufa ta’ produtturi fil-pajjiż ikkonċernat.
Jekk ikun meħtieġ kampjun, il-produtturi jintgħażlu abbażi tal-ikbar volum rappreżentattiv ta’ produzzjoni, bejgħ jew esportazzjonijiet lejn l-Unjoni Ewropea, li jista’ raġonevolment jiġi investigat fiż-żmien disponibbli. Il-produtturi magħrufa kollha fil-pajjiż ikkonċernat, l-awtoritajiet tal-pajjiż ikkonċernat u l-assoċjazzjonijiet ta’ produtturi fil-pajjiż ikkonċernat jiġu nnotifikati mill-Kummissjoni, permezz tal-awtoritajiet tal-pajjiż ikkonċernat jekk ikun xieraq, dwar il-kumpaniji magħżula biex ikunu fil-kampjun.
Ladarba l-Kummissjoni tkun irċeviet l-informazzjoni meħtieġa biex tagħżel kampjun ta’ produtturi, hija tinforma lill-partijiet ikkonċernati bid-deċiżjoni tagħha dwar jekk dawn humiex inklużi fil-kampjun. Il-produtturi fil-kampjun ikollhom jippreżentaw kwestjonarju komplut fi żmien 30 jum mid-data tan-notifika tad-deċiżjoni tal-inklużjoni tagħhom fil-kampjun, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor.
Il-Kummissjoni żżid nota fil-fajl għall-ispezzjoni mill-partijiet interessati li tirrifletti l-għażla tal-kampjun. Kwalunkwe kumment dwar l-għażla tal-kampjun irid jasal fi żmien tlett ijiem mid-data tan-notifika tad-deċiżjoni dwar il-kampjun.
Kopja tal-kwestjonarju għall-produtturi fil-pajjiż ikkonċernat hija disponibbli fil-fajl għall-ispezzjoni mill-partijiet interessati u fuq is-sit web tad-DĠ Kummerċ
https://trade.ec.europa.eu/tdi/case_details.cfm?id=2474.
Mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni possibbli tal-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku, il-kumpaniji li jkunu qablu mal-inklużjoni possibbli tagħhom fil-kampjun iżda li ma jintgħażlux biex ikunu fil-kampjun se jitqiesu li jkunu kkooperaw (“produtturi li kkooperaw iżda li mhumiex inklużi fil-kampjun”).
5.3.2. Investigazzjoni tal-importaturi mhux relatati (9) (10)
L-importaturi li mhumiex relatati tal-prodott soġġett għal rieżami mill-pajjiż ikkonċernat lejn l-Unjoni, inklużi dawk li ma kkooperawx fl-investigazzjoni(jiet) li wasslu għall-miżuri fis-seħħ, huma mistiedna jipparteċipaw f’din l-investigazzjoni.
Minħabba l-għadd kbir potenzjali ta’ importaturi li mhumiex relatati involuti f’dan ir-rieżami ta’ skadenza, u sabiex l-investigazzjoni titlesta fil-limiti ta’ żmien statutorji, il-Kummissjoni tista’ tillimita l-għadd ta’ importaturi li mhumiex relatati u li se jiġu investigati għal għadd raġonevoli billi tagħżel kampjun (dan il-proċess jissejjaħ ukoll “kampjunar”). Il-kampjunar isir f’konformità mal-Artikolu 17 tar-Regolament bażiku.
Sabiex il-Kummissjoni tkun tista’ tiddeċiedi jekk huwiex meħtieġ il-kampjunar, u jekk dan ikun il-każ, biex tagħżel kampjun, l-importaturi li mhumiex relatati kollha, jew ir-rappreżentanti li jaġixxu għan-nom tagħhom, inklużi dawk li ma kkooperawx fl-investigazzjoni li wasslet għall-miżuri soġġetti għal dan ir-rieżami, huma b’dan mitluba jippreżentaw lilhom infushom lill-Kummissjoni. Dawn il-partijiet iridu jagħmlu dan fi żmien sebat ijiem mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika billi jipprovdu lill-Kummissjoni b’informazzjoni dwar il-kumpanija/i tagħhom, kif mitlub fl-Anness ta’ din in-Notifika.
Sabiex tikseb l-informazzjoni li jidhrilha li hija meħtieġa għall-għażla tal-kampjun ta’ importaturi li mhumiex relatati, il-Kummissjoni tista’ tikkuntattja wkoll lil kwalunkwe assoċjazzjoni magħrufa ta’ importaturi.
Jekk ikun meħtieġ kampjun, l-importaturi jistgħu jintgħażlu abbażi tal-ikbar volum rappreżentattiv ta’ bejgħ tal-prodott soġġett għal rieżami mill-pajjiż ikkonċernat fl-Unjoni li jista’ jiġi investigat b’mod raġonevoli fiż-żmien disponibbli. Il-Kummissjoni se tgħarraf lill-importaturi li mhumiex relatati magħrufa kollha u lill-assoċjazzjonijiet magħrufa kollha ta’ importaturi dwar il-kumpaniji li jkunu ntgħażlu bħala parti mill-kampjun.
Il-Kummissjoni se żżid ukoll nota fil-fajl għall-ispezzjoni mill-partijiet interessati li tirrifletti l-għażla tal-kampjun. Kwalunkwe kumment dwar l-għażla tal-kampjun irid jasal fi żmien tlett ijiem mid-data tan-notifika tad-deċiżjoni dwar il-kampjun.
Sabiex tikseb informazzjoni li tqis bħala meħtieġa għall-investigazzjoni tagħha, il-Kummissjoni se tibgħat kwestjonarji lill-importaturi li mhumiex relatati fil-kampjun. Dawk il-partijiet iridu jibagħtu kwestjonarju mimli fi żmien 30 jum mid-data tan-notifika tal-għażla tal-kampjun, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor.
Kopja tal-kwestjonarju għall-importaturi li mhumiex relatati tinsab fil-fajl għall-ispezzjoni mill-partijiet interessati u fis-sit web tad-DĠ Kummerċ https://trade.ec.europa.eu/tdi/case_details.cfm?id=2474.
5.4. Proċedura għad-determinazzjoni ta’ probabbiltà ta’ kontinwazzjoni jew ta’ rikorrenza ta’ dannu
Sabiex jiġi stabbilit jekk hemmx probabbiltà ta’ kontinwazzjoni jew ta’ rikorrenza ta’ dannu għall-industrija tal-Unjoni, il-produtturi tal-Unjoni tal-prodott soġġett għal rieżami huma mistiedna jipparteċipaw fl-investigazzjoni tal-Kummissjoni.
5.4.1. Investigazzjoni tal-produtturi tal-Unjoni
Fid-dawl tal-għadd kbir ta’ produtturi tal-Unjoni involuti f’dan ir-rieżami ta’ skadenza u sabiex ittemm l-investigazzjoni fil-limiti ta’ żmien statutorji, il-Kummissjoni ddeċidiet li tillimita l-għadd ta’ produtturi tal-Unjoni li jiġu investigati għal għadd raġonevoli billi tagħżel kampjun (dan il-proċess jissejjaħ ukoll “kampjunar”). Il-kampjunar isir f’konformità mal-Artikolu 17 tar-Regolament bażiku.
Il-Kummissjoni għażlet kampjun provviżorju ta’ produtturi tal-Unjoni. Id-dettalji jinsabu fil-fajl għall-ispezzjoni mill-partijiet interessati. Il-partijiet interessati huma b’dan mistiedna jikkummentaw dwar il-kampjun provviżorju. Barra minn hekk, produtturi oħra tal-Unjoni, jew rappreżentanti li jaġixxu għan-nom tagħhom, li jikkunsidraw li hemm raġunijiet għalfejn għandhom jiġu inklużi fil-kampjun, iridu jikkuntattjaw lill-Kummissjoni fi żmien sebat ijiem mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika. Il-kummenti kollha dwar il-kampjun provviżorju jridu jaslu fi żmien sebat ijiem mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor.
Il-Kummissjoni se tgħarraf lill-produtturi magħrufa tal-Unjoni u/jew lill-assoċjazzjonijiet magħrufa tal-produtturi tal-Unjoni kollha dwar il-kumpaniji li fl-aħħar mill-aħħar ikunu ntgħażlu bħala parti mill-kampjun.
Il-produtturi tal-Unjoni li jkunu parti mill-kampjun ikollhom jibagħtu kwestjonarju mimli fi żmien 30 jum mid-data tan-notifika tad-deċiżjoni tal-inklużjoni tagħhom fil-kampjun, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor.
Kopja tal-kwestjonarju għall-produtturi tal-Unjoni hija disponibbli fil-fajl għall-ispezzjoni mill-partijiet interessati u fuq is-sit web tad-DĠ Kummerċ https://trade.ec.europa.eu/tdi/case_details.cfm?id=2474.
5.5. Proċedura għall-valutazzjoni tal-interessi tal-Unjoni
Jekk tiġi kkonfermata l-probabbiltà ta’ kontinwazzjoni jew ta’ rikorrenza ta’ dumping u ta’ kontinwazzjoni jew ta’ rikorrenza ta’ dannu, il-Kummissjoni tiddetermina, skont l-Artikolu 21 tar-Regolament bażiku, jekk iż-żamma tal-miżuri anti-dumping tmurx kontra l-interessi tal-Unjoni.
Il-produtturi tal-Unjoni, l-importaturi u l-assoċjazzjonijiet rappreżentattivi tagħhom, l-utenti u l-assoċjazzjonijiet rappreżentattivi tagħhom, it-trade unions u l-organizzazzjonijiet tal-konsumatur rappreżentattivi huma mistiedna jipprovdu lill-Kummissjoni b’informazzjoni dwar l-interessi tal-Unjoni. Sabiex jipparteċipaw fl-investigazzjoni, l-organizzazzjonijiet tal-konsumatur rappreżentattivi jridu juru li hemm rabta oġġettiva bejn l-attivitajiet tagħhom u l-prodott soġġett għal rieżami.
L-informazzjoni dwar il-valutazzjoni tal-interessi tal-Unjoni trid tiġi pprovduta fi żmien 37 jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor. Din l-informazzjoni tista’ tiġi pprovduta jew fil-format ta’ test liberu jew inkella billi jimtela kwestjonarju mħejji mill-Kummissjoni.
Kopja tal-kwestjonarji, inkluż il-kwestjonarju għall-utenti tal-prodott soġġett għal rieżami, hija disponibbli fil-fajl għall-ispezzjoni mill-partijiet interessati u fuq is-sit web tad-DĠ Kummerċ https://trade.ec.europa.eu/tdi/case_details.cfm?id=2474. Fi kwalunkwe każ, l-informazzjoni ppreżentata skont l-Artikolu 21 titqies biss jekk, meta tiġi ppreżentata, tkun sostnuta b’evidenza fattwali li tissostanzja l-validità tagħha.
5.6. Partijiet interessati
Sabiex jipparteċipaw fl-investigazzjoni, il-partijiet interessati, bħall-produtturi fil-pajjiż ikkonċernat, il-produtturi tal-Unjoni, l-importaturi u l-assoċjazzjonijiet rappreżentattivi tagħhom, l-utenti u l-assoċjazzjonijiet rappreżentattivi tagħhom, it-trade unions u l-organizzazzjonijiet tal-konsumatur rappreżentattivi, l-ewwel iridu juru li hemm rabta oġġettiva bejn l-attivitajiet tagħhom u l-prodott soġġett għal rieżami.
Il-produtturi fil-pajjiż ikkonċernat, il-produtturi tal-Unjoni, l-importaturi u l-assoċjazzjonijiet rappreżentattivi li rendew disponibbli informazzjoni f’konformità mal-proċeduri deskritti fit-Taqsimiet 5.2, 5.3, 5.4 u 5.5 jiġu kkunsidrati bħala partijiet interessati jekk ikun hemm rabta oġġettiva bejn l-attivitajiet tagħhom u l-prodott soġġett għal rieżami.
Partijiet oħra jkunu jistgħu jipparteċipaw biss fl-investigazzjoni bħala parti interessata mill-mument meta jippreżentaw lilhom infushom, u dment li jkun hemm rabta oġġettiva bejn l-attivitajiet tagħhom u l-prodott soġġett għal rieżami. Il-fatt li wieħed jiġi kkunsidrat bħala parti interessata huwa mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni tal-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku.
L-aċċess għall-fajl disponibbli għall-ispezzjoni mill-partijiet interessati jsir permezz ta’ Tron.tdi f’dan l-indirizz: https://tron.trade.ec.europa.eu/tron/TDI. Jekk jogħġbok segwi l-istruzzjonijiet fuq dik il-paġna sabiex ikollok aċċess.
5.7. Preżentazzjonijiet oħrajn bil-miktub
Soġġett għad-dispożizzjonijiet ta’ din in-Notifika, il-partijiet interessati kollha huma b’dan mistiedna jesprimu l-opinjonijiet tagħhom, jippreżentaw l-informazzjoni u jipprovdu evidenza ta’ sostenn. Sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor, tali informazzjoni u l-evidenza ta’ sostenn iridu jaslu għand il-Kummissjoni fi żmien 37 jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika.
5.8. Possibbiltà ta’ seduta ta’ smigħ mis-servizzi ta’ investigazzjoni tal-Kummissjoni
Il-partijiet interessati kollha jistgħu jitolbu għal seduta ta’ smigħ mis-servizzi ta’ investigazzjoni tal-Kummissjoni. Kwalunkwe talba għal seduta ta’ smigħ trid issir bil-miktub u trid tispeċifika r-raġunijiet għat-talba kif ukoll sommarju ta’ dak li l-parti interessata tixtieq tiddiskuti matul is-seduta ta’ smigħ. Is-seduta ta’ smigħ tkun limitata għall-kwistjonijiet stabbiliti minn qabel mill-partijiet interessati bil-miktub.
Fil-prinċipju, is-seduti ta’ smigħ ma jintużawx biex tiġi ppreżentata informazzjoni fattwali li tkun għadha mhijiex fil-fajl. Madankollu, fl-interess ta’ amministrazzjoni tajba u sabiex is-servizzi tal-Kummissjoni jkunu jistgħu jimxu ’l quddiem bl-investigazzjoni, il-partijiet interessati jistgħu jiġu mitluba jipprovdu informazzjoni fattwali ġdida wara seduta ta’ smigħ.
5.9. Struzzjonijiet għat-tfassil ta’ preżentazzjonijiet bil-miktub u biex jintbagħtu l-kwestjonarji mimlija u l-korrispondenza
L-informazzjoni ppreżentata lill-Kummissjoni għall-fini ta’ investigazzjonijiet għad-difiża tal-kummerċ għandha tkun ħielsa mid-drittijiet tal-awtur. Il-partijiet interessati, qabel ma jippreżentaw lill-Kummissjoni b’informazzjoni u/jew b’data soġġetti għad-drittijiet tal-awtur ta’ parti terza, iridu jitolbu permess speċifiku lid-detentur tad-drittijiet tal-awtur li jippermetti b’mod espliċitu li l-Kummissjoni (a) tuża l-informazzjoni u d-data għall-fini ta’ dan il-proċediment tad-difiża tal-kummerċ u (b) tipprovdi l-informazzjoni u/jew id-data lill-partijiet interessati f’din l-investigazzjoni f’għamla li tippermettilhom jeżerċitaw id-drittijiet tad-difiża tagħhom.
Il-preżentazzjonijiet bil-miktub kollha, inkluża l-informazzjoni mitluba f’din in-Notifika, il-kwestjonarji mimlija u l-korrispondenza pprovduta mill-partijiet interessati li għalihom jintalab trattament kunfidenzjali għandhom jiġu mmarkati “Sensitive” (11) (Sensittiv). Il-partijiet li jippreżentaw informazzjoni matul din l-investigazzjoni huma mistiedna jagħtu raġuni għat-talba tagħhom għal trattament kunfidenzjali.
Il-partijiet interessati li jipprovdu informazzjoni li tkun “Sensitive” huma mitluba jipprovdu sommarji mhux kunfidenzjali tagħha skont l-Artikolu 19(2) tar-Regolament bażiku, filwaqt li jimmarkawha “For inspection by interested parties” (Għall-ispezzjoni mill-partijiet interessati). Dawn is-sommarji jridu jkunu ddettaljati biżżejjed biex jippermettu li s-sustanza tal-informazzjoni ppreżentata b’mod kunfidenzjali tinftiehem b’mod raġonevoli. Jekk parti li tipprovdi informazzjoni kunfidenzjali tonqos milli tagħti raġunijiet ġusti għal talba ta’ trattament kunfidenzjali jew ma tfassalx sommarju mhux kunfidenzjali tagħha fil-format u bil-kwalità mitluba, il-Kummissjoni tista’ tinjora tali informazzjoni sakemm ma jkunx jista’ jintwera b’mod sodisfaċenti minn sorsi xierqa li l-informazzjoni hija korretta.
Il-partijiet interessati huma mistiedna jagħmlu l-preżentazzjonijiet kollha u t-talba tagħhom permezz ta’ TRON.tdi (https://tron.trade.ec.europa.eu/tron/tdi) inklużi dokumenti skennjati ta’ prokuri u ta’ ċertifikazzjoni. Meta jużaw TRON.tdi jew il-posta elettronika, il-partijiet interessati jkunu qed jesprimu l-qbil tagħhom mar-regoli applikabbli għall-preżentazzjonijiet elettroniċi li jinsabu fid-dokument “CORRESPONDENCE WITH THE EUROPEAN COMMISSION IN TRADE DEFENCE CASES” (KORRISPONDENZA MAL-KUMMISSJONI EWROPEA F’KAŻIJIET TA’ DIFIŻA TAL-KUMMERĊ) ippubblikat fis-sit web tad-Direttorat Ġenerali għall-Kummerċ: https://trade.ec.europa.eu/doclib/docs/2014/june/tradoc_152577.pdf. Il-partijiet interessati jridu jindikaw isimhom, l-indirizz, in-numru tat-telefon u indirizz tal-posta elettronika validu u jenħtieġ li jiżguraw li l-indirizz tal-posta elettronika pprovdut ikun indirizz tal-posta elettronika tax-xogħol uffiċjali, li jaħdem u li jiġi vverifikat kuljum. Ladarba jiġu pprovduti d-dettalji ta’ kuntatt, il-Kummissjoni tikkomunika mal-partijiet interessati permezz ta’ TRON.tdi jew il-posta elettronika biss, sakemm ma jitolbux li jirċievu d-dokumenti kollha mingħand il-Kummissjoni b’mezz ieħor ta’ komunikazzjoni jew sakemm in-natura tad-dokument li jrid jintbagħat ma tkunx teħtieġ l-użu tal-posta rreġistrata. Għal regoli u għal informazzjoni ulterjuri dwar il-korrispondenza mal-Kummissjoni, inklużi l-prinċipji li japplikaw għall-preżentazzjonijiet bi TRON.tdi u bil-posta elettronika, jenħtieġ li l-partijiet interessati jikkonsultaw l-istruzzjonijiet ta’ komunikazzjoni mal-partijiet interessati msemmija hawn fuq.
L-indirizz tal-Kummissjoni għall-korrispondenza:
European Commission |
Directorate General for Trade |
Directorate H |
Office: CHAR 04/039 |
1049 Bruxelles/Brussel |
BELGIQUE/BELGIË |
TRON.tdi: https://tron.trade.ec.europa.eu/tron/tdi
L-indirizzi tal-posta elettronika għall-aspetti ta’ dumping u l-aspetti ta’ dannu rispettivament:
TRADE-R723-BIODIESEL-DUMPING@ec.europa.eu
TRADE-R723-BIODIESEL-INJURY@ec.europa.eu
6. Skeda tal-investigazzjoni
L-investigazzjoni għandha normalment tiġi konkluża fi żmien 12-il xahar, u fi kwalunkwe każ mhux aktar tard minn 15-il xahar mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika, skont l-Artikolu 11(5) tar-Regolament bażiku.
7. Preżentazzjoni tal-informazzjoni
Bħala regola, il-partijiet interessati jistgħu jippreżentaw l-informazzjoni biss fil-perjodi ta’ żmien speċifikati fit-Taqsima 5 ta’ din in-Notifika.
Sabiex l-investigazzjoni titlesta fl-iskadenzi obbligatorji, il-Kummissjoni mhix se taċċetta iktar preżentazzjonijiet mingħand il-partijiet interessati wara l-iskadenza għal kummenti dwar l-iżvelar finali jew, jekk ikun applikabbli, wara l-iskadenza għal kummenti dwar l-iżvelar finali addizzjonali.
8. Possibbiltà għal kummenti dwar il-preżentazzjonijiet ta’ partijiet oħra
Sabiex jiġu ggarantiti d-drittijiet tad-difiża, jenħtieġ li l-partijiet interessati jkollhom il-possibbiltà li jikkummentaw dwar l-informazzjoni ppreżentata minn partijiet interessati oħra. Meta jagħmlu dan, il-partijiet interessati jistgħu biss jindirizzaw kwistjonijiet imqajma fil-preżentazzjonijiet ta’ partijiet interessati oħra u ma jistgħux iqajmu kwistjonijiet ġodda.
Jenħtieġ li l-kummenti dwar l-informazzjoni pprovduta minn partijiet interessati oħra b’reazzjoni għall-iżvelar tas-sejbiet definittivi, jiġu ppreżentati fi żmien ħamest ijiem mill-iskadenza għal kummenti dwar is-sejbiet definittivi, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor. Jekk ikun hemm żvelar finali addizzjonali, jenħtieġ li l-kummenti mressqa minn partijiet interessati oħra b’reazzjoni għal dan l-iżvelar ulterjuri jsiru fi żmien ġurnata waħda mill-iskadenza għal kummenti dwar dan l-iżvelar ulterjuri, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor.
L-iskeda ta’ żmien indikata hija mingħajr preġudizzju għad-dritt tal-Kummissjoni li titlob informazzjoni addizzjonali mingħand il-partijiet interessati f’każijiet debitament ġustifikati.
9. Estensjoni tal-limiti ta’ żmien speċifikati f’din in-Notifika
L-estensjonijiet tal-limiti ta’ żmien previsti f’din in-Notifika jistgħu jingħataw fuq talba min-naħa tal-partijiet interessati li jkollhom raġuni valida.
Jenħtieġ li kwalunkwe estensjoni tal-limiti ta’ żmien prevista f’din in-Notifika tintalab biss f’ċirkostanzi eċċezzjonali u tingħata biss jekk tkun debitament ġustifikata. Fi kwalunkwe każ, kwalunkwe estensjoni għall-iskadenza biex jintbagħtu l-kwestjonarji mimlija normalment tkun limitata għal tlett ijiem, u bħala regola ma taqbiżx sebat ijiem. Fir-rigward tal-limiti ta’ żmien għall-preżentazzjoni ta’ informazzjoni oħra speċifikata fin-Notifika ta’ Bidu, l-estensjonijiet ikunu limitati għal tlett ijiem sakemm ma jintwerewx xi ċirkostanzi eċċezzjonali.
10. Nuqqas ta’ kooperazzjoni
F’każijiet fejn xi parti interessata tirrifjuta l-aċċess għall-informazzjoni meħtieġa jew ma tipprovdihiex fil-limiti ta’ żmien, jew tfixkel b’mod sinifikanti l-investigazzjoni, jistgħu jiġu stabbiliti sejbiet, sew jekk pożittivi kif ukoll jekk negattivi, abbażi tal-fatti disponibbli, f’konformità mal-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku.
Fejn jinstab li xi parti interessata tkun ipprovdiet informazzjoni falza jew qarrieqa, l-informazzjoni tista’ tiġi injorata u jistgħu jintużaw il-fatti disponibbli.
Jekk parti interessata ma tikkooperax jew tikkoopera parzjalment biss u għalhekk is-sejbiet ikunu bbażati fuq il-fatti disponibbli skont l-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku, ir-riżultat jista’ jkun inqas favorevoli għal dik il-parti milli kieku tkun ikkooperat.
In-nuqqas ta’ risposta kompjuterizzata ma għandux jitqies li jikkostitwixxi nuqqas ta’ kooperazzjoni, dment li l-parti interessata turi li l-preżentazzjoni tar-risposta kif mitluba kienet tirriżulta f’oneru żejjed mhux raġonevoli jew fi spiża addizzjonali mhux raġonevoli. Jenħtieġ li l-parti interessata tikkuntattja immedjatament lill-Kummissjoni.
11. Uffiċjal tas-Seduta ta’ Smigħ
Il-partijiet interessati jistgħu jitolbu l-intervent tal-Uffiċjal tas-Seduta ta’ Smigħ għal proċedimenti tal-kummerċ. L-Uffiċjal tas-Seduta ta’ Smigħ jirrieżamina t-talbiet għall-aċċess għall-fajl, it-tilwim fir-rigward tal-kunfidenzjalità tad-dokumenti, it-talbiet għal estensjoni tal-limiti ta’ żmien u kwalunkwe talba oħra dwar id-drittijiet tad-difiża tal-partijiet interessati u tal-partijiet terzi li jaf tfeġġ matul il-proċediment.
L-Uffiċjal tas-Seduta ta’ Smigħ jista’ jorganizza seduti ta’ smigħ u jagħmilha ta’ medjatur bejn il-parti(jiet) interessata/i u s-servizzi tal-Kummissjoni sabiex jiżgura li d-drittijiet tad-difiża tal-partijiet interessati jkunu qed jiġu eżerċitati bis-sħiħ. Jenħtieġ li t-talba għal seduta ta’ smigħ mal-Uffiċjal tas-Seduta ta’ Smigħ issir bil-miktub u jenħtieġ li tispeċifika r-raġunijiet għat-talba. L-Uffiċjal tas-Seduta ta’ Smigħ jeżamina r-raġunijiet għat-talbiet. Jenħtieġ li dawn is-seduti ta’ smigħ isiru biss jekk il-kwistjonijiet ma jkunux ġew solvuti mas-servizzi tal-Kummissjoni fi żmien debitu.
Kwalunkwe talba trid tiġi ppreżentata fi żmien raġonevoli u f’qasir żmien sabiex ma xxekkilx l-andament tajjeb tal-proċedimenti. Għal dak l-għan, jenħtieġ li l-partijiet interessati jitolbu l-intervent tal-Uffiċjal tas-Seduta ta’ Smigħ minn kmieni kemm jista’ jkun wara li jseħħ l-avveniment li jiġġustifika tali intervent. Meta t-talbiet għal seduti ta’ smigħ jiġu ppreżentati barra mill-iskedi ta’ żmien rilevanti, l-Uffiċjal tas-Seduta ta’ Smigħ jeżamina wkoll ir-raġunijiet għalfejn tali talbiet saru daqshekk tard, in-natura tal-kwistjonijiet imqajma u l-impatt ta’ dawn il-kwistjonijiet fuq id-drittijiet tad-difiża, filwaqt li jqis kif dovut l-interessi ta’ amministrazzjoni tajba u t-tlestija tal-investigazzjoni fil-ħin.
Għal iktar informazzjoni u għad-dettalji ta’ kuntatt, il-partijiet interessati jistgħu jikkonsultaw il-paġni web tal-Uffiċjal tas-Seduta ta’ Smigħ fuq is-sit web tad-DĠ Kummerċ: http://ec.europa.eu/trade/trade-policy-and-you/contacts/hearing-officer/.
12. Possibbiltà li jintalab rieżami skont l-Artikolu 11(3) tar-Regolament bażiku
Billi dan ir-rieżami ta’ skadenza qed jinbeda f’konformità mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 11(2) tar-Regolament bażiku, is-sejbiet tiegħu mhux se jwasslu biex il-miżuri eżistenti jiġu emendati iżda biex dawk il-miżuri jitħassru jew jinżammu skont l-Artikolu 11(6) tar-Regolament bażiku.
Jekk xi parti interessata tikkunsidra li jkun ġustifikat li jsir rieżami tal-miżuri, sabiex ikun possibbli li l-miżuri jiġu emendati, din il-parti tista’ titlob li jsir rieżami skont l-Artikolu 11(3) tar-Regolament bażiku.
Il-partijiet li jixtiequ jitolbu għal tali rieżami, li jsir indipendentement mir-rieżami ta’ skadenza msemmi f’din in-Notifika, jistgħu jikkuntattjaw lill-Kummissjoni fl-indirizz mogħti hawn fuq.
13. Ipproċessar tad-data personali
Kwalunkwe data personali li tinġabar f’din l-investigazzjoni tiġi ttrattata f’konformità mar-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (12).
Notifika dwar il-protezzjoni tad-data li tinforma lill-individwi kollha dwar l-ipproċessar tad-data personali fil-qafas tal-attivitajiet tad-difiża tal-kummerċ tal-Kummissjoni tinsab fis-sit web tad-DĠ Kummerċ: http://ec.europa.eu/trade/policy/accessing-markets/trade-defence/.
(1) Avviż dwar l-iskadenza imminenti ta’ ċerti miżuri anti-dumping (ĠU C 18, 20.01.2020, p. 20).
(2) ĠU L 176, 30.6.2016, p. 21.
(3) Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 599/2009 tas-7 ta’ Lulju 2009 li jimponi dazju anti-dumping definittiv u jiġbor b’mod definittiv id-dazju provviżorju impost fuq l-importazzjonijiet tal-bijodiżil li joriġinaw mill-Istati Uniti tal-Amerka (ĠU L 179, 10.7.2009, p. 26).
(4) Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 444/2011 tal-5 ta’ Mejju 2011 li jestendi d-dazju anti-dumping definittiv impost mir-Regolament (KE) Nru 599/2009 għall-importazzjonijiet tal-bijodiżil li joriġinaw mill-Istati Uniti tal-Amerka għall-importazzjonijiet ta’ bijodiżil ikkunsinnati mill-Kanada, kemm jekk iddikjarat li joriġinaw mill-Kanada, kif ukoll jekk le, u li jestendi d-dazju anti-dumping definittiv impost mir-Regolament (KE) Nru 599/2009 għall-importazzjonijiet tal-bijodiżil f’taħlita li fiha bil-piż 20 % jew inqas ta’ bijodiżil li joriġina mill-Istati Uniti tal-Amerka, u li jtemm l-investigazzjoni fir-rigward tal-importazzjonijiet ikkunsinnati minn Singapore (ĠU L 122, 11.5.2011, p. 12).
(5) Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/1518 tal-14 ta’ Settembru 2015 li jimponi dazju anti-dumping definittiv fuq l-importazzjonijiet ta’ bijodiżil li joriġinaw mill-Istati Uniti tal-Amerka wara rieżami ta’ skadenza skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009 (ĠU L 239, 15.9.2015, p. 69).
(6) Ir-Regolament (UE) 2018/825 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 2018 li jemenda r-Regolament (UE) 2016/1036 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Unjoni Ewropea u r-Regolament (UE) 2016/1037 dwar il-protezzjoni kontra importazzjonijiet sussidjati minn pajjiżi li mhumiex membri tal-Unjoni Ewropea (ĠU L 143, 7.6.2018, p. 1).
(7) https://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/?uri=CELEX%3A52020XC0316%2802%29
(8) Produttur huwa kwalunkwe kumpanija fil-pajjiżi kkonċernati li tipproduċi l-prodott soġġett għal rieżami, inkluża kwalunkwe kumpanija relatata magħha li tkun involuta fil-produzzjoni, fil-bejgħ domestiku jew fl-esportazzjonijiet tal-prodott soġġett għal rieżami.
(9) Għall-kampjunar jistgħu jintgħażlu biss importaturi li mhumiex relatati ma’ produtturi fil-pajjiż ikkonċernat. L-importaturi li huma relatati mal-produtturi jridu jimlew l-Anness I tal-kwestjonarju għal dawn il-produtturi esportaturi. F’konformità mal-Artikolu 127 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/2447 tal-24 ta’ Novembru 2015 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni, żewġ persuni għandhom jitqiesu li jkunu relatati jekk: (a) ikunu uffiċjali jew diretturi tan-negozju tal-persuna l-oħra; (b) ikunu sħab rikonoxxuti legalment fin-negozju; (c) ikunu min iħaddem u l-impjegat; (d) parti terza tippossjedi jew tikkontrolla jew iżżomm direttament jew indirettament 5 % jew aktar tal-azzjoni bid-dritt tal-vot jew l-ishma pendenti tat-tnejn li huma; (e) waħda minnhom tikkontrolla direttament jew indirettament lill-persuna l-oħra; (f) it-tnejn li huma jkunu direttament jew indirettament ikkontrollati minn persuna terza; (g) flimkien jikkontrollaw persuna terza direttament jew indirettament; jew (h) ikunu membri tal-istess familja (ĠU L 343, 29.12.2015, p. 558). Il-persuni għandhom jitqiesu li jkunu membri tal-istess familja jekk ikollhom kwalunkwe waħda mir-relazzjonijiet segwenti ma’ xulxin biss: (i) konjuġi, (ii) ġenitur u wild, (iii) aħwa (sew jekk mill-istess ġenituri jew aħwa minn ġenitur wieħed), (iv) nannu jew nanna u neputi jew neputija, (v) ziju jew zija u neputi jew neputija, (vi) ġenitur tar-rispett u wild tar-rispett, (vii) aħwa tar-rispett. F’konformità mal-Artikolu 5(4) tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni, “persuna” tfisser persuna fiżika, persuna ġuridika u kwalunkwe assoċjazzjoni ta’ persuni li mhijiex persuna ġuridika iżda li hija rikonoxxuta taħt il-liġi tal-Unjoni jew nazzjonali bħala li jkollha l-kapaċità biex tagħmel atti legali (ĠU L 269, 10.10.2013, p. 1).
(10) Id-data pprovduta minn importaturi mhux relatati tista’ tintuża wkoll b’rabta ma’ aspetti oħra ta’ din l-investigazzjoni għajr biex jiġi stabbilit id-dumping.
(11) Dokument li jkun “Sensitive” huwa dokument li jitqies li jkun kunfidenzjali skont l-Artikolu 19 tar-Regolament bażiku u l-Artikolu 6 tal-Ftehim tad-WTO dwar l-Implimentazzjoni tal-Artikolu VI tal-GATT 1994 (il-Ftehim dwar l-Anti-Dumping). Huwa wkoll dokument protett skont l-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 145, 31.5.2001, p. 43).
(12) Ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39).
ANNESS
☐ |
Verżjoni “Sensitive” |
☐ |
Verżjoni “Għall-ispezzjoni mill-partijiet interessati” |
(immarka l-kaxxa rilevanti) |
RIEŻAMI TA’ SKADENZA TAL-MIŻURI ANTI-DUMPING APPLIKABBLI GĦALL-IMPORTAZZJONIJIET TA’ BIJODIŻIL LI JORIĠINAW MILL-ISTATI UNITI TAL-AMERKA
INFORMAZZJONI GĦALL-GĦAŻLA TAL-KAMPJUN TA’ IMPORTATURI LI MHUMIEX RELATATI
Din il-formola hija mfassla biex tgħin lill-importaturi li mhumiex relatati jwieġbu t-talba għal informazzjoni rigward il-kampjunar li saret fil-punt 5.3.2 tan-Notifika ta’ bidu.
Kemm il-verżjoni “Sensitive” kif ukoll il-verżjoni “Għall-ispezzjoni mill-partijiet interessati” iridu jintbagħtu lura lill-Kummissjoni kif stabbilit fin-Notifika ta’ bidu.
1. DETTALJI TA’ KUNTATT U IDENTITÀ
Agħti d-dettalji li ġejjin dwar il-kumpanija tiegħek:
Isem il-kumpanija |
|
Indirizz |
|
Persuna ta’ kuntatt |
|
Indirizz tal-posta elettronika |
|
Numru tat-telefon |
|
Faks |
|
2. FATTURAT U VOLUM TA’ BEJGĦ
Indika l-fatturat totali tal-kumpanija tiegħek f’euro (EUR), u l-fatturat u l-piż tal-importazzjonijiet lejn l-Unjoni u l-bejgħ mill-ġdid fis-suq tal-Unjoni wara l-importazzjoni mill-Istati Uniti tal-Amerka, matul il-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami (mill-1 ta’ Lulju 2019 sat-30 ta’ Ġunju 2020) rigward il-prodott soġġett għal rieżami kif definit fin-Notifika ta’ bidu.
|
Tunnellati |
Valur f’euro (EUR) |
Fatturat totali tal-kumpanija tiegħek f’euro (EUR) |
|
|
Importazzjonijiet fl-Unjoni tal-prodott soġġett għal rieżami u li joriġina fl-Istati Uniti tal-Amerka |
|
|
Importazzjonijiet fl-Unjoni tal-prodott soġġett għal rieżami (kwalunkwe oriġini) |
|
|
Bejgħ mill-ġdid fis-suq tal-Unjoni wara l-importazzjoni mill-Istati Uniti tal-Amerka tal-prodott soġġett għal rieżami |
|
|
3. ATTIVITAJIET TAL-KUMPANIJA TIEGĦEK U TAL-KUMPANIJI RELATATI (1)
Agħti dettalji tal-attivitajiet preċiżi tal-kumpanija tiegħek u tal-kumpaniji relatati kollha (elenkahom u ddikjara r-relazzjoni tagħhom mal-kumpanija tiegħek) involuti fil-produzzjoni u/jew fil-bejgħ (f’esportazzjonijiet u/jew domestiku) tal-prodott soġġett għal rieżami. Attivitajiet bħal dawn jistgħu jinkludu x-xiri tal-prodott soġġett għal rieżami jew il-produzzjoni tiegħu skont arranġamenti ta’ sottokuntrattar, jew l-ipproċessar jew in-negozjar tal-prodott soġġett għal rieżami, iżda mhumiex limitati għal dawn biss.
Isem il-kumpanija u fejn tinsab |
Attivitajiet |
Relazzjoni |
|
|
|
|
|
|
|
|
|
4. INFORMAZZJONI OĦRA
|
Agħti kwalunkwe informazzjoni rilevanti oħra li tikkunsidra li tkun utli biex tgħin lill-Kummissjoni fl-għażla tal-kampjun. |
5. ĊERTIFIKAZZJONI
Meta tipprovdi l-informazzjoni ta’ hawn fuq, il-kumpanija tiegħek tkun qed taqbel mal-inklużjoni possibbli tagħha fil-kampjun. Jekk il-kumpanija tiegħek tintgħażel biex tkun parti mill-kampjun, dan ifisser li trid timla kwestjonarju u taċċetta li ssirilha żjara fil-post sabiex jiġu vverifikati r-risposti tagħha. Jekk il-kumpanija tiegħek tindika li ma taqbilx mal-possibbiltà li tiġi inkluża fil-kampjun, din titqies li ma kkooperatx fl-investigazzjoni. Is-sejbiet tal-Kummissjoni għall-importaturi li ma jikkooperawx jissejsu fuq il-fatti disponibbli u r-riżultat jista’ jkun inqas favorevoli għal dik il-kumpanija milli kieku tkun ikkooperat.
Firma tal-uffiċjal awtorizzat:
Isem u titlu tal-uffiċjal awtorizzat:
Data:
(1) F’konformità mal-Artikolu 127 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/2447 tal-24 ta’ Novembru 2015 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni, żewġ persuni għandhom jitqiesu bħala relatati jekk: (a) ikunu uffiċjali jew diretturi tan-negozju tal-persuna l-oħra; (b) ikunu sħab rikonoxxuti legalment fin-negozju; (c) ikunu min iħaddem u l-impjegat; (d) parti terza tippossjedi jew tikkontrolla jew iżżomm direttament jew indirettament 5 % jew aktar tal-azzjoni bid-dritt tal-vot jew l-ishma pendenti tat-tnejn li huma; (e) waħda minnhom tikkontrolla direttament jew indirettament lill-persuna l-oħra; (f) it-tnejn li huma jkunu direttament jew indirettament ikkontrollati minn persuna terza; (g) flimkien jikkontrollaw persuna terza direttament jew indirettament; jew (h) ikunu membri tal-istess familja (ĠU L 343, 29.12.2015, p. 558). Il-persuni għandhom jitqiesu li jkunu membri tal-istess familja jekk ikollhom kwalunkwe waħda mir-relazzjonijiet segwenti ma’ xulxin biss: (i) konjuġi, (ii) ġenitur u wild, (iii) aħwa (sew jekk mill-istess ġenituri jew aħwa minn ġenitur wieħed), (iv) nannu jew nanna u neputi jew neputija, (v) ziju jew zija u neputi jew neputija, (vi) ġenitur tar-rispett u wild tar-rispett, (vii) aħwa tar-rispett. F’konformità mal-Artikolu 5(4) tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni, “persuna” tfisser persuna fiżika, persuna ġuridika u kwalunkwe assoċjazzjoni ta’ persuni li mhijiex persuna ġuridika iżda li hija rikonoxxuta taħt il-liġi tal-Unjoni jew nazzjonali bħala li jkollha l-kapaċità biex tagħmel atti legali (ĠU L 269, 10.10.2013, p. 1).