Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52020SC0544

    DOKUMENT TA’ ĦIDMA TAL-PERSUNAL TAL-KUMMISSJONI SOMMARJU EŻEKUTTIV TAR-RAPPORT TAL-VALUTAZZJONI TAL-IMPATT Li jakkumpanja d-dokument REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL li jemenda r-Regolament (UE) 2016/794, fir-rigward tal-kooperazzjoni tal-Europol ma' partijiet privati, tal-ipproċessar ta' data personali mill-Europol b'appoġġ għall-investigazzjonijiet kriminali, u tar-rwol tal-Europol fir-riċerka u fl-innovazzjoni

    SWD/2020/544 final

    Brussell, 9.12.2020

    SWD(2020) 544 final

    DOKUMENT TA’ ĦIDMA TAL-PERSUNAL TAL-KUMMISSJONI

    SOMMARJU EŻEKUTTIV TAR-RAPPORT TAL-VALUTAZZJONI TAL-IMPATT

    Li jakkumpanja d-dokument

    REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

    li jemenda r-Regolament (UE) 2016/794, fir-rigward tal-kooperazzjoni tal-Europol ma' partijiet privati, tal-ipproċessar ta' data personali mill-Europol b'appoġġ għall-investigazzjonijiet kriminali, u tar-rwol tal-Europol fir-riċerka u fl-innovazzjoni

    {COM(2020) 796 final} - {SEC(2020) 545 final} - {SWD(2020) 543 final}


    Skeda tas-Sommarju Eżekuttiv

    Valutazzjoni tal-impatt dwar proposta biex jissaħħaħ il-mandat tal-Europol (reviżjoni mmirata tar-Regolament (UE) 2016/794).

    A. Ħtieġa li tittieħed azzjoni

    Għaliex? X’inhi l-problema li qed tiġi indirizzata?

    L-Ewropa qed tiffaċċja xenarju ta’ sigurtà fil-fluss, b’theddid għas-sigurtà li qed jevolvi u li dejjem qed isir aktar kumpless. Il-kriminali jisfruttaw il-vantaġġi li t-trasformazzjoni diġitali u t-teknoloġiji l-ġodda jġibu magħhom, inklużi l-interkonnettività u n-nuqqas ta’ distinzjoni bejn id-dinja fiżika u dik diġitali. Il-kriżi tal-COVID-19 iżżid ma’ dan, peress li l-kriminali malajr ħatfu l-opportunitajiet biex jisfruttaw il-kriżi billi adattaw il-modi ta’ kif jaħdmu jew jiżviluppaw attivitajiet kriminali ġodda. Dan it-theddid jinfirex lil hinn mill-fruntieri, u jaġevola varjetà ta’ forom ta’ reati. Peress li azzjoni fil-livell nazzjonali waħedha mhijiex biżżejjed biex tindirizza dawn l-isfidi tas-sigurtà transnazzjonali, l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi tal-Istati Membri qed jużaw dejjem aktar l-appoġġ u l-għarfien espert li l-Europol, l-aġenzija tal-UE għall-kooperazzjoni fl-infurzar tal-liġi, toffri fil-ġlieda kontra l-kriminalità serja u t-terroriżmu. L-ambjent ta’ theddid ġdid jibdel l-appoġġ li l-Istati Membri jeħtieġu u jistennew mill-Europol biex iżommu liċ-ċittadini sikuri, b’mod li ma kienx prevedibbli meta l-koleġiżlaturi nnegozjaw il-mandat attwali tal-Europol li daħal fis-seħħ fl-2016 (ir-Regolament tal-Europol (UE) 2016/794).

    B’mod partikolari, hemm tliet kwistjonijiet ewlenin li kollha għandhom x’jaqsmu mat-theddid għas-sigurtà li qed jevolvi, u l-bidliet konsegwenzjali li jġibu magħhom fil-bżonnijiet operazzjonali tal-Istati Membri biex jindirizzaw b’mod effettiv dan it-theddid:

    1)in-nuqqas ta’ kooperazzjoni effettiva bejn il-partijiet privati u l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi biex jiġi miġġieled l-abbuż ta’ servizzi transfruntiera mill-kriminali;

    2)l-isfida tal-Big Data għall-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi;

    3)il-lakuni fl-innovazzjoni u r-riċerka rilevanti għall-infurzar tal-liġi.

    Dawn jikkostitwixxu problemi prinċipali minħabba l-impatt tagħhom fuq is-sigurtà, u kif rifless minn appelli qawwija mill-koleġiżlaturi għall-azzjoni. Huma jqajmu għażliet importanti ta’ politika li jeħtieġu valutazzjoni dettaljata tal-ixprunaturi tal-problema, l-objettivi relatati, l-għażliet ta’ politika disponibbli u l-impatt tagħhom.

    X’mistennija tikseb din l-inizjattiva?

    Bi tweġiba għall-ħtiġijiet operazzjonali urġenti, u s-sejħiet mill-koleġiżlaturi għal appoġġ aktar b’saħħtu mill-Europol, il-Programm ta’ Ħidma tal-Kummissjoni għall-2020 ħabbar inizjattiva leġiżlattiva biex “jissaħħaħ il-mandat tal-Europol sabiex tiġi rinforzata l-kooperazzjoni operazzjonali tal-pulizija”. Din hija azzjoni ewlenija tal-Istrateġija dwar l-Unjoni tas-Sigurtà tal-UE ta’ Lulju 2020. F’konformità mas-sejħa tal-Linji Gwida Politiċi biex “isir dak kollu li huwa possibbli f’dak li għandu x’jaqsam mal-protezzjoni taċ-ċittadini tagħna”, l-inizjattiva hija mistennija li ssaħħaħ lill-Europol biex din tgħin lill-Istati Membri jżommu liċ-ċittadini sikuri.

    B’reazzjoni għat-tliet problemi ewlenin identifikati, l-inizjattiva tfittex li tikseb l-objettivi li ġejjin:

    1)Objettiv I: Li tiġi permessa kooperazzjoni effettiva bejn il-partijiet privati u l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi biex jiġi miġġieled l-abbuż tas-servizzi transfruntiera mill-kriminali.

    2)Objettiv II: Li l-infurzar tal-liġi jkun jista’ janalizza settijiet ta’ data kbar u kumplessi biex jiġu identifikati rabtiet transfruntiera, f’konformità sħiħa mad-Drittijiet Fundamentali.

    3)Objettiv III: Li l-Istati Membri jkunu jistgħu jużaw teknoloġiji ġodda għall-infurzar tal-liġi.

    X’inhu l-valur miżjud ta’ azzjoni fil-livell tal-UE? 

    Il-kriminalità serja u t-terroriżmu huma ta’ natura transnazzjonali. Għalhekk, azzjoni fil-livell nazzjonali waħedha ma tistax tiġġilidhom b’mod effettiv. Huwa għalhekk li l-Istati Membri għażlu li jaħdmu flimkien fil-qafas tal-UE biex jindirizzaw it-theddid mill-kriminalità serja u t-terroriżmu. Barra minn hekk, it-theddid għas-sigurtà li qed jevolvi, xprunat mill-mod kif il-kriminali jisfruttaw il-vantaġġi li jġibu t-trasformazzjoni diġitali u t-teknoloġiji l-ġodda, jitlob ukoll appoġġ effettiv fil-livell tal-UE għall-ħidma tal-awtoritajiet nazzjonali tal-infurzar tal-liġi. L-azzjoni tal-UE tipprevedi mod effettiv u effiċjenti biex jiżdied l-appoġġ lill-Istati Membri fil-ġlieda kontra l-kriminalità serja u t-terroriżmu biex jinżamm il-pass ma’ dan it-theddid li qed jevolvi.

    B. Soluzzjonijiet

    X’għażliet ta’ politika leġiżlattivi u mhux leġiżlattivi ġew ikkunsidrati? Hemm għażla ppreferuta jew le? Għaliex? 

    X’għażliet ta’ politika leġiżlattivi u mhux leġiżlattivi ġew ikkunsidrati? Wara preselezzjoni li fiha xi għażliet kellhom jiġu skartati, l-għażliet ta’ politika li ġejjin ġew ivvalutati fid-dettall:

    I.Għażliet ta’ politika li jindirizzaw l-objettiv I: kooperazzjoni effettiva bejn il-partijiet privati u l-infurzar tal-liġi

    ·għażla ta’ politika 1: li l-Europol tkun tista’ tipproċessa data li tasal direttament minn partijiet privati

    ·għażla ta’ politika 2: li l-Europol tkun tista’ tiskambja data personali ma’ partijiet privati biex tiġi stabbilita l-ġurisdizzjoni

    ·għażla ta’ politika 3: li l-Europol titħalla tagħmel mistoqsijiet direttament fil-bażijiet ta’ data ġestiti minn partijiet privati

    II.Għażliet ta’ politika li jindirizzaw l-objettiv II: l-analiżi ta’ settijiet ta’ data kbar u kumplessi biex jiġu identifikati rabtiet transfruntiera

    ·għażla ta’ politika 4: li l-Europol tkun tista’ tanalizza settijiet ta’ data kbar u kumplessi

    ·għażla ta’ politika 5: l-introduzzjoni ta’ kategorija ġdida ta’ suġġetti ta’ data (persuni mhux relatati ma’ reat) li d-data tagħhom tista’ tiġi pproċessata mill-Europol

    III.Għażliet ta’ politika li jindirizzaw l-objettiv III: l-użu ta’ teknoloġiji ġodda għall-infurzar tal-liġi

    ·għażla ta’ politika 6: ir-regolamentazzjoni tal-appoġġ tal-Europol għall-programm ta’ riċerka dwar is-sigurtà tal-UE, il-laboratorju tal-innovazzjoni fil-Europol, u l-appoġġ tal-Europol għaċ-ċentru ta’ innovazzjoni tal-UE

    ·għażla ta’ politika 7: li l-Europol tkun tista’ tipproċessa data personali għall-fini ta’ innovazzjoni f’oqsma rilevanti għall-appoġġ tagħha f’dak li jirrigwarda l-infurzar tal-liġi

    Wara valutazzjoni dettaljata tal-impatt tal-għażliet kollha ta’ politika, il-pakkett ta’ għażliet ta’ politika ppreferuti jikkonsisti fl-għażla ta’ politika 2, l-għażla ta’ politika 4 u l-għażla ta’ politika 7.

    Liema għażla u min jappoġġaha? 

    Il-partijiet ikkonċernati ġeneralment jappoġġaw it-tisħiħ tal-mandat legali tal-Europol biex jappoġġa lill-Istati Membri fil-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-kriminalità serja u t-terroriżmu. L-Istati Membri appoġġaw b’mod espliċitu l-għażliet ta’ politika ppreferuti f’diversi fora tal-Kunsill kif ukoll f’Dikjarazzjoni tal-Ministri tal-Affarijiet Interni tal-UE ta’ Ottubru 2020 (“Għaxar punti dwar il-Futur tal-Europol”). Fl-istess ħin, l-Istati Membri huma konxji mill-importanza tas-sovranità nazzjonali tagħhom fil-qasam tal-infurzar tal-liġi minn perspettiva operazzjonali u proċedurali. Il-Parlament Ewropew appoġġa rwol b’saħħtu għall-Europol, filwaqt li fakkar f’Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew ta’ Lulju 2020 li “mandat imsaħħaħ jenħtieġ li jimxi id f’id ma’ skrutinju parlamentari adegwat”. Il-Parlament Ewropew huwa mistenni li jitlob ġustifikazzjoni dettaljata għall-ħtieġa ta’ kwalunkwe kapaċità tal-ipproċessar tad-data ġdida fl-Europol, kif ukoll salvagwardji b’saħħithom għall-protezzjoni tad-data. Tabilħaqq, id-diskussjonijiet mal-partijiet ikkonċernati kollha wrew l-importanza li jiġu previsti salvagwardji xierqa biex jiġu żgurati d-Drittijiet Fundamentali, u b’mod partikolari d-dritt għall-protezzjoni tad-data personali.

    C. L-Impatti tal-għażla ppreferuta

    X'inhuma l-benefiċċji tal-għażliet preferuti (jekk hemm, jew inkella ta’ dawk ewlenin)? 

    Il-pakkett ta’ għażliet ta’ politika ppreferuti (l-għażla ta’ politika 2, l-għażla ta’ politika 4 u l-għażla ta’ politika 7) iwieġeb b’mod effettiv għall-problemi identifikati u jipprovdi lill-Europol b’għodod u kapaċitajiet b’saħħithom biex din iżżid l-appoġġ tagħha lill-Istati Membri fil-ġlieda kontra t-theddid emerġenti, f’konformità sħiħa mad-Drittijiet Fundamentali.

    Soċjalment u ekonomikament, il-benefiċjarji aħħarija tal-għażliet preferuti kollha huma ċ-ċittadini, li direttament u indirettament se jibbenefikaw minn rati aktar baxxi ta’ kriminalità, danni ekonomiċi mnaqqsa, u inqas spejjeż relatati mas-sigurtà. F’termini ta’ effiċjenza, il-benefiċjarji ewlenin huma l-awtoritajiet nazzjonali tal-infurzar tal-liġi. Jenħtieġ li l-għażliet ippreferuti joħolqu ekonomiji ta’ skala sinifikanti fil-livell tal-UE, peress li l-kompiti, li jistgħu jitwettqu b’mod aktar effiċjenti fil-livell tal-UE, se jiċċaqilqu mil-livell nazzjonali għall-livell tal-Europol. L-għażliet ta’ politika ppreferuti jipprevedu soluzzjonijiet effiċjenti għall-isfidi li altrimenti jkollhom jiġu indirizzati bi spejjeż ogħla permezz ta’ 27 soluzzjoni nazzjonali individwali, jew għall-isfidi li ma setgħux jiġu indirizzati fil-livell nazzjonali minħabba n-natura transnazzjonali tagħhom.

    X'inhuma l-ispejjeż tal-għażliet preferuti (jekk hemm, jew inkella ta’ dawk ewlenin)? 

    L-għażliet ta’ politika ppreferuti prinċipalment jinvolvu spejjeż addizzjonali fil-livell tal-UE, peress li l-kompiti u s-servizzi, li jistgħu jitwettqu b’mod aktar effiċjenti fil-livell tal-UE, se jiċċaċilqu mil-livell nazzjonali għal-livell tal-Europol. F’dan l-istadju, huwa diffiċli li jiġu kkwantifikati b’mod preċiż uħud mill-għażliet ta’ politika individwali, b’mod partikolari minħabba l-kumplessità tal-iżvilupp tal-infrastrutturi u s-sistemi tal-IT proposti. Huwa stmat li jkun meħtieġ baġit addizzjonali ta’ madwar EUR 120 sa 150 miljun u madwar 150 post addizzjonali għall-perjodu globali tal-QFP biex jiġi żgurat li l-Europol ikollha r-riżorsi meħtieġa biex tinforza l-mandat rivedut tagħha. F’dak li jirrigwarda l-ispejjeż addizzjonali li dawn l-għażliet ta’ politika jinvolvu fil-livell nazzjonali, jenħtieġ li dawn jiġu kkumpensati mill-benefiċċji tas-servizzi addizzjonali li l-Europol se tipprovdi. Ma hemm l-ebda spejjeż addizzjonali sinifikanti li huma mistennija għan-negozji. L-għażliet preferuti ma fihomx obbligi regolatorji għaċ-ċittadini/għall-konsumaturi, u għalhekk ma joħolqux spejjeż addizzjonali għal dawn il-partijiet ikkonċernati.

    Kif se jintlaqtu n-negozji, l-SMEs u l-mikrointrapriżi?

    L-għażliet ta’ politika ppreferuti mhumiex mistennija li jkollhom impatt sinifikanti fuq in-negozji. L-għażla ta’ politika 2 biss (li tippermetti lill-Europol tiskambja data personali ma’ partijiet privati) se taffettwa direttament lin-negozji. F’dan ir-rigward, in-negozji se jonfqu riżorsi addizzjonali fuq skambji mal-Europol, iżda dan se jiġi kkumpensat minn iffrankar sinifikanti, peress li n-negozji se jonfqu inqas riżorsi biex jidentifikaw il-ġurisdizzjonijiet nazzjonali rilevanti huma stess, u se jkunu inqas esposti għar-riskji tar-responsabbiltà meta jaqsmu d-data mal-Europol. Barra minn hekk, in-negozju se jsofri inqas ħsara għar-reputazzjoni minn kriminali li jabbużaw mis-servizzi transfruntiera tagħhom.

    Se jkun hemm impatti sinifikanti fuq il-baġits u l-amministrazzjonijiet nazzjonali? 

    L-għażliet ta’ politika ppreferuti mhumiex mistennija li jkollhom impatti sinifikanti fuq il-baġits u l-amministrazzjonijiet nazzjonali. Filwaqt li l-Istati Membri se jiddedikaw xi riżorsi addizzjonali għall-kooperazzjoni mal-Europol, jenħtieġ li dawn l-ispejjeż ikunu fil-biċċa l-kbira megħluba mill-iffrankar assoċjat mas-servizzi mtejba tal-Europol lill-Istati Membri.

    Se jkun hemm impatti sinifikanti oħra? 

    L-għażliet politiċi preferuti kollha jipprovdu raġunijiet legali ġodda għall-Europol biex tipproċessa d-data personali. Konsegwentement, dawn l-għażliet ta’ politika għandhom impatt fuq id-Drittijiet Fundamentali u b’mod partikolari fuq id-drittijiet għall-protezzjoni tad-data personali (l-Artikolu 8 tal-Karta) u fuq ir-rispett għall-ħajja privata (l-Artikolu 7 tal-Karta). Sabiex tiġi żgurata konformità sħiħa mad-Drittijiet Fundamentali, il-valutazzjoni tal-impatt tipprevedi kunsiderazzjoni bir-reqqa tad-Drittijiet Fundamentali matul l-analiżi tagħha, abbażi ta’ valutazzjoni dettaljata tal-għażliet ta’ politika f’termini tal-limitazzjonijiet tagħhom fuq l-eżerċizzju tad-Drittijiet Fundamentali li:

    ·tiddeskrivi l-għażliet ta’ politika li twarrbu fi stadju bikri minħabba l-impatt negattiv serju tagħhom fuq id-Drittijiet Fundamentali;

    ·tistabbilixxi valutazzjoni pass pass tan-neċessità u l-proporzjonalità;

    ·tiddeskrivi l-għażliet ta’ politika miċħuda jekk tkun disponibbli għażla inqas intrużiva iżda ugwalment effettiva; kif ukoll

    ·tipprevedi lista sħiħa ta’ salvagwardji dettaljati għal dawk l-għażliet ta’ politika li fir-rigward tagħhom tkun meħtieġa limitazzjoni fuq l-eżerċizzju tad-Drittijiet Fundamentali, anki minħabba n-nuqqas ta’ għażla inqas intrużiva iżda ugwalment effettiva.

    Minħabba f’dan, l-għażliet ta’ politika ppreferuti huma strettament limitati għal dak li huwa meħtieġ u proporzjonat u jinkludu s-salvagwardji meħtieġa.

    D. Segwitu

    Meta se tiġi rieżaminata l-politika?

    Fil-biċċa l-kbira, il-monitoraġġ u l-evalwazzjoni se jitwettqu mill-mekkaniżmi applikabbli previsti fir-Regolament eżistenti tal-Europol, b’mod partikolari l-Artikolu 68 tar-Regolament tal-Europol (kull ħames snin). Barra minn hekk, jenħtieġ li l-għażliet ta’ politika preferuti jkunu akkumpanjati minn dispożizzjoni li tirrikjedi valutazzjoni tal-impatt tagħhom fuq id-Drittijiet Fundamentali, sentejn wara d-dħul fis-seħħ tagħhom.

    Top