Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52020SC0130

    DOKUMENT TA’ ĦIDMA TAL-PERSUNAL TAL-KUMMISSJONI SOMMARJU EŻEKUTTIV TAR-RAPPORT TAL-VALUTAZZJONI TAL-IMPATT Il-frodi u l-evażjoni tat-taxxa – kooperazzjoni aħjar bejn l-awtoritajiet nazzjonali tat-taxxa fl-iskambju tal-informazzjoni Li jakkumpanja d-dokument Proposta għal Direttiva tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2011/16/UE dwar il-kooperazzjoni amministrattiva fil-qasam tat-tassazzjoni

    SWD/2020/130 final

    Brussell, 15.7.2020

    SWD(2020) 130 final

    DOKUMENT TA’ ĦIDMA TAL-PERSUNAL TAL-KUMMISSJONI

    SOMMARJU EŻEKUTTIV TAR-RAPPORT TAL-VALUTAZZJONI TAL-IMPATT

    Il-frodi u l-evażjoni tat-taxxa – kooperazzjoni aħjar bejn l-awtoritajiet nazzjonali tat-taxxa fl-iskambju tal-informazzjoni








    Li jakkumpanja d-dokument

    Proposta għal Direttiva tal-Kunsill

    li temenda d-Direttiva 2011/16/UE dwar il-kooperazzjoni amministrattiva fil-qasam tat-tassazzjoni

    {COM(2020) 314 final} - {SEC(2020) 271 final} - {SWD(2020) 129 final} - {SWD(2020) 131 final}


    Skeda tas-Sommarju Eżekuttiv

    Valutazzjoni tal-impatt dwar il-frodi u l-evażjoni tat-taxxa – kooperazzjoni aħjar bejn l-awtoritajiet nazzjonali tat-taxxa fl-iskambju tal-informazzjoni

    A. Ħtieġa li tittieħed azzjoni

    Għaliex? X’inhi l-problema li qed tiġi indirizzata?

    Il-problemi huma a) rappurtar limitat tal-flus iggwadanjati permezz tal-pjattaformi diġitali; b) ineffiċjenzi fil-kooperazzjoni bejn l-amministrazzjonijiet tat-taxxa. Hekk kif l-ekonomija diġitali qed tespandi u huwa mistenni li tikber fis-snin li ġejjin, nistennew li l-problemi jikbru jekk ma jkunx hemm intervent mill-UE. L-evalwazzjoni tad-Direttiva dwar il-Kooperazzjoni Amministrattiva indikat li, filwaqt li l-qafas huwa b’mod ġenerali b’saħħtu, mhux l-Istati Membri kollha qed jisfruttaw l-għodod bl-istess mod. Huwa mistenni li l-forniment ta’ kjarifiki rigward karatteristiċi tal-kooperazzjoni amministrattiva fil-mira (definizzjoni ta’ rilevanza prevedibbli, awditi konġunti, talbiet fi grupp) itejjeb l-effiċjenza u l-effettività tal-kooperazzjoni amministrattiva. In-natura diġitali u globali tal-ekonomija tal-pjattaformi diġitali, flimkien mal-frammentazzjoni tal-introjtu ggwadanjat permezz ta’ diversi pjattaformi u d-differenzi fir-rekwiżiti tar-rappurtar fil-pajjiżi, huma sfida f’termini tar-rappurtar kif suppost tal-flus iggwadanjati permezz tal-pjattaformi diġitali. L-Istati Membri jikkunsidraw li r-rappurtar limitat huwa pjuttost frekwenti. Tipi differenti ta’ implimentazzjoni u ta’ użu tal-informazzjoni jwasslu biex il-kooperazzjoni ma tkunx effiċjenti. Il-pjattaformi diġitali u l-amministrazzjonijiet tat-taxxa huma l-partijiet ikkonċernati l-iktar milquta.

    X’mistennija tikseb din l-inizjattiva?

    L-objettivi ewlenin huma li jiġi żgurat il-funzjonament ġust u konsistenti tas-suq intern, filwaqt li jiġi ssalvagwardjat id-dħul tal-Istati Membri u tal-UE. Huwa mistenni li b’mod ġenerali fl-UE, l-intervent jista’ jwassal għal iktar minn €30 biljun dħul addizzjonali mit-taxxa sal-2025.

    X’inhu l-valur miżjud ta’ azzjoni fil-livell tal-UE? 

    L-azzjonijiet tal-Istati Membri ma jipprovdux soluzzjoni effiċjenti u effettiva għall-problemi li huma transnazzjonali fil-qofol tagħhom: il-pjattaformi diġitali jippermettu x-xiri u l-bejgħ ta’ oġġetti u ta’ servizzi fuq l-internet irrispettivament mill-fruntieri jew mill-ġurisdizzjonijiet, u b’hekk il-bejjiegħa jistgħu jiggwadanjaw introjtu potenzjalment minn “kullimkien”, mhux biss mill-pajjiż tar-residenza tagħhom, għal finijiet tat-taxxa. L-ineffiċjenzi fil-kooperazzjoni amministrattiva jeħtieġu wkoll soluzzjonijiet transnazzjonali, peress li l-kooperazzjoni min-natura tagħha trid tkun transfruntiera biex tkun effettiva.

    B. Soluzzjonijiet

    X’għażliet ta’ politika leġiżlattivi u mhux leġiżlattivi ġew ikkunsidrati? Hemm għażla ppreferuta jew le? Għaliex? 

    Ġew ikkunsidrati l-għażliet ta’ politika li ġejjin: a) linji gwida mhux leġiżlattivi; b) intervent leġiżlattiv b’subgħażliet f’termini tal-attivitajiet, tal-operaturi tal-pjattaformi u tal-bejjiegħa fil-kamp ta’ applikazzjoni; c) intervent leġiżlattiv biex tissaħħaħ il-kooperazzjoni amministrattiva. L-għażla ppreferuta hija intervent leġiżlattiv biex tissaħħaħ il-kooperazzjoni amministrattiva u biex jiġu koperti l-pjattaformi u l-bejjiegħa kollha sabiex jiġu żgurati l-aħjar riżultati possibbli fir-rigward tal-konformità mar-regoli tat-taxxa u tal-kundizzjonijiet ekwivalenti ta’ kompetizzjoni.

    Liema għażla u min jappoġġaha? 

    Il-maġġoranza tal-Istati Membri appoġġaw l-għażla ppreferuta. L-operaturi tal-pjattaformi tal-konsultazzjoni fil-mira qablu li jiffavorixxu intervent leġiżlattiv, bl-inqas distorsjonijiet possibbli fost l-operaturi tal-pjattaformi.

    C. Impatti tal-għażla ppreferuta

    X’inhuma l-benefiċċji tal-għażla ppreferuta (jekk hemm, inkella x’inhuma dawk ewlenin)?

    Huwa mistenni li l-intervent ikollu benefiċċji ekonomiċi diretti sinifikanti. Dan se jkollu impatt pożittiv fuq il-ġbir tat-taxxa, u huwa stmat li se jkun hemm madwar €30 biljun (stima tal-livell superjuri) dħul addizzjonali mit-taxxa. Dak id-dħul se jippermetti l-finanzjament tal-politiki ekonomiċi u soċjali tal-Istati Membri. Huwa mistenni wkoll li l-inizjattiva toħloq kundizzjonijiet ekwivalenti ta’ kompetizzjoni għall-operaturi tal-pjattaformi u għal dawk li jużaw il-pjattaformi biex ibigħu l-oġġetti u/jew is-servizzi tagħhom. Se tikkontribwixxi wkoll għal sistema tat-taxxa iktar ġusta u għal iktar fiduċja fiha, b’kondiviżjoni ġusta tal-piżijiet fost il-kontribwenti.

    X’inhuma l-kostijiet tal-għażla ppreferuta (jekk hemm, inkella x’inhuma dawk ewlenin)? 

    B’analoġija mar-rekwiżiti tar-rappurtar preċedenti, il-kostijiet għall-amministrazzjonijiet tat-taxxa jistgħu jiġu stmati li se jkunu madwar €200 miljun bħala kostijiet tal-iżvilupp ta’ darba u sa €30 miljun bħala kostijiet rikorrenti. Huwa stmat li l-kostijiet għall-pjattaformi jammontaw għal €875 miljun bħala kostijiet ta’ darba u €100 miljun bħala kostijiet rikorrenti. Il-kostijiet huma stmati għall-pjattaformi kollha u, bħala medja, jammontaw għal għexieren ta’ eluf ta’ euro għal kull pjattaforma (kostijiet rikorrenti). Madankollu, dawn l-istimi huma bbażati fuq għadd ta’ suppożizzjonijiet u ta’ estrapolazzjonijiet u għandhom jintużaw b’kawtela.

    Kif se jintlaqtu n-negozji, l-SMEs u l-mikroimpriżi?

    Huwa mistenni li l-intervent ikollu impatt fuq l-impriżi ż-żgħar u ta’ daqs medju, peress li l-pjattaformi diġitali u l-bejjiegħa kollha huma koperti mill-inizjattiva irrispettivament mid-daqs tagħhom. Filwaqt li l-inizjattiva se twassal kostijiet tal-konformità, jaf ikun iktar favorevoli għall-SMEs mit-taħlita attwali ta’ rekwiżiti tar-rappurtar fl-UE kollha. L-inizjattiva għandha wkoll toħloq kundizzjonijiet ekwivalenti ta’ kompetizzjoni bejn l-atturi kollha, u dan għandu jkun benefiċċju għall-SMEs.

    Se jkun hemm impatti sinifikanti fuq il-baġits u l-amministrazzjonijiet nazzjonali? 

    Se jkun hemm kostijiet addizzjonali għall-amministrazzjonijiet tat-taxxa fl-iżvilupp ta’ sistemi tal-IT li jippermettu li jsir ir-rappurtar, u li tinħażen u tintuża d-data, u huwa stmat li għas-27 amministrazzjoni tat-taxxa tal-UE, se jammontaw għal madwar €200 miljun bħala kostijiet tal-iżvilupp ta’ darba u sa €30 miljun bħala kostijiet rikorrenti. Huwa stmat li l-benefiċċji għall-baġits nazzjonali f’termini ta’ dħul addizzjonali mit-taxxa se jammontaw għal għexieren ta’ biljuni ta’ euro (stima tal-livell superjuri: madwar €30 biljun).

    Se jkun hemm impatti sinifikanti oħra?  

    L-intervent se jikkonforma mar-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data u għaldaqstant mhux se jkollu impatt negattiv fuq id-dritt fundamentali għall-protezzjoni tad-data personali.

    D. Segwitu

    Meta se tiġi rieżaminata l-politika?

    L-intervent se jiġi mmonitorjat permezz tal-informazzjoni li tinġabar permezz ta’ stħarriġiet u diskussjonijiet ta’ kull sena mal-amministrazzjonijiet tat-taxxa. Fl-2023 se ssir valutazzjoni iktar komprensiva, meta l-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar il-funzjonament tad-Direttiva dwar il-kooperazzjoni amministrattiva fit-tassazzjoni diretta.

    Top