Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52020PC0801

    Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL dwar is-sottomissjoni, f’isem l-Unjoni Ewropea, ta’ proposta għal deċiżjoni tal-Korp Eżekuttiv dwar il-metodoloġija għall-aġġustamenti biex jiġu riflessi l-bidliet fis-sħubija tal-Unjoni Ewropea, fid-dawl tal-41 sessjoni tal-Korp Eżekuttiv skont il-Konvenzjoni fuq it-Tniġġis tal-Arja Transkonfini fuq Distanza Kbira, u dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea f’din is-sessjoni

    COM/2020/801 final

    Brussell, 15.12.2020

    COM(2020) 801 final

    2020/0355(NLE)

    Proposta għal

    DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

    dwar is-sottomissjoni, f’isem l-Unjoni Ewropea, ta’ proposta għal deċiżjoni tal-Korp Eżekuttiv dwar il-metodoloġija għall-aġġustamenti biex jiġu riflessi l-bidliet fis-sħubija tal-Unjoni Ewropea, fid-dawl tal-41 sessjoni tal-Korp Eżekuttiv skont il-Konvenzjoni fuq it-Tniġġis tal-Arja Transkonfini fuq Distanza Kbira, u dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea f’din is-sessjoni


    MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

    1.Suġġett tal-proposta

    Din il-proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill tikkonċerna s-sottomissjoni, f’isem l-Unjoni Ewropea, ta’ proposta għal deċiżjoni tal-Korp Eżekuttiv dwar il-metodoloġija għall-aġġustamenti għat-tabelli 2 sa 6 tal-Anness II tal-Protokoll għat-tnaqqis tal-Aċidifikazzjoni, l-Ewtrofikazzjoni u l-Ożonu Troposferiku (il-“Protokoll ta’ Gothenburg”), kif emendat fl-2012, skont il-Konvenzjoni fuq it-Tniġġis tal-Arja Transkonfini fuq Distanza Kbira (il-“Konvenzjoni dwar l-Arja”), biex jitqiesu l-bidliet fis-sħubija fl-Unjoni Ewropea. Il-proposta għad-deċiżjoni tal-Korp Eżekuttiv titressaq fid-dawl tal-41 sessjoni tal-Korp Eżekuttiv tal-Konvenzjoni dwar l-Arja.

    Din il-proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill tkopri wkoll il-pożizzjoni ta’ negozjar tal-Unjoni Ewropea rigward id-deċiżjoni tal-Korp Eżekuttiv vis-à-vis kummenti minn partijiet oħra dwar is-sottomissjoni tal-UE.

    2.Kuntest tal-proposta

    2.1.Il-Konvenzjoni dwar l-Arja u l-Protokoll ta’ Gothenburg (kif emendat fl-2012)

    Il-Konvenzjoni dwar l-Arja, adottata fl-1979, hija l-aktar ftehim ambjentali reġjonali avvanzat li jindirizza l-kwalità tal-arja u t-tniġġis tal-arja.

    Skont il-Konvenzjoni dwar l-Arja, il-Protokoll ta’ Gothenburg oriġinali ġie miftiehem f’Novembru 1999. Il-Protokoll ta’ Gothenburg ġie emendat fl-2012. Il-verżjoni emendata daħlet fis-seħħ fis-7 ta’ Ottubru 2019. Il-Protokoll emendat kien jifforma l-bażi għall-impenji għat-tnaqqis tal-emissjonijiet mill-2020 sal-2029 skont id-Direttiva (UE) 2016/2284 dwar it-tnaqqis tal-emissjonijiet nazzjonali ta’ ċerti inkwinanti atmosferiċi li ħassret id-Direttiva 2001/81/KE dwar il-limiti nazzjonali tal-emissjonijiet.

    L-Unjoni Ewropea hija Parti għall-Konvenzjoni dwar l-Arja 1 u għall-Protokoll ta’ Gothenburg kif emendat fl-2012 2 . L-Istati Membri kollha huma Partijiet għall-Konvenzjoni dwar l-Arja; 21 Stat Membru huma Partijiet għall-Protokoll ta’ Gothenburg oriġinali 3 u sa issa, 17-il Stat Membru aċċettaw l-emenda tal-2012 għall-Protokoll ta’ Gothenburg 4 .

    2.2.Il-Korp Eżekuttiv tal-Konvenzjoni dwar l-Arja

    Il-Korp Eżekuttiv huwa l-korp ta’ tmexxija tal-Konvenzjoni dwar l-Arja u huwa magħmul minn rappreżentanti tal-Partijiet għall-Konvenzjoni. Skont l-Artikolu 10 tal-Konvenzjoni dwar l-Arja, il-Korp Eżekuttiv għandu jirrieżamina l-implimentazzjoni u l-iżvilupp tal-Konvenzjoni dwar l-Arja u l-Protokolli tagħha.

    Il-Korp Eżekuttiv għandu l-għan li jilħaq id-deċiżjonijiet tiegħu b’kunsens 5 .

    2.3.L-att previst tal-Korp Eżekuttiv

    Jenħtieġ li l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha jissottomettu proposta għal deċiżjoni tal-Korp Eżekuttiv li tistabbilixxi l-metodoloġija għall-aġġustamenti għat-Tabelli 2 sa 6 tal-Anness II tal-Protokoll ta’ Gothenburg, kif emendat fl-2012, biex jitqiesu l-bidliet fis-sħubija tal-Unjoni Ewropea (“l-att previst”).

    L-għan tal-att previst huwa li jiġi żgurat li r-rieżamijiet tal-konformità skont il-Protokoll emendat isiru abbażi tan-numri korretti għall-Unjoni Ewropea. It-Tabelli 2 sa 6 tal-Anness II jelenkaw il-livelli nazzjonali ta’ emissjonijiet tal-Istati Membri għall-2005 (xenarju bażi) u l-impenji nazzjonali għat-tnaqqis tal-emissjonijiet mill-2020 u lil hinn għal kull inkwinant (għad-diossidu tal-kubrit, għall-ossidi tan-nitroġenu, għall-ammonja, għall-komposti organiċi volatili u għall-materja partikolata fina). It-tabelli kollha jinkludu wkoll ringiela li turi t-totali tal-UE (is-somma tal-linji bażi tal-Istati Membri tal-UE f’kilotunnellati ta’ emissjonijiet fl-2005; u s-somma tal-impenji għat-tnaqqis tal-Istati Membri tal-UE espressa bħala l-bidla totali f’% meta mqabbla mas-somma tal-linji bażi tal-Istati Membri tal-UE). Fil-preżent, il-valur tal-UE f’dawn it-tabelli huwa s-somma tal-EU27(2013), li tirrifletti s-sħubija tal-Unjoni Ewropea fiż-żmien tal-emenda tal-Protokoll fl-2012. L-Anness II għalhekk jirrikjedi korrezzjoni.

    Ir-regoli attwali għadhom ma jipprovdux il-metodoloġija għal dan il-każ speċifiku ta’ aġġustament tekniku, kif ġie konkluż mill-Korp Eżekuttiv fis-36 sessjoni tiegħu. Deċiżjoni simili tal-Korp Eżekuttiv dwar il-possibbiltà li jiġu aġġustati l-limiti tal-emissjonijiet tal-Unjoni Ewropea fil-Protokoll ta’ Gothenburg oriġinali ġiet adottata fl-2017 6 , wara proposta mill-Unjoni Ewropea fuq talba mill-Korp Eżekuttiv fis-36 sessjoni tiegħu. Billi l-Protokoll ta’ Gothenburg emendat kien għadu ma daħalx fis-seħħ dak iż-żmien, ma kienx kopert mid-deċiżjoni tal-Korp Eżekuttiv tal-2017.

    Deċiżjoni tal-Korp Eżekuttiv dwar il-metodoloġija tal-adattament tal-valuri tal-Unjoni Ewropea fit-Tabelli 2 sa 6 tal-Anness II tal-Protokoll ta’ Gothenburg emendat jeħtieġ li tiġi adottata preferibbilment fis-sessjoni addizzjonali tentattiva tal-Korp Eżekuttiv f’Mejju 2021 u l-aktar tard matul is-sessjoni tal-Korp Eżekuttiv f’Diċembru 2021 sabiex l-aġġustament tat-tabelli jkun jista’ jintalab qabel il-bidu tal-ewwel rieżami tal-konformità tad-data tal-2020 (mistenni għal Q2 2022).

    L-att previst se japplika minn meta tiġi adottata d-deċiżjoni tal-Korp Eżekuttiv. L-att previst, ladarba jiġi adottat, se jippermetti lill-Unjoni Ewropea tissottometti l-aġġornamenti tekniċi meħtieġa biex jiġu riflessi l-bidliet fis-sħubija tal-Unjoni Ewropea. Il-kompitu tas-sottomissjoni tal-aġġustamenti biex jitqiesu l-bidliet fis-sħubija fis-Segretarjat tal-Konvenzjoni dwar l-Arja se jitlesta mill-Kummissjoni f’isem l-Unjoni Ewropea.

    3.Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni

    L-Unjoni Ewropea jenħtieġ li tippreżenta proposta għal deċiżjoni biex tiġi adottata mill-Korp Eżekuttiv tal-Konvenzjoni dwar l-Arja (ara l-abbozz ta’ sottomissjoni fl-Anness I).

    L-għan ta’ din il-proposta huwa li tiġi adottata metodoloġija li tippermetti aġġustamenti tekniċi tal-linji bażi tal-emissjonijiet tal-Unjoni Ewropea u impenji għat-tnaqqis tal-emissjonijiet fit-Tabelli 2 sa 6 tal-Anness II tal-Protokoll ta’ Gothenburg emendat, biex jiġi żgurat li l-valuri tal-Unjoni Ewropea f’dawn it-tabelli jirriflettu b’mod korrett is-somma tal-linji bażi tal-emissjonijiet tal-Istati Membri tagħha u l-impenji għat-tnaqqis tal-emissjonijiet, wara bidliet fis-sħubija tal-Unjoni Ewropea. Il-possibbiltà li dawn it-tabelli jiġu aġġustati fiċ-ċirkostanza speċifika tal-bidliet fis-sħubija tal-Unjoni Ewropea hija meħtieġa għall-finijiet tar-rieżami korrett tal-konformità tal-obbligi tal-Unjoni Ewropea skont il-Protokoll ta’ Gothenburg emendat.

    Jekk Partijiet oħra jipproponu l-abbozzar ta’ bidliet fid-deċiżjoni proposta tal-Korp Eżekuttiv li jistgħu jiksbu l-istess objettivi bħal dawk segwiti mill-proposta tal-Unjoni Ewropea, tali proposti jistgħu, fil-prinċipju, jiġu appoġġati mill-Unjoni Ewropea.

    Proposti biex jiġu aġġustati l-limiti nazzjonali tal-emissjonijiet jew l-impenji nazzjonali għat-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-Istati Membri (l-impatt politiku) mhux se jiġu appoġġati iżda se jitressqu għal diskussjoni separata, b’mod partikolari fir-rigward tar-rieżami kurrenti tal-Protokoll ta’ Gothenburg emendat.

    4.Bażi ġuridika

    4.1.Bażi ġuridika proċedurali

    4.1.1.Prinċipji

    L-Artikolu 218(9) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) jipprevedi deċiżjonijiet li jistabbilixxu “il-pożizzjonijiet li għandhom jiġu adottati f’isem l-Unjoni f’sede stabbilita fi ftehim, meta dik is-sede tintalab tadotta atti li jkollhom effetti legali, sakemm dawn ma jkunux atti li jissupplimentaw jew jemendaw il-qafas istituzzjonali tal-ftehim.”

    Il-kunċett ta’ “atti li jkollhom effetti legali” jinkludi l-atti li għandhom effetti ġuridiċi skont ir-regoli tad-dritt internazzjonali li jirregola l-korp inkwistjoni. Dan jinkludi wkoll l-istrumenti li ma għandhomx effett vinkolanti skont id-dritt internazzjonali, iżda li “jistgħu jinfluwenzaw b’mod determinanti l-kontenut tal-leġiżlazzjoni adottata mil-leġiżlatura tal-Unjoni 7 .

    4.1.2.Applikazzjoni għal dan il-każ

    Il-Korp Eżekuttiv huwa korp stabbilit bi ftehim, jiġifieri l-Konvenzjoni dwar l-Arja.

    L-att li l-Korp Eżekuttiv huwa mitlub jadotta jikkostitwixxi att b’effetti legali. L-att previst se jkun vinkolanti skont il-liġi internazzjonali f’konformità mal-Artikolu 13(5) tal-Protokoll ta’ Gothenburg emendat.

    L-att previst la jissupplimenta u lanqas jemenda l-qafas istituzzjonali tal-Konvenzjoni dwar l-Arja jew tal-Protokoll ta’ Gothenburg.

    Għalhekk, il-bażi ġuridika proċedurali għad-Deċiżjoni proposta hija l-Artikolu 218(9) tat-TFUE.

    4.2.Bażi ġuridika sostantiva

    4.2.1.Prinċipji

    Il-bażi ġuridika sostantiva biex tittieħed deċiżjoni skont l-Artikolu 218(9) tat-TFUE tiddependi primarjament mill-objettiv u mill-kontenut tal-att previst li dwarhom tittieħed pożizzjoni f’isem l-Unjoni Ewropea. Jekk l-att previst ikollu żewġ għanijiet jew żewġ komponenti, u jekk wieħed minn dawn l-għanijiet jew komponenti jkun jista’ jiġi identifikat bħala dak ewlieni, filwaqt li l-ieħor ikun sempliċiment inċidentali, id-deċiżjoni skont l-Artikolu 218(9) tat-TFUE trid tkun imsejsa fuq bażi ġuridika sostantiva waħda, jiġifieri dik rikjesta mill-għan jew mill-komponent ewlieni jew predominanti.

    4.2.2.Applikazzjoni għal dan il-każ

    L-objettiv ewlieni u l-kontenut tal-att previst jirrigwardaw l-ambjent.

    Għalhekk, il-bażi ġuridika sostantiva għad-deċiżjoni proposta hija l-Artikolu 192(1) tat-TFUE.

    4.3.Konklużjoni

    Il-bażi ġuridika tad-deċiżjoni proposta jenħtieġ li tkun l-Artikolu 192(1) tat-TFUE flimkien mal-Artikolu 218(9) tat-TFUE.

    5.Pubblikazzjoni tal-att previst

    MHUX APPLIKABBLI

    2020/0355 (NLE)

    Proposta għal

    DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

    dwar is-sottomissjoni, f’isem l-Unjoni Ewropea, ta’ proposta għal deċiżjoni tal-Korp Eżekuttiv dwar il-metodoloġija għall-aġġustamenti biex jiġu riflessi l-bidliet fis-sħubija tal-Unjoni Ewropea, fid-dawl tal-41 sessjoni tal-Korp Eżekuttiv skont il-Konvenzjoni fuq it-Tniġġis tal-Arja Transkonfini fuq Distanza Kbira, u dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea f’din is-sessjoni

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 192(1), flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

    Billi:

    (1)Il-Protokoll għat-Tnaqqis tal-Aċidifikazzjoni, l-Ewtrofikazzjoni u l-Ożonu Troposferiku fil-verżjoni emendata adottata fl-2012 (“il-Protokoll ta’ Gothenburg emendat”) skont il-Konvenzjoni fuq it-Tniġġis tal-Arja Transkonfini fuq Distanza Kbira (“il-Konvenzjoni dwar l-Arja”) ġie approvat mill-Unjoni Ewropea permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2017/1757 u daħal fis-seħħ fis-7 ta’ Ottubru 2019.

    (2)Skont l-Artikolu 10 tal-Konvenzjoni dwar l-Arja, il-Korp Eżekuttiv għandu jirrieżamina l-implimentazzjoni u l-iżvilupp tal-Konvenzjoni dwar l-Arja u l-Protokolli tagħha u jista’ jadotta deċiżjonijiet biex jiċċara l-implimentazzjoni ta’ dawn il-Protokolli.

    (3)Fis-36 sessjoni tal-Korp Eżekuttiv tal-Konvenzjoni dwar l-Arja, il-Partijiet għall-Konvenzjoni appellaw lill-Unjoni Ewropea u lill-Istati Membri tagħha biex jipproponu metodoloġija għall-aġġustament tal-limiti tal-emissjonijiet tal-Unjoni Ewropea fit-Tabella 1 tal-Anness II tal-Protokoll ta’ Gothenburg oriġinali (il-verżjoni adottata fl-1999), biex jitqiesu l-bidliet fis-sħubija fl-Unjoni Ewropea;

    (4)Fis-37 sessjoni tal-Korp Eżekuttiv tal-Konvenzjoni dwar l-Arja, id-deċiżjoni sussegwentement proposta mill-Unjoni Ewropea u mill-Istati Membri tagħha ġiet adottata 8 .

    (5)Il-metodoloġija għall-aġġustament tal-valuri tal-Unjoni Ewropea fit-Tabelli 2 sa 6 tal-Anness II tal-Protokoll ta’ Gothenburg emendat biex jitqiesu l-bidliet fis-sħubija mal-Unjoni Ewropea hija meħtieġa biex tippermetti li bidliet fis-sħubija mal-Unjoni Ewropea jiġu riflessi b’mod korrett fid-dawl tar-rieżami tal-konformità tal-Unjoni Ewropea mal-obbligi skont il-Protokoll ta’ Gothenburg emendat. Dan ma huwa marbut mal-ebda aġġustament tal-limiti nazzjonali tal-emissjonijiet jew mal-impenji nazzjonali għat-tnaqqis tal-emissjonijiet fl-istess tabelli.

    (6)Ladarba l-metodoloġija għall-aġġustamenti tiġi adottata mill-Korp Eżekuttiv, jenħtieġ li l-Kummissjoni tippreżenta f’isem l-Unjoni Ewropea l-aġġustamenti meħtieġa lis-Segretarju Eżekuttiv tal-Kummissjoni Ekonomika għall-Ewropa tan-Nazzjonijiet Uniti li jimplimenta dik il-metodoloġija, biex jitqiesu l-bidliet fis-sħubija tal-Unjoni Ewropea minn meta ġie adottat il-Protokoll ta’ Gothenburg emendat u bl-istess mod jiġi ppreżentat kwalunkwe aġġustament meħtieġ f’każ ta’ bidliet sussegwenti fis-sħubija tal-Unjoni Ewropea.

    (7)Huwa xieraq li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Korp Eżekuttiv, peress li d-deċiżjoni tal-Korp Eżekuttiv se tkun vinkolanti għall-Unjoni Ewropea.

    ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI

    Artikolu 1

    1.    Fil-41 sessjoni tal-Korp Eżekuttiv għall-Konvenzjoni dwar l-Arja, l-Unjoni Ewropea għandha ssegwi l-objettiv li ġej: li tiġi stabbilita l-metodoloġija li tippermetti l-aġġustamenti tal-linji bażi tal-emissjonijiet tal-Unjoni Ewropea u l-impenji għat-tnaqqis tal-emissjonijiet fit-Tabelli 2 sa 6 tal-Anness II tal-Protokoll ta’ Gothenburg emendat, biex jiġi żgurat li l-valuri tal-Unjoni Ewropea f’dawn it-tabelli jkunu jistgħu jiġu aġġustati biex jirriflettu b’mod korrett is-somma totali tal-linji bażi tal-emissjonijiet tal-Istati Membri tagħha u l-impenji għat-tnaqqis tal-emissjonijiet, wara bidliet fis-sħubija fl-Unjoni Ewropea.

    2.    Fid-dawl tal-41 sessjoni tal-Korp Eżekuttiv għall-Konvenzjoni dwar l-Arja, u sabiex jinkiseb l-objettiv definit fil-paragrafu 1, l-Unjoni Ewropea għandha tissottometti l-proposta għall-metodoloġija ta’ aġġustament meħtieġa li hija Annessa ma’ din id-Deċiżjoni.

    3.    Il-Kummissjoni, f’isem l-Unjoni Ewropea, għandha tikkomunika dik il-proposta lis-Segretarjat tal-Konvenzjoni.

    Artikolu 2

    L-Unjoni Ewropea tista’ tappoġġa l-emendi proposti minn Partijiet oħra għall-Konvenzjoni bil-kundizzjoni li dawn jikkontribwixxu biex jintlaħqu l-objettivi tal-Unjoni Ewropea kif elenkati fl-Artikolu 1.

    Artikolu 3

    Jista’ jintlaħaq qbil dwar l-irfinar tal-pożizzjoni msemmija fl-Artikoli 1 u 2, fid-dawl tal-iżviluppi fil-41 sessjoni tal-Korp Eżekuttiv tal-Konvenzjoni dwar l-Arja, minn rappreżentanti tal-Unjoni Ewropea, f’konsultazzjoni mal-Istati Membri, waqt il-laqgħat ta’ koordinazzjoni fuq il-post, mingħajr deċiżjoni ulterjuri tal-Kunsill.

    Artikolu 4

    Ladarba l-metodoloġija li tippermetti dawn l-aġġustamenti tkun ġiet adottata mill-Korp Eżekuttiv tal-Konvenzjoni dwar l-Arja, il-Kummissjoni għandha tippreżenta, f’isem l-Unjoni Ewropea, l-aġġustamenti meħtieġa li jimplimentaw dik il-metodoloġija.

    Artikolu 5

    Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Kummissjoni.

    Magħmul fi Brussell,

       Għall-Kunsill

       Il-President

    (1)    81/462/KEE: Id-Deċiżjoni tal-Kunsill tal-11 ta’ Ġunju 1981 dwar il-konklużjoni tal-Konvenzjoni dwar it-tniġġis transkonfini tal-arja f’distanza twila, ĠU L 171, 27.6.1981, p. 11–24.
    (2)    2003/507/KE: Id-Deċiżjoni tal-Kunsill tat-13 ta’ Ġunju 2003 dwar l-adeżjoni tal-Komunità Ewropea għall-Protokoll għall-Konvenzjoni tal-1979 dwar it-Tinġis tal-Arja Transkonfinali fit-Tul biex Titnaqqas l-Aċidifikazzjoni, l-Etrofikazzjoni u l-Ożonu ta’ ma’ Wiċċ l-Art, ĠU L 179, 17/07/2003 P. 0001 – 0002; Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2017/1757 tas-17 ta’ Lulju 2017 dwar l-aċċettazzjoni f’isem l-Unjoni Ewropea ta’ Emenda lill-Protokoll tal-1999 għall-Konvenzjoni tal-1979 dwar it-Tniġġis Transkonfini tal-Arja Fuq Distanza Twila Sabiex Jitnaqqsu l-Aċidifikazzjoni, l-Ewtrofikazzjoni u l-Ożonu Troposferiku, ĠU L 248, 27.9.2017, p. 3–75.
    (3)    il-Belġju, il-Bulgarija, il-Kroazja, Ċipru, ir-Repubblika Ċeka, id-Danimarka, l-Estonja, il-Finlandja, Franza, il-Ġermanja, l-Ungerija, il-Latvja, il-Litwanja, il-Lussemburgu, in-Netherlands, il-Portugall, ir-Rumanija, is-Slovakkja, is-Slovenja, Spanja u l-Iżvezja (status tar-ratifiki fl-1 ta’ Ottubru 2020).
    (4)    il-Bulgarija, il-Kroazja, Ċipru, ir-Repubblika Ċeka, id-Danimarka, l-Estonja, il-Finlandja, il-Ġermanja, il-Latvja, il-Litwanja, il-Lussemburgu, in-Netherlands, il-Portugall, ir-Rumanija, is-Slovakkja, Spanja u l-Iżvezja (status tar-ratifiki fl-1 ta’ Ottubru 2020).
    (5)    Regoli ta’ proċedura għas-sessjonijiet tal-Korp Eżekuttiv tal-Konvenzjoni fuq it-Tniġġis tal-Arja Transkonfinali fuq Distanza Kbira kif adottati bid-deċiżjoni 2010/19 u emendati bid-deċiżjoni 2013/1, Regola 29.
    (6)    Id-Deċiżjoni tal-Korp Eżekuttiv 2017/3, https://www.unece.org/fileadmin/DAM/env/documents/2017/AIR/EB/EB_Decisions_2017_3-E.pdf  
    (7)    Is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta’ Ottubru 2014, Il-Ġermanja vs Il-Kunsill, C-399/12, ECLI:EU:C:2014:2258, il-paragrafi 61 sa 64.
    (8)    Id-Deċiżjoni 2017/3 tal-Korp Eżekuttiv dwar l-Konvenzjoni dwar l-Arja, https://www.unece.org/fileadmin/DAM/env/documents/2017/AIR/EB/EB_Decisions_2017_3-E.pdf  
    Top

    Brussell, 15.12.2020

    COM(2020) 801 final

    ANNESS

    tal-

    Proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill

    Sottomissjoni, f’isem l-Unjoni Ewropea, ta’ proposta għal deċiżjoni tal-Korp Eżekuttiv dwar il-metodoloġija għall-aġġustamenti biex jiġu riflessi l-bidliet fis-sħubija tal-Unjoni Ewropea, fid-dawl tal-41 sessjoni tal-Korp Eżekuttiv skont il-Konvenzjoni fuq it-Tniġġis tal-Arja Transkonfini fuq Distanza Kbira, u dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea f’din is-sessjoni


    Proposta tal-Unjoni Ewropea għal deċiżjoni tal-Korp Eżekuttiv skont il-Konvenzjoni fuq it-Tniġġis tal-Arja Transkonfini fuq Distanza Twila: il-metodoloġija għall-aġġustamenti fit-Tabelli 2 sa 6 tal-Anness II tal-Protokoll għat-Tnaqqis tal-Aċidifikazzjoni, l-Ewtrofikazzjoni u l-Ożonu Troposferiku, (il-“Protokoll ta’ Gothenburg”) kif emendat fl-2012, biex jitqiesu l-bidliet fis-sħubija tal-Unjoni Ewropea.

    Abbozz ta’ deċiżjoni dwar aġġustamenti għall-Anness II tal-Protokoll ta’ Gothenburg, kif emendat fl-2012, biex jitqiesu l-bidliet fis-sħubija tal-Unjoni Ewropea

    Il-Korp Eżekuttiv,

    Filwaqt li jfakkar fid-deċiżjonijiet tiegħu 2013/14 u 2016/4 dwar il-konformità mill-Unjoni Ewropea mal-Protokoll għat-Tnaqqis tal-Aċidifikazzjoni, l-Ewtrofikazzjoni u l-Ożonu Troposferiku (il-“Protokoll ta’ Gothenburg”)

    Filwaqt li jinnota li l-Artikolu 13, il-paragrafu 2, tal-Protokoll ta’ Gothenburg kif emendat jipprevedi proċedura biex Parti tipproponi aġġustament tal-impenji tagħha għat-tnaqqis tal-emissjonijiet elenkati fl-Anness II tal-Protokoll ta’ Gothenburg, iżda li l-metodoloġiji stabbiliti fid-Deċiżjonijiet tal-Korp Eżekuttiv 2012/3 u 2012/12 dwar l-aġġustamenti ma japplikawx għal aġġustament ta’ dawn l-impenji għat-tnaqqis tal-emissjonijiet biex jiġu riflessi l-bidliet fis-sħubija fl-Unjoni Ewropea,

    Filwaqt li jfakkar id-deċiżjoni 2017/3 tiegħu dwar l-aġġustamenti skont il-Protokoll għat-Tnaqqis tal-Aċidifikazzjoni, l-Ewtrofikazzjoni u l-Ożonu Troposferiku sabiex jitqiesu l-bidliet fis-sħubija tal-Unjoni Ewropea, adottat wara proposta mill-Unjoni Ewropea u milll-Istati Membri tagħha bi tweġiba għat-talba mill-Partijiet għall-Konvenzjoni fis-36 sessjoni tal-Korp Eżekuttiv (ECE/EB.AIR/137),

    Filwaqt li jilqa’ d-dħul fis-seħħ tal-Protokoll għat-Tnaqqis tal-Aċidifikazzjoni, l-Ewtrofikazzjoni u l-Ożonu Troposferiku (il-Protokoll ta’ Gothenburg), kif emendat fl-2012, fis-7 ta’ Ottubru 2019,

    1.Jiddeċiedi, skont l-Artikolu 13(2) tal-Protokoll ta’ Gothenburg kif emendat, li tiġi stabbilita metodoloġija għall-aġġustament tal-linji bażi tal-emissjonijiet u l-impenji għat-tnaqqis tal-emissjonijiet elenkati għall-Unjoni Ewropea fit-Tabelli 2 sa 6 fl-Anness II tal-Protokoll ta’ Gothenburg kif emendat, fil-każ ta’ bidliet fis-sħubija tal-Unjoni Ewropea, kif ġej:

    -Il-linja bażi tal-emissjonijiet tal-Unjoni Ewropea għal kull inkwinant, espressa fil-livelli ta’ emissjonijiet għall-2005 f’kilotunnellati fit-Tabelli 2 sa 6 tal-Anness II tal-Protokoll ta’ Gothenburg kif emendat, għandha tkun is-somma tal-linji bażi tal-emissjonijiet għal kull inkwinant għall-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea, filwaqt li titqies kwalunkwe adeżjoni jew ħruġ mill-Unjoni Ewropea.

    -L-impenji tal-Unjoni Ewropea għat-tnaqqis tal-emissjonijiet għal kull inkwinant fit-Tabelli 2 sa 6 tal-Anness II tal-Protokoll ta’ Gothenburg kif emendat għandhom ikunu t-total tal-impenji għat-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea, ikkalkulat permezz (a) tal-applikazzjoni għal-livelli ta’ emissjonijiet għall-2005 ta’ kull Stat Membru tal-Unjoni Ewropea stabbiliti fit-Tabelli 2 sa 6 tal-Anness II tal-Protokoll emendat ta’ Gothenburg, l-impenji għat-tnaqqis għall-2020 ta’ kull Stat Membru tal-Unjoni Ewropea stabbiliti fl-istess tabelli; u (b) l-espressjoni tas-somma tar-riżultati taħt (a) bħala perċentwal tas-somma tal-livelli ta’ emissjonijiet għall-2005 tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea.

    -Għal din il-metodoloġija, il-livelli ta’ emissjonijiet għall-2005 għandhom ikunu dawk elenkati fit-Tabelli 2 sa 6 tal-Anness II tal-Protokoll ta’ Gothenburg kif emendat, sakemm għal firmatarju jew Parti partikolari, l-ebda livell ta’ emissjoni għall-2005 ma jkun stipulat fl-Anness II, f’liema każ għandhom jintużaw l-aktar emissjonijiet riċenti rrapportati għall-2005. L-impenji għat-tnaqqis tal-emissjonijiet għall-2020 u lil hinn għandhom ikunu dawk elenkati fit-Tabelli 2 sa 6 tal-Anness II tal-Protokoll ta’ Gothenburg kif emendat, sakemm għal firmatarju jew Parti partikolari ma jkunx hemm impenji għat-tnaqqis tal-emissjonijiet għall-2020 u lil hinn li huma stabbiliti fl-Anness II, f’liema każ l-Unjoni Ewropea għandha tissottometti din l-informazzjoni bil-miktub lis-Segretarju Eżekuttiv tal-Kummissjoni Ekonomika għall-Ewropa tan-Nazzjonijiet Uniti.

    2.Jiddeċiedi li l-Unjoni Ewropea tista’ tissottometti aġġustamenti bil-miktub bl-użu tal-metodoloġija ta’ hawn fuq lis-Segretarju Eżekuttiv tal-Kummissjoni Ekonomika għall-Ewropa tan-Nazzjonijiet Uniti, li għandu jikkomunika l-aġġustamenti lill-Partijiet kollha għall-informazzjoni.

    Top