EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52020PC0765

Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL dwar il-pożizzjoni li trid tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fi ħdan il-Kumitat Konġunt stabbilit mill-Ftehim Ewro-Mediterranju dwar l-Avjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u l-gvern tal-Istat ta' Iżrael, min-naħa l-oħra

COM/2020/765 final

Brussell, 27.11.2020

COM(2020) 765 final

2020/0339(NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar il-pożizzjoni li trid tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fi ħdan il-Kumitat Konġunt stabbilit mill-Ftehim Ewro-Mediterranju dwar l-Avjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u l-gvern tal-Istat ta' Iżrael, min-naħa l-oħra


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.Suġġett tal-proposta

Din il-proposta tikkonċerna deċiżjoni li tistabbilixxi l-pożizzjoni li trid tittieħed f’isem l-Unjoni fil-Kumitat Konġunt stabbilit bil-Ftehim Ewro-Mediterranju dwar l-Avjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, fuq naħa waħda, u l-gvern tal-Istat ta’ Iżrael, fuq in-naħa l-oħra (“il-Ftehim”) 1 .

2.Kuntest tal-proposta

2.1.Il-Ftehim Ewro-Mediterranju dwar l-Avjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u l-gvern tal-Istat ta’ Iżrael, min-naħa l-oħra

Il-Ftehim għandu l-għan li joħloq spazju komuni tal-avjazzjoni (CAA - Common Aviation Area) imsejjes fuq l-aċċess reċiproku għas-swieq tat-trasport bl-ajru tal-Partijiet, b’kundizzjonijiet ugwali ta’ kompetizzjoni, u rispett tal-istess regoli - inklużi fl-oqsma ta’ sikurezza, sigurtà, ġestjoni tat-traffiku tal-ajru, aspetti soċjali u l-ambjent. Ir-regoli tas-CAA għandhom ikunu bbażati fuq il-leġiżlazzjoni rilevanti fis-seħħ fl-Unjoni Ewropea, kif stabbilit fl-Anness IV ta’ dan il-Ftehim b’mod partikolari fir-rigward tas-sikurezza, is-sigurtà u l-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru. 

Il-Ftehim ġie ffirmat fl-10 ta’ Ġunju 2013 u daħal fis-seħħ fit-2 ta’ Awwissu 2020.

2.2.Il-Kumitat Konġunt

Il-Kumitat Konġunt ġie mwaqqaf bl-Artikolu 22 tal-Ftehim. Il-Kumitat Konġunt għandu jkun responsabbli mill-amministrazzjoni ta’ dan il-Ftehim u għandu jiżgura l-implimentazzjoni tiegħu kif suppost.

Għal dan il-għan huwa għandu jikkoopera f’firxa ta’ oqsma u għandu jagħmel rakkomandazzjonijiet u jieħu deċiżjonijiet fejn dan ikun espressament previst mill-Ftehim. Il-kompiti ewlenin tiegħu huma li jiżviluyppa l-kooperazzjoni billi: (a) iwettaq il-kompiti speċifiċi tiegħu fir-rigward tal-proċess ta’ kooperazzjoni regolatorja, kif stabbilit fit-Titolu II tal-Ftehim; (b) irawwem skambji fil-livell tal-esperti dwar inizjattivi u żviluppi leġiżlattivi jew regolatorji ġodda, inkluż fl-oqsma tas-sigurtà, tas-sikurezza, tal-ambjent, tal-infrastruttura tal-avjazzjoni (inklużi slotts), tal-ambjent kompetittiv u tal-protezzjoni tal-konsumaturi; (c) jeżamina regolarment l-effetti soċjali tal-Ftehim skont il-mod kif dan ikun qed jiġi implimentat, l-aktar fil-qasam tal-impjiegi, u billi jiżviluppa tweġibiet xierqa għat-tħassib li jinstab li huwa leġittimu; (d) jaqbel, abbażi ta’ kunsens, fuq proposti, approċċi jew dokumenti ta’ natura proċedurali li huma marbutin b’mod dirett mal-funzjonament tal-Ftehim; (e) il-kunsiderazzjoni ta’ oqsma potenzjali għall-iżvilupp ulterjuri tal-Ftehim, inkluż ir-rakkomandazzjoni ta’ emendi għall-Ftehim; u (e) jittratta l-applikazzjoni tat-Taqsima A.1 tal-Anness IV (il-lista tat-trasportaturi tal-ajru li huma soġġetti għal projbizzjoni fuq l-operat).

Barra minn hekk, f’konfromità mal- Artikolu 5 (Investiment) tal-Ftehim, il-Kumitat Konġunt għandu janalizza kwistjonijiet relatati ma’ investimenti bilaterali ta’ dritt proprjetarju maġġoritarju, jew ma’ bidliet fil-kontroll effettiv tat-trasportaturi bl-ajru tal-Partijiet.

Skont l-Artikolu 22(3) tal-Ftehim, il-Kumitat Konġunt għandu jadotta, b’deċiżjoni, ir-regoli ta’ proċedura tiegħu.

2.3.L-att previst tal-Kumitat Konġunt

Waqt l-ewwel laqgħa tiegħu, il-Kumitat Konġunt irid jadotta deċiżjoni dwar l-adozzjoni tar-regoli ta’ Proċedura tal-Kumitat Konġunt (“l-att previst”).

Il-fini tal-att previst hi li, f’konformità mal-Artikolu 22(3) tal-Ftehim, jadotta r-regoli ta’ proċedura li jirfdu l-organizzazzjoni tal-Kumitat Konġunt sabiex jippermettu l-implimentazzjoni u l-funzjonament tal-Ftehim.

3.Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni

Jenħtieġ li l-pożizzjoni li trid tiġi adottata f’isem l-Unjoni tkun immirata lejn l-adozzjoni tar-regoli ta’ proċedura tal-Kumitat Konġunt stabbilit bil-Ftehim. Jenħtieġ li l-pożizzjoni tkun ibbażata fuq l-abbozz ta’ deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt.

4.Bażi ġuridika

4.1.Bażi ġuridika proċedurali

4.1.1.Prinċipji

L-Artikolu 218(9) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (it-TFUE) jipprevedi deċiżjonijiet li jistabbilixxu “l-pożizzjonijiet li għandhom jiġu adottati f’isem l-Unjoni f’sede stabbilita fi ftehim, meta dik is-sede tintalab tadotta atti li jkollhom effetti legali, sakemm dawn ma jkunux atti li jissupplimentaw jew jemendaw il-qafas istituzzjonali tal-ftehim”.

Il-kunċett ta’ “atti li jkollhom effetti legali” jinkludi atti li għandhom effetti legali bis-saħħa ta’ regoli tad-dritt internazzjonali li jirregolaw il-korp inkwistjoni. Dan jinkludi strumenti li ma għandhomx effett vinkolanti skont id-dritt internazzjonali, iżda li “jistgħu jinfluwenzaw b’mod determinanti l-kontenut tal-leġiżlazzjoni adottata mil-leġiżlatura tal-Unjoni”.

4.1.2.Applikazzjoni għal dan il-każ

Il-Kumitat Konġunt huwa entità mwaqqfa permezz ta’ ftehim, jiġifieri, f’dan il-każ il-Ftehim Ewro-Mediterranju dwar l-Avjazzjoni bejn bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u l-gvern tal-Istat ta' Iżrael min-naħa l-oħra.

L-att li l-Kumitat Konġunt huwa mitlub jadotta huwa att b’effetti legali, peress li huwa vinkolanti skont id-dritt internazzjonali.

L-att previst la jissupplimenta u lanqas ma jemenda l-qafas istituzzjonali tal-Ftehim.

Fid-dawl ta’ dan, il-bażi ġuridika proċedurali għad-deċiżjoni proposta hija l-Artikolu 218(9) tat-TFUE.

4.2.Bażi ġuridika sostantiva

4.2.1.Prinċipji

Il-bażi ġuridika sostantiva għal deċiżjoni skont l-Artikolu 218(9) tat-TFUE tiddependi primarjament fuq l-objettiv u fuq il-kontenut tal-att previst li fir-rigward tiegħu tittieħed pożizzjoni f’isem l-Unjoni. Jekk l-att previst ikollu żewġ għanijiet jew ikollu żewġ komponenti u jekk wieħed minn dawn l-għanijiet jew komponenti jkun identifikabbli bħala dak ewlieni, filwaqt li l-ieħor ikun sempliċiment inċidentali, id-deċiżjoni skont l-Artikolu 218(9) tat-TFUE trid tkun imsejsa fuq bażi ġuridika sostantiva waħda, jiġifieri dik meħtieġa mill-għan jew mill-komponent ewlieni jew predominanti.

4.2.2.Applikazzjoni għal dan il-każ

L-objettiv ewlieni u l-kontenut tal-att previst jirrigwardaw it-trasport bl-ajru.

Għaldaqstant, il-bażi ġuridika sostantiva tad-deċiżjoni proposta hija l-Artikolu 100(2) tat-TFUE.

4.3.Konklużjoni

Jenħtieġ li l-bażi ġuridika tad-deċiżjoni proposta tkun l-Artikolu 100(2) tat-TFUE, flimkien mal-Artikolu 218(9) tat-TFUE.

5.Pubblikazzjoni tal-att previst

Minħabba li l-att tal-Kumitat Konġunt se jistabbilixxi r-regoli ta’ proċedura tiegħu, huwa xieraq li dan jiġi ppubblikat f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea wara li jiġi adottat.

2020/0339 (NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar il-pożizzjoni li trid tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fi ħdan il-Kumitat Konġunt stabbilit mill-Ftehim Ewro-Mediterranju dwar l-Avjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u l-gvern tal-Istat ta' Iżrael, min-naħa l-oħra

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 100(2), flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)Il-Ftehim Ewro-Mediterranju dwar l-Avjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha u l-gvern tal-Istat ta’ Iżrael minn naħa l-oħra (“il-Ftehim”) ġie konkluż mill-Unjoni bid-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2020/952 2 u daħal fis-seħħ fit-2 ta’ Awwissu 2020.

(2)L-Artikolu 22 tal-Ftehim jistabbilixxi Kumitat Konġunt biex jiżgura l-amministrazzjoni u l-funzjonament korrett tal-Ftehim.

(3)L-Artikolu 22(3) tal-Ftehim jipprevedi li l-Kumitat Konġunt għandu jidotta r-regoli ta’ proċedura tiegħu.

(4)Sabiex tiġi żgurata l-implimentazzjoni korretta tal-Ftehim, jenħtieġ li r-regoli ta’ proċedura tal-Kumitat Konġunt jiġu adottati malajr kemm jista’ jkun.

(5)Jixraq li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li trid tittieħed f’isem l-Unjoni fil-Kumitat Konġunt, peress li d-deċiżjoni prevista tal-Kumitat Konġunt li tadotta r-regoli ta’ proċedura tiegħu se tkun vinkolanti għall-Unjoni. Jenħtieġ li l-pożizzjoni tal-Unjoni fi ħdan il-Kumitat Konġunt tkun ibbażata fuq l-abbozz ta’ Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt mehmuż,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fl-ewwel laqgħa tal-Kumitat Konġunt stabbilit bl-Artikolu 22 tal-Ftehim Ewro-Mediterranju dwar l-Avjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, fuq naħa waħda, u l-gvern tal-Istat ta’ Iżrael, fuq in-naħa l-oħra, b’rabta mal-adozzjoni tar-regoli ta’ proċedura tal-Kumitat Konġunt, għandha tkun ibbażata fuq l-abbozz tad-Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt mehmuż ma’ din id-Deċiżjoni.

Ir-rappreżentanti tal-Unjoni fi ħdan il-Kumitat Konġunt jistgħu jaqblu ma’ tibdiliet minuri fl-abbozz ta’ Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt mingħajr deċiżjoni ulterjuri tal-Kunsill.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Kummissjoni.

Magħmul fi Brussell,

   Għall-Kunsill

   Il-President

(1)    Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2020/952 tas-26 ta’ Ġunju 2020 dwar il-konklużjoni, f’isem l-Unjoni, tal-Ftehim Ewro-Mediterranju dwar l-Avjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-waħda, u l-gvern tal-Istat ta' Iżrael, min-naħa l-oħra(ĠU L 212, 3.7.2020, p. 10).
(2)    Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2020/952 tas-26 ta’ Ġunju 2020 dwar il-konklużjoni, f’isem l-Unjoni, tal-Ftehim Ewro-Mediterranju dwar l-Avjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-waħda, u l-gvern tal-Istat ta' Iżrael, min-naħa l-oħra (ĠU L 212 3.7.2020, p. 10).
Top

Brussell, 27.11.2020

COM(2020) 765 final

ANNESS

ta'

Proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill

dwar il-pożizzjoni li trid tittieħed f'isem l-Unjoni Ewropea bil-Kumitat Konġunt stabbilit mill-Ftehim dwar l-Avjazzjoni Ewro-Mediterranju bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u l-Istat ta' Iżrael, min-naħa l-oħra


DEĊIŻJONI Nru 1/[sena] TAL-KUMITAT KONĠUNT UE-IŻRAEL STABBILIT MILL-FTEHIM EWRO-MEDITERRANJU DWAR L-AVJAZZJONI BEJN L-UNJONI EWROPEA U L-ISTATI MEMBRI TAGĦHA, MINN NAĦA WAĦDA, U L-GVERN TAL-ISTAT TA’ IŻRAEL, MIN-NAĦA L-OĦRA

ta’ [data]

li tadotta r-regoli ta’ proċedura tiegħu

IL-KUMITAT KONĠUNT UE-IŻRAEL,

Wara li kkunsidrat il-Ftehim Ewro-Mediterranju dwar l-Avjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha u l-Istat ta’ Iżrael (“il-Ftehim”), u b’mod partikolari l-Artikolu 22(3) tiegħu,

IDDEĊIEDA KIF ĠEJ:

Artikolu Uniku

B’dan, ir-regoli ta’ proċedura tal-Kumitat Konġunt mehmuża ma’ din id-Deċiżjoni huma adottati.

Magħmul fi …,

Għall-Kumitat Konġunt,

Il-Kap tad-Delegazzjoni tal-Unjoni Ewropea

[isem]

Il-Kap tad-Delegazzjoni tal-gvern tal-Istat tal-Iżrael

[isem]



Anness

REGOLI TA’ PROĊEDURA

Artikolu 1

Kapijiet tad-Delegazzjoni

1.    Kif previst fl-Artikolu 22(1) tal-Ftehim, il-Kumitat Konġunt għandu jkun magħmul minn rappreżentanti tal-Partijiet Kontraenti.

2.    Il-Kumitat Konġunt għandu jkun presedut b’mod konġunt mill-Kapijiet tad-Delegazzjoni tal-Partijiet Kontraenti.

Artikolu 2

Laqgħat

1.    Skont l-Artikolu 22(4) tal-Ftehim, il-Kumitat Konġunt għandu jiltaqa’ kif u meta jkun meħtieġ u talanqas darba fis-sena. Kull waħda mill-Partijiet Kontraenti tista' titlob li titlaqqà laqgħa.

2.    Il-Kumitat Konġunt jista’ jorganizza laqgħat wiċċ imb wiċċ jew permezz ta’ mezzi oħra (eż. telekonferenzi jew vidjokonferenzi).

3.    Il-laqgħat isiru, kemm jista’ jkun, b’mod alternat bejn post fi Stat Membru tal-UE u l-Iżrael, sakemm ma jkunx miftiehem mod ieħor mill-Partijiet.

4.    Ladarba l-Partijiet Kontraenti jkunu qablu dwar id-data u l-post tal-laqgħat, il-laqgħat jissejħu mill-Kummissjoni Ewropea għall-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha u mill-Awtorità tal-Avjazzjoni Ċivili tal-Iżrael għall-Iżrael.

5.    Sakemm ma jiġix maqbul mod ieħor mill-Partijiet Kontraenti, il-laqgħat tal-Kumitat Konġunt ma għandhomx ikunu pubbliċi. Jekk ikun meħtieġ, tista’ tiġi abbozzata stqarrija għall-istampa bi qbil reċiproku fi tmiem il-laqgħa.

Artikolu 3

Delegazzjonijiet

1.    Qabel kull laqgħa, il-Kapijiet tad-Delegazzjoni għandhom jinformaw lil xulxin dwar il-kompożizzjoni maħsuba tad-delegazzjonijiet tagħhom għall-laqgħa.

2.    Ir-rappreżentanti tal-partijiet ikkonċernati tal-industrija tat-trasport bl-ajru jistgħu jiġu mistiedna jattendu l-laqgħat bħala osservaturi, jekk il-Kumitat Konġunt ikun jaqbel li jsir hekk.

3.    Il-Kumitat Konġunt jista’ jistieden lil partijiet interessati jew lil esperti oħra biex jattendu l-laqgħat sabiex jipprovdu informazzjoni dwar suġġetti partikolari.

Artikolu 4

Segretarjat

Is-segretarji tal-Kumitat Konġunt se jkunu uffiċjal tal-Kummissjoni Ewropea u uffiċjal tal-Awtorità tal-Avjazzjoni Ċivili tal-Iżrael, li għandhom jaġixxu b’mod konġunt.

Artikolu 5

L-aġendi tal-laqgħat

1.    Il-Kapijiet tad-Delegazzjoni għandhom jistabbilixxu l-aġenda proviżorja ta’ kull laqgħa bi ftehim reċiproku. Din l-aġenda proviżorja għandha tintbagħat mis-segretarjat lill-membri tad-delegazzjonijiet mhux aktar tard minn ħmistax-il jum qabel id-data tal-laqgħa.

2.    Il-Kumitat Konġunt għandu jadotta l-aġenda fil-bidu ta’ kull laqgħa. Punti oħra minbarra dawk li jkunu jidhru fl-aġenda proviżorja jistgħu jiġu inklużi fl-aġenda jekk il-Kumitat Konġunt jaqbel li jsir hekk.

3.    Il-Kapijiet tad-Delegazzjoni jistgħu jqassru l-limiti ta’ żmien speċifikati fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu sabiex jitqiesu l-bżonnijiet jew l-urġenza ta’ kwistjoni partikolari.

Artikolu 6

Minuti

1.    L-abbozzi tal-Minuti ta’ kull laqgħa tal-Kumitat Konġunt għandhom jitfasslu wara kull laqgħa. Huma għandhom jindikaw il-punti diskussi u kwalunkwe rakkomandazzjoni magħmula u deċiżjonijiet adottati.

2.    Meta jintlaħaq qbil dwarhom, il-Minuti għandhom jiġu ffirmati mill-Kapijiet tad-Delegazzjoni u għandha tiġi ppreżentata kopja oriġinali waħda minn kull waħda mill-Partijiet. Il-Kapijiet tad-Delegazzjoni jistgħu jiddeċiedu li l-iffirmar u l-iskambju ta’ kopji elettroniċi jissodisfaw dan ir-rekwiżit.

3.    Il-minuti tal-laqgħat tal-Kumitat Konġunt ma għandhomx ikunu pubbliċi sakemm ma jkunx mitlub mod ieħor minn waħda mill-Partijiet.

Artikolu 7

Proċedura bil-miktub

Meta jkunu meħtieġa, u debitament motivati, id-deċiżjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet tal-Kumitat Konġunt jistgħu jiġu adottati permezz ta’ proċedura bil-miktub. Għal dak il-għan, il-Kapijiet tad-Delegazzjoni għandhom jiskambjaw l-abbozz ta’ miżuri li dwarhom tintalab l-opinjoni tal-Kumitat Konġunt, li mbagħad jistgħu jiġu kkonfermati permezz ta’ skambju ta’ korrispondenza. Madankollu, kwalunkwe Parti Kontarenti tista’ titlob li l-Kumitat Konġunt jitlaqqa’ biex tiġi diskussa l-kwistjoni.

Artikolu 8

Deliberazzjonijiet

1.    Il-Kumitat Konġunt għandui jagħmel ir-rakkomandazzjonijiet tiegħu u jieħu deċiżjonijiet abbażi ta’ kunsens.

2.    Id-deċiżjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet tal-Kumitat Konġunt għandu jkollhom it-titolu “Deċiżjoni” jew “Rakkomandazzjoni” rispettivament u għandhom ikunu segwiti b’numru tas-serje, bid-data tal-adozzjoni tagħhom u b’deskrizzjoni tas-suġġett tagħhom.

3.    Id-deċiżjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet tal-Kumitat Konġunt għandhom jiġu ffirmati mill-Kapijiet tad-Delegazzjoni u jiġu mehmuża mal-Minuti.

4.    Id-deċiżjonijiet adottati mill-Kumitat Konġunt għandhom jiġu implimentati mill-Partijiet Kontraenti skont il-proċeduri interni tagħhom stess.

5.    Id-deċiżjonijiet adottati mill-Kumitat Konġunt jistgħu jiġu ppubblikati mill-Partijiet Kontraenti fil-pubblikazzjonijiet uffiċjali rispettivi tagħhom. Kull Parti Kontraenti tista’ tiddeċiedi dwar il-pubblikazzjoni ta’ kwalunkwe att ieħor li jiġi adottat mill-Kumitat Konġunt. Kopja oriġinali waħda tad-deċiżjonijiet u tar-rakkomandazzjonijiet għandha tiġi arkivjata minn kull waħda mill-Partijiet Kontraenti.

Artikolu 9

Gruppi ta’ Ħidma

1.    Il-Kumitat Konġunt jista’ jistabbilixxi gruppi ta’ ħidma biex jassistu lill-Kumitat Konġunt fit-twettiq ta’ dmirijietu. It-termini ta’ referenza għal grupp ta’ ħidma għandhom jitniżżlu f’Anness tad-deċiżjoni li twaqqaf il-grupp ta’ ħidma.

2.    Il-gruppi ta' ħidma għandhom ikunu magħmula minn rappreżentanti tal-Partijiet Kontraenti.

3.    Il-grupp ta' ħidma jgħandhom jaħdmu taħt l-awtorità tal-Kumitat Konġunt u jirrappurtawlu wara kull laqgħa li jkollhom. Dawn ma għandhomx jieħdu deċiżjonijiet iżda jistgħu jagħmlu rakkomandazzjonijiet lill-Kumitat Konġunt.

4.    Fi kwalunkwe ħin, il-Kumitat Konġunt jista’ jiddeċiedi li jabolixxi gruppi ta’ ħidma eżistenti, li jimmodifika t-termini ta’ referenza tagħhom jew li jistabbilixxi gruppi ta’ ħidma ġodda biex jgħinuh fil-qadi tal-kompiti tiegħu.

Artikolu 10

Spejjeż

1.    Kull waħda mill-Partijiet Kontraenti għandha tħallas l-ispejjeż relatati mal-parteċipazzjoni tagħha fil-laqgħat tal-Kumitat Konġunt u tal-gruppi ta’ ħidma, kemm fir-rigward tal-persunal, l-ivvjaġġar u l-ispejjeż tal-għajxien kif ukoll tal-ispejjeż tal-posta u tat-telekomunikazzjonijiet.

2.    Kull spiża oħra relatata mal-organizzazzjoni materjali tal-laqgħat għandhom jitħallsu mill-Parti Kontraenti li tkun qed tospita l-laqgħa.

Artikolu 11

Emendi għar-Regoli ta’ Proċedura

Fi kwalunkwe ħin il-Kumitat Konġunt jista’ jemenda dawn ir-Regoli ta’ Proċedura permezz ta’ deċiżjoni meħuda skont l-Artikolu 22 ta’ dan il-Ftehim.

Top