EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52020PC0642

Proposta għal REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL dwar l-emendar tar-Regolament (KE) Nru 1367/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta’ Settembru 2006 dwar l-applikazzjoni għall-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità tad-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus dwar l-Aċċess għall-Informazzjoni, il-Parteċipazzjoni tal-Pubbliku fit-Teħid ta’ Deċiżjonijiet u l-Aċċess għall-Ġustizzja fi Kwistjonijiet Ambjentali

COM/2020/642 final

Brussell, 14.10.2020

COM(2020) 642 final

2020/0289(COD)

Proposta għal

REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

dwar l-emendar tar-Regolament (KE) Nru 1367/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta’ Settembru 2006 dwar l-applikazzjoni għall-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità tad-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus dwar l-Aċċess għall-Informazzjoni, il-Parteċipazzjoni tal-Pubbliku fit-Teħid ta’ Deċiżjonijiet u l-Aċċess għall-Ġustizzja fi Kwistjonijiet Ambjentali


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.KUNTEST TAL-PROPOSTA

A. Raġunijiet għall-proposta u l-objettivi tagħha

L-istituzzjonijiet tal-UE għandhom bżonn jinvolvu lill-pubbliku biex jirnexxi l-Patt Ekoloġiku Ewropew 1 u jirriżulta f’tibdil dejjiemi. Il-pubbliku huwa l-forza li tmexxi t-tibdil, u hekk jenħtieġ li jibqa’, u huwa importanti li jingħata l-mezz li jinvolvi ruħu fl-iżvilupp u fl-implimentazzjoni ta’ politiki ġodda.

L-involviment tal-pubbliku ma jfissirx li jiġu involuti l-individwi biss, iżda li tiġi involuta s-soċjetà ċivili. L-organizzazzjonijiet ambjentali mhux governattivi (l-NGOs) mal-Ewropa kollha għandhom rwol kruċjali fil-promozzjoni tal-ambjent. Dan ifisser li, f’ċerti kundizzjonijiet, dawn irid ikollhom id-dritt li jeżiġu li jiġu rieżaminati xi deċiżjonijiet li jieħdu l-awtoritajiet pubbliċi minħabba li dawn jiksru l-liġijiet ambjentali.

Kif qal l-Avukat Ġenerali Sharpston, “L-ambjent naturali huwa tagħna lkoll u l-protezzjoni tiegħu hija r-responsabbiltà kollettiva tagħna. Il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet li r-regoli tal-liġi ambjentali tal-Unjoni, fil-parti l-kbira tagħhom, jindirizzaw l-interess pubbliku u mhux biss il-protezzjoni tal-interessi ta’ individwi bħala tali. La l-ilma u lanqas il-ħut li jgħum fih ma jistgħu jmorru għand il-Qorti tal-Ġustizzja. Is-siġar ukoll ma għandhomx status legali” 2 .

Meta jsir mill-amministrazzjoni pubblika, ir-rieżami jissejjaħ “rieżami amministrattiv”. Meta jsir minn qorti, jissejjaħ “rieżami ġudizzjarju”.

L-objettiv tal-proposta huwa li ssir reviżjoni tal-mekkaniżmu tar-rieżami amministrattiv li nħalaq fl-2006 għall-benefiċċju tal-NGOs fir-rigward ta’ atti u ommissjonijiet amministrattivi tal-istituzzjonijiet u l-korpi tal-UE. Il-mekkaniżmu jinsab fir-Regolament 1367/2006, u huwa msejjaħ ir-Regolament ta’ Aarhus (ir-Regolament) 3 .

Il-mira tal-proposta hija li tittejjeb l-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus 4 wara l-adozzjoni tat-Trattat ta’ Lisbona u li jiġi indirizzat it-tħassib li esprima l-Kumitat għall-Konformità mal-Konvenzjoni ta’ Aarhus (il-Kumitat) dwar il-konformità tal-UE mal-obbligi internazzjonali tagħha skont il-Konvenzjoni. Din timmira li tagħmel dan b’mod li hu kompatibbli mal-prinċipji fundamentali tal-ordni ġuridika tal-UE u mas-sistema ta’ stħarriġ ġudizzjarju tagħha. L-emenda tar-Regolament intalbet mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill, u din it-talba kienet antiċipata mill-Kummissjoni fil-Komunikazzjoni tagħha dwar il-Patt Ekoloġiku Ewropew, kif deskritt fit-taqsima 1.A.II hawn taħt.

Il-proposta żżid mal-possibbiltajiet li bħalissa għandhom l-NGOs biex jitolbu rieżami amministrattiv. Filwaqt li fil-preżent rieżami amministrattiv jista’ jintalab biss għal atti ta’ “portata individwali” (atti li huma indirizzati direttament lejn persuna waħda, jew fejn il-persuna affettwata tista’ tingħaraf b’mod individwali), fil-futur, l-NGOs se jkunu jistgħu jitolbu wkoll ir-rieżami ta’ atti ta’ “portata ġenerali”.

Il-proposta timmira wkoll li tibdel ir-referenzi għal-liġi ambjentali: filwaqt li fil-preżent, l-atti amministrattivi li jkunu soġġetti għal rieżami jridu jkunu dawk li jikkontribwixxu lejn l-ilħiq tal-objettivi tal-politika ambjentali, ġie propost li, fil-futur, kull att amministrattiv li jikser il-liġi ambjentali tal-UE jista’ jkun soġġett li jiġi rieżaminat, ikunu x’ikunu l-objettivi tal-politika tiegħu.

Fl-aħħar nett, ġie propost li jittawwlu l-perjodi meta jistgħu jsiru talbiet u tweġibiet, biex tittejjeb il-kwalità tal-proċess tar-rieżami amministrattiv.

Kif ġie mfakkar mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, fis-sentenzi importanti li jikkonċernaw ir-rilevanza tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus fl-ordni ġuridika tal-UE, il-proċeduri ġudizzjarji u amministrattivi li jikkonċernaw l-aċċess għall-ġustizzja fil-liġi ambjentali bħalissa huma “b’mod ewlieni” fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali 5 . Għaldaqstant, kull titjib fl-aċċess għar-rieżami amministrattiv u ġudizzjarju fil-livell tal-UE jikkomplementa l-funzjonament tajjeb tal-aċċess għall-ġustizzja fi kwistjonijiet ambjentali tal-UE fil-qrati nazzjonali tal-Istati Membri.

B’mod partikolari, il-qrati nazzjonali huma obbligati li jagħtu l-aċċess għall-ġustizzja b’rabta ma’ kwistjonijiet ambjentali, skont l-Artikoli 9(2) u 9(3) tal-Konvenzjoni, anki meta tkun qed tiġi implimentata l-liġi ambjentali tal-UE.

Meta l-miżuri ta’ implimentazzjoni ta’ att amministrattiv adottat minn istituzzjoni jew korp tal-UE jkunu jeżistu fil-livell nazzjonali, l-NGOs ikkonċernati jridu l-ewwel ifittxu rimedju permezz tal-qorti nazzjonali kompetenti tal-Istat Membru li jkun adotta l-miżura. Wara dan imbagħad ikollhom aċċess għall-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea skont il-proċedura ta’ referenza preliminari skont l-Artikolu 267 tat-TFUE. Din il-proċedura tista’ tikkonċerna wkoll il-validità tal-atti tal-istituzzjonijiet tal-UE.

Għalhekk il-Kummissjoni qed tressaq din il-proposta leġiżlattiva bħala parti minn sforz aktar mifrux biex jittejjeb l-aċċess għall-ġustizzja fi kwistjonijiet ambjentali. Ir-rwol tal-Istati Membri u tal-qrati nazzjonali se jiġi deskritt f’Komunikazzjoni mehmuża 6 .

I.Ir-rekwiżiti tal-Artikolu 9(3) tal-Konvenzjoni u l-konklużjonijiet tal-Kumitat għall-Konformità mal-Konvenzjoni ta’ Aarhus

L-UE adottat ir-Regolament biex tikkontribwixxi għall-implimentazzjoni tal-obbligi li jirriżultaw mill-Konvenzjoni. L-UE saret Parti għall-Konvenzjoni formalment fl-2005 7 .

L-Artikolu 9(3) tal-Konvenzjoni jiddikjara li kull Parti għall-Konvenzjoni trid tiżgura li, “meta jissodisfaw il-kriterji, jekk ikun hemm, stipulati fil-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħha, il-membri tal-pubbliku għandhom l-aċċess għall-proċeduri amministrattivi jew ġudizzjarji biex jikkontestaw atti u ommissjonijiet minn persuni privati u minn awtoritajiet pubbliċi li jiksru d-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali tagħha marbutin mal-ambjent.” Fil-kuntest tal-UE, il-leġiżlazzjoni nazzjonali tfisser il-leġiżlazzjoni tal-UE, u l-membri tal-pubbliku jinkludu l-NGOs.

Ir-Regolament ta l-possibbiltà lill-NGOs jitolbu lill-istituzzjonijiet u lill-korpi tal-UE jirrieżaminaw ċerti deċiżjonijiet - atti ta’ portata individwali - adottati skont il-liġi ambjentali. Madankollu, il-Konvenzjoni ma tagħmilx distinzjoni bejn l-atti ta’ portata individwali u l-atti ta’ portata ġenerali fl-Artikolu 9(3) tagħha.

Il-Kumitat, li twaqqaf biex jirrieżamina l-konformità tal-Partijiet mal-Konvenzjoni, sab li l-UE ma tikkonformax għalkollox mal-obbligi tagħha skont ir-rekwiżiti tal-Konvenzjoni dwar l-aċċess għall-ġustizzja fi kwistjonijiet ambjentali (il-kawża ACCC/C/2008/32 8 ).

B’mod aktar speċifiku, il-Kumitat kien tal-fehma li: (i) ir-Regolament jenħtieġ li jinkludi wkoll atti ġenerali u mhux biss atti ta’ portata individwali; (ii) kull att amministrattiv li għandu sempliċi “rabta” mal-ambjent ikun jista’ jiġi kkontestat, u mhux biss l-atti li huma “skont” il-liġi ambjentali; (iii) il-mekkaniżmu ta’ rieżami amministrattiv jenħtieġ li jinfetaħ mhux biss għall-NGOs, iżda wkoll għal membri tal-pubbliku oħrajn; u (iv) li l-atti li ma għandhomx effetti legalment vinkolanti u esterni wkoll jenħtieġ li jkunu suxxettibbli għal rieżami.

F’Settembru tal-2017, fl-aħħar laqgħa tal-Partijiet għall-Konvenzjoni, l-UE ddikjarat li se “tkompli tesplora l-modi u l-mezzi li bihom tista’ tikkonforma mal-Konvenzjoni ta’ Aarhus b’mod li jkun kompatibbli mal-prinċipji fundamentali tal-ordni legali tal-Unjoni u mas-sistema ta’ rieżami ġudizzjarju tagħha, filwaqt li tqis it-tħassib li ġie espress fil-Konvenzjoni” (id-Dikjarazzjoni ta’ Budva).

Il-kawża se terġa’ tiġi diskussa fil-laqgħa li jmiss tal-Partijiet għall-Konvenzjoni f’Ottubru tal-2021.

II.Ir-reazzjoni interistituzzjonali għall-konklużjonijiet tal-Kumitat

Fl-2018, fid-Deċiżjoni (UE) 2018/881 9 tiegħu, abbażi tal-Artikolu 241 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), il-Kunsill talab lill-Kummissjoni tippreżenta dawn li ġejjin:

·studju dwar l-għażliet li għandha l-UE biex tindirizza l-konklużjonijiet, sat-30 ta’ Settembru 2019,

·proposta biex jiġi emendat ir-Regolament (jew biex il-Kunsill jiġi infurmat b’miżuri oħra), sat-30 ta’ Settembru 2020.

Fl-10 ta’ Ottubru 2019, il-Kummissjoni ppubblikat studju estern dettaljat 10 dwar il-funzjonament tal-aċċess għall-ġustizzja fi kwistjonijiet ambjentali b’rabta mal-atti u l-ommissjonijiet tal-istituzzjonijiet u l-korpi tal-UE, kif ukoll l-opzjonijiet biex tittejjeb il-qagħda attwali. Dan kien jinkludi eżami dettaljat tar-rieżamijiet amministrattivi li wettqet il-Kummissjoni skont ir-Regolament. Abbażi ta’ dan l-istudju, is-servizzi tal-Kummissjoni rrappurtaw dwar l-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni mill-UE fil-qasam tal-aċċess għall-ġustizzja fi kwistjonijiet ambjentali (ir-Rapport) 11 . Kemm l-istudju, kif ukoll ir-Rapport qiesu l-konklużjonijiet tal-Kumitat, iżda kellhom ambitu usa’; it-tnejn indirizzaw il-konklużjonijiet fil-kuntest tal-prinċipji fundamentali tal-ordni legali tal-UE u tas-sistema ta’ rieżami ġudizzjarju tagħha, f’konformità mad-Dikjarazzjoni ta’ Budva, u fil-kuntest tad-drittijiet minquxa fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (il-Karta).

Fil-Komunikazzjoni segwenti dwar il-Patt Ekoloġiku Ewropew, li tressqet fil-11 ta’ Diċembru 2019, il-Kummissjoni impenjat ruħha li “tikkunsidra li tirrevedi r-Regolament ta’ Aarhus biex ittejjeb l-aċċess għar-rieżami amministrattiv u ġudizzjarju fil-livell tal-UE għaċ-ċittadini u l-NGOs li jkollhom tħassib dwar il-legalità ta’ deċiżjonijiet li jkollhom effett fuq l-ambjent” u biex “taġixxi biex ittejjeb l-aċċess għall-ġustizzja quddiem il-qrati nazzjonali fl-Istati Membri kollha”.

Fir-riżoluzzjoni tiegħu dwar il-Patt Ekoloġiku Ewropew, tal-15 ta’ Jannar 2020 12 , il-Parlament Ewropew tenna li “huwa essenzjali li jiġi ggarantit liċ-ċittadini tal-UE l-aċċess ġenwin għall-ġustizzja u d-dokumenti inkorporati fil-Konvenzjoni ta’ Aarhus”; stieden lill-Kummissjoni biex “tiżgura li l-UE tikkonforma mal-Konvenzjoni”, u laqa’ l-fatt li l-Kummissjoni kienet qed tikkunsidra li tirrevedi r-Regolament.

III.Il-konklużjonijiet ewlenin tar-Rapport

Rigward l-ewwel żewġ konklużjonijiet tal-Kumitat, abbażi tal-ħidma analitika, u filwaqt li tqies it-tibdil li ddaħħal fl-Artikolu 263 tat-TFUE bit-Trattat ta’ Lisbona, ir-Rapport identifika żewġ nuqqasijiet fir-Regolament li issa ġie propost li jiġu rimedjati permezz ta’ azzjoni leġiżlattiva:

·Il-possibbiltajiet attwali għal rieżami amministrattiv skont ir-Regolament jaslu biss sa atti amministrattivi ta’ portata individwali u ma jinkludux atti ta’ portata ġenerali. Dan ġie identifikat bħala l-limitazzjoni ewlenija għall-NGOs li jkunu jridu jikkontestaw atti amministrattivi fil-livell tal-UE.

·Bħalissa l-kamp ta’ applikazzjoni jkopri biss l-atti “skont” il-liġi ambjentali. L-Artikolu 9(3) tal-Konvenzjoni juża kliem differenti li jirreferi għall-atti li “jiksru d-dispożizzjonijiet tal-liġi (...) b’rabta mal-ambjent”. Minkejja li l-formulazzjoni attwali tar-Regolament, kif interpretata mill-każistika tal-Qorti tal-Ġustizzja (QĠUE), hija wiesgħa, ma hemmx ċertezza li l-kamp ta’ applikazzjoni tagħha jaqbel b’mod akkurat ma’ dak tal-Artikolu 9(3) tal-Konvenzjoni.

Barra minn hekk, ir-Rapport ikkonkluda li għad hemm lok għal titjib rigward it-twaqqit għar-rieżami amministrattiv stabbilit fir-Regolament. B’mod partikolari huwa osserva li t-12-il ġimgħa li għandhom l-istituzzjonijiet u l-korpi tal-UE biex iwieġbu rikjesta ta’ rieżami amministrattiva nstab li mhumiex biżżejjed u li huwa diffiċli li jinżamm dan il-limitu 13 .

IV.Il-bidliet li tintroduċi l-proposta leġiżlattiva

IV.a. It-twessigħ tar-rieżami biex ikun jinkludi atti ta’ portata ġenerali

Il-Kummissjoni tipproponi li twessa’ d-definizzjoni ta’ “att amministrattiv” biex ikun possibbli li l-NGOs jitolbu rieżami amministrattiv ta’ kwalunkwe att mhux leġiżlattiv adottat minn istituzzjoni jew korp tal-UE li jkollu effetti legalment vinkolanti u esterni u li jkun fih dispożizzjonijiet li, minħabba l-effetti tagħhom, jafu jkunu jiksru l-liġijiet ambjentali skont it-tifsira tal-punt (f) tal-Artikolu 2(1), għajr dawk id-dispożizzjonijiet f’dan l-att li għalihom il-leġiżlazzjoni tal-UE teżiġi b’mod espliċitu miżuri ta’ implimentazzjoni fil-livell tal-UE jew f’dak nazzjonali. Din hija bidla sinifikanti fil-kamp ta’ applikazzjoni mit-test legali attwali tar-Regolament ta’ Aarhus, li jirreferi biss għal “atti ta’ portata individwali” 14 .

IV.b. L-allinjament tar-referenzi għal-liġi ambjentali mar-rekwiżiti tal-Konvenzjoni

Il-proposta tiċċara li l-att amministrattiv irid ikun fih dispożizzjonijiet li, minħabba l-effetti tagħhom, jafu jkunu jiksru l-liġi ambjentali skont it-tifsira tal-Artikolu 2(1)(f) tar-Regolament.

Il-formulazzjoni attwali tal-Artikolu 2(1)(g) tar-Regolament tippermetti r-rieżami ta’ atti amministrattivi “skont il-liġi ambjentali”. Dan ifisser li s’issa, meta jkunu qegħdin jevalwaw jekk att jistax ikun soġġett għal rikjesta ta’ rieżami intern, l-istituzzjonijiet u l-korpi tal-UE ħarsu biss mill-perspettiva ta’ jekk l-att amministrattiv li qed jiġi kkontestat kienx maħsub biex jikkontribwixxi għall-objettivi tal-politika ambjentali, minflok ma kkonċentraw fuq il-kwistjoni ta’ jekk jiksirx il-liġi ambjentali.

B’danakollu jeħtieġ li r-rieżami intern ikun possibbli għal dawk l-atti kollha li għandhom effett fuq l-objettivi tal-politika ambjentali. Tabilħaqq, huwa fl-ambitu tal-“kwistjonijiet ambjentali” li jrid ikun żgurat l-aċċess għall-ġustizzja skont l-Artikolu 1 tal-Konvenzjoni 15 , u huwa “fil-qasam kopert mill-Konvenzjoni” li l-UE impenjat ruħha li tapplika “r-regoli rilevanti tal-leġiżlazzjoni tal-UE” meta tiddepożita l-istrument ta’ ratifika tal-Konvenzjoni 16 .

Sabiex ikun żgurat l-aċċess għall-ġustizzja effettiv, jenħtieġ li tiġi addattat d-definizzjoni ta’ atti amministrattivi biex tkun tinkludi wkoll atti li ma jkunux ġew adottati skont il-liġi ambjentali, iżda li fihom dispożizzjonijiet li, minħabba l-effetti tagħhom, jaf jiksru l-liġi ambjentali tal-UE kif iddefinita fl-Artikolu 2(1)(f) tar-Regolament.

Dan jikkorrispondi mal-istatus attwali tal-integrazzjoni ta’ kunsiderazzjonijiet ambjentali f’politiki oħrajn tal-UE, skont l-Artikolu 11 tat-TFUE, skont liema, “il-ħtiġijiet għall-ħarsien tal-ambjent għandhom ikunu integrati fid-definizzjoni u l-implimentazzjoni tal-politika u l-attivitajiet tal-Unjoni, partikolarment bl-għan li jinkoraġġixxu żvilupp sostenibbli.”

Il-kamp ta' applikazzjoni tal-mekkaniżmu tar-rieżami intern irid isir konsistenti mal-Artikolu 9(3) tal-Konvenzjoni, li huwa marbut ma’ dawk l-atti “li jiksru l-liġi ambjentali”. Għalhekk, hija l-identifikazzjoni ta’ ksur tal-liġi ambjentali tal-UE li hija l-kriterju deċiżiv biex jiġi ddefinit fuq liema bażi jista’ jsir rieżami intern.

Rigward id-definizzjoni ta’ x’inhi l-liġi ambjentali tal-UE, l-Artikolu 2(1)(f) tar-Regolament eżistenti jagħti definizzjoni wiesgħa tal-liġi ambjentali. Għaldaqstant, jiddefinixxi “liġi ambjentali” bħala “leġislazzjoni [tal-Unjoni] li, irrispettivament mill-bażi legali tagħha, tikkontribwixxi għall-kisba tal-objettivi tal-politika [tal-Unjoni] dwar l-ambjent kif stabbiliti fit-Trattat: il-preservazzjoni, il-protezzjoni u t-titjib tal-kwalità tal-ambjent, il-protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem, l-użu prudenti u razzjonali ta’ riżorsi naturali, u l-promozzjoni ta’ miżuri fil-livell internazzjonali sabiex jiġu ttrattati problemi ambjentali reġjonali jew dinjija” 17 .

Huwa propost li r-Regolament jipprevedi speċifikament li meta l-applikant ikun qed jiddikjara r-raġunijiet għaliex qed jitlob rieżami, jenħtieġ li juri kif l-att amministrattiv jikser il-liġi ambjentali tal-UE. Kif teżiġi l-każistika, “sabiex jiġu ppreċiżati r-raġunijiet għar-reviżjoni [interna] bil-mod meħtieġ, persuna li titlob ir-reviżjoni ta’ att amministrattiv taħt id-dritt tal-ambjent hija obbligata tindika l-punti ta’ fatt jew l-argumenti ta’ liġi sostanzjali li jkunu jistgħu jiġġustifikaw dubji plawżibbli, jiġifieri sostanzjali, fir-rigward tal-evalwazzjoni mwettqa mill-istituzzjoni jew mill-korp tal-Unjoni fl-att inkwistjoni” 18 .

IV.c. Jittawwlu l-limiti taż-żmien għall-proċedura tar-rieżami intern

Il-proposta ttawwal il-limiti taż-żmien għall-proċedura tar-rieżami biex tkun tista’ ssir valutazzjoni ta’ kwalità tajba. B’mod partikolari, tinkludi estensjoni ta’ ħmistax għall-NGOs u estensjoni ta’ erba’ ġimgħat għall-istituzzjonijiet tal-UE. Iż-żmien addizzjonali li jingħataw l-NGOs se jippermettilhom iressqu l-argumenti fattwali u legali meħtieġa biex isiru oġġezzjonijiet għall-atti u l-ommissjonijiet amministrattivi li jiksru l-liġi ambjentali tal-UE. L-estensjoni taż-żmien li jingħataw l-istituzzjonijiet u l-korpi tal-UE biex jagħtu tweġiba tkun tippermettilhom iwettqu rieżamijiet aktar dettaljati. Iż-żmien addizzjonali għandu wkoll isaħħaħ id-dritt għal amministrazzjoni tajba skont l-Artikolu 41 tal-Karta.

V.Min jista’ jitlob rieżami amministrattiv?

Ir-rieżami amministrattiv skont ir-Regolament huwa wieħed fost il-modi possibbli li bihom l-UE tissodisfa r-rekwiżiti tal-Artikolu 9(3) tal-Konvenzjoni. Il-konformità mal-Artikolu 9(3) ma tiddependix biss mir-Regolament.

L-Artikolu 9(3) tal-Konvenzjoni jista’ jiġi implimentat permezz ta’ rieżami amministrattiv jew permezz ta’ rieżami ġudizzjarju (inkella permezz tat-tnejn). Huwa maħsub li jkun għall-benefiċċju ta’ “membri tal-pubbliku”, skont it-tifsira tal-Artikolu 2(4) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus 19 . Dan ikopri kemm l-individwi kif ukoll l-NGOs; id-drittijiet preċiżi jridu jiġu ddefiniti (f’dan il-kuntest) mil-leġiżlazzjoni tal-UE, skont l-Artikolu 9(3) tal-Konvenzjoni 20 .

L-ewwel nett, minkejja li l-individwi ma jistgħux jitolbu rieżami amministrattiv skont ir-Regolament, għandhom il-possibbiltà li jitolbu rieżami ġudizzjarju tal-atti u l-ommissjonijiet tal-istituzzjonijiet u l-korpi tal-UE f’każijiet meta l-kundizzjonijiet stipulati fit-TFUE jkunu ssodisfati, kif spjegat hawn taħt. Il-Konvenzjoni teżiġi li l-Partijiet jipprovdu jew rieżami amministrattiv jew rieżami ġudizzjarju, iżda mhux it-tnejn li huma bilfors.

Meta jeżistu miżuri ta’ implimentazzjoni nazzjonali, l-individwi jistgħu jikkontestawhom f’qorti nazzjonali u jitolbu li l-qorti nazzjonali tagħmel referenza lill-QĠUE biex tirrieżamina l-validità tal-att rilevanti tal-UE skont l-Artikolu 267 tat-TFUE.

Barra minn hekk, skont ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 tat-TFUE, l-individwi jistgħu jikkontestaw direttament fil-Qorti Ġenerali: (i) atti indirizzati lilhom; (ii) atti li jikkonċernawhom direttament u individwalment; u (iii) atti regolatorji li jikkonċernawhom direttament li ma jinvolvux miżuri ta’ implimentazzjoni.

It-tieni, il-Konvenzjoni stess tirrikonoxxi li l-NGOs għandu jkollhom aċċess privileġġat għall-ġustizzja, meta mqabbel mal-individwi 21 . Il-limitazzjoni tal-użu tal-mekkaniżmu ta’ rieżami amministrattiv għall-NGOs hija konsistenti kemm ma’ din id-differenzjazzjoni, kif ukoll mal-ħtieġa li l-NGOs jingħataw aċċess dirett għall-ġustizzja fil-livell tal-UE (permezz ta’ kontestazzjoni skont ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 tat-TFUE kontra t-tweġiba għat-talba ta’ rieżami intern) mingħajr ma jkun hemm bżonn li jsir tibdil fit-Trattati 22 .

It-tielet punt huwa li bosta atti adottati minn istituzzjonijiet u korpi tal-UE huma ta’ portata ġenerali. Huwa ġġustifikat li l-NGOs jingħataw aċċess għall-mekkaniżmu tar-rieżami amministrattiv għaliex, kif imsemmi fuq 23 , ħafna drabi jkunu l-NGOs li huma fl-aħjar pożizzjoni biex jirrappreżentaw kwistjonijiet ta’ interess pubbliku u tas-soċjetà ċivili f’dan il-qasam b’mod effettiv, b’argumenti professjonali, imsejsin tajjeb u ssostanzjati.

Ir-raba’ punt, il-ftuħ tar-rieżami amministrattiv għall-individwi kollha jkun iwassal għal sitwazzjoni simili għal dik deskritta mill-Kumitat ta’ Konformità ta’ Aarhus bħala actio popularis, li mhijiex meħtieġa skont il-Konvenzjoni 24 .

B’hekk, għal atti regolatorji li ma jinkludux miżuri ta’ implimentazzjoni, dment li jissodisfaw il-kundizzjonijiet tal-istatus skont ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 tat-TFUE, kieku r-Regolament kellu jipprovdi l-istatus għall-individwi, dan jista’ jkun ifisser li l-individwi jingħataw id-dritt li jitolbu kemm rieżami amministrattiv, kif ukoll rieżami ġudizzjarju għall-istess suġġett. Iżda għal darb’oħra, dan mhuwiex meħtieġ skont il-Konvenzjoni. Il-Partijiet jistgħu jipprevedu jew rieżami amministrattiv jew rieżami ġudizzjarju.

Il-ħames punt, il-konsistenza mal-livell ta’ aċċess għall-ġustizzja li jingħata fil-livell nazzjonali skont il-Konvenzjoni hija rilevanti wkoll. Ikun inkonsistenti jekk jinħoloq dritt għar-rieżami favur l-individwi fil-livell tal-UE mingħajr ma jkun hemm livell ekwivalenti ta’ aċċess fil-livell nazzjonali għal kategoriji simili ta’ atti u ommissjonijiet (bħalma huma digrieti governattivi nazzjonali jew atti oħra ta’ applikazzjoni ġenerali).

Biex nikkonkludu, minkejja li l-mekkaniżmi ta’ rimedju disponibbli għall-NGOs u għall-individwi huma differenti, is-sistema tal-UE tagħti l-aċċess għal rimedju amministrattiv u/jew ġudizzjarju lil kull applikant 25 . Kif diġà ġie spjegat, ir-reviżjoni tar-Regolament ta’ Aarhus hija parti minn sforz akbar biex ikun żgurat aċċess aktar effettiv għall-ġustizzja fi kwistjonijiet ambjentali għal kulħadd.

VI.Il-kwistjoni ta’ atti amministrattivi li ma għandhomx effetti legalment vinkolanti u esterni

Ir-Rapport analizza wkoll il-kwistjoni tal-esklużjoni, mill-kamp ta’ applikazzjoni tar-rieżami intern, tal-atti li ma għandhomx “effetti legalment vinkolanti u esterni”. Dan huwa l-każ bħalissa skont id-definizzjoni tal-atti amministrattivi stabbilita fl-Artikolu 2(1)(g) tar-Regolament. Dan huwa punt li qajjem il-Kumitat ukoll fil-konklużjonijiet tiegħu 26 .

Avolja t-terminoloġija mhijiex identika, il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din l-esklużjoni fir-Regolament huwa konsistenti mal-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 263(1) tat-TFUE kif interpretat fil-każistika tal-QĠUE 27 . L-Artikolu 263(1) tat-TFUE jagħti l-ġurisdizzjoni lill-QĠUE biex tirrieżamina “l-legalità ta’ atti leġislattivi, tal-atti tal-Kunsill, tal-Kummissjoni u tal-Bank Ċentrali Ewropew, minbarra r-rakkomandazzjonijiet u l-opinjonijiet, u ta’ atti tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Ewropew maħsuba li joħolqu effetti legali fir-rigward ta’ terzi”. Jipprevedi wkoll li l-QĠUE “għandha tikkontrolla wkoll il-legalità tal-atti ta’ korpi jew organi tal-Unjoni maħsuba sabiex jipproduċu effetti legali fil-konfront ta’ partijiet terzi”.

Kemm il-formulazzjoni tal-Artikolu 2(1)(g) attwali tar-Regolament, kif ukoll dik tal-Artikolu 263(1) tat-TFUE juru li mhuwiex maħsub li l-atti li jipproduċu effetti legali jkunu barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tar-rieżami amministrattiv skont ir-Regolament u r-rieżami ġudizzjarju skont it-Trattati rispettivament. Dan huwa kkonfermat mill-fatt li r-rakkomandazzjonijiet u l-opinjonijiet (li mhumiex vinkolanti) huma esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 263(1) tat-TFUE 28 .

Rigward ir-rekwiżiti tal-aċċess għall-ġustizzja f’konformità mal-Konvenzjoni ta’ Aarhus, ta’ min wieħed jiftakar li huma biss l-atti li jkunu maħsuba biex jipproduċu effetti legali li huma kapaċi “jiksru” l-liġi ambjentali, kif hemm indikat fl-Artikolu 9(3) tal-Konvenzjoni. Għaldaqstant huwa ċar li l-atti li ma jipproduċux effetti legali ma jistgħux jitqiesu li qegħdin jiksru l-liġi ambjentali skont it-tifsira tal-Artikolu 9(3) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus.

Abbażi ta’ dan t’hawn fuq, u billi fil-konklużjonijiet tiegħu l-ACCC qies li l-mekkaniżmu ta’ rieżami intern previst fir-Regolament ta’ Aarhus kien biss mod li jiġu “kkumpensati” r-rekwiżiti li japplikaw għall-aċċess għall-ġustizzja skont l-Artikolu 263 tat-TFUE 29 , ma jixraqx li jkun permess rieżami amministrattiv ta’ atti li mhumiex maħsuba biex iħallu effetti legali.

Fl-istess ħin, il-każistika tikkonferma li l-isem jew it-tip tal-miżura huma irrilevanti. Dak li hu importantissimu huma l-effetti, il-kontenut u l-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu 30 . Il-miżuri li jkollhom effetti legalment vinkolanti li jistgħu jaffettwaw l-interessi tal-applikant billi jibdlulu l-pożizzjoni legali tiegħu, tkun xi tkun it-tikketta li jkunu ngħataw, jistgħu jiġu kkontestati 31 .

B. Konsistenza mad-dispożizzjonijiet eżistenti fil-qasam ta’ politika

Il-proposta hija konsistenti mad-dispożizzjonijiet eżistenti fil-qasam tal-aċċess għall-ġustizzja, u tikkomplementahom. Dawn jinkludu, b’mod partikolari:

l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva dwar l-Aċċess għall-Informazzjoni Ambjentali 32 ;

l-Artikolu 13 tad-Direttiva dwar ir-Responsabbiltà Ambjentali 33 ;

L-Artikolu 25 tad-Direttiva dwar l-Emissjonijiet Industrijali 34 ;

l-Artikolu 11 tad-Direttiva dwar il-Valutazzjoni tal-Impatti Ambjentali 35 ; kif ukoll

L-Artikolu 23 tad-Direttiva Seveso III 36 2012/18/UE 37 .

Dawn ikopru deċiżjonijiet, atti u ommissjonijiet li jikkonċernaw talbiet għal informazzjoni ambjentali, dawk li huma soġġetti għad-dispożizzjonijiet dwar il-parteċipazzjoni tal-pubbliku tad-Direttiva dwar il-VIA, dwar il-permessi industrijali u dawk li jikkonċernaw ir-responsabbiltà għall-ħsara ambjentali.

C. Konsistenza ma’ politiki oħra tal-Unjoni

Il-proposta tgħin biex issaħħaħ is-stat tad-dritt f’konformità mal-prijoritajiet attwali tal-Kummissjoni dwar il-Patt Ekoloġiku Ewropew u dwar il-ħarsien tal-Istil ta’ Ħajja Ewropew Tagħna 38 . B’mod partikolari, tikkontribwixxi għall-effikaċja tas-sistema ta’ rieżami amministrattiv u ġudizzjarju tal-UE u b’riżultat ta’ dan issaħħaħ l-applikazzjoni tal-Artikoli 41 u 47 tal-Karta.

2.BAŻI ĠURIDIKA, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ

A. Bażi ġuridika

Il-bażi ġuridika għall-azzjoni f’dan il-qasam hija l-Artikolu 192(1) tat-TFUE. Dan huwa konsistenti mal-bażi ġuridika oriġinali tar-Regolament li għandha l-għan li temendah il-proposta (l-Artikolu 175(1) tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea), li issa huwa l-Artikolu 192(1) tat-TFUE 39 . Il-mira tal-proposta hija li ttejjeb il-ħarsien tal-ambjent billi ttejjeb il-proċedura tar-rieżami amministrattiv li hi disponibbli għall-NGOs fir-rigward tal-atti u l-ommissjonijiet amministrattivi tal-istituzzjonijiet u l-korpi tal-UE meta dawn jiksru l-liġi ambjentali.

B. Is-sussidjarjetà (għall-kompetenza mhux esklużiva)

L-UE kkondividiet il-kompetenza mal-Istati Membri tagħha biex tirregola dwar kwistjonijiet ambjentali. Dan ifisser li tista’ tilleġiżla biss sa fejn jippermettu t-Trattati, u li trid tirrispetta l-prinċipji tan-neċessità, tas-sussidjarjetà u tal-proporzjonalità.

L-azzjoni fil-livell tal-UE tinħtieġ hawn għaliex l-UE hija Parti għall-Konvenzjoni u trid tikkonforma mal-obbligi tal-Konvenzjoni, li hija vinkolanti għall-UE, f’konformità mal-Artikolu 216 tat-TFUE. L-inizjattiva tikkonċerna l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni dwar ir-rieżami amministrattiv jew ir-rieżami ġudizzjarju ta’ ċerti kategoriji ta’ atti tal-UE. Għalhekk l-objettivi jistgħu jintlaħqu biss fil-livell tal-UE, u l-valur miżjud tal-UE tal-inizjattiva huwa kkonfermat.

Fl-istess ħin, jixraq li jitħallew barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-emenda proposta l-atti amministrattivi li għalihom il-leġiżlazzjoni tal-UE teħtieġ b’mod espliċitu miżuri ta’ implimentazzjoni nazzjonali.

Dan għaliex dawn il-miżuri jkunu kontestabbli direttament quddiem il-qrati nazzjonali. Skont l-Artikolu 267 tat-TFUE, il-qrati nazzjonali tal-Istati Membri huma parti integrali tas-sistema ta’ referenzi preliminari dwar il-validità u l-interpretazzjoni, bħala qrati ordinarji tad-dritt tal-Unjoni 40 .

C. Il-proporzjonalità

Il-proposta ma tmurx lil hinn minn dak li hu meħtieġ biex tintlaħaq il-konformità mad-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni. L-għażliet ta’ politika li saru jikkonfermaw il-valutazzjoni tal-proporzjonalità. B’mod partikolari, il-proposta:

·Twessa’ l-ambitu tal-mekkaniżmu tar-rieżami intern biex jinkludi wkoll l-atti mhux leġiżlattivi ta’ kamp ta’ applikazzjoni ġenerali; madankollu teskludi d-dispożizzjonijiet f’dawn l-atti li għalihom il-leġiżlazzjoni tal-UE teżiġi b’mod espliċitu miżuri ta’ implimentazzjoni fil-livell tal-UE jew nazzjonali;

·Tispeċifika li huma koperti biss atti u ommissjonijiet li mhumiex leġiżlattivi li minħabba l-effetti tagħhom jistgħu jiksru l-liġi ambjentali. Din il-formulazzjoni taqbel mal-formulazzjoni u mal-objettivi tal-politika tal-Konvenzjoni, u b’hekk tiżgura ċ-ċertezza tad-dritt u l-konformità mal-Konvenzjoni;

·Ma timmirax li tinkludi atti li ma jkollhomx effetti legalment vinkolanti u esterni, b’mod konsistenti man-natura tas-sistema ta’ rieżami ġudizzjarju tal-UE, li hi riflessa, b’mod partikolari, fl-Artikolu 263(1) tat-TFUE;

·Twassal il-valur miżjud billi tagħti opportunitajiet addizzjonali lill-NGOs, bħala rappreżentanti tas-soċjetà ċivili u tal-interess pubbliku, li jitolbu rieżami ta’ atti amministrattivi li jiksru l-liġi ambjentali. Iżda għar-raġunijiet spjegati hawn fuq, ma testendix id-drittijiet mogħtija skont l-emenda proposta lill-individwi.

Il-proposta hija bbażata fuq il-konklużjonijiet tar-Rapport u tal-istudju li hu mehmuż miegħu. L-għażla ta’ politika ġiet ikkonfermata permezz ta’ analiżi dettaljata li kkonkludiet li ma hemmx għażliet vijabbli għajr il-miżuri proposti.

D. L-għażla tal-istrument

L-istrument legali magħżul huwa Regolament, bħalma kien ukoll l-istrument legali li qed jipproponi li jiġi emendat.

3.RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

A. Evalwazzjonijiet ex post/kontrolli tal-idoneità tal-leġiżlazzjoni eżistenti

Il-proposta hija bbażata fuq l-evidenza miġbura fir-Rapport; l-istudju ppubblikat fih aktar evidenza u analiżijiet ddettaljati. Id-dokumenti pprovdew evalwazzjoni ex post tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament dwar l-aċċess għall-ġustizzja fi kwistjonijiet ambjentali fil-livell tal-UE.

B. Konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati

B’konformità mal-Linji Gwida għar-Regolamentazzjoni Aħjar, fl-20 ta’ Diċembru 2018 tnediet konsultazzjoni pubblika ta’ 12-il ġimgħa biex tappoġġa l-istudju dwar l-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni mill-UE fil-qasam tal-aċċess għall-ġustizzja fi kwistjonijiet ambjentali. Din baqgħet għaddejja sal-14 ta’ Marzu 2019. Il-konsultazzjoni saret permezz ta’ kwestjonarju online bil-lingwi kollha tal-UE li ġiet ippubblikata permezz tal-għodda EU Survey.

Il-konsultazzjoni pubblika segwiet il-pjan direzzjonali oriġinali dwar is-suġġett tal-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni mill-UE fil-qasam tal-aċċess għall-ġustizzja fi kwistjonijiet ambjentali, li ġie ppubblikat biex jintbagħtu r-reazzjonijiet bejn it-8 ta’ Mejju 2018 u l-5 ta’ Ġunju 2018; ir-riżultati jinsabu online 41 . Il-proċess ġie kkomplementat b’konsultazzjonijiet oħra mmirati li kienu jinvolvu partijiet ikkonċernati minn firxa wiesgħa ta’ gruppi ta’ interess, fosthom negozji, NGOs, id-dinja akkademika, l-Istati Membri, ġudikaturi nazzjonali u istituzzjonijiet tal-UE.

Il-konsultazzjoni pubblika 42 rċeviet 175 risposta; l-ogħla perċentwal waslu mingħand l-individwi (30 %). Irċeviet ukoll kontribuzzjonijiet mingħand organizzazzjonijiet ambjentali, fosthom NGOs (19,4 %) u awtoritajiet pubbliċi (18,9 %). 17 % tar-risposti kollha ntbagħtu minn negozji u minn assoċjazzjonijiet tal-impriżi.

Ir-risposti li bagħtu l-organizzazzjonijiet ambjentali, fosthom NGOs u individwi, urew nuqqas ta’ kuntentizza bil-mezzi ta’ rimedju kontra atti tal-UE eżistenti, u talbu li ssir xi azzjoni dwar dan. Min-naħa l-oħra, ir-risposti li bagħtu n-negozji, l-assoċjazzjonijiet tal-impriżi u l-awtoritajiet pubbliċi fil-biċċa l-kbira wrew perċezzjoni pożittiva tal-qagħda attwali. Ir-riżultati tal-konsultazzjoni kkonfermaw il-prijoritajiet li identifikat il-Kummissjoni dwar kwistjonijiet li jqajmu tħassib dwar ir-Regolament. B’mod partikolari, il-kwistjonijiet li ngħataw l-aktar importanza minn dawk li wieġbu kienu l-fatt li l-att jew l-ommissjoni li se jiġu kkontestati jridu jkunu ta’ portata individwali, u li r-Regolament jillimita l-kontestazzjonijiet għall-atti jew l-ommissjonijiet skont il-liġi ambjentali. Il-biċċa l-kbira tan-negozji u tal-assoċjazzjonijiet tal-impriżi esprimew il-fehma li dawn il-kwistjonijiet u kwistjonijiet oħrajn ma kinux ta’ importanza kbira. Għall-kuntrarju, l-organizzazzjonijiet ambjentali u l-NGOs b’mod ġenerali taw ħafna importanza lil dawn il-kwistjonijiet 43 .

Barra minn hekk, il-kuntrattur li wettaq l-istudju organizza żewġ laqgħat ta’ gruppi fokus għall-partijiet ikkonċernati fit-22 ta’ Jannar 2019, bil-parteċipazzjoni ta’ rappreżentanti tal-industrija u NGOs 44 . Ir-riżultati ta’ dawn il-laqgħat ikkonfermaw il-konklużjonijiet tal-konsultazzjoni pubblika.

Il-Kummissjoni organizzat ukoll għadd ta’ laqgħat mal-esperti tal-Istati Membri 45 , biex tinfurmahom dwar il-progress tal-istudju u biex isir skambju ta’ fehmiet. Dawn il-laqgħat ikkonfermaw li ċerti Stati Membri mhumiex kuntenti bid-dritt ta’ kontestazzjoni tal-miżuri ta’ implimentazzjoni nazzjonali.

Barra minn hekk, il-Kummissjoni għamlet bosta laqgħat ma’ partijiet ikkonċernati oħrajn li fihom dawn ippreżentaw il-progress dwar l-istudju u qasmu l-fehmiet tagħhom:

·żewġ laqgħat għall-partijiet ikkonċernati mal-NGOs, mal-industrija u mal-Istati Membri fil-qafas tal-Forum dwar il-Konformità u l-Governanza Ambjentali (fit-30 ta’ Novembru 2018 u fid-29 ta’ Mejju 2019);

·laqgħa ad hoc bejn il-Kummissjoni u l-imħallfin nazzjonali dwar l-Artikolu 267 tat-TFUE rigward l-aċċess għall-ġustizzja fi kwistjonijiet ambjentali (fid-29 ta’ Jannar 2019).

Fl-aħħar nett, fis-6 ta’ Marzu 2020 ġie ppubblikat pjan direzzjonali li jiddeskrivi l-inizjattiva leġiżlattiva li kien miftuħ għar-reazzjonijiet sat-3 ta’ April 46 . F’dan il-każ waslu total ta’ 175 risposta, madwar żewġ terzi minnhom mingħand individwi u terz mingħand organizzazzjonijiet, fosthom assoċjazzjonijiet tal-impriżi u assoċjazzjonijiet ambjentali. L-analiżi tar-risposti kkonfermat li ħafna mit-tħassib kien diġà tlissen waqt konsultazzjonijiet tal-partijiet ikkonċernati li kienu saru qabel. Għalhekk, kienu diġà ġew evalwati fid-dettall fl-istudju u fir-Rapport, u tqiesu fil-proposta.

Il-parti l-kbira tal-individwi qajmu tħassib dwar l-aċċess għall-ġustizzja fil-livell nazzjonali. Dan it-tħassib se jiġi indirizzat bl-azzjonijiet deskritti fil-Komunikazzjoni mehmuża mal-proposta. Xi wħud talbu wkoll li tingħata l-possibbiltà li jintroduċu l-ilmenti u l-petizzjonijiet direttament lill-istituzzjonijiet tal-UE; mekkaniżmi ta’ dan it-tip diġà huma disponibbli 47 .

Ikkontribwixxew ukoll diversi assoċjazzjonijiet tal-impriżi. Kif kienu għamlu qabel, esprimew it-tħassib tagħhom dwar il-possibbiltà ta’ piż addizzjonali u ta’ konsegwenzi ekonomiċi. Abbażi tal-valutazzjoni estensiva tal-bażi ta’ evidenza disponibbli, ġie konkluż li l-bidliet leġiżlattivi proposti u l-azzjonijiet imsemmija fil-Komunikazzjoni li jiġu adottati ma jkunux jirriżultaw f’piż amministrattiv addizzjonali sinifikanti, jew f’inċertezza tad-dritt, u jkunu jipprovdu approċċ ibbilanċjat.

L-NGOs ambjentali ukoll tennew għadd ta’ kwistjonijiet importanti. Dawn ma kinux ġodda u kienu kollha ġew evalwati bir-reqqa. Iżda kien hemm kwistjoni waħda li jistħoqqilha attenzjoni partikolari.

Ġie ssuġġerit li l-proposta jenħtieġ li tinkludi wkoll atti tal-UE li jinvolvu l-miżuri ta’ implimentazzjoni nazzjonali. Dwar dan, u għar-raġunijiet spjegati fit-taqsima Iva.3, id-dipendenza fuq il-qrati nazzjonali hija ġġustifikata: L-NGOs iridu tabilħaqq ikollhom possibbiltajiet li jistgħu jintużaw fil-livell nazzjonali biex jikkontestaw il-miżuri ta’ implimentazzjoni nazzjonali, u l-Kummissjoni, fir-rwol tagħha tal-gwardjan tat-trattati, se taħdem id f’id mal-Istati Membri biex tgħin tiżgura l-konformità fil-prattika. Min-naħa tagħhom, il-qrati nazzjonali jridu jiżguraw li jkun possibbli għall-NGOs li jaċċessaw il-QĠUE permezz tal-proċedura għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 tat-TFUE.

Abbażi tar-riżultati tal-konsultazzjoni pubblika, inkluż il-feedback dwar il-pjan direzzjonali, u l-analiżi estensiva li wettqet il-Kummissjoni fir-Rapport abbażi tal-istudju mehmuż miegħu, u filwaqt li tqies it-tħassib li kien tlissen mill-Kumitat 48 , ġie konkluż li ma kienx hemm għażliet vijabbli oħra għajr li ż-żewġ kwistjonijiet ewlenin jiġu rimedjati permezz tar-Regolament bi proposta leġiżlattiva (għal aktar dettalji ara t-taqsima dwar il-valutazzjoni tal-impatt ).

L-attivitajiet ta’ konsultazzjoni koprew il-kwistjonijiet rilevanti oħra u għaldaqstant ma kienx hemm bżonn ta’ konsultazzjoni pubblika oħra dwar id-dettalji tal-proposta.

C. Ġbir u użu tal-għarfien espert

Ir-Rapport tal-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni mill-UE fil-qasam tal-aċċess għall-ġustizzja fi kwistjonijiet ambjentali, u l-istudju li infurmah, appoġġat mill-proċess estensiv tal-konsultazzjoni huma s-sorsi ewlenin tal-għarfien espert u jservu ta’ bażi ta’ evidenza għal din il-proposta.

D. Valutazzjoni tal-Impatt

L-istudju komprensiv u r-Rapport tal-Kummissjoni li analizzaw il-funzjonament tad-dispożizzjonijiet dwar l-aċċess għall-ġustizzja fi kwistjonijiet ambjentali fil-livell tal-UE jipprovdu bażi ta’ evidenza fattwali b’saħħitha għal din l-inizjattiva.

F’konformità mal-Għodda #9 tas-sett ta’ għodod għal “Meta tenħtieġ valutazzjoni tal-impatt?”, tqies li valutazzjoni tal-impatt mhijiex meħtieġa għar-raġunijiet li ġejjin:

·L-istudju eżamina l-għażliet kollha għar-rimedju tan-nuqqasijiet identifikati wara li twettqet valutazzjoni tal-konklużjonijiet tal-Kumitat fil-Kawża ACCC/C/2008/32 49 , kejjel l-impatt tagħhom u sab biċ-ċar li l-unika għażla li tista’ tindirizza n-nuqqasijiet identifikati fl-istudju b’mod effikaċi hija emenda tar-Regolament, jiġifieri azzjoni leġiżlattiva. Huwa ċar li jekk ma titteħidx azzjoni, jew jekk l-azzjoni li tittieħed ma tkunx leġiżlattiva, dan ma jkunx biżżejjed. Jidher ċar ukoll li ma hemmx alternattiva għall-emendar tar-Regolament, u ma hemmx għażla realistika oħra li tkun aħjar mill-kontenut tal-politika tal-inizjattiva.

·L-istudju ma sab l-ebda impatt soċjali sostanzjali (b’mod partikolari, ara l-Kapitolu 5 dwar il-valutazzjoni tal-impatti u l-għażliet) fuq l-impjiegi, fuq il-kundizzjonijiet tax-xogħol u d-distribuzzjoni tal-introjtu, fuq il-protezzjoni soċjali u fuq l-inklużjoni.

·Barra minn hekk mhuwiex mistenni li jirriżultaw impatti ekonomiċi sinifikanti mill-inizjattiva leġiżlattiva minbarra żieda fil-piż amministrattiv fuq l-istituzzjonijiet tal-UE u fuq il-QĠUE minħabba ż-żieda mistennija fil-kawżi.

E. L-idoneità regolatorja u s-simplifikazzjoni

Għadd ta’ referenzi u termini fir-Regolament saru qabel it-Trattat ta’ Lisbona, u l-proposta attwali tinkludi biss xi aġġornamenti parzjali. Għaldaqstant ir-Regolament jeħtieġ kodifikazzjoni. Iżda minħabba l-prijorità politika li tkun tista’ ssir emenda ta’ malajr tar-Regolament, fid-dawl tal-impenji internazzjonali tal-UE, il-Kummissjoni biħsiebha tressaq proposta għall-kodifikazzjoni ladarba tiġi adottata din il-proposta attwali, f’konformità mal-paragrafu 46 tal-Ftehim Interistituzzjonali dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet 50 .

F. Id-drittijiet fundamentali

Ir-Rapport u l-istudju indirizzaw l-aspetti tad-drittijiet fundamentali tal-miżuri leġiżlattivi proposti. Instab li dawn il-miżuri jkunu jikkontribwixxu biex iżidu l-effikaċja tas-sistema tar-rieżami amministrattiv u tar-rieżami ġudizzjarju, tal-UE, u r-riżultat ikun tisħiħ tal-istat tad-dritt u tal-applikazzjoni tal-Artikoli 41 u 47 tal-Karta (pereżempju, ara t-Taqsima 3.4.2 tal-istudju).

B’mod partikolari, jissaħħaħ l-Artikolu 41, id-dritt għal amministrazzjoni tajba. B’riżultat ta’ applikazzjoni ta’ atti amministrattivi u raġunijiet għal rieżami li jistgħu jiġu kkontestati aktar wiesgħa u aktar preċiża, l-NGOs ikkwalifikati se jkollhom aktar ċertezza tad-dritt u mod aktar effettiv biex jitolbu rieżami ta’ atti amministrattivi meta dawn jiksru l-liġi ambjentali. Barra minn hekk, jekk jittawwal iż-żmien li jingħata lill-amministrazzjoni pubblika biex tqis it-talbiet u tagħti risposta, huwa mistenni li jsiru analiżi u valutazzjoni aktar fil-fond. B’hekk, iż-żmien addizzjonali li jkollhom se jsaħħaħ ukoll ir-rekwiżiti dwar amministrazzjoni tajba skont l-Artikolu 41 tal-Karta.

Ir-Regolament se jiġi emendat biss f’termini tal-kundizzjonijiet għal rieżami amministrattiv. B’danakollu, l-NGOs jistgħu jitolbu rieżami ġudizzjarju ta’ kwalunkwe risposta li jirċievu mingħand istituzzjoni jew korp tal-UE quddiem il-QĠUE. B’hekk l-emenda se jkollha effett indirett ukoll fuq il-possibbiltajiet biex jintalab rieżami ġudizzjarju, u se ssaħħaħ l-applikazzjoni tal-Artikolu 47 tal-Karta.

4.IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI

Ir-Rapport u l-istudju mehmuż miegħu ivvalutaw bl-attenzjoni l-impatt tal-għażliet diversi fuq ir-riżorsi interni tal-istituzzjonijiet tal-UE, b’mod partikolari fil-każ tal-Kummissjoni u tal-QĠUE. Huma kkonkludew li dan l-impatt ikun limitat jekk jissegwew l-għażliet li tintroduċi l-proposta. Id-daqs tal-impatt fuq ir-riżorsi jista’ jiġi spjegat minn ħafna fatturi:

L-emendi proposti se jimmodifikaw is-sistema eżistenti tar-rieżami amministrattiv, mhumiex se joħolqu sistema ġdida. Is-sistema eżistenti diġà tinvolvi ċertu użu tar-riżorsi; dan jaf ikollu bżonn aġġustament biex jiġi addattat għall-qagħda l-ġdida.

L-emenda proposta ewlenija se twessa’ t-tipi ta’ atti li jistgħu jiġu rieżaminati biex isir possibbli li atti ta’ portata ġenerali jkunu jistgħu jiġu kkontestati. Kif inhuma l-affarijiet, il-Kummissjoni tista’ tintalab – u, xi ftit jew wisq minħabba nuqqas ta’ ċarezza dwar il-kriterji tal-ammissibbiltà, ta’ spiss tintalab – tirrieżamina atti li huma lil hinn mill-kamp ta’ applikazzjoni attwali tar-Regolament. Biex jiġu indirizzati dawn it-talbiet huma meħtieġa r-riżorsi, u s-servizzi jistgħu jirrieżaminaw il-merti ta’ deċiżjonijiet, tkun xi tkun l-ammissibbiltà. Huwa mistenni li minkejja li t-twessigħ tal-kundizzjonijiet tal-ammissibilità jista’ joħloq żieda fix-xogħol meta mqabbel ma’ dak tal-preżent, din xi ftit tista’ tiġi kkumpensata bi kriterji tal-ammissibilità aktar ċari, li jissimplifikaw l-evalwazzjoni tal-ammissibbiltà.

L-emendi proposti mhumiex se jżidu l-għadd ta’ applikanti potenzjali għal rieżami. L-istess kif inhuma l-affarijiet illum, ikunu biss l-NGOs eliġibbli li jkunu jistgħu jressqu talbiet għal rieżami intern. Il-proposta tal-Kummissjoni ma tipprevedix bidla fil-kriterji tal-kwalifikazzjoni tal-NGOs u lanqas ma tipprevedi li jingħata status lill-individwi. Għaldaqstant, it-twessigħ tal-firxa tal-atti amministrattivi mhux bilfors se jkun segwit minn żieda ekwivalenti fl-għadd ta’ talbiet. Bil-kuntrarju, jaf iżid il-kapaċità tal-NGOs biex jipprijoritizzaw liema kawżi jitressqu, għaliex il-kriterji tal-ammissjoni jkunu ddefiniti b’mod aktar ċar u jkun hemm iżjed żmien biex jitħejjew talbiet issostanzjati tajjeb.

Il-proposta ttawwal il-limiti taż-żmien li fihom jistgħu jiġu ttrattati t-talbiet għal rieżami. Dan se jagħti iżjed żmien lis-servizzi biex jipproċessaw it-talbiet.

Fl-aħħar nett, minkejja li huwa essenzjali li l-ebda deċiżjoni li tittieħed mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-UE ma tkun eżentata mis-sistema tal-kontrokontrolli prevista fl-ordni ġuridika tal-UE, il-każistika turi li l-QĠUE tippermetti marġni ta’ diskrezzjoni konsiderevoli għall-istituzzjonijiet u l-korpi tal-UE rigward id-deċiżjonijiet li jieħdu waqt rieżami intern 51 .

Il-persuni li jieħdu ħsieb il-kawżi u l-NGOs se jingħataw aktar gwida dwar il-proċedura tar-rieżami skont ir-Regolament. L-arranġamenti tal-ħidma interna tal-Kummissjoni wkoll se jkollhom bżonn rieżami minħabba r-rekwiżiti l-ġodda li jirriżultaw mill-emendi proposti, biex jitnaqqsu kemm jista’ jkun l-effetti negattivi tax-xogħol addizzjonali li wisq probabbli se jirriżulta mill-bidliet. Se jkun hemm bżonn li jkomplu jiżdiedu l-effikaċja u l-effiċjenza tal-proċeduri ta’ rieżami interni, pereżempju billi:

jiġi eżaminat mill-ġdid jistgħux japplikaw xi aġġustamenti proċedurali għal xi kategoriji ta’ kawżi abbażi ta’ kriterji bħall-għadd ta’ kawżi simili, in-novità, il-kumplessità u l-impatt; kif ukoll

isiru disponibbli spazji ta’ ħidma fl-IT kollaborattiva, mudelli, mistoqsijiet frekwenti, u forom oħra ta’ gwida, ta’ mentoraġġ tal-persuni li jieħdu ħsieb il-kawżi, fosthom il-komunikazzjoni ta’ eżempji tal-aħjar prattiki biex ikomplu jiffaċilitaw u jistandardizzaw it-trattament tal-kawżi u l-prestazzjoni.

Minkejja dawn l-inizjattivi, se jkun hemm piż amministrattiv addizzjonali fuq il-Kummissjoni u fuq xi wħud mill-aġenziji tagħha, iżda dan jista’ jittaffa sa ċertu punt, dment li jiġu rispettati l-kunsiderazzjonijiet deskritti hawn fuq. Madankollu, jidher ċar ukoll li l-impatti futuri wkoll huma funzjoni tal-għadd reali ta’ kawżi u kif ikunu mqassmin fost l-oqsma ta’ politika. Filwaqt li bħalissa mhuwiex possibbli li dawn jiġu kkwantifikati, jenħtieġ li nosservaw jekk ikunx hemm żieda ġenerali fix-xogħol u kif din se taffettwa oqsma ta’ politika speċifiċi. Għalhekk se jkun meħtieġ monitoraġġ kontinwu tal-iżviluppi fil-kwantità ta’ xogħol u d-distribuzzjoni tiegħu, biex jekk ikun hemm bżonn tkun tista’ tittieħed azzjoni.

5.ELEMENTI OĦRA

A. Pjanijiet ta’ implimentazzjoni u arranġamenti ta’ monitoraġġ, evalwazzjoni u rappurtar

Il-Komunikazzjoni mehmuża tiddeskrivi aktar azzjonijiet biex jiffaċilitaw l-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni fil-qasam tal-aċċess għall-ġustizzja fi kwistjonijiet ambjentali fil-livell nazzjonali. Se tingħata wkoll, kemm għall-pubbliku, kif ukoll għall-istituzzjonijiet u l-korpi tal-UE, aktar gwida dwar il-proċedura ta’ rieżami intern skont ir-Regolament, biex dawn ikunu jistgħu jaddattaw ruħhom għar-rekwiżiti l-ġodda.

B. Dokumenti ta’ spjegazzjoni (għad-direttivi)

Mhux applikabbli.

C. Spjegazzjoni fid-dettall tad-dispożizzjonijiet speċifiċi tal-proposta

Artikolu 1(1)

L-Artikolu 1(1) jemenda d-definizzjoni ta’ att amministrattiv skont l-Artikolu 2(1)(g) tar-Regolament.

It-twessigħ tar-rieżami biex ikun jinkludi atti ta’ portata ġenerali

L-emenda twessa’ d-definizzjoni ta’ “att amministrattiv” biex ikun żgurat li kull att mhux leġiżlattiv li jiġi adottat minn istituzzjoni jew korp tal-UE li jkollu effetti legalment vinkolanti u esterni, u li minħabba dawn l-effetti jaf ikun jikser il-liġi ambjentali skont it-tifsira tal-Artikolu 2(1)(f), issa jista’ jkun soġġett għal rieżami intern. Madankollu jenħtieġ li jiġu esklużi d-dispożizzjonijiet li għalihom il-leġiżlazzjoni tal-UE teżiġi b’mod espliċitu miżuri ta’ implimentazzjoni fil-livell tal-UE jew nazzjonali. Għaldaqstant, skont id-definizzjoni l-ġdida, miżura tista’ tkun soġġetta għal rieżami intern, jemm jekk ikollha portata individwali jew ġenerali kif ukoll jekk ma jkollhiex. S’issa l-atti ta’ portata individwali biss kienu inklużi fid-definizzjoni.

Atti li jinvolvu miżuri ta’ implimentazzjoni

Id-definizzjonijiet twessgħet sabiex tkun tkopri l-miżuri mhux leġiżlattivi li jikkorrispondu ma’ “atti regolatorji” skont ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 tat-TFUE. B’hekk, l-emenda tuża l-elementi tal-każistika 52 stabbilita dwar il-kunċett ta’ “att regolatorju” skont l-Artikolu 263 tat-TFUE.

Skont ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 tat-TFUE, min ikun ikkonċernat direttament, mingħand il-QĠUE jista’ jikseb rieżami ġudizzjarju ta’ atti regolatorji li ġew adottati mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-UE u li ma jinvolvux miżuri ta’ implimentazzjoni. Il-każistika tal-QĠUE iċċarat li, għall-finijiet tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 tat-TFUE, ma tagħmilx differenza jekk il-miżura ta’ implimentazzjoni titwettaqx fil-livell tal-UE jew fil-livell nazzjonali 53 . Il-Qorti kkonfermat ukoll li, għall-finijiet ta’ din il-possibbiltà ġdida li ġiet introdotta mit-Trattat ta’ Lisbona, l-atti regolatorji jinkludu l-atti ta’ applikazzjoni ġenerali kollha għajr l-atti leġiżlattivi 54 .

B’hekk, skont il-Proposta, id-dispożizzjonijiet ta’ att amministrattiv li l-leġiżlazzjoni tal-UE tirrikjedi b’mod espliċitu miżuri ta’ implimentazzjoni fil-livell nazzjonali għalih, ma jkunx soġġett għal rieżami amministrattiv. Rigward dawn id-dispożizzjonijiet, skont l-Artikolu 267 tat-TFUE, huwa possibbli li dak li jkun ifittex rimedju quddiem il-ġurisdizzjoni nazzjonali, b’aktar aċċess għall-QĠUE.

Biex tkun żgurata l-konsistenza mar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 tat-TFUE, ir-rieżami tad-dispożizzjonijiet f’att amministrattiv li għalihom il-leġiżlazzjoni tal-UE espliċitament teżiġi miżuri ta’ implimentazzjoni fil-livell tal-UE jista’ jintalab meta jintalab ir-rieżami tal-miżura ta’ implimentazzjoni.

Sabiex tkun żgurata ċ-ċertezza tad-dritt, id-definizzjoni l-ġdida tispeċifika b’mod ċar li huma biss id-dispożizzjonijiet f’att li għalih il-leġiżlazzjoni tal-UE teżiġi miżuri ta’ implimentazzjoni fil-livell tal-UE jew fil-livell nazzjonali li huma esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tar-rieżami intern. Biex dak li jkun jaċċerta ruħu jeżistix dan ir-rekwiżit, ma jridx jara l-att amministrattiv kollu, iżda jrid jara humiex involuti miżuri ta’ implimentazzjoni fid-dispożizzjonijiet ikkontestati tal-att amministrattiv. Mhuwiex rilevanti humiex involuti miżuri ta’ implimentazzjoni f’dispożizzjonijiet oħrajn li mhumiex relatati, fl-att amministrattiv. Jaf ikun hemm sitwazzjonijiet meta xi dispożizzjonijiet fl-att amministrattiv li jkun soġġett għal rieżami amministrattiv ikunu jeżiġu xi miżuri ta’ implimentazzjoni filwaqt li oħrajn ikunu japplikaw direttament. Pereżempju, xi dispożizzjonijiet ta’ regolament tal-Kummissjoni jistgħu jkunu japplikaw direttament filwaqt li oħrajn ikunu jeħtieġu miżuri ta’ implimentazzjoni fil-livell tal-UE jew dak nazzjonali 55 .

F’dawn is-sitwazzjonijiet, jekk il-miżura ta’ implimentazzjoni nazzjonali tikkonċerna d-dispożizzjonijiet ikkontestati tal-att amministrattiv, l-NGOs jistgħu jitolbu rieżami tal-miżura ta’ implimentazzjoni quddiem il-ġurisdizzjonijiet nazzjonali biss. Bl-istess mod, meta l-miżura ta’ implimentazzjoni tal-livell tal-UE tkun tikkonċerna d-dispożizzjonijiet tal-att amministrattiv ikkontestati l-NGOs iridu jistennew sakemm jiġi adottat l-att ta’ implimentazzjoni, jew f’każ ta’ ommissjonijiet, sakemm kien imissu ġie adottat. B’kuntrast ma’ dan, jekk il-miżuri ta’ implimentazzjoni jikkonċernaw biss dispożizzjonijiet tal-att li mhumiex relatati, skont ir-Regolament id-dispożizzjonijiet fl-att li japplikaw direttament jistgħu jiġu kkontestati fir-rieżami amministrattiv.

B’riżultat ta’ dan, NGO ikollha possibbiltajiet diversi fil-każ ta’ atti ta’ implimentazzjoni li jinvolvu miżuri ta’ implimentazzjoni fil-livell tal-UE, skont liema dispożizzjonijiet tkun trid tikkontesta.

L-NGOs ikunu intitolati jitolbu rieżami intern tad-dispożizzjonijiet tal-att regolatorju li ma jinvolvux miżuri ta’ implimentazzjoni fil-livell tal-UE.

Iżda billi r-rieżami intern huwa previst biex iżid l-aċċess għall-ġustizzja fi kwistjonijiet ambjentali li s-sistema ta’ rimedju tagħhom hija stabbilita fit-TFUE, u b’konsistenza mal-possibbiltajiet disponibbli skont l-Artikolu 263 tat-TFUE, l-NGOs ma jkunux jistgħu jagħmlu talba għal rieżami intern direttament kontra d-dispożizzjonijiet tal-atti regolatorji li jinvolvu miżuri ta’ implimentazzjoni tal-livell tal-UE.

Minflok, l-NGOs ikunu jistgħu jressqu talba fi stadju aktar tard, meta jiġi adottat l-att ta’ implimentazzjoni inkwistjoni, bħal kull individwu ieħor jew organizzazzjoni oħra li jaċċessaw il-ġustizzja skont l-Artikolu 263 tat-TFUE 56 . Talba ta’ rieżami tad-dispożizzjonijiet ta’ att mhux leġislattiv li jkunu jinvolvu l-miżura ta’ implimentazzjoni wkoll tista’ ssir biss f’dan il-ħin.

Referenzi għal-liġi ambjentali

L-emenda tħassar il-frażi “skont il-liġi ambjentali” mid-definizzjoni ta’ att amministrattiv. Minflok, il-proposta teħtieġ li l-att amministrattiv ikun fih “dispożizzjonijiet li, minħabba l-effetti tagħhom, jafu jkunu jiksru l-liġi ambjentali skont it-tifsira tal-Artikolu 2(1)(f) tar-Regolament”. Jenħtieġ li din l-emenda tinqara flimkien mal-Artikolu 1(2) ta’ hawn taħt, li jispeċifika li l-atti jew l-ommissjonijiet li jiksru l-liġi ambjentali tal-UE biss jistgħu jkunu soġġetti għal rieżami.

L-emenda tkompli tibni fuq il-każistika applikabbli, li interpretat il-formulazzjoni attwali tar-Regolament mill-perspettiva tal-objettivi tal-Konvenzjoni 57 . Tipprovdi ċ-ċarezza u ċ-ċertezza tad-dritt dwar il-fatt li jista’ jiġi kkontestat kull att amministrattiv li fih dispożizzjonijiet li jafu jiksru l-liġi ambjentali tal-UE, tkun xi tkun il-bażi ġuridika u jkun xi jkun l-objettiv tal-politika tal-att, billi dan hu meħtieġ skont l-Artikolu 9(3) tal-Konvenzjoni.

Fl-istess ħin, id-definizzjoni żżomm ir-rabta bejn l-att amministrattiv li jintalab rieżami tiegħu u l-objettivi tal-politika ambjentali. Tagħmel hekk billi tippermetti rieżami intern biss tal-atti li fihom dispożizzjonijiet li, minħabba l-effetti tagħhom, jafu jkunu jiksru l-liġi ambjentali tal-UE skont it-tifsira tal-Artikolu 2(1)(f) tar-Regolament.

Artikolu 1(2)

Referenzi għal-liġi ambjentali

Bħall-Artikolu 1(1), li jemenda d-definizzjoni ta’ “att amministrattiv”, din l-emenda tħassar ir-rekwiżit “skont il-liġi ambjentali” anki mill-ewwel paragrafu tal-Artikolu 10(1) tar-Regolament. Id-dispożizzjoni l-ġdida tiċċara wkoll li huma biss l-atti u l-ommissjonijiet li jiksru l-liġi ambjentali tal-UE li jistgħu jkunu soġġetti għal talba ta’ rieżami. Għalhekk, l-emenda tiżgura li l-formulazzjoni tar-Regolament tirrifletti r-rekwiżiti tal-Artikolu 9(3) tal-Konvenzjoni.

L-estensjoni tal-limiti taż-żmien

L-Artikolu 1(2) jemenda wkoll it-tieni paragrafu tal-Artikolu 10(1) biex itawwal il-limitu ta’ żmien li jkollhom l-NGOs biex iressqu talba ta’ rieżami intern mis-sitt ġimgħat li għandhom bħalissa għat-tmien ġimgħat proposti. Jemenda wkoll l-Artikolu 10(2) biex itawwal iż-żmien li jkollhom l-istituzzjonijiet u l-korpi tal-UE biex iwieġbu talba ta’ rieżami intern mit-12-il ġimgħa li għandhom bħalissa sas-16-il ġimgħa proposti.

B’konsegwenza loġika ta’ dan, f’każijiet meta istituzzjoni jew korp tal-UE ma jkunux jistgħu jwieġbu f’16-il ġimgħa, minkejja li jeżerċitaw id-diliġenza dovuta, l-Artikolu 1(2) jemenda wkoll it-tieni paragrafu tal-Artikolu 10(3) biex iż-żmien li jkollhom l-istituzzjonijiet u l-korpi tal-UE biex iwieġbu talba ta’ rieżami intern jittawwal b’mod ġenerali mit-18-il ġimgħa li għandhom bħalissa sat-22 ġimgħa proposti.

L-emendi jagħtu estensjoni ta’ ħmistax għall-NGOs u estensjoni ta’ erba’ ġimgħat għall-istituzzjonijiet u l-korpi tal-UE. L-għan tal-estensjoni għall-NGOs huwa li tittejjeb il-kwalità tas-sottomissjonijiet, filwaqt li l-estensjoni għall-istituzzjonijiet u l-korpi tal-UE hija maħsuba biex ittejjeb il-kwalità u d-dettall tar-rieżami. Iż-żmien addizzjonali jkun jippermetti analiżi aktar fil-fond, li tkun tirriżulta li fid-deċiżjoni finali dwar ir-rieżami intern ikun hemm bażi ta’ evidenza aktar soda u ġustifikazzjonijiet aktar ċari. B’hekk, l-estensjoni jkollha wkoll impatt fuq il-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba u żżid il-fiduċja tal-pubbliku fil-proċessi tat-teħid tad-deċiżjonijiet tal-UE.

2020/0289 (COD)

Proposta għal

REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

dwar l-emendar tar-Regolament (KE) Nru 1367/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta’ Settembru 2006 dwar l-applikazzjoni għall-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità tad-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus dwar l-Aċċess għall-Informazzjoni, il-Parteċipazzjoni tal-Pubbliku fit-Teħid ta’ Deċiżjonijiet u l-Aċċess għall-Ġustizzja fi Kwistjonijiet Ambjentali

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 192(1) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew 58 ,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni 59 ,

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja,

Billi:

(1)L-Unjoni u l-Istati Membri tagħha huma Partijiet għall-Konvenzjoni dwar l-Aċċess għall-Informazzjoni, il-Parteċipazzjoni tal-Pubbliku fit-Teħid ta’ Deċiżjonijiet u l-Aċċess għall-Ġustizzja fi Kwistjonijiet Ambjentali (il-Konvenzjoni ta’ Aarhus) 60 tal-Kummissjoni Ekonomika tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Ewropa (UNECE), kull wieħed bir-responsabbiltajiet u l-obbligi tiegħu, kif ukoll bir-responsabbiltajiet u l-obbligi kondiviżi skont dik il-Konvenzjoni.

(2)Ir-Regolament (KE) Nru 1367/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 61 ġie adottat biex jikkontribwixxi għall-implimentazzjoni tal-obbligi skont il-Konvenzjoni ta’ Aarhus billi jistabbilixxi r-regoli dwar l-applikazzjoni tagħha għall-istituzzjonijiet u l-korpi tal-UE.

(3)Fil-Komunikazzjoni tagħha lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni tal-11 ta’ Diċembru 2019, bit-titolu “Il-Patt Ekoloġiku Ewropew”, il-Kummissjoni impenjat ruħha li tikkunsidra li tirrevedi r-Regolament (KE) Nru 1367/2006 biex iżżid l-aċċess għar-rieżami amministrattiv u ġudizzjarju fil-livell tal-UE għaċ-ċittadini u għall-organizzazzjonijiet ambjentali mhux governattivi li jkollhom tħassib dwar il-kompatibbiltà mal-liġi ambjentali tad-deċiżjonijiet li jkollhom effetti fuq l-ambjent. Il-Kummissjoni impenjat ruħha wkoll li tieħu azzjoni biex iżżid l-aċċess tagħhom għall-ġustizzja quddiem il-qrati nazzjonali fl-Istati Membri kollha; għal dan l-għan ħarġet Komunikazzjoni dwar “It-titjib tal-aċċess għall-ġustizzja fi kwistjonijiet ambjentali fl-UE u fl-Istati Membri tagħha”.

(4)Jenħtieġ li l-leġiżlazzjoni tal-Unjoni tinġab konformi mad-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus dwar l-aċċess għall-ġustizzja fi kwistjonijiet ambjentali b’mod li jkun kompatibbli mal-prinċipji fundamentali tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni u mas-sistema ta’ rieżami ġudizzjarju tagħha filwaqt li jitqiesu d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 9(3) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus u t-tħassib espress mill-Kumitat għall-Konformità mal-Konvenzjoni ta’ Aarhus 62 .

(5)Il-limitazzjoni tar-rieżami intern għal atti amministrattivi ta’ portata individwali, prevista fir-Regolament (KE) Nru 1367/2006, hija l-ostakolu ewlieni għall-organizzazzjonijiet ambjentali mhux governattivi li jkunu jfittxu li jitolbu rieżami intern skont l-Artikolu 10 ta’ dak ir-Regolament, anki f’dak li jirrigwarda l-atti amministrattivi li jkollhom portata aktar wiesgħa. Għaldaqstant jenħtieġ li jitwessa’ l-kamp ta’ applikazzjoni tal-proċedura ta’ rieżami intern stabbilita f’dak ir-Regolament biex dan ikun jinkludi l-atti mhux leġiżlattivi ta’ portata ġenerali.

(6)Jenħtieġ li d-definizzjoni ta’ att amministrattiv għall-finijiet tar-Regolament (KE) Nru 1367/2006 tinkludi l-atti mhux leġiżlattivi. Madankollu, att mhux leġiżlattiv jaf ikun jinkludi miżuri ta’ implimentazzjoni f’livell nazzjonali li l-organizzazzjonijiet ambjentali mhux governattivi jistgħu jiksbu protezzjoni ġudizzjarja kontra tagħhom, anki quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (QĠUE) permezz ta’ proċedura għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 tat-TFUE. Għalhekk jixraq li jitħallew barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tar-rieżami intern id-dispożizzjonijiet ta’ dawn l-atti mhux leġiżlattivi li għalihom il-leġiżlazzjoni tal-UE teħtieġ miżuri ta’ implimentazzjoni fil-livell nazzjonali.

(7)Fl-interess taċ-ċertezza tad-dritt, sabiex jiġu esklużi kwalunkwe dispożizzjonijiet mill-kunċett ta’ att amministrattiv, il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni trid b’mod espliċitu teżiġi l-adozzjoni ta’ atti ta’ implimentazzjoni għal dawk id-dispożizzjonijiet.

(8)Biex tkun żgurata l-effikaċja, jista’ jintalab ukoll rieżami tad-dispożizzjonijiet f’att amministrattiv li għalihom il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni espliċitament teżiġi miżuri ta’ implimentazzjoni fil-livell tal-Unjoni meta jintalab ir-rieżami tal-miżura ta’ implimentazzjoni.

(9)Il-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1367/2006 ikopri l-atti adottati skont il-liġi ambjentali. B’kuntrast ma’ dan, l-Artikolu 9(3) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus ikopri kontestazzjonijiet ta’ atti li “jiksru” liġijiet b’rabta mal-ambjent. Għaldaqstant jenħtieġ li jiġi ċċarat li hu meħtieġ rieżami intern biex jiġi vverifikat jekk att amministrattiv jiksirx il-liġijiet ambjentali.

(10)Meta jkun qed jiġi vvalutat jekk att amministrattiv fihx dispożizzjonijiet li minħabba l-effetti tagħhom jafu jiksru l-liġi ambjentali, jenħtieġ li jitqies jekk dawk id-dispożizzjonijiet jistax ikollhom effett negattiv fuq il-kisba tal-objettivi tal-politika tal-Unjoni dwar l-ambjent stabbiliti fl-Artikolu 191 tat-TFUE. B’riżultat ta’ dan, il-mekkaniżmu tar-rieżami intern ukoll jenħtieġ li jkopri l-atti li ġew adottati fl-implimentazzjoni ta’ politiki oħra tal-Unjoni għajr il-politika ambjentali.

(11)Sabiex jingħata biżżejjed żmien biex jitwettaq proċess tajjeb ta’ rieżami, jixraq li jittawwlu l-limiti taż-żmien stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 1367/2006 biex jintalab rieżami amministrattiv u li jittawwlu l-limiti taż-żmien li japplikaw għall-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Unjoni biex iwieġbu din it-talba.

(12)Skont il-każistika tal-QĠUE 63 , l-organizzazzjonijiet ambjentali mhux governattivi li jitolbu rieżami intern ta’ att amministrattiv huma meħtieġa jressqu l-fatti jew argumenti legali sostanzjali biżżejjed biex iqajmu dubji serji meta jkunu qegħdin jiddikjaraw ir-raġunijiet għat-talba ta’ rieżami.

(13)Billi l-objettivi ta’ dan ir-Regolament, jiġifieri li jistabbilixxi regoli dettaljati biex jiġu applikati d-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus għall-istituzzjonijiet u għall-korpi tal-Unjoni, ma tistax tinkiseb mill-Istati Membri, iżda tista’ tinkiseb biss fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri, f’konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. F’konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stabbilit fl-istess Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li hu meħtieġ biex jintlaħqu dawk l-objettivi.

(14)Dan ir-Regolament jirrispetta d-drittijiet fundamentali u josserva l-prinċipji magħrufin mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (il-Karta), b’mod partikolari, id-dritt għal amministrazzjoni tajba (l-Artikolu 41) u d-dritt għal rimedju effettiv u għal proċess ġust (l-Artikolu 47). Dan ir-Regolament jikkontribwixxi għall-effikaċja tas-sistema tar-rieżami amministrattiv u tar-rieżami ġudizzjarju tal-Unjoni, u b’riżultat ta’ dan, isaħħaħ l-applikazzjoni tal-Artikoli 41 u 47 tal-Karta u b’hekk jikkontribwixxi għall-istat tad-dritt minqux fl-Artikolu 2 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE).

(15)Għaldaqstant jenħtieġ li r-Regolament (KE) Nru 1367/2006 jiġi emendat skont dan.

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament (KE) Nru 1367/2006 huwa emendat kif ġej:

1.L-Artikolu 2(1)(g) huwa sostitwit b’dan li ġej:

(g) “att amministrattiv” tfisser kull att mhux leġiżlattiv li jiġi adottat minn istituzzjoni jew korp tal-Unjoni, li jkollu effetti legalment vinkolanti u esterni u li jkun fih dispożizzjonijiet li, minħabba l-effetti tagħhom, jafu jkunu jiksru l-liġijiet ambjentali skont it-tifsira tal-punt (f) tal-Artikolu 2(1), għajr dawk id-dispożizzjonijiet f’dan l-att li għalihom il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni espliċitament teżiġi miżuri ta’ implimentazzjoni fil-livell tal-Unjoni jew f’dak nazzjonali;”

2.L-Artikolu 10 huwa emendat kif ġej:

(a)il-paragrafi 1 u 2 huma sostitwiti b’dan li ġej:

“1.    Kull organizzazzjoni mhux governattiva li tissodisfa l-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 11 għandha d-dritt li tagħmel talba għal rieżami intern lill-istituzzjoni jew lill-korp tal-Unjoni li adottaw att amministrattiv, jew fil-każ ta’ ommissjoni amministrattiva, kellhom jadottaw tali att, għar-raġuni li dan l-att jew din l-ommissjoni jiksru l-liġi ambjentali.

Meta att amministrattiv ikun miżura ta’ implimentazzjoni fil-livell tal-Unjoni li jkun meħtieġ minn att ieħor mhux leġiżlattiv, l-organizzazzjoni mhux governattiva tista’, flimkien mat-talba tar-rieżami ta’ dik il-miżura ta’ implimentazzjoni, titlob ukoll ir-rieżami tad-dispożizzjoni tal-att mhux leġiżlattiv li minħabba fiha tkun meħtieġa dik il-miżura ta’ implimentazzjoni.

Din it-talba għandha ssir bil-miktub u f’limitu ta’ żmien li ma jaqbiżx it-tmien ġimgħat wara li jkun ġie adottat, notifikat jew ippubblikat l-att amministrattiv, skont liema jkun l-aktar tard, jew, f’każ ta’ allegazzjoni ta’ ommissjoni, tmien ġimgħat wara d-data li fiha kien meħtieġ l-att amministrattiv. It-talba għandha tinkludi r-raġunijiet għar-rieżami.

2.    L-istituzzjoni jew il-korp tal-Unjoni msemmija fil-paragrafu 1 għandhom iqisu kull talba bħal din, sakemm ma tkunx infondata b’mod ċar. L-istituzzjoni jew il-korp tal-Unjoni għandhom jagħtu r-raġunijiet tagħhom fi tweġiba bil-miktub kemm jista’ jkun malajr, iżda mhux aktar tard minn 16-il ġimgħa wara l-wasla tat-talba.”

(b)fil-paragrafu 3, it-tieni subparagrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Fi kwalunkwe każ, l-istituzzjoni jew il-korp tal-Unjoni għandhom jaġixxu fi żmien 22 ġimgħa mill-wasla tat-talba.”

3.Tul it-test tar-Regolament, ir-referenzi għad-dispożizzjonijiet tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea (it-Trattat KE) huma sostitwiti b’referenzi għad-dispożizzjonijiet korrispondenti tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (it-TFUE) u jsiru l-bidliet grammatikali meħtieġa kollha.

4.Tul it-test tar-Regolament, anki fit-titolu, il-kelma “Komunità” hija sostitwita bil-kelma “Unjoni”, u jsiru l-bidliet grammatikali meħtieġa kollha.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell,

Għall-Parlament Ewropew    Għall-Kunsill

Il-President    Il-President

(1)    Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni, Il-Patt Ekoloġiku Ewropew, COM/2019/640 final.
(2)    Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Sharpston ippreżentati fit-12 ta’ Ottubru 2017 fil-Kawża C‑664/15, Protect Natur, ECLI:EU:C:2017:760, il-paragrafu 77.
(3)    Ir-Regolament (KE) Nru 1367/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta’ Settembru 2006 dwar l-applikazzjoni għall-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità tad-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus dwar l-Aċċess għall-Informazzjoni, il-Parteċipazzjoni tal-Pubbliku fit-Teħid ta’ Deċiżjonijiet u l-Aċċess għall-Ġustizzja fi Kwistjonijiet Ambjentali ĠU L 264, 25.9.2006, p. 13-19.
(4)    Il-Konvenzjoni tal-Kummissjoni Ekonomika tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Ewropa (UNECE) dwar l-aċċess għall-informazzjoni, il-parteċipazzjoni tal-pubbliku fit-teħid ta’ deċiżjonijiet u l-aċċess għall-ġustizzja fi kwistjonijiet ambjentali.
(5)    Il-Kawżi magħquda C-401/12 P sa C-403/12 P, Il-Kunsill u l-Kummissjoni v Vereniging Milieudefensie EU:C:2015:4, il-paragrafu 60; Il-Kawżi magħquda C-404/12 P u C-405/12 P, Il-Kunsill u l-Kummissjoni vs Stichting Natuur en Milieu, EU:C:2015:5, il-paragrafu 52.
(6)    Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar it-titjib tal-aċċess għall-ġustizzja fi kwistjonijiet ambjentali fl-UE u fl-Istati Membri tagħha. [Żid ir-referenza tal-COM meta din tkun disponibbli.]
(7)    2005/370/KE: Id-Deċiżjoni tal-Kunsill tas-17 ta’ Frar 2005 dwar il-konklużjoni, f’isem il-Komunità Ewropea, tal-Konvenzjoni dwar l-aċċess għall-informazzjoni, il-parteċipazzjoni pubblika fit-teħid ta’ deċiżjonijiet u l-aċċess għall-ġustizzja fi kwistjonijiet ambjentali, ĠU L 124, 17.5.2005, p. 1–3.
(8)    Ara https://www.unece.org/env/pp/compliance/Compliancecommittee/32TableEC.html
(9)    Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2018/881 tat-18 ta’ Ġunju 2018 li titlob lill-Kummissjoni tippreżenta studju dwar l-opzjonijiet tal-Unjoni biex tindirizza l-konklużjonijiet tal-Kumitat għall-Konformità mal-Konvenzjoni ta’ Aarhus fil-kawża ACCC/C/2008/32 u, jekk adatt fid-dawl tar-riżultati tal-istudju, proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1367/2006, ST/9422/2018/INIT, ĠU L 155, 19.6.2018, p. 6–7.
(10)    Study on EU implementation of the Aarhus Convention in the area of access to justice in environmental matters, Final report, Settembru 2019, 07.0203/2018/786407/SER/ENV.E.4.
(11)    Commission Staff Working Document, Report on European Union implementation of the Aarhus Convention in the area of access to justice in environmental matters, SWD (2019)378 final.
(12)    Ir-Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-15 ta’ Jannar 2020 dwar il-Patt Ekoloġiku Ewropew (2019/2956 (RSP)).
(13)    Ara, b’mod partikolari, t-taqsima, 3.2.3.1. tal-Istudju.
(14)    L-Artikolu 10 tar-Regolament jippermetti wkoll li jiġu kkontestati l-ommissjonijiet. Il-premessa 11 tiċċara li “l-ommissjonijiet għandhom ikunu koperti fejn hemm l-obbligu li jiġi adottat att”.
(15)    Sabiex jgħinu jipproteġu d-dritt ta’ kull persuna tal-ġenerazzjoni tal-lum u fil-futur tgħix f’ambjent xieraq għas-saħħa u l-benessri tiegħu jew tagħha, kull Parti għandha tiggarantixxi d-drittijiet ta’ aċċess għall-informazzjoni, ta’ parteċipazzjoni fit-teħid tad-deċiżjonijiet, u tal-aċċess għall-ġustizzja fi kwistjonijiet ambjentali f’konformità mad-dispożizzjonijiet ta’ din il-Konvenzjoni.” (Enfasi miżjuda).
(16)    Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/370/KE tas-17 ta’ Frar 2005 dwar il-konklużjoni, f’isem il-Komunità Ewropea, tal-Konvenzjoni dwar l-aċċess għall-informazzjoni, il-parteċipazzjoni pubblika fit-teħid ta’ deċiżjonijiet u l-aċċess għall-ġustizzja fi kwistjonijiet ambjentali ĠU L 124, 17.5.2005, p. 1–3.
(17)    Il-ġlieda kontra l-bidla fil-klima” msemmija fl-Artikolu 191 tat-TFUE, li jistabbilixxi l-objettivi tal-politika tal-UE dwar l-ambjent, trid tinftiehem ukoll li hija inkluża fid-definizzjoni.
(18)    Nirriferik għas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-12 ta’ Settembru 2019 fil-Kawża C-82/17 P, TestBioTech vs Il-Kummissjoni, ECLI:EU:C:2019:719, il-paragrafu 69.
(19)    L-Artikolu 2(4) jiddefinixxi li “l-pubbliku” tfisser “persuna jew iktar naturali jew legali, u, skont il-leġislazzjoni jew il-prattika nazzjonali, l-assoċjazzjonijiet, l-organizzazzjonijiet jew il-gruppi tagħhom”.
(20)    L-Artikolu 9(3) jipprevedi li “...kull Parti għandha tiżgura li, meta jissodisfaw il-kriterji, jekk ikun il-każ, stipulati fil-liġi nazzjonali tagħha, il-membri tal-pubbliku għandu jkollhom aċċess għal proċeduri amministrattivi jew ġudizzjarji biex jikkontestaw atti u ommissjonijiet minn persuni privati u minn awtoritajiet pubbliċi li jiksru d-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali tagħha relatat mal-ambjent” (enfasi miżjuda).
(21)    Ara b’mod partikolari l-Artikolu 9(2) tal-Konvenzjoni.
(22)

   Skont ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 tat-TFUE, l-NGOs s’issa ma kellhomx il-possibbiltà li juru t-tħassib direttament, u għaldaqstant ma setgħux jiftħu proċedimenti kontra att amministrattiv direttament quddiem il-QĠUE. Għalhekk, l-Artikolu 10 tar-Regolament jipprovdi r-rieżami amministrattiv lill-NGOs. Wara dan, skont l-Artikolu 12 tar-Regolament, l-NGO li tkun għamlet it-talba ta’ rieżami intern skont l-Artikolu 10, imbagħad tkun tista’ tiftaħ proċediment quddiem il-QĠUE.

(23)    Ara l-Opinjoni tal-Avukat Ġenerali Sharpston ippreżentata fit-12 ta’ Ottubru 2017 fil-Kawża C‑664/15, Protect Natur, ECLI:EU:C:2017:760, il-paragrafu 77, ikkwotata fil-paġna 1 ta’ dan il-Memorandum ta’ Spjegazzjoni.
(24)    Ara l-konklużjonijiet tal-Kumitat fil-kawża ACCC/C/2005/11 (il-Belġju), kif ikkwotati fil-paġna 191 tal-Gwida ta’ Implimentazzjoni tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus.
(25)    Ara t-taqsima 4.2 tar-Rapport.
(26)    Ara l-paragrafu 102 u l-paragrafi ta’ wara tal-Parti II tal-Konklużjonijiet, ikkwotati hawn fuq.
(27)    Il-Kawża C-583/11 P, ECLI:EU:C:2013:625, para 56.
(28)    Ara SWD (2019) 378 final, il-paġni 23-24.
(29)    Il-konklużjonijiet tal-ACCC fil-kawża ACCC/2008/32, il-parti II, ikkwotati, fil-paragrafu 122.
(30)    Fil-kawża 22/70 Il-Kummissjoni vs il-Kunsill [1971] ECR 263, ECLI:EU:C:1971:32, il-Qorti sabet li azzjoni għal annullament trid tkun disponibbli fil-każ ta’ kull miżura adottata mill-istituzzjonijiet li jista’ jkollha effetti legali, ikun xi jkun in-natura jew il-forma tagħha (il-paragrafu 42). Ara wkoll il-Kawża C-57/95. ECLI:UE:C:1997:164.
(31)    Ara s-sentenza fil-Kawża C-325/91 France vs il-Kummissjoni [1993] ECR I-3283; Il-kawżi magħquda 1/57 u 14/57 Usines à tubes de la Sarre v l-Awtorità l-Għolja [1957] ECR 105; Il-kawżi magħquda 316/82 u 40/83 Kohler v il-Qorti tal-Awdituri [1984] ECR 641.
(32)    Id-Direttiva 2003/4/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta’ Jannar 2003 dwar l-aċċess pubbliku għat-tagħrif ambjentali u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 90/313/KEE ĠU L 41, 14.2.2003, p. 26–32.
(33)    Id-Direttiva 2004/35/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ April 2004 dwar ir-responsabbiltà ambjentali f’dak li għandu x’jaqsam mal-prevenzjoni u r-rimedju għal danni ambjentali, ĠU L 143, 30.4.2004, p. 56–75.
(34)    Id-Direttiva 2010/75/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Novembru 2010 dwar l-emissjonijiet industrijali (il-prevenzjoni u l-kontroll integrati tat-tniġġis), ĠU L 334, 17.12.2010, p. 17–119.
(35)    id-Direttiva 2011/92/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Diċembru 2011 dwar l-istima tal-effetti ta’ ċerti proġetti pubbliċi u privati fuq l-ambjent, ĠU L 26, 28.1.2012, p. 1-21.
(36)    Id-Direttiva 2012/18/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta’ Lulju 2012 dwar il-kontroll ta’ perikli ta’ inċidenti kbar li jinvolvu sustanzi u taħlitiet perikolużi li temenda u sussegwentement tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 96/82/KE, ĠU L 197, 24.7.2012, p. 1-37.
(37)

   Ara wkoll il-premessa 27 tad-Direttiva dwar il-Limiti Nazzjonali tal-Emissjonijiet, (UE) 2016/2284, li tirreferi b’mod speċifiku għall-każistika tal-QĠUE dwar l-aċċess għall-ġustizzja, skont il-paragrafu 28 tal-Avviż tal-Kummissjoni dwar l-aċċess għall-ġustizzja fi kwistjonijiet ambjentali, C/2017/2616 ĠU C 275, 18.8.2017, p. 1–39.

(38)    Il-Linji gwida politiċi tal-Kummissjoni, https://ec.europa.eu/commission/sites/beta-political/files/political-guidelines-next-commission_mt.pdf  
(39)

   Ta’ min wieħed jinnota li l-Artikolu 192(1) ma jissemmiex skont l-Artikolu 106a(1) tat-Trattat Euratom, li jikkonċerna l-applikazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet tat-TUE u tat-TFUE. Ara wkoll is-Sentenza tal-Qorti Ġenerali (il-Prim’ Awla) tas-27 ta’ Frar 2018 fil-kawżi T-307/16 - CEE ECLI:EU:T:2018:97, il-paragrafu 49.

(40)    L-Opinjoni 1/09 tal-Qorti tal-Ġustizzja (Qorti Plenarja) tat-8 ta’ Marzu 2011, skont l-Artikolu 218(11) tat-TFUE, Ħolqien ta’ sistema unifikata ta’ riżoluzzjoni ta’ tilwim fil-qasam tal-privattivi, ECLI:EU:C:2011:123, il-paragrafu 80.
(41)     https://ec.europa.eu/info/law/better-regulation/have-your-say/initiatives/1743-EU-implementation-of-the-Aarhus-Convention-in-the-area-of-access-to-justice-in-environmental-matters .
(42)    Ir-riżultati jinsabu online fuq https://ec.europa.eu/environment/aarhus/consultations.htm .
(43)    Fl-istudju jinsabu aktar dettalji tar-riżultati tal-konsultazzjoni pubblika miftuħa.
(44)    Il-minuti jinsabu fl-Anness 6 tal-istudju.
(45)    Tliet laqgħat mal-Grupp ta’ Esperti tal-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus (fil-15 ta’ Ottubru 2018, fil-11 ta’ Marzu 2019 u fit-12 ta’ April 2019).
(46)    Disponibbli online fuq: https://ec.europa.eu/info/law/better-regulation/have-your-say/initiatives/12165-Access-to-Justice-in-Environmental-matters
(47)    B’mod partikolari ara r-rwol tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet tal-Parlament Ewropew, għar-rwol tal-Ombudsman Ewropew u għall-mekkaniżmu għat-trattament tal-ilmenti tal-Kummissjoni Ewropea.
(48)    Ara l-abbozz tal-konklużjonijiet tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus fil-kawża ACCC/C/2008/32 fuq https://www.unece.org/env/pp/compliance/Compliancecommittee/32TableEC.html ; għal aktar dettalji ara t-taqsima I tal-Memorandum ta’ Spjegazzjoni.
(49)    Ara https://www.unece.org/env/pp/compliance/Compliancecommittee/32TableEC.html
(50)    Il-Ftehim Interistituzzjonali bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-Kummissjoni Ewropea dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet, ĠU L 123, 12.5.2016, p. 1–14.
(51)    Ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-15 ta’ Diċembru 2016 fil-Kawża T-177/13.    ECLI:EU:T:2016:736, il-paragrafi 52-55 (kif ikkonfermata mis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-12 ta’ Settembru 2019 fil-Kawża C-82/17 P, TestBioTech vs Il-Kummissjoni, ECLI:EU:C:2019:719).
(52)    Ara s-Sentenza fil-Kawżi magħquda C-622/16P sa C-624/16P, Elementare Maria Montessori Srl vs Il-Kummissjoni Ewropea, Il-Kummissjoni Ewropea vs Scuola Elementare Maria Montessori Srl u Il-Kummissjoni Ewropea vs Pietro Ferracci ECLI:EU:C:2018:873, il-paragrafi 28 u 29.
(53)    Is-Sentenza fil-Kawża C-456/13 P,T & L Sugars et Sidul Açúcares vs il-Kummissjoni, EU:C:2015:284, il-paragrafu 30.
(54)

   Is-Sentenza fil-Kawżi magħquda C-622/16P sa C-624/16P, Montessori ECLI:EU:C:2018:873.

(55)

   Is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tad-19 ta’ Diċembru 2013 fil-Kawża Telefónica v Il-Kummissjoni, C-274/12 P, EU:C:2013:852.

(56)    Dan għaliex id-dispożizzjonijiet tal-atti regolatorji li jinvolvu miżuri ta’ implimentazzjoni tal-livell tal-UE ma jkunux kontestabbli b’mod dirett quddiem il-QĠUE. B’konsegwenza ta’ dan, l-NGOs (bħal kull individwu ieħor jew organizzazzjoni oħra) ikunu jridu jistennew l-adozzjoni tal-miżura ta’ implimentazzjoni tal-livell tal-UE u jikkontestaw il-miżura ta’ implimentazzjoni quddiem il-Qorti Ġenerali, jekk jirnexxilhom juru li għandhom status.
(57)    Is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-14 ta’ Marzu 2018 fil-Kawża T-33/16, TestBioTech vs Il-Kummissjoni, ECLI:EU:T:2018:135, il-paragrafi 44 sa 46.
(58)    ĠU C , , p. .
(59)    ĠU C , , p. .
(60)    Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/370/KE tas-17 ta’ Frar 2005 dwar il-konklużjoni, f’isem il-Komunità Ewropea, tal-Konvenzjoni dwar l-aċċess għall-informazzjoni, il-parteċipazzjoni pubblika fit-teħid ta’ deċiżjonijiet u l-aċċess għall-ġustizzja fi kwistjonijiet ambjentali (ĠU L 124, 17.5.2005, p. 1).
(61)    Ir-Regolament (KE) Nru 1367/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta’ Settembru 2006 dwar l-applikazzjoni għall-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità tad-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus dwar l-Aċċess għall-Informazzjoni, il-Parteċipazzjoni tal-Pubbliku fit-Teħid ta’ Deċiżjonijiet u l-Aċċess għall-Ġustizzja fi Kwistjonijiet Ambjentali (ĠU L 264, 25.9.2006, p. 13).
(62)    Ara l-konklużjonijiet tal-Kumitat għall-Konformità mal-Konvenzjoni ta’ Aarhus fil-kawża ACCC/C/2008/32 fuq https://www.unece.org/env/pp/compliance/Compliancecommittee/32TableEC.html .
(63)    Is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-12 ta’ Settembru 2019 fil-Kawża C-82/17 P, TestBioTech vs il-Kummissjoni, ECLI:EU:C:2019:719, il-paragrafu 69.
Top