Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52020PC0467

    Proposta għal DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL li tagħti appoġġ temporanju skont ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2020/672 lis-Slovenja biex jittaffew ir-riskji ta’ qgħad f’emerġenza wara t-tifqigħa tal-COVID-19

    COM/2020/467 final

    Brussell, 24.8.2020

    COM(2020) 467 final

    2020/0220(NLE)

    Proposta għal

    DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL

    li tagħti appoġġ temporanju skont ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2020/672 lis-Slovenja biex jittaffew ir-riskji ta’ qgħad f’emerġenza wara t-tifqigħa tal-COVID-19


    MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

    1KUNTEST TAL-PROPOSTA

    Raġunijiet u għanijiet tal-proposta

    Ir-Regolament tal-Kunsill 2020/672 (“ir-Regolament SURE”) jistabbilixxi l-qafas legali biex tingħata assistenza finanzjarja tal-Unjoni lill-Istati Membri li jkunu qed jesperjenzaw tfixkil ekonomiku gravi bħala kawża tat-tifqigħa tal-COVID-19., jew li jkunu mhedda serjament minn tali tfixkil. L-appoġġ permezz ta' SURE jservi għall-finanzjament, primarjament, ta’ skemi ta’ xogħol b’ħinijiet iqsar jew miżuri simili mmirati biex jipproteġu lill-impjegati u lil dawk li jaħdmu għal rashom u b’hekk jitnaqqsu l-inċidenza tal-qgħad u t-telf tal-introjtu, kif ukoll għall-finanzjament, bħala anċillari, ta’ xi miżuri relatati mas-saħħa, b’mod partikolari fil-post tax-xogħol.

    Fis-7 ta’ Awwissu 2020, is-Slovenja talbet assistenza finanzjarja mill-Unjoni permezz tar-Regolament SURE. F’konformità mal-Artikolu 6(2) tar-Regolament SURE, il-Kummissjoni kkonsultat lill-awtoritajiet Sloveni biex tivverifika ż-żieda f’daqqa u għolja ħafna fin-nefqa pubblika effettiva u dik ppjanata kkawżata mill-pandemija tal-COVID-19 direttament relatata mal-iskemi ta’ xogħol b’ħinijiet iqsar u miżuri simili. B’mod partikolari, dan jikkonċerna:

    (1)skema ta’ kumpens tal-pagi għall-impjegati li ma ħadmux (jew stennew għax-xogħol) minħabba li l-impjegaturi għal xi żmien ma setgħux jipprovdu xogħol għal raġunijiet kummerċjali. Il-benefiċċju pagabbli skont l-iskema huwa limitat għal 80 % tal-paga medja tal-impjegati f’dawn l-aħħar tliet xhur, iżda mhuwiex inqas mill-paga minima fis-Slovenja, u jiddependi fuq iż-żamma tal-impjegati matul il-parteċipazzjoni ta’ min iħaddem. Il-miżura kienet fis-seħħ mit-13 ta’ Marzu 2020 sal-31 ta’ Mejju 2020. Minn dak iż-żmien l-iskema ġiet estiża mill-1 ta’ Ġunju 2020 sal-31 ta’ Awwissu 2020 b’estensjoni oħra ppjanata sal-aħħar ta’ Settembru 2020.

    (2)eżenzjoni mill-ħlas tal-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali għall-impjegati li jibbenefikaw mill-iskema ta’ kumpens tal-pagi. Il-miżura kienet ukoll fis-seħħ mit-13 ta’ Marzu 2020 sal-31 ta’ Mejju 2020.

    (3)skema ta’ xogħol b’ħinijiet iqsar li tippermetti lill-impjegaturi li temporanjament jintroduċu x-xogħol part-time, filwaqt li l-impjegati jitħallsu salarju full-time. L-impjegatur jirċievi sussidju ta’ ammont fiss għas-sigħat mhux maħduma mill-impjegati bil-kundizzjoni li l-impjegati jinżammu matul il-parteċipazzjoni tal-impjegatur flimkien ma’ xahar addizzjonali. L-iskema hija fis-seħħ mill-1 ta’ Ġunju 2020 sal-31 ta’ Diċembru 2020.

    (4)skema li tissussidja l-ħlas ta’ kontribuzzjonijiet ta’ assigurazzjoni tal-pensjoni u tad-diżabilità (inklużi kontribuzzjonijiet għal pensjonijiet professjonali) għall-impjegati li jkunu baqgħu fil-post tax-xogħol. Il-miżura kienet abbinata ma’ obbligu li l-impjegatur iħallas kumpens mensili għall-kriżi ta’ EUR 200 lill-impjegati li jaħdmu u li jaqilgħu paga inferjuri għal tliet darbiet il-paga minima. L-awtoritajiet talbu biss għal dik il-parti tan-nefqa relatata mal-impjegati li kienu kontinwament fl-impjieg fuq il-bażi tal-aktar data riċenti disponibbli dwar l-eżitu. Il-miżura kienet fis-seħħ mit-13 ta’ Marzu 2020 sal-31 ta’ Mejju 2020.

    (5)miżura li tipprovdi l-finanzjament tal-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali għal dawk li jaħdmu għal rashom, il-bdiewa u l-ħaddiema reliġjużi. Il-miżura tkopri l-kontribuzzjonijiet kollha tal-assigurazzjoni tas-sigurtà soċjali għall-benefiċjarji li kienu assigurati u ma setgħux iwettqu l-attività ekonomika tagħhom, jew setgħu jwettqu biss parti minn dik l-attività, matul l-epidemija. Il-miżura kienet fis-seħħ mit-13 ta’ Marzu 2020 sal-31 ta’ Mejju 2020.

    (6)appoġġ bażiku għad-dħul għal dawk li jaħdmu għal rashom, il-bdiewa u l-ħaddiema reliġjużi li pprovda sostenn ta’ EUR 350 f’Marzu u ta’ EUR 700 f’April u Mejju għall-benefiċjarji li kienu assigurati u ma setgħux iwettqu l-attività ekonomika tagħhom, jew setgħu jwettqu biss parti minn dik l-attività, matul l-epidemija. Il-miżura kienet fis-seħħ mit-13 ta’ Marzu 2020 sal-31 ta’ Mejju 2020.

    Is-Slovenja pprovdiet lill-Kummissjoni bl-informazzjoni rilevanti.

    Filwaqt li tqis l-evidenza disponibbli, il-Kummissjoni tipproponi lill-Kunsill biex jadotta Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni sabiex tingħata assistenza finanzjarja lis-Slovenja permezz tar-Regolament SURE b’appoġġ għall-miżuri ta’ hawn fuq.

    Konsistenza mad-dispożizzjonijiet eżistenti fil-qasam ta’ politika

    Din il-proposta hija kompletament konsistenti mar-Regolament tal-Kunsill 2020/672, skont liema qed issir il-proposta.

    Din il-proposta ġejja apparti strument ieħor tal-liġi tal-Unjoni li jipprovdi appoġġ lill-Istati Membri f’każ ta’ emerġenza, jiġifieri r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2012/2002 tal-11 ta’ Novembru 2002 li jistabbilixxi l-Fond ta’ Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea (FSUE) (“ir-Regolament (KE) Nru 2012/2002”). Ir-Regolament (UE) 2020/461 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, li jemenda dan l-istrument biex jestendi l-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu biex ikopri emerġenzi kbar ta’ saħħa pubblika u jiddefinixxi operazzjonijiet speċifiċi eliġibbli għall-finanzjament, ġie adottat fit-30 ta’ Marzu.

    Konsistenza ma’ politiki oħra tal-Unjoni

    Il-proposta hija parti minn firxa ta’ miżuri żviluppati b’reazzjoni għall-pandemija attwali tal-COVID-19 bħall-“Inizjattiva ta’ Investiment fir-Rispons għall-Coronavirus”, u tikkomplementa strumenti oħra li jappoġġaw l-impjiegi bħall-Fond Soċjali Ewropew u l-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi/InvestEU. Bl-użu ta’ teħid u għoti b’self f’dan il-każ partikolari tat-tifqigħa tal-COVID-19 għall-appoġġ tal-Istati Membri, dan il-proposta taġixxi bħala t-tieni linja ta’ difiża biex jiġu ffinanzjati skemi ta’ xogħol b’ħinijiet iqsar u miżuri simili, biex jiġu protetti l-impjiegi, u b’hekk l-impjegati u dawk li jaħdmu għal rashom, kontra r-riskju tal-qgħad.

    2BAŻI ĠURIDIKA, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ

    Bażi ġuridika

    Il-bażi ġuridika għal dan l-istrument hija r-Regolament tal-Kunsill 2020/672.

    Sussidjarjetà (għall-kompetenza mhux esklużiva)

    Il-proposta ssegwi t-talba li jagħmel Stat Membru u turi s-solidarjetà Ewropea billi tipprovdi assistenza finanzjarja tal-Unjoni fil-forma ta’ self temporanju lil Stat Membru milqut mit-tifqigħa tal-COVID-19. Bħala t-tieni linja ta’ difiża, tali assistenza finanzjarja tappoġġa ż-żieda fin-nefqa pubblika tal-gvernijiet fuq bażi temporanja fir-rigward tal-iskemi ta’ xogħol b’ħinijiet iqsar u miżuri simili biex tgħinhom jipproteġu l-impjiegi u b’hekk lill-impjegati u lil dawk li jaħdmu għal rashom kontra r-riskju ta’ qgħad u t-telf ta’ introjtu.

    Tali appoġġ se jgħin lill-popolazzjoni milquta u jgħin biex itaffi l-impatt soċjali u ekonomiku dirett ikkawżat mill-kriżi attwali tal-COVID-19.

    Proporzjonalità

    Il-proposta tosserva l-prinċipju tal-proporzjonalità. Ma tmurx lil hinn minn dak li hu meħtieġ biex jinkisbu l-għanijiet tal-istrument.

    3.RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

    Konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati

    Minħabba l-urġenza biex titħejja l-proposta u biex tkun tista’ tiġi adottata fil-ħin mill-Kunsill, ma setgħetx titwettaq konsultazzjoni mal-partijiet ikkonċernati.

    Valutazzjoni tal-impatt

    Minħabba n-natura urġenti tal-proposta, ma saret l-ebda valutazzjoni tal-impatt.

    4.IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI

    Jenħtieġ li l-Kummissjoni tkun tista’ tieħu self fis-swieq finanzjarji bil-għan li tagħtih b’self lill-Istat Membru li jitlob assistenza finanzjarja permezz tal-istrument SURE.

    Minbarra l-provvediment tal-garanziji tal-Istati Membri, jiddaħħlu salvagwardji oħra fil-qafas sabiex tiġi żgurata s-solidità finanzjarja tal-iskema:

    ·Approċċ rigoruż u konservattiv għal ġestjoni finanzjarja;

    ·Kostruzzjoni tal-portafoll ta’ self li jillimita r-riskju ta’ konċentrazzjoni, skopertura annwali u espożizzjoni eċċessiva għal Stati Membri individwali, filwaqt li jiġu żgurati riżorsi suffiċjenti li jistgħu jingħataw lill-Istati Membri li huma l-aktar fil-bżonn; kif ukoll

    ·Possibbiltajiet ta’ riportament tad-dejn.

    2020/0220 (NLE)

    Proposta għal

    DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL

    li tagħti appoġġ temporanju skont ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2020/672 lis-Slovenja biex jittaffew ir-riskji ta’ qgħad f’emerġenza wara t-tifqigħa tal-COVID-19

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE) 2020/672 tad-19 ta’ Mejju 2020 dwar l-istabbiliment ta’ Strument Ewropew għal appoġġ temporanju biex jittaffew ir-riskji ta’ qgħad f’emerġenza (SURE) wara t-tifqigħa tal-COVID-19 1 , u b’mod partikolari l-Artikolu 6(1) tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

    Billi:

    (1)Fis-7 ta’ Awwissu 2020, is-Slovenja talbet assistenza finanzjarja mill-Unjoni bil-għan li tissupplimenta l-isforzi nazzjonali tagħha biex tindirizza l-impatt tat-tifqigħa tal-COVID-19 u l-konsegwenzi soċjoekonomiċi tagħha għall-ħaddiema.

    (2)It-tifqigħa tal-COVID-19 u l-miżuri straordinarji implimentati mis-Slovenja biex titrażżan it-tifqigħa u l-impatt tagħha kemm soċjoekonomiku kif ukoll dak marbut mas-saħħa mistennija li jkollhom impatt qawwi fuq il-finanzi pubbliċi. Skont it-tbassir tar-Rebbiegħa 2020 tal-Kummissjoni, is-Slovenja kienet mistennija li jkollha defiċit u dejn tal-amministrazzjoni pubblika ta’ 7,2 % u 83,7 % tal-prodott domestiku gross (PDG) rispettivament sa tmiem l-2020. Skont it-tbassir interim tas-Sajf 2020 tal-Kummissjoni, il-PDG tas-Slovenja huwa pprojettat li jonqos b’7,0 % fl-2020.

    (3)It-tifqigħa tal-COVID-19 waqqfet parti sostanzjali mill-forza tax-xogħol fis-Slovenja. Dan wassal għal żieda f’daqqa u għolja ħafna fin-nefqa pubblika tas-Slovenja fir-rigward ta’ skemi ta’ xogħol b’ħinijiet iqsar u miżuri simili, kif stabbilit fil-premessi minn 4 sa 9.

    (4)L-“Att dwar il-Miżura Interim ta’ Rimborż Parzjali ta’ Kumpens għall-Pagi” 2 u l-“Att li Jistabbilixxi l-Miżuri ta’ Intervent għall-Konteniment tal-Epidemija tal-COVID-19 u Jittaffew il-Konsegwenzi tagħha għaċ-Ċittadini u l-Ekonomija” 3 , kif inhuma msejħa fit-talba tas-Slovenja tas-7 ta’ Awwissu 2020, introduċew skema ta’ kumpens ta’ pagi għall-impjegati li ma ħadmux(jew stennew għax-xogħol) minħabba li l-impjegaturi għal xi żmien ma setgħux jipprovdu xogħol għal raġunijiet kummerċjali. Il-benefiċċju pagabbli skont l-iskema huwa limitat għal 80 % tal-paga medja tal-impjegati f’dawn l-aħħar tliet xhur, iżda mhuwiex inqas mill-paga minima fis-Slovenja, u jiddependi fuq iż-żamma tal-impjegati matul il-parteċipazzjoni ta’ min iħaddem. Il-miżura kienet fis-seħħ mit-13 ta’ Marzu 2020 sal-31 ta’ Mejju 2020. Fuq il-bażi tal-“Att li Jistabbilixxi l-Miżuri ta’ Intervent biex Jittaffew u Jiġu Rimedjati l-Konsegwenzi tal-Epidemija tal-COVID-19” 4 , l-iskema minn dakinhar ġiet estiża mill-1 ta’ Ġunju 2020 sal-31 ta’ Awwissu 2020 b’estensjoni ulterjuri ppjanata sal-aħħar ta’ Settembru 2020.

    (5)Ġiet introdotta eżenzjoni mill-ħlas tal-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali għall-impjegati li jibbenefikaw mill-iskema ta’ kumpens tal-pagi. Il-miżura kienet ukoll fis-seħħ mit-13 ta’ Marzu 2020 sal-31 ta’ Mejju 2020.

    (6)Inħolqot skema ta’ xogħol għal żmien qasir li tippermetti lil min iħaddem biex temporanjament jintroduċi x-xogħol part-time, filwaqt li l-impjegati jitħallsu salarju full-time. L-impjegatur jirċievi sussidju ta’ ammont fiss għas-sigħat mhux maħduma mill-impjegati bil-kundizzjoni li l-impjegati jinżammu matul il-parteċipazzjoni tal-impjegatur flimkien ma’ xahar addizzjonali. L-iskema hija fis-seħħ mill-1 ta’ Ġunju 2020 sal-31 ta’ Diċembru 2020.

    (7)Għall-impjegati li baqgħu fil-post tax-xogħol, l-awtoritajiet introduċew skema li tissussidja l-ħlas ta’ kontribuzzjonijiet tal-assigurazzjoni tal-pensjoni u tal-assigurazzjoni għad-diżabbiltà (inklużi l-kontribuzzjonijiet għal pensjonijiet professjonali). Il-miżura kienet abbinata ma’ obbligu li l-impjegatur iħallas kumpens mensili għall-kriżi ta’ EUR 200 lill-impjegati li jaħdmu u li jaqilgħu paga inferjuri għal tliet darbiet il-paga minima. L-awtoritajiet talbu biss il-parti tan-nefqa relatata mal-impjegati li kienu kontinwament fl-impjieg fuq il-bażi tal-aktar data riċenti disponibbli dwar l-eżitu. Il-miżura kienet fis-seħħ mit-13 ta’ Marzu 2020 sal-31 ta’ Mejju 2020.

    (8)Ġiet introdotta miżura li tipprovdi l-finanzjament tal-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali għal dawk li jaħdmu għal rashom, il-bdiewa u l-ħaddiema reliġjużi. Il-miżura tkopri l-kontribuzzjonijiet kollha tal-assigurazzjoni tas-sigurtà soċjali għall-benefiċjarji li kienu assigurati u ma setgħux iwettqu l-attività ekonomika tagħhom, jew setgħu jwettqu biss parti minn dik l-attività, matul l-epidemija. Il-miżura kienet fis-seħħ mit-13 ta’ Marzu 2020 sal-31 ta’ Mejju 2020.

    (9)Fl-aħħar nett, ġie introdott appoġġ bażiku għad-dħul għal dawk li jaħdmu għal rashom, il-bdiewa u l-ħaddiema reliġjużi li pprovda sostenn ta’ EUR 350 f’Marzu u ta’ EUR 700 f’April u Mejju għall-benefiċjarji li kienu assigurati u ma setgħux iwettqu l-attività ekonomika tagħhom, jew setgħu jwettqu biss parti minn dik l-attività, matul l-epidemija. Il-miżura kienet fis-seħħ mit-13 ta’ Marzu 2020 sal-31 ta’ Mejju 2020.

    (10)Is-Slovenja tissodisfa l-kundizzjonijiet biex tintalab assistenza finanzjarja stabbiliti fl-Artikolu 3 tar-Regolament (UE) 2020/672. Is-Slovenja pprovdiet lill-Kummissjoni b’evidenza xierqa li n-nefqa pubblika attwali u ppjanata żdiedet b’EUR 1 203 670 000 mill-1 ta’ Frar 2020 minħabba l-miżuri nazzjonali li ttieħdu biex jiġu indirizzati l-effetti soċjoekonomiċi tat-tifqigħa tal-COVID-19. Dan jikkostitwixxi żieda f’daqqa u għolja ħafna minħabba li l-miżuri l-ġodda jkopru proporzjon sinifikanti tal-impriżi u tal-forza tax-xogħol fis-Slovenja. Is-Slovenja biħsiebha tiffinanzja EUR 90 000 000 tal-ammont miżjud tan-nefqa permezz tal-fondi tal-Unjoni.

    (11)Il-Kummissjoni kkonsultat lis-Slovenja u vverifikat iż-żieda f’daqqa u għolja ħafna fin-nefqa pubblika attwali u ppjanata direttament relatata mal-iskemi tax-xogħol b’ħinijiet iqsar u miżuri simili imsemmija fit-talba tas-7 ta’ Awwissu 2020, b’konformità mal-Artikolu 6 tar-Regolament (UE) 2020/672.

    (12)Għalhekk jenħtieġ li tingħata assistenza finanzjarja bil-għan li tgħin lis-Slovenja tindirizza l-effetti soċjoekonomiċi tat-tfixkil ekonomiku gravi kkawżat mit-tifqigħa tal-COVID-19.

    (13)Din id-deċiżjoni jenħtieġ li tkun mingħajr preġudizzju għall-eżitu ta’ kwalunkwe proċedura relatata ma’ distorsjonijiet tal-operat tas-suq intern li tista' titwettaq, b’mod partikolari skont l-Artikoli 107 u 108 TFUE. Hija ma tneħħix il-ħtieġa li l-Istati Membri jinnotifikaw każijiet ta’ għajnuna potenzjali mill-Istat lill-Kummissjoni skont l-Artikolu 108 TFUE.

    (14)Jenħtieġ li s-Slovenja tinforma lill-Kummissjoni fuq bażi regolari dwar l-implimentazzjoni tan-nefqa pubblika ppjanata, sabiex il-Kummissjoni tkun tista’ tivvaluta l-punt sa fejn is-Slovenja implimentat dik in-nefqa.

    (15)Meta ttieħdet id-deċiżjoni li tingħata assistenza finanzjarja tqisu l-ħtiġijiet eżistenti u dawk mistennija tas-Slovenja, kif ukoll it-talbiet għal assistenza finanzjarja skont ir-Regolament (UE) 2020/672 diġà ppreżentati jew ippjanati li jiġu ppreżentati minn Stati Membri oħra, filwaqt li ġew applikati l-prinċipji ta’ trattament ugwali, solidarjetà, proporzjonalità u trasparenza,

    ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    Is-Slovenja tissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 3 tar-Regolament (UE) 2020/672.

    Artikolu 2

    1. L-Unjoni għandha tagħmel disponibbli self lis-Slovenja li jammonta għal massimu ta’ EUR 1 113 670 000. Is-self għandu jkollu maturità medja massima ta’ 15-il sena.

    2. Il-perjodu ta’ disponibbiltà għall-għajnuna finanzjarja mogħtija b’din id-Deċiżjoni għandu jkun ta’ 18-il xahar li jibdew mill-ewwel jum wara d-dħul fis-seħħ ta’ din id-Deċiżjoni.

    3. L-assistenza finanzjarja tal-Unjoni għandha ssir disponibbli mill-Kummissjoni lis-Slovenja f’massimu ta’ tmien pagamenti parzjali. L-iżborż ta’ kull pagament parzjali jista’ jsir f’segment wieħed jew aktar. Il-maturitajiet tas-segmenti taħt l-ewwel pagament parzjali jistgħu jkunu itwal mill-maturità medja massima msemmija fil-paragrafu 1. F’każijiet bħal dawn, il-maturitajiet ta’ segmenti ulterjuri għandhom ikunu stabbiliti b’tali mod li l-maturità medja massima msemmija fil-paragrafu 1 tintlaħaq ladarba jsir l-iżborż tal-pagamenti kollha.

    4. L-ewwel pagament parzjali għandu jiġi rilaxxat soġġett għad-dħul fis-seħħ tal-ftehim tas-self previst fl-Artikolu 8(2) tar-Regolament (UE) 2020/672.

    5. Is-Slovenja għandha tħallas l-ispiża għall-finanzjament tal-Unjoni msemmija fl-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) 2020/672 għal kull pagament parzjali flimkien ma’ kull tariffa, kost u spiża tal-Unjoni li jirriżultaw minn kull finanzjament.

    6. Il-Kummissjoni għandha tiddeċiedi dwar id-daqs u r-rilaxx tal-pagamenti parzjali, kif ukoll dwar id-daqs tas-segmenti.

    Artikolu 3

    Is-Slovenja tista’ tiffinanzja l-miżuri li ġejjin:

    (1)skema ta’ kumpens tal-paga, kif previst fl-Artikoli 7 u 8 tal-Att dwar il-Miżura Interim ta’ Kumpens Parzjali għall-Pagi u l-Artikoli 21 – 32 tal-Att li Jistabbilixxi l-Miżuri ta’ Intervent għall-Konteniment tal-Epidemija tal-COVID-19 u Jittaffew il-Konsegwenzi tagħha għaċ-Ċittadini u l-Ekonomija (kif emendata) u kif estiża bl-Artikoli 24 - 34 tal-Att li Jistabbilixxi l-Miżuri ta’ Intervent biex Jittaffew u Jiġu Rimedjati l-Konsegwenzi tal-Epidemija tal-COVID-19;

    (2)eżenzjoni mill-ħlas tal-kontribuzzjonijiet tal-assigurazzjoni tas-sigurtà soċjali għall-ħaddiema li jibbenefikaw mill-iskema ta’ kumpens tal-pagi, kif previst fl-Artikoli 21-32 tal-Att li Jistabbilixxi l-Miżuri ta’ Intervent għall-Konteniment tal-Epidemija tal-COVID-19 u Jittaffew il-Konsegwenzi tagħha għaċ-Ċittadini u l-Ekonomija;

    (3)skema ta’ xogħol b’ħinijiet iqsar li tissussidja l-impjieg part-time temporanju, kif previst mill-Artikoli 11 - 23 tal-Att li Jistabbilixxi l-Miżuri ta’ Intervent biex Jittaffew u Jiġu Rimedjati l-Konsegwenzi tal-Epidemija tal-COVID-19;

    (4)il-ħlas ta’ kontribuzzjonijiet ta’ assigurazzjoni tal-pensjoni u tad-diżabilità għall-ħaddiema u kumpens mensili għall-kriżi, kif previst fl-Artikolu 33 tal-Att li Jistabbilixxi l-Miżuri ta’ Intervent għall-Konteniment tal-Epidemija tal-COVID-19 u Jittaffew il-Konsegwenzi tagħha għaċ-Ċittadini u l-Ekonomija, għall-parti tan-nefqa relatata mal-kumpaniji li jnaqqsu jew jissospendu l-ħin tax-xogħol jew meta l-impjegati jkunu baqgħu kontinwament fl-impjieg;

    (5)il-finanzjament ta’ kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali għal dawk li jaħdmu għal rashom, il-bdiewa u l-ħaddiema reliġjużi, kif previst mill-Artikolu 38 tal-Att li Jistabbilixxi l-Miżuri ta’ Intervent għall-Konteniment tal-Epidemija tal-COVID-19 u Jittaffew il-Konsegwenzi tagħha għaċ-Ċittadini u l-Ekonomija;

    (6)appoġġ bażiku għad-dħul lil dawk li jaħdmu għal rashom, il-bdiewa u l-ħaddiema reliġjużi, kif previst fl-Artikolu 34 tal-Att li Jistabbilixxi l-Miżuri ta’ Intervent għall-Konteniment tal-Epidemija tal-COVID-19 u Jittaffew il-Konsegwenzi tagħha għaċ-Ċittadini u l-Ekonomija.

    Artikolu 4

    Is-Slovenja għandha tinforma lill-Kummissjoni sa [DATA: sitt (6) xhur wara d-data ta’ pubblikazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni], u kull sitt (6) xhur wara l-implimentazzjoni tan-nefqa pubblika ppjanata sa dak iż-żmien li n-nefqa pubblika ppjanata tkun ġiet implimentata kollha kemm hi.

    Artikolu 5

    Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika tas-Slovenja.

    Artikolu 6

    Din id-Deċiżjoni għandha tiġi ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Magħmul fi Brussell,

       Għall-Kunsill

       Il-President

    (1)    ĠU L 159, 20.5.2020, p.1.
    (2)    (ZIUPPP), Ġurnal Uffiċjali tar-Repubblika tas-Slovenja 36/20
    (3)    (ZIUZEOP), Ġurnal Uffiċjali tar-Repubblika tas-Slovenja 49/20
    (4)    (Liġi dwar il-miżuri ta’ intervent), Zakon o interventnih ukrepih za omilitev in odpravo posledic epidemije COVID-19 (ZIUOOPE), adottata fit-30. 5. 2020, Ġurnal Uffiċjali Nru 80/20
    Top