Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52020PC0435

    Proposta għal DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL li tawtorizza lill-Ġermanja tapplika rata mnaqqsa ta’ tassazzjoni fuq l-elettriku pprovdut direttament lil bastimenti rmiġġati f’port f’konformità mal-Artikolu 19 tad-Direttiva 2003/96/KE

    COM/2020/435 final

    Brussell, 28.8.2020

    COM(2020) 435 final

    2020/0207(NLE)

    Proposta għal

    DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL

    li tawtorizza lill-Ġermanja tapplika rata mnaqqsa ta’ tassazzjoni fuq l-elettriku pprovdut direttament lil bastimenti rmiġġati f’port f’konformità mal-Artikolu 19 tad-Direttiva 2003/96/KE


    MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

    1.KUNTEST TAL-PROPOSTA

    Ir-raġunijiet għall-proposta u l-objettivi tagħha

    Fl-Unjoni, it-tassazzjoni fuq il-prodotti tal-enerġija u fuq l-elettriku hija regolata bid-Direttiva tal-Kunsill 2003/96/KE tas-27 ta’ Ottubru 2003 li tirriforma l-istruttura tal-Komunità dwar tassazzjoni fuq prodotti ta’ enerġija u elettriku 1 (“id-Direttiva dwar it-Tassazzjoni fuq l-Enerġija” jew “id-Direttiva”).

    Skont l-Artikolu 19(1) tad-Direttiva, flimkien mad-dispożizzjonijiet stabbiliti b’mod partikolari fl-Artikoli 5, 15 u 17 tagħha, il-Kunsill, filwaqt li jaġixxi b’mod unanimu fuq proposta tal-Kummissjoni, jista’ jawtorizza li kwalunkwe Stat Membru jintroduċi aktar eżenzjonijiet jew tnaqqis fil-livell ta’ tassazzjoni għal kunsiderazzjonijiet politiċi speċifiċi.

    Bis-saħħa tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill 2014/722/UE tal-14 ta’ Ottubru 2014 2 (preċeduta mid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill 2011/445/UE tat-12 ta’ Lulju 2011 3 ), il-Ġermanja diġà ġiet awtorizzata tapplika rata mnaqqsa ta’ tassazzjoni fuq l-elettriku għal elettriku pprovdut direttament lill-bastimenti, minbarra dgħajjes għall-użu privat jew għad-divertiment 4 , irmiġġati fil-portijiet (“elettriku mill-art”).

    L-objettiv ta’ din il-proposta huwa li testendi dik l-awtorizzazzjoni kif mitlub mill-Ġermanja, minħabba li d-deroga attwali tiskadi fis-16 ta’ Lulju 2020.

    Permezz ta’ ittra datata d-29 ta’ Jannar 2020, l-awtoritajiet Ġermaniżi infurmaw lill-Kummissjoni bl-intenzjoni tagħhom li jtawlu l-miżura attwali sal-31 ta’ Diċembru 2025. Informazzjoni addizzjonali ġiet ipprovduta permezz ta’ ittra datata t-30 ta’ April 2020.

    Il-Ġermanja qed tfittex li ġġedded l-awtorizzazzjoni biex tapplika rata ta’ taxxa mnaqqsa ta’ EUR 0,50/MWh, ugwali għar-rata minima ta’ tassazzjoni fuq l-elettriku għal użu kummerċjali kif stabbilit fid-Direttiva, għall-provvista tal-elettriku mill-art lil bastimenti 5 li joperaw esklussivament għal skopijiet kummerċjali fil-baħar u fl-ilmijiet interni tal-Unjoni (inkluż is-sajd) 6 .

    Il-perjodu ta’ validità mitlub huwa mis-17 ta’ Lulju 2020 sal-31 ta’ Diċembru 2025, u dan huwa f’kontinwità mad-deroga attwali u fi ħdan il-perjodu massimu permess mill-Artikolu 19 tad-Direttiva dwar it-Tassazzjoni fuq l-Enerġija.

    Dan it-tnaqqis huwa intiż biex jagħti inċentiv ekonomiku għat-tħaddim u l-użu tal-elettriku mill-art sabiex jonqos it-tniġġis tal-arja fl-ibliet portwali, titjieb il-kwalità tal-arja lokali u jitnaqqas l-istorbju għall-benefiċċju tas-saħħa tal-abitanti.

    L-objettiv tal-miżura li għandha tiġi applikata mill-Ġermanja huwa wkoll li jitnaqqas l-impatt ambjentali tat-trasport fuq l-ilma.

    Bil-miżura mitluba, il-Ġermanja tixtieq iżżomm inċentiv għall-użu tal-elettriku mill-art li huwa meqjus bħala alternattiva li tniġġes inqas meta mqabbla mal-ġenerazzjoni tal-elettriku abbord il-bastimenti rmiġġati f’port. Kif indikat fit-talba, fil-Ġermanja, ir-rata standard ta’ taxxa fuq l-elettriku hija ta’ EUR 20,50/MWh. Il-benefiċċju ta’ taxxa attwalment huwa ta’ EUR 20,00/MWh. Dan ifisser li l-benefiċjarji jintalbu jħallsu r-rata minima tat-taxxa applikabbli tal-UE għall-elettriku skont id-Direttiva dwar it-Tassazzjoni fuq l-Enerġija ta’ EUR 0,50/MWh (kif speċifikat fl-Artikolu 10(1) u t-Tabella C tal-Anness I tad-Direttiva, għall-użu kummerċjali). Il-Ġermanja tippermetti li l-benefiċċju fuq it-taxxa jiġi pprovdut kemm bħala rata tat-taxxa mnaqqsa imposta mal-provvista (huwa meħtieġ permess) kif ukoll bħala rifużjoni tat-taxxa.

    Min-naħa l-oħra, skont l-Artikolu 14(1)(c) tad-Direttiva dwar it-Tassazzjoni fuq l-Enerġija, l-Istati Membri għandhom jeżentaw il-prodotti tal-enerġija użati għall-produzzjoni tal-elettriku abbord il-bastimenti rmiġġati fil-portijiet. Jistgħu jagħmlu dan ukoll fil-każ ta’ elettriku prodott abbord bastimenti għan-navigazzjoni fuq passaġġi fuq l-ilma interni skont l-Artikolu 15(1)(f) tad-Direttiva. Il-Ġermanja kkonfermat it-traspożizzjoni ta’ din l-aħħar eżenzjoni fakultattiva.

    L-awtoritajiet Ġermaniżi indikaw li t-tnaqqis fit-taxxa japplika għall-bastimenti kollha minbarra d-dgħajjes għall-użu privat jew għad-divertiment, jiġifieri li l-bastimenti kollha involuti fin-navigazzjoni kummerċjali, irrispettivament mid-daqs jew mill-bandiera li jtajru, se jibbenefikaw mit-tnaqqis fit-taxxa. Madankollu, m’hemm l-ebda obbligu għall-bastimenti li jużaw l-elettriku mill-art.

    Kif indikat fit-talba, mid-dħul fis-seħħ tal-iskema fl-2011, in-numru ta’ benefiċjarji żdied b’mod sostanzjali; fis-settur tal-passaġġi fuq l-ilma interni, kważi l-bastimenti kollha huma kapaċi jixtru l-elettriku mill-art; bħalissa hemm ftit biss installazzjonijiet fis-settur marittimu, li mhumiex maħsuba għal mezzi ta’ trasport bejn il-gżejjer. Barra minn hekk, skont id-data disponibbli, fl-ilmijiet interni, hemm 454 faċilità operattiva, 385 faċilità ppjanata u l-potenzjal għal 115 faċilità oħra. Fil-portijiet marittimi, hemm 240 faċilità operattiva (li minnhom 237 huma għal servizzi ta’ trasport bejn gżejjer), 30 faċilitajiet ippjanati (prinċipalment għal bastimenti tal-kruċiera u bastimenti tal-kontejners) u l-potenzjal għal 32 faċilità oħra.

    Bħala stima tan-nefqa tat-taxxa mill-miżura, l-awtoritajiet Ġermaniżi kkalkulaw it-telf tad-dħul mit-taxxa bbażat fuq l-ammont ta’ elettriku kkonsmat għall-benefiċċju u l-ammont tal-vantaġġ. Il-ħelsien mit-taxxa attwalment jammonta għal EUR 20,00/MWh (ir-rata standard tat-taxxa, kif imsemmi qabel, hija EUR 20,50/MWh). Fl-2019, 79 302 MWh ta’ elettriku ttieħdu mill-elettriku mill-art fil-portijiet. Meta jitqies il-ħelsien mit-taxxa, dan jirriżulta f’telf ta’ dħul mit-taxxa għall-2019 li jammonta għal EUR 1 586 miljun. Jekk wieħed jassumi li fil-futur se jkun hemm użu akbar tal-elettriku mill-art minħabba l-miżuri ta’ appoġġ, huwa stmat li fis-snin li ġejjin se jkun hemm telf ta’ EUR 2 miljun fis-sena.

    Il-Ġermanja talbet li l-awtorizzazzjoni tingħata sal-31 ta’ Diċembru 2025, li tibda mis-17 ta’ Lulju 2020, mingħajr interruzzjoni bid-deroga attwali u fi ħdan il-perjodu massimu indikat fl-Artikolu 19(2) tad-Direttiva.

    Bit-tnaqqis fit-taxxa, il-Ġermanja tixtieq tagħti inċentiv lill-operaturi tal-bastimenti biex jużaw l-elettriku mill-art sabiex jitnaqqsu l-emissjonijiet u l-ħsejjes fl-ajru mill-kombustjoni tal-fjuwils minn bastimenti rmiġġati u emissjonijiet tas-CO2. L-applikazzjoni ta’ rata ta’ taxxa mnaqqsa għandha ssaħħaħ il-kompetittività tal-elettriku mill-art meta mqabbla mal-konsum ta’ fjuwils tal-bastimenti abbord, li huwa eżentat mit-taxxa.

    Konsistenza mad-dispożizzjonijiet ta’ politika eżistenti fil-qasam tal-politika

    It-tassazzjoni tal-elettriku hija regolata mid-Direttiva 2003/96/KE, b’mod partikolari l-Artikolu 10. L-Artikolu 14(1)(c) jipprovdi eżenzjoni ta’ taxxa obbligatorja fuq l-elettriku prodott fuq bastiment. L-Artikoli 5, 15 u 17 jipprovdu l-possibilità li l-Istati Membri japplikaw differenzi fit-taxxa, inkluż eżenzjonijiet u tnaqqis, għal ċerti użi tal-elettriku. Madankollu, fil-verità, dawn id-dispożizzjonijiet ma jipprevedux tnaqqis fit-taxxa għall-elettriku mill-art.

    Skont l-awtoritajiet Ġermaniżi, il-miżura tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat u taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-UE dwar dan is-suġġett; b’mod partikolari, l-iskema ġiet meqjusa xierqa u ġiet innotifikata skont l-Artikolu 25 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) 800/2008 7 , li bħalissa qed jiġi sostitwit bir-Regolament tal-Kummissjoni 651/2014/UE 8 , kif speċifikat aħjar hawn taħt.

    Dispożizzjonijiet taħt id-Direttiva dwar it-Tassazzjoni fuq l-Enerġija

    L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 19(1) tad-Direttiva jaqra kif ġej:

    Flimkien ma’ dawn id-dispożizzjonijiet imsemmija fl-Artikoli ta' qabel, b'mod partikolari l-Artikoli 5, 15 u 17, il-Kunsill, li jaġixxi b'mod unanimu fuq xi proposta tal-Kummissjoni, jista' jawtorizza lil kwalunkwe Stat Membru biex jintroduċi iktar eżenzjonijiet u tnaqqis għall-konsiderazzjonijiet politiċi speċifiċi.

    Permezz tat-tnaqqis fit-taxxa inkwistjoni, l-awtoritajiet Ġermaniżi qed isegwu l-objettiv li jkomplu jippromwovu mod li jagħmel inqas ħsara lill-ambjent għall-bastimenti biex jaqdu l-bżonnijiet tagħhom tal-elettriku waqt li jkunu rmiġġati fil-portijiet u b’hekk itejbu l-kwalità tal-arja lokali u jnaqqsu l-istorbju. Il-Kummissjoni diġà rrakkomandat l-użu tal-elettriku mill-art bħala alternattiva għall-ġenerazzjoni tal-elettriku abbord bastimenti li jkunu rmiġġati u b’hekk irrikonoxxiet il-vantaġġi ambjentali tiegħu 9 . Bħalissa r-rata standard għall-elettriku hija ta’ EUR 20,50/MWh; il-konċessjoni fiskali attwalment hija ta’ EUR 20,00/MWh. Il-benefiċjarji mbagħad jiġu mitluba jħallsu r-rata minima tat-taxxa tal-UE għall-elettriku skont id-Direttiva dwar it-Taxxa fuq l-Enerġija ta’ EUR 0,50/MWh u dan għalhekk jista’ jkompli jikkontribwixxi għall-objettiv ta’ politika ddikjarat.

    Il-possibilità ta’ introduzzjoni ta’ trattament tat-taxxa favorevoli għall-elettriku mill-art tista’ tkun prevista skont l-Artikolu 19 tad-Direttiva minħabba li l-għan tagħha huwa li tippermetti lill-Istati Membri jintroduċu eżenzjonijiet jew tnaqqis ulterjuri għal kunsiderazzjonijiet speċifiċi tal-politika.

    Il-Ġermanja talbet li l-miżura għandha tapplika għal kważi l-perjodu massimu permess mill-Artikolu 19(2), jiġifieri 6 snin. Fil-prinċipju, il-perjodu ta’ applikazzjoni tad-deroga għandu jkun twil biżżejjed sabiex ma jaqtax qalb l-operaturi tal-portijiet u l-fornituri tal-elettriku milli jkomplu jew milli jibdew jagħmlu l-investimenti neċessarji f’faċilitajiet tal-elettriku mill-art. Dan il-perjodu se jipprovdi l-massimu possibbli ta’ ċertezza legali anki għall-operaturi tal-bastimenti, li jridu jippjanaw l-investimenti tagħhom f’tagħmir abbord.

    Madankollu, id-deroga xorta ma għandhiex iddgħajjef l-iżviluppi futuri tal-qafas legali eżistenti u għandha tqis ir-reviżjoni li jmiss tad-Direttiva dwar it-Tassazzjoni fuq l-Enerġija u adozzjoni possibbli mill-Kunsill ta’ att ġuridiku bbażat fuq il-proposta tal-Kummissjoni għal emenda tad-Direttiva dwar it-Tassazzjoni fuq l-Enerġija. Din ir-reviżjoni ssegwi l-evalwazzjoni tad-Direttiva dwar it-Tassazzjoni fuq l-Enerġija 10 u l-Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-qafas tal-UE għat-tassazzjoni tal-enerġija mit-28 ta’ Novembru 2019 11 . Fil-Konklużjonijiet tiegħu, il-Kunsill stieden lill-Kummissjoni biex tanalizza u tevalwa l-għażliet possibbli bil-ħsieb li tippubblika fi żmien dovut proposta għar-reviżjoni tad-Direttiva dwar it-Tassazzjoni fuq l-Enerġija; u talab lill-Kummissjoni biex tagħti attenzjoni partikolari lill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva, ir-rati minimi u t-tnaqqis u l-eżenzjonijiet speċifiċi tat-taxxa.

    Taħt dawn iċ-ċirkostanzi, filwaqt li jidher xieraq li l-awtorizzazzjoni mitluba għandha tingħata għall-perjodu mitlub, il-validità tad-deroga għandha tkun soġġetta għad-dħul fl-applikazzjoni ta’ dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-kwistjoni, f’mument qabel tintemm l-2025.

    Barra minn hekk, l-awtoritajiet Ġermaniżi enfasizzaw li hemm bżonn ta’ miżuri addizzjonali (bħal qtugħ ta’ komponenti oħra tal-elettriku, prezz tas-servizz ta’ kuljum, investimenti f’faċilitajiet tal-elettriku mill-art u miżuri regolatorji) sabiex jitjiebu l-kundizzjonijiet ta’ qafas għall-użu tal-elettriku mill-art fil-portijiet.

    Regoli dwar l-għajnuna mill-Istat

    Ir-rata ta’ taxxa mnaqqsa ta’ EUR 0,50 għal kull MWh prevista mill-awtoritajiet Ġermaniżi hija ugwali għal-livell minimu ta’ tassazzjoni tal-UE għal elettriku għall-użu kummerċjali skont l-Artikolu 10 tad-Direttiva 2003/96/KE. L-awtoritajiet Ġermaniżi jargumentaw li l-iskema tqieset bħala xierqa skont l-Artikolu 25 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) 800/2008 12 (verżjoni qadima tar-Regolament għal Eżenzjoni Ġenerali Sħiħa, jew GBER). Kif indikat fit-talba, l-iskema eżistenti ġiet innotifikata lill-Kummissjoni fil-11 ta’ Novembru 2014 skont l-Artikolu 25 tal-GBER (verżjoni antika) imsemmi. Din id-dispożizzjoni attwalment hija sostitwita bl-Artikolu 44 tar-Regolament tal-Kummissjoni 651/2014/UE 13 , li jistipula l-kundizzjonijiet li bihom l-għajnuna fil-forma ta’ tnaqqis fit-taxxi ambjentali skont id-Direttiva 2003/96/KE tista’ tiġi eżentata mir-rekwiżiti ta’ notifika ta’ għajnuna mill-Istat. Din il-proposta hija mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe valutazzjoni tal-miżura mill-Kummissjoni skont ir-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat. Barra minn hekk, il-proposta għal deċiżjoni ta’ implimentazzjoni tal-Kunsill ma tippreġudikax l-obbligu tal-Istat Membru li jiżgura l-konformità mar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat, inkluż ir-Regolament tal-Kummissjoni 651/2014/UE.

    Konsistenza ma’ politiki oħrajn tal-Unjoni

    Il-politika dwar l-ambjent u dwar it-tibdil fil-klima

    Il-miżura mitluba tikkonċerna l-aktar il-politika ambjentali u tat-tibdil fil-klima tal-UE. Sa fejn tgħin biex jonqos il-ħruq tal-fjuwils abbord il-bastimenti fil-portijiet, il-miżura fil-fatt se tagħti kontribut għall-objettiv li titjieb il-kwalità tal-arja lokali u jitnaqqas l-istorbju. Id-Direttiva 2008/50/KE dwar il-Kwalità tal-Arja Ambjentjali 14 tirrikjedi li l-Istati Membri jiżguraw li l-livelli ta’ ħafna mis-sustanzi li jniġġsu l-arja jinżammu taħt il-valuri ta’ limitu, il-valuri fil-mira u standards oħra tal-kwalità tal-arja stabbiliti fid-Direttiva. Dan l-obbligu jirrikjedi li l-Istati Membri jsibu soluzzjonijiet għal problemi bħall-emissjonijiet mill-bastimenti rmiġġati fil-portijiet fejn ikun rilevanti u huwa probabbli li fil-portijiet li għandhom dawn il-problemi, l-użu tal-elettriku mill-art se jkun imħeġġeġ aktar bħala element wieħed mill-istrateġija globali għall-kwalità tal-arja. L-użu tal-elettriku mill-art huwa mħeġġeġ ukoll skont id-Direttiva (UE) 2016/802 15 li tirregola l-kontenut ta’ kubrit fil-fjuwils tal-baħar.

    Il-miżura jaf twassal ukoll għal tnaqqis tal-emissjonijiet tas-CO2 sal-punt li t-taħlita tal-elettriku mill-grilja fuq l-art, tuża inqas karbonju mill-elettriku ġġenerat abbord permezz tal-ħruq tal-fjuwils tal-bastimenti, minħabba li s-sistema hija iktar effiċjenti u jintużaw fjuwils differenti. L-awtoritajiet Ġermaniżi enfasizzaw li, filwaqt li l-iffrankar attwali tal-emissjonijiet tas-CO2 jiddependi fuq il-kwalità tal-elettriku użat, fit-taħlita tal-elettriku Ġermaniża, l-iffrankar stmat ikun ta’ madwar 30 %, u dan il-proporzjoni mistenni jikber fil-ġejjieni. Barra minn hekk, l-awtoritajiet Ġermaniżi jistennew li l-emissjonijiet lokali ta’ sustanzi li jniġġsu l-arja (NOx, SOx, PM10, PM2.5) mill-ġenerazzjoni tal-elettriku abbord jistgħu jitnaqqsu bis-sħiħ bl-użu tal-elettriku mill-art; l-emissjonijiet ta’ storbju jistgħu jitnaqqsu wkoll b’mod sinifikanti.

    Skont l-awtoritajiet Ġermaniżi, il-magni tal-bastimenti jiġġeneraw bejn wieħed u ieħor l-emissjonijiet li ġejjin għall-ġenerazzjoni tal-elettriku għal kull kWh, li għalhekk jistgħu jitnaqqsu b’kull kWh ta’ elettriku mill-art:

    Tip ta' bastiment

    g

    CO2/kWh

    g

    NOx/kWh

    g

    SOx/kWh

    g

    PM/kWh

    Bastiment tal-kontejners

    640

    12,0

    0,39

    0,19

    Tanker tal-gass/taż-żejt/tal-kimiċi

    704

    12,5

    0,43

    0,18

    Bastiment tat-tagħbija xotta bl-ingrossa

    699

    13,0

    0,43

    0,18

    Bastiment konvenzjonali b’diversi għanijiet

    692

    14,1

    0,42

    0,18

    Bastiment tal-kruċiera

    679

    12,0

    0,41

    0,18

    Bastiment marittimu ieħor

    737

    0,45

    0,18

    Bastiment tal-passaġġi fuq l-ilma interni

    721

    8,1

    0,04

    0,15

    Vettura interna tal-port

    726

    0,04

    0,15

    ll-politika dwar l-enerġija

    Il-miżura hija konformi mad-Direttiva 2014/94/UE dwar l-installazzjoni ta' infrastruttura tal-fjuwils alternattivi 16 , li tindirizza l-kwistjoni tal-installazzjoni ta’ faċilitajiet tal-provvista tal-elettriku mill-art f’portijiet fejn hemm domanda għal tali faċilitajiet u l-kostijiet ma jkunux sproporzjonati meta mqabbla mal-benefiċċji, inklużi l-benefiċċji ambjentali. Din ġiet rikonoxxuta wkoll bħala objettiv ta’ interess komuni biex l-għajnuna mill-Istat tingħata skont l-Artikolu 107(1) tat-TFUE 17 .

    Ta’ min ifakkar hawnhekk li raġuni importanti għall-pożizzjoni kompetittiva mhux favorevoli tal-elettriku mill-art tinsab fil-fatt li l-alternattiva, jiġifieri l-elettriku prodott abbord il-bastimenti waqt li jkunu f’portijiet marittimi, attwalment tgawdi minn eżenzjoni mit-taxxa netta sħiħa: mhux talli l-karburant tal-bastimenti li jinħaraq biex jiġġenera l-elettriku huwa eżentat mit-tassazzjoni, u dan jikkorrispondi mas-sitwazzjoni normali skont l-Artikolu 14(1)(a) tad-Direttiva 2003/96/KE, iżda wkoll l-elettriku nnifsu prodott abbord il-bastimenti huwa eżentat (ara l-Artikolu 14(1)(c) tad-Direttiva 2003/96/KE). Minkejja li l-eżenzjoni tal-aħħar tista’ bħala tali titqies diffiċli biex tiġi rrikonċiljata mal-objettivi ambjentali tal-Unjoni, din tirrifletti kunsiderazzjonijiet ta’ fattibbiltà. Fil-fatt, it-tassazzjoni fuq l-elettriku ġġenerat abbord tkun teħtieġ dikjarazzjoni mingħand sid il-bastiment - ħafna drabi stabbilita f’pajjiż terz - jew mingħand l-operatur fir-rigward tal-ammont ta’ elettriku kkunsmat. Id-dikjarazzjoni trid tiddetermina wkoll il-porzjon tal-elettriku kkunsmat fl-ibħra territorjali tal-Istat Membru fejn tkun dovuta t-taxxa. Dan joħloq piż amministrattiv enormi għas-sidien tal-bastimenti jekk ikollhom jagħmlu tali dikjarazzjonijiet għall-ibħra territorjali ta’ kull Stat Membru kkonċernat. Kunsiderazzjonijiet analogi japplikaw għan-navigazzjoni interna u t-trattament fakultattiv tat-taxxa skont l-Artikolu 15(1)(f) tad-Direttiva (implimentata mill-Ġermanja). F’dawn iċ-ċirkustanzi, jista’ jiġi ġġustifikat li ma tiġix ippenalizzata l-alternattiva tal-elettriku mill-art li tniġġes inqas, billi l-Ġermanja titħalla tapplika rata mnaqqsa ta’ tassazzjoni.

    Il-politika tat-trasport

    Il-miżura hija konformi mar-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2006/339/KE dwar il-promozzjoni ta' l-elettriku mill-art għall-użu mill-bastimenti sorġuti fil-portijiet tal-Komunità 18 u mal-għanijiet Strateġiċi u r-rakkomandazzjonijiet għall-politika tat-trasport marittimu tal-UE fil-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni 19 .

    Is-suq intern u l-kompetizzjoni ġusta

    Mill-perspettiva tas-suq intern u l-kompetizzjoni ġusta, il-miżura sempliċiment tnaqqas id-distorsjoni li teżisti fit-taxxa bejn żewġ sorsi tal-elettriku f’kompetizzjoni bejniethom għall-bastimenti rmiġġati, jiġifieri l-ġenerazzjoni abbord u l-elettriku mill-art, ikkawżata mill-eżenzjoni tat-taxxa għall-karburanti tal-bastimenti.

    Rigward il-kompetizzjoni bejn l-operaturi tal-bastimenti, wieħed irid l-ewwel nett isemmi li fil-preżent hemm għadd żgħir ħafna ta’ bastimenti li jużaw l-elettriku mill-art fuq bażi kummerċjali. Għaldaqstant id-distorsjonijiet sinifikanti fil-kompetizzjoni jistgħu biss jinħolqu bejn bastimenti li jgawdu mill-miżura mitluba billi jaqilbu għall-elettriku mill-art filwaqt li oħrajn jibqgħu jużaw il-ġenerazzjoni abbord. Minkejja li l-projezzjonijiet tal-kost preċiżi jiddependu ħafna minn kif jiżviluppa l-prezz taż-żejt u għalhekk huma diffiċli ħafna, l-aħħar evidenza disponibbli tindika (f’konformità mad-data pprovduta mill-Ġermanja) li kollox ma’ kollox anke eżenzjoni sħiħa mit-taxxa, f’ħafna każijiet ma tnaqqasx il-kostijiet operattivi tal-elettriku mill-art b’mod li jiġu inqas mill-kostijiet tal-ġenerazzjoni abbord 20 u għalhekk, fi kwalunkwe każ, ma tirrappreżentax benefiċċju kompetittiv sinifikanti għall-operaturi tal-bastimenti li jużaw l-elettriku mill-art meta mqabbla ma’ dawk li jużaw il-ġenerazzjoni abbord. Fil-każ preżenti, distorsjoni sinifikanti tat-tip imsemmi hawn fuq tista’ tkun mistennija billi l-Ġermanja se tirrispetta l-livell minimu ta’ tassazzjoni preskritt bid-Direttiva 2003/96/KE għall-elettriku għall-użu kummerċjali.

    Barra minn hekk, kif diġà ssemma', il-Ġermanja tippermetti li l-benefiċċju fuq it-taxxa jiġi pprovdut kemm bħala rata tat-taxxa mnaqqsa imposta fil-provvista (huwa meħtieġ permess) kif ukoll bħala rifużjoni tat-taxxa. Fil-każ tal-applikazzjoni tat-tnaqqis fil-provvista, il-fornitur tal-elettriku jista’ ma jgħaddix jew jista’ jgħaddi biss parti mill-benefiċċju fuq it-taxxa lill-konsumatur finali, jiġifieri lill-operatur tal-bastiment. Madankollu, skont l-awtoritajiet Ġermaniżi, il-benefiċċju fuq it-taxxa normalment jiġi mgħoddi. Iżda anki f’każijiet fejn it-tnaqqis tat-taxxa jiħi mgħoddi kollu kemm hu lill-operaturi tal-bastimenti li jirċievu elettriku mill-art intaxxat fil-livell minimu previst fid-Direttiva 2003/96/KE, fil-fatt huma ma jiksbu l-ebda vantaġġ ekonomiku fuq operaturi li jiġġeneraw l-elettriku tagħhom stess abbord billi dan l-elettriku huwa eżentat mit-tassazzjoni. Skont l-awtoritajiet Ġermaniżi, is-sostituzzjoni tal-ġenerazzjoni proprja abbord b’elettriku mill-art intaxxat fil-livell minimu applikabbli, ma twassalx għal vantaġġ kumplessiv fuq il-kost.

    Barra minn hekk, aċċess għall-elettriku mill-art se jkun disponibbli għall-bastimenti kkonċernati, indipendentament mill-bandiera li jtajru u bla ma jwasslu għal trattament tat-taxxa ta’ operaturi ekonomiċi nazzjonali aktar vantaġġat meta mqabbel ma’ dak ta’ kompetituri oħra fl-Istati Membri tal-UE.

    Rigward il-kompetizzjoni bejn il-portijiet, huwa mistenni li kwalunkwe impatt potenzjali li jista’ jirriżulta fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri jekk il-bastimenti jbiddlu r-rotot tagħhom minħabba l-possibbiltà ta’ konsum ta’ elettriku mill-art b’rata ta’ taxxa mnaqqsa, jiġi kkunsidrat negliġibbli. F’sitwazzjoni fejn, kif iddikjarat hawn fuq, l-użu tal-elettriku mill-art mhuwiex probabbli, tal-inqas f’terminu ta’ żmien qasir, li jsir iktar ekonomiku mill-ġenerazzjoni abbord minkejja t-tnaqqis fit-taxxa, dan it-tnaqqis fit-taxxa għall-elettriku mill-art, barra minn hekk, mhuwiex probabbli li joħloq distorsjoni sinifikanti fil-kompetizzjoni bejn il-portijiet billi jġiegħel lill-bastimenti jbiddlu l-itinerarju tagħhom skont id-disponibbiltà ta’ din l-alternattiva. L-awtoritajiet Ġermaniżi jargumentaw li fatturi oħra (bħad-destinazzjoni tal-merkanzija jew tal-passiġġieri jew fatturi ekonomiċi oħra) għandhom rwol fl-għażla tal-portijiet, sabiex is-sempliċi disponibbiltà tal-elettriku mill-art ma tidhirx li hija deċiżiva.

    Barra minn hekk, l-awtoritajiet Ġermaniżi jenfasizzaw li l-użu tal-elettriku mill-art huwa ristrett ukoll minħabba n-nuqqas ta’ standards tekniċi miftiehma fuq livell internazzjonali għall-konnessjoni tal-bastimenti mal-grilja tal-elettriku u, f’xi każijiet, in-nuqqas ta’ kapaċità tal-provvista tal-elettriku mill-art.

    Il-perjodu ta’ żmien li għalih qed jiġi propost li tittawwal l-awtorizzazzjoni biex tiġi applikata rata ta’ taxxa mnaqqsa, sakemm ma jkunx hemm bidliet sinifikanti fil-qafas u fis-sitwazzjoni attwali, jagħmilha improbabbli li l-analiżi mwettqa fil-paragrafi preċedenti tinbidel qabel id-data tal-iskadenza tal-miżura.

    2.BAŻI ĠURIDIKA, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ

    Bażi ġuridika

    L-Artikolu 19 tad-Direttiva tal-Kunsill 2003/96/KE.

    Sussidjarjetà (għal kompetenza mhux esklużiva)

    Il-qasam tat-tassazzjoni indiretta kopert mill-Artikolu 113 tat-TFUE fih innifsu ma jaqax taħt il-kompetenza esklużiva tal-Unjoni Ewropea skont it-tifsira tal-Artikolu 3 tat-TFUE.

    Madankollu, b’konformità mal-Artikolu 19 tad-Direttiva 2003/96/KE, il-Kunsill ingħata kompetenza esklussiva, bħala kwistjoni ta’ liġi sekondarja, biex jawtorizza lil Stat Membru biex jintroduċi iżjed eżenzjonijiet jew tnaqqis skont it-tifsira ta’ din id-dispożizzjoni. Għalhekk l-Istati Membri ma jistgħux jieħdu post il-Kunsill. B’riżultat ta’ dan, il-prinċipju ta’ sussidjarjetà mhuwiex applikabbli għal din id-deċiżjoni ta’ implimentazzjoni. Fi kwalunkwe każ, peress li dan l-att mhuwiex abbozz ta’ att leġiżlattiv, ma għandux jiġi trażmess lill-Parlamenti nazzjonali skont il-Protokoll Nru 2 tat-Trattati għal reviżjoni ta’ konformità mal-prinċipju ta’ sussidjarjetà.

    Proporzjonalità

    Il-proposta tirrispetta l-prinċipju tal-proporzjonalità. It-tnaqqis fit-taxxa ma jaqbiżx dak li hu meħtieġ biex jinkiseb l-objettiv inkwistjoni.

    L-għażla tal-istrument

    L-istrument propost huwa deċiżjoni ta’ implimentazzjoni tal-Kunsill. L-Artikolu 19 tad-Direttiva 2003/96/KE għandu dispożizzjoni għal din it-tip ta’ miżura biss.

    3.RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

    Evalwazzjonijiet ex post/kontrolli tal-idoneità tal-leġiżlazzjoni eżistenti

    Il-miżura ma teħtieġx l-evalwazzjoni tal-leġiżlazzjoni eżistenti.

    Konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati

    Din il-proposta hija bbażata fuq talba magħmula mill-Ġermanja u tikkonċerna biss lil dan l-Istat Membru.

    Ġbir u użu ta’ għarfien espert

    Ma kienx hemm bżonn ta’ għarfien espert estern.

    Valutazzjoni tal-impatt

    Din il-proposta tikkonċerna awtorizzazzjoni għal Stat Membru individwali fuq talba tiegħu stess u ma teħtieġx valutazzjoni tal-impatt.

    Madankollu, kif imsemmi qabel, l-informazzjoni pprovduta mill-Ġermanja tissuġġerixxi li l-miżura se jkollha impatt limitat fuq id-dħul mit-taxxa, u r-rata tat-taxxa għal elettriku mill-art xorta se tibqa’ ogħla mil-livell minimu ta’ tassazzjoni stabbilit fid-Direttiva 2003/96/KE. Il-Ġermanja qed tistenna li l-miżura se jkollha impatt pożittiv fl-ilħuq tal-għanijiet ambjentali tagħha u b’mod partikolari għat-titjib tal-kwalità tal-arja lokali u t-tnaqqis tal-istorbju fl-ibliet portwali.

    F’aktar dettall, bħala stima tan-nefqa tat-taxxa mill-miżura, skont l-awtoritajiet Ġermaniżi, huwa mistenni li jkun hemm telf ta’ EUR 2 miljun fis-sena għas-snin li ġejjin.

    Fl-istess ħin, il-benefiċċji ambjentali jistgħu jkunu sinifikanti. L-awtoritajiet Ġermaniżi enfasizzaw li, filwaqt li l-iffrankar attwali tal-emissjonijiet tas-CO2 jiddependi fuq il-kwalità tal-elettriku użat, fit-taħlita tal-elettriku Ġermaniża, l-iffrankar stmat ikun ta’ madwar 30 %, u dan il-proporzjoni mistenni jikber fil-ġejjieni. Barra minn hekk, l-awtoritajiet Ġermaniżi jistennew li l-emissjonijiet lokali ta’ sustanzi li jniġġsu l-arja (NOx, SOx, PM10, PM2.5) mill-ġenerazzjoni tal-elettriku abbord jistgħu jitnaqqsu bis-sħiħ bl-użu tal-elettriku mill-art; l-emissjonijiet ta’ storbju jistgħu jitnaqqsu wkoll b’mod sinifikanti.

    Idoneità regolatorja u simplifikazzjoni

    Il-miżura ma tipprevedix simplifikazzjoni. Dan hu riżultat tat-talba li għamlet il-Ġermanja u tikkonċerna biss lil dan l-Istat Membru.

    Id-drittijiet fundamentali

    Il-miżura ma tħalli l-ebda impatt fuq id-drittijiet fundamentali.

    4.IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI

    Il-miżura ma timponi ebda piż finanzjarju jew amministrattiv fuq l-Unjoni. Għalhekk, il-proposta ma għandha l-ebda impatt fuq il-baġit tal-Unjoni.

    5.ELEMENTI OĦRAJN

    Pjanijiet għall-implimentazzjoni u l-arranġamenti ta’ monitoraġġ, ta’ evalwazzjoni u ta’ rapportar

    Ma hemm bżonn tal-ebda pjan ta’ implimentazzjoni. Din il-proposta tikkonċerna awtorizzazzjoni għal tnaqqis fit-taxxa mogħtija lil Stat Membru individwali fuq talba tiegħu stess. Din hija pprovduta għal perjodu limitat sal-31 ta’ Diċembru 2025. Ir-rata tat-taxxa li se tapplika se tkun ugwali għal-livell minimu ta’ tassazzjoni stabbilit mid-Direttiva dwar it-Tassazzjoni fuq l-Enerġija. Il-miżura tista’ tiġi evalwata f’każ li jintalab tiġdid wara li l-perjodu ta’ validità jkun skada.

    Dokumenti ta’ spjegazzjoni (għad-direttivi)

    Il-proposta ma għandhiex bżonn ta’ dokumenti ta’ spjegazzjoni dwar it-traspożizzjoni.

    Spjegazzjoni dettaljata tad-dispożizzjonijiet speċifiċi tal-proposta

    L-Artikolu 1 jistipula li l-Ġermanja se titħalla tapplika rata mnaqqsa ta’ tassazzjoni fuq l-elettriku pprovdut direttament lill-bastimenti, minbarra dgħajjes għall-użu privat jew għad-divertiment, irmiġġati fil-portijiet Ġermaniżi (“elettriku mill-art”). Ir-rata tat-taxxa ma għandhiex tkun inqas minn EUR 0,50 għal kull MWh, jiġifieri l-livell minimu ta’ tassazzjoni għall-elettriku għall-użu kummerċjali kif stipulat fid-Direttiva. Mhux se jkun possibbli li jiġi fornut elettriku b’rata mnaqqsa għad-dgħajjes għall-użu privat jew għad-divertiment, kif iddefinit fl-Artikolu 14(1)(c) it-tieni subparagrafu tad-Direttiva 2003/96/KE.

    L-Artikolu 2 jistipula li l-awtorizzazzjoni mitluba tingħata b’effett mis-17 ta’ Lulju 2020, b’kontinwità mad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill 2014/722/UE attwali, sal-31 ta’ Diċembru 2025, fi ħdan il-perjodu massimu ta’ 6 snin permess mid-Direttiva, kif mitlub mill-Ġermanja.

    2020/0207 (NLE)

    Proposta għal

    DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL

    li tawtorizza lill-Ġermanja tapplika rata mnaqqsa ta’ tassazzjoni fuq l-elettriku pprovdut direttament lil bastimenti rmiġġati f’port f’konformità mal-Artikolu 19 tad-Direttiva 2003/96/KE

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2003/96/KE tas-27 ta’ Ottubru 2003 li tirriforma l-istruttura tal-Komunità dwar tassazzjoni fuq prodotti ta’ enerġija u elettriku 21 , u b’mod partikolari l-Artikolu 19 tagħha,

    Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

    Billi:

    (1)Bid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill 2014/722/UE 22 il-Ġermanja ġiet awtorizzata tapplika rata mnaqqsa ta’ tassazzjoni fuq l-elettriku pprovdut direttament lil bastimenti rmiġġati f’port (“elettriku mill-art”) f’konformità mal-Artikolu 19 tad-Direttiva 2003/96/KE sas-16 ta’ Lulju 2020.

    (2)Permezz ta’ ittra datata d-29 ta’ Jannar 2020, il-Ġermanja talbet l-awtorizzazzjoni biex tkompli tapplika rata mnaqqsa ta’ tassazzjoni għall-elettriku mill-art skont l-Artikolu 19 tad-Direttiva 2003/96/KE.

    (3)Bir-rata tat-taxxa mnaqqsa li beħsiebha tapplika, il-Ġermanja għandha l-għan li tkompli tippromwovi l-użu tal-elettriku mill-art. L-użu ta’ tali elettriku huwa meqjus bħala mezz li jagħmel inqas ħsara lill-ambjent biex jissodisfa l-ħtiġijiet tal-elettriku tal-bastimenti li jkunu rmiġġati fil-portijiet, meta mqabbel mal-ħruq tal-fjuwils tal-bastimenti minn dawn il-bastimenti.

    (4)Sa fejn l-użu tal-elettriku mill-art jevita l-emissjonijiet ta’ sustanzi li jniġġsu l-arja li joriġinaw mill-ħruq tal-fjuwils tal-bastimenti, dan jagħti kontribut għal titjib tal-kwalità tal-arja lokali fl-ibliet portwali u għat-tnaqqis fl-istorbju. Skont il-kundizzjonijiet speċifiċi tal-istruttura tal-ġenerazzjoni tal-elettriku fil-Ġermanja, l-użu tal-elettriku mill-art minflok l-elettriku ġġenerat permezz tal-ħruq tal-fjuwils tal-bastimenti b’mod partikolari huwa mistenni li jnaqqas l-emissjonijiet tas-CO2, sustanzi oħra li jniġġsu l-arja u l-istorbju. Għalhekk, il-miżura hija mistennija li tikkontribwixxi għall-objettivi tal-politika tal-Unjoni dwar l-ambjent, dwar is-saħħa u dwar il-klima.

    (5)Il-permess li ngħatat il-Ġermanja biex tapplika rata mnaqqsa ta' taxxa fuq l-elettriku mix-xatt ma jmurx lil hinn minn dak li hu meħtieġ sabiex jiżdied l-użu tat-tali elettriku, peress li fil-maġġoranza tal-każijiet, il-ġenerazzjoni abbord se tibqa' l-alternattiva aktar kompetittiva. Għall-istess raġuni, u minħabba li l-penetrazzjoni attwali tat-teknoloġija fis-suq hija relattivament baxxa, il-miżura mhijiex probabbli li twassal għal distorsjonijiet sinifikanti fil-kompetizzjoni matul il-ħajja tagħha u għalhekk mhux se jkollha effett negattiv fuq il-funzjonament xieraq tas-suq intern.

    (6)B’konformità mal-Artikolu 19(2) tad-Direttiva 2003/96/KE, kull awtorizzazzjoni mogħtija taħt dan l-Artikolu teħtieġ li jkollha żmien strettament limitat. Sabiex jiġi żgurat li l-perjodu ta’ awtorizzazzjoni jkun twil biżżejjed sabiex l-operaturi ekonomiċi rilevanti ma jiġux skoraġġuti milli jagħmlu l-investimenti meħtieġa, huwa xieraq li l-awtorizzazzjoni tingħata sal-31 ta’ Diċembru 2025. Madankollu, l-awtorizzazzjoni għandha tieqaf tapplika mid-data tal-applikazzjoni ta’ kwalunkwe dispożizzjoni ġenerali dwar il-benefiċċji fuq it-taxxa għall-elettriku mill-art adottata mill-Kunsill skont l-Artikolu 113 jew kwalunkwe dispożizzjoni rilevanti oħra tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, jekk tali dispożizzjonijiet isiru applikabbli qabel il-31 ta’ Diċembru 2025.

    (7)Sabiex tingħata ċertezza legali lill-operaturi tal-portijiet u tal-bastimenti u sabiex tiġi evitata żieda potenzjali fil-piż amministrattiv għad-distributuri u għar-ridistributuri tal-elettriku, li tista’ tirriżulta minn bidliet fir-rata ta’ taxxa tas-sisa fuq l-elettriku mill-art, għandu jiġi żgurat li l-Ġermanja tkun tista’ tapplika r-rata mnaqqsa ta’ tassazzjoni għall-elettriku mill-art mingħajr interruzzjoni. L-awtorizzazzjoni mitluba għandha għalhekk tingħata b’effett mis-17 ta’ Lulju 2020, sabiex l-arranġamenti preċedenti skont id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill 2014/722/UE jkomplu mingħajr interruzzjoni.

    (8)Din id-Deċiżjoni hija mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni tar-regoli tal-Unjoni dwar l-għajnuna mill-Istat,

    ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    Il-Ġermanja hija awtorizzata tapplika rata ta’ tassazzjoni mnaqqsa fuq l-elettriku pprovdut direttament lil bastimenti, ħlief dgħajjes għall-użu privat jew għad-divertiment, irmiġġati fil-portijiet (“elettriku mill-art”), diment li jkunu rispettati l-livelli minimi ta’ tassazzjoni msemmija fl-Artikolu 10 tad-Direttiva 2003/96/KE.

    Artikolu 2

    Din id-Deċiżjoni għandha tapplika mis-17 ta’ Lulju 2020 sal-31 ta’ Diċembru 2025.

    Madankollu, jekk il-Kunsill, filwaqt li jaġixxi fuq il-bażi tal-Artikolu 113 jew kwalunkwe dispożizzjoni oħra rilevanti tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-UnjonI Ewropea, jipprevedi regoli ġenerali dwar il-benefiċċji fuq it-taxxa għall-elettriku mill-art, din id-Deċiżjoni għandha tieqaf tapplika fil-jum li fih isiru applikabbli dawn ir-regoli ġenerali.

    Artikolu 3

    Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja.

    Magħmul fi Brussell,

       Għall-Kunsill

       Il-President

    (1)    ĠU L 283, 31.10.2003, p. 51–70.
    (2)    ĠU L 300, 18.10.2014, p. 55–56.
    (3)    ĠU L 191, 22.07.2011, p. 22.
    (4)    It-terminu “dgħajjes għall-użu privat jew għad-divertiment” huwa definit fl-Artikolu 14(1)(c) it-tieni subparagrafu tad-Direttiva 2003/96/KE.
    (5)    Identifikati fit-talba bħala l-bastimenti, id-dgħajjes u t-tagħmir li jżomm f’wiċċ l-ilma kollu mħaddmin b’magna koperti mill-Kapitolu 89 tan-Nomenklatura Magħquda.
    (6)    Kif speċifikat fil-liġi nazzjonali, il-miżura ma għandhiex tapplika għall-elettriku mill-art ipprovdut lill-bastimenti li jinġarru bl-ilma matul iż-żjara tagħhom f’tarzna.
    (7)    Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 800/2008 tas-6 ta’ Awwissu 2008 li jiddikjara ċerti kategoriji ta’ għajnuna bħala kompatibbli mas-suq komuni (Regolament għal Eżenzjoni Ġenerali Sħiħa) skont l-Artikoli 87 u 88 tat-Trattat, ĠU L 214, 9.8.2008, p. 3–47.
    (8)    Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 651/2014 tas-17 ta’ Ġunju 2014 li jiddikjara li ċerti kategoriji ta’ għajnuna huma kompatibbli mas-suq intern skont l-Artikoli 107 u 108 tat-Trattat (ĠU L 187, 26.6.2014, p. 1–78).
    (9)    Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2006/339/KE tat-8 ta’ Mejju 2006 dwar il-promozzjoni tal-elettriku mill-art għall-użu mill-bastimenti sorġuti fil-portijiet tal-Komunità (ĠU L 125, 12.5.2006).
    (10)    SWD(2019) 329 final.
    (11)    Konklużjonijiet tal-Kunsill tat-28 ta’ Novembru 2019 14608/19, FISC 458. 
    (12)    Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 800/2008 tas-6 ta’ Awwissu 2008 li jiddikjara ċerti kategoriji ta’ għajnuna bħala kompatibbli mas-suq komuni (Regolament għal Eżenzjoni Ġenerali Sħiħa) skont l-Artikoli 87 u 88 tat-Trattat, ĠU L 214, 9.8.2008, p. 3–47.
    (13)    Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 651/2014 tas-17 ta’ Ġunju 2014 li jiddikjara li ċerti kategoriji ta’ għajnuna huma kompatibbli mas-suq intern skont l-Artikoli 107 u 108 tat-Trattat (ĠU L 187, 26.6.2014, p. 1).
    (14)    Id-Direttiva 2008/50/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Mejju 2008 dwar il-kwalità tal-arja fl-ambjent u arja iktar nadifa għall-Ewropa (ĠU L 152, 11.6.2008, p. 1).
    (15)    Id-Direttiva (UE) 2016/802 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Mejju 2016 dwar tnaqqis tal-kontenut tal-kubrit f’ċerti karburanti likwidi (ĠU L 132, 21.5.2016, p. 58–78).
    (16)    Id-Direttiva 2014/94/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Ottubru 2014 dwar l-installazzjoni ta’ infrastruttura tal-karburanti alternattivi (ĠU L 307, 28.10.2014, pp. 1–20).
    (17)    C(2014) 2231 final tad-9 ta’ April 2014 (Għajnuna mill-Istat SA.37322 (2013/N) – Il-Ġermanja, Provvista tal-enerġija alternattiva għall-basimenti tal-kruċiera fil-Port tal-Belt ta’ Hamburg (Altona – HafenCity).
    (18)    Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2006/339/KE tat-8 ta’ Mejju 2006 dwar il-promozzjoni tal-elettriku mill-art għall-użu mill-bastimenti sorġuti fil-portijiet tal-Komunità (ĠU L 125, 12.5.2006).
    (19)    Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni – L-iskopijiet strateġiċi u r-rakkomandazzjonijiet għall-politika tat-trasport marittimu tal-UE sal-2018, COM(2009) 8 final tal-21 ta’ Jannar 2009.
    (20)    Ara European Commission Directorate General Environment, Service Contract Ship Emissions: (Direttorat Ġenerali tal-Kummissjoni Ewropea għall-Ambjent, "Emissjonijiet ta’ Bastimenti f’Kuntratt ta’ Servizz: Assignment, Abatement and Market-based Instruments, Task 2a – Shore-Side Electricity, August 2005, (Assenjament, Tnaqqis u Strumenti bbażati fuq is-Suq, Kompitu 2a – Elettriku mill-Art, Awwissu 2005 http://ec.europa.eu/environment/air/pdf/task2_shoreside.pdf . L-analiżi tal-kostijiet saret għat-tliet portijiet ta’ Gothenburg (l-Iżvezja), Juneau u Long Beach (l-Istati Uniti tal-Amerika).
    (21)    ĠU L 283, 31.10.2003, p. 51.
    (22)    Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill 2014/722/UE tal-14 ta’ Ottubru 2014 li tawtorizza lill-Ġermanja tapplika rata mnaqqsa ta’ taxxa fuq l-elettriku pprovdut direttament lil bastimenti rmiġġati f’port f’konformità mal-Artikolu 19 tad-Direttiva 2003/96/KE (ĠU L 300, 18.10.2014, p. 55).
    Top