IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 7.8.2020
COM(2020) 362 final
2020/0167(NLE)
Proposta għal
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL
dwar is-sottomissjoni, f’isem l-Unjoni Ewropea, ta’ proposti biex jiġi emendat l-Anness IV tal-Konvenzjoni ta’ Basilea dwar il-Kontroll tal-Movimenti li Jaqsmu l-Fruntieri tal-Iskart ta’ Riskju u d-Disponiment Minnhom fid-dawl tal-15-il laqgħa tal-Konferenza tal-Partijiet, u dwar il-pożizzjoni tal-Unjoni Ewropea dwar proposti minn Partijiet oħra biex jiġu emendati l-Anness IV u Annessi oħra
MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI
1.SUĠĠETT TAL-PROPOSTA
Din il-proposta tikkonċerna deċiżjoni tal-Kunsill dwar is-sottomissjoni, f’isem l-Unjoni Ewropea, ta’ proposti biex jiġi emendat l-Anness IV tal-Konvenzjoni ta’ Basilea fid-dawl tal-15-il laqgħa tal-Konferenza tal-Partijiet tal-Konvenzjoni ta’ Basilea dwar il-Kontroll tal-Movimenti li Jaqsmu l-Fruntieri tal-Iskart ta’ Riskju u d-Disponiment Minnhom (CoP-15). Il-Konferenza tal-Partijiet hija skedata għad-19 sat-30 ta’ Lulju 2021. Din il-proposta tkopri wkoll il-pożizzjoni tal-Unjoni fin-negozjati dwar emendi possibbli tal-annessi rilevanti proposti minn Partijiet oħra.
2.KUNTEST TAL-PROPOSTA
2.1.Il-Konvenzjoni ta’ Basilea dwar il-Kontroll tal-Movimenti li Jaqsmu l-Fruntieri tal-Iskart ta’ Riskju u d-Disponiment Minnhom
Il-Konvenzjoni ta’ Basilea dwar il-Kontroll tal-Movimenti li Jaqsmu l-Fruntieri tal-Iskart ta’ Riskju u d-Disponiment Minnhom (“il-Konvenzjoni”) ġiet adottata fit-22 ta’ Marzu 1989 u daħlet fis-seħħ fl-1992. L-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha huma Partijiet fil-Konvenzjoni. Il-Konvenzjoni issa torbot lil 187 Parti.
Ir-rekwiżiti tal-Konvenzjoni japplikaw għall-iskart perikoluż iddefinit fl-Artikolu 1 u elenkat fl-Anness VIII tal-Konvenzjoni, u għal skart ieħor elenkat fl-Anness II li jinkludi l-iskart miġbur mill-unitajiet domestiċi, ir-residwi li jirriżultaw mill-inċinerazzjoni tal-iskart domestiku u, mill-1 ta’ Jannar 2021, xi tipi ta’ skart tal-plastik. Il-Konvenzjoni telenka wkoll l-entrati tal-iskart fl-Anness IX li mhumiex soġġetti għar-rekwiżiti tal-Konvenzjoni dment li dan l-iskart ma jkunx fih materjal li jappartjeni għal kategorija fl-Anness I sa tali punt li jikkawzah juri karatteristika perikoluża msemmija fl-Anness III. L-iskart elettriku u elettroniku li huwa perikoluż huwa elenkat fl-Anness VIII (l-entrata A1180), u jekk mhuwiex perikoluż fl-Anness IX (l-entrata B1110). L-Anness II ma fih l-ebda entrata għall-iskart elettriku u elettroniku.
L-Anness IV tal-Konvenzjoni jelenka u jispeċifika l-operazzjonijiet ta’ mmaniġġjar tal-iskart li jitqiesu bħala “rimi” skont id-definizzjoni ta’ dan it-terminu fl-Artikolu 2(4) tal-Konvenzjoni. Fil-Konvenzjoni, it-terminu “rimi” jkopri kemm l-operazzjonijiet tar-rimi finali bħar-rimi fil-landfills u l-inċinerazzjoni (elenkati fl-Anness IVA), kif ukoll l-operazzjonijiet ta’ rkupru bħar-riċiklaġġ u operazzjonijiet oħra ta’ rkupru (elenkati fl-Anness IVB).
L-importanza tal-elenkar fl-Anness IV hija li s-sustanzi jew l-oġġetti li jintremew jew li huma intenzjonati għar-rimi jew li jeħtieġ jintremew biss jitqiesu bħala “skart” kif iddefinit fl-Artikolu 2(1) tal-Konvenzjoni, u “rimi” tfisser kwalunkwe operazzjoni speċifikata fl-Anness IV. Għalhekk ir-rekwiżiti tal-Konvenzjoni japplikaw biss għall-operazzjonijiet ta’ rimi elenkati fl-Anness IV. Għalhekk jenħtieġ li dan l-Anness ikopri l-operazzjonijiet kollha ta’ mmaniġġjar tal-iskart li jseħħu jew li jistgħu jseħħu fil-prattika, irrispettivament minn jekk dawn jitwettqux f’konformità mad-dritt nazzjonali jew internazzjonali jew minn jekk jitqisux bħala ambjentalment korretti jew le. Jekk dan ma jkunx il-każ, dan joħloq lakuni fir-rigward tar-rekwiżiti tal-Konvenzjoni.
Ir-rekwiżiti prinċipali tal-Konvenzjoni huma dawn li ġejjin:
·projbizzjoni fuq l-esportazzjoni tal-iskart li huwa elenkat bħala perikoluż fl-Anness VIII minn pajjiżi tal-OECD lejn pajjiżi mhux tal-OECD, u
·sistema ta’ kontroll (il-“proċedura PIC”) għall-esportazzjoni, l-importazzjoni u t-tranżitu ta’ skart elenkat bħala skart li jeħtieġ kunsiderazzjoni speċjali fl-Anness II jew inkella bħala skart perikoluż fl-Anness VIII iżda li mhuwiex soġġett għall-projbizzjoni fuq l-esportazzjoni msemmija hawn fuq. Il-proċedura PIC tfisser li l-esportazzjonijiet għandhom jiġu nnotifikati minn qabel lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati tal-importazzjoni u tat-tranżitu. In-notifika għandha ssir mill-Istat esportatur li jista’ jitlob ukoll lill-ġeneraturi jew lill-esportaturi jagħmlu dawn in-notifiki permezz tal-awtorità kompetenti tiegħu. In-notifiki għandhom isiru bil-miktub u għandhom jinkludu d-dikjarazzjonijiet u l-informazzjoni speċifikati fl-Anness V A tal-Konvenzjoni. L-esportazzjoni tal-iskart tista’ ssir biss jekk u meta l-Istati kollha kkonċernati jkunu taw il-kunsens tagħhom bil-miktub (l-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni).
2.2.Il-Konferenza tal-Partijiet
Il-Konferenza tal-Partijiet fil-Konvenzjoni ta’ Basilea hija l-korp deċiżjonali prinċipali tal-Konvenzjoni. Hija għandha s-setgħa temenda l-Annessi tal-Konvenzjoni u tiltaqa’ kull sentejn.
Ir-rieżami tal-Annessi I, III u IV u tal-aspetti relatati tal-Anness IX tal-Konvenzjoni nbeda mit-12-il laqgħa tal-Konferenza tal-Partijiet (CoP-12) bid-deċiżjoni BC-12/1 tagħha.
It-13-il laqgħa tal-Konferenza tal-Partijiet (CoP-13) iddeċidiet li tistabbilixxi grupp ta’ ħidma ta’ esperti (EWG) għar-rieżami tal-Annessi msemmijin hawn fuq, li huwa magħmul minn 50 membru nnominati mill-Partijiet abbażi ta’ rappreżentanza ġeografika ekwa tal-ħames gruppi reġjonali tan-Nazzjonijiet Uniti. Il-parteċipanti mill-UE u mill-Istati Membri tagħha fl-EWG huma l-Kummissjoni, l-Estonja, il-Ġermanja, in-Netherlands u l-Polonja. Is-sottomissjonijiet bil-miktub u l-kontributi orali ġew ikkoordinati fil-Grupp ta’ Ħidma tal-Kunsill dwar Kwistjonijiet Ambjentali Internazzjonali (WPIEI). Is-CoP-13 qablet li jenħtieġ li l-EWG jagħti iktar prijorità lill-ħidma fuq l-Anness IV u fuq l-aspetti relatati tal-Anness IX. Matul l-2017 sal-2019, l-UE u l-Istati Membri tagħha ssottomettew proposti preliminari għal emendi tal-Anness IV lis-Segretarjat tal-Konvenzjoni u lill-EWG.
Matul l-14-il laqgħa tal-Konferenza tal-Partijiet (CoP-14), il-mandat tal-EWG ġie estiż permezz tad-deċiżjoni BC-14/16 tagħha, biex jirrieżamina wkoll iż-żewġ entrati eżistenti għall-iskart elettriku u elettroniku, jiġifieri l-entrata B1110 fl-Anness IX u l-entrata korrispondenti A1180 fl-Anness VIII, kif ukoll l-implikazzjonijiet konsegwenzjali tar-rieżami tal-Annessi I, III u IV għall-Annessi l-oħra tal-Konvenzjoni u għad-deċiżjonijiet rilevanti tal-Konferenza tal-Partijiet. Bid-deċiżjoni BC-14/16 tagħha, is-CoP-14 talbet lill-EWG jkompli bil-ħidma tiegħu kif ġej: il-proposti għall-emendi tal-Annessi IV, VIII (A1180) u IX (B1110) jiġu nnegozjati u possibbilment adottati fil-15-il laqgħa tal-Konferenza tal-Partijiet (CoP-15).
L-EWG ħareġ għadd ta’ rakkomandazzjonijiet u possibbiltajiet għall-Partijiet biex iqisu jekk jixtiqux jissottomettu proposti għas-COP-15. L-iskadenza stabbilita mis-Segretarjat tal-Konvenzjoni ta’ Basilea għas-sottomissjoni tal-proposti għall-emendi tal-Annessi tal-Konvenzjoni tagħlaq fl-4 ta’ Diċembru 2020, u tqis il-posponiment tal-Konferenza tal-Partijiet minn Mejju sa Lulju tal-2021.
L-għan tal-proposti huwa li jiġu emendati u ċċarati d-deskrizzjonijiet tal-operazzjonijiet ta’ rimi elenkati fl-Anness IV tal-Konvenzjoni. Jekk il-proposti jiġu adottati, dawn iwasslu għal iktar ċarezza ġuridika u għalhekk jiffaċilitaw il-kontrolli tal-vjeġġi tal-iskart u l-prevenzjoni tal-vjeġġi illegali. Huma se jappoġġaw ukoll l-immaniġġjar ambjentalment korrett tal-iskart fil-livell globali u jikkontribwixxu għat-tranżizzjoni lejn ekonomija ċirkolari globali.
Bejn l-2017 u l-2019, l-UE u l-Istati Membri tagħha ressqu proposti preliminari dwar il-lista tal-operazzjonijiet ta’ rimi mogħtija fl-Anness IV lis-Segretarjat tal-Konvenzjoni u lill-EWG. Dawn il-proposti ġew diskussi ma’ Partijiet oħra li jipparteċipaw fl-EWG. Fl-EWG ġew diskussi wkoll rakkomandazzjonijiet dwar il-klassifikazzjonijiet tal-iskart elettriku u elettroniku fl-Annessi VIII u IX.
Jekk ikun hemm qbil dwar xi emendi fis-CoP-15, dawn ikollhom jiġu implimentati fid-Direttiva Qafas tal-UE dwar l-iskart, jiġifieri d-Direttiva 2008/98/KE (il-lista ta’ operazzjonijiet ta’ mmaniġġjar tal-iskart li tikkorrispondi għall-Anness IV tal-Konvenzjoni) u fir-Regolament (KE) Nru 1013/2006 tal-UE dwar vjeġġi tal-iskart (l-entrati speċifiċi għall-iskart elettriku u elettroniku li jikkorrispondu għall-Annessi VIII u IX tal-Konvenzjoni).
2.3.L-att previst
Il-proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill tipproponi dan li ġej:
li jiġi emendat l-Anness IV tal-Konvenzjoni fir-rigward tal-introduzzjoni ġenerali, tas-sottotitoli deskrittivi u tat-test introduttorju tiegħu biex ikun hemm distinzjoni bejn it-termini “rimi finali” u “rkupru” u biex dawn jiġu spjegati, u biex jiġi ċċarat li huma koperti l-operazzjonijiet kollha ta’ mmaniġġjar tal-iskart;
li jiġu aġġornati u ċċarati d-deskrizzjonijiet tal-operazzjonijiet ta’ mmaniġġjar tal-iskart fl-Anness IV u li jiġi żgurat li l-operazzjonijiet kollha, inklużi l-operazzjonijiet interim, jiġu koperti mir-rekwiżiti tal-Konvenzjoni.
Fil-prinċipju, din il-proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill tkopri wkoll il-pożizzjoni tal-Unjoni fin-negozjati jekk Partijiet oħra jipproponu emendi addizzjonali tal-Annessi rilevanti, soġġett għal koordinazzjoni fuq il-post. Dawn il-proposti jistgħu jikkonċernaw il-lista ta’ operazzjonijiet ta’ mmaniġġjar tal-iskart fl-Anness IV u l-entrati għall-iskart elettriku u elettroniku li attwalment jinsabu fl-Annessi VIII u IX, u jistgħu jiġu inklużi wkoll fl-Anness II tal-Konvenzjoni.
Il-modifiki tal-Annessi tal-Konvenzjoni se jkollhom jiġu implimentati permezz ta’ emendi tad-Direttiva 2008/98/KE u tar-Regolament (KE) Nru 1013/2006. Id-Direttiva 2008/98/KE tinkludi l-lista ta’ operazzjonijiet ta’ mmaniġġjar tal-iskart li tikkorrispondi għall-Anness IV tal-Konvenzjoni u r-Regolament (KE) Nru 1013/2006 jinkludi l-entrati speċifiċi għall-iskart elettriku u elettroniku li jikkorrispondu għall-Annessi VIII u IX tal-Konvenzjoni.
Il-bidliet għall-operaturi u għall-awtoritajiet fir-rigward tal-esportazzjonijiet mill-UE se jkunu jiddependu fuq it-tipi ta’ bidliet li jista’ jintlaħaq qbil dwarhom (b’mod partikolari liema Annessi fl-aħħar mill-aħħar jiġu emendati), fuq it-tip ta’ skart u fuq il-pajjiżi destinatarji.
L-emendi tal-Anness IV tal-Konvenzjoni mhux se jkollhom konsegwenzi diretti għall-esportazzjonijiet jew għal vjeġġi oħra tal-iskart, iżda se jiċċaraw id-deskrizzjoni tal-operazzjonijiet ta’ mmaniġġjar tal-iskart li għandhom jitwettqu wara li jkun ġie ttrasportat l-iskart. Dan se jiffaċilita x-xogħol tal-awtoritajiet meta dawn iwettqu l-kontrolli fuq il-vjeġġi tal-iskart u se jgħinhom japplikaw ir-rekwiżiti tal-Konvenzjoni bil-ħsieb li jevitaw il-vjeġġi illegali. Dan se jappoġġa wkoll l-immaniġġjar ambjentalment korrett tal-iskart fil-livell globali u jikkontribwixxi għat-tranżizzjoni lejn ekonomija ċirkolari globali.
Sa fejn kategoriji addizzjonali ta’ skart elettriku u elettroniku huma inklużi fl-Anness II jew VIII tal-Konvenzjoni, u sa fejn l-Anness V tar-Regolament (KE) Nru 1013/2006 jiġi emendat kif meħtieġ, l-esportazzjonijiet ta’ dan l-iskart mill-UE lejn pajjiżi mhux tal-OECD jkun ipprojbit skont l-Artikolu 36 tar-Regolament (KE) Nru 1013/2006. Fil-prinċipju, l-esportazzjonijiet ta’ dan l-iskart fl-OECD jkollhom isegwu l-proċedura PIC. L-implimentazzjoni ta’ dawn l-emendi tal-Konvenzjoni fir-Regolament (KE) Nru 1013/2006 twassal ukoll biex il-vjeġġi tal-iskart fl-UE li jkunu għadhom kemm ġew inklużi fl-Annessi II jew VIII tal-Konvenzjoni ta’ Basilea jkunu soġġetti għall-proċedura ta’ notifika, f’konformità mal-Artikolu 3(1)(b)(i) tar-Regolament (KE) Nru 1013/2006.
Il-proċedura biex jiġu emendati l-Annessi tal-Konvenzjoni hija rregolata mill-Artikoli 17 u 18 tal-Konvenzjoni. B’mod aktar partikolari, kwalunkwe emenda proposta trid issir minn Parti u tintbagħat mis-Segretarjat lill-Partijiet kollha mill-inqas sitt xhur qabel il-laqgħa tal-Konferenza tal-Partijiet. Barra minn hekk, kwalunkwe emenda bħal din trid tiġi adottata f’laqgħa tal-Konferenza tal-Partijiet. L-att previst se jkun jorbot lill-Partijiet f’konformità mal-Artikolu 18(2)(c) tal-Konvenzjoni, li jgħid hekk: “Mat-tmiem ta’ sitt xhur mid-data taċ-ċirkolazzjoni tal-komunikazzjoni mid-Depożitarju, l-Anness għandu jsir effettiv għall-Partijiet kollha ta’ din il-Konvenzjoni jew ta’ kull Protokoll ikkonċernat, li ma jkunux bagħtu notifika skont id-dispożizzjoni tas-subparagrafu (b)”.
3.POŻIZZJONI LI GĦANDHA TITTIEĦED F’ISEM L-UNJONI
Jenħtieġ li l-Unjoni tibgħat proposti rigward l-Anness IV tal-Konvenzjoni:
·biex l-Anness IV jiġi emendat biex ikun fih introduzzjoni ġenerali li tkun tiddistingwi b’mod ċar it-termini “rimi finali” u “rkupru” u biex jiġi ċċarat li l-operazzjonijiet kollha ta’ mmaniġġjar tal-iskart li jseħħu jew li jistgħu jseħħu fil-prattika huma koperti, irrispettivament mill-istatus ġuridiku tagħhom u minn jekk dawn jitqisux bħala ambjentalment korretti jew le, u li huma koperti wkoll l-operazzjonijiet li jseħħu qabel is-sottomissjoni għal operazzjonijiet oħra (“l-operazzjonijiet interim”);
·biex l-Anness IV jiġi emendat biex ikun jinkludi sottotitoli deskrittivi u testi introduttorji li jispjegaw it-tifsira tal-operazzjonijiet mhux ta’ rkupru (l-Anness IVA) u tal-operazzjonijiet ta’ rkupru (l-Anness IVB); u
·biex l-Anness IV jiġi emendat f’dak li għandu x’jaqsam mal-operazzjonijiet eżistenti u mal-introduzzjoni ta’ operazzjonijiet ġodda fih, fost l-oħrajn bil-għan li jiġu aġġornati u ċċarati d-deskrizzjonijiet tal-operazzjonijiet f’konformità mal-iżviluppi xjentifiċi u tekniċi u ma’ żviluppi oħrajn li kien hemm mindu ġiet adottata l-Konvenzjoni fl-1989 ’l hawn, u li jiġi żgurat, permezz tal-introduzzjoni ta’ dispożizzjonijiet komprensivi, li l-operazzjonijiet kollha li ma jissemmewx b’mod speċifiku jkunu koperti mir-rekwiżiti tal-Konvenzjoni.
Il-proposti ta’ hawn fuq għandhom l-objettivi li ġejjin:
·li jiżguraw li l-mekkaniżmi ta’ kontroll ix-xierqa tal-Konvenzjoni jkunu japplikaw bis-sħiħ u li għalhekk, jekk jiġu adottati, itejbu l-kontrolli tal-vjeġġi tal-iskart u jiffaċilitaw il-prevenzjoni tal-vjeġġi illegali;
·li jtejbu ċ-ċarezza ġuridika u fehim u interpretazzjoni komuni tal-operazzjonijiet ta’ mmaniġġjar tal-iskart mill-Partijiet; u
·li jappoġġaw l-immaniġġjar ambjentalment korrett tal-iskart f’livell globali u jikkontribwixxu għat-tranżizzjoni lejn ekonomija ċirkolari globali.
Jekk Partijiet oħra jipproponu emendi tal-Annessi rilevanti li jkunu jistgħu jilħqu l-istess objettivi bħal dawk tal-proposta tal-Unjoni, fil-prinċipju l-Unjoni tkun tista’ tappoġġa t-tali proposti. Dan jista’ jikkonċerna l-lista tal-operazzjonijiet mogħtija fl-Anness IV u l-entrati għall-iskart elettriku u elettroniku li bħalissa jinsabu fl-Anness VIII (A1180) u fl-Anness IX (B1110), u jista’ jikkonċerna wkoll entrati ġodda proposti għall-iskart elettriku u elettroniku fl-Anness II (il-kategoriji tal-iskart li jridu jingħataw attenzjoni speċjali). Il-proposti dwar il-klassifikazzjoni tal-iskart elettriku u elettroniku fl-Anness II u fl-Anness VIII jistgħu jiżguraw li jintlaħqu l-objettivi ta’ hawn fuq b’rabta ma’ wieħed mill-flussi tal-iskart li jikkawża l-iktar tħassib serju għall-ambjent u għas-saħħa, u li għandu wkoll wieħed mill-ogħla potenzjali biex jikkontribwixxi għall-ekonomija ċirkolari.
Id-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni jiġu implimentati fl-Unjoni permezz tad-Direttiva 2008/98/KE dwar l-iskart, li fl-Annessi I u II tagħha tinkludi l-listi tal-operazzjonijiet ta’ mmaniġġjar tal-iskart li jikkorrispondu għall-Anness IV tal-Konvenzjoni ta’ Basilea, u permezz tar-Regolament (KE) Nru 1013/2006, li jirregola l-esportazzjonijiet mill-Unjoni u l-importazzjonijiet lejha kif ukoll il-vjeġġi bejn l-Istati Membri (fl-Artikolu 1 tiegħu). Id-Direttiva u r-Regolament japplikaw ukoll fiż-Żona Ekonomika Ewropea (“iż-ŻEE”).
Meta jiġu adottati emendi tal-Annessi II u VIII tal-Konvenzjoni, dawn ikollhom jiġu implimentati fid-dritt tal-Unjoni u, b’mod iktar speċifiku, fid-Direttiva 2008/98/KE u fir-Regolament (KE) Nru 1013/2006. Il-modifiki fir-Regolament (KE) Nru 1013/2006 jistgħu jfissru li l-vjeġġi fl-UE u fiż-ŻEE ta’ kategoriji ġodda ta’ skart imsemmija fl-Anness II jiġu soġġetti għal miżuri ta’ kontroll ġodda u għal projbizzjoni fuq l-esportazzjoni lejn pajjiżi mhux tal-OECD għal dan l-iskart. Filwaqt li din is-sitwazzjoni tkun mixtieqa għar-raġunijiet imsemmija hawn fuq fir-rigward tal-esportazzjonijiet mill-UE, hija jista’ jkollha effetti mhux mixtieqa u problematiċi fuq il-vjeġġi fl-UE u fiż-ŻEE tal-iskart maħsub għar-riċiklaġġ, minħabba li dawn se jiġu soġġetti għal proċeduri ġodda ta’ notifika. Dawn il-vjeġġi diġà huma soġġetti għal rekwiżiti tal-ħarsien ambjentali fil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar l-iskart, u l-introduzzjoni ta’ proċeduri amministrattivi ġodda tista’ tikkomplika iktar ir-riċiklaġġ fl-UE u tagħmlu iktar għali, filwaqt li ġġib biss benefiċċji limitati mil-lat ambjentali.
Sabiex tinżamm is-sitwazzjoni attwali fl-Unjoni u fiż-ŻEE, jiġifieri mingħajr is-sistema ta’ kontroll tal-Konvenzjoni, ikun jeħtieġ li jiġu nnotifikati d-dispożizzjonijiet ikkonċernati lis-Segretarjat tal-Konvenzjoni skont l-Artikolu 11 tal-Konvenzjoni u li jittieħdu l-passi meħtieġa skont id-Deċiżjoni tal-OECD. L-Artikolu 11 tal-Konvenzjoni jippermetti lill-Partijiet jagħmlu ftehimiet jew arranġamenti bilaterali, multilaterali jew reġjonali bejniethom dwar il-movimenti transfruntiera tal-iskart, dment li l-ftehimiet jew l-arranġamenti jkunu kompatibbli mal-immaniġġjar ambjentalment korrett tal-iskart kif titlob il-Konvenzjoni. Il-ftehimiet jew l-arranġamenti għandhom jistipulaw dispożizzjonijiet li ma jkunux inqas ambjentalment korretti minn dawk li tipprevedi l-Konvenzjoni u għandhom iqisu b’mod partikolari l-interessi tal-pajjiżi fil-fażi tal-iżvilupp. Saru notifiki skont l-Artikolu 11 pereżempju dwar id-Deċiżjoni tal-OECD.
B’hekk din il-proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill tipprevedi li, f’konformità mal-Artikolu 11 tal-Konvenzjoni, l-Unjoni tinnotifika d-dispożizzjonijiet applikati għall-vjeġġi tal-iskart tal-kategoriji l-ġodda fl-Unjoni u fiż-ŻEE, sa fejn dawn id-dispożizzjonijiet ikunu jvarjaw mill-att previst, u filwaqt li tispeċifika li d-dispożizzjonijiet tagħna huma bbażati fuq sistema ta’ mmaniġġjar ambjentalment korrett li hija kompatibbli mal-Konvenzjoni. Jeħtieġ jittieħdu wkoll passi biex is-Segretarjat tal-OECD jiġi mgħarraf bis-sitwazzjoni msemmija hawn fuq minħabba r-rabtiet bejn l-emendi tal-Annessi tal-Konvenzjoni u d-Deċiżjoni tal-OECD imsemmija hawn fuq.
4.BAŻI ĠURIDIKA
4.1.Bażi ġuridika proċedurali
4.1.1.Prinċipji
L-Artikolu 218(9) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) jipprevedi deċiżjonijiet li jistabbilixxu “l-pożizzjonijiet li għandhom jiġu adottati f’isem l-Unjoni f’sede stabbilita fi ftehim, meta dik is-sede tintalab tadotta atti li jkollhom effetti legali, sakemm dawn ma jkunux atti li jissupplimentaw jew jemendaw il-qafas istituzzjonali tal-ftehim.”
4.1.2.Applikazzjoni għal dan il-każ
Il-Konferenza tal-Partijiet fil-Konvenzjoni ta’ Basilea hija korp stabbilit mill-Konvenzjoni.
L-att li l-Konferenza tal-Partijiet qed tintalab tadotta huwa att li għandu effetti legali. L-att previst se jkun vinkolanti skont id-dritt internazzjonali f’konformità mal-Artikolu 18 tal-Konvenzjoni. Dan se jaffettwa l-kamp ta’ applikazzjoni u l-kontenut tal-leġiżlazzjoni tal-UE, jiġifieri d-Direttiva 2008/98/KE u r-Regolament (KE) Nru 1013/2006. Id-Direttiva u r-Regolament jimplimentaw il-Konvenzjoni, fost l-oħrajn billi jistabbilixxu l-lista ta’ operazzjonijiet ta’ mmaniġġjar tal-iskart u l-proċeduri għall-esportazzjoni mill-Unjoni u għall-importazzjoni lejha, kif ukoll għall-vjeġġi bejn l-Istati Membri. Id-Direttiva u r-Regolament japplikaw ukoll fiż-ŻEE. Meta l-Annessi tal-Konvenzjoni jkunu ġew emendati, ikun jeħtieġ li dawn l-emendi jiġu implimentati fid-Direttiva u fir-Regolament imsemmija hawn fuq, ħlief għad-dispożizzjonijiet dwar il-vjeġġi tal-iskart fl-UE.
L-att previst la jissupplimenta u lanqas jemenda l-qafas istituzzjonali tal-Konvenzjoni.
Għalhekk, il-bażi ġuridika proċedurali għad-deċiżjoni proposta hija l-Artikolu 218(9) tat-TFUE.
4.2.Bażi ġuridika sostantiva
4.2.1.Prinċipji
Il-bażi ġuridika sostantiva għal deċiżjoni skont l-Artikolu 218(9) tat-TFUE tiddependi primarjament fuq l-għan u fuq il-kontenut tal-att previst li fir-rigward tiegħu tittieħed pożizzjoni f’isem l-Unjoni. Jekk l-att previst ikollu żewġ għanijiet jew ikollu żewġ komponenti, u jekk wieħed minn dawk l-għanijiet jew minn dawk il-komponenti jkun jista’ jiġi identifikat bħala dak ewlieni, filwaqt li l-ieħor ikun sempliċement wieħed inċidentali, id-deċiżjoni skont l-Artikolu 218(9) tat-TFUE trid tissejjes fuq bażi ġuridika sostantiva unika, jiġifieri dik meħtieġa mill-għan jew mill-komponent ewlieni jew predominanti.
4.2.2.Applikazzjoni għal dan il-każ
L-objettiv ewlieni u l-kontenut tal-att previst għandhom x’jaqsmu mal-ħarsien ambjentali.
Għalhekk, il-bażi ġuridika sostantiva għad-deċiżjoni proposta hija l-Artikolu 192(1) tat-TFUE.
4.3.Konklużjoni
Jenħtieġ li l-bażi ġuridika tad-deċiżjoni proposta tkun l-Artikolu 192(1) tat-TFUE, flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu.
2020/0167 (NLE)
Proposta għal
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL
dwar is-sottomissjoni, f’isem l-Unjoni Ewropea, ta’ proposti biex jiġi emendat l-Anness IV tal-Konvenzjoni ta’ Basilea dwar il-Kontroll tal-Movimenti li Jaqsmu l-Fruntieri tal-Iskart ta’ Riskju u d-Disponiment Minnhom fid-dawl tal-15-il laqgħa tal-Konferenza tal-Partijiet, u dwar il-pożizzjoni tal-Unjoni Ewropea dwar proposti minn Partijiet oħra biex jiġu emendati l-Anness IV u Annessi oħra
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 192(1), flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,
Billi:
(1)Il-Konvenzjoni ta’ Basilea dwar il-Kontroll tal-Movimenti li Jaqsmu l-Fruntieri tal-Iskart ta’ Riskju u d-Disponiment Minnhom (“il-Konvenzjoni”) daħlet fis-seħħ fl-1992 u ġiet konkluża mill-Unjoni permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 93/98/KEE.
(2)Ir-Regolament (KE) Nru 1013/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill jimplimenta l-Konvenzjoni fl-Unjoni. Id-Direttiva 2008/98/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Novembru 2008 dwar l-iskart tinkludi l-lista tal-operazzjonijiet ta’ mmaniġġjar tal-iskart inklużi fl-Anness IV tal-Konvenzjoni.
(3)Skont l-Artikolu 15(5)(b) tal-Konvenzjoni, il-Konferenza tal-Partijiet għandha tqis u tadotta, kif meħtieġ, l-emendi tal-Konvenzjoni u tal-Annessi tagħha. L-emendi tal-Konvenzjoni għandhom jiġu adottati waqt laqgħa tal-Konferenza tal-Partijiet.
(4)Abbażi ta’ proposta skont l-Artikoli 17 sa 18 tal-Konvenzjoni sottomessa mill-Unjoni jew minn kwalunkwe Parti oħra fil-Konvenzjoni, matul il-15-il laqgħa tagħha f’Lulju tal-2021, il-Konferenza tal-Partijiet tista’ tqis emendi tal-Annessi II, IV, VIII u IX tal-Konvenzjoni.
(5)Jenħtieġ li l-Unjoni tissottometti proposti biex l-Anness IV tal-Konvenzjoni jiġi emendat sabiex ikun jinkludi introduzzjoni ġenerali li tiddistingwi b’mod ċar it-termini “rimi finali” u “rkupru” u biex ikun jiċċara li l-operazzjonijiet kollha ta’ mmaniġġjar tal-iskart li jseħħu jew li jistgħu jseħħu fil-prattika huma koperti irrispettivament mill-istatus ġuridiku tagħhom u minn jekk jitqisux bħala ambjentalment korretti jew le, u li huma koperti wkoll l-operazzjonijiet li jseħħu qabel is-sottomissjoni għal operazzjonijiet oħra (“l-operazzjonijiet interim”); biex jiġu inklużi sottotitoli deskrittivi u testi introduttorji li jispjegaw it-tifsira tal-operazzjonijiet ta’ rimi finali (l-Anness IVA) u tal-operazzjonijiet ta’ rkupru (l-Anness IVB); u biex jiġu aġġornati u ċċarati d-deskrizzjonijiet tal-operazzjonijiet f’konformità mal-iżviluppi xjentifiċi u tekniċi u ma’ żviluppi oħrajn li kien hemm mindu ġiet adottata l-Konvenzjoni fl-1989 ’l hawn, u biex jiġi żgurat, permezz tal-introduzzjoni ta’ dispożizzjonijiet komprensivi, li l-operazzjonijiet kollha li ma jissemmewx b’mod speċifiku jkunu koperti mir-rekwiżiti tal-Konvenzjoni.
(6)Id-deskrizzjonijiet tal-operazzjonijiet ta’ mmaniġġjar tal-iskart inklużi fl-Anness IV huma ġenerali u jistgħu jibbenefikaw minn aktar ċarezza. Għalhekk, jenħtieġ li l-Unjoni tappoġġa l-iżvilupp ta’ avviżi ta’ spjegazzjoni jew ta’ gwida min-naħa tal-Konferenza tal-Partijiet biex jiġi ċċarat aktar il-kontenut ta’ dawn l-operazzjonijiet. Jenħtieġ li dawn l-avviżi jew din il-gwida jipprovdu spjegazzjonijiet u eżempji tal-operazzjonijiet koperti, u li dawn ma jiġux inklużi fit-test tal-Konvenzjoni.
(7)Il-proposti ta’ hawn fuq għandhom l-objettivi li jiżguraw li l-mekkaniżmi ta’ kontroll ix-xierqa tal-Konvenzjoni jkunu japplikaw bis-sħiħ u għalhekk, jekk jiġu adottati, itejbu l-kontrolli tal-vjeġġi tal-iskart; jiffaċilitaw il-prevenzjoni tal-vjeġġi illegali; itejbu ċ-ċarezza ġuridika u jistabbilixxu fehim u interpretazzjoni komuni tal-operazzjonijiet ta’ mmaniġġjar tal-iskart mill-Partijiet; u jappoġġaw l-immaniġġjar ambjentalment korrett tal-iskart f’livell globali u jikkontribwixxu għat-tranżizzjoni lejn ekonomija ċirkolari globali.
(8)Barra minn hekk, jenħtieġ li, fil-prinċipju, l-Unjoni tappoġġa l-emendi proposti sussegwentement minn Partijiet oħra fil-Konvenzjoni li jikkonċernaw il-lista tal-operazzjonijiet ta’ mmaniġġjar tal-iskart mogħtija fl-Anness IV, l-entrati għall-iskart elettriku u elettroniku li attwalment jinsabu fl-Anness VIII (A1180) u fl-Anness IX (B1110), u l-entrati l-ġodda proposti għat-tali skart fl-Anness II (il-kategoriji tal-iskart li jridu jingħataw attenzjoni speċjali), dment li dawn ikunu jistgħu jilħqu l-istess objettivi bħal dawk tal-proposta tal-Unjoni.
(9)Huwa xieraq li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-Konferenza tal-Partijiet, billi l-att previst (modifika tal-Annessi tal-Konvenzjoni) se jkun jorbot lill-Unjoni u se jaffettwa l-kamp ta’ applikazzjoni u l-kontenut tad-dritt tal-Unjoni, jiġifieri d-Direttiva 2008/98/KE u r-Regolament (KE) Nru 1013/2006.
(10)Huwa xieraq li tinżamm is-sitwazzjoni attwali għall-vjeġġi tal-iskart elettriku u elettroniku mhux perikoluż fl-Unjoni u fiż-ŻEE, u għalhekk li ma tintużax is-sistema ta’ kontroll li tirriżulta miż-żieda possibbli ta’ entrata fl-Anness II tal-Konvenzjoni għat-tali vjeġġi. Għal dak il-għan, sa fejn ikun meħtieġ, jenħtieġ li l-Unjoni tuża l-proċeduri stipulati fid-Deċiżjoni tal-OECD u l-proċedura għad-dħul fi ftehimiet jew arranġamenti bilaterali, multilaterali jew reġjonali dwar il-moviment transfruntier ta’ skart perikoluż jew ta’ skart ieħor mal-Partijiet jew ma’ non-Partijiet, f’konformità mal-Artikolu 11 tal-Konvenzjoni, biex tiżgura li ma jiġi impost l-ebda kontroll addizzjonali fuq il-vjeġġi tal-iskart mhux perikoluż fl-Unjoni u fiż-ŻEE minħabba l-adozzjoni ta’ emendi tal-Anness II tal-Konvenzjoni,
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
1.Waqt il-15-il laqgħa tal-Konferenza tal-Partijiet fil-Konvenzjoni ta’ Basilea, l-Unjoni għandu jkollha dawn l-objettivi:
(a)li tiżgura li l-mekkaniżmi ta’ kontroll ix-xierqa tal-Konvenzjoni jkunu japplikaw bis-sħiħ, li ttejjeb il-kontrolli tal-vjeġġi tal-iskart u li tiffaċilita l-prevenzjoni tal-vjeġġi tal-iskart illegali;
(b)li ttejjeb iċ-ċarezza ġuridika u l-fehim u l-interpretazzjoni komuni mill-Partijiet tal-“operazzjonijiet ta’ rimi” koperti mill-Anness IV;
(c)li tappoġġa l-immaniġġjar ambjentalment korrett tal-iskart fil-livell globali u tikkontribwixxi għat-tranżizzjoni lejn ekonomija ċirkolari globali.
2.Fid-dawl tal-15-il laqgħa tal-Konferenza tal-Partijiet fil-Konvenzjoni ta’ Basilea, u sabiex jintlaħqu l-objettivi elenkati fil-paragrafu 1, l-Unjoni għandha tissottometti l-proposti li ġejjin:
(a)li l-Anness IV jiġi emendat biex ikun jinkludi introduzzjoni ġenerali li tkun tiddistingwi b’mod ċar it-termini “rimi finali” u “rkupru” u biex ikun jiċċara li l-operazzjonijiet kollha ta’ mmaniġġjar tal-iskart li jseħħu jew li jistgħu jseħħu fil-prattika huma koperti, irrispettivament mill-istatus ġuridiku tagħhom u minn jekk dawn jitqisux bħala ambjentalment korretti jew le, u li huma koperti wkoll l-operazzjonijiet li jseħħu qabel is-sottomissjoni għal operazzjonijiet oħra (“l-operazzjonijiet interim”);
(b)li l-Anness IV jiġi emendat biex ikun jinkludi sottotitoli deskrittivi u testi introduttorji li jispjegaw it-tifsira tal-operazzjonijiet ta’ rimi finali (l-Anness IVA) u tal-operazzjonijiet ta’ rkupru (l-Anness IVB); u
(c)li jiġu aġġornati u ċċarati d-deskrizzjonijiet tal-operazzjonijiet imsemmija fl-Anness IV f’konformità mal-iżviluppi xjentifiċi u tekniċi u ma’ żviluppi oħrajn li kien hemm mindu ġiet adottata l-Konvenzjoni fl-1989 ’l hawn, u li jiġi żgurat, permezz tal-introduzzjoni ta’ dispożizzjonijiet komprensivi fl-Anness IV, li l-operazzjonijiet kollha li ma jissemmewx b’mod speċifiku jkunu koperti mir-rekwiżiti tal-Konvenzjoni.
3.Proposta ddettaljata skont il-paragrafi (a) sa (c) ta’ hawn fuq hija mehmuża ma’ din id-Deċiżjoni. Il-Kummissjoni għandha tibgħat din il-proposta lis-Segretarjat tal-Konvenzjoni f’isem l-Unjoni.
4.L-Unjoni għandha tappoġġa l-idea li n-noti ta’ spjegazzjoni jew il-gwida jiġu żviluppati mill-Konferenza tal-Partijiet fil-Konvenzjoni biex jiġi ċċarat iktar il-kontenut tal-operazzjonijiet ta’ rimi mogħtija fl-Anness IV. Jenħtieġ li dawn in-noti ta’ spjegazzjoni jew din il-gwida ma jkunux inklużi fil-Konvenzjoni nnifisha.
Artikolu 2
L-Unjoni tista’ tappoġġa l-emendi proposti minn Partijiet oħra fil-Konvenzjoni rigward:
1.il-lista tal-operazzjonijiet ta’ mmaniġġjar tal-iskart mogħtija fl-Anness IV;
2.l-entrati għall-iskart elettriku u elettroniku li attwalment jinsabu fl-Anness VIII (A1180) u fl-Anness IX (B1110); u
3.l-entrati l-ġodda proposti għall-iskart elettriku u elettroniku fl-Anness II (il-kategoriji tal-iskart li jridu jingħataw attenzjoni speċjali),
dment li jkunu jikkontribwixxu għall-kisba tal-objettivi tal-Unjoni elenkati fl-Artikolu 1(1).
Artikolu 3
Ir-rappreżentanti tal-Unjoni jistgħu jaqblu mal-irfinar tal-pożizzjoni msemmija fl-Artikoli 1 u 2 fid-dawl ta’ żviluppi li jkun hemm waqt il-15-il laqgħa tal-Konferenza tal-Partijiet, f’konsultazzjoni mal-Istati Membri, matul laqgħat ta’ koordinazzjoni fuq il-post, mingħajr deċiżjoni ulterjuri tal-Kunsill.
Artikolu 4
F’każ li l-Annessi rilevanti tal-Konvenzjoni jiġu emendati waqt il-15-il laqgħa tal-Konferenza tal-Partijiet fil-Konvenzjoni ta’ Basilea, sa fejn ikun meħtieġ l-Unjoni għandha tieħu l-passi meħtieġa skont id-Deċiżjoni tal-OECD u l-Artikolu 11 tal-Konvenzjoni biex tiżgura li l-kontrolli attwali fuq il-vjeġġi tal-iskart mhux perikoluż fl-Unjoni u fiż-ŻEE ma jintlaqtux.
Artikolu 5
Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Kummissjoni.
Magħmul fi Brussell,
Għall-Kunsill
Il-President