EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52020PC0337

Proposta għal REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL li jemenda r-Regolament (UE) 2016/1011 fir-rigward tal-eżenzjoni ta' ċerti parametri referenzjarji tal-kambju ta' pajjiżi terzi u l-iffissar ta' parametri referenzjarji ta' sostituzzjoni minflok ċerti parametri referenzjarji li jkunu se jitwaqqfu

COM/2020/337 final

Brussell, 24.7.2020

COM(2020) 337 final

2020/0154(COD)

Proposta għal

REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

li jemenda r-Regolament (UE) 2016/1011 fir-rigward tal-eżenzjoni ta' ċerti parametri referenzjarji tal-kambju ta' pajjiżi terzi u l-iffissar ta' parametri referenzjarji ta' sostituzzjoni minflok ċerti parametri referenzjarji li jkunu se jitwaqqfu

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

{SEC(2020) 284 final} - {SWD(2020) 142 final} - {SWD(2020) 143 final}


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.KUNTEST TAL-PROPOSTA

1.1.Raġunijiet u objettivi tal-proposta

Taħt l-intestatura “Ekonomija għas-Servizz tan-Nies”, il-Programm ta’ Ħidma tal-Kummissjoni għall-2020 jipprevedi rieżami tar-regolament tagħha dwar il-parametri referenzjarji finanzjarji, ir-“Regolament dwar il-Parametri Referenzjarji” (“BMR - Benchmark Regulation”). Il-parametri referenzjarji finanzjarji huma indiċijiet li fuq referenza tagħhom jiġi ffissat l-ammont pagabbli fil-kuntest ta’ strument finanzjarju jew kuntratt finanzjarju jew il-valur ta’ strument finanzjarju. Permezz tal-iffissar ta’ standards tal-governanza u tal-kwalità tad-data għall-parametri referenzjarji li jissemmew fil-kuntratti finanzjarji, ir-Regolament dwar il-Parametri Referenzjarji għandu l-għan li jsaħħaħ il-fiduċja tal-parteċipanti fis-suq kapitali f’indiċijiet li jintużaw bħala parametri referenzjarji fl-Unjoni. Dan jikkontribwixxi għall-isforzi tal-Kummissjoni favur Unjoni tas-Swieq Kapitali (CMU - “Capital Markets Union”).

Il-BMR jintroduċi rekwiżit ta’ awtorizzazzjoni fir-rigward tal-amministraturi ta’ parametri referenzjarji finanzjarji kif ukoll rekwiżiti li l-kontributuri tad-data tal-input li tintuża jikkalkolaw il-parametru referenzjarju finanzjarju. Il-BMR jirregola wkoll l-użu ta’ parametri referenzjarji finanzjarji1. B’mod partikolari, ir-regoli dwar il-BMR jobbligaw lill-entitajiet taħt superviżjoni (bħall-banek, id-ditti tal-investiment, l-impriżi tal-assigurazzjoni, il-UCITS2) jużaw indiċijiet li l-amministratur tagħhom ikun ġie awtorizzat. Il-parametri referenzjarji amministrati f’pajjiżi terzi jistgħu jintużaw fl-UE wara proċedura ta’ ekwivalenza, rikonoxximent jew approvazzjoni biss.

Ir-Regolament dwar il-Parametri Referenzjarji ilu japplika minn Jannar 20183. Madankollu, il-parteċipanti fis-suq tal-UE jistgħu jkomplu jużaw il-parametri referenzjarji amministrati f’pajjiż barra mill-Unjoni - irrispettivament minn jekk ikunx hemm deċiżjoni ta’ ekwivalenza fis-seħħ, jew jekk l-indiċi jkunx ġie rikonoxxut jew approvat biex jintuża fl-Unjoni4 – sakemm ir-reġim ta’ tranżizzjoni jiskadi fi tmiem Diċembru 2021.

1.1.1.Il-waqfien ordnat tal-parametri referenzjarji finanzjarji

Minħabba tħassib dwar jekk il-LIBOR tirrappreżentax b’mod xieraq suq sottostanti jew realtà ekonomika li tirrefletti s-self interbankarju, l-awtorità nazzjonali kompetenti għal-LIBOR (il-Financial Conduct Authority jew “FCA” tar-Renju Unit) ħabbret il-waqfien tal-LIBOR wara tmiem l-2021. Fid-dikjarazzjonijiet pubbliċi kollha tagħha l-FCA kienet ċara li, fejn parametru referenzjarju jitlef ir-rappreżentattività u r-rappreżentattività tiegħu ma tkunx se titreġġa’ lura, l-użu tal-parametri referenzjarji mill-entitajiet taħt superviżjoni jrid jieqaf. Id-dipendenza fuq għadd żgħir ħafna ta’ banek tal-panel b’mod li l-LIBOR ma tkunx baqgħet tirrapreżenta s-suq sottostanti jew ir-realtà ekonomika li l-LIBOR tkun ippruvat tkejjel, tfisser li l-valur tagħha jiddevja b’mod sinifikanti minn dik ir-realtà ekonomika, u ssir ukoll aktar volatili.

Kif ġie ddokumentat mill-valutazzjoni tal-impatt tal-Kummissjoni, bosta strumenti u kuntratti finanzjarji li jagħmlu referenza għall-LIBOR mhux se jkunu laħqu l-maturità sad-data tal-waqfien mistennija wara tmiem l-2021. Ħafna minn dawn il-kuntratti jinvolvu dejn li jinħareġ minn entitajiet taħt superviżjoni, strumenti ta’ dejn li jinżammu fuq il-karta tal-bilanċ mill-entitajiet taħt superviżjoni, il-portafoll tas-self tal-entitajiet taħt superviżjoni u kuntratti tad-derivattivi li jkunu ġew konklużi minn dawn l-entitajiet biex jiħħeġġjaw il-pożizzjonijiet tagħhom. Kif inhu msemmi aktar ’il fuq, l-entitajiet taħt superviżjoni fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament tal-UE dwar il-Parametri Referenzjarji (“BMR”) jistgħu jużaw biss l-indiċijiet li jkunu ġew approvati bħala konformi mill-BMR.

L-għajbien tal-LIBOR se jkollha impatti ekonomiċi sinifikanti li l-entitajiet taħt superviżjoni fl-UE ma setgħux jantiċipaw meta kkonkludew dawn il-kuntratti li ta’ sikwit ikunu b’maturità itwal. Bosta minn dawn il-kuntratti, speċjalment dawk li ġew konklużi qabel l-adozzjoni tal-BMR fl-2016, ta’ sikwit ma jkunu jinkludu ebda dispożizzjoni kuntrattwali ta’ riżerva li tindirizza l-waqfien tal-użu tar-rata LIBOR b’mod permanenti. Mhux se jkun dejjem possibbli li t-termini tal-eluf ta’ kuntratti li attwalment għandhom referenzi għal-LIBOR jiġu emendati fil-perjodu qasir li għad fadal sad-data mistennija tal-waqfien tal-LIBOR fi tmiem l-2021.

Meta rata normattiva tal-imgħax, bħal-LIBOR, titwaqqaf b’mod permanenti, ħafna mill-kuntratti ta’ dejn, self, depożitu u bosta mill-kuntratti ta’ derivattivi ma jkollhomx rata ta’ riżerva li tippermetti lill-partijiet jibqgħu konformi mal-obbligi kuntrattwali tagħhom.

Jekk ma jiġi previst l-ebda rimedju, il-waqfien tar-rata normattiva tal-imgħax se jkollu konsegwenzi negattivi fuq l-entitajiet taħt superviżjoni fl-UE u għall-kontropartijiet kuntrattwali tagħhom li dawn l-entitajiet jissellfu fondi mingħandhom jew li jsellfuhom fondi. Il-kontropartijiet kollha f’kuntratti b’referenzi għal tali parametri referenzjarji li jkunu għadhom pendenti fid-data tal-waqfien se jħabbtu wiċċhom ma’ inċertezza tad-dritt biex jivvalidaw jew jinfurzaw l-obbligi kuntrattwali tagħhom. Il-firxa ta’ kuntratti li se jintlaqtu minn dan il-waqfien ta’ rata normattiva tal-imgħax użata b’mod mifrux tinkludi: (1) il-ħruġ ta’ dejn minn entitajiet taħt superviżjoni; (2) id-dejn fil-karta tal-bilanċ ta’ entitajiet taħt superviżjoni; (3) is-self; (4) id-depożiti u (5) il-kuntratti tad-derivattivi. Parti kbira tal-kuntratti finanzjarji li jagħmlu referenza għal rati normattivi tal-imgħax użati b’mod mifrux jinvolvu entitajiet taħt superviżjoni fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-BMR. L-impatt tal-inċertezza tad-dritt u l-impatt ekonomiku potenzjalment negattiv li jistgħu jirriżultaw minn diffikultajiet fl-infurzar tal-obbligi kuntrattwali se jkunu ta’ riskju għall-istabbiltà finanzjarja tal-Unjoni.

Biex ir-riskju li kuntratti ma jiġux infurzati u r-riskju konsegwenti fir-rigward tal-istabbiltà finanzjarja jiġu mitigati, il-banek ċentrali f’diversi żoni ta’ muniti ħolqu gruppi ta’ ħidma li jirrakkomandaw ir-rata ta’ riżerva li tapplika għall-istokk akkumulat ta’ kuntratti li jagħmlu referenza għal rati normattivi tal-imgħax li jkunu se jitwaqqfu u li ma jkunux jistgħu jiġu negozjati mill-ġdid sad-data tal-waqfien permanenti ta’ dan il-parametru referenzjarju. Pereżempju, il-Kumitat tar-Rata ta’ Referenza Alternattiva (ARRC - “Alternative Reference Rate Committee”) fl-Istati Uniti irrakkomanda sekwenza li tkun tinkludi kalkolu tar-rata ta’ sostituzzjoni ibbażata fuq rata mil-lum għall-għada mingħajr riskju (SOFR) flimkien ma’ aġġustament ta’ firxa biex ir-rata ta’ sostituzzjoni tkun tixbah kemm jista’ jkun possibbli lill-karatteristiċi ekonomiċi tal-parametru referenzjarju li ma jkun se jitwaqqaf. Għaldaqstant l-għan ta’ dawn ir-rati ta’ sostituzzjoni ikun li, sa fejn possibbli, jimitaw lil dak li l-partijiet kontraenti jkun biħsiebhom jiksbu permezz tar-referenzi għall-parametru referenzjarju li jkun se jitwaqqaf.

Il-fatt li l-ebda kuntratt ġdid (definit bħala kuntratt li jiġi konkluż wara l-waqfien tal-parametru referenzjarju) ma jista’ jagħmel referenza għar-rata ta’ sostituzzjoni huwa għażla politika maħsuba li tirfed ir-rakkomandazzjonijiet kollha b’rabta ma’ rata ta’ sostituzzjoni għal kuntratti ta’ legat. Dan għaliex x’aktarx ir-rata ta’ sostituzzjoni tkun verżjoni sintetika tal-parametru referenzjarju li jkun se jitwaqqaf u l-għan tagħha ikun li tissimplifika t-tranżizzjoni lejn rata ġdida. Pereżempju, rata ta’ sostituzzjoni għall-USD LIBOR x’aktarx se tiġi kkalkolata abbażi ta’ rata mil-lum għall-għada mingħajr riskju (SOFR) flimkien ma’ aġġustament tal-firxa li jirrifletti l-firxa storika bejn ir-rata mil-lum għall-għada mingħajr riskju u r-rata LIBOR sostitwita. Filwaqt li verżjoni sintetika ta’ parametru referenzjarju jenħtieġ li tkun stabbli biżżejjed biex takkumpanja l-istralċ ta’ portafolli ta’ legat, din mhijiex soluzzjoni permanenti, li jirrifletti l-kost ta’ finanzjament progressiv tal-entità taħt superviżjoni.

Madankollu, anke ladarba dawn ir-rati ta’ sostituzzjoni jsiru disponibbli, se jkun diffiċli li l-kuntratti ta’ legat eżistenti jiġu emendati kollha meta titqies l-iskala tar-referenzi LIBOR u l-perjodu qasir qabel il-LIBOR titwaqqaf għalkollox.

Għaldaqstant, ir-riforma tal-BMR hija l-aħjar għodda biex tiġi ffissata rata ta’ sostituzzjoni statutorja li timmitiga l-konsegwenzi negattivi fuq iċ-ċertezza tad-dritt u l-istabbiltà finanzjarja li jistgħu jseħħu jekk il-LIBOR, jew kwalunkwe parametru referenzjarju ieħor li l-waqfien tiegħu ikun jirriżulta fi tfixkil sinifikanti fil-funzjonament tas-swieq finanzjarji fl-Unjoni, titwaqqaf mingħajr ma tali rata ta’ sostituzzjoni tkun disponibbli jew integrata f’kuntratti ta’ legat li jkunu jinvolvu entità taħt superviżjoni fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-BMR.

1.1.2.Rati tal-kambju spot

Filwaqt li r-rati tal-kambju spot għandhom rwol kruċjali fl-ekonomija internazzjonali għal diversi muniti, il-parti l-kbira tar-rati disponibbli mhumiex irregolati u ta’ sikwit jirriflettu l-politiki monetarji tal-banek ċentrali. F’xi pajjiżi l-banek ċentrali implimentaw kontrolli li jirrestrinġu l-pubblikazzjoni ta’ rati tal-kambju spot barra mill-ġuriżdizzjoni lokali tagħhom. Minbarra li ma jippermettux il-pubblikazzjoni ta’ rati tal-kambju off-shore, ċerti pajjiżi daħħlu fis-seħħ kontrolli kapitali li jillimitaw il-konvertibbità tal-muniti tagħhom.

Billi l-muniti tagħhom mhumiex konvertibbli faċilment, id-disponibbiltà ta’ għodod ta’ ħħeġġjar ta’ muniti on-shore, bħal forwards, swaps jew opzjonijiet tal-muniti hija limitata. Id-domanda għal għodod ta’ ħħeġġjar kontra l-volatilità tal-muniti f’dan il-pajjiżi hija ferm akbar mill-likwidità baxxa li qed tiġi offruta mis-suq on-shore. Minħabba f’hekk, l-istituzzjonijiet finanzjarji Ewropej żviluppaw swieq tad-derivattivi off-shore li, minħabba r-restrizzjonijiet fuq il-konvertibbiltà li jinsabu fis-seħħ, jużaw il-munita bażi tal-entità tal-iħħeġġjar, għalkemm dan sar b’referenza għar-rati tal-kambju ppubblikati fil-mument meta jiskadi l-kuntratt ta’ ħħeġġjar. Għaldaqstant, l-iħħeġġjar kontra movimenti fil-muniti li huma soġġetti għal tali restrizzjonijiet fuq il-konvertibbiltà jsir permezz ta’ kuntratti tad-derivattivi off-shore. Dawn jinkludu strumenti finanzjarji bħal forwards tal-muniti mhux konsenjabbli u swaps mhux konsenjabbli.

Fil-każi fejn dawn il-forwards u swaps jiġu offruti minn entità taħt superviżjoni fl-UE (bank intermedjarju) 1 u jiġu nnegozjati f’ċentru tan-negozjar fl-UE jew permezz ta’ internalizzatur sistematiku ġewwa l-UE, ir-rata tal-kambju spot li tintuża biex jiġi kkalkolat il-ħlas dovut skont il-ftehim tal-forward jew tal-iswap tikkostitwixxi “użu” tar-rata tal-kambju spot li jressaq l-offerta tal-forwards u swaps min-naħa ta’ entità taħt superviżjoni fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-BMR.

Meta jintemm il-perjodu ta’ tranżizzjoni attwali stipulat fl-Artikolu 51 tal-BMR, ir-referenza għal rati tal-kambju spot f’forwards u swaps ta’ muniti nnegozjati fl-UE mhijiex se tibqa’ titħalla ssir. Dan ifisser li, fil-bidu tal-2022, l-entitajiet taħt superviżjoni fl-UE se jkunu f’riskju li jitilfu l-aċċess tagħhom għal bosta rati ta’ politika pubblika li huma amministrati barra mill-UE, fosthom rati tal-kambju spot li jagħmlu referenza għalihom f’kuntratti tad-derivattivi li joffru lill-kontropartijiet korporattivi biex jgħinuhom jimmaniġġjaw l-iħħeġġjar ta’ kuljum tar-riskju tal-munita tagħhom.

L-urġenza tal-kwistjoni hija marbuta mal-fatt li l-ebda ġuriżdizzjoni oħra, minbarra l-UE, ma tirregola r-rati tal-kambju spot. Għaldaqstant, minħabba n-nuqqas ta’ regolamentazzjoni, ir-rati tal-kambju spot ma setgħux jiġu vvalutati fir-rigward tal-ekwivalenza tagħhom skont il-BMR. Lanqas ma jistgħu jiġu rikonoxxuti jew approvati biex jintużaw fl-Unjoni skont il-BMR billi min-naħa tagħhom dawn iż-żewġ mekkaniżmi jirrikjedu xi sura ta’ regolamentazzjoni u sorveljanza. Fl-aħħar mill-aħħar, ir-rati tal-kambju spot mhumiex kandidati xierqa għall-ekwivalenza, l-approvazzjoni jew ir-rikonoxximent sa tmiem il-perjodu ta’ tranżizzjoni.

Għaldaqstant, din il-proposta tagħmel modifiki mmirati tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-BMR biex jiġi żgurat li l-kumpaniji Ewropej jibqa’ jkollhom aċċess għal għodod ta’ ħħeġġjar kontra l-volatilità tal-muniti li ma jkunux konvertibbli liberament fil-munita bażi, u dan jiżgura l-kontinwazzjoni bla xkiel tal-attivitajiet kummerċjali tagħhom f’pajjiżi barranin wara li jiskadi l-perjodu ta’ tranżizzjoni wara tmiem l-2021.

1.2.Konsistenza mad-dispożizzjonijiet eżistenti fil-qasam ta’ politika

Il-politika tas-servizzi finanzjarji tal-Unjoni Ewropea tħeġġeġ iċ-ċertezza tad-dritt u l-istabbiltà finanzjarja. L-għan tal-politika jestendi għall-kuntratti li huma essenzjali għall-finanzjament tas-settur bankarju. Bħala parti tal-pjan ta’ azzjoni tal-Unjoni tas-Swieq Kapitali, l-Unjoni taħdem biex toħloq qafas legali li jiżgura l-istabbiltà tas-self korporattiv, tal-ħruġ tad-dejn mis-settur bankarju tagħha u tat-titolizzazzjonijiet.

Fid-dawl tal-waqfien antiċipat tal-LIBOR wara tmiem l-2021, l-entitajiet taħt superviżjoni fl-Unjoni Ewropea se jħabbtu wiċċhom ma’ inċertezza tad-dritt fir-rigward ta’ mijiet ta’ eluf ta’ kuntratti finanzjarji. Biex jiġu evitati l-konsegwenzi negattivi għall-kapaċità tas-self tas-settur bankarju Ewropew, hemm il-ħtieġa li ssir kjarifika minn kmieni dwar id-disponibbiltà ta’ rata ta’ sostituzzjoni statutorja għall-użu minn entitajiet taħt superviżjoni fil-kuntratti kollha li jagħmlu referenza għal-LIBOR u li jimmaturaw wara tmiem l-2021. Għaldaqstant l-emendi ppjanati fuq il-BMR huma l-konsegwenza kemm tas-CMU kif ukoll tal-aktar inizjattivi riċenti mmirati biex jixprunaw l-irkupru mir-riperkussjoni ekonomika tal-pandemija tal-Covid 19.

1.3.Konsistenza ma’ politiki oħra tal-Unjoni

B’konformità mar-rakkomandazzjonijiet tal-Bord għall-Istabbiltà Finanzjarja, ir-riforma tal-parametri referenzjarji kritiċi, bħar-rati IBOR, hija prijorità ewlenija tal-Pjan ta’ Azzjoni Unjoni tas-Swieq Kapitali (CMU) tal-Kummissjoni. It-tħejjija għat-tneħħija gradwali u ordnata tal-parametru referenzjarju maġġuri tappoġġa wieħed mill-objettivi prinċipali stabbiliti fir-Rieżami ta’ Nofs it-Terminu tas-CMU, jiġifieri li s-self tal-banek u l-finanzjament stabbli tas-settur korporattiv jissaħħu permezz tas-swieq kapitali.

Ir-rati tas-self interbankarju huma indiċijiet importanti li jintużaw għall-ikkalkolar tal-imgħax dovut għas-self korporattiv, iżda wkoll għall-ħruġ ta’ dejn fuq terminu qasir u medju u għall-iħħeġġjar tal-pożizzjonijiet tad-dejn. Għaldaqstant, id-disponibbiltà u ċ-ċertezza tad-dritt tar-rati interbankarji taffettwa l-kapaċità tal-banek li jsellfu lill-ekonomija reali u biex iwettqu l-funzjonijiet ewlenin tagħhom.

Din il-proposta tintroduċi diversi għodod lir-regolaturi kompetenti biex jiżguraw li t-tneħħija gradwali ta’ rata interbankarja li tintuża ħafna ma taffettwax wisq il-kapaċità tas-settur bankarju li jipprovdi finanzjament lil kumpaniji fl-UE b’mod li jipperikola l-objettiv ewlieni tas-CMU. Fl-aħħar nett, il-miżuri proposti iridu jitqiesu bħala appoġġ lil “ekonomija tal-UE li taħdem għan-nies”, li hija waħda mill-ambizzjonijiet ewlenin stabbiliti fil-Programm ta’ Ħidma tal-Kummissjoni għall-2020. Is-self tal-banek lil klijenti konsumaturi huwa element importanti ta’ ekonomija li taqdi l-ħtiġijiet tan-nies. Is-self għax-xiri jagħmel referenza għar-rati IBOR, li l-movimenti tagħhom jiddeterminaw l-ammonti tar-rimborżi tas-self, li hija kunsiderazzjoni ewlenija għall-immaniġġjar tal-finanzi personali għal ħafna ċittadini. Billi tipprovdi l-għodod għal tranżizzjoni legalment soda mir-rati tal-IBOR, din l-inizjattiva tibbenefika lill-klijenti konsumaturi li jkollhom self li jagħmel referenza għal dawk ir-rati.

2.BAŻI ĠURIDIKA, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ

2.1.Bażi ġuridika

Il-bażi ġuridika għall-adozzjoni tar-Regolament dwar il-Parametri Referenzjarji BMR hija l-Artikolu 114 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE). L-adozzjoni ta’ emendi li għandhom l-għan li jsaħħu l-effiċjenza ta’ dan ir-regolament permezz tal-għoti ta’ setgħat li jiżguraw il-kontinwità tal-kuntratt fil-kuntest tal-waqfien ta’ parametru referenzjarju b’rilevanza sistematika fl-Unjoni u t-tneħħija tal-ambitu ta’ ċerti parametri referenzjarji jenħtieġ li jaqgħu wkoll taħt l-istess bażi ġuridika.

B’mod partikolari, l-Artikolu 114 tat-TFUE jikkonferixxi lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill il-kompetenza li jadottaw miżuri għall-approssimizzazzjoni tad-dispożizzjonijiet stipulati b’liġi, regolament jew azzjoni amministrattiva fl-Istati Membri li għandhom bħala l-għan tagħhom il-ħolqien u l-funzjonament tas-suq intern. L-Artikolu 114 TFUE jippermetti li l-UE mhux biss li tieħu miżuri biex telimina l-ostakli attwali għall-eżerċitar tal-libertajiet fundamentali, iżda wkoll li tipprevjeni, dejjem jekk ikunu prevedibbli biżżejjed, l-emerġenza ta’ dawn l-ostakli, fosthom dawk li jagħmluha diffiċli għall-operaturi ekonomiċi, inkluż lill-investituri, li jieħdu vantaġġ sħiħ mill-benefiċċji tas-suq intern. Għaldaqstant, l-Artikolu 114 tat-TFUE jagħti d-dritt lill-UE li taġixxi biex (1) tindirizza l-kwistjonijiet ta’ kontinwità tal-kuntratti li jinqalgħu fil-kuntest tal-waqfien probabbli ta’ parametru referenzjarju ta’ rilevanza sistematika fl-Unjoni fil-ġejjieni qarib; u (2) tiżgura li r-rati tal-kambju spot jibqgħu disponibbli biex jintużaw f’għodda ta’ ħħeġġjar maħruġa fl-Unjoni Ewropea wara li jintemm il-perjodu ta’ tranżizzjoni tal-BMR f’Diċembru 2021.

B’mod aktar speċifiku, in-nuqqas ta’ mekkaniżmi fil-BMR għall-organizzazzjoni tal-waqfien ordnat ta’ parametru referenzjarju ta’ rilevanza sistematika fl-Unjoni x’aktarx li jirriżulta għall-implimentazzjoni jew soluzzjonijiet leġiżlattivi eteroġeni mill-Istati Membri. Dan joħloq konfużjoni fost l-utenti tal-parametru referenzjarju u l-investituri finali, li tirriżulta fi tfixkil fis-suq intern, u żżommhom lura milli jgawdu bis-sħiħ mis-suq uniku. Għalhekk, l-użu tal-Artikolu 114 tat-TFUE jidher bħala l-aktar bażi ġuridika xierqa biex dawn il-problemi jiġu indirizzati b’mod komprensiv u uniformi u biex tiġi evitata l-frammentazzjoni.

B’rabta mal-aċċess ta’ utenti mill-UE għar-rata ta’ kambju spot ta’ pajjiżi terzi, din l-azzjoni għandha l-għan li tevita li ssir ħsara fuq il-kompetittività ta’ ċerti partijiet ikkonċernati tal-UE u l-effettività tas-sistema finanzjarja, fuq l-ekonomija tal-Unjoni, u fuq iċ-ċittadini u n-negozji tagħha, ħsara li sseħħ jekk dawk ir-rati jibqgħu soġġetti għall-BMR. Din l-azzjoni hija mmirata wkoll li tevita ostakli għas-suq intern li jistgħu jiġu kkawżati mill-impedimenti fuq skambji transfruntiera minħabba l-impossibbiltà li tibqa’ ssir referenza għar-rata tal-kambju spot ta’ pajjiżi terzi. Għaldaqstant l-Artikolu 114 tat-TFUE huwa l-bażi ġuridika xierqa biex jinkiseb dan l-objettiv ta’ deregolamentazzjoni koordinata.

Għalhekk, il-ħolqien ta’ mekkaniżmu tal-UE li jindirizza l-kuntratti ta’ legat u ta’ reġim ta’ eżenzjoni li jiżgura li tibqa’ ssir referenza għal rati tal-kambju spot jaqa’ fil-kompetenza tal-UE b’konformità mal-Artikolu 114 tat-TFUE.

2.2.Sussidjarjetà (għall-kompetenza mhux esklużiva)

Skont il-prinċipju tas-sussidjarjetà (Artikolu 5.3 tat-TUE), l-azzjoni fil-livell tal-UE għandha tittieħed biss meta l-għanijiet previsti ma jkunux jistgħu jintlaħqu b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri waħedhom u għaldaqstant ikunu jistgħu, minħabba d-daqs jew l-effetti tal-azzjoni proposta, jintlaħqu aħjar mill-UE. Filwaqt li ċerti parametri referenzjarji huma nazzjonali, l-industrija tal-parametri referenzjarji hija waħda internazzjonali kemm fil-produzzjoni kif ukoll fl-użu. Il-kwistjonijiet li jikkonċernaw il-parametri referenzjarji b’rilevanza sistematika fl-Unjoni kif ukoll l-użu ta’ parametri referenzjarji mhux tal-UE għandhom, skont id-definizzjoni tagħhom stess, dimensjoni Ewropea.

Il-kwistjonijiet fil-mira ta’ din il-proposta leġiżlattiva ma setgħux jiġu indirizzati permezz ta’ azzjoni individwali tal-Istati Membri. Fir-rigward tal-istralċ ordnat tal-parametri referenzjarji li l-waqfien tagħhom ikun jirriżulta fi tfixkil sinifikanti għall-funzjonament tas-swieq finanzjarji fl-Unjoni, l-Istati Membri jistgħu jintervjenu billi jintroduċu leġiżlazzjoni li tindika r-rata ta’ sostituzzjoni nazzjonali fil-kuntratti li jagħmlu referenza għall-parametru referenzjarju li jkun se jitwaqqaf. Madankollu, x’aktarx li l-azzjoni individwali min-naħa ta’ Stat Membru ma tindirizzax il-kwistjonijiet identifikati fit-totalità tagħhom (prinċipalment għaliex uħud mill-Istati Membri jistgħu jilleġiżlaw, filwaqt li oħrajn ma jistgħux). Barra minn hekk, l-approċċi differenti għar-rati ta’ sostituzzjoni għall-kuntratti ta’ legat madwar l-Istati Membri jifframmentaw is-suq uniku. Għaldaqstant, hija meħtieġa azzjoni fil-livell tal-UE f’dak li jikkonċerna reġim ta’ tranżizzjoni ordnat u armonizzat fir-rigward tal-parametri referenzjarji ta’ rilevanza sistematika li taħdem għall-kuntratti ta’legat madwar l-Unjoni sabiex tiġi żgurata l-koerenza u biex il-funzjonament tas-suq uniku jkompli jittejjeb. B’mod aktar speċifiku, l-azzjoni fil-livell nazzjonali fuq dawk il-parametri referenzjarji li l-waqfien tagħhom jirriżulta fi tfixkil sinifikanti fil-funzjonament tas-swieq finanzjarji fl-Unjoni tista’ twassal għal taħlita ta’ regoli diverġenti, toħloq kundizzjonijiet mhux ekwi fis-suq intern u tirriżulta f’approċċ inkonsistenti u mhux koordinat. Taħlita ta’ regoli nazzjonali xxekkel l-opportunità li jiġu indirizzati l-parametri referenzjarji li se jitwaqqfu u li jintużaw f’bosta tranżazzjonijiet transfruntiera ta’ dejn, self jew derivattivi bl-istess mod, u għaldaqstant l-immaniġġjar ta’ tali tranżazzjonijiet isir aktar kumpless.

Bl-istess mod, l-azzjoni fil-livell tal-UE hija meħtieġa wkoll biex jiġi żgurat l-użu kontinwu ta’ rati tal-muniti barranin spot billi dawn diġà huma koperti mir-regolament li ġie adottat fil-livell Ewropew (il-BMR) u l-azzjoni fil-livell nazzjonali ma tkunx biżżejjed biex jintlaħaq l-għan.

2.3.Proporzjonalità

L-emendi proposta għar-Regolament dwar il-Parametri Referenzjarji huma proporzjonati, kif mitlub mill-Artikolu 5(4) tat-TUE. Il-proposta ssegwi approċċ proporzjonat li jiżgura li jiġu imposti obbligi limitati ġodda fuq l-entitajiet taħt superviżjoni li jużaw parametri referenzjarji sistemiċi li diġà huma soġġetti għal rekwiżiti simili skont ir-Regolament dwar il-Parametri Referenzjarji.

Barra minn hekk, il-proċedura li takkumpanja l-istralċ ta’ parametri referenzjarji ta’ rilevanza sistemika għandha l-għan li tipprovdi l-viżibbiltà u ċ-ċertezza tad-dritt għall-utenti ta’ dawk il-parametri referenzjarji li jistgħu ma jkunux f’pożizzjoni li jemendaw jew jinnegozjaw mill-ġdid l-istokk tagħhom ta’ kuntratti ta’ legat. Għaldaqstant, jenħtieġ li s-settur finanzjarju kif ukoll il-klijenti finali, kemm dawk korporattivi kif ukoll iċ-ċittadini, jibbenefikaw b’mod sinifikanti mit-titjib li nġieb permezz ta’ dan ir-Regolament ta’ emenda.

2.4.Għażla tal-istrument

Emenda għar-Regolament dwar il-Parametri Referenzjarji hija l-aktar għodda ġuridika xierqa biex tinstab soluzzjoni għall-kwistjonijiet li jirriżultaw mill-għajbien li x’aktarx iseħħ ta’ ċerti IBORs li huma użati ħafna fl-UE u li huma rregolati mir-Regolament dwar il-Parametri Referenzjarji.

L-użu ta’ Regolament, li huwa applikabbli direttament mingħajr il-ħtieġa ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali, jirrestrinġi l-possibilità li jittieħdu miżuri diverġenti mill-awtoritajiet kompetenti fil-livell nazzjonali, u jiżgura approċċ konsistenti u ċertezza tad-dritt akbar madwar l-UE kollha.

3.RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

3.1.Konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati

Il-Kummissjoni għamlet konsultazzjonijiet estensivi ma’ diversi gruppi ta’ partijiet ikkonċernati biex ikollha stampa sħiħa tal-fehmiet differenti li l-parteċipanti fis-suq jista’ jkollhom fir-rigward tal-kwistjonijiet indirizzati minn dan ir-regolament.

Fit-18 ta’ Marzu, DĠ FISMA ppubblika valutazzjoni tal-impatt tal-bidu (IIA) intiża li tinforma lill-partijiet ikkonċernati dwar l-iskop tar-rieżami tar-Regolament (UE) 2016/1011 (ir-Regolament dwar il-Parametri Referenzjarji / BMR) u li tispjega l-alternattivi ta’ politika differenti li tqiesu. Il-perjodu ta’ konsultazzjoni għalaq fil-15 ta’ April 2020. Il-Kummissjoni rċeviet tweġibiet mingħand 22 rispondent, l-aktar mingħand kumpaniji privati u assoċjazzjonijiet tan-negozju.

Fis-26 ta’ Novembru 2019, il-Kummissjoni organizzat workshop dwar tliet suġġetti ewlenin:

(1)L-ewwel panel iddiskuta jekk ir-regolaturi kellhomx l-għodod meħtieġa f’idejhom biex iżommu, isostnu u potenzjalment jemendaw il-metodoloġiji li jirfdu l-parametri referenzjarji kritiċi.

(2)It-tieni panel daħal f’aktar dettall dwar jekk il-BMR kienx idoneu biex jakkumpanja t-tranżizzjoni ta’ rati interbankarji eżistenti (IBOR) lejn rati ġodda mingħajr riskju, u vvaluta wkoll jekk il-BMR kienx biżżejjed biex jakkumpanja t-tranżizzjonijiet minn Eonia lejn €STR.

(3)It-tielet panel ta fehma trasversali dwar jekk il-kamp ta’ applikazzjoni tal-BMR u d-dispożizzjonijiet tal-pajjiżi terzi jenħtieġx li jiġu rivalutati.

Fil-11 ta’ Ottubru, id-DĠ FISMA ppubblika konsultazzjoni pubblika intiża li tappoġġa r-rieżami tar-Regolament dwar il-Parametri Referenzjarji. Il-partijiet ikkonċernati kellhom sal-31 ta’ Diċembru 2019 biex jesprimu l-fehmiet tagħhom permezz tal-portal EU Survey.

Minbarra l-workshop u l-konsultazzjoni pubblika li huma ppreżentati f’aktar dettall fit-taqsimiet 2.1 u 2.2, il-Kummissjoni kienet involuta b’mod attiv fil-ħidma tal-Grupp ta’ Ħidma Euro RFR, li huwa magħmul minn partijiet ikkonċernati mis-settur privat, fosthom il-kontributuri, l-amministraturi u l-utenti ta’ parametri referenzjarji, kif ukoll il-BĊE, li jipprovdi s-Segretarjat, u l-ESMA u l-FSMA Belġjana bħala osservaturi flimkien mal-KE, sabiex tidentifika d-diversi kunsiderazzjonijiet tal-partijiet ikkonċernati li jenħtieġ li jitqiesu waqt it-tfassil tal-aħjar għodod ta’ politika għall-waqfien ordnat ta’ parametri referenzjarji kritiċi. Barra minn hekk, il-Kummissjoni hija membru tal-Grupp ta’ Tmexxija Uffiċjali tas-Settur tal-Bord għall-Istabbiltà Finanzjarja, li jinkludi uffiċjali għolja mill-banek ċentrali u l-awtoritajiet regolatorji, u għaldaqstant għandha għarfien tajjeb tal-perspettivi tal-politika pubblika internazzjonali dwar it-tranżizzjoni lejn rati mingħajr riskju. Is-servizzi tal-Kummissjoni jinsabu wkoll fil-Bord tas-Superviżuri tal-ESMA bħala osservaturi, kif ukoll fil-gruppi tekniċi permanenti, inkluż dak dwar il-parametri referenzjarji, u minn hemm segwew mill-qrib il-ħidma tal-ESMA fil-kuntest tal-parametri referenzjarji kritiċi. Fl-aħħar nett, il-persunal tal-DĠ FISMA għandu bosta kuntatti bilaterali ma’ firxa wiesgħa ta’ partijiet ikkonċernati biex ikomplu jirfinaw l-analiżi u l-approċċ ta’ politika tiegħu.

3.2.Ġbir u użu tal-għarfien espert

Il-proposta tibni fuq l-għarfien tal-awtoritajiet kompetenti tal-UE li llum qegħdin jissorveljaw l-amministraturi tal-parametri referenzjarji kif ukoll fuq l-għarfien tal-amministraturi nfushom. Barra minn hekk, il-Kummissjoni twettaq monitoraġġ mill-qrib tal-iżviluppi f’ġuriżdizzjonijiet oħrajn li wkoll qed iħejju għat-tranżizzjoni lejn is-sostituzzjonijiet tal-IBOR, partikolarment fir-rigward tal-ħidma ta’ tħejjija fil-Grupp ta’ Tmexxija tas-Settur Uffiċjali tal-Bord għall-Istabbiltà Finanzjarja.

Diversi ġuriżdizzjonijiet ħolqu wkoll gruppi ta’ ħidma tas-settur privat biex jakkumpanjaw it-tranżizzjoni. Il-Kummissjoni ġiet informata dwar id-diversi alternattivi li tqiesu minn dawn il-gruppi u żviluppat fehma dwar jekk dawn l-alternattivi jistgħux jiġu applikati għas-sitwazzjoni tal-UE.

3.3.Valutazzjoni tal-impatt

3.3.1.Waqfien ordnat ta’ parametru referenzjarju finanzjarju

Il-Kummissjoni wettqet valutazzjoni tal-impatt dwar l-aħjar mod kif il-kuntratti ta’ legat b’referenzi għal parametru referenzjarju ta’ rata tal-imgħax li jintuża b’mod mifrux u li se jitwaqqaf, u li ma jistax jiġi negozjat mill-ġdid sa tmiem l-2021 (kuntratti “ta’ legat diffiċli”). Il-valutazzjoni tal-impatt ingħata opinjoni negattiva fil-15 ta’ Mejju 2020, iżda mbagħad irċeviet opinjoni pożittiva mill-Bord tal-Iskrutinju Regolatorju fl-4 ta’ Ġunju 2020.

L-alternattivi kollha li tqiesu fil-valutazzjoni tal-impatt iffukaw fuq il-ħolqien ta’ rata ta’ sostituzzjoni fil-każ li rata normattiva tal-imgħax li tintuża ħafna titwaqqaf. Ir-rata ta’ sostituzzjoni tirriżulta jew minn konverżjoni tal-parametru referenzjarju li jkun se jitwaqqaf f’rata ta’ sostituzzjoni limitata biż-żmien li takkumpanja l-istralċ ta’ kuntratti ta’ legat, mill-awtorizzazzjoni ta’ tali rata ta’ sostituzzjoni min-naħa ta’ regolatur kompetenti fir-rigward tal-parametru referenzjarju li jkun se jitwaqqaf, mill-pubblikazzjoni ta’ rata ta’ sostituzzjoni b’eżenzjoni statutorja jew b’mandat għal sostituzzjoni permanenti fir-rigward ta’ parametru referenzjarju li jkun se jitwaqqaf;

L-approċċ li ntgħażel fil-valutazzjoni tal-impatt kienet li l-BMR jiġi emendat biex l-awtorità nazzjonali responsabbli mill-amministratur ta’ rata normattiva tal-imgħax użata b’mod mifrux u li tkun se titwaqqaf tingħata setgħat regolatorji għall-immaniġġjar tal-istralċ ordnat ta’ tali parametru referenzjarju, meta ma tkunx għadha tista’ tirrefletti suq sottostanti jew realtà ekonomika. Dawn is-setgħat ikunu jinkludu s-setgħa li amministratur ta’ tali parametru referenzjarju li jkun se jitwaqqaf jibdel il-metodoloġija li tirfed il-parametru referenzjarju sabiex jiżgura li l-parametru referenzjarju jibqa’ sod biżżejjed u sostenibbli biex jakkumpanja l-istralċ ta’ kuntratti ta’ legat li jagħmlu referenza għal dan il-parametru referenzjarju fil-mument meta r-regolatur kompetenti jikkonkludi li ma jkunx għadu jista’ jkejjel is-suq sottostanti jew ir-realtà ekonomika. Il-parametru referenzjarju “setgħat ta’ konverżjoni” jippermetti lir-regolatur kompetenti li jirrekjedi bidla fil-metodoloġija sakemm dan ikun neċessarju biex jitħarsu l-konsumaturi u għall-istabbiltà finanzjarja tal-Unjoni.

Madankollu, minn meta tlestiet il-valutazzjoni tal-impatt, riċentement ir-regolatur tal-LIBOR, l-FCA, ħarġet sensiela ta’ riżervi li jitfgħu dubju dwar jekk is-setgħat ta’ konverżjonijiet humiex effettivi biex jindirizzaw il-każijiet kollha jiġu koperti minn rata ta’ konverżjoni. Pereżempju, skont l-FCA: “… regulatory action to change the LIBOR methodology may not be feasible in all circumstances, for example where the inputs necessary for an alternative methodology are not available in the relevant currency.” 2

Hemm diversi kwistjonijiet marbuta mal-effettività li jistgħu jagħmluha anqas effiċjenti li wieħed jiddependi fuq is-setgħat ta’ konverżjoni:

L-ewwel nett, l-użu tas-setgħat ta’ konverżjoni jista’ ma jkunx possibbli fiċ-ċirkostanzi kollha jew għall-muniti kollha tal-LIBOR. Pereżempju, l-FCA tindika li s-setgħat ta’ konverżjoni ma jistgħux jintużaw fejn l-“inputs” neċessarji għal metodoloġija alternattiva ma jkunux disponibbli għall-munita rilevanti 3 .

It-tieni, il-konverżjoni tista’ ma tkunx vijabbli għal raġunijiet ġuridiċi jew prattiċi. Filwaqt li l-FCA tirreferi għal każijiet fejn l-amministratur jista’ ma jkollux aċċess għal data robusta fil-munita rilevanti, il-kwistjonijiet ta’ aċċess jistgħu jinkludu każijiet fejn l-għoti u l-liċenzjar ta’ dawn l-inputs jistgħu jkunu jidhru kumplessi jew għoljin wisq biex jiġġustifikaw l-isforz li tiġi ffissata rata ta’ sostituzzjoni 4 . F’dan il-każ, il-pubblikazzjoni tal-parametru referenzjarju li jkun se jitwaqqaf tieqaf mingħajr rata ta’ sostituzzjoni.

It-tielet, jekk ikun vijabbli, is-setgħat ta’ konverżjoni jistgħu jwasslu għal riżultati eteroġeni. Skont l-FCA, xi swieq bħal dawk tad-derivattivi, tal-bonds u l-parti l-kbira tas-swieq tal-kontanti jippreferu tranżizzjoni lejn rati tal-imgħax mil-lum għall-għada komposta f’arretrati fi tmiem il-perjodu tal-imgħax rilevanti. Bil-kontra, il-kuntratti ta’ legat tal-konsumaturi jew il-kuntratti ta’ self għall-esportazzjoni li jużaw parametri referenzjarji tal-LIBOR fuq termini ta’ tliet xhur, sitt xhur u tnax-il xahar jużaw miżura progressiva tal-aspettattivi tar-rata tal-imgħax. Għaldaqstant, it-tibdil metodoloġiku inerenti fl-eżerċitar tas-setgħat ta’ konverżjoni ma jkunx jista’ jikseb riżultati li jkunu l-eżitu preferit għall-utenti attwali kollha tal-LIBOR. Għaldaqstant, u kif l-FCA iddikjarat, arranġamenti ta’ sostituzzjoni maqbula mal-industrija jkunu preferibbli billi dawn x’aktarx li jkopru firxa usa’ ta’ kuntratti.

Ir-raba’, is-setgħat ta’ konverżjoni jiddependu fuq il-fatt li l-amministratur ta’ parametru referenzjarju li jirriżulta mill-konverżjoni tal-istess entità ġuridika. Rekwiżit bħal dan jirrestrinġi l-grupp ta’ ħidma tar-rata mingħajr riskju - li se jagħtu rakkomandazzjonijiet dwar ir-rata ta’ sostituzzjoni maqbula mill-industrija - li jirrakkomandaw rata ta’ sostituzzjoni li tkun ġiet iffissata mill-istess amministratur tal-parametru referenzjarju li jkun se jitwaqqaf. Speċjalment f’sitwazzjonijiet transfruntiera, fejn il-grupp ta’ ħidma dwar ir-rata mingħajr riskju jopera f’ġuriżdizzjoni differenti minn dik tal-amministratur tal-parametru referenzjarju li jkun se jitwaqqaf (pereż. il-LIBOR għal kuntratti f’USD), dan ma jkunx neċessarjament il-każ. Barra minn hekk, tali rekwiżit jitfa’ restrizzjonijiet fuq ir-rata li grupp ta’ ħidma dwar rata mingħajr riskju jista’ jirrakkomanda bħala l-aktar parametru referenzjarju xieraq.

Fid-dawl ta’ dan ta’ hawn fuq, l-approċċ li ntgħażel ġie modifikat biex jiżgura li l-Kummissjoni jkollha s-setgħat ġuridiċi meħtieġa biex taċċerta li tkun tista’ tintgħażel rata ta’ sostituzzjoni għall-parametru referenzjarju, li l-waqfien tiegħu jkun jirriżulta fi tfixkil sinifikanti fil-funzjonament tas-swieq finanzjarji fl-Unjoni, b’biżżejjed flessibbiltà li tkopri ċ-ċirkostanzi potenzjali kollha.

Għaldaqstant is-setgħat ta’ konverżjoni ġew sostitwiti mis-setgħat tal-Kummissjoni Ewropea li tagħżel suċċessur statutorju għall-parametru referenzjarju li l-waqfien tiegħu jirriżulta fi tfixkil sinifikanti fuq il-funzjonament tas-swieq finanzjarji fl-Unjoni. Fl-eżerċitar tas-setgħat tal-għażla l-Kummissjoni tkun tista’ tqis ir-rati ta’ sostituzzjoni maqbula mill-industrija li x’aktarx jiġu rrakkomandati mill-gruppi ta’ ħidma tar-rata mingħajr riskju li jitlaqqgħu mill-banek ċentrali f’diversi żoni monetarji. Il-bidla fl-approċċ hija ġustifikata biex jiġi żgurat li r-rata ta’ sostituzzjoni maqbula mill-industrija tkun lesta biex tintuża fil-kuntratti kollha li entità taħt superviżjoni fl-UE tkun parti kontraenti fihom. Ir-rata ta’ sostituzzjoni jenħtieġ li tkun disponibbli għall-kuntratti ta’ legat kollha, irrispettivament mill-użu potenzjali jew ir-restrizzjonijiet ta’ żmien li jistgħu jkunu assoċjati mal-eżerċizzju tar-rata ta’ konverżjoni mandata minn regolatur barra mill-Unjoni.

3.3.2.Alternattivi biex ma jintilfux l-għodod tal-immaniġġjar tar-riskju bbażati fl-UE

Sabiex tinżamm il-possibbiltà ta’ ħħeġġjar tar-riskju tal-kambju kemm għas-settur finanzjarju kif ukoll għal dak mhux finanzjarju tal-UE, il-valutazzjoni tal-impatt analizzat erba’ alternattivi, li kull waħda minnhom kienet tammonta għal eżenzjonijiet immirati mill-BMR, kemm fir-rigward ta’ ċerti parametri referenzjarji tal-kambju jew ta’ ċerti għodod ta’ ħħeġġjar li jiddependu fuq dawn il-parametri referenzjarji biex jiġi kkalkolat l-iżborż.

Alternattiva minnhom – eżenzjoni ġenerali għall-parametri referenzjarji kollha ta’ pajjiżi terzi, għajr dawk imfassla b’manjiera kritika għall-istabbiltà finanzjarja fl-Unjoni, twarrbet kmieni għaliex tqies li ma kinitx daqstant konsistenti mal-approċċ oriġinali tal-BMR, li huwa li tingħata kopertura komprensiva lill-parametri referenzjarji kollha ta’ pajjiżi terzi, billi l-approċċ “kumplessiv” kien għan speċifiku ta’ politika meta ġie nnegozjat il-BMR.

Mit-tliet alternattivi li kien għad fadal, l-alternattiva li tinħoloq eżenzjoni statutorja għar-rati tal-kambju spot ta’ pajjiżi terzi kienet l-għażla preferuta. Dan l-approċċ tqies l-aħjar wieħed li jippermetti lill-entitajiet taħt superviżjoni fl-UE jkomplu jagħmlu referenza għar-rati tal-kambju spot ta’ pajjiżi terzi għal muniti mhux konvertibbli għal kuntratti progressivi bbażati fl-UE. Fl-istess waqt dan jiżgura li tinżamm konsistenza fi ħdan ir-Regolament dwar il-Parametri Referenzjarji u ma għandux bżonn regolaturi biex jawtorizzaw kuntratti forward individwali. Il-filosofija tal-BMR diġà tinkludi eżenzjoni għar-rati tal-politika pubblika, fis-sura ta’ eżenzjoni għar-rati tal-politika ppubblikati mill-banek ċentrali. Barra minn hekk, jekk l-eżenzjoni titfassal bil-flessibbiltà meħtieġa, tkun xierqa wkoll għal rati ta’ politika oħrajn li, għal raġunijiet ta’ objettivi monetarji u ta’ politiki oħrajn, jitfasslu fil-pajjiżi terzi rilevanti taħt il-gwida u l-kontroll tal-banek ċentrali jew fassala tal-politika oħrajn, bħat-teżori nazzjonali. Dawn l-alternattivi jibqgħu wkoll aktar validi għall-futur mit-tnejn li oħrajn. Din l-alternattiva tindirizza wkoll wieħed mid-difetti fit-tfassil tal-BMR, li huwa li l-konformità mal-BMR hija obbligatorja għar-rati tal-kambju spot ta’ pajjiżi terzi li tant huma volatili li ġie żviluppat suq għall-kuntratti forward ibbażat fl-UE bil-għan li jiħħeġġja kontra l-volatilità tar-rata spot rilevanti.

3.4.Drittijiet fundamentali

Din il-proposta tirrispetta d-drittijiet fundamentali u tosserva l-prinċipji rikonoxxuti mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, partikolarment il-prinċipju li jistabbilixxi livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumatur għaċ-ċittadini kollha tal-UE (l-Artikolu 38). Mingħajr tranżizzjoni ordnata għar-rati ta’ sostituzzjoni IBOR, potenzjalment il-klijenti konsumaturi jistgħu jintlaqtu negattivament mill-waqfien tal-IBOR, partikolarment ċerti Stati Membri li jiddependu aktar fuq kuntratti ipotekarji b’referenzi għal rati varjabbli.

4.IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI

Din l-inizjattiva ma tħallix impatt fuq il-baġit tal-UE.

5.ELEMENTI OĦRAJN

5.1.Pjanijiet għall-implimentazzjoni u l-arranġamenti ta’ monitoraġġ, ta’ evalwazzjoni u ta’ rappurtar

Il-Kummissjoni tipproponi li tistabbilixxi programm ta’ monitoraġġ li jevalwa jekk l-emendi proposti jwasslux għar-riżultati maħsuba.

5.1.1.Monitoraġġ fir-rigward tat-tranżizzjoni ordnata tal-IBOR

Il-proposta leġiżlattiva tirrikjedi li l-awtoritajiet kompetenti tal-entitajiet taħt superviżjoni jużaw il-parametru referenzjarju sostitwit biex jimmonitorjaw jekk is-sostituzzjoni tkunx naqqset il-frustrazzjoni ta’ kuntratti jew tkunx ħalliet effetti detrimentali fuq it-tkabbir ekonomiku u l-investimenti fl-Unjoni. Dawn għandhom jirrapportaw dan l-effett lill-Kummissjoni u lill-ESMA kull sena.

5.1.2.Monitoraġġ fir-rigward tar-rata tal-kambju spot

Din il-proposta leġiżlattiva tobbliga lill-awtoritajiet kompetenti tal-entitajiet taħt superviżjoni li jużaw parametri referenzjarji għar-rati tal-kambju mfassla mill-Kummissjoni biex ikunu esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-BMR jirrapportaw minn tal-anqas kull sentejn lill-Kummissjoni u lill-ESMA dwar l-għadd ta’ kuntratti tad-derivattivi li jużaw parametru referenzjarju tal-kambju biex jiħħeġġjaw kontra l-volatilità tal-munita ta’ pajjiż terz.

5.2.Spjegazzjoni dettaljata tad-dispożizzjonijiet speċifiċi tal-proposta

5.2.1.Waqfien ordnat ta’ parametru referenzjarju finanzjarju

L-emendi proposti għall-BMR huma mfassla biex inaqqsu l-inċertezza tad-dritt u r-riskji fuq l-istabbiltà finanzjarja. L-approċċ jintroduċi setgħat biex tiġi ffissata rata ta’ sostituzzjoni statutorja li tissostitwixxi r-referenzi kollha għal parametru referenzjarju li l-waqfien tiegħu jirriżulta fi tfixkil sinifikanti fil-funzjonament tas-swieq finanzjarji fl-Unjoni. Is-sostituzzjoni tar-referenzi kollha għal “parametru referenzjarju li se jitwaqqaf” b’rata ta’ sostituzzjoni statutorja issir b’mod li jevita, jew tal-anqas inaqqas, il-litigazzjoni li tant tiswa flus billi tingħata ċertezza tad-dritt fir-rigward tal-kuntratti kollha li jinvolvu entità taħt superviżjoni fl-UE. B’mod partikolari, is-setgħat ta’ sostituzzjoni statutorja proposti: (1) jevitaw li parti kontraenti li tkun tinvolvi entità taħt superviżjoni tirrifjuta li twettaq l-obbligi kuntrattwali tagħha jew tiddikjara ksur ta’ kuntratt minħabba d-diskontinwità ta’ parametru referenzjarji li l-waqfien tiegħu jirriżulta fi tfixkil sinifikanti fil-funzjonament tas-swieq finanzjarji fl-Unjoni; (2) jistipulaw li rata ta’ sostituzzjoni għal tali parametru referenzjarju min-naħa ta’ grupp ta’ ħidma ta’ rata mingħajr riskju maħluq taħt l-awspiċi ta’ bank ċentrali fiż-żona monetarja rilevanti tista’ sservi bħala sostituzzjoni statutorja għal dan il-parametru referenzjarju u (3) jipprovdu kenn mil-litigazzjoni fil-konfront tal-entitajiet taħt superviżjoni li jużaw (jagħmlu referenza) għar-rata ta’ sostituzzjoni statutorja.

L-emendi proposti għall-BMR jiksbu dawn l-għanijiet billi jagħtu s-setgħa lill-Kummissjoni Ewropea li taħtar rata ta’ sostituzzjoni statutorja li tissostitwixxi r-referenza għall-parametru referenzjarju li jkun se jitwaqqaf meta: (1) il-kuntratt ma jkun jinkludi l-ebda dispożizzjoni ta’ riżerva li tkopri l-waqfien permanenti; (2) il-waqfien ta’ dan il-parametru referenzjarju jirriżulta fi tfixkil sinifikanti fil-funzjonament tas-swieq finanzjarji fl-Unjoni. Għal dawk il-kuntratti li ma jinvolvux entità taħt superviżjoni fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-BMR, is-sostituzzjoni statutorja ma tkunx tapplika. Biex ikopru lil dawn il-kuntratti wkoll l-Istati Membri huma mħeġġa jiffissaw rati ta’ sostituzzjoni statutorji. Dawn ir-rati ta’ sostituzzjoni statutorji japplikaw għall-kuntratti bejn żewġ kontropartijiet mhux finanzjarji rregolati mil-liġijiet tal-ġurisdizzjoni tagħhom. Fil-mument xieraq, il-Kummissjoni Ewropea biħsiebha tadotta rakkomandazzjoni li tħeġġeġ lill-Istati Membri jagħżlu r-rata ta’ sostituzzjoni li tintgħażel mill-entitajiet taħt superviżjoni fl-UE bħala r-rata ta’ sostituzzjoni statutorja fl-istatuti nazzjonali tagħhom.

Billi l-għan ewlieni ta’ dawn is-setgħat il-ġodda huwa li tiġi żgurata ċ-ċertezza tad-dritt għall-kuntratti eżistenti li jagħmlu referenza għall-parametru referenzjarju li l-waqfien tiegħu jirriżulta fi tfixkil sinifikanti fil-funzjonament tas-swieq finanzjarji fl-Unjoni, jidher li huwa koerenti li se jkun id-dmir tal-awtoritajiet kompetenti tal-entità taħt superviżjoni li tuża l-parametru referenzjarju rilevanti biex timmonitorja jekk ir-rati ta’ referenza statutorji tal-kuntratti fejn parti kontraenti tkun entità taħt superviżjoni jirriżultawx f’anqas litigazzjoni jew ksur ta’ tali kuntratti u jirrapportaw tali sejbiet lill-Kummissjoni kull sena.

L-emendi proposti tad-dispożizzjonijiet tal-BMR li jirregolaw l-istralċ ta’ parametru referenzjarju b’rilevanza sistemika fl-Unjoni jissejsu fuq tliet pilastri ewlenin.

L-ewwel, l-emendi proposti għall-BMR se jintroduċu setgħa statutorja, li permezz tagħha l-Kummissjoni tiffissa rata ta’ sostituzzjoni jekk u meta parametru referenzjarju, li l-waqfien tiegħu jirriżulta fi tfixkil sinifikanti tal-funzjonament tas-swieq finanzjarji fl-Unjoni, ma jibqax jiġi ppubblikat. Din is-setgħa tista’ tiġi eżerċitata irrispettivament minn jekk il-parametru referenzjarju jkunx awtorizzat u ppubblikat. Meta tiffissa r-rata ta’ sostituzzjoni statutorja, il-Kummissjoni Ewropea għandha tqis ir-rakkomandazzjonijiet tal-gruppi ta’ ħidma tar-rata mingħajr riskju li joperaw taħt l-awspiċi tal-banek ċentrali responsabbli mill-munita tad-denominazzjoni tar-rati tal-parametru referenzjarju li jkun se jitwaqqaf.

It-tieni, permezz tat-tħaddim tal-liġi r-rata ta’ sostituzzjoni statutorja ser tissostitwixxi r-referenzi kollha għall-“parametru li jkun se jitwaqqaf” fil-kuntratti kollha li entità taħt superviżjoni fl-UE tkun parti kontraenti tagħhom. Biex jibbenefikaw mir-rata ta’ sostituzzjoni statutorja, il-kuntratti li jagħmlu referenza għall-parametru referenzjarju li jkun se jitwaqqaf jridu jkunu għadhom pendenti meta r-rata ffissata tidħol fis-seħħ, filwaqt li l-ebda kuntratt li jiġi konkluż wara d-dħul fis-seħħ tal-att ta’ implimentazzjoni li jiffissa r-rata ta’ sostituzzjoni mhu se jitħalla jagħmel referenza għar-rata ta’ sostituzzjoni statutorja.

It-tielet, fir-rigward tal-kuntratti li ma jinvolvux entità taħt superviżjoni fl-UE, l-Istati Membri huma mħeġġa jadottaw rati ta’ sostituzzjoni statutorji nazzjonali. Fil-mument ix-xieraq, il-Kummissjoni Ewropea tista’ tagħmel rakkomandazzjoni li r-rati ta’ sostituzzjoni statutorji nazzjonali jkunu identiċi għar-rata ta’ sostituzzjoni statutorja li tiġi ffissata għall-kuntratti li jinvolvu entitajiet taħt superviżjoni fl-UE.

Il-ħarsa ġenerali li ġejja tagħti deskrizzjoni tal-komponenti ewlenin tar-rata ta’ sostituzzjoni statutorja proposta u l-effetti li tħalli fuq id-dispożizzjonijiet kuntrattwali:

L-użu obbligatorju tar-rata ta’ sostituzzjoni statutorja

·(1) Kuntratti ta’ legat li ma jkunu jinkludu ebda parametru referenzjarju kuntrattwali ta’ riżerva;

(2) Kuntratti ta’ legat li jinkludu biss dispożizzjonijiet ta’ riżerva li jakkomodaw sospensjoni temporanja ta’ parametru referenzjarju li l-waqfien tiegħu jirriżulta fi tfixkil sinifikanti tal-funzjonament tas-swieq finanzjarji fl-Unjoni;

·(3) Kuntratti ta’ legat li jinkludu riżerva li tagħmel referenza għall-parametri referenzjarji msemmija fi (2) (pereż. l-aħħar iffissar ikkwotat tal-parametru referenzjarju ta’ hawn fuq).

L-użu fakultattiv tar-rata ta’ sostituzzjoni statutorja (mhux obbligatorju)

·Kuntratti ta’ legat li jipprovdu lill-partijiet għażla ta’ rati ta’ riżerva;

·Kuntratti ta’ legat li ma jinvolvux entità taħt superviżjoni fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-BMR.

In-nonparteċipazzjoni maqbula b’mod konġunt

Il-partijiet li jkunu nnegozjaw mill-ġdid ir-referenzi tagħhom għal parametru referenzjarju u għażlu rata ta’ sostituzzjoni.

Iċ-ċirkostanzi tal-iskattar

Ir-rata ta’ sostituzzjoni statutorja ssir applikabbli jew disponibbli meta jseħħu t-tliet ċirkostanzi tal-iskattar:

·(1) dikjarazzjoni pubblika minn amministratur ta’ parametru referenzjarju, jew f’ismu, li tħabbar li l-amministratur ikun waqaf, jew ikun biħsiebu jieqaf, jipprovdi parametru referenzjarju fuq bażi permanenti;

·(2) dikjarazzjoni pubblika min-naħa ta’ awtorità regolatorja kompetenti mill-awtorizzazzjoni tal-amministratur tal-parametru referenzjarju li tħabbar li l-amministratur ta’ parametru referenzjarju jkun waqaf, jew ikun se jieqaf, jipprovdi l-parametru referenzjarju fuq bażi permanenti;

·(3) dikjarazzjoni pubblika min-naħa tal-awtorità regolatorja kompetenti mill-awtorizzazzjoni tal-amministratur tal-parametru referenzjarju li tħabbar li l-parametru referenzjarju ma jkunx għadu jirrappreżenta s-suq sottostanti jew ir-realtà ekonomika fuq bażi permanenti jew bla rimedju.

L-iskop tar-rata ta’ sostituzzjoni statutorja

Il-kuntratti kollha li jagħmlu referenza għal parametru referenzjarju li jkun se jitwaqqaf li jinvolvu entità taħt superviżjoni bħala kontroparti. In-nonparteċipazzjoni miftiehma b’mod reċiproku tibda’ disponibbli anke għall-entitajiet taħt superviżjoni

Miżuri ta’ akkumpanjament

Il-Kummissjoni Ewropea tipproponi li tagħmel rakkomandazzjoni li jistiednu lill-Istati Membri jikkomplementaw ir-rata ta’ sostituzzjoni statutorja għall-użu tal-entitajiet taħt superviżjoni bi statuti nazzjonali li jobbligaw l-użu tar-rata ta’ sostituzzjoni statutorja tal-UE għall-użu f’kuntratti bejn kontropartijiet mhux finanzjarji li huma rregolati mil-liġijiet tal-ġuriżdizzjoni tagħhom.

Ir-rata ta’ sostituzzjoni statutorja ssir applikabbli meta sseħħ waħda mit-tliet ċirkostanzi tal-iskattar oġġettivi, kif inhu spjegat fit-tabella ta’ hawn fuq.

5.2.2.Eżenzjoni mill-parametri referenzjarji tal-kambju speċifiċi

L-emenda proposta għandha l-għan li teżenta l-parametri referenzjarji tal-kambju spot ta’ pajjiżi terzi speċifiċi mill-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament meta dawn jissodisfaw ċerti kriterji. Il-lista tal-eżenzjonijiet stabbilita fl-Artikolu 2 tal-BMR tiġi estiża biex tinkludi l-parametri referenzjarji tal-kambju spot iffissati mill-Kummissjoni (il-paragrafu l-ġdid 1(i)). Dan jiġi akkumpanjat minn dispożizzjoni li tispeċifika kif il-Kummissjoni tista’ teżerċita s-setgħat tagħha u l-kriterji tal-eżenzjoni li tikkwalifika l-parametri referenzjarji tal-kambju spot mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-BMR (il-paragrafi l-ġodda 3 u 4 fl-Artikolu 2). Biex il-parametru referenzjarju tal-kambju spot jikkwalifika għall-eżenzjoni, irid: (1) jikkalkula r-rata tal-kambju ta’ munita ta’ pajjiż terz li ma tkunx konvertibbli u (2) jintuża mill-entitajiet taħt superviżjoni fl-UE fuq bażi frekwenti, sistematika u regolari bħala r-rata tas-saldu għall-kalkolu tar-rimborż skont munita forward jew kuntratt ta’ swap. Barra minn hekk, biex il-Kummissjoni ikun jista’ jkollha l-elementi kollha meħtieġa biex tiffissa parametri referenzjarji eżentati, l-ESMA u l-BĊE huma obbligati jipprovduha bl-informazzjoni u l-fehmiet rilevanti dwar il-kriterji speċifiċi tal-eżenzjoni.

Fl-aħħar nett, biex jimmonitorjaw l-adegwatezza tal-eżenzjoni li tkun għadha kemm ingħatat, l-awtoritajiet kompetenti u l-entitajiet taħt superviżjoni huma obbligati jirrapportaw kull tant żmien lill-Kummissjoni dwar l-użu tal-parametri referenzjarji eżentati min-negozji tal-UE u l-bidliet fil-karti tal-bilanċ tal-entitajiet taħt superviżjoni f’termini ta’ skopertura għall-flutwazzjoni tal-kambju ta’ pajjiż terz. 

2020/0154 (COD)

Proposta għal

REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

li jemenda r-Regolament (UE) 2016/1011 fir-rigward tal-eżenzjoni ta’ ċerti parametri referenzjarji tal-kambju ta’ pajjiżi terzi u l-iffissar ta’ parametri referenzjarji ta’ sostituzzjoni minflok ċerti parametri referenzjarji li jkunu se jitwaqqfu

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 114 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew 5 ,

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja,

Billi:

(1)Biex ikun hemm iħħeġġjar kontra l-iskopertura għall-volatilità tar-rata tal-kambju ta’ muniti li ma jkunux konvertibbli faċilment jew li jkunu soġġetti għal kontrolli tal-kambju, il-kumpaniji fl-Unjoni jidħlu f’forwards u swaps mhux konsenjabbli tal-munita. Dawn l-istrumenti jippermettu lill-utenti li jipproteġu kontra l-volatilità ta’ muniti barranin li ma jkunux konvertibbli faċilment f’munita bażi, bħad-dollar jew l-euro. L-indisponibbiltà ta’ rati tal-kambju spot biex isir il-kalkolu tar-rimborżi dovuti skont forwards u swaps tal-munita tħalli effett negattiv fuq il-kumpaniji fl-Unjoni li jesportaw lejn swieq emerġenti jew li jkollhom assijiet f’dawk is-swieq, bl-iskopertura konsegwenti għall-fluttwazzjonijiet ta’ muniti tas’ swieq emerġenti. Wara li jiskadi l-perjodu ta’ tranżizzjoni stipulat fil-paragrafi 4a u 4b tal-Artikolu 51 tar-Regolament (UE) 2016/1011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 6 , mhux se jibqa’ possibbli li jintużaw ir-rati tal-kambju spot pprovduti minn amministratur ta’ pajjiż terz għajr minn bank ċentrali.

(2)Biex il-kumpaniji fl-Unjoni jkunu jistgħu jissuktaw l-attivitajiet kummerċjali tagħhom filwaqt li jimmitigaw ir-rata tal-kambju, ir-rati tal-kambju spot msemmija f’forwards u swaps mhux konsenjabbli għall-ikkalkolar tal-iżborżi kuntrattwali jenħtieġ li jiġu esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2016/1011.

(3)Biex tidentifika li ċerti rati tal-kambju spot jkunu esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2016/1011, il-Kummissjoni jenħtieġ li tiġi ddelegata s-setgħa li tadotta atti skont l-Artikolu 290 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea fir-rigward tal-eżenzjoni tar-rati tal-kambju spot għal muniti mhux konvertibbli meta r-rata tal-kambju spot tintuża għall-ikkalkolar ta’ rimborżi ġġenerati minn forwards jew swaps mhux konsenjabbli ta’ muniti. Huwa partikolarment importanti li l-Kummissjoni twettaq konsultazzjonijiet xierqa matul ix-xogħol tagħha ta’ tħejjija, anke fil-livell ta’ esperti, u li dawk il-konsultazzjonijiet jiġu mwettqa b’konformità mal-prinċipji stipulati fil-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta’ April 2016 dwar ir-Regolamentazzjoni Aħjar. B’mod partikolari, biex tiġi żgurata parteċipazzjoni ugwali fit-tħejjija ta’ atti delegati, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jirċievu d-dokumenti kollha fl-istess ħin li jirċevuhom l-esperti tal-Istati Membri, u l-esperti tagħhom ikollhom aċċess sistematiku għal-laqgħat tal-gruppi tal-esperti tal-Kummissjoni li jittrattaw it-tħejjija ta’ atti delegati.

(4)Il-Financial Conduct Authority (FCA) tar-Renju Unit ħabbret li se twaqqaf l-appoġġ tagħha għall-produzzjoni ta’ waħda mill-aktar parametri referenzjarji importanti tar-rati tal-imgħax, il-London Interbank Offered Rate (LIBOR) sa tmiem l-2021. Wara li jintemm il-perjodu ta’ tranżizzjoni tal-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni fil-31 ta’ Diċembru 2021, l-IBOR mhijiex se tibqa’ tikkwalifika bħala parametru referenzjarju kritiku. Madankollu l-waqfien tal-LIBOR jista’ jirriżulta f’konsegwenzi negattivi li jipproduċu tfixkil sinifikanti fil-funzjonament tas-swieq finanzjarji fl-Unjoni. Fl-Unjoni hemm stokk ta’ kuntratti fl-oqsma tad-dejn, tas-self, tad-depożiti b’terminu u tad-derivattivi li jagħmlu referenza għal-LIBOR, li jimmaturaw wara l-31 ta’ Diċembru 2021 u li ma għandhomx dispożizzjonijiet kuntrattwali ta’ riżerva robusti li jkopru l-waqfien tal-LIBOR. Bosta minn dawn il-kuntratti jistgħu jiġu nnegozjati mill-ġdid biex jinkorporaw riżerva qabel il-31 ta’ Diċembru 2021. Għaldaqstant il-waqfien tal-LIBOR jirriżulta fi tfixkil sinifikanti fil-funzjonament tas-swieq finanzjarji fl-Unjoni.

(5)Biex ikun jista’ jsir l-istralċ tal-kuntratti li jagħmlu referenza għall-parametru referenzjarju użat b’mod mifrux u li t-twaqqif tiegħu jirriżulta f’konsegwenzi negattivi li joħolqu tfixkil sinifikanti fil-funzjonament tas-swieq finanzjarji fl-Unjoni u fejn tali kuntratti ma jkunux jistgħu jiġu nnegozjati mill-ġdid b’mod li jinkludi rata ta’ riżerva kuntrattwali sa meta jitwaqqaf il-parametru referenzjarju, jenħtieġ li jiġi stabbilit qafas li jakkumpanja l-waqfien ta’ tali parametri referenzjarji. Il-qafas jenħtieġ li jinkludi mekkaniżmu bil-għan li ssir it-tranżizzjoni ta’ tali kuntratti lejn parametri referenzjarji ta’ sostituzzjoni xierqa. Il-parametri referenzjarji jenħtieġ li jiżguraw li tiġi evitata l-frustrazzjoni ta’ kuntratti li tirriżulta f’konsegwenzi negattivi li jipproduċu tfixkil sinifikanti fil-funzjonament tas-swieq finanzjarji fl-Unjoni.

(6)Sabiex jiġu żgurati kundizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament, il-Kummissjoni jenħtieġ li tingħata s-setgħat ta’ implimentazzjoni li tindika parametru referenzjarju ta’ sostituzzjoni biex jintuża għall-istralċ ta’ kuntratti li ma jkunux ġew innegozjati mill-ġdid sad-data li l-parametru referenzjarju ma jibqax jiġi ppubblikat. Dawk is-setgħat jenħtieġ li jiġu eżerċitati b’konformità mar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 7 . Iċ-ċertezza tad-dritt tobbliga li l-Kummissjoni teżerċita dawk is-setgħat ta’ implimentazzjoni biss f’ċirkostanzi tal-iskattar definiti bir-reqqa u li juru biċ-ċar li l-amministrazzjoni u l-pubblikazzjoni tal-parametru referenzjarju li jkun se jiġi ssostitwit jitwaqqaf b’mod permanenti.

(7)Fejn meħtieġ u fil-mument ix-xieraq, il-Kummissjoni jenħtieġ li tadotta rakkomandazzjoni li tħeġġeġ lill-Istati Membri li jiffissaw, bis-saħħa ta’ liġijiet nazzjonali, rata ta’ sostituzzjoni għall-parametru referenzjarju li jkun se jitwaqqaf fir-rigward tal-kuntratti fejn parti kontraenti tkun entità li ma tkunx entità taħt superviżjoni soġġetta għar-Regolament (UE) 2016/1011. Sabiex titqies l-interkonnettività tal-kuntratti, il-Kummissjoni jenħtieġ li jkollha l-possibbiltà li tirrakkomanda lir-rati ta’ sostituzzjoni nazzjonali jenħtieġ li jkunu identiċi għar-rata ta’ sostituzzjoni li tiffissa għall-kuntratti li tidħol fihom entità taħt superviżjoni.

(8)Il-Kummissjoni jenħtieġ li teżerċita s-setgħat ta’ implimentazzjoni tagħha biss f’sitwazzjonijiet fejn tivvaluta li l-waqfien ta’ parametru referenzjarju jkun jista’ jirriżulta f’konsegwenzi negattivi li jirriżultaw fi tfixkil sinifikanti fil-funzjonament tas-swieq finanzjarji fl-Unjoni. Il-Kummissjoni jenħtieġ li teżerċita s-setgħat ta’ implimentazzjoni tagħha biss fejn joħroġ biċ-ċar li r-rappreżentattività tal-parametru referenzjarju kkonċernat ma jkunx jista’ jitreġġa’ lura jew li l-parametru referenzjarju ma jkunx se jibqa’ jiġi ppubblikat fuq bażi permanenti.

(9)L-użu ta’ parametru referenzjarju ta’ sostituzzjoni jenħtieġ li jkun japplika biss għal dawk il-kuntratti li ma jkunux ġew innegozjati mill-ġdid qabel id-data tal-waqfien tal-parametru referenzjarju kkonċernat. Għaldaqstant l-użu tal-parametru referenzjarju ffissat mill-Kummissjoni jenħtieġ li jintuża biss għal dawk il-kuntratti li l-entitajiet taħt superviżjoni diġà jkunu partijiet kontraenti fih fil-mument meta jidħol fis-seħħ l-att ta’ implimentazzjoni li jiffissa l-parametru referenzjarju ta’ sostituzzjoni. Barra minn hekk, meta jitqies li tali att ta’ implimentazzjoni għandu l-għan li jiżgura l-kontinwità tal-kuntratti, l-iffissar tal-parametru referenzjarju ta’ sostituzzjoni jenħtieġ li ma jaffettwax il-kuntratti li jkunu diġà jipprovdu dispożizzjoni kuntrattwali ta’riżerva xierqa.

(10)Fl-eżerċitar tas-setgħat ta’ implimentazzjoni tagħha li tiffissa parametru referenzjarju ta’ sostituzzjoni, il-Kummissjoni jenħtieġ li tqis ir-rakkomandazzjonijiet mill-gruppi ta’ ħidma tas-settur privat li joperaw fl-awspiċji tal-bank ċentrali responsabbli tal-munita tad-denominazzjoni tar-rati tal-imgħax tal-parametru referenzjarju ta’ sostituzzjoni fir-rigward tar-rati ta’ sostituzzjoni li jkunu se jintużaw għal strumenti finanzjarji eżistenti u f’kuntratti li jagħmlu referenza għall-parametru referenzjarju li jkun se jitwaqqaf. Dawk ir-rakkomandazzjonijiet jenħtieġ li jkunu bbażati fuq konsultazzjonijiet pubbliċi u għarfien espert estensivi, u jirreflettu l-ftehim tal-parametri referenzjarji tal-utenti dwar l-aktar rata ta’ sostituzzjoni xierqa fir-rigward tar-rata normattiva tal-imgħax li tkun se titwaqqaf.

(11)Billi l-għan ewlieni ta’ dawk is-setgħat ta’ implimentazzjoni huwa li jiżguraw ċertezza tad-dritt għall-entità taħt superviżjoni b’kuntratti eżistenti li jagħmlu referenza għal parametru referenzjarju li jkun se jitwaqqaf, l-awtoritajiet kompetenti ta’ entità taħt superviżjoni li tkun qed tuża l-parametru referenzjarju li jkun se jitwaqqaf jenħtieġ li jimmonitorja l-evoluzzjoni tal-istokk akkumulat bejn il-kontropartijiet f’tali kuntratti u jirrapportaw is-sejbiet tagħhom kull sena lill-Kummissjoni u lill-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq (“ESMA”).

(12)Għalhekk, jenħtieġ li r-Regolament (UE) 2016/1011 jiġi emendat skont dan.

(13)Fid-dawl tal-fatt li l-LIBOR mhijiex se tibqa’ parametru referenzjarju kritiku fit-tifsira tar-Regolament (UE) 2016/1011 mill-1 ta’ Jannar 2021, huwa xieraq li dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ mingħarj dewmien,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Emendi fir-Regolament (UE) 2016/1011

(1)L-Artikolu 2 huwa emendat kif ġej:

(a)fil-paragrafu 2, jiżdied il-punt (i) li ġej:

“(i)    Parametru referenzjarju tal-kambju li jkun ġie ffissat mill-Kummissjoni b’konformità mal-paragrafu 3.”;

(b)jiżdiedu l-paragrafi 3 u 4 li ġejjin:

“3.    Il-Kummissjoni tista’ tiffissa l-parametri referenzjarji tal-kambju li huma amministrati minn amministraturi li jinsabu barra mill-Unjoni meta jiġu ssodisfati l-kriterji kollha li ġejjin:

(a)il-parametru referenzjarju tal-kambju jirreferi għar-rata tal-kambju spot ta’ munita ta’ pajjiż terz li ma tkun konvertibbli faċilment;

(b)l-entitajiet taħt superviżjoni jużaw il-parametru referenzjarju tal-kambju fuq bażi frekwenti, sistematika u regolari f’kuntratti tad-derivattivi għall-iħħeġġjar kontra l-volatilità tal-munita ta’ pajjiż terz;

(c)il-parametru referenzjarju jintuża għar-rata tas-saldu għall-ikkalkolar tar-rimborż tal-kuntratt tad-derivattivi msemmija fil-punt (b) f’munita li ma tkunx il-munita b’konvertibbiltà limitata msemmija fil-punt (a).

4.Il-Kummissjoni għandha tadotta atti delegati skont l-Artikolu 49 biex toħloq u taġġorna kif xieraq il-lista ta’ parametri referenzjarji tal-kambju li jissodisfaw il-kriterji stipulati fil-paragrafu 3. L-awtoritajiet kompetenti tal-entitajiet taħt superviżjoni li jużaw parametri referenzjarji tal-kambju ffissati mill-Kummissjoni biex skont il-paragrafu 3 għandhom jirrapportaw minn tal-anqas kull sentejn lill-Kummissjoni u lill-ESMA dwar l-għadd ta’ kuntratti tad-derivattivi li jużaw parametru referenzjarju tal-kambju biex jiħħeġġjaw kontra l-volatilità tal-munita ta’ pajjiż terz.”;

(2)għandu jiddaħħal l-Artikolu 23 a li ġej:

“Artikolu 23a 
Sostituzzjoni obbligatorja ta’ parametru referenzjarju

(1)Il-Kummissjoni tista’ tiffissa parametru referenzjarju ta’ sostituzzjoni għal parametru referenzjarju li ma jkunx se jibqa’ jiġi ppubblikat meta l-waqfien tal-pubblikazzjoni tkun tista’ tirriżulta fi tfixkil sinifikanti fil-funzjonament tas-swieq finanzjarji tal-Unjoni u sakemm ma tkunx seħħet waħda minn dawn iċ-ċirkostanzi:

(a)l-awtorità kompetenti tal-amministratur ta’ dak il-parametru referenzjarju jkun għamel dikjarazzjoni pubblika, jew ikun ippubblika informazzjoni, fejn jitħabbar li l-kapaċità ta’ dak il-parametru referenzjarju li jkejjel is-suq sottostanti u r-realtà ekonomika ma tkunx tista’ titreġġa’ lura permezz tal-eżerċitar ta’ kwalunkwe waħda mis-setgħat rimedjali msemmija fl-Artikolu 23;

(b)l-ammininistratur ta’ parametru referenzjarju jkun ħareġ dikjarazzjoni pubblika, jew ippubblika informazzjoni, jew tali dikjarazzjoni pubblika tkun saret jew tali informazzjoni ppubblikata f’isem dak l-amministratur, fejn jitħabbar li l-amministratur ikun waqaf, jew ikun se jieqaf, jipprovdi l-parametru referenzjarju, b’mod permanenti u indefinit, sakemm meta tinħareġ id-dikjarazzjoni jew tiġi ppubblikata l-informazzjoni ma jkun hemm ebda amministratur suċċessur li jibqa’ jipprovdi l-parametru referenzjarju;

(c)l-awtoritajiet kompetenti tal-amministratur ta’ parametru referenzjarju jew kwalunkwe entità li jkollha awtorità ta’ insolvenza jew ta’ riżoluzzjoni fuq l-awtorità ta’ dak il-parametru referenzjarju jagħmlu dikjarazzjoni pubblika jew jippubblikaw informazzjoni fejn jitħabbar li l-amministratur ta’ dak il-parametru referenzjarju jkun waqaf, jew ikun se jieqaf, jipprovdi l-parametru referenzjarju b’mod permanenti jew indefinit, sakemm meta ssir id-dikjarazzjoni jew il-pubblikazzjoni tal-informazzjoni, ma jkun hemm ebda amministratur suċċessur li jibqa’ jipprovdi dak il-parametru referenzjarju.

(2)Il-parametru referenzjarju ta’ sostituzzjoni għandu, permezz tat-tħaddim tal-liġi, jissostitwixxi r-referenzi kollha għall-parametru referenzjarju li ma jkunx baqa’ jiġi ppubblikat fi strumenti finanzjarji, kuntratti u kejl finanzjarji tal-prestazzjoni tal-fond ta’ investiment fejn jiġu ssodisfati dawn il-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)dawk l-istrumenti, kuntratti u kejl tal-prestazzjoni finanzjarji jagħmlu referenza għall-parametru referenzjarju li ma jkunx se jibqa’ jiġi ppubblikat fid-data tad-dħul fis-seħħ tal-att ta’ implimentazzjoni li jiffissa l-parametru referenzjarju;

(b)dawk l-istrumenti, kuntratti jew miżuri ta’ prestazzjoni finanzjarji ma jkollhom ebda dispożizzjoni ta’ riżerva xierqa.

(3)Il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta’ implimentazzjoni li jiffissaw il-parametru referenzjarju ta’ sostituzzjoni skont il-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 50(2) meta tiġi ssodisfata waħda mill-kundizzjonijiet tal-paragrafu 1. Meta tadotta l-att ta’ implimentazzjoni msemmi fil-paragrafu 1, il-Kummissjoni għandha tqis, fejn ikun hemm, ir-rakkomandazzjoni minn grupp ta’ ħidma alternattiv tar-rata ta’ referenza li jkun jopera taħt l-awspiċi tal-bank ċentrali responsabbli għall-munita tad-denominazzjoni tar-rati tal-imgħax tall-parametru referenzjarju ta’ sostituzzjoni.

(4)L-awtoritajiet kompetenti tal-entitajiet taħt superviżjoni li jużaw il-parametru referenzjarju ffissat mill-Kummissjoni għandhom jimmonitorjaw jekk l-atti ta’ implimentazzjoni li jiġu adottati skont il-paragrafu 1 jkunux naqqsu l-frustrazzjoni tal-kuntratti jew kwalunkwe effett negattiv ieħor fuq it-tkabbir ekonomiku u l-investimenti fl-Unjoni. Dawn għandhom jirrapportaw dan l-effett lill-Kummissjoni u lill-ESMA kull sena.”

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum ta’ wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell,

Għall-Parlament Ewropew    Għall-Kunsill

Il-President    Il-President

(1)    Entità taħt superviżjoni skont it-tifsira tal-Artikolu 3(1) (17) (b) tal-BMR. Ta’ min jinnota li huwa biss il-bank intermedjarju li joffri l-istrumenti tad-derivattivi li jitqies li jkun qed juża l-parametru referenzjarju, u mhux il-klijent korporattiv finali li jkun qed jipprova jiħħeġġja l-iskopertura tal-kambju tiegħu.
(2)     https://www.fca.org.uk/news/statements/fca-statement-planned-amendments-benchmarks-regulation
(3)     https://www.fca.org.uk/markets/transition-libor/benchmarks-regulation-proposed-new-powers
(4)    Il-provvediment ta’ rata ta’ konverżjoni tinkludi s-sorsi ta’ data tal-input ġdida, l-iżviluppar ta’ metodoloġija ġdida ta’ kalkolu, u l-ħolqien ta’ proċeduri ta’ sorveljanza u għodod ta’ pubblikazzjoni. Dawn il-bidliet kollha jirrikjedu żvilupp teknoloġiku u proċedurali, u potenzjalment is-sorsi u l-qbil ta’ arranġamenti ġodda ta’ għoti ta’ data ma’ fornituri ta’ partijiet terzi għajr l-amministratur tar-rata ta’ konverżjoni.
(5)    ĠU C , , p. .
(6)    Ir-Regolament (UE) 2016/1011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2016 dwar l-indiċi użati bħala parametri referenzjarji fi strumenti finanzjarji u kuntratti finanzjarji jew dwar il-kejl tal-prestazzjoni ta’ fondi ta’ investiment u li jemenda d-Direttivi 2008/48/KE u 2014/17/UE u r-Regolament (UE) Nru 596/2014 (ĠU L 171, 29.6.2016, p. 1).
(7)    Ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta’ kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta’ implimentazzjoni (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13).
Top