IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 7.7.2020
COM(2020) 292 final
2020/0136(NLE)
Proposta għal
DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL
li temenda d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/1855 li tawtorizza lir-Rumanija tapplika miżura speċjali ta’ deroga għall-Artikolu 287 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud
MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI
Skont l-Artikolu 395(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (“id-Direttiva tal-VAT”), il-Kunsill, filwaqt li jaġixxi b’mod unanimu fuq proposta mill-Kummissjoni, jista’ jawtorizza lil kwalunkwe Stat Membru biex japplika miżuri speċjali għal deroga mid-dispożizzjonijiet ta’ dik id-Direttiva, sabiex jissimplifika l-proċedura tal-ġbir tal-VAT jew sabiex jipprevjeni ċerti forom ta’ evażjoni jew ta’ evitar tat-taxxa.
B’ittra rreġistrata mal-Kummissjoni fl-14 ta’ Jannar 2020, ir-Rumanija talbet awtorizzazzjoni biex wara l-31 ta’ Diċembru 2020, tibqa’ teżenta mill-VAT lil persuni taxxabbli li l-fatturat annwali tagħhom ma jkunx aktar mill-ekwivalenti ta’ EUR 88 500 fil-munita nazzjonali.
F’konformità mal-Artikolu 395(2) tad-Direttiva tal-VAT, il-Kummissjoni infurmat lill-Istati Membri l-oħra bit-talba tar-Rumanija permezz tal-ittra bid-data tat-18 ta’ Frar 2020. Bl-ittra bid-data tad-19 ta’ Frar 2020, il-Kummissjoni nnotifikat lir-Rumanija li kellha l-informazzjoni kollha li qieset bħala meħtieġa biex tevalwa t-talba.
1.KUNTEST TAL-PROPOSTA
•Raġunijiet u objettivi tal-proposta
Skont il-Kapitolu 1 tat-Titolu XII tad-Direttiva tal-VAT, l-Istati Membri jistgħu japplikaw skema speċjali għall-impriżi żgħar, li tinkludi l-possibbiltà li jeżentaw lil persuni taxxabbli li ma jkunux jaqbżu ċertu fatturat annwali mill-VAT. Il-persuni taxxabbli li jaqgħu taħt din l-eżenzjoni ma għandhomx għalfejn jimponu l-VAT fuq il-provvisti tagħhom u b’hekk ma jistgħux inaqqsu l-VAT fuq l-inputs tagħhom.
Skont l-Artikolu 287(18) tad-Direttiva tal-VAT, ir-Rumanija tista’ teżenta mill-VAT lil persuni taxxabbli li l-fatturat annwali tagħhom ma jkunx aktar mill-ekwivalenti ta’ EUR 35 000 fil-munita nazzjonali.
Permezz tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill 2012/181/UE, ir-Rumanija kienet awtorizzata, sal-31 ta’ Diċembru 2014 biex teżenta mill-VAT lill-persuni taxxabbli li l-fatturat annwali tagħhom mhuwiex aktar mill-ekwivalenti għal EUR 65 000 fil-munita nazzjonali bir-rata tal-konverżjoni fil-jum tal-adeżjoni tagħha mal-Unjoni Ewropea. Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill 2014/931/UE awtorizzat lir-Rumanija tkompli tapplika l-miżura speċjali li tidderoga mill-Artikolu 287(18) tad-Direttiva tal-VAT sal-31 ta’ Diċembru 2017. Sussegwentement, permezz tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2017/1855, ir-Rumanija ġiet awtorizzata żżid is-soll tal-eżenzjoni għall-ekwivalenti ta’ EUR 88 500 fil-munita nazzjonali u li testendi d-data ta’ skadenza tal-miżura ta’ deroga sal-31 ta’ Diċembru 2020 jew sad-data tad-dħul fis-seħħ ta’ direttiva li temenda d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 281 sa 294 tad-Direttiva tal-VAT, skont liema data tiġi l-ewwel. Il-miżura għandha karattru fakultattiv, u tippermetti lin-negozji ż-żgħar jagħżlu l-arranġamenti normali tal-VAT.
Din it-talba mir-Rumanija biex id-data ta’ skadenza tad-deroga tkompli tittawwal, mingħajr ma jiżdied is-soll preżenti ta’ EUR 88 500, hija bbażata fuq l-istess raġunijiet bħal dawk ippreżentati fit-talbiet preċedenti.
Ir-Rumanija ssostni li l-estensjoni tal-miżura ta’ deroga kif ukoll il-limitu attwali tal-eżenzjoni huma ġġustifikati fid-dawl tal-istruttura tal-ekonomija nazzjonali. L-impriżi żgħar u ta’ daqs medju jħabbtu wiċċhom ma’ kostijiet tal-konformità tal-VAT sproporzjonati meta mqabbla ma’ impriżi kbar. L-eżenzjoni mill-VAT tnaqqas b’mod sinifikanti l-obbligi tan-negozji ż-żgħar fir-rigward tal-VAT, filwaqt li teħles lill-awtoritajiet tat-taxxa mill-piż li jkollhom jimmonitorjaw il-ġbir ta’ volum żgħir ta’ dħul mill-impriżi żgħar u ta’ daqs medju b’fatturat annwali ta’ inqas minn EUR 88 500.
F’dan ir-rigward, ir-Rumanija stmat li fl-2019, l-ammont ta’ VAT li tħallas lill-baġit tal-istat minn persuni taxxabbli rreġistrati għall-finijiet tal-VAT, b’fatturat annwali ta’ inqas minn EUR 88 500, irrappreżenta 2,52 tad-dħul totali mill-VAT u 1,09 % tad-dħul tal-baġit totali tal-Istat. Għall-istess sena, il-persuni taxxabli b’fatturat annwali ogħla minn EUR 88 500 (li jirrappreżentaw 42,85 % tal-għadd totali ta’ persuni taxxabbli rreġistrati għal finijiet tal-VAT) għamlu kontribuzzjoni ta’ 97,48 % għad-dħul totali mill-VAT. B’hekk l-impatt tal-miżura ta’ deroga fuq id-dħul mit-taxxa miġbur fl-istadju tal-konsum finali mistenni jkun negliġibbli, filwaqt li l-impatt tiegħu mistenni jkun sinifikanti f’termini ta’ simplifikazzjoni, kemm tal-obbligi tat-taxxa tal-persuni taxxabbli kkonċernati, kif ukoll tal-proċedura għall-ġbir tal-VAT għad-dipartiment tat-taxxa.
Abbażi tal-informazzjoni pprovduta mir-Rumanija, huwa ċar li l-għan tat-talba biex tiġi estiża l-miżura ta’ deroga huwa li n-negozji ż-żgħar jinħelsu minn ħafna mill-obbligi tal-VAT taħt l-arranġamenti normali tal-VAT kif ukoll li jitnaqqas il-piż fuq id-dipartiment tat-taxxa f’termini tal-ġbir tat-taxxa, biex b’hekk din issir aktar effiċjenti, filwaqt li jiġu ffrankati r-riżorsi amministrattivi u titnaqqas l-evażjoni tat-taxxa. Għalhekk, il-miżura ta’ deroga tikkonforma mal-objettivi tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 395(1) tad-Direttiva tal-VAT li jippermetti lill-Istati Membri jintroduċu miżuri speċjali li jidderogaw mid-dispożizzjonijiet tagħha biex jissimplifikaw il-proċedura tal-ġbir tal-VAT jew għall-prevenzjoni tal-evażjoni tat-taxxa. F’dan il-kuntest, qed jiġi mtenni li l-miżura hija u se tibqa’ fakultattiva għall-persuni taxxabbli, li jitħallew jagħżlu l-arranġamenti normali tal-VAT jekk iridu.
Kif uriet ir-Rumanija, il-miżura ta’ deroga lanqas ma hi mistennija taffettwa b’mod sinifikanti l-ammont globali tad-dħul tagħha mit-taxxa miġbur fl-istadju tal-konsum finali. Għalhekk, il-miżura ta’ deroga jidher li hija f’konformità mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 395(1) tad-Direttiva tal-VAT.
Fid-dawl ta’ dan ta’ hawn fuq, u peress li l-qafas legali tal-UE u s-sitwazzjoni fattwali baqgħu l-istess, l-estensjoni mitluba tad-data ta’ skadenza tal-miżura ta’ deroga tidher li hija ġġustifikata. Għaldaqstant, qed jiġi propost li t-talba tar-Rumanija tintlaqa’.
Normalment, id-derogi jingħataw għal perjodu ta’ żmien limitat biex ikun jista’ jiġi vvalutat jekk il-miżura ta’ deroga tibqax adegwata u effettiva. Barra minn hekk, fit-18 ta’ Frar 2020, il-Kunsill adotta direttiva li temenda d-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 281 sa 294 tad-Direttiva tal-VAT dwar skema speċjali għall-impriżi ż-żgħar. Id-Direttiva l-ġdida dwar regoli tal-VAT aktar sempliċi għal impriżi żgħar tirrikjedi li l-Istati Membri, sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Diċembru 2024, jadottaw u jippubblikaw il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex jikkonformaw mar-regoli l-ġodda. L-Istati Membri se jkollhom japplikaw dawk id-dispożizzjonijiet nazzjonali mill-1 ta’ Jannar 2025.
Għalhekk, jixraq li r-Rumanija tkun awtorizzata tkompli tapplika l-miżura ta’ deroga sal-31 ta’ Diċembru 2024.
•Konsistenza mad-dispożizzjonijiet eżistenti fil-qasam ta’ politika
Il-miżura ta’ deroga hija konformi mal-filosofija tad-direttiva msemmija hawn fuq li temenda l-Artikoli 281 sa 294 tad-Direttiva tal-VAT dwar skema speċjali għall-impriżi ż-żgħar, adottata fit-18 ta’ Frar 2020, li rriżultat mill-pjan ta’ azzjoni dwar il-VAT, u għandha l-għan li toħloq skema moderna u simplifikata għal dawk in-negozji. B’mod partikolari, għandha l-għan li tnaqqas il-kostijiet tal-konformità mal-VAT u d-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni fil-livell domestiku u fil-livell tal-UE, tnaqqas l-impatt negattiv tal-effett tas-soll u tiffaċilita kemm il-konformità tan-negozju kif ukoll il-monitoraġġ mid-dipartimenti tat-taxxa.
Stati Membri oħra ngħataw derogi simili li jeżentaw mill-VAT lill-persuni taxxabbli li l-fatturat annwali tagħhom huwa inqas minn ċertu soll, kif previst fl-Artikolu 285 tad-Direttiva tal-VAT. Malta ngħatat soll ta’ EUR 20 000; in-Netherlands ingħataw soll ta’ EUR 25 000; il-Lussemburgu ngħata soll ta’ EUR 35 000; il-Polonja, l-Estonja u l-Latvja ngħataw soll ta’ EUR 40 000; il-Kroazja u l-Litwanja ngħataw soll ta’ EUR 45 000; l-Ungerija ngħatat soll ta’ EUR 48 000; is-Slovenja ngħatat soll ta’ EUR 50 000; u l-Italja ngħatat soll ta’ EUR 65 000.
Kif issemma diġà, jenħtieġ li d-derogi mid-Direttiva tal-VAT ikunu dejjem limitati fiż-żmien biex l-effetti tagħhom ikunu jistgħu jiġu vvalutati. L-estensjoni tad-data ta’ skadenza tal-miżura ta’ deroga sal-31 ta’ Diċembru 2024 hija allinjata mar-rekwiżiti tad-Direttiva l-ġdida dwar regoli tal-VAT aktar sempliċi għall-impriżi żgħar u ta’ daqs medju. Din id-Direttiva tipprevedi l-1 ta’ Jannar 2025 bħala d-data li fiha l-Istati Membri jkollhom japplikaw id-dispożizzjonijiet nazzjonali, li huma obbligati jadottaw sabiex jikkonformaw magħha.
Għalhekk, il-miżura proposta hija konsistenti mad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva tal-VAT.
Konsistenza ma’ politiki oħra tal-Unjoni
Fil-programmi ta’ ħidma annwali tagħha, il-Kummissjoni enfasizzat b’mod konsistenti l-ħtieġa għal regoli aktar sempliċi għall-impriżi żgħar. F’dan ir-rigward, il-Programm ta’ Ħidma tal-Kummissjoni tal-2020 jirreferi għal “Strateġija ddedikata għall-SMEs li se tagħmilha aktar faċli biex in-negozji żgħar u medji joperaw, jikbru u jespandu”. Il-miżura ta’ deroga tikkonforma ma’ tali objettivi, f’dak li għandu x’jaqsam mar-regoli fiskali. Hija notevolement konsistenti mal-Programm ta’ Ħidma tal-Kummissjoni tal-2017, li rrefera speċifikament għall-VAT, fejn issemma li l-piż amministrattiv tal-konformità tal-VAT għan-negozji żgħar huwa għoli u li l-innovazzjonijiet tekniċi joħolqu sfidi ġodda għall-ġbir effettiv tat-taxxa u enfasizza l-ħtieġa li l-VAT tiġi ssimplifikata għall-kumpaniji iżgħar.
Bl-istess mod, il-miżura hija konsistenti mal-istrateġija tas-suq uniku tal-2015, li fiha l-Kummissjoni ħadmet biex tgħin lin-negozji żgħar u ta’ daqs medju jikbru, fost l-oħrajn billi jitnaqqsu l-piżijiet amministrattivi li ma jħalluhomx jisfruttaw għalkollox is-suq uniku. Issegwi wkoll il-filosofija tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-2013 dwar il-“Pjan ta’ Azzjoni dwar l-Intraprenditorija 2020: Tkebbis mill-ġdid tal-ispirtu tal-intraprendenza fl-Ewropa”, li tenfasizza l-ħtieġa li tiġi ssimplifikata l-leġiżlazzjoni tat-taxxa għan-negozji ż-żgħar.
Fl-aħħar nett, il-miżura tikkonforma mal-politiki tal-UE dwar l-impriżi żgħar u medji kif stabbiliti fil-Komunikazzjoni tal-2016 favur in-Negozji l-ġodda u fil-Komunikazzjoni tal-2008 ““Aħseb l-Ewwel fiż-Żgħir” - “Att dwar in-Negozji ż-Żgħar” għall-Ewropa”, li stiednu lill-Istati Membri biex iqisu l-karatteristiċi speċjali tal-SMEs meta jfasslu l-leġiżlazzjoni u jissimplifikaw l-ambjent regolatorju eżistenti.
2.
BAŻI ĠURIDIKA, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ
•Bażi ġuridika
L-Artikolu 395 tad-Direttiva tal-VAT huwa l-unika bażi ġuridika possibbli.
•Sussidjarjetà (għal kompetenza mhux esklużiva)
Meta titqies id-dispożizzjoni tad-Direttiva tal-VAT li fuqha hija bbażata l-proposta, il-proposta hija fil-kompetenza esklużiva tal-Unjoni Ewropea. Għalhekk, il-prinċipju tas-sussidjarjetà ma japplikax.
•Proporzjonalità
Id-Deċiżjoni tikkonċerna awtorizzazzjoni mogħtija lil Stat Membru fuq talba tiegħu stess u ma tikkostitwixxi l-ebda obbligu.
Minħabba l-kamp ta’ applikazzjoni limitat tad-deroga, il-miżura speċjali hi proporzjonata mal-għan li jrid jintlaħaq, jiġifieri s-simplifikazzjoni tal-ġbir tat-taxxi għall-persuni taxxabbli żgħar u għad-dipartiment tat-taxxa, biex jiġu ffrankati r-riżorsi amministrattivi u titnaqqas l-evażjoni tat-taxxa.
•Għażla tal-istrument
L-istrument propost huwa Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill.
Skont l-Artikolu 395 tad-Direttiva tal-VAT, huwa possibbli li tingħata deroga mir-regoli komuni tal-VAT biss bl-awtorizzazzjoni tal-Kunsill, li jaġixxi b’mod unanimu fuq proposta tal-Kummissjoni. Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill hija l-aktar strument xieraq peress li tista’ tiġi indirizzata lil Stat Membru individwali.
3.RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT
•Konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati
Ma saret l-ebda konsultazzjoni mal-partijiet ikkonċernati. Il-proposta attwali hija bbażata fuq talba li saret mir-Rumanija u tikkonċerna biss lil dan l-Istat Membru partikolari.
•Ġbir u użu tal-għarfien espert
Ma kienx hemm bżonn ta’ għarfien espert estern.
•Valutazzjoni tal-impatt
Il-proposta għal Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill għandha l-għan li testendi miżura għas-simplifikazzjoni li telimina ħafna mill-obbligi tal-VAT għan-negozji li joperaw b’fatturat annwali ta’ mhux aktar minn EUR 88 500 jew l-ekwivalent ta’ dan l-ammont fil-munita nazzjonali. Dan jista’ jkollu impatt potenzjalment pożittiv fuq it-tnaqqis tal-piż amministrattiv għal 241 417 impriża żgħira li jirrappreżentaw 57,15 % tal-għadd totali ta’ persuni taxxabbli rreġistrati għal skopijiet ta’ VAT u 17,79 % tal-għadd totali ta’ persuni taxxabbli attivi fir-Rumanija għall-2019 (sal-31 ta’ Ottubru). Bl-istess mod, il-miżura ta’ deroga tista’ tnaqqas b’mod sinifikanti il-piż tad-dipartiment tat-taxxa f’termini ta’ ġbir tat-taxxi, biex b’hekk dan isir aktar effiċjenti, filwaqt li jitnaqqsu r-riżorsi amministrattivi u titnaqqas l-evażjoni tat-taxxa. Il-miżura ta’ deroga hija u se tibqa’ fakultattiva għall-persuni taxxabbli. Il-persuni taxxabbli xorta se jkunu jistgħu jagħżlu l-arranġamenti regolari tal-VAT skont l-Artikolu 290 tad-Direttiva 2006/112/KE. L-impatt baġitarju f’termini ta’ dħul mill-VAT għall-2019, ir-Rumanija tqisu bħala negliġibbli.
•Drittijiet fundamentali
Il-proposta ma għandhiex konsegwenzi għall-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali.
4.IMPLIKAZZJONIJIET GĦALL-BAĠIT
Il-proposta mhux se jkollha impatt negattiv fuq il-baġit tal-UE peress li r-Rumanija se twettaq kalkolu ta’ kumpens skont l-Artikolu 6 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE EURATOM) 1553/89.
2020/0136 (NLE)
Proposta għal
DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL
li temenda d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/1855 li tawtorizza lir-Rumanija tapplika miżura speċjali ta’ deroga għall-Artikolu 287 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud, u b’mod partikolari l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 395(1) tagħha,
Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,
Billi:
(1)Skont il-punt (18) tal-Artikolu 287 tad-Direttiva 2006/112/KE, ir-Rumanija tista’ teżenta mit-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) lill-persuni taxxabbli li l-fatturat annwali tagħhom ma jaqbiżx l-ekwivalenti ta’ EUR 35 000 fil-munita nazzjonali bir-rata tal-konverżjoni fil-jum tal-adeżjoni tagħha.
(2)Bid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill 2012/181/UE, ir-Rumanija kienet awtorizzata tintroduċi miżura speċjali li tidderoga mill-Artikolu 287 tad-Direttiva 2006/112/KE (“il-miżura ta’ deroga”), biex teżenta mill-VAT lil persuni taxxabbli li l-fatturat annwali tagħhom ma jaqbiżx EUR 65 000. Il-miżura ta’ deroga skadiet fit-31 ta’ Diċembru 2014.
(3)Permezz tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill 2014/931/UE, ir-Rumanija ġiet awtorizzata tkompli tapplika l-miżura ta’ deroga sal-31 ta’ Diċembru 2017.
(4)Permezz tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2017/1855, ir-Rumanija ġiet awtorizzata tapplika miżura speċjali biex tidderoga mill-Artikolu 287 tad-Direttiva 2006/112/KE u b’hekk tagħti eżenzjoni mill-VAT lill-persuni taxxabbli li l-fatturat annwali tagħhom mhuwiex għola mill-ekwivalenti għal EUR 88 500 fil-munita nazzjonali bir-rata tal-konverżjoni fil-jum tal-adeżjoni tagħha. Il-miżura ta’ deroga ġiet awtorizzata sal-31 ta’ Diċembru 2020, jew sad-dħul fis-seħħ ta’ direttiva li temenda d-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 281 sa 294 tad-Direttiva 2006/112/KE, skont liema data tiġi l-ewwel.
(5)Fit-18 ta’ Frar 2020, il-Kunsill adotta d-Direttiva (UE) 2020/285 li temenda l-Artikolu 281 sa 294 tad-Direttiva 2006/112/KE fir-rigward tal-iskema speċjali għall-impriżi ż-żgħar u li tistabbilixxi regoli ġodda għall-impriżi ż-żgħar, inkluż is-soll massimu tal-fatturat annwali tal-Istat Membru ta’ 85 000 jew l-ekwivalenti fil-munita nazzjonali.
(6)Permezz tal-ittra rreġistrata mal-Kummissjoni fl-14 ta’ Jannar 2020, ir-Rumanija talbet awtorizzazzjoni biex tkompli tapplika l-miżura ta’ deroga wara l-31 ta’ Diċembru 2020.
(7)Permezz tal-ittra bid-data tat-18 ta’ Frar 2020, il-Kummissjoni infurmat lill-Istati Membri l-oħra, skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 395(2) tad-Direttiva 2006/112/KE, bit-talba li għamlet ir-Rumanija. Permezz ta’ ittra bid-data tad-19 ta’ Frar 2020, il-Kummissjoni nnotifikat lir-Rumanija li kellha l-informazzjoni kollha meħtieġa biex tqis it-talba.
(8)Mill-informazzjoni pprovduta mir-Rumanija, jidher li r-raġunijiet għall-miżura ta’ deroga għadhom ġeneralment l-istess. Il-miżura ta’ deroga hija waħda ta’ simplifikazzjoni li tnaqqas l-obbligi marbuta mal-VAT għal għadd ta’ impriżi żgħar. Tnaqqas ukoll il-piż fuq l-awtoritajiet tat-taxxa billi tneħħi l-bżonn li jiġi mmonitorjat il-ġbir ta’ volum żgħir ta’ dħul minn għadd akbar ta’ impriżi żgħar. Iż-żamma tal-istess soll ta’ eżenzjoni attwali jidher li hija mod effettiv biex jiġu ffrankati r-riżorsi amministrattivi u biex titnaqqas l-evażjoni tat-taxxa.
(9)Il-miżura ta’ deroga hija u se tibqa’ fakultattiva għall-persuni taxxabbli. Il-persuna taxxabbli xorta jistgħu jagħżlu l-arranġamenti normali tal-VAT skont l-Artikolu 290 tad-Direttiva 2006/112/KE.
(10)Skont l-informazzjoni pprovduta mir-Rumanija, il-miżura ta’ deroga se jkollha effett negliġibbli biss fuq l-ammont globali tad-dħul mill-VAT tar-Rumanija miġbur fl-istadju tal-konsum finali.
(11)Il-miżura ta’ deroga mhix se taffettwa b'mod negattiv lir-riżorsi proprji tal-Unjoni li jakkumulaw mill-VAT minħabba li r-Rumanija se twettaq kalkolu tal-kumpens skont l-Artikolu 6 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE, EURATOM) Nru 1553/89.
(12)Minħabba l-impatt potenzjalment pożittiv tal-miżura ta’ deroga bit-tnaqqis tal-piż amministrattiv għan-negozji żgħar u għall-awtoritajiet tat-taxxa, u n-nuqqas ta’ kwalunkwe impatt kbir fuq id-dħul totali ġġenerat mill-VAT, jenħtieġ li r-Rumanija tkun awtorizzata tkompli tapplika l-miżura ta’ deroga għal perjodu ulterjuri.
(13)Jenħtieġ li l-estensjoni tal-awtorizzazzjoni biex tiġi applikata l-miżura ta’ deroga, tkun limitata fiż-żmien. Jenħtieġ li l-limitu ta’ żmien ikun biżżejjed biex tkun tista’ ssir evalwazzjoni tal-effettività u l-adegwatezza tas-soll. Barra minn hekk, skont id-Direttiva (UE) 2020/285, sal-31 ta’ Diċembru 2024, l-Istati Membri għandhom jadottaw u jippubblikaw il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi biex jikkonformaw mal-Artikolu 1 ta’ dik id-Direttiva, u għandhom japplikaw dawk id-dispożizzjonijiet mill-1 ta’ Jannar 2025. Għalhekk, jixraq li r-Rumanija tkun awtorizzata tapplika l-miżura ta’ deroga sal-31 ta’ Diċembru 2024.
(14)Għalhekk, id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/1855 jenħtieġ li tiġi emendata skont dan,
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Fl-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/1855, ir-raba’ paragrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:
“Din id-Deċiżjoni għandha tapplika mill-1 ta’ Jannar 2018 sal-31 ta’ Diċembru 2024.”
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Rumanija.
Magħmul fi Brussell,
Għall-Kunsill
Il-President