Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52020PC0240

Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL li tawtorizza lill-Portugall japplika rata mnaqqsa tad-dazju tas-sisa fuq ċerti prodotti alkoħoliċi prodotti fir-reġjuni awtonomi ta’ Madeira u tal-Azores

COM/2020/240 final

Brussell, 18.6.2020

COM(2020) 240 final

2020/0118(CNS)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

li tawtorizza lill-Portugall japplika rata mnaqqsa tad-dazju tas-sisa fuq ċerti prodotti alkoħoliċi prodotti fir-reġjuni awtonomi ta’ Madeira u tal-Azores

{SWD(2020) 108 final}


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.KUNTEST TAL-PROPOSTA

Raġunijiet u objettivi tal-proposta

Il-proposta tikkonċerna Deċiżjoni tal-Kunsill biex tissostitwixxi d-Deċiżjoni attwali tal-Kunsill Nru 376/2014/UE tat-12 ta’ Ġunju 2014 1 , adottata fuq il-bażi tal-Artikolu 349 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE). Dan l-Artikolu jippermetti li jittieħdu miżuri speċifiċi għar-reġjuni ultraperiferiċi tal-UE peress li jagħraf li l-limiti permanenti u konġunti jrażżnu bil-kbir l-iżvilupp tagħhom u jaffettwa l-qagħda ekonomika u soċjali tagħhom. Dan l-Artikolu jippermetti tali miżuri dment li ma jimminawx l-integrità u l-koerenza tal-ordni legali tal-Unjoni inkluż is-suq intern u l-politiki komuni. Din id-Deċiżjoni tawtorizza lill-Portugall japplika rata mnaqqsa tad-dazju tas-sisa sa 75 % tar-rati standard Portugiżi għar-rum u għal-likuri prodotti u kkonsmati f’Madeira u għal-likuri u għall-eaux-de-vie prodotti u kkonsmati fl-Azores. Din id-Deċiżjoni tiskadi fil-31 ta’ Diċembru 2020.

L-objettiv ta’ din il-miżura huwa li tikkumpensa lill-produtturi tar-reġjuni ultraperiferiċi Portugiżi għall-iżvantaġġ kompetittiv tagħhom ikkaġunat mill-periferiċità u mill-insularità, miċ-ċokon, mit-topografija diffiċli, mill-klima u mid-dipendenza ekonomika fuq ftit prodotti, li jrażżnu bil-kbir l-iżvilupp tagħhom. Bħala riżultat ta’ dawn il-karatteristiċi, il-produtturi fir-reġjuni ultraperiferiċi jġarrbu kostijiet ta’ produzzjoni ogħla minn dawk imġarrba mill-kontropartijiet tagħhom fuq il-kontinent.

Fid-dawl tad-data ta’ skadenza tad-Deċiżjoni, il-Kummissjoni Ewropea nediet studju estern sabiex tivvaluta r-reġim attwali kif ukoll l-impatti potenzjali tal-għażliet possibbli għall-perjodu wara l-2020, inkluża l-għażla li fuqha tinbena din il-proposta.

Din il-proposta tinvolvi t-tiġdid tad-deroga sal-2027, u l-estensjoni tagħha wkoll biex tkopri l-bejgħ fl-Azores tar-rum prodott lokalment b’rata ta’ tnaqqis miżmuma għal 75 %, u testendiha wkoll biex tipprovdi għal tnaqqis ta’ 50 % tar-rata tad-dazju tas-sisa fuq il-bejgħ fil-Portugall kontinentali tal-prodotti kollha koperti.

Konsistenza mad-dispożizzjonijiet eżistenti fil-qasam ta’ politika

Il-Komunikazzjoni tal-2017 dwar Sħubija strateġika mar-Reġjuni Ultraperiferiċi tal-UE 2 nnutat li r-reġjuni ultraperiferiċi għandhom iħabbtu wiċċhom ma’ sfidi serji li ħafna minnhom huma permanenti. Din il-Komunikazzjoni tippreżenta l-approċċ tal-Kummissjoni rigward l-appoġġ għal dawn ir-reġjuni biex jibnu fuq l-assi uniċi tagħhom u sabiex ir-reġjuni ultraperiferiċi jidentifikaw setturi ġodda ta’ tkabbir li jippermettu t-tkabbir u l-ħolqien tal-impjiegi.

F’dan il-kuntest, l-għan ta’ din il-proposta huwa li jiġu appoġġati r-reġjuni ultraperiferiċi Portugiżi biex jibnu fuq l-assi tagħhom sabiex jippermettu t-tkabbir lokali u l-ħolqien tal-impjiegi f’settur speċifiku — l-alkoħol. Din il-proposta tissupplimenta l-Programm ta’ Soluzzjonijiet Speċifikament Relattivi għall-Bogħod u l-Insularità (“POSEI”) 3 , bl-għan li tappoġġa s-settur primarju u l-produzzjoni tal-materja prima.

Konsistenza ma’ politiki oħra tal-Unjoni

Il-proposta hija konsistenti mal-Istrateġija għas-Suq Uniku tal-2015 4 , fejn il-Kummissjoni għandha l-għan li twassal Suq Uniku aktar profond u aktar ġust li jkun ta’ benefiċċju għall-partijiet ikkonċernati kollha. Wieħed mill-objettivi tal-miżura proposta huwa li jittaffew il-kostijiet addizzjonali li jħabbtu wiċċhom magħhom il-kumpaniji fir-reġjuni ultraperiferiċi, li jxekklu s-sehem bis-sħiħ tagħhom fis-Suq Uniku. Minħabba l-volumi limitati ta’ produzzjoni involuti, ma hu previst l-ebda impatt negattiv fuq il-funzjonament bla xkiel tas-Suq Uniku.

2.BAŻI ĠURIDIKA, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ

Bażi ġuridika

Il-bażi ġuridika hija l-Artikolu 349 tat-TFUE. Dan il-provvediment jippermetti lill-Kunsill jadotta dispożizzjonijiet speċifiċi li jaġġustaw l-applikazzjoni tat-Trattati għar-reġjuni ultraperiferiċi tal-UE.

Prinċipju ta’ sussidjarjetà

Abbażi tal-Artikolu 349 tat-TFUE, il-Kunsill biss hu awtorizzat li jadotta miżuri speċifiċi li jaġġustaw l-applikazzjoni tat-Trattati favur ir-reġjuni ultraperiferiċi tal-UE, inkluż il-politiki komuni, minħabba l-limiti permanenti li jaffettwaw il-qagħda ekonomika u soċjali ta’ dawk ir-reġjuni. Dan jgħodd ukoll għall-awtorizzazzjoni ta’ derogi tal-Artikolu 110 tat-TFUE. Għaldaqstant, il-proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill tikkonforma mal-prinċipju tas-sussidjarjetà.

Prinċipju ta’ proporzjonalità

Din il-proposta tikkonforma mal-prinċipji ta’ proporzjonalità kif stabbiliti fl-Artikolu 5(4) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. L-emendi proposti ma jmorrux lil hinn minn dak li huwa meħtieġ biex jiġu indirizzati l-kwistjonijiet ikkonċernati u, b’dak il-mod, biex jinkisbu l-objettivi tat-Trattat sabiex jiġi żgurat li s-suq intern jaħdem b’mod tajjeb u effettiv.

B’mod partikolari, l-estensjoni proposta ta’ rati mnaqqsa għall-Portugall kontinentali, tista’ ttejjeb il-kompetittività tal-produtturi fir-reġjuni ultraperiferiċi Portugiżi li jsofru minn effetti negattivi limitati fir-rigward ta’ dħul mitluf u piżijiet amministrattivi u tista’ tpoġġihom fuq l-istess livell tal-produtturi ta’ prodotti simili fil-Portugall kontinentali.

Għażla tal-istrument

Deċiżjoni tal-Kunsill hi proposta biex tissostitwixxi d-Deċiżjoni tal-Kunsill Nru 376/2014/UE.

3.RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

L-evalwazzjoni ex post tal-leġiżlazzjoni eżistenti

L-istudju estern sab li l-produtturi tar-reġjuni ultraperiferiċi jkomplu jħabbtu wiċċhom ma’ kostijiet ta’ produzzjoni ogħla minn dawk tal-kontropartijiet fil-kontinent li bħalissa huma kkumpensati bit-tnaqqis tas-sisa. Barra minn hekk, l-istudju identifika ż-żewġ kwistjonijiet li ġejjin li tnisslu mindu ġiet adottata d-deċiżjoni attwali.

L-ewwel nett, l-istudju estern josserva li r-rum bħalissa qed jiġi prodott fl-Azores, iżda mhuwiex inkluż fir-reġim attwali. Madankollu, ir-reġim ikopri r-rum prodott f’Madeira, li jwassal għal kundizzjonijiet mhux ekwivalenti fost il-produtturi tar-rum taż-żewġ reġjuni ultraperiferiċi. It-tieni nett, l-istudju josserva li minbarra l-produzzjoni tar-rum fl-Azores, il-produzzjoni tar-rum f’Madeira qiegħda tiżdied u minħabba s-suq limitat fir-reġjuni ultraperiferiċi, mhux ir-rum kollu jista’ jinbiegħ lokalment. Il-kostijiet addizzjonali ta’ aċċess għas-suq tal-Portugall kontinentali jaġixxu ta’ ostaklu għal dawn il-produtturi u għaldaqstant ir-rum qed jinħażen b’kost.

Konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati

Bħala parti mill-istudju estern li jappoġġa l-analiżi tar-reġim attwali, is-servizzi relevanti tal-Kummissjoni Ewropea, l-awtoritajiet Portugiżi, il-produtturi taż-żewġ reġjuni ultraperiferiċi u d-distributuri Portugiżi bagħtu t-tweġibiet tagħhom permezz ta’ kwestjonarji, intervisti u diskussjonijiet. Minkejja l-isforzi speċjali li saru mill-kuntrattur estern, il-produtturi kontinentali jew is-soċjetà ċivili ma bagħtu l-ebda tweġiba.

Valutazzjoni tal-impatt

Din l-inizjattiva tħejjiet bħala eżerċizzju back-to-back: evalwazzjoni ex-post tar-reġim attwali segwita mill-qrib minn valutazzjoni progressiva. Valutazzjoni bħal din, tal-impatti potenzjali tar-reġim eżistenti li jkompli u possibbilment jinbidel, ġiet stabbilita f’dokument analitiku, inkluż anness ta’ evalwazzjoni. Dan id-dokument jissejjes fuq studju estern u fuq it-tagħrif ipprovdut mill-Istat Membru.

4.IMPLIKAZZJONI BAĠITARJA

Il-proposta ma għandha l-ebda impatt fuq il-baġit tal-Unjoni Ewropea, peress li d-dħul mid-dazji tas-sisa jmur kompletament għand l-Istati Membri.

5.ELEMENTI OĦRA

Pjanijiet ta’ implimentazzjoni u arranġamenti dwar il-monitoraġġ, l-evalwazzjoni u r-rappurtar

Il-monitoraġġ tal-implimentazzjoni u tal-funzjonament tad-deroga se jaqa’ fl-idejn l-awtoritajiet Portugiżi u tal-Kummissjoni, kif kien sal-ġurnata tal-lum.

Il-Portugall se jintalab iressaq rapport ta’ monitoraġġ sat-30 ta’ Settembru 2025 għall-perjodu mill-2019 sal-2024. Dan ir-rapport ta’ monitoraġġ se jinkludi dan li ġej:

·tagħrif dwar il-kostijiet addizzjonali involuti fil-produzzjoni

·id-distorsjonijiet ekonomiċi u l-impatti fuq is-suq

·tagħrif għall-evalwazzjoni tal-effettività, tal-effiċjenza, tal-koerenza mal-politiki l-oħra tal-UE

·tagħrif dwar ir-rilevanza kontinwa u l-valur miżjud tal-UE tal-leġiżlazzjoni l-ġdida.

L-eżerċizzju ta’ rapportar jenħtieġ li jfittex ukoll li jiġbor kontribut mill-partijiet ikkonċernati rilevanti kollha fir-rigward tal-livell u l-evoluzzjoni tal-kostijiet addizzjonali tal-produzzjoni tagħhom, il-kostijiet tal-konformità tagħhom u kwalunkwe każ ta’ distorsjonijiet tas-suq.

Sabiex jiġi żgurat li t-tagħrif miġbur mill-awtoritajiet Portugiżi jkun fih id-data meħtieġa biex il-Kummissjoni tieħu deċiżjoni infurmata dwar il-validità u l-vijabbiltà tal-iskema fil-ġejjieni, il-Kummissjoni se tfassal linji gwida speċifiċi dwar it-tagħrif meħtieġ. Linji gwida bħal dawn se jkunu, safejn possibbli, komuni għal skemi simili oħra għar-reġjuni ultraperiferiċi tal-UE rregolati minn leġiżlazzjoni simili.

Dan se jippermetti lill-Kummissjoni tivvaluta jekk ir-raġunijiet li jiġġustifikaw din id-deroga għadhomx jeżistu, jekk il-vantaġġ fiskali mogħti mill-Portugall għadux proporzjonat u jekk miżuri alternattivi għal sistema ta’ deroga għat-taxxa humiex possibbli, b’kont meħud tad-dimensjoni internazzjonali tagħhom.

L-istruttura u d-data meħtieġa fir-rapport ta’ monitoraġġ huma annessi mal-proposta fl-Anness 1.

Spjegazzjoni fid-dettall tad-dispożizzjonijiet speċifiċi tal-proposta

Din il-parti mhix applikabbli peress li l-artikoli huma evidenti.

2020/0118 (CNS)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

li tawtorizza lill-Portugall japplika rata mnaqqsa tad-dazju tas-sisa fuq ċerti prodotti alkoħoliċi prodotti fir-reġjuni awtonomi ta’ Madeira u tal-Azores

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 349 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew 5 ,

Filwaqt li jaġixxi f’konformità ma’ proċedura leġiżlattiva speċjali,

Billi:

(1)Id-Deċiżjoni tal-Kunsill Nru 376/2014/UE 6 awtorizzat lill-Portugall japplika rata mnaqqsa tad-dazju tas-sisa fir-reġjun awtonomu tal-Madeira fir-rigward ta’ rum u likuri prodotti u kkonsmati lokalment u fir-reġjun awtonomu tal-Azores fir-rigward ta’ likuri u eaux-de-vie prodotti u kkonsmati lokalment, li tista’ tkun anqas mir-rata minima tad-dazju tas-sisa stabbilita mid-Direttiva tal-Kunsill 92/84/KEE 7 , iżda mhux lil hinn minn 75 % inqas mir-rata tad-dazju tas-sisa standard nazzjonali fuq l-alkoħol.

(2)Fi Frar 2019, l-awtoritajiet Portugiżi talbu lill-Kummissjoni tressaq proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill li testendi l-limitu taż-żmien tal-awtorizzazzjoni stabbilit fid-Deċiżjoni Nru 376/2014/UE, bl-istess kundizzjonijiet kif ukoll li testendi l-ambitu ġeografiku għall-Portugall kontinentali bi tnaqqis aktar limitat, għal perjodu ieħor ta’ seba’ snin, mill-1 ta’ Jannar 2021 sal-31 ta’ Diċembru 2027.

(3)Il-produtturi fir-reġjuni awtonomi ta’ Madeira u tal-Azores iħabbtu wiċċhom ma’ diffikultajiet biex ikollhom aċċess għas-swieq barra minn dawk ir-reġjuni, u s-swieq reġjonali u lokali huma l-uniċi postijiet ta’ bejgħ possibbli biex jinbiegħu ċerti prodotti alkoħoliċi. Dawn il-produtturi jħabbtu wiċċhom ma’ kostijiet addizzjonali peress li l-materja prima ta’ oriġini agrikola, minħabba ċ-ċokon, in-natura fframmentata u l-mekkanizzazzjoni baxxa tal-azjendi agrikoli, tiswa aktar milli f’kundizzjonijiet ta’ produzzjoni normali. Ir-rendiment mill-ipproċessar tal-kannamiela huwa wkoll inqas minn dak ta’ reġjuni ultraperiferiċi oħra, minħabba t-topografija, il-klima, il-ħamrija u l-produzzjoni artiġjanali. Barra minn hekk, it-trasport lejn il-gżejjer ta’ ċerta materja prima u imballaġġ li mhumiex prodotti lokalment, iwassal għal kostijiet addizzjonali.

(4)Fil-każ tal-Azores, l-insularità toħloq problema doppja, peress li huma grupp ta’ gżejjer mifruxin fuq żona kbira. It-trasport f’dawk ir-reġjuni mbiegħda u insulari jissoktaw iżidu l-kostijiet addizzjonali. Dan japplika wkoll għal ċerti vvjaġġar u konsenji minn fuq il-baħar neċessarji lejn il-kontinent. Jiġġarrbu wkoll kostijiet addizzjonali għall-ħażna tal-prodotti finali minħabba li l-konsum lokali mhuwiex kapaċi jassorbi r-rendimentkollu, speċjalment dak tar-rum. Iċ-ċokon tas-suq reġjonali jżid il-kostijiet għal kull unità, b’mod partikolari minħabba r-relazzjonijiet sfavorevoli bejn il-kostijiet fissi u r-rendiment. Fl-aħħar nett, il-produtturi kkonċernati jħallsu wkoll kostijiet żejda, ġeneralment imġarrba mill-ekonomiji lokali, b’mod partikolari, żieda fil-kostijiet marbutin max-xogħol u mal-enerġija.

(5)Il-produzzjoni tar-rum żdiedet b’riżultat taż-żieda fil-produzzjoni tal-kannamiela. Filwaqt li xi rum jitqaddem jew jintuża bħala bażi għal-likuri, il-kwantitajiet mhux mibjugħa tar-rum jinħażnu b’kost li jissokta jżid il-kostijiet addizzjonali għall-produtturi. Bħala riżultat tal-kostijiet addizzjonali, il-produtturi fir-reġjuni awtonomi ta’ Madeira u tal-Azores mhumiex kapaċi jikkompetu ma’ produtturi minn barra dawk ir-reġjuni minħabba l-prezz ogħla tal-prodott finali u għalhekk ma għandhomx aċċess għal swieq oħra. L-aċċess għas-suq tal-Portugall kontinentali b’rati mnaqqsa tad-dazju tas-sisa jippermetti li tiġi indirizzata din il-kwistjoni.

(6)Sabiex jiġi evitat li jkun hemm trażżin qawwi tal-iżvilupp tar-reġjuni awtonomi ta’ Madeira u tal-Azores u biex tinżamm l-industrija tal-alkoħol u l-impjiegi li din l-industrija tipprovdi f’dawk ir-reġjuni, jeħtieġ jiġi aġġornat u jitwessa’ l-kamp ta’ applikazzjoni tal-awtorizzazzjoni stabbilita fid-Deċiżjoni Nru 376/2014/UE.

(7)Id-Deċiżjoni Nru 376/2014/UE tapplika sal-31 ta’ Diċembru 2020. Għal raġunijiet ta’ ċarezza huwa meħtieġ li tiġi adottata Deċiżjoni ġdida li tawtorizza lill-Portugall japplika rata mnaqqsa tad-dazju tas-sisa fir-reġjuni awtonomi ta’ Madeira u tal-Azores.

(8)Peress li l-vantaġġ fuq it-taxxa huwa limitat għal dak li huwa neċessarju biex ipatti għall-kostijiet addizzjonali u peress li l-volumi kkonċernati huma modesti u l-vantaġġ fuq it-taxxa huwa limitat għall-konsum fir-reġjuni awtonomi ta’ Madeira u tal-Azores u fil-Portugall kontinentali, il-miżura ma tpoġġix fil-periklu l-integrità u l-koerenza tal-ordni legali tal-Unjoni.

(9)Sabiex il-Kummissjoni tkun tista’ tivvaluta jekk il-kundizzjonijiet li jiġġustifikaw l-awtorizzazzjoni jissoktawx jiġu ssodisfati, jenħtieġ li l-Portugall iressaq rapport ta’ monitoraġġ lill-Kummissjoni sat-30 ta’ Settembru 2025.

(10)Din id-Deċiżjoni hija bla ħsara għall-applikazzjoni possibbli tal-Artikoli 107 u 108 tat-TFUE,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

B’deroga mill-Artikolu 110 tat-TFUE, il-Portugall b’dan huwa awtorizzat li japplika rata tad-dazju tas-sisa aktar baxxa mir-rata massima imposta fuq l-alkoħol stabbilita fl-Artikolu 3 tad-Direttiva 92/84/KEE fir-reġjun awtonomu ta’ Madeira, fir-rigward tal-likuri u tar-rum prodotti u kkonsmati lokalment, u fir-reġjun awtonomu tal-Azores, fir-rigward tar-rum, tal-likuri u tal-eaux-de-vie prodotti u kkonsmati lokalment.

Artikolu 2

B’deroga mill-Artikolu 110 tat-TFUE, il-Portugall b’dan huwa awtorizzat li japplika rata tad-dazju tas-sisa aktar baxxa mir-rata massima imposta fuq l-alkoħol stabbilita fl-Artikolu 3 tad-Direttiva 92/84/KEE fir-rigward tal-likuri u tar-rum prodotti fir-reġjun awtonomu ta’ Madeira meta jiġu kkonsmati fil-Portugall kontinentali, u fir-rigward tar-rum, tal-likuri u tal-eaux-de-vie prodotti fir-reġjun awtonomu tal-Azores u kkonsmati fil-Portugall kontinentali.

Artikolu 3

F’Madeira, l-awtorizzazzjoni stipulata fl-Artikoli 1 u 2 għandha tkun limitata għall-prodotti li ġejjin:

(a) sal-24 ta’ Mejju 2021, għar-rum kif definit fil-punt 1 tal-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 110/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 8 , li għandu l-Indikazzjoni Ġeografika “Rum da Madeira” msemmija fil-punt 1 tal-Anness III ta’ dak ir-Regolament, u mill-25 ta’ Mejju 2021, għar-rum kif definit fil-punt 1 tal-Anness I tar-Regolament (UE) 2019/787 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 9 , li għandu l-Indikazzjoni Ġeografika “Rum da Madeira”;

(b) sal-24 ta’ Mejju 2021, għal-likuri u għall-“crème de” kif definiti fil-punti 32 u 33 rispettivament tal-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 110/2008, prodotti minn frott jew minn pjanti reġjonali, u mill-25 ta’ Mejju 2021, għal-likuri u għall-“crème de” kif definiti fil-punti 33 u 34 rispettivament tal-Anness I tar-Regolament (UE) 2019/787, prodotti minn frott jew minn pjanti reġjonali;

Fl-Azores, l-awtorizzazzjoni stipulata fl-Artikoli 1 u 2 għandha tkun limitata għall-prodotti li ġejjin:

(a) sal-24 ta’ Mejju 2021, għar-rum kif definit fil-punt 1 tal-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 110/2008 prodott mill-kannamiela reġjonali, u mill-25 ta’ Mejju 2021, għar-rum kif definit fil-punt 1 tal-Anness I tar-Regolament (UE) 2019/787, prodott mill-kannamiela reġjonali;

(b) sal-24 ta’ Mejju 2021, għal-likuri u għall-“crème de” kif definiti fil-punti 32 u 33 rispettivament tal-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 110/2008, prodotti minn frott jew minn materja prima reġjonali, u mill-25 ta’ Mejju 2021, għal-likuri u għall-“crème de” kif definiti fil-punti 33 u 34 rispettivament tal-Anness I tar-Regolament (UE) 2019/787, prodotti minn frott jew minn materja prima reġjonali;

(c) sal-24 ta’ Mejju 2021, għall-eaux-de-vie magħmula mill-inbid jew mill-karfa li għandhom il-karatteristiċi u l-kwalitajiet kif definiti fil-punti 4 u 6 tal-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 110/2008, u mill-25 ta’ Mejju 2021, għall-eaux-de-vie magħmula mill-inbid jew mill-karfa li għandhom il-karatteristiċi u l-kwalitajiet kif definiti fil-punti 4 u 6 tal-Anness I tar-Regolament (UE) 2019/787.

Artikolu 4

Ir-rata mnaqqsa tad-dazju tas-sisa applikabbli għall-prodotti msemmija fl-Artikolu 1 ta’ din id-Deċiżjoni tista’ tkun anqas mir-rata minima tad-dazju tas-sisa fuq l-alkoħol stipulata mid-Direttiva 92/84/KEE, iżda ma tistax tmur lil hinn minn 75 % inqas mid-dazju tas-sisa nazzjonali standard fuq l-alkoħol.

Artikolu 5

Ir-rata mnaqqsa tad-dazju tas-sisa applikabbli għall-prodotti msemmija fl-Artikolu 2 ta’ din id-Deċiżjoni tista’ tkun anqas mir-rata minima tad-dazju tas-sisa fuq l-alkoħol stipulata mid-Direttiva 92/84/KEE, iżda ma tistax tmur lil hinn minn 50 % inqas mid-dazju tas-sisa nazzjonali standard fuq l-alkoħol.

Artikolu 6

Sa mhux aktar tard mit-30 ta’ Settembru 2025 , il-Portugall għandu jressaq rapport ta’ monitoraġġ lill-Kummissjoni sabiex din ttkun tista’ ivvaluta jekk il-kundizzjonijiet li jiġġustifikaw l-awtorizzazzjoni stabbiliti fl-Artikoli 1 u 2 għadhomx jiġu ssodisfati. Ir-rapport ta’ monitoraġġ għandu jkun fih it-tagħrif meħtieġ fl-Anness.

Artikolu 7

Din id-Deċiżjoni għandha tapplika mill-1 ta’ Jannar 2021 sal-31 ta’ Diċembru 2027.

Artikolu 8

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika Portugiża.

Magħmul fi Brussell,

   Għall-Kunsill

   Il-President

(1)     Id-Deċiżjoni tal-Kunsill Nru 376/2014/UE tat-12 ta’ Ġunju 2014 li tawtorizza lill-Portugall japplika rata mnaqqsa tad-dazju tas-sisa fir-reġjun awtonomu tal-Madeira fir-rigward ta’ rum u likuri prodotti u kkonsmati lokalment u fir-reġjun awtonomu tal-Azores fir-rigward ta’ likuri u eaux-de-vie prodotti u kkonsmati lokalment.
(2)    COM(2017) 623 final
(3)    Ir-Regolament (UE) Nru 228/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Marzu 2013.
(4)    Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill,lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni Naġġornaw is-Suq Uniku:opportunitajiet aktar għaċ-ċittadini u għan-negozji (COM (2015) 550 final) p. 4.
(5)    ĠU C XXX, XXX, p. XXX.
(6)    Id-Deċiżjoni tal-Kunsill Nru 376/2014/UE tat-12 ta’ Ġunju 2014 li tawtorizza lill-Portugall japplika rata mnaqqsa tad-dazju tas-sisa fir-reġjun awtonomu tal-Madeira fir-rigward ta’ rum u likuri prodotti u kkonsmati lokalment u fir-reġjun awtonomu tal-Azores fir-rigward ta’ likuri u eaux-de-vie prodotti u kkonsmati lokalment ( ĠU L 182, 21.6.2014, p. 1 ).
(7)    Id-Direttiva tal-Kunsill 92/84/KEE tad-19 ta’ Ottubru 1992 dwar l-approssimazzjoni tar-rati tat-taxxa tas-sisa fuq l-alkoħol u x-xorb alkoħoliku ( ĠU L 316, 31.10.1992, p. 29 ).
(8)    Ir-Regolament (KE) Nru 110/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Jannar 2008 dwar id-definizzjoni, id-deskrizzjoni, il-preżentazzjoni, l-ittikkettar, u l-protezzjoni ta’ Indikazzjonijiet Ġeografiċi, ta’ xorb spirituż u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1576/89 ( ĠU L 39, 13.2.2008, p. 16 ).
(9)    Ir-Regolament (UE) 2019/787 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ April 2019 dwar id-definizzjoni, id-deskrizzjoni, il-preżentazzjoni u t-tikkettar ta’ xorb spirituż, l-użu tal-ismijiet ta’ xorb spirituż fil-preżentazzjoni u t-tikkettar ta’ oġġetti tal-ikel oħra, il-protezzjoni ta’ Indikazzjonijiet Ġeografiċi ta’ xorb spirituż, l-użu ta’ alkoħol etiliku u distillati ta’ oriġini agrikola f’xorb alkoħoliku, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 110/2008 (ĠU L 130, 17.5.2019, p. 1).
Top

Brussell, 18.6.2020

COM(2020) 240 final

ANNESSI

ta'

Proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill

li tawtorizza lill-Portugall japplika rata mnaqqsa tad-dazju tas-sisa fuq ċerti prodotti alkoħoliċi prodotti fir-reġjuni awtonomi ta’ Madeira u tal-Azores

{SWD(2020) 108 final}


ANNESS

It-tagħrif li jrid jiddaħħal fir-rapport ta’ monitoraġġ imsemmi fl-Artikolu 6

1.Kostijiet addizzjonali stmati. It-tagħrif għandu jiġi pprovdut għal kull prodott li jibbenefika mir-rata mnaqqsa tad-dazju tas-sisa. L-awtoritajiet Portugiżi għandhom jimlew it-Tabella 1 b’tal-inqas bit-tagħrif li ġej, fejn tagħrif bħal dan ikun disponibbli. It-tagħrif ipprovdut fit-tabella għandu jkun biżżejjed biex jiġi ddeterminat jekk ikunx hemm kost addizzjonali, li jżid il-kost tal-prodotti manifatturati lokalment meta mqabbla mal-prodotti manifatturati band’oħra.

Tabella 1.

MADEIRA (euro)

L-AZORES (euro)

Noti2

Prezz tal-kannamiela (għal kull 100 kg)

Prezz tal-frott tal-passjoni (għal kull 100 kg)

Prezz tal-frott tat-tilju (għal kull 100 kg)

Prezz tal-alkoħol (għal kull hlpa3 — mingħajr it-taxxi)

Il-kost tal-merkanzija (għal kull kg)

Kostijiet oħra1 

Noti mat-Tabella:

1. Ipprovdi tagħrif dwar il-kostijiet relatati mal-ilma, mal-enerġija u mal-iskart, il-kostijiet f’każ ta’ diversi stabbilimenti u kostijiet rilevanti oħra.

2. Ipprovdi tagħrif dwar l-ispeċifikazzjonijiet u l-kjarifiki kollha li jirfdu l-metodi ta’ kalkolu.

3. F’ettolitri ta’ alkoħol pur.

2.Sussidji oħra. L-awtoritajiet Portugiżi għandhom jimlew it-Tabella 2 għal kull reġjun, u jelenkaw il-miżuri l-oħra kollha ta’ għajnuna u ta’ appoġġ li jindirizzaw il-kostijiet operatorji addizzjonali tal-operaturi ekonomiċi marbuta mal-istatus tar-reġjuni ultraperifiċi ta’ Madeira u tal-Azores.

Tabella 2.

Miżura ta’ għajnuna/appoġġ1

Perjodu2 

Settur fil-mira3

Ammont tal-baġit f’EUR4

Nefqa annwali, f’EUR (2019-2024)5

Sehem tal-baġit attribwit għall-kumpens tal-kostijiet addizzjonali6 

Għadd stmat ta’ ditti benefiċjarji7 

Noti8

[lista]

Noti mat-Tabella:

(1)Ipprovdi d-denominazzjoni u t-tip ta’ miżura.

(2)Ipprovdi tagħrif dwar is-snin koperti mill-miżura.

(3)Ipprovdi tagħrif għal miżuri orjentati lejn is-settur biss.

(4)Ipprovdi tagħrif dwar il-baġit globali tal-miżura u dwar is-sorsi ta’ finanzjament.

(5)Ipprovdi tagħrif dwar in-nefqa attwali sena b’sena għall-perjodu ta’ monitoraġġ (2019–2024), fejn disponibbli.

(6)Ipprovdi stima approssimattiva, f’% tal-baġit globali.

(7)Ipprovdi stima approssimattiva, fejn possibbli.

(8)Ipprovdi kwalunkwe kummenti u kjarifiki.

3.Impatt fuq il-baġit pubbliku. L-awtoritajiet Portugiżi għandhom jimlew it-Tabella 3 u jipprovdu l-ammont totali stmat (f’EUR) tat-taxxa mhux miġbura minħabba d-differenzjali tat-taxxa applikati.

Tabella 3.

2019

2020

2021

2022

2023

2024

Dħul mit-taxxa mitluf

4.Impatt fuq il-prestazzjoni ekonomika globali. L-awtoritajiet Portugiżi għandhom jimlew it-Tabella 4 għal kull reġjun u jipprovdu kwalunkwe data li turi l-impatt tad-dazji tas-sisa mnaqqsa fuq l-iżvilupp soċjoekonomiku tar-reġjuni. L-indikaturi mitluba fit-Tabella jirreferu għall-prestazzjoni tas-settur appoġġat meta mqabbel mal-prestazzjoni ġenerali fl-ekonomija ta’ Madeira u fl-ekonomija tal-Azores. Jekk uħud mill-indikaturi ma jkunux disponibbli, għandha tiddaħħal data alternattiva ta’ rappurtar dwar l-impatt fuq il-prestazzjoni ekonomika globali li tippermetti analiżi tal-impatt soċjoekonomiku.

Tabella 4.

Sena2

2019

2020

2021

2022

2023

2024

Noti3

Valur miżjud gross reġjonali

-Fis-settur appoġġat1

Impjieg globali reġjonali

-Fis-settur appoġġat1

Għadd ta’ produtturi attivi

-Fis-settur appoġġat1

Indiċi tal-livell tal-prezzijiet - Portugall kontinentali

Indiċi tal-livell tal-prezzijiet tar-reġjun

Għadd ta’ turisti tar-reġjun

Noti mat-Tabella:

(9)Ipprovdi tagħrif dwar il-produtturi tar-rum, tal-likuri u tal-eaux-de-vie.

(10)Jista’ jkun li t-tagħrif mhux disponibbli għas-snin kollha elenkati.

(11)Ipprovdi kummenti u kjarifiki kif meqjus rilevanti.

5.Speċifikazzjonijiet tar-reġim. L-awtoritajiet Portugiżi għandhom jimlew it-Tabella 5 għal kull prodott u għal kull reġjun ta’ Madeira u tal-Azores.

Tabella 5.

Kwantità (f’hlpa1)

2019

2020

2021

2022

2023

2024

Produzzjoni tal-likuri

Produzzjoni tal-eaux-de-vie

Produzzjoni tar-rum

Likuri mibgħuta lejn il-Portugall kontinentali

Likuri mibgħuta lejn Stati Membri oħra

Likuri esportati lejn pajjiżi terzi

Eaux-de-vie mibgħuta lejn il-Portugall kontinentali

Eaux-de-vie mibgħuta lejn Stati Membri oħra

Eaux-de-vie esportati lejn pajjiżi terzi

Rum mibgħut lejn il-Portugall kontinentali

Rum mibgħut lejn Stati Membri oħra

Rum esportat lejn pajjiżi terzi

Noti mat-Tabella:

1.    F’ettolitri ta’ alkoħol pur.

6.Irregolaritajiet. L-awtoritajiet Portugiżi għandhom jipprovdu tagħrif dwar kwalunkwe investigazzjoni dwar irregolaritajiet amministrattivi, b’mod partikolari dwar l-evażjoni mit-taxxi jew il-kuntrabandu fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-awtorizzazzjoni. Huma għandhom jipprovdu wkoll tagħrif dettaljat, inkluż mill-inqas tagħrif dwar in-natura tal-każ, il-valur u l-perjodu ta’ żmien.

7.Ilmenti. L-awtoritajiet Portugiżi għandhom jipprovdu tagħrif dwar jekk l-awtoritajiet lokali, reġjonali jew nazzjonali rċevewx ilmenti li jikkonċernaw l-applikazzjoni tal-awtorizzazzjoni, kemm mill-benefiċjarji kif ukoll minn dawk li mhumiex benefiċjarji.

Top