Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52020PC0199

    Proposta għal REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/2026 f’dak li jirrigwarda d-dati tal-applikazzjoni minħabba l-kriżi kkawżata mit-tifqigħa tal-COVID-19

    COM/2020/199 final

    Brussell, 8.5.2020

    COM(2020) 199 final

    2020/0083(NLE)

    Proposta għal

    REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL

    li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/2026 f’dak li jirrigwarda d-dati tal-applikazzjoni minħabba l-kriżi kkawżata mit-tifqigħa tal-COVID-19



    MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

    1.KUNTEST TAL-PROPOSTA

    Raġunijiet u objettivi tal-proposta

    Fil-21 ta’ Novembru 2019, il-Kunsill adotta r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/2026 1 li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 282/2011 2 fir-rigward ta’ provvisti ta’ merkanzija jew servizzi ffaċilitati permezz ta’ interfaċċi elettroniċi u l-iskemi speċjali għal persuni taxxabbli li jipprovdu servizzi lil persuni mhux taxxabbli, li jbigħu b’distanza merkanzija u xi provvisti domestiċi ta’ merkanzija.

    Id-data tal-applikazzjoni tal-parti l-kbira tal-pakkett tal-leġiżlazzjoni dwar l-immodernizzar tal-VAT għall-kummerċ elettroniku B2C transfruntier (“il-pakkett dwar il-VAT għall-kummerċ elettroniku”), inkluż id-dispożizzjonijiet ta’ implimentazzjoni, kienet iffissata għall-1 ta’ Jannar 2021.

    Fl-14 ta’ Frar 2020 il-Kummissjoni ppreżentat is-sitwazzjoni attwali tal-istat ta’ tħejjija tal-Istati Membri, fejn il-maġġoranza tal-Istati Membri kkonfermaw li jkunu f’pożizzjoni li japplikaw ir-regoli sal-iskadenza. Żewġ Stati Membri ressqu t-tħassib tagħhom u talbu posponiment ta’ sena jew iżjed tad-data tad-dħul fis-seħħ. Il-Kummissjoni offriet l-għajnuna lil dawk l-Istati Membri li kienu qed isibu d-diffikultà biex jegħlbu l-ostakli, u esprimiet li kienet għadha fiduċjuża li l-Istati Membri se jkunu lesti sal-1 ta’ Jannar 2021.

    Madankollu, minħabba t-tifqigħa mhux mistennija tal-kriżi kkawżata mit-tifqigħa tal-COVID-19 u l-impatt kbir tagħha, l-Istati Membri kellhom jibdlu l-prijoritajiet tagħhom u jirriallokaw ir-riżorsi tagħhom mill-implimentazzjoni tal-pakkett dwar il-VAT għall-kummerċ elettroniku, għall-ġlieda kontra din il-pandemija. Għaldaqstant, l-Istati Membri l-oħra ma jistgħux jibqgħu jagħtu garanzija li se jkunu jistgħu jiffinalizzaw ix-xogħol ta’ tħejjija biex japplikaw ir-regoli l-ġodda sal-1 ta’ Jannar 2021. Hemm riskju serju li s-sistema tal-IT fil-livell nazzjonali, meħtieġa għall-implimentazzjoni tal-pakkett dwar il-VAT għall-kummerċ elettroniku, tiddewwem u b’hekk jinħoloq il-periklu li ħafna Stati Membri mhux se jkunu lesti biex japplikaw ir-regoli l-ġodda mill-1 ta’ Jannar 2021. Tqajjem tħassib simili mill-operaturi ekonomiċi ewlenin, b’mod speċjali mill-operaturi tas-servizzi postali u tal-kurriera, li ħeġġew lill-Kummissjoni biex tipposponi b’sitt xhur id-data tal-applikazzjoni tal-pakkett dwar il-VAT għall-kummerċ elettroniku minħabba l-kriżi tal-COVID-19.

    Il-Kummissjoni għamlet laqgħa mal-Istati Membri fl-24 ta’ April 2020 biex tivvaluta l-istat ta’ tħejjija tagħhom biex japplikaw ir-regoli l-ġodda mill-1 ta’ Jannar 2021. Il-maġġoranza tal-Istati Membri xorta waħda kkonfermaw li jkunu lesti li japplikawhom fil-ħin, iżda enfasizzaw li d-dispożizzjonijiet dwar il-funzjonament tal-pakkett dwar il-VAT għall-kummerċ elettroniku huma bbażati fuq il-prinċipju li l-Istati Membri kollha jridu jkunu f’pożizzjoni li japplikawhom tajjeb, u li għaldaqstant ikunu lesti li jaqblu ma’ posponiment ta’ mhux aktar minn sitt xhur.

    L-objettiv ta’ din il-proposta huwa li jiġu posposti b’sitt xhur id-dati tal-applikazzjoni tar-regoli ta’ implimentazzjoni tal-pakkett dwar il-VAT għall-kummerċ elettroniku stipulati fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/2026, li kienet ippjanata għall-1 ta’ Jannar 2021. Għalhekk, jenħtieġ li d-data l-ġdida tal-applikazzjoni tkun l-1 ta’ Lulju 2021. Ġie ssuġġerit posponiment ta’ sitt xhur għaliex id-dewmien għandu jinżamm qasir kemm jista’ jkun biex jitnaqqas kemm jista’ jkun aktar telf mill-baġits tal-Istati Membri.

    Konsistenza mad-dispożizzjonijiet eżistenti fil-qasam tal-politika

    L-objettiv ġenerali ta’ din il-proposta huwa l-funzjonament bla xkiel tas-suq intern, il-kompetittività tan-negozju tal-UE, u l-bżonn li l-ekonomija diġitali tkun intaxxata b’mod effikaċi. Il-pakkett dwar il-VAT għall-kummerċ elettroniku huwa konsistenti mal-applikazzjoni fil-futur tal-prinċipju tad-destinazzjoni għall-VAT kif stabbilit fil-Pjan ta’ Azzjoni dwar il-VAT appoġġat mill-Kunsill 3 .

    Minbarra l-Pjan ta’ Azzjoni dwar il-VAT, il-pakkett dwar il-VAT għall-kummerċ elettroniku ġie identifikat bħala inizjattiva ewlenija fl-Istrateġija għal Suq Uniku Diġitali 4 (“l-Istrateġija DSM”), kif ukoll fl-Istrateġija għal Suq Uniku 5 u fil-Pjan ta’ Azzjoni dwar il-Gvern Elettroniku 6 .

    2.BAŻI ĠURIDIKA, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ

    Bażi ġuridika

    Il-proposta hija bbażata fuq l-Artikolu 397 tad-Direttiva 2006/112/KE 7 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (id-“Direttiva dwar il-VAT”). Dan l-Artikolu jipprevedi li l-Kunsill, huwa u jaġixxi unanimament fuq proposta mill-Kummissjoni, għandu jadotta l-miżuri meħtieġa biex jimplimenta d-Direttiva dwar il-VAT.

    Sussidjarjetà (għall-kompetenza mhux esklużiva)

    Din il-proposta tibdel id-data tal-applikazzjoni tar-regoli ta’ implimentazzjoni tal-pakkett dwar il-VAT għall-kummerċ elettroniku li ġew adottati mill-Kunsill f’Novembru tal-2019 fejn din id-data ġiet iffissata għall-1 ta’ Jannar 2021. Dan jimxi id f’id mal-proposta li tiġi posposta d-data tal-applikazzjoni tal-pakkett dwar il-VAT għall-kummerċ elettroniku, u b’hekk tinkludi l-atti legali kollha affettwati. Din il-proposta qed issir b’konsegwenza tal-kriżi kkawżata mit-tifqigħa tal-COVID-19, u b’reazzjoni għaliha, u minħabba l-isfidi li qegħdin jiffaċċaw l-Istati Membri fil-livell nazzjonali biex jiġġieldu din is-sitwazzjoni ta’ emerġenza attwali, li lil xi wħud minnhom qed tikkawżalhom diffikultà biex jiggarantixxu li jiffinalizzaw ix-xogħol ta’ tħejjija biex japplikaw ir-regoli l-ġodda mill-1 ta’ Jannar 2021. Id-dispożizzjonijiet dwar il-funzjonament tal-pakkett dwar il-VAT għall-kummerċ elettroniku huma bbażati fuq il-prinċipju li kull Stat Membru jrid ikun f’pożizzjoni li japplikahom b’mod korrett.

    Il-miżuri neċessarji biex tiġi implimentata d-Direttiva dwar il-VAT ġew adottati mill-Kunsill huwa u jaġixxi unanimament fuq proposta mill-Kummissjoni. Għalhekk, tenħtieġ proposta mill-Kummissjoni biex tinbidel id-data tal-applikazzjoni tal-miżuri ta’ implimentazzjoni li diġà ġew adottati, u ma tistax tinkiseb permezz ta’ azzjonijiet unilaterali fil-livell nazzjonali.

    Għaldaqstant, il-proposta hija konsistenti mal-prinċipju tas-sussidjarjetà.

    Proporzjonalità

    Il-proposta hija konsistenti mal-prinċipju tal-proporzjonalità, jiġifieri ma tmurx lil hinn minn dak li hu meħtieġ biex jintlaħqu l-għanijiet tat-Trattati, u b’mod partikolari l-funzjonament bla xkiel tas-suq uniku. Fil-każ tat-test tas-sussidjarjetà, mhuwiex possibbli li l-Istati Membri jindirizzaw dawn il-kwistjonijiet mingħajr proposta li tiġi emendata d-data tal-applikazzjoni tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill.

    Għażla tal-istrument

    Din il-proposta temenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2019/2026. L-unika emenda li saret hija l-posponiment tad-data tal-applikazzjoni.

    3.RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

    Konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati

    Din il-proposta tirrifletti t-tħassib serju li esprimew u indirizzaw lill-Kummissjoni xi wħud mill-Istati Membri, u l-operaturi tas-servizzi postali u tal-kurriera li mhux se jkunu lesti li jiffinalizzaw ix-xogħol ta’ tħejjija għall-pakkett dwar il-VAT għall-kummerċ elettroniku fil-livell nazzjonali u japplikaw ir-regoli sal-1 ta’ Jannar 2021 minħabba l-kriżi attwali tal-COVID-19.

    Il-Kummissjoni għamlet laqgħa mal-Istati Membri fl-24 ta’ April 2020 biex tivvaluta t-tlestija tagħhom biex japplikaw ir-regoli l-ġodda mill-1 ta’ Jannar 2021. Il-maġġoranza tal-Istati Membri xorta waħda kkonfermaw li jkunu lesti li japplikawhom fil-ħin, iżda enfasizzaw li d-dispożizzjonijiet dwar il-funzjonament tal-pakkett dwar il-VAT għall-kummerċ elettroniku huma bbażati fuq il-prinċipju li l-Istati Membri kollha jridu jkunu f’pożizzjoni li japplikawhom tajjeb, u li għaldaqstant ikunu lesti li jaqblu ma’ posponiment ta’ mhux aktar minn sitt xhur.

    Valutazzjoni tal-impatt

    Twettqet valutazzjoni tal-impatt tal-proposta li wasslet għall-adozzjoni tad-Direttiva dwar il-VAT għall-kummerċ elettroniku 8 , li hija l-bażi għar-regoli ta’ implimentazzjoni stabbiliti fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 282/2011 kif emendat bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/2026. Il-proposta attwali temenda biss id-data tal-applikazzjoni ta’ dawn l-emendi minħabba l-kriżi tal-COVID-19.

    Idoneità regolatorja u simplifikazzjoni

    L-għan ewlieni ta’ din il-proposta hu li tiġi posposta d-data tal-applikazzjoni tal-pakkett dwar il-VAT għall-kummerċ elettroniku b’sitt xhur minħabba l-kriżi kkawżata mit-tifqigħa tal-COVID-19.

    Il-proposta ma tibdilx is-sustanza tar-regoli ta’ implimentazzjoni, iżda biss tipposponi d-data tal-applikazzjoni tagħhom.

    4.IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI

    Din il-proposta tagħmel parti mill-proġett għall-posponiment tad-data tal-applikazzjoni tal-pakkett dwar il-VAT għall-kummerċ elettroniku.

    L-implikazzjonijiet baġitarji tal-pakkett dwar il-VAT għall-kummerċ elettroniku kollu, li diġà huwa adottat, huma stabbiliti fid-dettall fil-memorandum ta’ spjegazzjoni tal-proposta għad-Direttiva tal-Kunsill 2017/2455, id-dokument COM(2016)757 final 9 .

    It-telf mill-baġits tal-Istati Membri huwa stmat għal madwar EUR 5 sa 7 biljun fis-sena jekk il-pakkett dwar il-VAT għall-kummerċ elettroniku ma jiġix implimentat b’suċċess. Għalhekk dewmien ta’ sitt xhur ikun jikkawża telf ta’ madwar EUR 2,5 sa 3,5 biljun. Madankollu, jekk l-Istati Membri u n-negozji ma jkunux lesti li japplikaw ir-regoli l-ġodda tal-VAT għall-kummerċ elettroniku, ir-riskju li s-sistema ma taħdimx sew jista’ jikkawża kważi l-istess ammont ta’ telf.

    5.ELEMENTI OĦRA

    Pjanijiet ta’ implimentazzjoni u arranġamenti dwar il-monitoraġġ, l-evalwazzjoni u r-rappurtar

    L-implimentazzjoni se tiġi ssorveljata mill-Kumitat Permanenti dwar il-Kooperazzjoni Amministrattiva (SCAC), appoġġat mis-sottokumitat tal-IT tiegħu, il-Kumitat Permanenti dwar it-Teknoloġija tal-Informazzjoni (SCIT).

    Spjegazzjoni fid-dettall tad-dispożizzjonijiet speċifiċi tal-proposta

    Din il-proposta tikkonċerna biss id-data tal-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta’ implimentazzjoni li diġà huma adottati tal-pakkett dwar il-VAT għall-kummerċ elettroniku stabbiliti fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/2026. Id-data tal-applikazzjoni ta’ dawn ir-regoli l-ġodda li kienet iffissata għall-1 ta’ Jannar 2021, jenħtieġ li tiġi posposta b’sitt xhur. Dan ifisser li d-dispożizzjonijiet għandhom jiġu applikati mill-1 ta’ Lulju 2021 minflok fl-1 ta’ Jannar 2021. Ir-reġistrazzjoni ta’ persuna taxxabbli biex tuża waħda mill-iskemi l-ġodda għandha tkun possibbli tliet xhur qabel id-data tal-applikazzjoni, jiġifieri mill-1 ta’ April 2021. Il-mekkaniżmu attwali għal korrezzjonijiet tad-dikjarazzjonijiet tal-VAT se jkompli japplika għad-dikjarazzjonijiet tal-VAT sat-tieni kwart tal-2021 u b’mod li jinkludih.

    Ir-raġuni għal din il-proposta hija l-kriżi kkawżata mit-tifqigħa tal-COVID-19, li għamlet pressjoni fuq l-Istati Membri biex jirreaġixxu minnufih u jadottaw miżuri urġenti fil-livell nazzjonali biex itaffu l-konsegwenzi tal-kriżi għan-negozji u għall-popolazzjoni ġenerali. Minħabba dawn iċ-ċirkostanzi eċċezzjonali mingħajr preċedent, bosta Stati Membri ma jistgħux jiggarantixxu li jiffinalizzaw ix-xogħol ta’ tħejjija biex japplikaw ir-regoli l-ġodda tal-pakkett dwar il-VAT għall-kummerċ elettroniku fil-livell nazzjonali mill-1 ta’ Jannar 2021.

    2020/0083 (NLE)

    Proposta għal

    REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL

    li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/2026 f’dak li jirrigwarda d-dati tal-applikazzjoni minħabba l-kriżi kkawżata mit-tifqigħa tal-COVID-19


    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud 10 , u b’mod partikolari l-Artikolu 397 tagħha,

    Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

    Billi:

    (1)Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill. (UE) Nru 282/2011 11 jistabbilixxi dispożizzjonijiet dettaljati għall-iskemi speċjali għall-persuni taxxabbli li jipprovdu ċerti servizzi lil persuni mhux taxxabbli.

    (2)Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill.(UE) 2019/2026 12 jemenda dawk id-dispożizzjonijiet f’konformità mal-estensjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-iskemi speċjali eżistenti u l-introduzzjoni ta’ skema ġdida fil-qafas tal-pakkett ta’ leġiżlazzjoni dwar l-immodernizzar tat-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) għall-kummerċ elettroniku transfruntier bejn in-negozji u l-konsumatur. Dawk l-emendi għandhom jibdew japplikaw mill-1 ta’ Jannar 2021.

    (3)Fit-30 ta’ Jannar 2020, l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (id-WHO) iddikjarat it-tifqigħa tal-COVID-19 bħala emerġenza tas-saħħa pubblika ta’ tħassib internazzjonali. Fil-11 ta’ Marzu 2020, id-WHO ddikjarat it-tifqigħa tal-COVID-19 bħala pandemija. Il-COVID-19 issa pprovokat infezzjonijiet fl-Istati Membri kollha. Minħabba ż-żieda allarmanti fil-każijiet, u n-nuqqas tad-disponibbiltà immedjata ta’ mezzi effiċjenti biex jittrattaw it-tifqigħa tal-COVID-19, bosta Stati Membri ddikjaraw stat ta’ emerġenza nazzjonali.

    (4)It-tifqigħa tal-kriżi tal-COVID-19 tikkostitwixxi emerġenza mhux mistennija u bla preċedent li taffettwa ħafna lill-Istati Membri kollha u ġġegħelhom jieħdu l-azzjoni minnufih fil-livell nazzjonali biex itaffu l-kriżi attwali bi priorità billi jirriallokaw ir-riżorsi lejn kwistjonijiet oħra. Minħabba din il-kriżi, bosta Stati Membri qed jiffaċċaw diffikultà biex jiffinalizzaw l-iżvilupp tas-sistemi tal-IT li huma meħtieġa biex jiġu applikati r-regoli stipulati fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/2026 u jibdew japplikawhom mill-1 ta’ Jannar 2021. Għalhekk, diversi Stati Membri, kif ukoll operaturi tas-servizzi postali u tal-kurriera talbu l-posponiment tad-dati tal-applikazzjoni tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/2026.

    (5)Meta wieħed iqis l-isfidi li qegħdin jiffaċċaw l-Istati Membri biex jiġġieldu l-kriżi tal-COVID-19, u jqis li d-dispożizzjonijiet il-ġodda huma bbażati fuq il-prinċipju li l-Istati Membri kollha jridu jaġġornaw is-sistemi tal-IT tagħhom biex ikunu jistgħu japplikaw id-dispożizzjonijiet stipulati fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/2026, biex b’hekk jiżguraw il-ġbir u t-trażmissjoni tal-informazzjoni u l-pagamenti skont l-iskemi modifikati, jenħtieġ li d-dati tal-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament jiġu posposti b’sitt xhur. Posponiment ta’ sitt xhur huwa xieraq għaliex jenħtieġ li d-dewmien jinżamm qasir kemm jista’ jkun biex jitnaqqas kemm jista’ jkun aktar telf mill-baġits tal-Istati Membri.

    (6)Għaldaqstant, jenħtieġ li r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/2026 jiġi emendat skont dan,

    ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/2026 huwa emendat kif ġej:

    (1)fl-Artikolu 1 il-punt (5) li jissostitwixxi t-Taqsima 2 tal-Kapitolu XI tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 282/2011, il-paragrafu 1 tal-Artikolu 61 huwa sostitwit b’dan:

    1.Bidliet fiċ-ċifri li jinsabu f’dikjarazzjoni tal-VAT relatata ma’ perjodi sat-tieni perjodu ta’ dikjarazzjoni fl-2021 u b’dan inkluż, wara li tiġi ppreżentata dik id-dikjarazzjoni tal-VAT, għandhom isiru biss permezz ta’ emendi għal dik id-dikjarazzjoni u mhux permezz ta’ aġġustamenti f’dikjarazzjoni sussegwenti.

    Bidliet fiċ-ċifri li jinsabu f’dikjarazzjoni tal-VAT relatata ma’ perjodi mit-tielet perjodu ta’ dikjarazzjoni fl-2021, wara li tiġi ppreżentata dik id-dikjarazzjoni tal-VAT, għandhom isiru biss permezz ta’ aġġustamenti f’dikjarazzjoni sussegwenti.”;

    (2)fl-Artikolu 2, it-tieni u t-tielet paragrafi jinbidlu b'dan li ġej:

    “Għandu japplika mill-1 ta’ Lulju 2021.

    Madankollu, l-Istati Membri għandhom jippermettu lill-persuni taxxabbli u lill-intermedjarji li jaġixxu f’isimhom biex jippreżentaw l-informazzjoni meħtieġa skont l-Artikoli 360, 369c jew 369o tad-Direttiva 2006/112/KE għar-reġistrazzjoni taħt l-iskemi speċjali mill-1 ta’ Ottubru 2020.”.

    Artikolu 2

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell,

       Għall-Kunsill

       Il-President

    (1)    Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2019/2026 tal-21 ta’ Novembru 2019 li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 282/2011 fir-rigward ta’ provvisti ta’ merkanzija jew servizzi ffaċilitati permezz ta’ interfaċċi elettroniċi u l-iskemi speċjali għal persuni taxxabbli li jipprovdu servizzi lil persuni mhux taxxabbli, li jbigħu b’distanza merkanzija u xi provvisti domestiċi ta’ merkanzija (ĠU L 313, 4.12.2019, p. 14).
    (2)    Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 282/2011 tal-15 ta' Marzu 2011 li jistabbilixxi miżuri ta' implimentazzjoni fir-rigward tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 77, 23.3.2011, p. 1).
    (3)     http://www.consilium.europa.eu/mt/press/press-releases/2016/05/25/conclusions-vat-action-plan/  
    (4)    COM(2015) 192 final.
    (5)    COM(2015) 550 final.
    (6)    COM(2016) 179 final.
    (7)    ĠU L 347, 11.12.2006, p. 1.
    (8)    DOKUMENT TA’ ĦIDMA TAL-PERSUNAL TAL-KUMMISSJONI VALUTAZZJONI TAL-IMPATT li jakkumpanja lid-dokument Proposals for a Council Directive, a Council Implementing Regulation and a Council Regulation on Modernising VAT for cross-border B2C e-Commerce, https://eur-lex.europa.eu/legal-content/EN/TXT/?uri=SWD:2016:0379:FIN
    (9)    Proposta għal DIRETTIVA TAL-KUNSILL li temenda d-Direttiva 2006/112/KE u d-Direttiva 2009/132/KE fir-rigward ta’ ċerti obbligi tat-taxxa fuq il-valur miżjud għall-provvisti ta’ servizzi u għall-bejgħ mill-bogħod ta’ prodottiCOM/2016/0757 final - 2016/0370 (CNS), https://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/?qid=1586260266830&uri=CELEX:52016PC0757
    (10)    ĠU L 347, 11.12.2006, p. 1.
    (11)    Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 282/2011 tal-15 ta’ Marzu 2011 li jistabbilixxi miżuri ta' implimentazzjoni fir-rigward tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 77, 23.3.2011, p. 1).
    (12)    Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2019/2026 tal-21 ta’ Novembru 2019 li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 282/2011 fir-rigward ta’ provvisti ta’ merkanzija jew servizzi ffaċilitati permezz ta’ interfaċċi elettroniċi u l-iskemi speċjali għal persuni taxxabbli li jipprovdu servizzi lil persuni mhux taxxabbli, li jbigħu b’distanza merkanzija u xi provvisti domestiċi ta’ merkanzija (ĠU L 313, 4.12.2019, p. 14).
    Top