Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52020PC0194

    Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f'isem l-Unjoni Ewropea fl-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali, fir-rigward tan-notifika tal-parteċipazzjoni volontarja fl-Iskema ta' Kumpens u Tnaqqis tal-Karbonju għall-Avjazzjoni Internazzjonali (CORSIA) mill-1 ta' Jannar 2021 u tal-alternattiva magħżula għall-kalkolu tar-rekwiżiti ta' kumpens tal-operaturi tal-ajruplani matul il-perjodu 2021-2023

    COM/2020/194 final

    Brussell, 13.5.2020

    COM(2020) 194 final

    2020/0078(NLE)

    Proposta għal

    DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

    dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f'isem l-Unjoni Ewropea fl-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali, fir-rigward tan-notifika tal-parteċipazzjoni volontarja fl-Iskema ta' Kumpens u Tnaqqis tal-Karbonju għall-Avjazzjoni Internazzjonali (CORSIA) mill-1 ta' Jannar 2021 u tal-alternattiva magħżula għall-kalkolu tar-rekwiżiti ta' kumpens tal-operaturi tal-ajruplani matul il-perjodu 2021-2023


    MEMORANDUM TA' SPJEGAZZJONI

    1.Suġġett tal-proposta

    Din il-proposta tikkonċerna deċiżjoni li tistabbilixxi l-pożizzjoni li għandha tittieħed f'isem l-Unjoni fl-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali (ICAO) dwar il-parteċipazzjoni volontarja fl-Iskema ta' Kumpens u Tnaqqis tal-Karbonju għall-Avjazzjoni Internazzjonali (CORSIA) mill-1 ta' Jannar 2021, u dwar l-alternattiva magħżula għall-kalkolu tar-rekwiżiti ta' kumpens tal-operaturi tal-ajruplani matul il-perjodu 2021-2023.

    2.Kuntest tal-proposta

    2.1.Il-Konvenzjoni ta' Chicago u l-Ftehim ta' Pariġi

    Il-Konvenzjoni ta' Chicago (“il-Konvenzjoni”) għandha l-għan li tirregola t-trasport bl-ajru internazzjonali. Din daħlet fis-seħħ fl-4 ta' April 1947 u stabbilixxiet l-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali.

    Il-Ftehim ta' Pariġi ġie adottat mill-Konferenza tal-Partijiet għall-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima f'Diċembru 2015, li l-objettiv tiegħu huwa li jillimita ż-żieda fit-temperatura globali b'ferm inqas minn 2 °C meta mqabbla mal-livelli preindustrijali, u li jkompli l-isforzi biex jillimita ż-żieda fit-temperatura għal 1.5 °C. Jenħtieġ li s-setturi kollha tal-ekonomija jikkontribwixxu għall-ksib ta' dan it-tnaqqis tal-emissjonijiet, inkluża l-avjazzjoni internazzjonali.

    L-Istati Membri kollha tal-UE huma partijiet għaż-żewġ Ftehimiet. L-UE u l-Istati Membri tagħha huma Partijiet għall-Ftehim ta' Pariġi u impenjaw ruħhom b'mod konġunt biex inaqqsu l-emissjonijiet tagħhom ta' gassijiet b'effett ta' serra.

    2.2.L-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali

    L-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali hija aġenzija speċjalizzata tan-Nazzjonijiet Uniti. L-għanijiet u l-objettivi tal-Organizzazzjoni huma li tiżviluppa l-prinċipji u t-tekniki tan-navigazzjoni internazzjonali bl-ajru u li trawwem l-ippjanar u l-iżvilupp tat-trasport bl-ajru internazzjonali. L-UE hija osservatur ad hoc f'ħafna korpi tal-ICAO (l-Assemblea u korpi tekniċi oħra).

    2.3.L-Iskema ta' Kumpens u Tnaqqis tal-Karbonju għall-Avjazzjoni Internazzjonali (CORSIA)

    L-Istandards Internazzjonali u l-Prattiki Rakkomandati (SARPs) dwar il-Ħarsien Ambjentali — Skema ta' Kumpens u Tnaqqis tal-Karbonju għall-Avjazzjoni Internazzjonali (CORSIA) ġew adottati bħala Anness 16, Volum IV tal-Konvenzjoni ta' Chicago mill-Kunsill tal-ICAO fil-214-il Sessjoni tiegħu fis-27 ta' Ġunju 2018.

    Ir-rekwiżiti ta' monitoraġġ, rapportar u verifikazzjoni (MRV) relatati mal-emissjonijiet tas-CO2 minn titjiriet internazzjonali skont l-Anness 16, il-Volum IV japplikaw mill-1 ta' Jannar 2019. Ir-rekwiżiti għall-kumpens tas-CO2 skont l-Anness 16, il-Volum IV se japplikaw mill-1 ta' Jannar 2021.

    Il-Kapitolu 3, il-Paragrafi 3.1.3 u 3.2.1 u l-Appendiċi 1 (“Proċeduri Amministrattivi”) tal-Anness 16, il-Volum IV, jeħtieġu li l-Istati jinnotifikaw lill-ICAO sat-30 ta' Ġunju 2020 dwar

       id-deċiżjoni tagħhom li jipparteċipaw b'mod volontarju, jew li jwaqqfu l-parteċipazzjoni volontarja mill-1 ta' Jannar 2021 1 ;

       liema alternattiva jkunu għażlu biex jikkalkulaw ir-rekwiżiti ta' kumpens tal-operaturi tal-ajruplani matul il-perjodu 2021-2023.

    2.4.L-Iskema tal-UE għall-Iskambju ta' Kwoti tal-Emissjonijiet

    Is-settur tal-avjazzjoni ġie inkluż fl-Iskema tal-UE għall-Iskambju ta' Kwoti tal-Emissjonijiet (EU ETS) mill-2012. 2 L-EU ETS kopriet l-emissjonijiet minn titjiriet li jinżlu fiż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE) u li jitilqu minnha, inklużi lejn u minn pajjiżi terzi. Madankollu, sabiex jingħata momentum fi ħdan l-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali u biex jiġi ffaċilitat il-progress lejn approċċ globali biex jiġu indirizzati l-emissjonijiet tal-avjazzjoni internazzjonali, l-Unjoni adottat derogi temporanji biex tillimita l-ambitu ġeografiku b’tali mod li jikopri biss it-titjiriet ġewwa ż-ŻEE, u b'hekk jiġu esklużi t-titjiriet barra miż-ŻEE, sakemm iseħħu żviluppi internazzjonali. 3  

    L-aħħar reviżjoni tad-Direttiva 2003/87/KE, fl-2017, tittraduċi l-fehim, spjegat fl-Artikolu 28b, li l-CORSIA se tiġi kkunsidrata permezz ta' emenda fl-iskema li tirregola l-EU ETS, soġġetta għal valutazzjoni tal-karatteristiċi ewlenin tal-CORSIA, inkluż f'termini ta' parteċipazzjoni u li dan jenħtieġ li jinkiseb b'mod konsistenti mal-objettiv tal-UE dwar il-klima għall-2030 (skont il-prinċipju li ma jsirux passi lura mill-Ftehim ta' Pariġi 4 ).

    3.Il-pożizzjoni li trid tittieħed f'isem l-Unjoni

    3.1. Sfond

    L-Unjoni hija sostenitur qawwi tal-miżura globali bbażata fuq is-suq tal-ICAO għall-emissjonijiet tal-avjazzjoni internazzjonali, CORSIA, li tikkontribwixxi għall-indirizzar tat-tibdil fil-klima. L-appoġġ tal-Unjoni ntwera, fost l-oħrajn, mill-Parlament Ewropew u l-Kunsill li jemendaw l-EU ETS tliet darbiet sabiex jiġi ffaċilitat il-progress fl-ICAO.

    Filwaqt li l-objettiv inizjali tal-CORSIA huwa limitat biex jikkumpensa għat-tkabbir tal-emissjonijiet mill-2020, huwa importanti li jiġi appoġġjat il-progress inizjali u li jingħata kontribut għal parteċipazzjoni adegwata fl-interess li jintlaħaq l-objettiv tagħha.

    Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2016/915 5 stabbilixxiet il-pożizzjoni tal-Unjoni fir-rigward tal-istrument internazzjonali li għandu jitfassal fi ħdan il-korpi tal-ICAO u maħsub biex iwassal għall-implimentazzjoni mill-2020 ta' miżura globali unika bbażata fuq is-suq għall-emissjonijiet mill-avjazzjoni internazzjonali.

    L-objettiv tar-Regolament (UE) 2017/2392 6 huwa b'mod partikolari li “ssir il-preparazzjoni biex tiġi implimentata miżura globali bbażata fuq is-suq mill-2021”. Kif indikat fir-Regolament, “l-operazzjonalizzazzjoni konkreta [ta' dik il-miżura] ser jeħtieġ azzjoni mill-partijiet tal-ICAO fil-livell domestiku.”

    L-Artikolu 28b tad-Direttiva 2003/87/KE (id-Direttiva tal-ETS) 7 jistabbilixxi li “Fi żmien 12-il xahar mill-adozzjoni mill-ICAO tal-istrumenti rilevanti, u qabel ma l-miżura globali bbażata fuq is-suq issir operazzjonali, il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill li fih għandha tikkunsidra modi biex dawk l-istrumenti jiġu implimentati fil-liġi tal-Unjoni permezz ta' reviżjoni ta' din id-Direttiva. Il-Kummissjoni għandha, f'dak ir-rapport, tikkunsidra wkoll ir-regoli li japplikaw fir-rigward tat-titjiriet fiż-ŻEE, kif xieraq. Għandha teżamina wkoll l-ambizzjoni u l-integrità ambjentali globali tal-miżura globali bbażata fuq is-suq, inkluż l-ambizzjoni ġenerali tagħha fir-rigward tal-miri skont il-Ftehim ta' Pariġi, il-livell ta' parteċipazzjoni, l-infurzabbiltà tagħha, it-trasparenza, il-penali għan-nonkonformità, il-proċessi għall-input pubbliku, il-kwalità tal-krediti ta' kumpens, il-monitoraġġ, ir-rappurtar u l-verifika tal-emissjonijiet, ir-reġistri, ir-responsabbiltà kif ukoll ir-regoli dwar l-użu tal-bijofjuwils.”

    Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2018/2027 8 , stabbilixxiet il-pożizzjoni li għandha tittieħed f'isem l-Unjoni fl-ICAO fir-rigward tal-Ewwel Edizzjoni tas-SARPs dwar il-CORSIA fir-rigward tad-differenzi li għandhom jiġu notifikati. Skont dik id-Deċiżjoni, l-Istati Membri nnotifikaw id-differenzi mal-ICAO, billi enfasizzaw id-differenzi bejn l-EU ETS u l-CORSIA (li huma, rispettivament, waħda bbażata fuq ir-rotta u l-oħra bbażata fuq l-Istat) u li l-implimentazzjoni mill-UE tal-CORSIA se ssir permezz ta' reviżjoni tal-EU ETS kif miftiehem fl-aħħar reviżjoni tagħha mill-2017 9 . L-objettiv kien li jiġu ppreservati l-acquis tal-UE u l-ispazju politiku futur, kif ukoll il-livell tal-UE tal-ambizzjoni klimatika.

    Fl-4 ta' Marzu 2020, il-Kummissjoni adottat proposta għal “Liġi Ewropea dwar il-Klima” 10 skont liema l-Unjoni tkun marbuta ma' objettiv ta' newtralità klimatika fl-Unjoni sal-2050, sabiex jintlaħaq l-għan fit-tul tat-temperatura stabbilit fl-Artikolu 2 tal-Ftehim ta' Pariġi. Il-proposta hija bbażata fuq il-konklużjoni li jeħtieġ li tittieħed azzjoni addizzjonali u kull settur se jkollu jikkontribwixxi peress li l-politiki attwali huma mistennija li jnaqqsu biss l-emissjonijiet tal-gassijiet b'effett ta' serra b'60 % sal-2050, u għalhekk għad fadal ħafna xi jsir biex tintlaħaq in-newtralità klimatika.

    Fl-aħħar nett, l-Unjoni esprimiet f'diversi okkażjonijiet l-impenn politiku għall-implimentazzjoni tal-CORSIA mill-bidu tal-fażi pilota tagħha. Fl-okkażjoni l-aktar reċenti, id-dikjarazzjoni f'isem l-UE u l-Istati Membri tagħha fl-40 Assemblea tal-ICAO fl-2019 serviet, min-naħa waħda, biex tindika li l-Unjoni se żżomm l-ispazju politiku u l-ambizzjoni klimatika tagħha fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-CORSIA permezz tal-EU ETS u, min-naħa l-oħra, sabiex jiġi espress li l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha komplew “jappoġġjaw bis-sħiħ il-CORSIA” u baqgħu “impenjati bis-sħiħ biex jimplimentawha mill-bidu tal-fażi pilota”. L-Unjoni fakkret b'mod konsistenti l-ħtieġa li l-leġiżlazzjoni rilevanti tal-UE u l-ambizzjoni klimatika jinżammu, b'mod konsistenti mal-EU ETS kif riveduta l-aħħar, u mtennija fid-differenza ppreżentata fl-2018, kif ukoll fid-dikjarazzjoni tal-UE li saret fl-40 Assemblea tal-ICAO. Minn dak iż-żmien ’l hawn, il-Parlament Ewropew talab lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jissalvagwardjaw l-awtonomija leġiżlattiva tal-UE fl-implimentazzjoni tad-Direttiva tal-ETS. 11

    3.2. Pożizzjoni proposta

    Huwa meħtieġ li tiġi adottata, qabel l-iskadenza tat-30 ta' Ġunju 2020 stabbilita mis-SARPs tal-CORSIA, il-pożizzjoni f'isem l-Unjoni li tippermetti lill-Istati Membri jippreżentaw in-notifiki meħtieġa.

    Dwar l-ewwel kwistjoni - jiġifieri n-notifika ta' kwalunkwe deċiżjoni ta' parteċipazzjoni volontarja, jew it-twaqqif tal-parteċipazzjoni volontarja mill-1 ta' Jannar 2021 - b'kunsiderazzjoni tal-impenn politiku magħmul ripetutament mill-Unjoni, u diġà rikonoxxut mill-ICAO, il-benefiċċji ambjentali u tat-trasport internazzjonali mistennija assoċjati mal-CORSIA u n-nuqqas ta' kwalunkwe alternattiva vijabbli fil-livell globali, qed jiġi propost li tiġi nnotifikata l-parteċipazzjoni volontarja tal-Istati Membri mill-bidu tal-fażi pilota fl-1 ta' Jannar 2021. In-notifika tkun soġġetta għad-differenzi ppreżentati fl-2018, skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2018/2027, u kwalunkwe differenza fil-futur u mingħajr preġudizzju għar-rieżami tal-EU ETS kif miftiehem fl-2017 u għall-ambizzjoni klimatika tal-UE kif ukoll għad-Direttiva dwar l-Enerġija Rinnovabbli 12 .

    Dwar it-tieni kwistjoni – jiġifieri n-notifika tal-alternattiva magħżula għall-kalkolu tar-rekwiżiti ta' kumpens tal-operaturi tal-ajruplani matul il-perjodu 2021-2023 – qed jiġi propost li tintgħażel l-alternattiva tal-emissjonijiet tal-2021, l-2022 u l-2023 rispettivament, għal kull sena tal-fażi pilota, minflok l-emissjonijiet tal-2020 għal kull sena rispettiva. Dan l-approċċ iqis il-benefiċċji ambjentali u tat-trasport internazzjonali mistennija, il-ħtieġa li jiġu pprovduti inċentivi lill-operaturi biex inaqqsu l-impatti ambjentali tagħhom u l-importanza ta' azzjoni bikrija, filwaqt li jitqies ukoll id-daqs tal-kost potenzjali ta' kumpens għall-operaturi Ewropej u kwalunkwe impatt fuq il-kompetittività internazzjonali tagħhom. Fil-fatt, meta mqabbla mal-għażla tas-sena 2020 bħala referenza, ir-referenza għas-snin 2021, 2022 u 2023 rispettivament mistennija li twassal għal effettività ambjentali akbar. Dan għaliex l-emissjonijiet mill-avjazzjoni internazzjonali huma mistennija li jkunu ogħla matul l-2021, l-2022 u l-2023 milli matul l-2020, mhux l-inqas minħabba l-impatt sinifikanti tal-pandemija tal-COVID-19 fuq it-traffiku tal-ajru u l-emissjonijiet.

    F'dan il-kuntest, jeħtieġ li jiġi żgurat li d-differenzi attwali u futuri possibbli bejn il-liġi tal-Unjoni u l-CORSIA jiġu kkunsidrati kif xieraq. In-notifika msemmija hawn fuq jenħtieġ li għalhekk tinkludi referenza għad-differenza nnotifikata abbażi tad-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2018/2027. Peress li dik id-differenza, sa fejn għadha rilevanti, tikkonċerna biss l-attribuzzjoni tal-kompetenza tal-Istati vis-à-vis l-operaturi differenti, minħabba ċerti differenzi fid-disinn bejn il-CORSIA u l-EU ETS, in-notifika msemmija hawn fuq jenħtieġ li tirriżerva wkoll il-possibbiltà li tinnotifika differenzi addizzjonali.

    4.Konsistenza ma' politiki oħra tal-Unjoni

    Id-Deċiżjoni proposta hija konsistenti ma' politiki oħrajn tal-Unjoni, b'mod partikolari l-politiki tal-Unjoni għall-enerġija, għall-ambjent u għat-trasport, u tikkomplementahom. Huwa jfakkar fir-rabta bejn il-parteċipazzjoni fil-CORSIA u r-reviżjoni tad-Direttiva tal-EU ETS mill-Parlament Ewropew u l-Kunsill, kif stabbilit fir-Regolament 2017/2392. Madankollu, il-Kummissjoni għadha ma ppreżentatx ir-rapport previst skont l-Artikolu 28b tad-Direttiva tal-ETS u, b'mod aktar ġenerali, id-deċiżjoni futura tal-leġiżlatur f'dan il-qasam għadha mhix magħrufa. Għalhekk, din in-notifika għandha titqies bħala pass intermedju, b'kont meħud tal-Kapitolu 3, il-Paragrafi 3.1.3 u 3.2.1 u l-Appendiċi 1 tal-Anness 16, il-Volum IV tal-Konvenzjoni ta' Chicago.

    Sabiex jiġi żgurat li dan il-pass intermedju ma jippreġudikax deċiżjonijiet ta' politika futuri tal-koleġiżlaturi, in-notifika trid tinkludi referenza għad-differenza diġà notifikata skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2018/2027 u l-possibbiltà li jiġu nnotifikati differenzi addizzjonali oħra, kif imsemmi hawn fuq.

    5.Bażi ġuridika

    5.1.Bażi ġuridika proċedurali

    5.1.1.Prinċipji

    L-Artikolu 218(9) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) jipprovdi għal deċiżjonijiet li jistabbilixxu “il-pożizzjonijiet li għandhom jiġu adottati f'isem l-Unjoni f'sede stabbilita bi ftehim, meta dik is-sede tintalab tadotta atti li jkollhom effetti legali, sakemm dawn ma jkunux atti li jissupplimentaw jew jemendaw il-qafas istituzzjonali tal-ftehim.”

    L-Artikolu 218(9) tat-TFUE japplika irrispettivament minn jekk l-Unjoni hix membru tas-sede jew parti għall-ftehim 13 .

    5.1.2.Applikazzjoni għall-każ preżenti

    Skont il-Kapitolu 3, il-Paragrafi 3.1.3 u l-Appendiċi 1 (“Proċeduri Amministrattivi”) tal-Anness 16, il-Volum IV tal-Konvenzjoni, l-Istati huma meħtieġa jinnotifikaw lill-ICAO sat-30 ta' Ġunju 2020 bid-deċiżjoni tagħhom li jipparteċipaw volontarjament, jew li jwaqqfu l-parteċipazzjoni volontarja mill-1 ta' Jannar 2021, u liema alternattiva għażlu, skont il-paragrafu 3.2.1 tal-Anness 16, il-Volum IV, biex jiġu kkalkulati r-rekwiżiti ta' kumpens tal-operaturi tal-ajruplani matul il-perjodu 2021-2023.

    Isegwi minn dawk id-dispożizzjonijiet, li ċerti effetti legali tal-CORSIA, adottati permezz ta' deċiżjoni tal-Kunsill tal-ICAO, il-korp stabbilit bi ftehim, jiddependu fuq il-preżentazzjoni ta' notifiki rilevanti lill-ICAO, u fuq it-termini ta' dawk in-notifiki. Għalhekk, l-adozzjoni ta' pożizzjoni tal-Unjoni fir-rigward ta' tali notifiki taqa' fil-kamp ta' applikazzjoni tal-Artikolu 218(9) tat-TFUE.

    5.2.Bażi ġuridika sostantiva

    Skont l-Artikolu 192(1) u 191 tat-TFUE, l-Unjoni Ewropea għandha tikkontribwixxi, fost l-oħrajn, għat-twettiq tal-objettivi li ġejjin: il-preżervazzjoni, il-ħarsien u t-titjib tal-kwalità tal-ambjent; il-promozzjoni ta' miżuri fil-livell internazzjonali sabiex jittrattaw problemi ambjentali reġjonali jew globali, u b'mod partikolari li jiġġieldu l-bidla fil-klima.

    5.2.1.Prinċipji

    Il-bażi ġuridika sostantiva biex tittieħed deċiżjoni skont l-Artikolu 218(9) tat-TFUE tiddependi primarjament mill-objettiv u mill-kontenut tal-att previst li dwaru tittieħed pożizzjoni f'isem l-Unjoni. Jekk l-att previst ikollu żewġ għanijiet jew żewġ komponenti, u jekk wieħed minn dawn l-għanijiet jew il-komponenti jkun jista' jiġi identifikat bħala dak ewlieni, filwaqt li l-ieħor ikun sempliċiment inċidentali, id-deċiżjoni skont l-Artikolu 218(9) tat-TFUE trid tkun imsejsa fuq bażi ġuridika sostantiva waħda, jiġifieri dik rikjesta mill-għan jew mill-komponent ewlieni jew predominanti.

    5.2.2.Applikazzjoni għall-każ preżenti

    L-objettiv ewlieni u l-kontenut tal-att previst jirrelataw mal-politika dwar il-klima, fil-kuntest tal-avjazzjoni internazzjonali.

    Għalhekk, il-bażi ġuridika sostantiva tad-deċiżjoni proposta hija l-Artikolu 192(1) tat-TFUE.

    5.3.Konklużjoni

    Jenħtieġ li l-bażi ġuridika tad-deċiżjoni proposta tkun l-Artikolu 192(1) tat-TFUE, flimkien mal-Artikolu 218(9) tat-TFUE.

    2020/0078 (NLE)

    Proposta għal

    DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

    dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f'isem l-Unjoni Ewropea fl-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali, fir-rigward tan-notifika tal-parteċipazzjoni volontarja fl-Iskema ta' Kumpens u Tnaqqis tal-Karbonju għall-Avjazzjoni Internazzjonali (CORSIA) mill-1 ta' Jannar 2021 u tal-alternattiva magħżula għall-kalkolu tar-rekwiżiti ta' kumpens tal-operaturi tal-ajruplani matul il-perjodu 2021-2023

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 192(1), flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

    Billi:

    (1)Il-Konvenzjoni ta' Chicago dwar l-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali (“il-Konvenzjoni”) li għandha l-għan li tirregola t-trasport bl-ajru internazzjonali, daħlet fis-seħħ fl-4 ta' April 1947. Hija stabbilixxiet l-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali (ICAO).

    (2)L-Istati Membri kollha tal-Unjoni huma Stati Kontraenti tal-Konvenzjoni u membri tal-ICAO, filwaqt li l-Unjoni għandha status ta' osservatur f'ċerti korpi tal-ICAO.

    (3)Il-21 Konferenza tal-Partijiet għall-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima f'Diċembru 2015 adottat il-Ftehim ta' Pariġi li l-objettiv tiegħu huwa li jillimita ż-żieda fit-temperatura globali b'ferm inqas minn 2 °C meta mqabbla mal-livelli preindustrijali, u li jkompli l-isforzi biex jillimita ż-żieda fit-temperatura għal 1.5 °C. Jenħtieġ li s-setturi kollha tal-ekonomija jikkontribwixxu għall-ksib ta' dan it-tnaqqis tal-emissjonijiet, inkluża l-avjazzjoni internazzjonali.

    (4)Fl-2016, id-39 Assemblea tal-ICAO ddeċidiet, permezz tar-Riżoluzzjoni A39-3, li tiżviluppa mekkaniżmu globali bbażat fuq is-suq biex l-emissjonijiet tal-gassijiet b'effett ta' serra mill-avjazzjoni internazzjonali jiġu limitati għal-livelli tagħhom tal-2020. Il-pożizzjoni tal-Unjoni fir-rigward tal-elaborazzjoni u l-adozzjoni ta' dak il-mekkaniżmu u d-diversi elementi dettaljati tiegħu ġiet stabbilita bid-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2016/915 14 .

    (5)Fis-27 ta' Ġunju 2018, fl-għaxar laqgħa tal-214-il sessjoni tiegħu, il-Kunsill tal-ICAO adotta l-Ewwel Edizzjoni tal-Volum IV tal-Anness 16 tal-Konvenzjoni: l-Istandards Internazzjonali u l-Prattiki Rakkomandati dwar il-Protezzjoni Ambjentali - Skema ta' Kumpens u Tnaqqis tal-Karbonju għall-Avjazzjoni Internazzjonali (“CORSIA”).

    (6)Fl-2017, id-Direttiva 2003/87/KE 15 ġiet riveduta mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill permezz tar-Regolament (UE) 2017/2392 16 b'mod partikolari biex tħejji l-implimentazzjoni ta' miżura globali bbażata fuq is-suq mill-2021, biex tipprrevedi r-rekwiżiti tal-liġi tal-Unjoni għall-monitoraġġ, ir-rappurtar u l-verifika tal-emissjonijiet għall-finijiet tal-CORSIA, u biex tispeċifika r-rapportar u teżamina mill-ġdid id-dispożizzjonijiet fir-rigward tal-CORSIA.

    (7)Ir-regoli li jinsabu f'CORSIA huma soġġetti li jsiru vinkolanti f'konformità mal-Konvenzjoni u fil-limiti stabbiliti minnha. Huma soġġetti wkoll li jsiru vinkolanti għall-Unjoni u l-Istati Membri tagħha skont il-ftehimiet internazzjonali eżistenti dwar it-trasport bl-ajru.

    (8)Sabiex l-ICAO tqis bis-sħiħ is-sitwazzjoni legali attwali fil-livell tal-Unjoni, l-Istati Membri nnotifikaw differenzi skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2018/2027 17 . Skont dawk in-notifiki, id-Direttiva 2003/87/KE, fl-istat attwali tagħha, tapplika irrispettivament min-nazzjonalità tal-operatur tal-ajruplani u fil-prinċipju tkopri titjiriet li jitilqu minn jew li jaslu f'ajrudrom li jinsab fit-territorju ta' Stat Membru li għalih japplika t-Trattat. Id-Direttiva 2003/87/KE tapplika mingħajr distinzjoni għal titjiriet fi ħdan u bejn l-Istati Membri u/jew pajjiżi taż-ŻEE. Dawk il-prinċipji japplikaw kemm għar-rekwiżiti tal-Monitoraġġ, ir-Rappurtar u l-Verifika (MRV) kif ukoll għar-rekwiżiti ta' kumpens,

    (9)Soġġett għal dawn id-differenzi, ir-rekwiżiti tal-MRV kif stabbiliti fil-CORSIA, applikabbli mill-1 ta' Jannar 2019, ġew inkorporati fil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni 18 . Skont din il-leġiżlazzjoni, id-data dwar l-emissjonijiet se tinġabar u tiġi trażmessa lis-Segretarjat tal-ICAO fir-rigward tal-emissjonijiet matul il-fażi pilota.

    (10)Skont il-Kapitolu 3, il-Paragrafi 3.1.3 u l-Appendiċi 1 (“Proċeduri Amministrattivi”) tal-Anness 16, il-Volum IV tal-Konvenzjoni, l-Istati huma meħtieġa jinnotifikaw lill-ICAO sat-30 ta' Ġunju 2020 bid-deċiżjoni tagħhom li jipparteċipaw volontarjament, jew li jwaqqfu l-parteċipazzjoni volontarja mill-1 ta' Jannar 2021, u liema alternattiva għażlu, skont il-paragrafu 3.2.1 tal-Anness 16, il-Volum IV, biex jiġu kkalkulati r-rekwiżiti ta' kumpens tal-operaturi tal-ajruplani matul il-perjodu 2021-2023.

    (11)Isegwi minn dawk id-dispożizzjonijiet, li ċerti effetti legali tal-CORSIA, adottati permezz ta' deċiżjoni tal-Kunsill tal-ICAO, il-korp stabbilit bi ftehim, jiddependu fuq il-preżentazzjoni ta' notifiki rilevanti lill-ICAO, u fuq it-termini ta' dawk in-notifiki. Għalhekk, l-adozzjoni ta' pożizzjoni tal-Unjoni fir-rigward ta' tali notifiki taqa' fil-kamp ta' applikazzjoni tal-Artikolu 218(9) tat-TFUE.

    (12)F'dan ir-rigward, huwa xieraq li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li għandha tittieħed f'isem l-Unjoni, filwaqt li jiġi kkunsidrat ir-rekwiżit ta' notifika msemmi hawn fuq, b'mod partikolari minħabba li l-parteċipazzjoni volontarja fil-CORSIA u l-għażla tal-għażla skont il-paragrafu 3.2.1 tal-Anness 16, il-Volum IV għall-Konvenzjoni jista' jinfluwenza b'mod deċiżiv id-drittijiet u l-obbligi f'qasam kopert mil-liġi tal-Unjoni, b'mod partikolari d-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u d-Direttiva (UE) 2018/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-promozzjoni tal-użu tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli 19 .

    (13)L-Unjoni u l-Istati Membri tagħha iddikjaraw ripetutament 20 li huma lesti li jipparteċipaw fil-CORSIA mill-1 ta' Jannar 2021.

    (14)Il-parteċipazzjoni volontarja fil-CORSIA timplika wkoll li għandha tintgħażel alternattiva, skont il-paragrafu 3.2.1 tal-Anness 16, il-Volum IV, tal-Konvenzjoni, għall-kalkolu tar-rekwiżiti ta' kumpens tal-operaturi tal-ajruplani matul il-perjodu 2021-2023. F'dan ir-rigward, huwa xieraq li l-kalkoli jiġu bbażati fuq l-emissjonijiet matul l-2021, l-2022 u l-2023 rispettivament. Din l-għażla x'aktarx li tinvolvi benefiċċju akbar, kemm mil-lat ambjentali kif ukoll għat-trasport internazzjonali, mill-għażla l-oħra disponibbli, jiġifieri li l-kalkoli jiġu bbażati fuq l-emissjonijiet matul l-2020, peress li l-emissjonijiet mill-avjazzjoni internazzjonali huma mistennija li jkunu ogħla matul l-2021, l-2022 u l-2023 milli matul l-2020 u b'hekk iwasslu għal rekwiżiti ta' kumpens akbar. Dan jiżgura wkoll kontinwità akbar meta wieħed iżomm f'moħħu li, għas-snin mill-2024, il-punt 3.2.2 tal-Anness 16, il-Volum IV, jipprovdi bl-istess mod għal kalkolu bbażat fuq is-sena rispettiva.

    (15)L-għażla tal-emissjonijiet tal-2021, l-2022 u l-2023 rispettivament għall-kalkolu tar-rekwiżiti ta' kumpens tapplika matul il-perjodu 2021-2023 għall-operaturi kollha tal-ajruplani li ġew attribwiti lill-Istat Membru kkonċernat.

    (16)Kif imsemmi hawn fuq, is-sistema tad-Direttiva 2003/87/KE bħalissa hija differenti f'ċerti modi minn dik tal-CORSIA. L-Artikolu 28b tad-Direttiva 2003/87/KE jirrikjedi li l-Kummissjoni tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill li jikkunsidra modi kif l-CORSIA għandha tiġi implimentata fl-Unjoni permezz ta' reviżjoni tad-Direttiva, konsistenti mal-impenn tal-Unjoni għat-tnaqqis tal-emissjonijiet ta' gassijiet serra għall-2030 mal-ekonomija kollha, bl-għan li jiġu ppreservati l-effettività u l-integrità ambjentali tal-azzjoni klimatika tal-Unjoni. Għal dak il-għan, fi żmien sena mill-adozzjoni mill-ICAO tal-istrumenti legali rilevanti u qabel dawn isiru operattivi, il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill li fih tivvaluta, fost l-oħrajn, l-ambizzjoni u l-integrità ambjentali tal-istrument tal-ICAO. Fejn xieraq, ir-rapport għandu jiġi akkumpanjat minn proposta leġiżlattiva. Il-Kummissjoni għadha ma ppreżentatx dan ir-rapport.

    (17)F'dan il-kuntest, huwa meħtieġ li jiġi żgurat li d-differenzi attwali u futuri possibbli bejn il-liġi tal-Unjoni u l-CORSIA jiġu kkunsidrati kif xieraq, bil-għan li tinżamm is-sistema tal-Unjoni kif meħtieġ, inkluża l-libertà tal-leġiżlatur li jiddeċiedi dwar l-iskema futura tal-Unjoni applikabbli għaż-żona kkonċernata. F'dan ir-rigward, il-Parlament Ewropew talab lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri 21 biex jissalvagwardjaw l-awtonomija leġiżlattiva tal-UE fl-implimentazzjoni tad-Direttiva 2003/87/KE.

    (18)In-notifika msemmija hawn fuq jenħtieġ li għalhekk tinkludi referenza għad-differenza nnotifikata abbażi tad-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2018/2027, li tapplika għall-kwistjonijiet koperti mill-parteċipazzjoni volontarja. Peress li dik id-differenza, sa fejn għadha rilevanti, tikkonċerna biss l-attribuzzjoni tal-kompetenza tal-Istati vis-à-vis l-operaturi differenti, in-notifika msemmija hawn fuq jenħtieġ li tirriżerva wkoll il-possibbiltà li tinnotifika differenzi addizzjonali.

    (19)Il-pożizzjoni tal-Unjoni jenħtieġ li tiġi espressa mill-Istati Membri tal-Unjoni li huma membri tal-ICAO.

    ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f'isem l-Unjoni fid-dawl tal-Kapitolu 3, il-Paragrafi 3.1.3 u 3.2.1 u l-Appendiċi 1 tal-Anness 16, il-Volum IV, għall-Konvenzjoni ta' Chicago dwar l-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali u li tikkonċerna n-notifika lill-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali fir-rigward ta'

    - il-parteċipazzjoni volontarja tal-Istati Membri fl-Iskema ta' Kumpens u Tnaqqis tal-Karbonju għall-Avjazzjoni Internazzjonali minn Jannar 2021 u

    - l-alternattiva magħżula għall-kalkolu tar-rekwiżiti ta' kumpens tal-operaturi tal-ajruplani matul il-perjodu 2021-2023,

    hija stabbilita fl-Anness għal din id-Deċiżjoni.

    Artikolu 2

    Il-pożizzjoni msemmija fl-Artikolu 1 għandha tiġi espressa mill-Istati Membri tal-Unjoni li huma membri tal-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali.

    Artikolu 3

    Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

    Magħmul fi Brussell,

       Għall-Kunsill

       Il-President
       

    (1)    Il-Paragrafu 3.1.3 jirreferi għall-“inklużjoni tal-Istat fid-dokument tal-ICAO intitolat ‘CORSIA States for Chapter 3 State Pairs'”. Il-paragrafu jinkludi nota li tispeċifika li d-dokument inkwistjoni jiġbor “Stati li vvolontarjaw li jipparteċipaw matul il-perjodi ta' konformità mill-1 ta' Jannar 2021 sal-31 ta' Diċembru 2026”. Ta’ min wieħed jinnota wkoll li l-Appendiċi 1 jirrikjedi li l-Istati jinnotifikaw lill-ICAO bi kwalunkwe deċiżjoni li ma jkomplux il-parteċipazzjoni volontarja sat-30 ta' Ġunju ta' kull sena qabel is-sena fejn il-parteċipazzjoni volontarja tkun se titwaqqaf.
    (2)    Id-Direttiva 2008/101/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta' Novembru 2008 li temenda d-Direttiva 2003/87/KE sabiex tinkludi l-attivitajiet tal-avjazzjoni fl-iskema għall-iskambju ta' kwoti tal-emissjonijiet ta' gassijiet serra ġewwa l-Komunità, ĠU L 8, 13.1.2009, p. 3.
    (3)    Fil-każ li ma tiġi adottata l-ebda emenda għad-Direttiva tal-EU ETS mill-Parlament Ewropew u l-Kunsill sa Diċembru 2023, minn hemm 'il quddiem l-EU ETS għall-avjazzjoni awtomatikament terġa' lura għall-kamp ta' applikazzjoni inizjali tagħha, jiġifieri li tkopri t-titjiriet kollha li jitilqu minn ajruporti fl-Istati Membri tal-UE u l-Istati tal-EFTA kollha u li jaslu f'ajruporti oħra fl-UE/EFTA jew f'pajjiżi terzi u, jekk mhux eżentati permezz ta' leġiżlazzjoni delegata, it-titjiriet li jidħlu f'ajruporti fl-UE/EFTA minn pajjiżi terzi.
    (4)    L-Artikolu 3 tal-Ftehim ta' Pariġi.
    (5)    Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2016/915 tat-30 ta' Mejju 2016 dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f'isem l-Unjoni Ewropea fir-rigward tal-istrument internazzjonali li għandu jitfassal fi ħdan il-korpi tal-ICAO u maħsub biex iwassal għall-implimentazzjoni mill-2020 ta' miżura globali unika bbażata fuq is-suq għall-emissjonijiet mill-avjazzjoni internazzjonali, ĠU L 153, 10.6.2016, p. 32.
    (6)    Ir-Regolament (UE) 2017/2392 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Diċembru 2017 li jemenda d-Direttiva 2003/87/KE biex jitkomplew il-limitazzjonijiet attwali tal-kamp ta' applikazzjoni fl-attivitajiet tal-avjazzjoni u ssir il-preparazzjoni biex tiġi implimentata miżura globali bbażata fuq is-suq mill-2021, ĠU L 350, 29.12.2017, p. 7.
    (7)

       Id-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Ottubru 2003 li tistabbilixxi sistema għall-iskambju ta' kwoti ta' emissjonijiet ta' gassijiet serra ġewwa l-Unjoni u li temenda d-Direttiva 96/61/KE, ĠU L 275, 25.10.2003, p. 32.

    (8)    Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2018/2027 tad-29 ta' Novembru 2018 dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f'isem l-Unjoni Ewropea fl-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali, fir-rigward tal-Ewwel Edizzjoni tal-Istandards Internazzjonali u l-Prattiki Rakkomandati dwar il-Ħarsien Ambjentali — Skema ta' Kumpens u Tnaqqis tal-Karbonju għall-Avjazzjoni Internazzjonali (CORSIA), ĠU L 325, 20.12.2018, p. 25.
    (9)    Ir-Regolament (UE) 2017/2392 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Diċembru 2017 li jemenda d-Direttiva 2003/87/KE biex jitkomplew il-limitazzjonijiet attwali tal-kamp ta' applikazzjoni fl-attivitajiet tal-avjazzjoni u ssir il-preparazzjoni biex tiġi implimentata miżura globali bbażata fuq is-suq mill-2021, ĠU L 350, 29.12.2017, p. 7.
    (10)    Proposta tal-Kummissjoni għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-qafas biex tinkiseb in-newtralità klimatika u li jemenda r-Regolament (UE) 2018/1999 (“il-Liġi Ewropea dwar il-Klima”) tal-4 ta' Marzu 2020, COM(2020) 80.
    (11)    Ir-Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-28 ta' Novembru 2019 dwar il-Konferenza tan-NU tal-2019 dwar it-Tibdil fil-Klima li saret f'Madrid, fi Spanja (COP 25), P9_TA(2019)0079.
    (12)    Id-Direttiva (UE) 2018/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2018 dwar il-promozzjoni tal-użu tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli, ĠU L 328, 21.12.2018, p. 82.
    (13)    Is-Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta' Ottubru 2014, Il-Ġermanja vs Il-Kunsill, C-399/12, ECLI:EU:C:2014:2258, il-paragrafu 64.
    (14)    Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2016/915 ta' Mejju 2016 dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f'isem l-Unjoni Ewropea fir-rigward tal-istrument internazzjonali li għandu jitfassal fi ħdan il-korpi tal-ICAO u maħsub biex iwassal għall-implimentazzjoni mill-2020 ta' miżura globali unika bbażata fuq is-suq għall-emissjonijiet mill-avjazzjoni internazzjonali (ĠU L 153, 10.6.2016, p. 32).
    (15)    Id-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Ottubru 2003 li tistabbilixxi sistema għall-iskambju ta' kwoti ta' emissjonijiet ta' gassijiet serra ġewwa l-Unjoni u li temenda d-Direttiva 96/61/KE (ĠU L 275, 25.10.2003, p. 32).
    (16)    Ir-Regolament (UE) 2017/2392 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Diċembru 2017 li jemenda d-Direttiva 2003/87/KE biex jitkomplew il-limitazzjonijiet attwali tal-kamp ta' applikazzjoni fl-attivitajiet tal-avjazzjoni u ssir il-preparazzjoni biex tiġi implimentata miżura globali bbażata fuq is-suq mill-2021, ĠU L 350, 29.12.2017, p. 7.
    (17)    Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2018/2027 tad-29 ta' Novembru 2018 dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f'isem l-Unjoni Ewropea fl-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali, fir-rigward tal-Ewwel Edizzjoni tal-Istandards Internazzjonali u l-Prattiki Rakkomandati dwar il-Ħarsien Ambjentali — Skema ta' Kumpens u Tnaqqis tal-Karbonju għall-Avjazzjoni Internazzjonali (CORSIA) (ĠU L 325, 20.12.2018, p. 25).
    (18)    Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/2066 tad-19 ta' Diċembru 2018 dwar il-monitoraġġ u r-rapportar ta' emissjonijiet ta' gassijiet serra skont id-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jemenda r-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 601/2012 (ĠU L 334, 31.12.2018, p. 1), ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/2067 tad-19 ta' Diċembru 2018 dwar il-verifika tad-data u l-akkreditament tal-verifikaturi skont id-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 334, 31.12.2018, p. 94) u r-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/1603 tat-18 ta' Lulju 2019 li jissupplimenta d-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-miżuri adottati mill-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali għall-monitoraġġ, ir-rappurtar u l-verifika tal-emissjonijiet mill-avjazzjoni għall-finijiet tal-implimentazzjoni ta' miżura globali bbażata fuq is-suq (ĠU L 250, 30.9.2019, p. 10).
    (19)    Id-Direttiva (UE) 2018/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2018 dwar il-promozzjoni tal-użu tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli, ĠU L 328, 21.12.2018, p. 82.
    (20)    Eż. “Id-Dikjarazzjoni ta' Bratislava” (approvata mill-COREPER, ST 12029/16 (Anness I)), ICAO A39- WP/414 (approvata mill-COREPER, ST 12029/16 (Anness II)), ICAO A40- WP/102 (approvata mill-Kunsill, ST 10227/1/19 (dokument mehmuż H)).
    (21)    Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-28 ta' Novembru 2019 dwar il-Konferenza tan-NU tal-2019 dwar it-Tibdil fil-Klima li saret f'Madrid, fi Spanja (COP 25), P9_TA(2019)0079.
    Top

    Brussell, 13.5.2020

    COM(2020) 194 final

    ANNESS

    ta' [...]

    Proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill

    dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f'isem l-Unjoni Ewropea fl-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali, fir-rigward tan-notifika tal-parteċipazzjoni volontarja fl-Iskema ta' Kumpens u Tnaqqis tal-Karbonju għall-Avjazzjoni Internazzjonali (CORSIA) mill-1 ta' Jannar 2021 u tal-alternattiva magħżula għall-kalkolu tar-rekwiżiti ta' kumpens tal-operaturi tal-ajruplani matul il-perjodu 2021-2023


    ANNESS

    Sa mhux aktar tard mit-30 ta’ Ġunju 2020, kull Stat Membru għandu jinnotifika dan li ġej:

    Skont il-Kapitolu 2, il-paragrafu 3.1.3 u l-Appendiċi 1 tal-Kapitolu 3 tal-Anness 16, il-Volum IV tal-Konvenzjoni, [Stat Membru] jiddikjara l-parteċipazzjoni volontarja tiegħu fl-Iskema ta' Kumpens u Tnaqqis tal-Karbonju għall-Avjazzjoni Internazzjonali (CORSIA) mill-1 ta’ Jannar 2021.

    Għall-finijiet ta’ kalkolu tar-rekwiżiti ta’ kumpens tal-operatur tal-ajruplani matul il-perjodu 2021-2023, skont il-paragrafu 3.2.1 u l-Appendiċi 1 tal-Kapitolu 3 tal-Anness 16, il-Volum IV, tal-Konvenzjoni, l-alternattiva magħżula hija OE = l-emissjonijiet ta’ CO2 tal-operatur tal-ajruplan koperti b’3.1 fis-sena partikolari y.

    Dawn in-notifiki ma jippreġudikawx id-differenzi li ġew notifikati minn [Stat Membru] [*] kif ukoll id-differenzi addizzjonali li jistgħu jiġu nnotifikati f’data aktar tard.

    * Irreferi għan-notifika li saret skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2018/2027.

    Top