Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52020PC0005

    Proposta għal REGOLAMENT TAL-KUNSILL li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (UE) 2018/1977 li jiftaħ u jipprevedi l-ġestjoni ta’ kwoti tariffarji awtonomi tal-Unjoni għal ċerti prodotti tas-sajd għall-perjodu mill-2019 sal-2020

    COM/2020/5 final

    Brussell, 10.1.2020

    COM(2020) 5 final

    2020/0004(NLE)

    Proposta għal

    REGOLAMENT TAL-KUNSILL

    li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (UE) 2018/1977 li jiftaħ u jipprevedi l-ġestjoni ta’ kwoti tariffarji awtonomi tal-Unjoni għal ċerti prodotti tas-sajd għall-perjodu mill-2019 sal-2020


    MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

    1.KUNTEST TAL-PROPOSTA

    Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2018/1977, li jiftaħ u jipprevedi l-ġestjoni ta’ kwoti tariffarji awtonomi tal-Unjoni għal ċerti prodotti tas-sajd għall-perjodu mill-2019 sal-2020, ġie adottat fl-14 ta’ Diċembru 2018.

    Ir-Regolament għandu l-għan li jiżgura li l-industrija tal-ipproċessar tal-Unjoni tkun kompetittiva u li jevita li titqiegħed f’periklu l-produzzjoni tal-prodotti tas-sajd fl-Unjoni billi jiżgura li l-industrija jkollha provvista adegwata ta’ prodotti tas-sajd. Għal dan il-għan, ir-Regolament inaqqas jew jissospendi d-dazji tal-importazzjoni għal għadd ta’ prodotti tas-sajd fil-kuntest ta’ kwoti tariffarji ta’ volum xieraq. Huwa jiddefinixxi wkoll liema ħidmiet tal-ipproċessar (minn hawn ’il quddiem imsejħin “il-ħidmiet li jikkwalifikaw”) jippermettu l-użu tal-kwoti tariffarji u liema le.

    2.RIŻULTATI TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI

    Wara li ġie adottat ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2018/1977, xi proċessuri tal-UE u Stat Membru għarrfu lill-Kummissjoni li, minħabba li l-kodiċi tan-NM 1604 32 00 (Sostituti tal-kavjar) kien tneħħa mill-kwota tariffarja awtonoma 09.2750 li kienet ġiet stabbilita fir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2015/2265 ta’ qabel, il-proċessuri ma kienx għadhom jistgħu jimpurtaw il-bajd iebes tal-ħut li jidħol f’dak il-kodiċi speċifiku tan-NM kif kienu jagħmlu fil-kuntest tal-iskema ta’ qabel. Fil-kuntest tar-Regolament attwali dwar il-kwoti tariffarji awtonomi (li jgħodd għall-perjodu mill-2019 sal-2020), il-kodiċi tan-NM 1604 32 00 (Sostituti tal-kavjar) inbidel bil-kodiċi tan-NM 0305 20 00 (Fwied, bajd u sperma ta’ ħut, imnixxfin, affumikati, immellħin jew fis-salmura) minħabba li dan jirrifletti aħjar id-deskrizzjoni tal-prodott (Bajd tal-ħut iebes, maħsul, imnaddaf mill-organi aderenti u sempliċiment immellaħ jew fis-salmura, għall-manifattura ta’ sostituti tal-kavjar).

    Il-fatt li tneħħa l-kodiċi tan-NM 1604 32 00 wassal biex id-dazju fuq dawn il-prodotti żdied minn 0 % għal 20 %, minħabba li dawn ma għadhomx jistgħu jibbenefikaw mill-iskema ta’ kwoti tariffarji awtonomi. Dan wassal għal telf sinifikanti minħabba l-ammonti kkonċernati u minħabba li kienu jeżistu kuntratti fit-tul li għadhom jgħoddu. Minħabba li l-kodiċi tan-NM 1604 32 00 kien inżamm fil-proposta tal-Kummissjoni u minħabba li r-Regolament il-ġdid li daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2019 ġie adottat biss fl-14 ta’ Diċembru 2018, il-kumpaniji qed jargumentaw li din il-bidla ma kinetx prevedibbli u ma tathomx biżżejjed ċans biex jadattaw ruħhom għaliha, minħabba li l-kuntratti li għandhom mal-fornituri tagħhom ikopru perjodi twal taż-żmien.

    Analiżi ddettaljata kkonfermat li l-bidla fil-kodiċi wasslet għal tnaqqis sinifikanti fl-importazzjonijiet ikkonċernati (intużaw biss 400 tunnellata mill-1 500 tunnellata tal-kwota tariffarja awtonoma, meta mqabbel ma’ 958 tunnellata fl-2018).

    Mill-banda l-oħra, l-għan tal-kwoti tariffarji awtonomi huwa li joħolqu valur miżjud u iktar impjiegi. Minn dan il-lat, it-taħlil, l-ippakkjar mill-ġdid u l-pastorizzazzjoni ma jistgħux jitqiesu bħala “pproċessar” li se joħloq valur miżjud sinifikanti. Kien f’dan il-kuntest li l-kodiċi tan-NM 1604 32 00 (Sostituti tal-kavjar) inbidel bil-kodiċi tan-NM 0305 20 00 (Fwied, bajd u sperma ta’ ħut, imnixxfin, affumikati, immellħin jew fis-salmura).

    Waqt id-diskussjonijiet li saru fil-kuntest tar-Regolament dwar il-kwoti tariffarji awtonomi għall-perjodu mill-2019 sal-2020 b’rabta mal-bajd iebes tal-ħut, il-Kumitat tal-Kodiċi Doganali adotta Noti ta’ Spjegazzjoni tan-Nomenklatura Magħquda (NSNM) ġodda għas-subintestatura 0305 20 00 li jiċċaraw l-ambitu ta’ dik is-subintestatura billi jipprovdu iktar definizzjonijiet. Skont in-NSNM l-ġodda, il-bajd immellaħ tal-ħut li ma jkunx tajjeb għall-konsum immedjat bħala kavjar jew bħala sostitut tiegħu fl-istat attwali tiegħu mingħajr trattament addizzjonali, iżda li jkun maħsub għall-manifattura tas-sostituti tal-kavjar huwa kklassifikat taħt din is-subintestatura.

    Għalhekk, wieħed jista’ jikkonkludi li l-fatt li l-kodiċi tan-NM 1604 32 00 inbidel bil-kodiċi tan-NM 0305 20 00 fir-Regolament il-ġdid dwar il-kwoti tariffarji awtonomi (li jgħodd għall-perjodu mill-2019 sal-2020) huwa konformi mal-għanijiet tal-kwoti tariffarji awtonomi. Madankollu, l-adozzjoni tard tar-Regolament b’kodiċi tan-NM għall-istess kwota tariffarja awtonoma 09.2750 li kien ivarja minn dak imsemmi fil-proposta tal-Kummissjoni u fil-leġiżlazzjoni ta’ qabel, u n-nuqqas ta’ fehim ċar min-naħa tal-industrija tad-differenza bejn iż-żewġ kodiċijiet tan-NM (imsaħħaħ mill-fatt li dawn jidħlu fl-istess numru tal-ordni), kellhom impatt negattiv sinifikanti fuq l-industrija tal-bajd tal-ħut fl-UE. Jenħtieġ li din il-bidla fil-kodiċi tan-NM ma twaqqafx ħesrem il-flussi kummerċjali.

    2.BAŻI ĠURIDIKA, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ

    Bażi ġuridika

    L-Artikolu 31 tat-TFUE.

    Sussidjarjetà (għall-kompetenza mhux esklużiva)

    Id-dazji tat-Tariffa Doganali Komuni jidħlu fl-ambitu tal-kompetenza esklużiva tal-Unjoni. Għalhekk il-prinċipju tas-sussidjarjetà ma japplikax għal dawn id-dispożizzjonijiet.

    Proporzjonalità

    L-għażla tal-politika hija proporzjonata minħabba li hija awtorizzata kwantità limitata biss għal kull prodott, filwaqt li jitqiesu r-rata tal-użu, il-fatt li l-kundizzjonijiet ikunu ekwi fost il-produtturi tal-UE u dawk ta’ pajjiżi li mhumiex membri tal-UE, il-valur miżjud, u preferenzi kummerċjali oħrajn.

    Il-proposta tikkonforma mal-prinċipju tal-proporzjonalità minħabba li l-unjoni doganali hija politika komuni u għalhekk jenħtieġ li tiġi implimentata permezz ta’ Regolament adottat mill-Kunsill.

    Għażla tal-istrument

    Ma tapplikax.

    3. IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI

    Il-proposta għandha impatt baġitarju fuq id-dħul.

    2020/0004 (NLE)

    Proposta għal

    REGOLAMENT TAL-KUNSILL

    li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (UE) 2018/1977 li jiftaħ u jipprevedi l-ġestjoni ta’ kwoti tariffarji awtonomi tal-Unjoni għal ċerti prodotti tas-sajd għall-perjodu mill-2019 sal-2020

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikulari l-Artikolu 31 tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

    Billi:

    (1)Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2018/1977 1 jiftaħ u jipprevedi l-ġestjoni ta’ kwoti tariffarji awtonomi tal-Unjoni għal ċerti prodotti tas-sajd għall-perjodu mill-2019 sal-2020. Ġew stabbiliti volumi xierqa għal kull kwota tariffarja sabiex ikun żgurat li l-industrija tal-Unjoni jkollha provvista adegwata għall-perjodu mill-2019 sal-2020.

    (2)Fil-kwota tariffarja awtonoma bin-numru tal-ordni 09.2750 imniżżla fl-Anness tar-Regolament (UE) 2018/1977, l-uniċi prodotti li jikkorrispondu mad-deskrizzjoni tal-bajd tal-ħut iebes, maħsul, imnaddaf mill-organi aderenti u sempliċiment immellaħ jew fis-salmura, għall-manifattura ta’ sostituti tal-kavjar, huma dawk li jidħlu fil-kodiċi tan-NM ex 0305 20 00 li għandhom il-kodiċi tat-TARIC 35.

    (3)Madankollu, id-dispożizzjonijiet dwar il-kwota tariffarja kkonċernata previsti fir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2015/2265 2 , li kien ir-Regolament li kien validu qabel daħal fis-seħħ ir-Regolament (UE) 2018/1977, kienu differenti, u kienu jirreferu għall-prodotti li jidħlu fil-kodiċi tan-NM ex 1604 32 00 li għandhom il-kodiċi tat-TARIC 20 bħala l-uniċi prodotti koperti mid-deskrizzjoni tal-“bajd tal-ħut iebes, maħsul, imnaddaf mill-organi aderenti u sempliċiment immellaħ jew fis-salmura, għall-ipproċessar ta’ sostituti tal-kavjar”.

    (4)Il-bidla fil-kodiċi tan-NM għall-kwota bin-numru tal-ordni 09.2750 wasslet biex l-industrija sabitha diffiċli tinterpreta d-dispożizzjoni kkonċernata u biex l-industrija ma fehmitx sew id-differenza bejn iż-żewġ kodiċijiet tan-NM (imsaħħaħ mill-fatt li dawn jidħlu fl-istess numru tal-ordni), u dan wassal għal impatt negattiv fuq l-industrija tal-ipproċessar tal-UE.

    (5)Huwa xieraq li jiġu emendati l-prodotti koperti mill-kwota tariffarja bin-numru tal-ordni 09.2750 sabiex dawn ikunu jinkludu wkoll, għal perjodu limitat ta’ sena, il-prodotti li jidħlu fil-kodiċi tan-NM ex 1604 32 00 li għandhom il-kodiċi tat-TARIC 20 kif ukoll nota ta’ qiegħ il-paġna li tkun tirreferi għal dawn il-kodiċijiet tan-NM u tat-TARIC u għall-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2019 sal-31 ta’ Diċembru 2019.

    (6)Għalhekk jenħtieġ li r-Regolament (UE) 2018/1977 jiġi emendat kif xieraq.

    (7)Il-kwoti li fetaħ ir-Regolament (UE) 2018/1977 fl-ewwel sena japplikaw għall-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2019 sal-31 ta’ Diċembru 2019. Minħabba li jeħtieġ li l-operaturi ekonomiċi jiġu ttrattati bl-istess mod, u filwaqt li jitqies il-fatt li għadha ma ġietx eżawrita l-kwota tariffarja bin-numru tal-ordni 09.2752, jenħtieġ li dan ir-Regolament jibda japplika b’mod retroattiv mill-1 ta’ Jannar 2019 sabiex l-operaturi ekonomiċi li jużaw il-bajd iebes tal-ħut (bħala prodott lest) ikunu jistgħu jkomplu jibbenefikaw mid-dazju favorevoli għal din il-kwota għal perjodu limitat taż-żmien mingħajr interruzzjoni. Għall-istess raġunijiet, jenħtieġ li dan jidħol fis-seħħ minnufih,

    ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    It-tielet ringiela tal-Anness tar-Regolament tal-Kunsill (UE) 2018/1977 (li tittratta l-kwota bin-numru tal-ordni 09.2750) hija emendata kif ġej:

    (1)l-entrata mogħtija fil-kolonna msejħa “Kodiċi tan-NM” hija sostitwita b’dan li ġej:

    “ex 0305 20 00

    ex 1604 32 00”;

    (2)l-entrata mogħtija fil-kolonna msejħa “Kodiċi tat-TARIC” hija sostitwita b’dan li ġej:

    “35

        20”;

    (3)fil-kolonna msejħa “Deskrizzjoni”, tiżdied in-nota ta’ qiegħ il-paġna li ġejja wara l-kliem “sostituti tal-kavjar”:

    “Din il-kwota tariffarja tapplika mill-1 ta’ Jannar 2019 sal-31 ta’ Diċembru 2019 għall-prodotti li jidħlu fil-kodiċi tat-TARIC 1604 32 00 20.”

    Artikolu 2

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Huwa għandu japplika mill-1 ta’ Jannar 2019.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell,

    Għall-Kunsill

    Il-President

    DIKJARAZZJONI FINANZJARJA LEĠIŻLATTIVA

    1.1.ISEM IL-PROPOSTA

    Proposta għal emenda tar-Regolament tal-Kunsill (UE) 2018/1977 li jiftaħ u jipprevedi l-ġestjoni ta’ kwoti tariffarji awtonomi tal-Unjoni għal ċerti prodotti tas-sajd għall-perjodu mill-2019 sal-2020

    2.LINJI BAĠITARJI

    Il-linja tad-dħul: L-Artikolu 1 2 0 tal-Kapitolu 1 2, li jittratta d-dazji doganali u dazji oħrajn imsemmijin fl-Artikolu 2(1)(a) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/335/UE, Euratom (li għalihom iddaħħal ammont ta’ EUR 21 471,2 miljun fil-baġit għas-sena finanzjarja tal-2019)

    (fil-każ tad-dħul assenjat biss) Id-dħul se jiġi assenjat għall-kapitolu dwar in-nefqa li ġej:

    3.IMPATT FINANZJARJU

       Il-proposta ma għandha l-ebda implikazzjoni finanzjarja

    X Il-proposta ma għandha l-ebda impatt finanzjarju fuq in-nefqa iżda għandha impatt finanzjarju fuq id-dħul

       Il-proposta għandha impatt finanzjarju fuq id-dħul assenjat – l-effett huwa kif ġej:

    (f’Euro)

    Il-linja tad-dħul 3

    Fl-2019

    L-Artikolu 1 2 0 — Dazji doganali u dazji oħrajn

    3.561.518

    4.MIŻURI KONTRA L-FRODI

    Se jitwettqu kontrolli fuq l-użu aħħari ta’ xi prodotti koperti minn dan ir-Regolament tal-Kunsill skont l-Artikolu 254 tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet dwar l-implimentazzjoni tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni.

    5.RIMARKI OĦRA

    1.L-impatt ewlieni ta’ dan ir-Regolament huwa t-telf ta’ dħul għall-Unjoni Ewropea, minħabba li l-kwota tariffarja bin-numru tal-ordni 09.2750 qed tiġi emendata biex tkun tinkludi wkoll, għal perjodu limitat ta’ sena, il-prodotti li jidħlu fil-kodiċi tan-NM ex 1604 32 00 li għandhom il-kodiċi tat-TARIC 20 kif ukoll nota ta’ qiegħ il-paġna li tirreferi għal dawn il-kodiċijiet tan-NM u tat-TARIC u għall-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2019 sal-31 ta’ Diċembru 2019.

    2.L-ammont gross ġie kkalkulat abbażi tal-bilanċ pendenti tal-kwota tariffarja awtonoma 09.2750 (li jimplika użu massimu tal-kwota), tal-prezz medju tal-prodott tul dawn l-aħħar sentejn, u tar-rata tad-dazju tan-nazzjon l-aktar iffavorit fuq il-prodott, li hija ta’ 20 %, kif ġej:

    1.097.066,78 (it-tunnellaġġ) * 20.29 (il-prezz medju għal kull kilogramm) * 20 % (it-tariffa).

    Għalhekk dan jirrappreżenta l-livell massimu ta’ telf ta’ dħul minħabba li l-Komunità tagħti preferenzi kummerċjali iktar favorevoli lil gruppi differenti ta’ pajjiżi terzi (l-iskema ġeneralizzata ta’ preferenzi, l-arranġament speċjali ta’ inċentivi għal żvilupp sostenibbli u governanza tajba u l-ftehimiet ta’ kummerċ ħieles).

    (1)    Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2018/1977 tal-11 ta’ Diċembru 2018 li jiftaħ u jipprevedi l-ġestjoni ta’ kwoti tariffarji awtonomi tal-Unjoni għal ċerti prodotti tas-sajd għall-perjodu 2019 – 2020 (ĠU L 317, 14.12.2018, p. 2).
    (2)    Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2015/2265 tas-7 ta’ Diċembru 2015 li jiftaħ u jipprevedi l-ġestjoni ta’ kwoti tariffarji awtonomi tal-Unjoni għal ċerti prodotti tas-sajd għall-perjodu 2016–2018 (ĠU L 322, 8.12.2015, p. 4).
    (3)    Għar-riżorsi proprji tradizzjonali (id-dazji agrikoli, l-imposti fuq iz-zokkor, id-dazji doganali), l-ammonti indikati jridu jkunu ammonti netti, jiġifieri ammonti grossi wara li minnhom jitnaqqas 20 % għall-kostijiet tal-ġbir.
    Top