Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52020IR4749

Opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni — Żona Ewropea tar-Riċerka (ŻER) ġdida għar-riċerka u l-innovazzjoni

COR 2020/04749

ĠU C 106, 26.3.2021, p. 31–37 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

26.3.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 106/31


Opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni — Żona Ewropea tar-Riċerka (ŻER) ġdida għar-riċerka u l-innovazzjoni

(2021/C 106/07)

Relatur:

Christophe CLERGEAU (FR/PSE), Kunsillier Reġjonali tal-Kunsill Reġjonali ta’ Pays-de-la-Loire

Dokument ta’ referenza:

Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni — ŻER ġdida għar-Riċerka u l-Innovazzjoni

COM(2020) 628 final

RAKKOMANDAZZJONIJIET TA’ POLITIKA

IL-KUMITAT EWROPEW TAR-REĠJUNI

1.

ifakkar fil-konklużjonijiet tal-Opinjoni tiegħu dwar Orizzont Ewropa: id-disa’ Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni, fejn:

“jappella għal rikonoxximent ġenwin tal-eċċellenza mifruxa fl-Istati Membri u fir-reġjuni kollha tal-UE sabiex jitjieb il-livell ta’ eċċellenza xjentifika tal-Ewropa kollha u mhux biss ta’ xi reġjuni kbar u ta’ xi metropoli”;

“jiddispjaċih ħafna dwar ir-rifjut persistenti li jiġi rikonoxxut l-ankraġġ territorjali tal-eċċellenza xjentifika u l-kontribut tal-ekosistemi reġjonali u taċ-ċentri ta’ innovazzjoni għad-dinamika tal-UE”;

“jitlob bil-qawwa l-parteċipazzjoni sħiħa tal-awtoritajiet lokali u reġjonali fl-eżerċizzju tal-ippjanar strateġiku […] u l-ikkunsidrar tal-istrateġiji ta’ speċjalizzazzjoni intelliġenti f’dan il-kuntest”;

“iqis li huwa meħtieġ li jiġu rikonoxxuti l-impatti territorjali fost l-elementi li jikkostitwixxu l-kunċett ta’ impatt għall-evalwazzjoni tal-programm u tal-proġetti”;

2.

jilqa’ l-opportunità ppreżentata minn din il-komunikazzjoni li tiġi proposta strateġija koerenti għall-mobilizzazzjoni tal-partijiet ikkonċernati kollha sabiex jissaħħu l-isforzi tal-Ewropa fir-riċerka u l-innovazzjoni; jinnota, madankollu, l-iżbilanċ fil-komunikazzjoni, li tiffoka wisq fuq iż-Żona Ewropea tar-Riċerka (ŻER) bħala kontinwazzjoni ta’ Orizzont Ewropa għad-detriment tal-elementi l-oħra li għandhom jiġu kkunsidrati;

3.

jappoġġja l-inizjattivi ambizzjużi previsti fil-komunikazzjoni, li jikkontribwixxu biex l-Ewropa tiġi attrezzata biex twieġeb għall-isfidi globali li qed tiffaċċja u li x’aktarx jittrasformaw il-pajsaġġ tar-riċerka u jippermettu t-tisħiħ tal-Ewropa permezz tal-iżvilupp tal-għarfien. Ir-riċerka u l-innovazzjoni (R&I) għandu jkollhom rwol ewlieni fl-appoġġ tat-tranżizzjoni ambjentali, kif ukoll dawk diġitali, soċjali u ekonomiċi li qed tiffaċċja l-Ewropa. Dawn il-politiki għandhom jgħinu wkoll lill-Ewropa tegħleb l-esperjenza diffiċli tal-COVID-19, kif muri mill-Pjan ta’ Azzjoni ERAvsCorona li għaddej bħalissa;

4.

jilqa’ l-enfasi ġdida li l-Kummissjoni tpoġġi fuq l-involviment taċ-ċittadini f’dak li jirrigwarda r-riċerka u l-innovazzjoni; jappella biex tali impenn, filwaqt li jirrispetta l-libertà xjentifika, jikkonċerna l-istadji kollha ta’ tfassil, implimentazzjoni u monitoraġġ ta’ dawn il-politiki, u ma jkunx ristrett għall-għoti ta’ “gwida” jew “informazzjoni” liċ-ċittadini, li — għall-kuntrarju — iridu jaqdu rwol attiv; jikkunsidra li dan l-impenn l-ewwel nett għandu jkun organizzat fil-livell lokali, u li l-bliet u r-reġjuni huma atturi ewlenin fl-iffaċilitar u l-iżvilupp tiegħu, peress li għandhom rwol importanti x’jaqdu fil-proċess tal-allinjament tar-riċerka u l-innovazzjoni mal-valuri, il-ħtiġijiet u l-aspettattivi tas-soċjetà. Għalhekk, il-kodisinn u l-koresponsabbiltà għall-proċess u r-riżultati tar-riċerka u l-innovazzjoni minn atturi reġjonali u lokali jżidu l-adozzjoni u l-aċċettabbiltà tar-riċerka u l-innovazzjoni mis-soċjetà. Il-bliet u r-reġjuni jipprovdu wkoll riżorsi importanti għall-operazzjonalizzazzjoni tal-Aġenda tax-Xjenza Miftuħa usa’, billi din hija essenzjali għall-iżvilupp ta’ Żona Ewropea tar-Riċerka li tirnexxi;

5.

jilqa’ r-rieda tal-Kummissjoni li tilħaq 3 % tal-PDG allokat għan-nefqa fuq ir-riċerka u l-iżvilupp u li tistabbilixxi objettiv ta’ 1,25 % għall-isforz pubbliku fl-2030 (meta mqabbla ma’ 0,81 % attwali), iżda jistaqsi dwar il-mogħdija biex jintlaħqu dawn l-objettivi meta l-pjan ta’ rkupru ma jipprovdix sforz kbir għar-R&I u jabbanduna pereżempju l-programm “l-UE għas-Saħħa” propost mill-Kummissjoni;

6.

jiddispjaċih li, għalkemm hemm Kummissarju b’portafoll uniku li jkopri l-politiki tar-riċerka, l-innovazzjoni, it-taħriġ u ż-żgħażagħ, ma kienx possibbli li jiġi propost approċċ ġdid għal Żona Ewropea tal-Edukazzjoni u r-Riċerka; jiġbed l-attenzjoni għall-ħtieġa ta’ approċċ trasversali għal dawn il-kwistjonijiet, li huma marbuta mill-qrib mal-politiki reġjonali; jittama li l-Komunikazzjoni dwar l-approċċ globali għar-riċerka, l-innovazzjoni, l-edukazzjoni u ż-żgħażagħ, imħabbra mill-Kummissjoni fil-programm ta’ ħidma tagħha għall-2021, timxi f’din id-direzzjoni;

7.

jissottolinja li din il-komunikazzjoni hija biss punt tat-tluq li minn naħa twassal għal azzjonijiet konkreti ġodda u min-naħa l-oħra għall-adozzjoni ta’ “patt għar-riċerka u l-innovazzjoni”; jitlob li jkun involut fit-tħejjija ta’ dawn l-istadji l-ġodda; jitlob li dan il-patt ikun opportunità biex jiġu difiżi l-libertajiet akkademiċi u universitarji, il-libertà ta’ espressjoni tal-għalliema, ir-riċerkaturi, l-istudenti, l-intellettwali, u l-moviment liberu tagħhom fl-Unjoni iżda wkoll bejn l-Unjoni u l-pajjiżi msieħba kollha; f’dan ir-rigward jaħseb li politika ta’ kooperazzjoni internazzjonali fi ħdan iż-ŻER għandha tikkonforma ma’ dawn l-istess prinċipji u tikkonċerna l-erożjoni rapida tal-libertajiet akkademiċi f’ħafna pajjiżi madwar id-dinja;

8.

jirrimarka li monitoraġġ u segwitu korretti tal-innovazzjoni u r-riċerka huma essenzjali sabiex il-politiki jiġu implimentati b’mod effettiv. F’dan ir-rigward ifakkar fl-Opinjoni dwar “Tabella ta’ Valutazzjoni tal-Innovazzjoni Reġjonali u l-impatt tagħha fuq il-politiki reġjonali bbażati fuq il-post”, li tiddikjara li t-Tabella ta’ Valutazzjoni tal-Innovazzjoni Reġjonali hija strument essenzjali biex jitqabbel l-iżvilupp tar-riżultati fit-twettiq tal-politiki ta’ innovazzjoni reġjonali, u li għandha tissaħħaħ l-influwenza tagħha fuq it-teħid ta’ deċiżjonijiet fil-livell reġjonali biex jittejbu l-ekosistemi reġjonali ta’ innovazzjoni u l-ispeċjalizzazzjoni intelliġenti;

9.

jilqa’ l-progress li sar f’din il-komunikazzjoni li tipproponi viżjoni aktar strateġika tas-sħubija bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri, bl-involviment tal-gvernijiet reġjonali, li huma responsabbli għall-promozzjoni ta’ dawn il-politiki, approċċ aktar integrat għal kwistjonijiet ta’ riċerka u innovazzjoni kif ukoll kunsiderazzjoni aħjar tal-objettivi li dawn il-politiki għandhom jissodisfaw u l-impatti tagħhom fuq is-soċjetajiet tagħna; jilqa’ wkoll il-fatt li din il-komunikazzjoni tesplora l-perkors ta’ governanza f’diversi livelli aktar miftuħa, tipproponi maċ-“ċentri taż-ŻER” kunċett għal rikonoxximent aħjar tar-rwoli tal-ekosistemi reġjonali u ċ-ċentri ta’ innovazzjoni, issaħħaħ elementi ta’ koordinazzjoni b’aspetti marbuta ma’ edukazzjoni ogħla, l-edukazzjoni u l-ħiliet diġitali, u tkun impenjata għal Żona Ewropea tar-Riċerka aktar inklużiva, li tiffaċilita l-aċċess għal xjenza eċċellenti u t-tixrid tar-riżultati;

10.

jenfasizza l-importanza tal-iżvilupp tal-ekonomija kollaborattiva u tal-moviment liberu tal-għarfien. Il-kunċetti u l-prattiki ta’ disseminazzjoni tar-riżultati — ideat, għarfien, metodoloġiji, prototipi, invenzjonijiet, u eżiti ta’ għarfien simili oħra — ta’ programmi u proġetti ta’ riċerka u innovazzjoni għandhom jiġu ffinanzjati sabiex jiġu skoperti mill-ġdid, aċċessati u applikati għall-użu attiv fl-Ewropa kollha;

11.

jappoġġja l-proposta li jiġu żviluppati pjani inklużivi għall-ugwaljanza bejn il-ġeneri sabiex tiġi promossa l-ugwaljanza bejn il-ġeneri kif appoġġjata mill-UE fir-riċerka u l-innovazzjoni, u jappella biex il-bliet u r-reġjuni jkunu involuti. Ifakkar f’dan ir-rigward li l-azzjonijiet taż-ŻER il-ġdida jinkludu l-Azzjoni 12, dwar l-ugwaljanza bejn il-ġeneri sabiex jissaħħaħ il-potenzjal Ewropew fir-riċerka u l-innovazzjoni, u jenfasizza l-ħtieġa li jitnaqqsu d-disparitajiet bejn il-ġeneri fil-kuntest tat-tranżizzjoni diġitali u l-innovazzjoni, filwaqt li jitħeġġu aktar nisa għall-korsijiet u l-impjiegi fil-qasam tal-iSTEAM u l-ICT;

12.

jilqa’ b’mod partikolari l-fatt li l-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni jissemma b’mod espliċitu bħala parti kkonċernata importanti fiż-Żona Ewropea tar-Riċerka, b’mod partikolari fir-rigward tal-Pjattaforma għall-Iskambju tal-Għarfien” u l-inizjattiva “Science Meets Regions” (Ix-Xjenza tiltaqa’ mar-Reġjuni);

13.

jipprotesta, madankollu, kontra approċċ ta’ governanza li għadu ċċentrat fuq ir-relazzjoni bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri, li ħafna drabi jagħmel il-bliet u r-reġjuni miri u mhux partijiet ikkonċernati ta’ azzjoni pubblika, u jirreferi lura lill-Istati Membri biex iqisu kwistjonijiet lokali u reġjonali; għaldaqstant, għal darb’ oħra jappella għar-rikonoxximent sħiħ u komplet tal-bliet u r-reġjuni bħala partijiet interessati biex jiġu mobilizzati fit-tfassil, l-implimentazzjoni, il-monitoraġġ u l-evalwazzjoni tal-politiki Ewropej tar-riċerka u l-innovazzjoni, f’konformità mal-prinċipju tas-“sussidjarjetà attiva” (1);

Approċċ ġdid għaż-Żona Ewropea tar-Riċerka

14.

jissottolinja l-importanza ta’ pożizzjonijiet żviluppati mill-Kumitat għaż-Żona Ewropea tar-Riċerka u l-Innovazzjoni (KŻER) (2) (17.12.2019) u min-Network tar-Riċerka u l-Innovazzjoni tar-Reġjuni Ewropej (ERRIN) (3), u jiddefendi approċċ ġdid għaż-ŻER li jmur:

jisfrutta l-approċċ ta’ Orizzont Ewropa bbażat fuq l-eċċellenza tax-xjenza lejn approċċ li jikkombina l-eċċellenza fir-riċerka mal-għarfien, b’mod partikolari, sabiex tinħoloq tmexxija Ewropea mat-tkabbir u proċessi sostenibbli li se jwasslu għal tranżizzjoni lejn mudelli ġodda;

minn strateġiji ta’ riċerka lejn strateġiji ta’ għarfien li joffru approċċ integrat tar-riċerka, l-innovazzjoni, l-edukazzjoni u l-ħiliet, li jinvolvu firxa wiesgħa ta’ partijiet ikkonċernati — universitajiet, industrija, livelli differenti tas-settur pubbliku, ċittadini u s-soċjetà ċivili;

mill-programm qafas Ewropew u minn politiki ta’ riċerka nazzjonali awtonomi lejn qafas ta’ tmexxija verament b’diversi livelli u rikonoxximent sħiħ tal-ankraġġ territorjali tar-R&I fil-bliet u r-reġjuni;

15.

iħeġġeġ li ssir enfasi aktar b’saħħitha fuq ir-relazzjoni bejn ir-riċerka u n-negozju filwaqt li jiġi rikonoxxut ir-rwol kruċjali li jaqdu l-awtoritajiet lokali u reġjonali biex jiġi żviluppat ambjent li jiffavorixxi l-intraprenditorija u biex jiġu ffaċilitati l-kuntatti li jwasslu għat-trasferiment tal-għarfien: l-isponsorizzazzjoni ta’ riċerka fundamentali mill-intrapriżi, il-promozzjoni tal-intraprenditorija xjentifika filwaqt li jiġu segwiti l-ħtiġijiet ta’ trasparenza, l-investiment privat, l-appoġġ lill-kumpaniji biex jiżviluppaw l-innovazzjoni tagħhom;

16.

jitlob, fil-kuntest tal-ħolqien tal-“Pjattaforma tat-Talent taż-ŻER”, li jiġi ċċarat kif il-Kummissjoni beħsiebha: a) tiżgura l-kontinwità mal-inizjattiva EURAXESS u l-Istrateġija dwar ir-Riżorsi Umani għar-Riċerkaturi (HSR4R), li ġew żviluppati s’issa biex jiffaċilitaw il-mobilità tar-riċerkaturi u l-iżvilupp tal-karriera tagħhom sabiex jikkontribwixxu għall-istabbiliment ta’ suq uniku għall-għarfien, ir-riċerka u l-innovazzjoni; u b) tippromovi r-rikonoxximent tal-persunal ta’ riċerka f’dawn l-inizjattivi u tippromovi mekkaniżmi li jappoġġjaw ir-reġjuni impenjati biex jattiraw u jżommu t-talent, l-istrateġija HRS4R u li jappoġġjaw il-ħtiġijiet tal-istituzzjonijiet u l-persunal ta’ riċerka;

17.

jenfasizza l-ħtieġa li ssir ħidma permezz ta’ approċċ lokali/reġjonali u li jiġu pprovduti strumenti li jippermettu lill-awtoritajiet lokali u reġjonali jaqdu rwol prominenti, bħall-Faċilità ta’ Appoġġ għall-Politiki, is-sinerġiji bejn il-politika reġjonali u l-Orizzont Ewropa u s-Siġill ta’ Eċċellenza. Huwa essenzjali li jiġi ffaċilitat l-aċċess għall-informazzjoni u d-data sabiex jissaħħu s-sinerġiji u l-komplementarjetajiet bejn il-fondi tal-UE u sabiex l-awtoritajiet pubbliċi differenti jkunu jistgħu jaħdmu b’mod aktar koordinat;

18.

jitlob kjarifika tal-kunċett ta’ eċċellenza billi ssir distinzjoni ċara bejn l-eċċellenza tax-xjenza, l-eċċellenza tal-impatti marbuta mill-qrib mal-artikulazzjoni bejn ix-xjenza u l-ekosistemi ta’ innovazzjoni, b’mod partikolari lokali u reġjonali, u l-eċċellenza tal-ekosistemi nfushom permezz tal-oqsma speċifiċi tagħhom ta’ eċċellenza xjentifika iżda wkoll il-kapaċità strateġika u ta’ koordinazzjoni tagħhom (4);

19.

jipproponi, filwaqt li jafferma bis-sħiħ mill-ġdid l-importanza tal-azzjonijiet ta’ appoġġ għall-eċċellenza xjentifika speċjalment fil-qafas tal-Orizzont Ewropew, li tiġi rikonoxxuta bis-sħiħ bħala objettiv komplementari taż-ŻER id-disponibbiltà fil-bliet u r-reġjuni kollha tal-Unjoni ta’ xjenza ta’ livell għoli ta’ kwalità li tista’ tiġi mobilizzata biex tagħti spinta lill-innovazzjoni u tgħin lis-soċjetà u lin-negozji jwieġbu għall-isfidi tal-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli u jindirizzaw il-kriżijiet attwali;

20.

jilqa’ b’sodisfazzjon l-iffaċilitar tal-Kummissjoni Ewropea għall-investimenti u r-riformi favur il-prijoritajiet tal-UE, speċjalment it-trasformazzjonijiet ekoloġiċi u diġitali, li saru essenzjali wara l-kriżi tal-COVID-19;

21.

jitlob li ż-ŻER tippromovi r-rabtiet li għandhom jinbnew bejn l-istrateġiji ta’ speċjalizzazzjoni intelliġenti, il-prijoritajiet taż-ŻER u l-implimentazzjoni globali tagħhom; jitlob ukoll li ż-ŻER tikkontribwixxi għal bilanċ aħjar bejn, fuq naħa waħda, l-eċċellenza indispensabbli tax-xjenza u, min-naħa l-oħra l-urġenza li hemm biex titnaqqas id-differenza fil-prestazzjoni tar-riċerka u l-innovazzjoni fost l-Istati Membri, ir-reġjuni u l-bliet fl-UE;

ŻER, speċjalizzazzjonijiet intelliġenti u politika reġjonali

22.

iqis li ŻER ġdida għandha tkun opportunità biex jiġi rikonoxxut bis-sħiħ ir-rwol ta’ speċjalizzazzjonijiet intelliġenti u l-proċess kollettiv u intraprenditorjali tagħhom bħala wieħed mill-pilastri tal-prestazzjoni Ewropea attwali u futura fir-riċerka u l-innovazzjoni; jenfasizza li l-ispeċjalizzazzjonijiet intelliġenti jlaqqgħu flimkien l-awtoritajiet lokali u reġjonali, l-istituzzjonijiet tar-riċerka, is-settur privat u s-soċjetà ċivili u jgħinu lir-reġjuni jiksbu vantaġġ kompetittiv, jistimolaw l-investiment privat u joħolqu l-impjiegi; jenfasizza wkoll ir-rwol ewlieni tar-reġjuni fl-istrateġija Ewropea ta’ speċjalizzazzjoni intelliġenti u l-ħtieġa li jinżamm l-approċċ speċifiku tal-istrateġiji reġjonali ta’ speċjalizzazzjoni intelliġenti, anke meta jeżistu wkoll strateġiji nazzjonali ta’ speċjalizzazzjoni intelliġenti; jissuġġerixxi f’dan il-kuntest li jsir immappjar trasversali u dinamiku ta’ eċċellenza xjentifika mqassma u speċjalizzazzjonijiet intelliġenti, fi sħubija bejn ir-reġjuni, l-Istati Membri u l-Unjoni Ewropea; jipproponi li tiġi kkunsidrata wkoll l-evoluzzjoni meħtieġa mill-S3 għall-istrateġiji ta’ speċjalizzazzjoni intelliġenti sostenibbli (S4) u lejn prattika aħjar tal-ispiral kwadruplu, li jippermetti li s-soċjetà taqdi rwol attiv fl-strateġija;

23.

jissottolinja l-importanza abbażi ta’ dan l-immappjar li jikkontribwixxi għan-networking ta’ speċjalizzazzjonijiet reġjonali intelliġenti bbażati fuq l-eċċellenza xjentifika u li jiffaċilita l-kooperazzjoni transreġjonali, kemm permezz ta’ Interreg u b’mod partikolari l-fergħa tagħha “investimenti interreġjonali fl-innovazzjoni”, bħal fil-qafas ta’ Orizzont Ewropa, permezz ta’ proġetti kollettivi konkreti fil-programm kollu, speċjalment il-Pilastru 2, b’mod partikolari fi ħdan il-“missjonijiet” u “Sħubijiet Ewropej għall-Innovazzjoni” u fil-programm trasversali tat-Tisħiħ taż-ŻER; jenfasizza l-importanza li l-bliet u r-reġjuni jkunu assoċjati mal-governanza tal-“missjonijiet” u tas-“sħubijiet”;

24.

jappoġġja l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tiggwida l-iżvilupp ta’ pjani direzzjonali teknoloġiċi konġunti mal-industrija biex jiġu inklużi programmi ta’ investiment għar-R&I, iżda huwa sorpriż li jarahom marbuta biss mal-Istati Membri u l-industrija taħt sħubijiet Ewropej ipprogrammati fil-qafas ta’ Orizzont 2020; ifakkar li dan l-eżerċizzju għandu jitwettaq b’kont meħud tal-ispeċjalizzazzjoni intelliġenti tar-reġjuni u r-rwol tal-ekosistemi reġjonali u taċ-ċentri ta’ innovazzjoni, li jistrutturaw ukoll il-ktajjen tal-valur industrijali;

25.

itenni l-missjoni tal-bliet u r-reġjuni biex ikunu msieħba fl-iżvilupp u n-networking ta’ infrastrutturi ta’ riċerka u teknoloġija u l-programm ESFRI; ifakkar fir-rwol ewlieni tagħhom fil-ħolqien, l-animazzjoni u l-valutazzjoni ta’ dawn l-infrastrutturi (5); itenni wkoll li l-awtoritajiet lokali u reġjonali huma partijiet ikkonċernati ewlenin għall-ħolqien ta’ ekosistemi reġjonali u ċentri ta’ innovazzjoni effettivi (6);

26.

jipproponi li jsir progress lejn kuntratti ta’ sħubija bejn ir-reġjuni, l-Istati Membri u l-UE, sabiex jiġu mobilizzati l-partijiet interessati kollha madwar objettivi kondiviżi ta’ riċerka, innovazzjoni u edukazzjoni għolja, edukazzjoni u ħiliet diġitali, u madwar pjani biex jakkumpanjaw oqsma ta’ speċjalizzazzjoni intelliġenti li jinvolvu l-politiki kollha tal-UE u mhux limitati għar-regoli għall-mobilizzazzjoni tal-FEŻR. Dan jista’ jkun is-suġġett ta’ azzjoni pilota;

27.

ifakkar li l-mobilizzazzjoni tal-FEŻR għar-riċerka u l-innovazzjoni żdiedet b’mod konsiderevoli matul il-perjodi ta’ programmazzjoni għal aktar minn EUR 100 biljun għall-2014-2020, u li matul l-istess perjodu l-mobilizzazzjoni finanzjarja tal-bliet u r-reġjuni mill-baġits tagħhom stess laħqet livell li b’kollox jirrappreżenta kważi d-doppju tal-volum tal-Programm Qafas Ewropew għar-Riċerka. Din id-data tenfasizza kwistjonijiet ta’ koordinazzjoni bejn il-politiki Ewropej, nazzjonali, lokali u reġjonali, kif ukoll kwistjonijiet ta’ sinerġiji bejn l-għodod ta’ intervent;

28.

jinsab imħasseb dwar il-progress limitat osservat fil-qasam tas-sinerġiji, b’mod partikolari minħabba d-dewmien li jaffettwa l-iżvilupp tar-reġimi ta’ qafas ta’ għajnuna mill-Istat, ifakkar ix-xewqa tiegħu “li l-fondi kollha mobilizzati għall-kofinanzjament ta’ azzjoni jew ta’ programm ta’ azzjoni bbażat fuq il-programm Orizzont Ewropa jkunu soġġetti għar-regoli ġuridiċi applikabbli għal dan il-programm, b’mod partikolari dawk dwar l-għajnuna mill-Istat” (7), u jtenni l-kunċett tiegħu ta’ sinerġiji bħala kooperazzjonijiet mogħtija liberament imsejsa fuq il-prinċipji tal-5K (koerenza, komplementarjetà, kompatibbiltà, ko-kostruzzjoni, rikonoxximent tal-gruppi ta’ partijiet ikkonċernati lokali) (8); jinsisti għal darb’oħra fuq il-ħtieġa għal approċċ ta’ ko-kostruzzjoni effettiv u kontroll ta’ kwalunkwe trasferiment finanzjarju mill-awtorità ta’ ġestjoni;

29.

iqis li fid-dawl ta’ dawn l-elementi, assoċjazzjoni sħiħa ta’ bliet u reġjuni fil-“forum taż-ŻER għal tranżizzjoni” hija essenzjali, kemm minħabba l-kwistjonijiet ta’ kooperazzjoni u koordinazzjoni li għandhom jiġu indirizzati, kif ukoll minħabba r-rwol tal-partijiet ikkonċernati lokali fl-iskjerament tal-aġenda ta’ trasformazzjoni b’rabta mal-kriżijiet u t-tranżizzjonijiet;

Il-kontribut tal-ekosistemi reġjonali u ċ-ċentri ta’ innovazzjoni għad-dinamika taż-Żona Ewropea ta’ Riċerka

30.

jirrakkomanda li l-prattiki lokali u reġjonali tajbin jiġu mmonitorjati u żviluppati meta jiġu abbozzati l-kriterji għall-konformità mal-kundizzjoni abilitanti tal-istrateġiji ta’ speċjalizzazzjoni intelliġenti, stabbiliti fir-Regolament dwar Dispożizzjonijiet Komuni tal-Fondi Strutturali. Għandu jitfakkar li l-governanza tajba tal-istrateġija ta’ speċjalizzazzjoni intelliġenti nazzjonali, reġjonali jew lokali għandha tagħmel parti mill-proċess tat-tfassil tal-programmi reġjonali tal-FEŻR, li fihom kull awtorità reġjonali u lokali trid turi l-progress li jkun sar fl-implimentazzjoni tal-S3 tagħha, inklużi, fost l-oħrajn, il-miżuri għall-kollaborazzjoni internazzjonali. Dan jidher bħala opportunità eċċellenti għall-iżvilupp u t-tixrid ta’ prattiki tajba, pereżempju permezz ta’ pjattaformi bħax-Xjenza tiltaqa’ mar-Reġjuni jew il-Pjattaforma għall-Iskambju tal-Għarfien (KEP);

31.

jappoġġja b’entużjażmu l-kunċett ta’ “ċentru taż-ŻER” billi jqis li dan huwa opportunità biex jingħata rikonoxximent istituzzjonali u forma konkreta lill-kunċett ta’ ekosistema reġjonali u ċentru ta’ innovazzjoni li ilu jippromovi għal diversi snin, u jirrikonoxxi bis-sħiħ approċċ ibbażat fuq il-post għax-xjenza u l-innovazzjoni; jitlob l-implimentazzjoni rapida ta’ din il-proposta u jipproponi li tintuża l-pjattaforma għall-iskambju ta’ għarfien (KEP) biex tispeċifika l-ispeċifikazzjonijiet u tiffaċilita l-ħolqien ta’ proġetti pilota. Jilqa’ b’sodisfazzjon ukoll l-intenzjoni tal-Kummissjoni, f’kooperazzjoni mal-KtR, li tieħu din l-inizjattiva għal livell strateġiku, u tippromovi sinerġiji bejn strumenti ta’ R&I, edukazzjoni, titjib tal-ħiliet, taħriġ mill-ġdid u taħriġ ġenerali, u l-mobilizzazzjoni tal-fondi ta’ koeżjoni; iħeġġeġ biex din l-inizjattiva ma tkunx limitata għall-objettiv uniku li jiġi ffaċilitat l-aċċess għall-eċċellenza;

32.

jiġbed l-attenzjoni għal diversi ostakoli li għandhom jiġu evitati: ir-riflessjoni li għandha ssir għandha tqis l-esperjenza ta’ “ċentri diġitali” jew tal-Istitut Ewropew tal-Innovazzjoni u t-Teknoloġija (EIT), iżda ċ-“ċentri taż-ŻER” ma għandhomx ikunu limitati għal dawn ir-referenzi u lanqas ikunu limitati għall-organizzazzjoni ta’ “spazju ta’ għarfien interkonness” iċċentrat fuq l-iskambju ta’ prattiki tajba u l-moviment tal-għarfien, barra minn hekk l-Ewropa ma għandhiex bżonn “ċentru taċ-ċentri”; iċ-ċentri taż-ŻER ma għandhomx ikunu limitati għal għodda allokata għat-tnaqqis tad-distakk fl-innovazzjoni, u lanqas ma għandhom jerġgħu jservu biex jenfasizzaw l-uniċi siti universitarji ta’ klassi dinjija li diġà huma sostnuti ħafna mill-Istati membri u l-programm qafas;

33.

jipproponi, minflok, li fil-qafas taċ-ċentri taż-ŻER jiġu rikonoxxuti gruppi ta’ partijiet ikkonċernati, ekosistemi reġjonali (jew interreġjonali) u ċentri ta’ innovazzjoni li huma kkaratterizzati mill-kriterji kumulattivi li ġejjin:

l-eżistenza ta’ strateġija ta’ għarfien, li tipproponi approċċ integrat għal edukazzjoni ogħla, edukazzjoni diġitali, tagħlim tul il-ħajja inklużi t-titjib tal-ħiliet u t-taħriġ mill-ġdid, riċerka u innovazzjoni;

assoċjazzjoni tal-partijiet ikkonċernati kollha li jsegwu l-mudell tal-ispiral kwadruplu li jinsisti fuq l-involviment taċ-ċittadini u l-partijiet ikkonċernati pubbliċi lokali minn sistema demokratika;

kapaċità għal koordinazzjoni kollettiva, definizzjoni ta’ strateġija, u teħid ta’ deċiżjoni kondiviża rigward l-adozzjoni ta’ prijoritajiet u l-allokazzjoni tar-riżorsi;

prestazzjoni ekonomika u soċjali fl-impatti territorjali fl-oqsma kollha: taħriġ, innovazzjoni, ħolqien ta’ impjiegi u negozji, servizzi pprovduti lin-negozji kif ukoll lis-servizzi pubbliċi u lit-tielet settur, kontribut għal tranżizzjonijiet, innovazzjoni soċjali u kulturali, koeżjoni soċjali, ċittadinanza attiva u kreattività kulturali (b’mod partikolari bl-użu tat-Tabella ta’ valutazzjoni tal-innovazzjoni (9));

preżenza fi ħdan l-ispeċjalizzazzjonijiet intelliġenti li fihom jaqgħu ċ-ċentri taż-ŻER f’oqsma ta’ eċċellenza xjentifika f’livell Ewropew u internazzjonali, jew parti minn pjan li jagħmilha possibbli li dan il-livell jintlaħaq malajr u b’mod kredibbli;

involviment f’networks u sħubijiet tematiċi interreġjonali jew Ewropej b’rabta mal-ispeċjalizzazzjoni intelliġenti;

l-istorja tal-involviment fil-programmi Ewropej tar-riċerka, it-taħriġ u l-programmi ta’ mobilità għar-riċerkaturi u l-istudenti;

34.

iqis li dawn iċ-ċentri taż-ŻER għandhom ikunu appoġġjati direttament mill-UE, inkluż finanzjarjament, bħala parti minn sħubija bbażata fuq tliet pilastri:

rikonoxximent mill-UE ta’ dawn iċ-ċentri taż-ŻER bħala sostenn importanti għall-ilħuq tal-objettivi tal-Unjoni Ewropea u l-iskjerament ta’ politiki relatati; dan jimplika li ċ-ċentri taż-ŻER jitqiesu kemm fit-twettiq tal-Forum ta’ Tranżizzjoni taż-ŻER kif ukoll fl-ipprogrammar strateġiku ta’ Orizzont Ewropa;

appoġġ Ewropew għat-tisħiħ tal-funzjonijiet ewlenin ta’ appoġġ (strateġija, koordinazzjoni, Ewropizzazzjoni, internazzjonalizzazzjoni, taħriġ, attrazzjoni tat-talenti, innovazzjoni u trasferimenti) u faċilitazzjoni tal-aċċess għall-programmi differenti Ewropej inkluż Orizzont Ewropa;

impenn mill-partijiet ikkonċernati taċ-ċentri taż-ŻER biex isaħħu l-kapaċità strateġika u l-kwalità ta’ speċjalizzazzjonijiet intelliġenti tagħhom, biex iżidu l-involviment tagħhom fin-networks u l-programmi komunitarji, u biex jiżviluppaw kooperazzjonijiet fi ħdan in-network Ewropew taċ-ċentri taż-ŻER;

35.

jixtieq li mill-inqas bejn 50 u 100 sit fl-Ewropa jistgħu jiġu rikonoxxuti bħala ċentri taż-ŻER, li dan in-network ikun miftuħ ħafna b’mod partikolari għall-ekosistemi emerġenti tal-UE-13 u r-reġjuni l-aktar żvantaġġati;

36.

jenfasizza r-rwol kruċjali tal-bliet u r-reġjuni bħala inizjaturi u orkestraturi ta’ proġetti ta’ kollaborazzjoni estensivi għall-innovazzjonijiet tas-soċjetà fl-indirizzar tal-isfidi tas-soċjetà. Iċ-ċentri taż-ŻER għandhom jaġixxu bħala strumenti fl-iżvilupp tal-kompetenzi u l-prattiki meħtieġa fl-aċċellerazzjoni ta’ dan il-progress;

37.

jissottolinja li n-network taċ-ċentri taż-ŻER jista’ jsir qafas eċċellenti għall-ħolqien ta’ proġetti kollettivi ta’ riċerka u innovazzjoni li jiġbru flimkien diversi ekosistemi reġjonali u ċentri ta’ innovazzjoni f’approċċ minn isfel għal fuq. Dawn il-konsorzji jistgħu jimmobilizzaw b’mod utli l-għodda ġuridika ta’ azzjonijiet kofinanzjati preżenti f’Orizzont Ewropa, li jistgħu jintużaw ukoll fil-qafas tal-Pilastru 2, mekkaniżmu adattat perfettament għall-iżvilupp ta’ sinerġiji bejn il-programm qafas, il-politika reġjonali u l-baġits tal-bliet u r-reġjuni;

Il-kriżi tal-COVID-19, distakk fl-innovazzjoni, tixrid tal-eċċellenza: il-koeżjoni fil-qalba taż-ŻER

38.

iwissi dwar il-konsegwenzi tal-kriżijiet attwali fuq l-aktar territorji fraġli u affettwati, u jfakkar li l-kriżi ekonomika u finanzjarja tal-2008 wasslet għal kollass fl-investiment fir-riċerka u l-innovazzjoni f’xi reġjuni, b’mod partikolari fil-pajjiżi tan-Nofsinhar. Il-Kumitat għalhekk jinsisti li l-pjan ta’ rkupru NextGenerationEU u l-qafas finanzjarju pluriennali li jmiss jagħtu appoġġ akbar lill-edukazzjoni ogħla, l-edukazzjoni diġitali, it-tagħlim tul il-ħajja inklużi t-titjib tal-ħiliet u t-taħriġ mill-ġdid, ir-riċerka u l-innovazzjoni biex jintlaħqu l-objettivi taż-ŻER, u li f’dan il-kuntest, il-programm ReactEU u l-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta huma wkoll mobilizzati f’konformità mal-programmi operattivi adottati mir-reġjuni u l-istrateġiji ta’ speċjalizzazzjoni intelliġenti tagħhom. Dan huwa essenzjali għaliex ir-reġjuni għandhom bżonn appoġġ aktar intensiv għall-irkupru qabel ma jkunu jistgħu juru reżiljenza;

39.

jistieden lill-Kummissjoni tispjega kif, fil-kuntest attwali u mingħajr żieda fl-appoġġ, l-Istati Membri li l-livell ta’ investiment tagħhom fir-R&I huwa inqas mill-medja Ewropea jistgħu jilħqu l-mira ta’ żieda ta’ 50 % f’dawn l-investimenti matul il-5 snin li ġejjin, objettiv li l-Kumitat jappoġġja wkoll;

40.

jinnota li ż-ŻER hija frammentata: il-fondi tal-UE mhumiex biżżejjed biex jiffinanzjaw il-kollaborazzjoni bejn l-ekosistemi reġjonali tal-innovazzjoni u r-riżultati tar-riċerka rari jinqasmu mal-pubbliku ġenerali u l-bqija tar-reġjuni, anke fi ħdan l-istess Stat Membru; jiddispjaċih fl-istess ħin li l-programmi supranazzjonali tar-R&I tradizzjonalment jibbenefikaw minn networks żgħar u relattivament “magħluqa” ta’ universitajiet avvanzati, ċentri ta’ riċerka, industriji kbar u reġjuni li jinkludu kapital, li f’ħafna każijiet diġà ħadu sehem f’edizzjonijiet preċedenti tal-programm qafas jew għandhom preżenza qawwija fi Brussell;

41.

jaqbel mal-osservazzjoni li l-progress li sar fl-implimentazzjoni taż-ŻER naqas u li għad hemm disparitajiet kbar bejn il-pajjiżi u r-reġjuni, kif intqal fir-rapport ta’ progress taż-ŻER tal-2018. Il-konverġenza ta’ sistemi ta’ riċerka u innovazzjoni Ewropej, nazzjonali u reġjonali mhijiex biżżejjed, u dan jirriżulta f’konċentrazzjoni dannuża ta’ siti ta’ eċċellenza fir-R&I madwar l-Ewropa, filwaqt li jitħallew reġjuni sħaħ barra. Dan iwassal ukoll għal xenarju ta’ mobbiltà u fluss ta’ għarfien żbilanċjat li jikkontradixxi l-objettivi ta’ politika taż-ŻER;

42.

iqis li dawn l-osservazzjonijiet huma kondiviżi b’mod wiesa’ u mtennija regolarment iżda li minnhom ma ttieħdet l-ebda lezzjoni politika, u li l-għażliet baġitarji li għaddejjin bħalissa, jekk jinżammu, mhux se jagħmluha possibbli li jittaffew dawn in-nuqqasijiet, se jagħmlu d-diskors dwar it-tnaqqis tad-distakk fl-innovazzjoni xewqa fiergħa, u mekkaniżmi għat-tixrid tal-eċċellenza u t-twessigħ tal-parteċipazzjoni tal-għodod li mhumiex biżżejjed u mhux kapaċi jilħqu l-objettivi politiċi msemmija.

Brussell, il-5 ta’ Frar 2021.

Apostolos TZITZIKOSTAS

Il-President tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni


(1)  COM(2018) 703.

(2)  Opinjoni tal-KŻER dwar il-futur taż-Żona Ewropea tar-Riċerka (https://data.consilium.europa.eu/doc/document/ST-1201-2020-INIT/en/pdf bl-Ingliż).

(3)  Rakkomandazzjonijiet tal-ERRIN dwar il-futur taż-Żona Ewropea tar-Riċerka (https://errin.eu/system/files/2020-06/200608%20ERRIN_recommendations_for_the_future_of_the_European_Research_Area_approved.pdf).

(4)  Għalhekk, skont l-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Universitajiet, “Excellence is not limited to highly cited publications but needs to be based on the many and diverse contributions of the research community, notably including Open Science practices, citizen engagement, and impact on society.”

(5)  L-Opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni — Infrastrutturi tar-Riċerka: il-Futur taż-Żona Ewropea tar-Riċerka (ŻER) minn perspettiva reġjonali u transfruntiera (ĠU C 39, 5.2.2020, p. 68).

(6)  L-Opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni dwar “Aġenda Ewropea għar-Riċerka u l-Innovazzjoni mġedda — l-opportunità tal-Ewropa li ssawwar il-ġejjieni tagħha” (ĠU C 168, 16.5.2019, p. 4).

(7)  L-Opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni — Orizzont Ewropa: id-disa’ Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni (ĠU C 461, 21.12.2018, p. 79).

(8)  L-Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni — Id-dimensjoni lokali u reġjonali tal-Programm Orizzont 2020 u l-Programm Qafas il-Ġdid għar-Riċerka u l-Innovazzjoni (ĠU C 342, 12.10.2017, p. 1).

(9)  L-Opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni — Tabella ta’ Valutazzjoni tal-Innovazzjoni Reġjonali u l-impatt tagħha fuq il-politiki reġjonali bbażati fuq il-post (ĠU C 440, 18.12.2020, p. 87).


Top