EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52020IR4163

Opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni — Approċċ ġdid tal-istrateġija marittima għall-Atlantiku — Pjan ta’ azzjoni għall-Atlantiku 2.0 — Pjan ta’ azzjoni għal ekonomija blu sostenibbli, reżiljenti u kompetittiva fiż-żona tal-Atlantiku tal-Unjoni Ewropea

COR 2020/04163

ĠU C 175, 7.5.2021, p. 1–5 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

7.5.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 175/1


Opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni — Approċċ ġdid tal-istrateġija marittima għall-Atlantiku — Pjan ta’ azzjoni għall-Atlantiku 2.0

Pjan ta’ azzjoni għal ekonomija blu sostenibbli, reżiljenti u kompetittiva fiż-żona tal-Atlantiku tal-Unjoni Ewropea

(2021/C 175/01)

Relatur:

Paula FERNÁNDEZ VIAÑA (ES/Renew Europe), Ministru tal-Presidenza, l-Intern, il-Ġustizzja u l-Azzjoni Esterna, il-Gvern tal-Cantabria

RAKKOMANDAZZJONIJIET TA’ POLITIKA

IL-KUMITAT EWROPEW TAR-REĠJUNI

Il-pilastri u l-għanijiet tal-Pjan ta' azzjoni għall-Atlantiku

1.

ifakkar li r-reġjuni tal-Atlantiku jiffaċċjaw kriżi ekonomika doppja. Il-konsegwenzi li għadhom mhux ikkwantifikati tal-Brexit se jiżdiedu fil-qasam tas-sajd, it-turiżmu, il-kummerċ u t-trasport, b’żieda mal-konsegwenzi tal-COVID-19. It-tnaqqis drastiku li qed niffaċċjaw fil-mobbiltà qed iħalli impatt partikolari fuq l-infrastrutturi, il-konnessjonijiet marittimi, il-ktajjen loġistiċi u l-attività turistika;

2.

jitlob għalhekk miżuri ta' mitigazzjoni mfassla b'mod speċifiku fir-reġjuni kostali u marittimi tal-Atlantiku u li jitqiesu r-riżultati tan-negozjati dwar il-Brexit u l-impatt possibbli tiegħu fuq il-futur tal-istrateġija marittima u l-pjan ta' azzjoni tar-reġjun tal-Atlantiku. F'dan is-sens, jesprimi t-tħassib tiegħu dwar il-konsegwenzi possibbli tal-ħruġ tar-Renju Unit għall-politika komuni tas-sajd (PKS);

3.

jenfasizza r-rwol tal-Atlantiku per se fil-mitigazzjoni u l-ġestjoni tat-tibdil fil-klima u l-ħtieġa li jiġi osservat, investigat u mifhum aħjar il-funzjonament tal-ekosistema oċeanika, kif ukoll ta’ kollaborazzjoni fir-riċerka;

4.

jinnota li l-għanijiet u l-azzjonijiet tal-erba' pilastri huma ta' natura trasversali, u li l-kisba tagħhom tiddependi fuq il-kooperazzjoni tajba bejn id-diversi servizzi tal-Kummissjoni, l-awtoritajiet nazzjonali ta' ġestjoni u l-koordinaturi tal-proġetti. Madankollu jwissi li l-pilastri attwali, għalkemm adegwati, għandhom jiġu definiti mill-ġdid minħabba li r-reviżjoni tal-politki settorjali Ewropej urew li mhumiex biżżejjed, u li jeħtieġu eżerċizzju adegwat li jikkoordinahom mal-istrateġija għall-Atlantiku;

5.

jiddispjaċih li attivitajiet importanti ħafna fil-qasam tal-ekonomija blu huma esklużi mill-Pjan ta' azzjoni għall-Atlantiku (PAA), bħall-industriji tal-kostruzzjoni u tat-trasport navali u bil-baħar, l-isport nawtiku, is-servizzi tiegħu u l-industrija awżiljarja kif ukoll l-attivitajiet turistiċi sostenibbli relatati mal-ambjent tal-baħar, inklużi l-attivitajiet sportivi akkwatiċi, it-turiżmu tal-kruċieri u l-laneċ u li la s-sajd u lanqas is-sajd tal-miexi jew l-akkwakultura ma jingħataw l-ispazju tagħhom fil-PAA;

6.

jitlob għalhekk li l-provvista tal-ikel li joriġina mill-baħar tiġi inkluża bħala pilastru fil-PAA, peress li hija prijorità tal-Patt Ekoloġiku Ewropew; Barra minn hekk, għandhom jiġu inklużi wkoll l-iżvilupp tal-ekosistemi tal-baħar u l-potenzjal tagħhom għal żieda fis-sekwestru tal-karbonju;

7.

jikkunsidra, fir-rigward tal-pilastri I u III, relatati ma' setturi possibbli ta' attività fl-ekonomija blu (portijiet u enerġiji rinnovabbli), li l-fatt li dawn is-setturi jitqiesu biss bħala pilastri tal-PAA jillimita l-ambitu tiegħu billi ma jippermettix li jiġu inklużi oqsma oħra ta’ azzjoni, kemm dawk fis-seħħ kif ukoll emerġenti, li huma ta' rilevanza speċjali fir-reġjuni tal-Atlantiku;

8.

jissuġġerixxi għalhekk li dawn iż-żewġ pilastri jinġiebu flimkien f'pilastru wieħed li jista' jissejjaħ “Attivitajiet ta' ekonomija blu bħala mutur għal żvilupp sostenibbli taż-żoni kostali” u li jiġu żviluppati ħames għanijiet fi ħdanu: Portijiet bħala katalisti tal-ekosistema reġjonali ta' ekonomija blu; Portijiet bħala ċentri ta' innovazzjoni biex jinkorporaw soluzzjonijiet teknoloġiċi ġodda; Titjib u adattament ta' attivitajiet ta' setturi maturi (sajd, trasport u loġistika marittima, eċċ.) għall-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli; Promozzjoni ta' attivitajiet ta' setturi emerġenti ta' tkabbir blu, u b'mod partikolari, tal-enerġiji rinnovabbli tal-baħar; Diġitilizzazzjoni tal-attivitajiet tal-ekonomija blu;

9.

ifakkar li l-konnettività tal-portijiet u maż-żoni ta' influwenza tagħhom hija qasam ewlieni ieħor u jilqa' bi pjaċir l-inklużjoni ta' pilastru ddedikat għall-portijiet tal-Atlantiku fi ħdan il-PAA. Huwa essenzjali li jitneħħew il-punti ta' konġestjoni tal-ferroviji u fit-toroq ta’ konnessjoni (ċirkwit lokali), kemm jekk ikkawżati minn problemi ta' kapaċità jew minn tagħbija massima. Ir-referenza għar-rwol tal-portijiet bħala portali għall-kummerċ fl-Atlantiku u bħala katalisti għan-negozju hija utli, iżda l-importanza ewlenija tagħhom rigward il-ġenerazzjoni tal-ġid u l-impjiegi fiż-żona ta' influwenza tagħhom ma titqiesx;

10.

huwa favur it-twessigħ tal-ambitu tal-Awtostradi tal-Baħar fl-Atlantiku, li jippermetti konnessjonijiet ġodda bejn il-portijiet tan-network globali tat-TEN-T, u jiddefendi li l-kriterji għall-inklużjoni fit-TEN-T tal-portijiet Ewropej b'mod ġenerali u tal-Atlantiku b'mod partikolari għandhom ikunu bbażati fuq l-importanza strateġika tagħhom għall-UE u t-territorji tagħha. Jenfasizza, f'dan ir-rigward, il-valur strateġiku li għandhom l-awtostradi tal-baħar biex jgħaqqdu l-Irlanda mal-kontinent fil-kuntest ta' wara l-Brexit;

11.

jitlob li dawk il-portijiet tal-Atlantiku strateġikament importanti fl-istrutturar tas-sistema Ewropea tat-trasport, li attwalment jinsabu barra n-network ewlieni tat-TEN-T, jiġu inklużi fiha. Min-naħa l-oħra, jitlob li jiġu ffinanzjati azzjonijiet li jippermettu l-iżvilupp ta' Awtostradi tal-Baħar u t-titjib tas-servizzi tat-trasport tal-baħar fuq distanza qasira bħas-servizzi tat-trasport li huma sostenibbli u li jintegraw it-territorju. Dawn l-investimenti għandhom jitwettqu kemm fil-qasam portwarju kif ukoll fil-konnessjoni fuq l-art, kemm fir-rigward tat-toroq ta’ konnessjoni (ċirkwit lokali) kif ukoll, b'mod partikolari, fil-modernizzazzjoni u t-titjib tal-linji ferrovjarji li huma fundamentali għall-ġenerazzjoni ta' network ta' trasport sostenibbli u għall-koeżjoni tat-territorji periferali;

12.

jappoġġja l-iżvilupp tal-Awtostrada Ferrovjarja tal-Atlantiku u l-konnessjonijiet ferrovjarji u tat-toroq prinċipali ta’ konnessjoni (ċirkwit lokali), kemm bejn l-infrastrutturi eżistenti kif ukoll bejn il-kurituri tat-TEN-T u linji oħra fiż-Żona tal-Atlantiku;

13.

ifaħħar il-fatt li wieħed mill-pilastri tal-PAA l-ġdid huwa relatat mal-enerġija rinnovabbli tal-baħar li fiha r-reġjuni tal-Atlantiku għandhom potenzjal enormi u esperjenza ta' xogħol; iżda, min-naħa l-oħra, jiddispjaċih li, peress li l-iżvilupp tal-enerġiji rinnovabbli tal-baħar fil-modalitajiet differenti tagħhom huwa prijorità għar-reġjuni tal-Atlantiku, twaqqfu investimenti ewlenin għall-iżvilupp tagħhom fil-kuntest tal-kriżi attwali;

14.

jikkunsidra li l-Istrateġija għall-Atlantiku għandha tagħti spinta lil proġetti ta' enerġija rinnovabbli tal-baħar f'sens wiesa', inkluż l-inċentiv ta' katina ta' valur kompetittiva u l-wirja u l-validazzjoni ta' teknoloġiji emerġenti ġodda li jikkontribwixxu għall-ippjanar u l-koordinazzjoni ta' parks ta' ġenerazzjoni futuri;

15.

jipproponi li, peress li hemm diversi studji dwar ir-riżorsa tal-mewġ, il-kurrenti u r-riħ fiż-żona tal-Atlantiku, dawn għadhom jiġu integrati f'mappa ta' riżorsi potenzjali u li fil-Pilastru III, hemm bżonn li titqies il-kompatibbiltà tal-attività tal-produzzjoni tal-enerġija rinnovabbli minn sorsi tal-baħar jew minn żoni ta' attivitajiet pre-eżistenti, bħas-sajd, is-sajd tal-frott tal-baħar jew l-akkwakultura, kif ukoll jitqiesu l-ekosistemi tal-baħar u l-bijodiversità;

16.

jiddenunzja li l-ebda wieħed mill-pilastri ma jirreferi għall-qasam turistiku u għall-wirt kulturali, simbolu taż-żona tal-Atlantiku Ewropea minħabba l-mod li jikkontribwixxu għall-iżvilupp tal-immaġini tal-kontinent Ewropew.

Kompetenzi għall-promozzjoni tat-tkabbir blu fil-livell tal-Unjoni Ewropea u l-programmi ta' fondi

17.

jikkunsidra li huwa meħtieġ li jiġi żviluppat strument ekonomiku u baġitarju speċifiku għall-Istrateġija għall-Atlantiku li jwassal għall-implimentazzjoni tagħha u l-iżvilupp tal-azzjonijiet marbuta tagħha b'mod aktar attraenti. L-integrazzjoni tal-għanijiet tal-Istrateġija u l-PAA fil-Qafas Finanzjarju Pluriennali (QFP) hija relevanti speċjalment minħabba d-deċiżjoni tar-Renju Unit li joħroġ mill-Unjoni Ewropea;

18.

itenni li l-politika ta' koeżjoni, permezz tal-FEŻR u l-FSE, kienet l-aktar għodda ta' investiment importanti tal-UE fl-aħħar perjodu ta' programmazzjoni. L-użu sħiħ tal-politika ta' koeżjoni, flimkien mal-opportunitajiet ta' finanzjament disponibbli permezz tal-FEMSA u l-FAEŻR, se jkun essenzjali għas-suċċess futur tal-proġetti fil-qafas tal-Istrateġija għall-Atlantiku. Is-semplifikazzjoni tal-Fondi SIE se tgħin biex tingħata spinta lid-disponibbiltà tal-finanzjament għall-proġetti lokali;

19.

ifakkar li l-kalendarju tal-PAA huwa mfassal biex jispira lill-awtoritajiet ta' ġestjoni tal-Istati Membri tal-UE u lir-reġjuni kostali meta jkunu qed ifasslu l-ftehimiet ta' sħubija u l-programmi għall-perjodu 2021-2027 u li ħafna mill-azzjonijiet li jinsabu f'dawn il-programmi relatati mal-PAA se jikkontribwixxu għall-kisba tal-għanijiet klimatiċi tal-UE. Għalhekk, jinnota d-dewmien li diġà jeżisti bħala konsegwenza tal-pandemija tal-COVID-19 u jenfasizza l-ħtieġa li l-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej u l-programmi operattivi nazzjonali jkunu disponibbli u operattivi fil-bidu tal-perjodu ta' programmazzjoni bejn l-2021 u l-2027;

20.

jindika li l-implimentazzjoni tal-PAA tiddependi, fil-biċċa l-kbira, fuq l-investimenti magħmula b'finanzjament pubbliku u b'fondi privati. Barra minn hekk, il-proġetti emblematiċi li joħorġu mill-Istrateġija għall-Atlantiku għandhom jiġu akkomodati b’mod aħjar fil-programmi tal-UE;

21.

fid-dawl tan-numru dejjem akbar ta' strumenti finanzjarji disponibbli, jistieden lill-Kummissjoni Ewropea biex torganizza, possibbilment flimkien mal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni, kampanji ta' informazzjoni għall-awtoritajiet lokali u reġjonali dwar l-aħjar prattiki għall-aċċess u l-użu ta' dawk l-istrumenti finanzjarji.

L-ekonomija blu u l-importanza tad-data għall-iżvilupp metodoloġiku tagħha fil-livell lokali u reġjonali

22.

jinnota li l-impatt tal-ekonomija blu fil-livell reġjonali u lokali għadu ma ġiex evalwat kollu, peress li trid tiġi żviluppata sistema ta' indikaturi appoġġjati minn data affidabbli biex tkejjel l-impatt preċiż tal-attivitajiet li jiddependu direttament jew indirettament mill-baħar;

23.

jiddikjara li, fil-qasam tal-ekonomija blu, minbarra l-attivitajiet imsemmija qabel, hemm esperjenza kbira f'żoni oħra b'attività bħall-kostruzzjoni u t-trasport navali, il-ġenerazzjoni ta' strutturi għall-produzzjoni tal-enerġija tal-baħar jew l-iżvilupp ta' bijokomponenti minn elementi naturali tal-baħar;

24.

jirrakkomanda l-adozzjoni ta' strateġiji reġjonali ta' speċjalizzazzjoni għall-iżvilupp metodoloġiku tal-ekonomija blu fil-livell lokali u reġjonali, minħabba l-kumplessità u l-kwantità konsiderevoli ta' riżorsi eżistenti, sabiex jgħinu fl-identifikazzjoni tal-azzjonijiet l-aktar xierqa;

25.

jipproponi li l-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni jiġbor Inventarju bl-attivitajiet tal-ekonomija blu f'kull wieħed mir-reġjuni u t-territorji tiegħu, u b'hekk ifassal mappa reali tal-iżvilupp tal-ekonomija blu fl-Unjoni Ewropea, li tiġi aġġornata perjodikament fil-qasam tal-Kummissjoni NAT mill-aġenti speċifiċi ta' kull reġjun, sabiex tkun taf il-prattiki tajbin ta' suċċess f'dan il-qasam

Il-governanza b'diversi livelli fl-Atlantiku

26.

jappoġġja l-istruttura ta' governanza u l-qafas ta' monitoraġġ ġdid u jipproponi l-integrazzjoni ta' pjani direzzjonali jew stadji importanti speċifiċi f'kull għan, sabiex tingħata aktar speċifiċità lill-azzjonijiet indikati;

27.

jikkunsidra xieraq li jiġu rikonoxxuti l-importanza u l-appoġġ mogħti biex jiġi applikat l-approċċ LEADER għall-iżvilupp tal-Istrateġija għall-Atlantiku, permezz tal-Istrateġiji ta' Żvilupp Lokali mmexxija mill-Komunità marbuta mal-Gruppi ta' Azzjoni Lokali tas-Sajd, strument speċifiku marbut mal-kosta u l-atturi ekonomiċi u soċjali tagħha, fejn hemm esperjenza u għarfien;

28.

jiddefendi bis-sħiħ governanza effettiva b'diversi livelli, filwaqt li jirrispetta l-qafas istituzzjonali ta' kull Stat Membru, u jemmen li l-istrateġija marittima mġedda għandha tippermetti l-parteċipazzjoni attiva tar-reġjuni fil-governanza tal-Atlantiku;

29.

jisħaq dwar il-ħtieġa li jiġu allinjati l-aġendi u l-għanijiet tal-proċessi u l-politiki multipli tal-UE, peress li, ta' spiss, dak li m'għadux prijorità fuq aġenda li tispiċċa f'ċerta data jsir prijorità fuq l-aġenda ta' proċess ieħor b'data ta' finalizzazzjoni differenti. Din il-problema ta' governanza tirrifletti l-eżistenza ta' struttura frammentata u n-nuqqas ta' koordinazzjoni adegwata u informazzjoni korretta u aġġornata.

Kooperazzjoni fl-Atlantiku

30.

jirrimarka li l-kisba tal-għanijiet u l-azzjonijiet tal-erba' pilastri tal-PAA proposti mill-Kummissjoni Ewropea, għalkemm meqjusa insuffiċjenti, se jkollhom effetti pożittivi u se jkunu ta' benefiċċju għar-reġjuni mhux tal-Atlantiku, u jirrakkomanda bil-qawwa l-iżvilupp ta' kooperazzjoni estiża ma' dawk ir-reġjuni;

31.

jitlob li l-kooperazzjoni transfruntiera lil hinn mil-limiti marittimi u fit-territorji tissaħħaħ bl-iżvilupp ta' sejħiet aktar sempliċi għal proġetti transfruntiera, bit-tisħiħ tal-programmi Interreg u għodod baġitarji oħra;

32.

ifakkar li l-programmi ta' kooperazzjoni territorjali li fihom jipparteċipaw ir-reġjuni taż-żona tal-Atlantiku kkontribwixxew u se jikkontribwixxu b'mod intelliġenti għall-implimentazzjoni tal-għanijiet tal-PAA l-ġdid, u jisħaq dwar il-possibbiltà ta' impatt akbar jekk ikun hemm sejħa speċifika għall-għajnuna għal proġetti transfruntiera fi ħdan il-qafas baġitarju proprju tal-istrateġija marittima għall-Atlantiku, b'għanijiet definiti u xierqa għall-Pjan u b'indikaturi ta' kejl proprji li huma faċli biex jiġu mmaniġġjati;

33.

jiddikjara li sabiex tittejjeb il-kooperazzjoni huwa meħtieġ it-titjib tal-għarfien reċiproku; għalhekk, minn naħa, ikun utli ħafna li titfassal lista ta' atturi, problemi u opportunitajiet u titqassam fost l-aġenti ta' kull pajjiż u/jew it-territorji; jeħtieġ ukoll li jiġu stabbiliti linji ta' azzjoni jew ta' teknoloġija għas-setturi differenti tal-ekonomija blu bbażati fuq l-ispeċjalizzazzjoni konkreta ta' kull reġjun, waqt li tiġi promossa kollaborazzjoni reċiproka u tiġi pprovduta offerta konġunta, mingħajr il-ħtieġa għal kompetizzjoni;

34.

jikkunsidra li, sabiex tinkiseb u tissaħħaħ il-kooperazzjoni transfruntiera, għandhom jinħolqu kundizzjonijiet li jiffavorixxu s-sinerġiji u jinkoraġġixxu x-xogħol f'timijiet multidixxiplinarji u multikulturali li jallinjaw l-interessi u l-aġendi, fi prijoritajiet xjentifiċi u fi strumenti ta' ġestjoni u governanza, waqt li jippromovu l-kollaborazzjoni ġusta bejn timijiet ta' nies fit-territorji differenti, li jistabbilixxu mekkaniżmi ta' finanzjament sempliċi u kontinwu biex ikunu jistgħu jwettqu l-azzjonijiet f'perjodi ta' żmien realistiċi u li jiffavorixxu żieda fil-parteċipazzjoni tas-soċjetà fi ħdanhom stess, għall-benefiċċju tas-suċċess tagħhom;

35.

juri b'mod ċar li l-fatt li jkollok numru kbir ta' programmi paralleli iżda mhux relatati joħloq konfużjoni u probabbilment ineffiċjenza fl-użu tal-fondi pubbliċi. Huma meħtieġa l-armonizzazzjoni tal-finanzjament pubbliku tar-riċerka u l-innovazzjoni biex jiġu massimizzati l-koerenza u l-impatt tal-investimenti u biex tiġi ottimizzata d-disponibbiltà tal-ħin tar-riċerkaturi. Jirrakkomanda l-allinjament tal-miżuri u l-għajnuna reġjonali, nazzjonali u Ewropej biex jiġi ġġenerat impatt ferm ogħla minn dak miksub b'diversi programmi mhux relatati u b'hekk jikkontribwixxi b'mod effettiv għal Żona Ewropea tar-Riċerka ta' prestazzjoni għolja fil-qasam tal-ekonomija blu;

36.

jemmen li l-kooperazzjoni m'għandhiex tkun limitata għal kwistjonijiet marittimi u portwarji, iżda pjuttost tqis l-interazzjoni tal-baħar/tal-art u tagħti attenzjoni lill-mitigazzjoni u l-adattament għat-tibdil fil-klima (ekonomija ċirkolari, mobbiltà sostenibbli, ekosistemi tal-baħar, eċċ.);

37.

jenfasizza l-importanza tal-kooperazzjoni bbażata fuq l-istrateġiji rispettivi ta' speċjalizzazzjoni intelliġenti (S3) tar-reġjuni tal-Atlantiku u l-iżvilupp ta' proġetti emblematiċi f'żoni ta' Speċjalizzazzjoni Marittima Intelliġenti tal-Atlantiku;

38.

jixtieq jinsisti li, fil-kuntest tal-irkupru ta' wara l-COVID-19 u fid-dawl ta' wara l-Brexit, il-kollaborazzjoni fiż-żona tal-Atlantiku hija saħansitra aktar meħtieġa minħabba d-deterjorament prevedibbli tas-sitwazzjoni soċjoekonomika u l-impatt tagħha fuq l-impjiegi u fuq it-tkabbir blu u l-konsegwenzi tal-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea u l-ambitu li finalment se jkollu l-Fond ta' Aġġustament għall-Brexit;

39.

jixtieq iħares lejn il-futur, f'dan ir-rigward, u jikkunsidra li t-tfixkil ikkawżat mill-pandemija u l-Brexit jista' jinbidel f'opportunità jekk is-setturi ewlenin tagħna jaġġornaw il-kapaċitajiet teknoloġiċi tagħhom. Għal din ir-raġuni, jilqa' strumenti ġodda li jistgħu jippromovu katini ta' valur Ewropej ġodda, ibbażati fuq il-prijoritajiet tal-istrateġiji reġjonali ta' speċjalizzazzjoni intelliġenti;

40.

jikkunsidra li, waqt li jitqiesu l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar “l-implimentazzjoni tal-istrateġiji makroreġjonali tal-UE”, huwa l-mument li tinħoloq u tiġi żviluppata din l-istrateġija makroreġjonali għall-baċir tal-Atlantiku, b'qafas baġitarju u ta' implimentazzjoni speċifiku u xieraq għar-realtà u l-potenzjal tiegħu;

41.

jifhem li l-ħolqien ta' makroreġjun tal-Atlantiku huwa l-aħjar mod biex tiġi approfondita l-kooperazzjoni, jiġu indirizzati l-isfidi marittimi flimkien ma' oħrajn marbuta mat-territorju, titjieb il-koordinazzjoni bejn ir-reġjuni u l-Istati Membri, u jiġi razzjonalizzat l-użu tal-finanzjament;

42.

jifhem li n-natura marittima tal-makroreġjun għandha tkun ikkomplementata mill-potenzjal tal-innovazzjoni marbut mal-oqsma ta' speċjalizzazzjoni intelliġenti komuni għar-reġjuni tal-Atlantiku u għandha tiġi promossa l-kooperazzjoni trans-Alantika li tippermetti l-parteċipazzjoni tar-reġjuni ultraperiferiċi, il-pajjiżi u r-reġjuni terzi, skont mudell ta' governanza b'diversi livelli tal-Makroreġjun tal-Alpi ta' parteċipazzjoni diretta u attiva tar-reġjuni.

Brussell, id-19 ta’ Marzu 2021.

Apostolos TZITZIKOSTAS

Il-President tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni


Top