Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52020IR3121

Opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni — Opportunitajiet u sinerġiji ta’ adattament prekawzjonarju għat-tibdil fil-klima biex jiġu promossi s-sostenibbiltà u l-kwalità tal-ħajja fir-reġjuni u l-muniċipalitajiet: liema kundizzjonijiet ta’ qafas huma meħtieġa għal dan il-għan?

COR 2020/03121

ĠU C 37, 2.2.2021, p. 33–39 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

2.2.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 37/33


Opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni — Opportunitajiet u sinerġiji ta’ adattament prekawzjonarju għat-tibdil fil-klima biex jiġu promossi s-sostenibbiltà u l-kwalità tal-ħajja fir-reġjuni u l-muniċipalitajiet: liema kundizzjonijiet ta’ qafas huma meħtieġa għal dan il-għan?

(2021/C 37/06)

Relatur:

Markku MARKKULA (FI/PPE), President tal-Bord tal-Belt ta’ Espoo

Dokument ta’ referenza:

Konsultazzjoni mitluba mill-Presidenza, Artikolu 41(b)(i)

RAKKOMANDAZZJONIJIET TA’ POLITIKA

IL-KUMITAT EWROPEW TAR-REĠJUNI

Emerġenza globali biex titħaffef l-azzjoni

1.

jenfasizza li t-tmexxija politika għandha tittratta t-tibdil fil-klima bħala emerġenza u theddida globali li teħtieġ tiġi indirizzata b’mod kollettiv b’attivitajiet u standards konġunti billi jitneħħew il-kompartimentazzjonijiet u l-ostakli. L-UE għandha tadotta rwol ta’ tmexxija attiva fil-bidla lejn ekonomija newtrali għall-klima u soċjetà aktar reżiljenti, sabiex tissalvagwardja kundizzjonijiet ta’ għajxien favorevoli, u tiżgura li proċeduri ċari, kredibbli u ekwivalenti għan-negozji Ewropej u għall-istituzzjonijiet pubbliċi u privati jiġu applikati globalment;

2.

jenfasizza l-importanza li l-bliet u r-reġjuni jaqdu rwol attiv, billi jingħaqdu mal-industrija lokali u internazzjonali fl-isforzi biex jadattaw għat-tibdil fil-klima u jimmitigawh billi jadottaw miri dejjem aktar ambizzjużi u realistiċi, u jenfasizza li huwa essenzjali li titħaffef l-azzjoni fil-politiki rilevanti kollha tal-UE, jiżdied il-finanzjament għall-adattament, jiġu żviluppati b’mod konġunt metodi u strumenti ta’ adattament adatti, jiżdiedu l-kooperazzjoni transfruntiera u l-iskambji ta’ esperjenza u tal-aħjar prattiki, u jissaħħu l-kapaċitajiet ta’ reżiljenza u adattament, is-soluzzjonijiet ibbażati fuq in-natura u l-opportunitajiet għall-innovazzjoni;

3.

jirrikonoxxi li madwar 800 gvern reġjonali fi 17-il Stat Membru ddikjaraw emerġenza klimatika, dan jirrappreżenta madwar 40 % taċ-ċittadini tal-UE li jgħixu fiż-żoni tal-awtoritajiet lokali u reġjonali, u minbarra dan il-mexxejja politiċi tagħhom enfasizzaw, irrikonoxxew u ddikjaraw uffiċjalment is-sitwazzjoni gravi ta’ emerġenza klimatika globali; jenfasizza li dan huwa appoġġ qawwi favur tmexxija attiva biex tintlaħaq Ewropa newtrali għall-klima permezz ta’ enfasi fuq perspettiva minn isfel għal fuq (1);

4.

jenfasizza li l-pandemija tal-COVID-19 kompliet iżżid l-urġenza ta’ azzjoni bikrija u kkoordinata – l-esperjenza attwali tal-pandemija enfasizzat il-ħtieġa li tittejjeb ir-reżiljenza tas-sistemi soċjali u ekonomiċi biex jiffaċċjaw tfixkil fuq skala kbira, peress li kriżijiet mhux previsti joħolqu riskji komposti, speċjalment f’ekonomiji ffokati wisq;

5.

jenfasizza li l-politiki tal-UE dwar l-adattament għat-tibdil fil-klima u l-mitigazzjoni tiegħu jeħtieġ li jiġu integrati aħjar kemm mas-setturi pubbliċi kif ukoll ma’ dawk privati, kif ukoll mal-attivitajiet taċ-ċittadini fi ħdan is-setturi tal-politika tal-UE dwar il-klima: is-sistema għall-iskambju ta’ kwoti tal-emissjonijiet (ETS), id-deċiżjoni dwar il-kondiviżjoni tal-isforzi, u l-użu tal-art, tibdil fl-użu tal-art u l-forestrija (LULUCF). Biex tinkiseb in-newtralità klimatika sal-2050, l-UE trid tħaffef id-dekarbonizzazzjoni tal-attivitajiet fis-setturi kollha. Il-bliet u r-reġjuni, fi sħubija mal-industrija, għandhom responsabbiltà primarja fir-rigward tad-deċiżjoni dwar il-kondiviżjoni tal-isforzi, speċjalment it-tisħin, it-tkessiħ, l-użu tal-art u t-trasport;

Il-konnessjonijiet tal-gvernijiet sottonazzjonali mal-SDGs tan-NU u l-UNFCCC

6.

iqis li l-gvernijiet sottonazzjonali jeħtieġ li jaqdu rwol kruċjali fit-tisħiħ tal-ambizzjoni klimatika globali, u li l-politiki ta’ adattament għandhom jaqdu rwol fundamentali fil-lokalizzazzjoni tal-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli (SDGs) tan-NU; l-UE trid toħloq inċentivi għall-muniċipalitajiet biex jiksbu l-SDGs;

7.

jistieden lill-UNFCCC biex tirrikonoxxi b’mod uffiċjali r-rwol tal-livell sottonazzjonali u biex tippromovi b’mod attiv l-involviment tal-gvernijiet sottonazzjonali fil-politiki ta’ adattament u ta’ mitigazzjoni u tipproponi li l-Partijiet jadottaw miri ambizzjużi; jindika l-kontributi lokali ppreżentati bħala Reviżjonijiet Lokali Volontarji, li jenfasizzaw li l-bliet huma l-livell fejn isseħħ l-azzjoni influwenti u fejn jiġu eżaminati bl-aħjar mod is-sinerġiji u l-interkonnessjonijiet bejn l-SDGs differenti;

8.

iqis is-COP-26 tal-UNFCCC bħala pass kruċjali biex l-UE tiġi kkonsolidata fuq quddiem nett tal-azzjoni klimatika globali, u jenfasizza li l-attivitajiet u l-impenji tar-reġjuni u l-bliet li għaddejjin bħalissa għandu jkollhom rwol b’saħħtu u viżibbli fis-COP-26; lest li jappoġġja lill-istituzzjonijiet tal-UE biex jikkooperaw mal-UNFCCC biex isaħħu l-viżibbiltà u r-rikonoxximent tal-gvernijiet sottonazzjonali fid-diplomazija u l-attivitajiet klimatiċi globali, jenfasizza f’dan is-sens kollaborazzjoni ma’ komunitajiet internazzjonali u organizzazzjonijiet tan-network, bħall-ICLEI, Under2Coalition, Regions4, l-Alleanza Klimatika u l-UCLG Bliet u Gvernijiet Lokali Magħqudin;

Lejn Strateġija ta’ Adattament tal-UE aktar influwenti bbażata fuq għarfien ġdid, fuq it-tagħlim u fuq l-innovazzjonijiet

9.

jilqa’ l-pjan ta’ azzjoni għal strateġija ġdida u aktar ambizzjuża tal-UE dwar l-adattament għat-tibdil fil-klima, li tqiegħed l-adattament f’pożizzjoni aktar prominenti fl-ambizzjonijiet klimatiċi tal-UE għall-2030 u l-2050 billi jittejjeb l-għarfien, jissaħħaħ l-ippjanar u titħaffef l-azzjoni, u tkun rikonoxxuta l-ħtieġa għal politiki ta’ adattament fil-livell reġjonali u lokali; f’dan ir-rigward jenfasizza l-ħtieġa li l-kwistjonijiet relatati mal-adattament għat-tibdil fil-klima jiġu integrati b’mod effettiv fl-oqsma ta’ politika kollha; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tiżviluppa Strateġija ta’ Adattament tal-UE ġdida b’għanijiet u indikaturi ċari f’konformità mal-prinċipji tas-sussidjarjetà attiva u tal-proporzjonalità;

10.

jara li għall-appoġġ tal-gvernijiet sottonazzjonali fil-miżuri globali tagħhom tal-SDGs, l-UE stess trid tmexxi bl-eżempju; dan jinkludi l-kooperazzjoni ma’ msieħba potenzjali barra mill-UE abbażi tal-valuri tal-UE;

11.

jenfasizza l-ħtieġa ta’ sistema mifruxa mal-Unjoni Ewropea kollha dwar l-adattament u struttura ta’ governanza f’diversi livelli li tiffunzjona tajjeb b’responsabbiltajiet ċari biex tkun tista’ tittieħed azzjoni. Huwa importanti li jinħolqu mekkaniżmi reġjonali u lokali effettivi ta’ adattament u mitigazzjoni bl-użu ta’ networks konġunti bejn is-setturi pubbliċi, privati u terzi u li jittejbu l-għarfien, il-kapaċitajiet u r-riżorsi finanzjarji;

12.

jenfasizza l-importanza ta’ soluzzjonijiet ibbażati fuq in-natura fl-adattament għall-klima, peress li l-implimentazzjoni tagħhom toffri opportunitajiet biex jiġu indirizzati kriżijiet interkonnessi fl-oqsma tal-klima, in-natura u s-saħħa, li jwasslu benefiċċji kemm fl-isfera soċjali kif ukoll dik ekoloġika filwaqt li jippromovu s-sostenibbiltà u r-reżiljenza. Soluzzjonijiet ibbażati fuq in-natura jistgħu jkunu wkoll mezz importanti biex jintlaħqu l-SDGs u l-ambizzjonijiet tal-UNFCCC, b’mod partikolari fir-rigward tal-isfruttar ta’ sinerġiji bejn SDGs differenti u l-azzjoni klimatika;

13.

jenfasizza li l-adattament għat-tibdil fil-klima se jirrikjedi trasformazzjoni sinifikanti, u jeħtieġ li jiġi inkorporat bħala prijorità trasversali fl-ippjanar u l-ġestjoni territorjali; il-politiki ta’ adattament għandhom konsegwenzi sinifikanti għas-saħħa u l-ġustizzja soċjali;

14.

jinnota li t-tħejjija lokali relatata mal-adattament għat-tibdil fil-klima tvarja globalment kif ukoll fl-Ewropa. Ir-riskji klimatiċi bħalissa mhumiex inklużi b’mod estensiv fil-ġestjoni tar-riskju ġenerali u l-ippjanar ta’ tħejjija tal-muniċipalitajiet;

15.

jenfasizza li biex tkun suċċess, kull azzjoni klimatika, inkluż l-adattament, jeħtieġ li tkun ibbażata fuq l-aħjar għarfien u innovazzjoni disponibbli u tkun dipendenti għalkollox mill-parteċipazzjoni taċ-ċittadini; l-awtoritajiet lokali u reġjonali huma l-aktar livell fdat ta’ gvern, peress li jafu l-aħjar x’inhu meħtieġ u kif għandhom jindirizzaw b’mod effiċjenti il-mistoqsijiet u l-aspettattivi taċ-ċittadini Ewropej;

16.

jappella lill-Kummissjoni Ewropea u lill-Istati Membri biex jappoġġjaw l-iżvilupp ta’:

a.

is-sostenibbiltà bħala “in-normalità l-ġdida” għall-komunitajiet, in-negozji u l-individwi kollha;

b.

is-sostenibbiltà, in-newtralità karbonika, l-ekonomija ċirkolari u r-reżiljenza bħala prinċipju ta’ gwida fit-teħid tad-deċiżjonijiet kollha – pubbliċi u privati, inklużi l-proċessi tal-ibbaġitjar;

c.

ippjanar u azzjonijiet iffukati fuq is-sostenibbiltà bbażati fuq il-kollaborazzjoni, l-għarfien u l-prattiki tajbin;

d.

ir-riċerka dwar is-sostenibbiltà u attivitajiet konġunti – multidixxiplinari u interdixxiplinari – biex jiżdied l-għarfien espert;

e.

il-konnettività diġitali għaċ-ċittadini kollha b’ħiliet adegwati bħala element trasversali li jiżgura t-trasformazzjoni ekoloġika u diġitali;

f.

modi biex dawn l-elementi kollha jiġu inkorporati fis-soluzzjonijiet ta’ tagħlim kollha fl-Unjoni Ewropea; kif ukoll

g.

il-finanzjament għall-bliet u r-reġjuni fit-taħriġ mill-ġdid u t-titjib tal-ħiliet tal-forza tax-xogħol;

17.

jirrakkomanda t-tnaqqis tal-marka tal-karbonju billi jiġu minimizzati l-impatti negattivi tal-prodotti, is-servizzi u l-organizzazzjonijiet; jappella wkoll biex issir aktar enfasi fuq il-handprint tal-karbonju, billi jintwera l-impatt futur pożittiv li l-prodotti, is-servizzi jew l-organizzazzjonijiet jistgħu joħolqu f’termini ta’ sostenibbiltà;

18.

jappoġġja l-iżvilupp ta’ pjattaformi xjentifiċi lokali dwar it-tibdil fil-klima (li diġà jeżistu f’diversi reġjuni u li għandhom rwol ta’ “IPCC lokali”) sabiex tiġi mħeġġa l-kooperazzjoni bejn ix-xjentisti u jiġi appoġġjat it-teħid ta’ deċiżjonijiet tal-uffiċjali eletti fil-livell lokali;

19.

jenfasizza li l-bini ta’ reżiljenza personali, komunitarja u reġjonali huwa fattur kruċjali għall-adattament għat-tibdil fil-klima; jenfasizza l-importanza tas-sensibilizzazzjoni, it-tagħlim, l-iżvilupp tal-kapaċità, u kunċetti biex tiżdied il-kultura ta’ kollaborazzjoni transreġjonali u transnazzjonali biex tkun tista’ tittieħed azzjoni fuq livell globali;

20.

jistieden lill-Kummissjoni toħloq u żżid l-użu ta’ strumenti ta’ kollaborazzjoni fl-Ewropa kollha biex b’mod konġunt toħloq soluzzjonijiet ġodda għall-isfidi klimatiċi, u jappella li jkun hemm timijiet ta’ kkowċjar virtwali diġitali u mentoring bejn il-pari biex jiġi appoġġjat żvilupp sostenibbli reġjonali u lokali ġdid u innovattiv; ir-reġjuni u l-bliet huma lesti li jservu bħala postijiet ta’ ttestjar biex jiżviluppaw soluzzjonijiet ġodda li jistgħu jindirizzaw il-ħtiġijiet differenti tat-territorji tal-UE;

21.

jenfasizza l-utilità tan-network ta’ Laboratorji Ħajjin biex jitnaqqas id-“distakk fl-adattament għat-tibdil fil-klima u l-mitigazzjoni tiegħu” u biex tissaħħaħ l-innovazzjoni għall-iżvilupp sostenibbli;

22.

jenfasizza r-rwol tal-agrikoltura u l-forestrija (il-PAK) fil-politika globali dwar il-klima, peress li dawn jaqdu rwol importanti fiż-żieda tar-reżiljenza u s-sostenibbiltà u fil-promozzjoni ta’ soluzzjonijiet innovattivi fiż-żoni rurali, f’dan is-sens, l-objettivi tal-Patt Ekoloġiku, speċjalment l-istrateġija għall-bijodiversità u l-istrateġija mill-għalqa sal-platt, għandhom ikunu inkorporati fil-PAK, u b’hekk tintemm ir-rabta bejn is-sussidji u d-daqs tal-art agrikola, minflok dawn għandhom ikunu marbuta mal-konformità ma’ standards għolja u vinkolanti fir-rigward tal-protezzjoni tal-klima, il-bijodiversità, l-użu tal-pestiċidi u t-trattament xieraq tal-annimali, il-ktajjen tal-provvista mqassra u l-promozzjoni tal-produzzjoni lokali;

23.

jenfasizza s-sinerġiji pożittivi bejn il-politiki ta’ konservazzjoni tal-bijodiversità u l-politiki ta’ mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima u ta’ adattament għalih, pilastri fundamentali li fuqhom hija bbażata l-ġlieda globali kontra t-tibdil fil-klima;

24.

jenfasizza l-importanza li jintużaw sistemi ta’ informazzjoni preventiva bħal Galileo u Copernicus fil-valutazzjonijiet tal-perikli u r-riskji bbażati fil-komunità. Dan jirrikjedi soluzzjonijiet ta’ estrazzjoni u pproċessar ta’ data aktar sistematiċi u komprensivi bbażati fil-livell lokali u reġjonali, bħall-użu ta’ satelliti u sensuri b’għodod appoġġjati mill-GIS biex jiġu mmappjati l-vulnerabbiltajiet assoċjati ma’ riskji differenti b’rabta mal-klima; iħeġġeġ lill-awtoritajiet lokali u reġjonali jużaw u jisfruttaw id-data u s-servizzi disponibbli, speċjalment dawk offruti mis-Servizz dwar it-Tibdil fil-Klima ta’ Copernicus (C3S);

25.

jenfasizza l-ħtieġa li jsir aktar investiment fir-rilevanza tat-teknoloġija spazjali peress li hija komponent kruċjali tal-iżvilupp sostenibbli u reżiljenti, fl-għoti ta’ informazzjoni rilevanti dwar ir-riskji klimatiċi u l-miżuri ta’ adattament relatati: f’dan il-qasam, jinsab lest li jikkoopera mal-Kummissjoni, il-JRC u l-EEA biex jesploraw azzjonijiet immirati biex iqarrbu dawn it-teknoloġiji lejn l-awtoritajiet lokali u reġjonali;

26.

jirrimarka li l-adattament għandu jiġi rikonoxxut bħala pilastru importanti tal-Patt Ekoloġiku Ewropew bħala l-istrateġija l-ġdida tal-UE għat-tkabbir; jilqa’ b’sodisfazzjoni il-Liġi Ewropea dwar il-Klima proposta bħala mod kif jiġi pprovdut qafas ġenerali kemm għall-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima kif ukoll għall-adattament għalih;

Il-bliet u r-reġjuni għandhom jaqdu rwol aktar b’saħħtu fil-politiki ta’ adattament

27.

jenfasizza li l-bliet u r-reġjuni huma innovaturi u pijunieri fir-rigward tal-azzjoni klimatika u l-adattament għat-tibdil fil-klima, u ta’ spiss jipparteċipaw fi proġetti ta’ riċerka u innovazzjoni, bħal dawk fi ħdan il-programm Orizzont 2020 u l-programm qafas Orizzont Ewropa, li jippermettulhom ikunu ambaxxaturi dwar l-adattament għat-tibdil fil-klima madwar l-Ewropa u jippromovu l-kooperazzjoni transfruntiera bejn il-livelli sottonazzjonali dwar l-indirizzar tal-isfidi klimatiċi;

28.

jinnota li l-gvernijiet lokali huma responsabbli għal aktar minn 70 % tat-tnaqqis tat-tibdil fil-klima u sa 90 % tal-azzjoni għall-adattament għalih, u li l-ebda politika ta’ adattament mhi se tirnexxi sakemm ma tqisx il-ħtiġijiet, il-fehmiet u l-għarfien espert tar-reġjuni u l-bliet lokali; jirrimarka li, fl-UE kollha, huwa stmat li madwar 40 % tal-bliet li għandhom ’il fuq minn 150 000 abitant adottaw pjani ta’ adattament (2);

29.

l-applikazzjonijiet diġitali jista’ jkollhom rwol ewlieni biex jgħinu lill-awtoritajiet lokali u reġjonali jimplimentaw għanijiet ta’ żvilupp sostenibbli u għanijiet klimatiċi, jew biex jadattaw għat-tibdil fil-klima. Għaldaqstant, is-soluzzjonijiet diġitali sostenibbli għandhom dejjem jiġu kkunsidrati fir-rigward tal-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima u l-adattament għalih; għandhom jiġu skambjati eżempji tal-aħjar prattiki, kif ukoll modi kif tiġi kkontrollata l-effettività reali tas-soluzzjonijiet diġitali;

30.

jirrimarka li, minħabba t-tibdil fil-klima, l-aktar impatti viżibbli fl-Ewropa u b’mod globali huma kkawżati minn fenomeni estremi tat-temp bħall-mewġiet ta’ sħana, l-għargħar, l-iskarsezza tal-ilma, in-nirien fil-foresti u l-mard, li jinvolvu għadd sinifikanti ta’ mwiet, danni finanzjarji kif ukoll id-deterjorament tal-kwalità tal-ħajja; jinnota wkoll li d-depopolazzjoni rurali, it-telf tal-aċċess għall-ħamrija għammiela u t-telf tal-bijodiversità qed joħolqu diffikultajiet soċjali u ekonomiċi li qed isiru problema globali li qed tikber u li se jkollhom konsegwenzi enormi fl-Ewropa (3);

31.

jenfasizza l-importanza kruċjali taż-żewġ missjonijiet iffukati fuq il-klima: “Ewropa reżiljenti għall-klima” u “100 belt newtrali għall-klima sal-2030”; jinsab ħerqan li jikkoopera mal-Kummissjoni biex jitħeġġu l-applikazzjonijiet u n-nominazzjonijiet minn komunitajiet, bliet u reġjuni li jirrappreżentaw id-diversità ġeografika, soċjali u ekonomika sħiħa tat-territorji Ewropej; jinsab lest li jiżviluppa, flimkien mal-missjonijiet, il-Patt tas-Sindki u oħrajn, qafas ta’ implimentazzjoni sabiex jintlaħaq l-objettiv tan-newtralità klimatika;

32.

jirrakkomanda li l-EEA, flimkien ma’ diversi organizzazzjonijiet esperti bħaċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka, is-Sħubija dwar l-Adattament għat-Tibdil fil-Klima tal-Aġenda Urbana (4) u l-Patt tas-Sindki għall-Klima u l-Enerġija (5), jipprovdu aġġornamenti regolari dwar l-għarfien xjentifiku u juru proġetti speċifiċi relatati mat-tibdil fil-klima, l-impatti u l-vulnerabbiltà fir-reġjuni bijoġeografiċi ewlenin fl-Ewropa;

33.

jenfasizza li l-impatt tat-tibdil fil-klima mhuwiex uniformi u li l-fatturi territorjali għandhom rwol kruċjali fl-għażla t-tajba tal-politika; l-azzjonijiet ta’ adattament ġusti jiddependu minn vulnerabbiltajiet speċifiċi, pereżempju fir-reġjuni ultraperiferiċi tal-UE, il-gżejjer, iż-żoni muntanjużi, iż-żoni kostali u l-Artiku;

34.

jitlob li jittieħdu miżuri urġenti fl-Artiku fejn it-temperaturi tax-xitwa diġà huma 2,5 oC ogħla mit-temperaturi preindustrijali, li jfisser li s-silġ tal-baħar u l-borra jinħallu b’rata mingħajr preċedent kif intwera dan l-aħħar, pereżempju mill-Espedizzjoni MOSAiC. Jeħtieġ li tingħata attenzjoni speċjali lill-Artiku minħabba s-sensittività akbar tar-reġjun – magħrufa bħala “amplifikazzjoni polari”;

35.

jirrimarka r-rikkezza eċċezzjonali tan-natura Mediterranja u l-vulnerabbiltà partikolari tagħha għad-diżastri naturali, it-tibdil fil-klima u l-iżvilupp soċjoekonomiku. Huma meħtieġa azzjonijiet speċifiċi sabiex tiżdied is-sostenibbiltà tar-riżorsi naturali, speċjalment il-protezzjoni tal-bijodiversità;

36.

jenfasizza li t-tibdil fil-klima huwa marbut b’mod qawwi mal-bidliet soċjoekonomiċi bħall-urbanizzazzjoni; jenfasizza li ż-żoni urbani tal-Ewropa, fejn jgħixu tliet kwarti tal-popolazzjoni, jiffaċċjaw sfidi klimatiċi li jeħtieġu soluzzjonijiet imfassla apposta u appoġġ mill-UE u l-Istati Membri (6); jenfasizza l-importanza ta’ żoni rurali u periurbani fejn xi drabi jkun saħansitra aktar diffiċli li jitnaqqsu l-emissjonijiet, għalhekk jitlob soluzzjonijiet xierqa hemmhekk ukoll;

37.

jenfasizza li d-djalogu f’diversi livelli dwar il-klima u l-enerġija għandu l-potenzjal li jsir strument b’saħħtu biex jiżgura l-integrazzjoni vertikali effettiva u l-integrazzjoni tal-politiki ta’ adattament; dan għandu jitwessa’ biex ikopri l-Patt Ekoloġiku fl-intier tiegħu;

38.

jenfasizza r-rwol kruċjali tal-Patt tas-Sindki għall-Klima u l-Enerġija u inizjattivi simili biex il-politiki ta’ adattament jitqarrbu lejn il-bliet u r-reġjuni, u dak tal-Firmatarji tal-Patt fl-implimentazzjoni tal-Pjani ta’ Azzjoni għall-Enerġija Sostenibbli u l-Klima;

39.

jindika l-importanza li jissaħħu l-użu, l-estensjoni u l-adozzjoni tat-teknoloġiji diġitali innovattivi li huma ta’ benefiċċju għall-kapaċitajiet ta’ integrazzjoni u l-koeżjoni, lejn strateġija ta’ territorju intelliġenti. It-teknoloġija 5G, l-Internet tal-Oġġetti u l-Analiżi tad-Data, bħala eżempji ta’ dawn it-teknoloġiji, għandhom jitqiesu bħala faċilitaturi għat-trasformazzjoni diġitali u ekoloġika tar-reġjuni u l-bliet, u b’mod partikolari bħala lieva ta’ tfixkil fil-provvista tas-servizzi pubbliċi diġitali, l-effiċjenza enerġetika, il-promozzjoni tal-kultura u t-turiżmu u l-koeżjoni soċjali u territorjali;

40.

jenfasizza r-rwol tas-sistemi tal-enerġija fl-adattament u r-rabtiet bejniethom kif stabbilit fil-Komunikazzjoni dwar l-Istrateġija tal-UE għall-Integrazzjoni tas-Sistema tal-Enerġija (7), u jistieden lill-Kummissjoni Ewropea biex teżamina aktar dawn ir-rabtiet fis-segwitu għal din il-Komunikazzjoni;

41.

jenfasizza l-importanza li jiżdiedu s-sħubijiet Ewropej bejn ir-reġjuni u l-bliet bl-użu tal-kunċetti ta’ Speċjalizzazzjoni Intelliġenti; jirrakkomanda li jiżdied ir-rwol tal-bliet u r-reġjuni fil-pjattaforma “Climate Adapt” (8) u jinsab ħerqan li japprofondixxi l-kooperazzjoni b’mod speċjali mal-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent, il-KKI “Climate” tal-EIT u ċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka;

42.

jiġbed l-attenzjoni għall-ħtieġa li jittejbu l-kapaċitajiet ta’ implimentazzjoni tar-reġjuni u l-bliet u l-importanza li jkun hemm biżżejjed persunal, inkluż persunal kwalifikat. B’mod partikolari fil-livell muniċipali, għandha tiġi pprovduta l-forza tax-xogħol meħtieġa għall-koordinazzjoni ta’ bosta setturi ta’ xogħol u oqsma ta’ responsabbiltà assoċjati mal-implimentazzjoni tal-għanijiet ta’ żvilupp sostenibbli u mal-għanijiet tal-azzjoni dwar il-klima;

Finanzjament u regoli globali

43.

iħeġġeġ lill-Kummissjoni tagħti attenzjoni speċjali lis-sistema tal-ipprezzar tas-CO2. It-trasformazzjoni tal-klima teħtieġ investiment ġdid – speċjalment fis-settur privat – għal skopijiet ta’ adattament u mitigazzjoni. Sabiex jiġi attirat l-investiment meħtieġ, il-prezz tas-CO2 għandu jiġi stabbilit f’livell prevedibbli u adatt. Sistema bħal din għandha tinkoraġġixxi l-kumpaniji tal-enerġija u oħrajn biex jaqdu rwol b’saħħtu fil-kisba tal-miri tal-klima u fil-ħolqien ta’ soluzzjonijiet ġodda newtrali f’termini ta’ emissjonijiet tal-karbonju;

44.

jenfasizza li se tkun meħtieġa sistema ta’ pprezzar aktar effiċjenti għas-CO2 inkluż mekkaniżmu ta’ aġġustament fil-fruntiera sabiex is-CO2 isir parti trasparenti tas-sistema ekonomika u biex tiġi promossa t-tranżizzjoni lejn in-newtralità karbonika; din tkun toħloq kundizzjonijiet ekwi ġodda għal azzjoni sostenibbli u hija għodda kruċjali biex is-sistema tas-CO2 tkun trasparenti fil-livelli u s-setturi kollha;

45.

jappoġġja s-sejħa tal-PE biex jiġi stabbilit baġit nett għall-gassijiet b’effett ta’ serra tal-UE27 ibbażat fuq l-aħħar kalkoli xjentifiċi użati mill-IPCC, li jirrappreżenta s-sehem ġust tal-Unjoni tal-emissjonijiet globali li jifdal f’konformità mal-objettivi tal-Ftehim ta’ Pariġi u li jiggwida l-istabbiliment tat-trajettorja tal-Unjoni lejn emissjonijiet netti żero ta’ gassijiet b’effett ta’ serra sal-2050;

46.

jappella lill-UE biex tassumi rwol b’saħħtu ta’ tmexxija fil-livell dinji biex tiżviluppa s-sistemi meħtieġa għall-ibbaġitjar u l-ipprezzar tas-CO2 sal-2030 u biex tinnegozja elementi simili mal-imsieħba kummerċjali globali tagħha;

47.

jissuġġerixxi l-promozzjoni ta’ investiment fl-infrastruttura b’rabta mal-adattament fit-tul iffinanzjat mill-UE; jenfasizza l-importanza li jkun hemm opportunitajiet adegwati ta’ finanzjament għall-adattament għat-tibdil fil-klima għal-livelli kollha tal-gvern, kif ukoll li jiġu eżaminati għażliet ġodda potenzjali għall-faċilitajiet eżistenti u soluzzjonijiet ġodda u innovattivi;

48.

jirrakkomanda li l-UE u l-gvernijiet nazzjonali jiżguraw finanzjament pubbliku stabbli u sistematiku għall-adattament, bħall-utilitajiet pubbliċi, is-servizzi ta’ emerġenza u ta’ salvataġġ, u l-kura tas-saħħa. L-adattament prekawzjonarju jitlob investiment komprensiv fl-infrastruttura u l-istrumenti ta’ salvataġġ li jintegraw l-adattament għat-tibdil fil-klima u l-mitigazzjoni tiegħu f’miżuri ta’ sostenibbiltà ġenerali;

49.

jilqa’ t-tħabbir tal-Bonds Ekoloġiċi għall-finanzjament tal-azzjoni klimatika; iwissi li r-riżorsi pubbliċi jistgħu ma jkunux biżżejjed biex jindirizzaw il-ħtiġijiet kollha ta’ adattament u li għandu jitħeġġeġ il-finanzjament privat għall-isforzi ta’ adattament. Huwa importanti li l-kriterji tat-tassonomija u l-ġestjoni ta’ dak li jitqies sostenibbli u li ma jikkawżawx ħsara jkunu mfassla b’tali mod li ma jkunux ta’ piż amministrattiv għal dawk li jixtiequ jagħmlu investimenti sostenibbli. Dan huwa partikolarment minnu meta dawn l-aspetti jmorru lil hinn mil-leġiżlazzjoni fis-seħħ fl-UE u fl-Istati Membri;

50.

jirrikonoxxi li l-qafas il-ġdid 2021-2027 se jiffoka ħafna fuq Ewropa aktar intelliġenti permezz tal-innovazzjoni u fuq Ewropa aktar ekoloġika u ħielsa mill-karbonju; jappella għal rwol akbar għall-KtR biex iservi ta’ gwida fl-użu tat-taħlita ta’ strumenti għall-investiment pubbliku-privat reġjonali fl-adattament għat-tibdil fil-klima u l-mitigazzjoni tiegħu; dan jinkludi l-appoġġ għal strateġiji mmexxija lokalment u t-tisħiħ tal-pożizzjoni tal-awtoritajiet lokali fil-ġestjoni tal-fondi tal-UE, nazzjonali, reġjonali u lokali; jirrimarka li l-programmi Ewropej jeħtieġ jippromovu l-ħolqien u l-kondiviżjoni ta’ soluzzjonijiet klimatiċi tajbin għall-benefiċċju ta’ muniċipalitajiet ta’ daqsijiet differenti;

51.

jenfasizza li l-awtoritajiet lokali u reġjonali jafu l-aħjar il-ħtiġijiet u l-isfidi taċ-ċittadini u huma responsabbli għall-implimentazzjoni tal-politiki tal-UE fil-livell lokali u reġjonali. Għalhekk, hemm bżonn li l-Istati Membri jinvolvu lill-awtoritajiet lokali u reġjonali fil-proċess tat-teħid ta’ deċiżjonijiet relatat mal-leġiżlazzjoni tal-UE u dik nazzjonali. Il-KtR iħeġġeġ lill-Istati Membri jiddelegaw il-ġestjoni tal-fondi u tal-istrumenti finanzjarji lill-awtoritajiet lokali u reġjonali, abbażi tal-prinċipju tas-sussidjarjetà;

52.

jindika l-livell il-ġdid ta’ impenn mill-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI) biex iżid is-sehem tal-finanzjament iddedikat għall-azzjoni klimatika u s-sostenibbiltà ambjentali sal-2025 u l-iżvilupp tal-Pjan Direzzjonali tal-Bank Klimatiku (9); jilqa’ b’sodisfazzjon l-introduzzjoni tas-sistema għall-Valutazzjoni tar-Riskji Klimatiċi (Climate Risk Assessment system – CRA) tal-BEI għall-valutazzjoni sistematika tar-riskji klimatiċi fiżiċi;

53.

jenfasizza l-ħtieġa li l-iżvilupp tal-Istrateġija l-ġdida ta’ Adattament tal-UE jissejjes fuq il-prinċipji stabbiliti fil-Patt Ekoloġiku Ewropew; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tirrikonoxxi l-bliet u r-reġjuni bħala msieħba sħaħ f’dan il-qafas u tindirizza aħjar id-distakk bejn l-istrateġiji ta’ adattament lokali minn isfel għal fuq, u l-istrateġiji nazzjonali ta’ adattament;

Koerenza u operazzjonijiet aħjar fl-Ewropa kollha

54.

jirrimarka li l-objettivi tal-Patt Klimatiku jiddependu minn sussidjarjetà attiva u l-governanza f’diversi livelli: il-KtR jinsab lest li jagħti l-appoġġ politiku tiegħu fl-implimentazzjoni tal-Patt Klimatiku (10) u jwasslu lill-bliet u r-reġjuni kollha tal-Ewropa. F’dan ir-rigward, jistieden lill-Kummissjoni tinkludi l-azzjoni ta’ adattament bħala waħda mill-interventi għal din l-inizjattiva importanti;

55.

jenfasizza l-potenzjal tal-Patt Klimatiku Ewropew bħala, minn naħa, għodda ta’ governanza innovattiva li ssaħħaħ il-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet lokali u reġjonali u l-istituzzjonijiet Ewropej, u min-naħa l-oħra, inizjattiva umbrella biex jiġi stimulat il-ħolqien ta’ patti klimatiċi lokali madwar l-UE u biex jiġi ffaċilitat l-użu tal-aħjar prattiki, anke dwar l-adattament għat-tibdil fil-klima;

56.

itenni l-importanza li l-politiki ta’ adattament jiġu integrati fl-infrastruttura territorjali u fl-ippjanar u l-ġestjoni tal-pajsaġġ (11): għandu jsir sforz sinifikanti min-naħa tal-bliet u r-reġjuni;

57.

jilqa’ l-proposta għal Pjan ambizzjuż dwar il-Mira Klimatika għall-2030 u jistieden lill-Kummissjoni tinkludi wkoll miżuri u miri ta’ adattament f’dan il-qafas;

58.

jenfasizza li diversi inizjattivi, bħad-Djalogi maċ-Ċittadini, il-Valutazzjonijiet tal-Impatt Territorjali, id-Djalogi f’Diversi Livelli dwar il-Klima u l-Enerġija, u n-network RegHub, kif ukoll l-Inizjattiva Urbana Ewropea tal-politika ta’ koeżjoni ta’ wara l-2020, jistgħu jappoġġjaw kemm il-valutazzjoni tal-azzjoni ta’ adattament kif ukoll l-istabbiliment tal-aġenda strateġika, billi jinvolvu lil dawk milquta direttament mit-tibdil fil-klima u mill-miżuri ta’ adattament;

59.

jilqa’ t-tnedija tal-Mewġa ta’ Rinnovazzjoni, bħala inizjattiva li tħares ’il quddiem li żżid l-isforzi tal-UE fuq wieħed mill-oqsma ewlenin għall-kisba tal-għanijiet klimatiċi tagħna: f’dan il-kuntest, jistieden lill-Kummissjoni tkompli tiżviluppa r-rwol tar-rinnovazzjoni tal-bini fit-titjib tal-miri ta’ adattament u biex l-ambjent mibni jsir aktar reżiljenti;

60.

jirrimarka li l-impatt tat-tibdil fil-klima fuq iċ-ċittadini jvarja skont il-vulnerabbiltà soċjali u ekonomika, l-età u l-ġeneru tagħhom; l-aspett soċjali tal-politiki ta’ adattament għandu għalhekk jiġi kkunsidrat bir-reqqa fl-Istrateġija l-ġdida tal-UE, abbażi tal-ħidma li qed tiġi żviluppata mill-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent f’dan il-qasam (12);

61.

jenfasizza li l-Istati Membri bħalissa qed jabbozzaw diversi pjani u strateġiji, bħall-Istrateġiji dwar l-Adattament għall-Klima, il-Pjani Nazzjonali dwar l-Enerġija u l-Klima, l-Istrateġiji Nazzjonali fit-Tul u l-Istrateġiji ta’ Żvilupp Sostenibbli, u politiki settorjali oħra bħall-bijodiversità, il-forestrija, l-agrikoltura jew il-ġestjoni tal-art; jirrimarka li dan joħloq riskju ta’ konfużjoni għall-bliet u r-reġjuni, u jistieden lill-Kummissjoni Ewropea tikkunsidra mill-ġdid il-qafas ġenerali favur approċċ aktar integrat;

62.

jistieden lill-Kummissjoni tirrakkomanda bil-qawwa li l-Istati Membri jinvolvu lill-gvernijiet sottonazzjonali fl-abbozzar tal-istrateġiji ta’ adattament tagħhom u fil-promozzjoni tal-iżvilupp ta’ strateġiji reġjonali u lokali, kif ukoll ta’ tqassim reġjonali ta’ strateġiji nazzjonali; il-KtR jinsab lest li jorganizza Djalogi f’Diversi Livelli dwar l-Enerġija u l-Klima għal dan il-għan.

Brussell, l-10 ta’ Diċembru 2020.

Il-President tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni

Apostolos TZITZIKOSTAS


(1)  https://climateemergencydeclaration.org/climate-emergency-declarations-cover-15-million-citizens/

(2)  Rapport dwar l-implimentazzjoni tal-Istrateġija tal-UE dwar l-adattament għat-tibdil fil-klima (COM(2018) 738 final).

(3)  https://www.eea.europa.eu/themes/climate-change-adaptation

(4)  https://ec.europa.eu/futurium/en/climate-adaptation/

(5)  https://www.eumayors.eu/

(6)  https://www.patttassindki.eu/

(7)  COM(2020) 299 final.

(8)  https://climate-adapt.eea.europa.eu/

(9)  https://www.eib.org/en/about/partners/cso/consultations/item/cb-roadmap-stakeholder-engagement.htm

(10)  Ara l-Opinjoni 1360/2020 dwar “Il-Patt Klimatiku Ewropew” (ĠU C 440, 18.12.2020, p. 99) ta’ Rafał Trzaskowski (PL/PPE), disponibbli hawnhekk https://cor.europa.eu/MT/our-work/Pages/OpinionTimeline.aspx?opId=CDR-1360-2020

(11)  https://ec.europa.eu/clima/sites/clima/files/adaptation/what/docs/swd_2013_137_en.pdf

(12)  https://www.eea.europa.eu/publications/unequal-exposure-and-unequal-impacts


Top