Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52020IR1066

    Opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni — Strateġija tal-UE għall-Irkupru Rurali

    COR 2020/01066

    ĠU C 37, 2.2.2021, p. 16–21 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    2.2.2021   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 37/16


    Opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni — Strateġija tal-UE għall-Irkupru Rurali

    (2021/C 37/03)

    Relatur:

    Enda STENSON (IE/AE), Membru tal-Kunsill tal-Kontea ta’ Leitrim

    RAKKOMANDAZZJONIJIET TA’ POLITIKA

    IL-KUMITAT EWROPEW TAR-REĠJUNI

    Introduzzjoni

    1.

    josserva li ż-żoni rurali u intermedji jirrappreżentaw 88 % tat-territorju tal-UE, filwaqt li fihom tgħix 55 % tal-popolazzjoni tagħha, jiġi prodott 43 % tal-valur miżjud gross tagħha u fihom jinsabu 56 % tal-impjiegi tagħha. Josserva wkoll li ż-żoni rurali mhumiex omoġenji, iżda li xi wħud minnhom huma milquta minn sfidi demografiċi kbar (depopolazzjoni, problemi ta’ tixjiħ, eċċ.) li jfixklu l-iżvilupp ekonomiku u soċjali tagħhom. Għalhekk, l-iżvilupp rurali huwa suġġett importanti ferm għall-Kumitat tar-Reġjuni, u għodda kruċjali biex jintlaħaq l-għan ta’ koeżjoni territorjali stabbilit fit-Trattat ta’ Lisbona;

    2.

    jenfasizza li l-viżjoni l-ġdida fit-tul għaż-żoni rurali għandha tinbidel f’qafas ta’ politika konkret – l-Aġenda Rurali. L-Aġenda Rurali jeħtieġ tipproponi sett ta’ politiki integrati li jippermettu u jawtonomizzaw lill-komunitajiet rurali biex jibdlu l-isfidi f’vantaġġi; dawn l-isfidi jinkludu d-dekarbonizzazzjoni, it-tibdil fil-klima, id-diġitalizzazzjoni, il-ġestjoni attiva tar-riżorsi naturali, il-mobbiltà sostenibbli u opportunitajiet ġusti ta’ impjieg u introjtu, it-tibdil ġenerazzjonali, l-integrazzjoni ta’ migranti ġodda u l-innovazzjoni soċjali;

    3.

    jenfasizza li l-Aġenda Rurali għandha:

    tiżgura li r-rabtiet rurali-urbani li huma ta’ benefiċċju reċiproku jiġu integrati fil-politiki kollha tal-UE skont l-objettivi tal-koeżjoni territorjali billi jsir l-aħjar użu mill-interdipendenza qawwija bejn iż-żoni rurali u dawk urbani;

    tiddiversifika l-punti ta’ aċċess u tintegra l-kwistjonijiet rurali prinċipali fil-politiki kollha tal-UE. Il-ħtiġijiet taż-żoni rurali jmorru ferm lil hinn minn dak li tista’ tikseb il-politika tal-iżvilupp rurali, iżda dak li l-finanzjament tal-UE joffri bħalissa mhuwiex biżżejjed f’termini kemm ta’ kwantità kif ukoll ta’ kwalità;

    tarmonizza r-regolamenti differenti u tintegra mill-ġdid il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali fir-Regolament dwar id-Dispożizzjonijiet Komuni sabiex jitħeġġu u jiġu ffaċilitati proġetti li jinvolvu diversi fondi fiż-żoni rurali, mhux neċessarjament marbuta mal-agrikoltura;

    timmonitorja l-infiq tal-UE bl-użu tal-approċċ ta’ “verifika rurali”;

    tanalizza u tfassal mill-ġdid it-tipoloġija urbana-rurali, biex jittejjeb l-immirar tal-appoġġ;

    issaħħaħ ir-rwol tal-livelli lokali u reġjonali fl-iżvilupp u l-governanza tal-politiki rurali. L-involviment tal-gruppi ta’ azzjoni lokali fl-użu ta’ dan it-tip ta’ governanza jrid jiżdied, minħabba l-kapaċità tagħhom li jirrappreżentaw liż-żoni lokali u jimplimentaw politiki ta’ żvilupp imfassla apposta għar-rekwiżiti u l-ħtiġijiet ta’ żoni li huma depopolati jew f’riskju demografiku permezz tal-involviment tal-partijiet ikkonċernati rurali u ċ-ċittadini permezz ta’ inizjattivi minn isfel għal fuq bħal-LEADER/l-iżvilupp lokali mmexxi mill-komunità;

    tindirizza d-depopolazzjoni u l-esklużjoni soċjali permezz, pereżempju, tal-promozzjoni tal-inizjattiva ta’ rħula intelliġenti, il-bijoekonomija u l-innovazzjoni soċjali u permezz tal-eliminazzjoni tad-distakk diġitali;

    4.

    jenfasizza l-objettiv li titfassal aġenda ġenwina għall-irkupru rurali li trid tinkorpora dawn li ġejjin: appoġġ għal komunitajiet rurali sostenibbli u vibranti, appoġġ għall-intrapriża, għall-edukazzjoni, u għat-taħriġ, ħolqien ta’ impjieg u postijiet tax-xogħol, trawwim ta’ żvilupp rurali li jirrifletti s-sitwazzjoni demografika lokali, titjib tas-servizz pubbliku (saħħa, edukazzjoni, ġustizzja, eċċ.) diġitali u tal-konnettività infrastrutturali, sfruttar tal-potenzjal tat-turiżmu rurali f’ambjent naturali u agrikolu f’saħħtu u diversifikat, u promozzjoni tal-kreattività u tal-potenzjal kulturali taż-żoni rurali;

    5.

    jenfasizza li d-diversità kulturali u bijoloġika huma marbutin ħafna madwar l-Ewropa kollha u flimkien jikkostitwixxu identità unika għar-reġjuni, u meta l-konnessjoni bejniethom issir aktar b’saħħitha din għandha potenzjal kbir biex jintlaħqu l-għanijiet ta’ sostenibbiltà tal-Unjoni Ewropea. Huwa meħtieġ fehim aktar profond, peress li l-għarfien ekoloġiku tradizzjonali mhuwiex inkluż fl-istrateġiji tal-iżvilupp rurali u d-direttivi dwar in-natura. Jeħtieġ li jsir progress fir-rigward tar-rabtiet bejn il-bniedem u n-natura permezz tal-kunċett tad-diversità bijokulturali, bħala element essenzjali ta’ identità. Il-kapital naturali għani tar-reġjuni Ewropej huwa ta’ importanza ewlenija fl-ekonomija u jikkontribwixxi b’mod sinifikanti għall-għanijiet tal-UE tal-iżvilupp sostenibbli u l-bijodiversità. Hemm diversi rabtiet bejn il-komunitajiet lokali u l-art tagħhom, l-għarfien ekoloġiku rikk tradizzjonali u t-teknoloġiji favur l-ambjent. Dawn l-elementi huma preżenti fl-Ewropa kollha anke llum, madankollu jeħtieġu aktar rabta u rikonoxximent fil-livelli kollha tas-soċjetà;

    6.

    jenfasizza li l-kriżi pandemika attwali ħarġet fid-dieher u aggravat il-konsegwenzi ta’ għadd ta’ theddidiet li ż-żoni rurali ilhom jaffaċċjaw, u żiedet l-urġenza għall-irkupru rurali fir-reġjuni madwar l-Unjoni Ewropea. Iż-żoni rurali, il-bliet żgħar f’żoni rurali, u l-irħula ġew eliminati, fost oħrajn, minħabba t-tnaqqis fid-domanda għall-prodotti agrikoli minħabba l-għeluq tas-setturi tat-turiżmu u l-ospitalità, nuqqas ta’ kapaċità li jinstabu ħaddiema staġjonali essenzjali, iżolament soċjali qawwi, u vulnerabbiltà ogħla għall-pandemija minħabba s-servizzi limitati preżenti fi sptarijiet reġjonali żgħar;

    7.

    jinnota li, minn perspettiva aktar fit-tul, il-pandemija tista’ tbiddel ix-xejriet tal-konsum u tal-produzzjoni, id-drawwiet tax-xogħol mill-bogħod, l-importanza tal-kwalità tal-ħajja u tal-forom ta’ mobbiltà, li jistgħu jiftħu opportunitajiet ġodda għal tkabbir sostenibbli fir-reġjuni rurali, b’mod partikolari dawk li jinsabu qrib u huma konnessi tajjeb maċ-ċentri metropolitani. Il-valutazzjoni mill-ġdid tar-rilokalizzazzjoni tal-ktajjen ta’ produzzjoni tista’ wkoll tiftaħ opportunitajiet ġodda f’ċerti żoni rurali;

    8.

    jinnota li r-reġjuni rurali tal-UE għandhom potenzjal kbir li jipproduċu soluzzjonijiet għall-isfidi attwali u emerġenti. Ir-reġjuni rurali jagħtu kontributi sinifikanti biex jintlaħqu l-SDGs u l-Patt Ekoloġiku Ewropew billi jirreaġixxu għat-tibdil fil-klima, it-telf tal-bijodiversità u d-depressjoni ekonomika; billi jipprovdu miżuri għall-mitigazzjoni u l-qbid (l-effett ta’ bir) tal-gassijiet b’effett ta’ serra, għall-bijotopi, u opportunitajiet ekonomiċi permezz tal-produzzjoni sostenibbli tal-ikel u l-enerġiji rinnovabbli, filwaqt li jiġi rikonoxxut li huwa fiż-żoni urbani li jeħtieġ issir enfasi akbar fuq it-tnaqqis tat-tniġġis mill-emissjonijiet ta’ gassijiet b’effett ta’ serra;

    9.

    jirrakkomanda li fl-ispirtu tal-koeżjoni territorjali u l-ekwilibriju rurali-urban, huwa importanti li jiġi żgurat li l-prinċipji magħrufa bħala t-“3 Es” (Equilibrium, Equality, Equity) jiġu osservati fir-rigward tal-politiki u r-riżorsi Ewropej kollha:

    Ekwivalenza fl-istandards tal-għajxien bejn ir-rurali u l-urban, li għandha tkun inkluża bħala prinċipju bażiku fil-politiki Ewropej kollha;

    Ugwaljanza fid-drittijiet għaċ-ċittadini kollha, irrispettivament minn jekk jgħixux fil-bliet jew fiż-żoni rurali (ref. Karta tad-Drittijiet Fundamentali);

    Ekwità fil-mezzi u l-prattiki fost l-atturi u t-territorji kollha, speċjalment bl-użu ta’ skambji u kompetenzi reċiproċi sabiex jikkumpensaw għall-karatteristiċi speċifiċi tat-territorji rurali;

    Il-finanzjament għall-politika tal-iżvilupp rurali

    10.

    jitlob li ż-żoni rurali jitqiesu aħjar fil-perjodu ta’ programmazzjoni li jmiss billi jiżdied il-livell tal-FAEŻR u billi jiġi żgurat li l-politiki kollha tal-UE jagħtu attenzjoni rilevanti lill-iżvilupp rurali b’mod wiesa’, u mhux biss billi jagħmlu enfasi fuq kwistjonijiet relatati mal-agrikoltura;

    11.

    jitlob għal żidiet fil-baġit Ewropew iddedikat għall-iżvilupp rurali, minħabba l-importanza taż-żoni rurali fl-Ewropa. B’mod inkwetanti, l-allokazzjoni l-ġdida tal-QFP hija ferm aktar baxxa minn dik fil-perjodu ta’ programmazzjoni attwali u l-KtR jitlob li dan jitreġġa’ lura u li l-finanzjament rurali jiżdied, speċjalment għall-perjodu 2023-2027; fl-istess ħin jitlob li jintużaw fondi u programmi ġodda għall-irkupru u r-reżiljenza fuq skala kbira għall-iżvilupp rurali peress li ż-żoni rurali jappartjenu għal dawk l-aktar vulnerabbli;

    12.

    jirrifjuta l-idea li jiżdied il-kofinanzjament għat-tieni pilastru tal-PAK, peress li dan ikun ta’ żvantaġġ l-aktar għall-ifqar bdiewa, ir-reġjuni inqas żviluppati u ż-żoni rurali;

    13.

    jipproponi li jiġu trasferiti sa 15 % tal-fondi mill-pilastru 1 tal-PAK għall-pilastru 2 mingħajr kofinanzjament, flimkien ma’ 15 % addizzjonali għal miżuri ambjentali u klimatiċi u 2 % għall-bdiewa żgħażagħ;

    14.

    jitlob li l-punti ta’ aċċess jiġu diversifikati u l-kwistjonijiet rurali jiġu integrati fil-politiki kollha tal-UE. Il-politiki strutturali kollha għandhom jagħmlu l-iżvilupp rurali wieħed mill-objettivi prijoritarji tagħhom, skont l-objettiv tal-koeżjoni territorjali stabbilit fit-Trattat ta’ Lisbona;

    15.

    jitlob il-ħolqien ta’ Fond għall-Iżvilupp Rurali, iddedikat speċifikament għaż-żoni rurali, fil-QFP il-ġdid;

    16.

    jitlob li l-istrumenti finanzjarji jiġu żviluppati aktar u adattati għal proġetti fuq skala żgħira, possibbilment permezz tal-ħolqien ta’ “banek ta’ żvilupp rurali”, li jistgħu jaġixxu bħala intermedjarji bejn l-istituzzjonijiet ta’ self u r-riċevituri ta’ self;

    17.

    jitlob aktar armonizzazzjoni bejn il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) u fondi Ewropej oħrajn, bħall-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR) u l-Orizzont Ewropa, biex jiġi indirizzat l-iżvilupp sostenibbli fiż-żoni rurali. Dawn is-sinerġiji jippermettu lill-atturi rurali jindirizzaw aħjar il-kwistjonijiet trasversali, itejbu l-kooperazzjoni u jtejbu l-kwalità tal-ħajja fiż-żoni rurali;

    18.

    jinkoraġġixxi s-semplifikazzjoni tal-Fondi Strutturali u ta’ Investiment u jitlob ukoll is-semplifikazzjoni tar-rappurtar u l-monitoraġġ tal-programmi, b’mod partikolari permezz tat-teknoloġiji ġodda ta’ informazzjoni u komunikazzjoni;

    It-tisħiħ tar-rwol tal-livelli lokali u reġjonali fil-governanza tal-politiki rurali

    19.

    jinnota li l-proposta leġiżlattiva dwar il-pjani strateġiċi tal-PAK għandha t-tendenza li timmarġinalizza jew saħansitra tipperikola r-rwol u l-awtonomija tar-reġjuni Ewropej fil-ġestjoni tal-PAK, u tagħtihom biss il-kompitu li jimplimentaw miżuri stabbiliti fil-livell nazzjonali;

    20.

    huwa favur PAK futura li żżomm relazzjoni diretta maż-żoni tat-territorju rurali permezz tar-rwol attiv tar-reġjuni tal-UE, li jaqdu rwol kruċjali fid-definizzjoni u l-implimentazzjoni tal-politiki tal-iżvilupp rurali fil-livell lokali;

    21.

    jitlob li jkun hemm flessibbiltà fir-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat u l-introduzzjoni ta’ skemi ta’ tiġdid rurali u tal-irħula biex ikun hemm lok għall-iżvilupp fiż-żoni rurali. Barra minn hekk, jeħtieġ li jkun hemm rikonoxximent aktar b’saħħtu tal-istrateġiji lokali u reġjonali b’rabta mal-iżvilupp rurali, u dawk l-istrateġiji jeħtieġ li jiġu integrati kif xieraq fl-oqfsa ta’ ppjanar nazzjonali. L-awtoritajiet lokali u reġjonali jistgħu jaġixxu bħala sensara tal-innovazzjoni fil-komunitajiet lokali;

    Id-depopolazzjoni

    22.

    jinnota x-xejra inkwetanti ta’ depopolazzjoni rurali li, hekk kif qed tevolvi l-biedja, qed tikkonċentra l-ħolqien tal-impjiegi prinċipalment madwar iċ-ċentri urbani li jwassal għal tnaqqis fil-provvista ta’ servizzi rurali;

    23.

    iħeġġeġ l-istabbiliment ta’ kriterji biex jiġu identifikati ż-żoni rurali li jinsabu fil-livell ta’ taħt in-NUTS3 u li għandhom problemi ta’ depopolazzjoni, sabiex tiġi indirizzata d-depopolazzjoni f’dawn iż-żoni u jitnaqqsu l-iżbilanċi eżistenti;

    24.

    jissuġġerixxi, madankollu, li d-depopolazzjoni tirrikjedi metodi ġodda ta’ kif jitqies l-iżvilupp rurali, liema metodi jridu jqisu mill-ġdid it-tnaqqis tal-popolazzjoni mhux iżjed bħala piż, iżda bħala opportunità pożittiva potenzjali;

    25.

    jemmen li meta jiġi aċċettat, it-tnaqqis jista’ jgħin biex il-politiki rurali u d-deċiżjonijiet ta’ investiment jiġu orjentati mill-ġdid favur tkabbir aktar ekoloġiku u fuq livell iżgħar, jipprovdi opportunitajiet ġodda ta’ innovazzjoni, u jimmodernizza l-governanza u s-servizzi pubbliċi permezz ta’ strateġiji aktar olistiċi, proattivi u bbażati fuq il-post;

    26.

    iħeġġeġ l-użu tat-telexogħol u d-diġitalizzazzjoni, l-edukazzjoni diġitali u t-taħriġ. Jemmen li l-edukazzjoni, it-taħriġ u x-xogħol mobbli u mill-bogħod matul il-pandemija attwali juru l-potenzjal ta’ dak li jista’ jinkiseb fiż-żoni rurali meta s-servizzi jkunu disponibbli;

    27.

    jemmen li l-aċċettazzjoni tax-xejra lejn id-depopolazzjoni rurali u l-abbandun tal-azjendi agrikoli tfisser li jeħtieġ li jitfasslu politiki u strateġiji rurali li għandhom l-għan li jagħmlu t-territorju abbandunat aktar reżiljenti għall-effetti tat-tibdil fil-klima bħall-erożjoni, l-għargħar jew in-nirien kbar; għandu jsir sforz akbar għat-tnaqqis tal-marka tal-karbonju u l-promozzjoni tal-preservazzjoni tan-natura u tal-pajsaġġ. Għal dan il-għan iqis li l-promozzjoni tas-settur tal-forestrija u l-appoġġ għall-komunitajiet li huma sidien tal-foresti joffru potenzjal kbir;

    28.

    jesprimi l-ħtieġa li ssir enfasi fuq l-istil ta’ ħajja rurali u tiġi miġġielda l-eġemonija kulturali u soċjali tal-istil ta’ ħajja urban sabiex jiġu eliminati l-isterjotipi, u b’hekk jitjiebu l-immaġni u r-reputazzjoni tat-territorji l-aktar milquta mir-riskji demografiċi, filwaqt li jinħoloq sens ta’ solidarjetà bejn iż-żoni, u jħeġġeġ il-kummerċjalizzazzjoni territorjali: iż-żoni rurali jeħtieġ li jtejbu l-immaġni tagħhom u jippromovu l-kwalità ta’ ħajja aħjar disponibbli għall-persuni meta jagħżlu li jgħixu hemm. Dan jista’ jsir billi jiġu żviluppati rappreżentanza reġjonali, politiki akkoljenti u komunikazzjoni aħjar dwar offerti ta’ impjiegi, inklużi għażliet ta’ xogħol u taħriġ mill-bogħod, disponibbli fir-reġjun;

    29.

    huwa tal-fehma li għandu jkun hemm enfasi speċifika fuq il-ħtiġijiet taż-żgħażagħ biex jiġu mħeġġin jibqgħu fiż-żoni rurali, billi jiġu pprovduti bl-għażliet ta’ edukazzjoni, ta’ tagħlim ta’ ħiliet/ħiliet mill-ġdid u ta’ taħriġ mixtieqa, implimentati lokalment, biex tiġi evitata l-ħtieġa li jitilqu biex isegwu l-istudji tagħhom (inkluż permezz ta’ apprendiment mill-bogħod meta jkun meħtieġ), u billi jiġu introdotti miżuri biex wara l-edukazzjoni u t-taħriġ tagħhom jirritornaw lejn il-post tal-oriġini tagħhom;

    30.

    jitlob l-immodernizzar tal-opportunitajiet ta’ taħriġ vokazzjonali u ta’ tagħlim ta’ ħiliet/ħiliet mill-ġdid disponibbli fiż-żoni rurali, u li dawn jiġu adattati skont il-kundizzjonijiet tal-kompetizzjoni globali u l-ħtiġijiet tal-intrapriżi lokali, u biex jiġi żviluppat aktar il-finanzjament tal-FSE għat-taħriġ vokazzjonali fiż-żoni rurali;

    31.

    itenni s-sejħa tiegħu lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex ikunu iżjed proattivi meta jħeġġu u jiffaċilitaw l-istabbiliment tan-nisa f’żoni rurali, permezz tal-promozzjoni ta’ attivitajiet li jgħinuhom jilħqu iżjed faċilment il-bilanċ bejn il-ħajja u x-xogħol (1), u billi tiġi estiża l-firxa tas-servizzi ta’ indukrar tat-tfal u ta’ kura ta’ qraba dipendenti;

    It-tkabbir ekoloġiku

    32.

    jirrikonoxxi li ż-żoni rurali għandhom jaħtfu l-opportunitajiet biex jiżviluppaw ekosistemi lokali tal-enerġija u tal-ikel u l-opportunitajiet ta’ integrazzjoni rurali/urbana aktar b’saħħitha;

    33.

    iqis li huwa essenzjali li tissaħħaħ il-parteċipazzjoni u t-tmexxija tan-nisa fil-gruppi ta’ azzjoni lokali u n-networks tal-iżvilupp rurali, u b’hekk jiġi rikonoxxut ir-rwol tan-nisa bħala fattur kruċjali fl-istruttura territorjali, ekonomika u soċjali taż-żoni rurali;

    34.

    jilqa’ b’sodisfazzjon il-Patt Ekoloġiku Ewropew u l-Istrateġija “Mill-Għalqa sal-Platt” u huwa tal-fehma li dawn jistgħu joħolqu impjiegi u jevitaw li jkun hemm rilokazzjoni ekonomika barra miż-żoni rurali. Huwa meħtieġ investiment biex jiġu sfruttati l-proġetti sostenibbli li huma mmexxija mill-komunità u li huma orjentati lejn mudelli tal-ekonomija ċirkolari li jisfruttaw il-ktajjen tal-produzzjoni, joħolqu l-impjiegi u li jnaqqsu l-marka tal-karbonju;

    35.

    jappoġġja PAK li tkun ekonomikament, soċjalment u ambjentalment sostenibbli u li permezz tal-istandards ambjentali tagħha tkun strument ieħor għall-implimentazzjoni tal-Istrateġija “Mill-Għalqa sal-Platt” u l-Istrateġija dwar il-Bijodiversità u li tkun tistà tilħaq l-objettivi tal-Patt Ekoloġiku Ewropew;

    36.

    jirrakkomanda li l-bdiewa, dawk li jrabbu l-bhejjem u l-forestiera għandhom jitħarrġu u jiġu ffinanzjati biex jidentifikaw opportunitajiet fil-ġestjoni sostenibbli tal-ambjent naturali u għażliet ta’ kummerċjalizzazzjoni għall-prodotti tagħhom li jiġu kkomplementati bil-prodotti tas-setturi tal-enerġija, tat-turiżmu u dak tal-ħżin tad-diossidu tal-karbonju u tal-ekosistemi lokali. Għandu jingħata appoġġ akbar biex jiġu stabbiliti kooperattivi li jlaqqgħu flimkien il-produtturi ż-żgħar fis-setturi kollha;

    Il-konnettività diġitali

    37.

    jinnota li ħafna minn dan l-investiment iffoka fuq żoni b’densità għolja, iżda l-investiment rurali għandu jingħata prijorità biex jiġi żgurat li ż-żoni rurali jkollhom infrastruttura ta’ konnettività diġitali adatta, pereżempju ċentri diġitali u tal-innovazzjoni li jiffaċilitaw l-edukazzjoni u x-xogħol mill-bogħod, l-ispazju għall-intraprenditorija, u l-provvista ta’ taħriġ biex jintużaw teknoloġiji ġodda li, pereżempju, jistgħu jgħinu fil-promozzjoni u l-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodotti bbażati lokalment;

    38.

    jenfasizza li n-networks ta’ telekomunikazzjoni b’veloċità għolja huma ta’ importanza kritika għall-kompetittività rurali u t-tkabbir ekonomiku, u għandhom isiru sforzi biex tiġi garantita l-istess kapaċità għar-reġjuni kollha, skont l-objettivi stabbiliti fil-kuntest tal-Aġenda Diġitali għall-Ewropa 2020;

    39.

    jitlob li l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza b’baġit ta’ EUR 560 biljun tinvesti f’aktar konnettività u konnettività aħjar u li tiffoka fuq it-tneħħija tad-distakk diġitali bejn iż-żoni rurali u dawk urbani;

    40.

    jitlob:

    ir-rikonoxximent tal-aċċess għall-internet bħala dritt pubbliku fil-livell tal-UE u tal-ħtieġa li jiġi aċċellerat l-iżvilupp tal-internet b’veloċità għolja fiż-żoni rurali;

    appoġġ għall-aċċess għall-finanzjament għall-investiment fin-networks tal-broadband għal proġetti fuq skala żgħira;

    ir-rikonoxximent tal-ħtieġa li jiġu diġitalizzati s-servizzi pubbliċi, jiġi implimentat taħriġ għal kategoriji ta’ etajiet tal-popolazzjoni differenti fl-użu tat-teknoloġiji diġitali u li t-tagħlim jiġi adattat għal udjenzi fil-mira;

    azzjoni biex tingħata spinta lit-taħriġ, l-għarfien u l-iżvilupp tal-ICT għall-SMEs;

    miżuri li jagħmluha aktar faċli għall-kumpaniji tas-servizz tal-internet biex joffru kopertura sħiħa tat-territorju;

    L-aċċess għas-servizzi

    41.

    jenfasizza li l-komunitajiet rurali tabilħaqq għandhom dritt għal standard bażiku għas-servizzi, bħas-servizzi tas-saħħa (servizzi ta’ tabib), il-possibbiltà li jaċċessaw servizzi postali, bankarji u ta’ assigurazzjoni fiż-żoni rurali, il-parteċipazzjoni politika u l-arti u l-kultura;

    42.

    jinnota s-sovrappożizzjoni bejn in-nuqqas ta’ disponibbiltà ta’ infrastruttura diġitali u n-nuqqas ta’ aċċess għas-servizzi, u jistieden lill-Istati Membri jiżguraw aċċessibbiltà armonjuża għal kulħadd u għan-negozji bbażati fiż-żoni rurali. Jistgħu jiġu żviluppati ċentri ta’ użu multifunzjonali bħal ċentri ta’ edukazzjoni, ta’ xogħol, ta’ taħriġ u tas-saħħa mill-bogħod u ċentri li jipprovdu servizzi elettroniċi tas-saħħa, kafetteriji, uffiċċji tal-posta, spazji ta’ kreattività, laboratorji mobbli ta’ fabbrikazzjoni, u ċentri tal-komunità;

    43.

    jieħu nota tal-ħtieġa għal sistemi tat-trasport sostenibbli/innovattivi li jippermettu aċċess għal servizzi essenzjali, peress li tali sistemi tat-trasport huma mifhuma bħala estensjoni tas-servizzi pubbliċi bażiċi mill-muniċipalitajiet b’popolazzjoni kbira sal-muniċipalitajiet rurali iżgħar;

    Il-kwalità tal-ħajja

    44.

    josserva li t-tkabbir ekonomiku u l-ħolqien tal-impjiegi huma importanti iżda jeħtieġ li jiġu kkomplementati, fost l-oħrajn, bi provvista suffiċjenti ta’ servizzi, akkomodazzjoni, edukazzjoni u taħriġ, tagħlim tul il-ħajja u sistemi tas-saħħa ta’ kwalità tajba biex jiġi żgurat li ż-żoni rurali ma jkunux biss sostenibbli iżda wkoll postijiet attraenti biex wieħed jgħix fihom;

    45.

    jilqa’ l-iżvilupp ta’ infrastruttura interoperabbli tad-data skont l-istrateġija tal-Kummissjoni Ewropea għad-data tad-19 ta’ Frar 2020, li tinkludi spazji ta’ data speċifika (eż. spazju tad-data dwar il-mobbiltà, spazju tad-data ambjentali, spazju tad-data agrikola, spazju tad-data amministrattiva, spazju tad-data dwar is-saħħa u spazju tad-data dwar l-enerġija). Din hija bbażata fuq l-infrastruttura għall-informazzjoni ġeografika fl-Ewropa skont id-Direttiva 2007/2/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) (INSPIRE) bħala komponent trasversali, u b’hekk tista’ tiggarantixxi l-provvista sostenibbli u effiċjenti ta’ servizzi pubbliċi u privati fiż-żoni rurali;

    46.

    jappella għal pjan ta’ azzjoni innovattiv li jindirizza n-nuqqas ta’ konnettività tat-trasport għar-reġjuni rurali, muntanjużi, tal-gżejjer u ultraperiferiċi; jinkoraġġixxi l-mobbiltà sostenibbli għal kulħadd, permezz tal-promozzjoni tal-iżvilupp ta’ mezzi tat-trasport ġodda, nodfa u alternattivi għall-persuni u l-merkanzija (vetturi elettriċi jew tal-idroġenu, car-sharing u car-pooling, u taħlita ta’ tipi differenti ta’ servizzi biex jitnaqqsu l-ispejjeż – trasport fuq talba (on-demand));

    47.

    jippromovi l-kooperazzjoni intermuniċipali, imsejħa “kuntratti ta’ reċiproċità bejn il-kampanja u l-bliet”, li tirrikonoxxi d-diversità taż-żoni rurali u tfittex li trawwem rabtiet bejn iż-żoni urbani u dawk rurali;

    48.

    jenfasizza li dan it-tip ta’ approċċ marbuta mal-ġestjoni tat-territorju jirrikjedi strateġiji usa’ li jagħrfu l-importanza ta’ network urban poliċentriku għall-iżvilupp ta’ żoni konnessi ma’ dawn iż-żoni metropolitani, inklużi bliet żgħar u ta’ daqs medju li jkunu jinsabu fil-qrib. L-għan huwa li jitneħħa d-distakk bejn iż-żoni urbani u dawk rurali billi jiġu promossi sħubijiet ta’ benefiċċju għal kulħadd f’oqsma bħall-ambjent u t-tranżizzjoni tal-enerġija, l-iżvilupp ekonomiku, il-kwalità tas-servizzi u l-organizzazzjoni amministrattiva u anke biex jitneħħa d-distakk bejn il-komunitajiet urbani u rurali fl-oqsma tal-edukazzjoni u t-taħriġ;

    49.

    jilqa’ bi pjaċir ir-riżultati tal-proġett SIMRA (3) (Innovazzjoni Soċjali f’Żoni Rurali Emarġinati), li wera li l-innovazzjoni soċjali tista’ tkun ingredjent essenzjali biex jiġu indirizzati sfidi rurali bħall-migrazzjoni, id-diversifikazzjoni tan-negozji rurali, it-tibdil fil-klima, it-tibdil fl-istil tal-ħajja u r-ristrutturar ta’ ekonomiji rurali;

    50.

    jilqa’ bi pjaċir is-sejħiet immirati tal-Orizzont 2020 skont l-istadju ta’ żvilupp tal-innovazzjoni soċjali, u jitlob li dan it-titjib jiġi implimentat għall-Fondi Ewropej Strutturali u ta’ Investiment (FSIE) kollha;

    Iż-żoni rurali u l-irħula intelliġenti

    51.

    jilqa’ bi pjaċir l-inizjattiva tal-Kummissjoni Ewropea dwar Azzjoni tal-UE għal Irħula Intelliġenti li hija l-ewwel pass biex tiġi rikonoxxuta l-ħtieġa ta’ azzjonijiet immirati sabiex jiġi appoġġjat l-irkupru taż-żoni rurali bħala postijiet sostenibbli li fihom wieħed jista’ jgħix u jaħdem, iżda dan mhuwiex biżżejjed;

    52.

    jieħu nota li l-Opinjoni tal-KtR dwar Irħula Intelliġenti titlob li din l-aġenda tiġi integrata fl-opportunitajiet kollha ta’ politika u finanzjament. Din ma tikkonċernax biss il-provvista tal-broadband iżda anke kif għandhom jinstabu metodi intelliġenti biex jiġu żviluppati l-provvista tal-enerġija, is-servizzi għall-komunitajiet, u rivoluzzjoni ġdida reali fir-rigward ta’ kif il-faċilitajiet jistgħu jiġu integrati fiż-żoni rurali;

    53.

    jilqa’ bi pjaċir is-sett ta’ għodod tan-Network Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (ENRD) dwar miżuri tal-iżvilupp rurali li l-Istati Membri jistgħu jimplimentaw biex jappoġġjaw l-irħula intelliġenti, u b’hekk l-innovazzjoni soċjali, inklużi: il-kooperazzjoni (b’mod partikolari l-LEADER), l-iskambju tal-għarfien, in-networks tal-PAK, l-installazzjoni ta’ intraprendituri żgħażagħ u start-ups fl-industrija, investimenti, eċċ. Madankollu, saret enfasi li hemm ukoll il-ħtieġa għal miżuri ta’ appoġġ aktar flessibbli għall-innovazzjoni f’attivitajiet mhux agrikoli li jkunu integrati u jikkontribwixxu għall-attività primarja u li jippermettu li tingħata spinta lill-bijoekonomija u li jsir l-aħjar użu taż-żona lokali; dan jinvolvi, flimkien mal-appoġġ għall-ftuħ ta’ start-ups ġodda, il-possibbiltà li jiġi appoġġjat l-iżvilupp ta’ negozji li mhumiex agrikoli, li għandu jiġi inkluż fl-Artikolu 69 tar-Regolament dwar il-Pjan Strateġiku tal-PAK;

    54.

    jitlob li l-bliet rurali ta’ daqs medju jkollhom aċċess ukoll għall-finanzjament urban; jenfasizza li dawn il-bliet huma essenzjali għaż-żoni rurali u spiss jiġu esklużi mill-programmi minħabba d-daqs tagħhom;

    55.

    jenfasizza r-rwol pożittiv tal-programm LEADER futur, ta’ żvilupp lokali mmexxi mill-komunità (CLLD) b’diversi fondi, u ta’ inizjattivi oħrajn b’approċċ minn isfel għal fuq;

    56.

    jenfasizza li ż-żoni rurali jikkonċernaw il-popli u l-komunitajiet tagħhom kif ukoll l-ambjent li jgħixu fih. Il-KtR jemmen li, permezz ta’ politiki ta’ ġestjoni attiva u ta’ konservazzjoni tal-ambjent rurali tal-UE u permezz ta’ ħidma fil-programmi u l-oqsma ta’ politika kollha, jista’ jsir aktar biex jiġi żgurat li ż-żoni rurali jkunu postijiet mill-aqwa biex wieħed jgħix, jipproduċi, jaħdem u jrabbi l-familja.

    Brussell, l-10 ta’ Diċembru 2020.

    Il-President tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni

    Apostolos TZITZIKOSTAS


    (1)  ĠU C 225, 27.7.2012, p. 174ĠU C 207, 30.6.2017, p. 57.

    (2)  Id-Direttiva 2007/2/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta' Marzu 2007 li tistabbilixxi Infrastruttura għall-Informazzjoni Ġeografika fil-Komunità Ewropea (Inspire) (ĠU L 108, 25.4.2007, p. 1).

    (3)  http://www.simra-h2020.eu/


    Top