Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52020IP0384

    Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-18 ta’ Diċembru 2020 dwar id-deterjorament tas-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fl-Eġittu, b'mod partikolari l-każ tal-attivisti tal-Inizjattiva Eġizzjana għad-Drittijiet Personali (EIPR) (2020/2912(RSP))

    ĠU C 445, 29.10.2021, p. 176–181 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    29.10.2021   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 445/176


    P9_TA(2020)0384

    Id-deterjorament tas-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fl-Eġittu, b'mod partikolari l-każ tal-attivisti tal-Inizjattiva Eġizzjana għad-Drittijiet Personali (EIPR)

    Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-18 ta’ Diċembru 2020 dwar id-deterjorament tas-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fl-Eġittu, b'mod partikolari l-każ tal-attivisti tal-Inizjattiva Eġizzjana għad-Drittijiet Personali (EIPR) (2020/2912(RSP))

    (2021/C 445/21)

    Il-Parlament Ewropew,

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar l-Eġittu, b'mod partikolari dik tal-24 ta' Ottubru 2019 (1),

    wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Affarijiet Barranin tal-UE dwar l-Eġittu ta' Awwissu 2013 u Frar 2014,

    wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tal-Kelliem għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) dwar l-Eġittu, u b'mod partikolari dik tal-21 ta' Novembru 2020 dwar l-arresti reċenti ta' attivisti tad-drittijiet tal-bniedem,

    wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Kelliem għall-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għad-Drittijiet tal-Bniedem dwar l-Eġittu, tal-20 ta' Novembru 2020,

    wara li kkunsidra s-sejħa mill-esperti tan-NU tas-27 ta' Novembru 2020 għall-ħelsien tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem Eġizzjani li ġew mitfugħa l-ħabs wara li ltaqgħu mad-diplomatiċi, u d-dikjarazzjoni tal-esperti tas-7 ta' Diċembru 2020 dwar id-deċiżjoni li jinħelsu fuq pleġġ tliet membri anzjani tal-persunal tal-Inizjattiva Eġizzjana għad-Drittijiet Personali (EIPR),

    wara li kkunsidra r-Rieżami Perjodiku Universali tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU dwar l-Eġittu għall-2019-2020,

    wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni konġunta tat-13 ta' Mejju 2020 mill-Uffiċċju tan-NU kontra d-Droga u l-Kriminalità (UNODC), l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO), il-Programm Konġunt tan-NU dwar l-HIV u l-AIDS (UNAIDS) u l-Uffiċċju tal-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem (OHCHR) dwar il-COVID-19 fil-ħabsijiet u ambjenti magħluqa oħra,

    wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Assoċjazzjoni UE-Eġittu tal-2001, li daħal fis-seħħ fl-2004, u ssaħħaħ permezz tal-Pjan ta' Azzjoni tal-2007; wara li kkunsidra l-Prijoritajiet tas-Sħubija UE-Eġittu 2017-2020, adottati fil-25 ta' Lulju 2017, id-dikjarazzjoni konġunta maħruġa wara l-Kunsill ta' Assoċjazzjoni UE-Eġittu tal-2017, u d-dikjarazzjoni konġunta maħruġa wara s-sitt laqgħa tas-Sottokumitat UE-Eġittu dwar Kwistjonijiet Politiċi, id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija fit-23 u l-24 ta' Ġunju 2019,

    wara li kkunsidra l-Linji Gwida tal-UE dwar il-Piena tal-Mewt, dwar it-Tortura, dwar il-Libertà ta' Espressjoni u dwar id-Difensuri tad-Drittijiet tal-Bniedem,

    wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi (ICCPR), il-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ekonomiċi, Soċjali u Kulturali (ICESCR), il-Konvenzjoni kontra t-Tortura u Trattament jew Pieni Krudili, Inumani jew Degradanti oħra, l-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tat-Tfal, u l-Karta Għarbija tad-Drittijiet tal-Bniedem, li kollha kienu ratifikati mill-Eġittu,

    wara li kkunsidra l-Kostituzzjoni tal-Eġittu, b'mod partikolari l-Artikolu 52 dwar il-projbizzjoni tat-tortura fil-forom u t-tipi kollha, l-Artikolu 73 dwar il-libertà tal-għaqda u l-Artikolu 93 dwar in-natura vinkolanti tad-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem,

    wara li kkunsidra l-Karta Afrikana għad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Popli tal-1981, ratifikata mill-Eġittu fl-20 ta' Marzu 1984,

    wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-1948,

    wara li kkunsidra l-Artikoli 144(5) u 132(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

    A.

    billi s-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fl-Eġittu kompliet tmur għall-agħar hekk kif l-awtoritajiet jintensifikaw ir-ripressjoni tagħhom fuq is-soċjetà ċivili, id-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, il-ħaddiema fil-qasam tas-saħħa, il-ġurnalisti, il-membri tal-oppożizzjoni, l-akkademiċi u l-avukati, u jkomplu jrażżnu b'mod brutali u sistematiku kwalunkwe forma ta' nuqqas ta' qbil, u b'hekk idgħajfu l-libertajiet ewlenin, b'mod partikolari l-libertajiet tal-espressjoni, kemm online kif ukoll offline, u l-liberta tal-assoċjazzjoni u tal-għaqda, il-pluraliżmu politiku, id-dritt għall-parteċipazzjoni fl-affarijiet pubbliċi u l-istat tad-dritt;

    B.

    billi wara l-laqgħa tagħhom ma' 13-il ambaxxatur u diplomatiku barrani fit-3 ta' Novembru 2020, tliet attivisti mill-Inizjattiva Eġizzjana għad-Drittijiet Personali (EIPR), waħda mill-aħħar organizzazzjonijiet indipendenti tad-drittijiet tal-bniedem fl-Eġittu, Gasser Abdel Razek, Karim Ennarah u Mohammad Basheer, ġew arrestati mill-forzi tas-sigurtà u akkużati b'terroriżmu u reati relatati mas-sigurtà nazzjonali bejn il-15 u d-19 ta' Novembru 2020;

    C.

    billi wara espressjonijiet ta' tħassib nazzjonali u internazzjonali, inkluż mill-OHCHR, il-kelliem għall-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni Ewropea għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/RGħ) u l-Istati Membri, fit-3 ta' Diċembru 2020 l-attivisti ngħataw il-ħelsien bi pleġġ waqt li l-akkużi nżammu; billi minkejja l-ħelsien tagħhom fis-6 ta' Diċembru 2020, qorti Eġizzjana li tittratta kawżi relatati mat-terroriżmu kkonfermat id-deċiżjoni ta' prosekutur li jiffriża l-assi tagħhom sakemm jitwettqu l-investigazzjonijiet;

    D.

    billi r-repressjoni fuq l-EIPR bdiet fl-2016, meta l-kontijiet bankarji tal-eks direttur u fundatur tal-EIPR, Hossam Bahgat, ġew iffriżati, u kien ġie pprojbit milli jitlaq mill-pajjiż; billi l-EIPR tipprovdi servizz imprezzabbli fil-promozzjoni tad-drittijiet u l-libertajiet personali, politiċi, ċivili, ekonomiċi u soċjali fil-pajjiż;

    E.

    billi fis-7 ta' Frar 2020, riċerkatur tal-EIPR dwar id-drittijiet tal-ġeneru u student postgradwatorju tal-Erasmus fl-Università ta' Bolonja fl-Italja, Patrick George Zaki, ġie arrestat arbitrarjament fl-Ajruport Internazzjonali tal-Kajr; billi, skont l-avukat tiegħu, Patrick George Zaki ġie soġġett għal interrogazzjoni ta' 17-il siegħa mill-Aġenzija tas-Sigurtà Nazzjonali tal-Eġittu qabel ma ġie ttrasferit lejn Mansoura, fejn ġie msawwat u ttorturat b'xokkijiet elettriċi; billi Patrick George Zaki ġie akkużat bit-tixrid ta' propaganda sovversiva, l-inċitament għall-protesta u l-istigazzjoni għat-terroriżmu, fost akkużi oħra; billi, filwaqt li s-sitwazzjoni tas-saħħa tiegħu tpoġġih f'riskju partikolari li jiġi infettat bil-COVID-19 fil-ħabs ta' Tora, l-arrest preventiv ta' Patrick George Zaki ġie estiż kontinwament għal dawn l-aħħar 10 xhur; billi l-programm Erasmus ġie meqjus bħala wieħed mill-aktar inizjattivi ta' suċċess għall-promozzjoni tal-valuri ewlenin tal-UE; billi d-detenzjoni ta' Patrick George Zaki matul il-borża ta' studju tiegħu fl-Ewropa tirrappreżenta theddida għal dawn il-valuri u l-UE trid tagħmel dak kollu fis-setgħa tagħha biex issib soluzzjoni għal dan il-każ;

    F.

    billi l-libertà tal-media fl-Eġittu ilha tonqos matul dawn l-aħħar snin minħabba l-ispazju ristrett għall-ġurnalisti; billi l-ġurnalisti u l-membri tal-familja tagħhom qed jiġu ppersegwitati dejjem aktar u jiffaċċjaw detenzjoni, theddid u intimidazzjoni; billi l-awtoritajiet Eġizzjani għadhom jimblukkaw is-siti web tal-organizzazzjonijiet tal-aħbarijiet lokali u internazzjonali u tal-organizzazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem;

    G.

    billi għexieren ta' eluf ta' difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, inklużi attivisti tad-drittijiet tan-nisa, attivisti LGBTI, avukati, ġurnalisti, attivisti, dissidenti paċifiċi u membri tal-oppożizzjoni għadhom il-ħabs f'kundizzjonijiet li jheddu l-ħajja tagħhom; billi l-għajbien furzat ta' difensuri tad-drittijiet tal-bniedem qed isir prattika sistematika tal-awtoritajiet Eġizzjani; billi d-detenzjoni preventiva u l-miżuri ta' prekawzjoni ta' qabel il-proċess jintużaw sabiex jipprevjenu lill-attivisti u lill-avukati tagħhom milli jwettqu l-ħidma leġittima tagħhom favur id-drittijiet tal-bniedem jew jeżerċitaw b'mod paċifiku l-libertajiet fundamentali tagħhom fl-Eġittu;

    H.

    billi l-attivisti tas-soċjetà ċivili Eġizzjani, id-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, il-ġurnalisti u l-akkademiċi għandhom ikunu jistgħu jwettqu l-attivitajiet leġittimi tagħhom mingħajr ebda xkiel jew biża' ta' rappreżalji kontrihom jew kontra qrabathom; billi qed issir sorveljanza diġitali illegali fuq il-ħidma tagħhom, il-kontijiet tal-midja soċjali u l-apparat personali tagħhom;

    I.

    billi l-leġiżlazzjoni kontra t-terroriżmu introdotta taħt it-tmexxija tal-President al-Sisi hija kkritikata minn ħafna organizzazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem talli tat lill-awtoritajiet ambitu ta' interpretazzjoni wiesa' b'mod perikoluż u qed tintuża ħażin biex issikket lid-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, lill-avukati tagħhom, lill-attivisti u lill-membri tal-oppożizzjoni; billi l-persuni suspettati f'każijiet ta' terrur sikwit ma jkollhomx proċessi ġusti, peress li jiġu riferuti direttament lill-qrati militari; billi skont l-organizzazzjoni Human Rights Watch, mill-kolp ta' stat militari tal-2013, l-awtoritajiet Eġizzjani poġġew madwar 3 000 persuna fuq il-listi ta' terroristi, ikkundannaw 3 000 persuna għall-mewt, u żammew 60 000 persuna detenuta;

    J.

    billi skont l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, l-Eġittu ġġustizzja mill-inqas 110 persuni fl-2020, u 66 minn dawk l-eżekuzzjonijiet saru mit-3 ta' Ottubru 2020, li jfisser li f'dawn l-aħħar xahrejn ġew iġġustizzjati aktar nies milli fl-2019 kollha; billi mill-inqas 39 persuna jinsabu f'riskju ta' eżekuzzjoni imminenti; billi huwa rappurtat li dawn is-sentenzi jsegwu proċessi inġusti għall-aħħar, imtappna minn “ammissjonijiet ta' ħtija” furzati u ksur serju ieħor tad-drittijiet tal-bniedem, inklużi t-tortura u l-għajbien furzat, li huma nieqsa minn kwalunkwe investigazzjoni serja dwar dawn l-atti u minn proċess ġust għall-vittmi, bħal fil-każ tal-patri Nisrani Kopt Isaiah al-Maqari; billi għad hemm każijiet ta' tfal li qed jiġu kkundannati għall-mewt; billi l-Artikolu 122 tal-Liġi Eġizzjana dwar it-Tfal għadu joħloq tħassib serju peress li jippermetti li f'ċerti ċirkostanzi t-tfal jiġu pproċessati fi proċessi tal-massa fi qrati adulti, u dan wassal biex mill-inqas 17-il minorenni rċevew sentenzi ta' mewt mill-2011 'l hawn;

    K.

    billi fl-Eġittu għaddej stat ta' emerġenza li ilu fis-seħħ mill-10 ta' April 2017; billi l-proċessi tal-massa għadhom għaddejjin, minkejja kundanna internazzjonali mifruxa li dawn sempliċiment mhumiex tajba biex jissodisfaw ir-rekwiżiti bażiċi tad-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet għal proċess dovut u proċess ġust; billi aktar ċivili minn qatt qabel qed jiġu pproċessati fil-qrati militari;

    L.

    billi l-vjolenza sesswali u l-fastidju kontra n-nisa fnew lis-soċjetà Eġizzjana f'dawn l-aħħar deċennji, peress li s-superstiti sikwit jingħataw it-tort, u l-awtoritajiet ftit li xejn għamlu biex jipproċedu kontra l-persuni suspettati jew jikkontestaw in-normi diskriminatorji li jirfdu l-vjolenza ta' dan it-tip; billi prattiki abbużivi bħall-ittestjar tal-verġnità għadhom mifruxa, inkluż mill-awtoritajiet Eġizzjani; billi l-liġi dwar il-vjolenza kontra n-nisa, li ilha blukkjata fil-Parlament Eġizzjan mill-2017, għad trid tiġi ratifikata; billi l-politiki u l-liġijiet eżistenti kontra l-MĠF mhumiex infurzati sew u l-prattika għadha għaddejja; billi d-difensuri tad-drittijiet tan-nisa u l-attivisti femministi għadhom qed iħabbtu wiċċhom ma' repressjoni;

    M.

    billi fl-10 ta' Diċembru 2020, u wara investigazzjoni ġudizzjarja ta' erba' snin, il-prosekuturi Taljani f'Ruma ħabbru li kellhom prova inekwivoka tal-involviment ta' erba' uffiċjali tas-sigurtà tal-Istat Eġizzjan fil-ħtif aggravat, il-korriment aggravat u l-qtil tal-assistent tar-riċerka Taljan Giulio Regeni; billi l-avukati tal-Kummissjoni Eġizzjana għad-Drittijiet u l-Libertajiet (ECRF) għadhom qed jipprovdu l-appoġġ tagħhom lit-tim legali ta' Regeni fl-Italja, peress li huma r-rappreżentanti legali fl-Eġittu; billi l-awtoritajiet Eġizzjani kontinwament xekklu l-progress fl-investigazzjoni u l-iżvelar tal-verità dwar il-ħtif, it-tortura u l-qtil ta' Giulio Regeni u l-mewt tal-għalliem Franċiż Eric Lang, li kien ġie detenut fil-Kajr fl-2013, u dan ipprevjena l-possibbiltà li l-persuni responsabbli jagħtu kont ta' għemilhom;

    N.

    billi l-UE hija s-sieħba ekonomika ewlenija tal-Eġittu u s-sors ewlieni ta' investiment barrani tiegħu; billi f'Ġunju 2017, l-UE u l-Eġittu adottaw prijoritajiet ta' sħubija li kellhom l-għan li jsaħħu l-kooperazzjoni f'firxa wiesgħa ta' oqsma, fosthom fil-qasam tas-sigurtà, il-ġlieda kontra t-terroriżmu u r-riforma ġudizzjarja;

    1.

    Jiddeplora għal darb' oħra, u bl-aktar mod qawwi possibbli, it-trażżin kontinwu u intensifikat tad-drittijiet fundamentali u tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, avukati, dimostranti, ġurnalisti, bloggers, attivisti ta' trade unions, studenti, tfal, attivisti tad-drittijiet tan-nisa u tal-ugwaljanza tal-ġeneri, persuni leżbjani, gay, bisesswali, transġeneru u intersesswali (LGBTI), avversarji politiċi, inklużi membri tal-familji tagħhom, organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u minoranzi, unikament b'reazzjoni għall-eżerċizzju tagħhom tal-libertajiet fundamentali tagħhom jew l-espressjoni tagħhom ta' kontestazzjoni, min-naħa tal-awtoritajiet tal-istat u l-forzi tas-sigurtà fl-Eġittu; jitlob li ssir investigazzjoni indipendenti u trasparenti dwar il-ksur kollu tad-drittijiet tal-bniedem u li dawk li jwettquh jinżammu responsabbli; jissottolinja l-importanza ta' soċjetà ċivili b'saħħitha u li tiffunzjona tajjeb;

    2.

    Jesprimi r-rabja tiegħu dwar l-arresti reċenti tal-attivisti anzjani tal-EIPR Gasser Abdel Razek, Karim Ennarah u Mohammad Basheer b'ritaljazzjoni għal-laqgħa leġittima tagħhom ma' diplomatiċi Ewropej fil-Kajr; jilqa' l-ħelsien proviżorju tagħhom, iżda jħeġġeġ lill-awtoritajiet jirtiraw l-akkużi kollha kontrihom, itemmu kull forma ta' fastidju u intimidazzjoni kontrihom u kontra l-fundatur u aġent direttur tal-EIRP, Hossam Bahgat, u jirrevokaw kwalunkwe miżura restrittiva, inklużi l-projbizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar u l-iffriżar tal-assi, adottati kontrihom u kontra l-EIPR; jistieden lill-Gvern Eġizzjan jiżgura li l-każ tagħhom jiġi ttrattat b'mod trasparenti, ġust u rapidu;

    3.

    Jiddispjaċih li d-deċiżjoni li dawn jinħelsu ma ġietx estiża għal detenuti oħra tal-EIPR, b'mod partikolari Patrick George Zaki, li l-ordni ta' detenzjoni tiegħu ġiet estiża għal 45 jum ieħor fis-6 ta' Diċembru 2020; jitlob il-ħelsien immedjat u mingħajr kundizzjonijiet ta' Patrick George Zaki u li jitneħħew l-akkużi kollha kontrih; iqis li hija meħtieġa reazzjoni diplomatika b'saħħitha, rapida u kkoordinata min-naħa tal-UE fir-rigward tal-arrest u d-detenzjoni fit-tul tiegħu;

    4.

    Itenni t-talbiet tiegħu għall-ħelsien immedjat u mingħajr kundizzjonijiet tal-persuni detenuti b'mod arbitrarju u kkundannati talli wettqu l-ħidma leġittima u paċifika tagħhom fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem, b'mod partikolari Mohamed Ibrahim, Mohamed Ramadan, Abdelrahman Tarek, Ezzat Ghoneim, Haytham Mohamadeen, Alaa Abdel Fattah, Ibrahim Metwally Hegazy, Mahienour El-Massry, Mohamed El-Baqer, Hoda Abdelmoniem, Ahmed Amasha, Islam El-Kalhy, Abdel Moneim Aboul Fotouh, Esraa Abdel Fattah, Ramy Kamel, Ibrahim Ezz El-Din, Zyad el-Elaimy, Hassan Barbary, Ramy Shaath, Sanaa Seif, Solafa Magdy, Hossam al-Sayyad, Mahmoud Hussein u Kamal El-Balshy;

    5.

    Jenfasizza li l-arresti u d-detenzjonijiet li għaddejjin bħalissa huma parti minn xejra usa' ta' intimidazzjoni ta' organizzazzjonijiet li jiddefendu d-drittijiet tal-bniedem kif ukoll żieda fir-restrizzjonijiet fuq il-libertà tal-espressjoni, kemm online kif ukoll offline, il-libertà ta' assoċjazzjoni u l-libertà ta' għaqda paċifika fl-Eġittu, u jitlob li dawn l-atti kollha jintemmu; jiddeplora l-użu kontinwu, min-naħa tal-Eġittu, tal-leġiżlazzjoni kontra t-terroriżmu, iż-żieda arbitrarja tad-difensuri fil-listi ta' terroristi tal-Eġittu u l-kustodja ta' qabel il-proċess biex jimmiraw u jikkriminalizzaw il-ħidma tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, li hija inkonsistenti mal-istat tad-dritt u mal-obbligi tal-Eġittu skont id-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem; iħeġġeġ lill-awtoritajiet Eġizzjani jemendaw jew jirrevokaw kwalunkwe leġiżlazzjoni abbużiva, b'mod partikolari l-liġi tal-2019 dwar l-organizzazzjonijiet mhux governattiva (NGO) u l-liġi kontra t-terroriżmu; jistieden għal darba oħra lill-awtoritajiet Eġizzjani biex jagħlqu l-Kawża 173/2011 (il-“Kawża tal-Finanzjament Barrani”) u biex ineħħu l-projbizzjonijiet kollha fuq l-ivvjaġġar u l-iffriżar tal-assi imposti fuq mill-inqas 31 difensur tad-drittijiet tal-bniedem u membri tal-persunal ta' NGOs tad-drittijiet tal-bniedem fl-ambitu tal-kawża;

    6.

    Jistieden lill-awtoritajiet Eġizzjani jiżguraw li t-trattament ta' kwalunkwe persuna detenuta jikkonforma mal-kundizzjonijiet stabbiliti fil-“Korp ta' Prinċipji għall-Protezzjoni tal-Persuni Kollha taħt Kull Forma ta' Detenzjoni jew Priġunerija”, adottat mill-Assemblea Ġenerali tan-NU fir-Riżoluzzjoni 43/173 tagħha tad-9 ta' Diċembru 1988, li sakemm jinħelsu, jingħataw aċċess sħiħ għall-familji tagħhom, għal avukati tal-għażla tagħhom u għal kura medika adegwata, u li jsiru investigazzjonijiet kredibbli dwar kwalunkwe allegazzjoni ta' trattament ħażin jew tortura;

    7.

    Jesprimi t-tħassib serju tiegħu dwar id-destin ta' detenuti u priġunieri miżmuma f'postijiet ta' detenzjoni ffullati żżejjed, f'kundizzjonijiet imwiegħra, matul il-pandemija tal-COVID-19, u jistieden lill-awtoritajiet biex b'mod urġenti inaqqsu l-iffullar fil-postijiet ta' detenzjoni; jistieden lill-awtoritajiet jipprovdu aċċess mingħajr restrizzjonijiet għall-ħabs ta' sigurtà massima ta' Tora għal organizzazzjoni indipendenti, sabiex jiġu mmonitorjati l-kundizzjonijiet tad-detenzjoni; jiddenunzja l-arresti arbitrarji, il-fastidju u r-repressjoni arbitrarji ta' ħaddiema mediċi u ġurnalisti talli tkellmu dwar is-sitwazzjoni tal-COVID-19 jew dwar ir-rispons tal-istat Eġizzjan fl-2020; jistieden lill-awtoritajiet Eġizzjani jwaqqfu din il-prattika u jeħilsu lil kwalunkwe persunal mediku li għadu miżmum f'detenzjoni arbitrarja;

    8.

    Jiddeplora ż-żieda fl-eżekuzzjonijiet fl-Eġittu u jiċħad l-użu tal-piena tal-mewt; jistieden lill-awtoritajiet Eġizzjani jiddikjaraw moratorju fuq il-piena tal-mewt bil-ħsieb li jabolixxuha u jieħdu l-passi kollha biex jiżguraw aderenza stretta mal-garanziji ta' proċess dovut u s-salvagwardji kollha possibbli biex jiżguraw proċess ġust; jistieden lill-Eġittu jeħles immedjatament lill-minorenni kollha li rċevew sentenzi ta' mewt u jemenda l-Artikolu 122 tal-Liġi Eġizzjana dwar it-Tfal;

    9.

    Jistieden lill-awtoritajiet Eġizzjani jadottaw liġi komprensiva dwar il-vjolenza kontra n-nisa u strateġija nazzjonali biex jinfurzaw il-liġijiet approvati kontra l-vjolenza sesswali; iħeġġeġ lill-awtoritajiet jużaw il-gwida disponibbli tan-NU, bħall-Manwal tan-NU għal-Leġiżlazzjoni dwar il-Vjolenza fuq in-Nisa, biex jistabbilixxu elementi tal-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa, inkluża l-protezzjoni tas-superstiti u tax-xhieda permezz ta' uffiċjali u fornituri mħarrġa; jistieden lill-awtoritajiet Eġizzjani jwaqqfu kwalunkwe tip ta' persekuzzjoni kontra n-nisa fuq il-bażi ta' “ksur tal-morali”, bħalma għamlu kontra d-difensur tad-drittijiet tal-bniedem tan-nisa Amal Fathy; jistieden lill-awtoritajiet itemmu minnufih l-arrest u l-prosekuzzjoni ta' membri tal-komunità jew individwi LGBTI fuq il-bażi unika tal-orjentazzjoni sesswali reali jew perċepita tagħhom, bħal fil-każ ta' Seif Bedour;

    10.

    Jiddeplora t-tentattiv mill-awtoritajiet Eġizzjani biex iqarrqu u jxekklu l-progress fl-investigazzjoni tal-ħtif, it-tortura u l-qtil fl-2016 ta' Giulio Regeni, riċerkatur Taljan; jiddispjaċih dwar iċ-ċaħda persistenti tal-awtoritajiet Eġizzjani li jipprovdu lill-awtoritajiet Taljani bid-dokumenti u l-informazzjoni kollha meħtieġa biex tkun tista' ssir investigazzjoni rapida, trasparenti u imparzjali dwar il-qtil tas-Sur Regeni, skont l-obbligi internazzjonali tal-Eġittu; jistieden lill-UE u lill-Istati Membri jħeġġu lill-awtoritajiet Eġizzjani jikkooperaw għalkollox mal-awtoritajiet ġudizzjarji Taljani, u jtemmu r-rifjut tagħhom li jibagħtu l-indirizzi ta' residenza, kif titlob il-liġi tal-Italja, tal-erba' persuni suspettati indikati mill-prosekuturi Taljani f'Ruma, mal-għeluq tal-investigazzjoni, sabiex jippermettu l-akkuża formali tagħhom biex jiffaċċjaw akkużi fi proċess ġust fl-Italja; iwissi lill-awtoritajiet Eġizzjani biex ma jirritaljawx kontra x-xhieda jew kontra l-Kummissjoni Eġizzjana għad-Drittijiet u l-Libertajiet (ECRF) u l-avukati tagħha;

    11.

    Jesprimi appoġġ politiku u uman qawwi lill-familja ta' Giulio Regeni għat-tfittxija kostanti u dinjituża tagħhom għall-verità; ifakkar li t-tfittxija għall-verità dwar il-ħtif, it-tortura u l-qtil ta' ċittadin Ewropew ma tappartjenix biss lill-familja, iżda hija dmir imperattiv għall-istituzzjonijiet nazzjonali u tal-UE li jirrikjedi li jittieħdu l-azzjonijiet diplomatiċi kollha meħtieġa;

    12.

    Jinnota li l-Eġittu huwa sieħeb importanti tal-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha f'firxa wiesgħa ta' oqsma, inklużi l-kummerċ, is-sigurtà, il-ġlieda kontra t-terroriżmu internazzjonali u l-kuntatti interpersonali; jappoġġa lill-poplu Eġizzjan fl-aspirazzjonijiet tiegħu li jistabbilixxi pajjiż ħieles, stabbli, prosperu, inklużiv u demokratiku li jirrispetta l-leġiżlazzjoni nazzjonali u internazzjonali tiegħu fir-rigward tal-protezzjoni u l-avvanz tad-drittijiet tal-bniedem;

    13.

    Ifakkar lill-awtoritajiet Eġizzjani li r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali jikkostitwixxi element essenzjali tar-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Eġittu u li l-għoti ta' spazju lis-soċjetà ċivili huwa impenn konġunt minqux fil-Prijoritajiet tas-Sħubija UE-Eġittu, kif stipulat fil-Kostituzzjoni Eġizzjana; jenfasizza li l-ebda difensur tad-drittijiet tal-bniedem m'għandu jiffaċċja restrizzjonijiet finanzjarji, kriminalizzazzjoni, projbizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar jew kundizzjonijiet ta' pleġġ, jew jinżamm il-ħabs minħabba l-ħidma leġittima tiegħu fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem; iħeġġeġ lill-VP/RGħ jesprimi pubblikament it-tħassib dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fl-Eġittu u fi kwalunkwe laqgħa ta' livell għoli mal-awtoritajiet Eġizzjani;

    14.

    Jinkoraġġixxi r-rappreżentanti mid-Delegazzjoni tal-UE u mill-Istati Membri fil-Kajr biex jattendu l-proċessi ta' ġurnalisti, bloggers, attivisti tat-trade unions, difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u attivisti tas-soċjetà ċivili fil-pajjiż, kemm Eġizzjani kif ukoll barranin, u jżuruhom f'detenzjoni;

    15.

    Itenni l-appell tiegħu lill-VP/RGħ u lill-Istati Membri biex jirreaġixxu b'mod magħqud u determinat, anke f'koordinazzjoni ma' sħab oħra tal-istess fehma, għat-trażżin u l-ksur tad-drittijiet tal-bniedem fl-Eġittu, u biex jużaw l-għodod kollha għad-dispożizzjoni tagħhom biex jiżguraw progress konkret fir-rekord tad-drittijiet tal-bniedem tal-Eġittu; iħeġġeġ, b'mod partikolari, lill-UE u lill-Istati Membri tagħha biex jieħdu rwol mexxej fis-sessjoni li jmiss tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU biex jiġi stabbilit mekkaniżmu ta' monitoraġġ u rappurtar, li ilu li suppost sar, dwar il-ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem fl-Eġittu; jilqa' l-adozzjoni mill-Kunsill ta' reġim globali ta' sanzjonijiet dwar id-drittijiet tal-bniedem/l-Att Magnitsky tal-UE, u jtenni t-talba tiegħu lill-VP/RGħ u lill-Istati Membri biex jikkunsidraw miżuri restrittivi mmirati kontra uffiċjali Eġizzjani ta' livell għoli responsabbli għall-aktar ksur serju fil-pajjiż;

    16.

    Itenni l-appell tiegħu għal rieżami profond u komprensiv tar-relazzjonijiet tal-UE mal-Eġittu; iqis li s-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fl-Eġittu teħtieġ reviżjoni serja tal-operazzjonijiet ta' appoġġ baġitarju tal-Kummissjoni u r-restrizzjoni tal-għajnuna mill-UE, biex tappoġġa primarjament lill-atturi demokratiċi u lis-soċjetà ċivili; jitlob li jkun hemm aktar trasparenza dwar il-forom kollha ta' appoġġ finanzjarju jew taħriġ ipprovdut mill-UE, mill-Bank Ewropew għar-Rikostruzzjoni u l-Iżvilupp u mill-Bank Ewropew tal-Investiment lill-Eġittu; ifakkar li l-UE u l-Istati Membri tagħha m'għandhomx jagħtu premji lil mexxejja responsabbli għall-ksur tad-drittijiet tal-bniedem;

    17.

    Jitlob lill-UE, bil-ħsieb li jiġu nnegozjati prijoritajiet ta' sħubija ġodda, biex tistabbilixxi punti ta' riferiment ċari li jagħmlu l-kooperazzjoni ulterjuri l-parti ċentrali tar-relazzjonijiet tagħna, sabiex jinkiseb progress fir-riforma tal-istituzzjonijiet demokratiċi, l-istat tad-dritt u d-drittijiet tal-bniedem, u biex it-tħassib dwar id-drittijiet tal-bniedem jiġi integrat fit-taħditiet kollha mal-awtoritajiet Eġizzjani; iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lis-SEAE jpoġġu l-ħtieġa għal titjib tanġibbli fis-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem, b'mod partikolari l-ħelsien ta' difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u ġurnalisti detenuti b'mod arbitrarju, fil-qalba tal-laqgħa li jmiss tal-Kunsill ta' Assoċjazzjoni UE-Eġittu; itenni li l-kooperazzjoni fl-oqsma tal-ġestjoni tal-migrazzjoni jew tal-ġlieda kontra t-terroriżmu, iżda wkoll il-kunsiderazzjonijiet ġeopolitiċi, m'għandhiex issir askapitu ta' pressjoni kontinwa għall-konformità fir-rigward tad-drittijiet tal-bniedem u l-obbligu ta' rendikont għall-abbużi tad-drittijiet tal-bniedem;

    18.

    Itenni l-istediniet reċenti tiegħu lill-Istati Membri biex jagħtu segwitu għall-Konklużjonijiet tal-Kunsill Affarijiet Barranin tal-21 ta' Awwissu 2013 li ħabbru s-sospensjoni tal-liċenzji ta' esportazzjoni għal kwalunkwe tagħmir li jista' jintuża għal repressjoni interna f'konformità mal-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2008/944/PESK (2), u jikkundanna n-nuqqas ta' konformità persistenti tal-Istati Membri ma' dawn l-impenji; jistieden lill-Istati Membri jwaqqfu l-esportazzjonijiet kollha lejn l-Eġittu ta' armi, teknoloġija ta' sorveljanza u tagħmir ieħor ta' sigurtà li jistgħu jiffaċilitaw l-attakki fuq id-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u l-attivisti tas-soċjetà ċivili, inkluż fuq il-midja soċjali, kif ukoll kwalunkwe tip ieħor ta' trażżin intern; jitlob lill-UE timplimenta bis-sħiħ il-kontrolli tal-esportazzjoni tagħha lejn l-Eġittu, fir-rigward ta' oġġetti li jistgħu jintużaw għar-repressjoni, għat-tortura jew għall-piena kapitali;

    19.

    Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lill-Gvern u lill-Parlament Eġizzjan, u lill-Kummissjoni Afrikana dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Popli.

    (1)  Testi adottati, P9_TA(2019)0043.

    (2)  ĠU L 335, 13.12.2008, p. 99.


    Top