Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52020IP0372

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-17 ta’ Diċembru 2020 dwar governanza korporattiva sostenibbli (2020/2137(INI))

ĠU C 445, 29.10.2021, p. 94–101 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

29.10.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 445/94


P9_TA(2020)0372

Governanza korporattiva sostenibbli

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-17 ta’ Diċembru 2020 dwar governanza korporattiva sostenibbli (2020/2137(INI))

(2021/C 445/12)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-Prinċipji Gwida tan-NU dwar in-Negozju u d-Drittijiet tal-Bniedem (UNGPs), tal-2011 (1),

wara li kkunsidra l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli tan-NU (2),

wara li kkunsidra l-Linji Gwida tal-Organizzazzjoni għall-Koperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi (OECD) għall-Intrapriżi Multinazzjonali (3),

wara li kkunsidra l-Gwida tal-OECD dwar id-Diliġenza Dovuta għal Imġiba Responsabbli fin-Negozju (4) u għal Imġiba Responsabbli fin-Negozju għall-Invesituri Istituzzjonali (5),

wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Tripartitika ta' Prinċipji li Jikkonċernaw l-Intrapriżi Multinazzjonali u l-Politika Soċjali, tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO) (6),

wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Pariġi, adottat fit-12 ta' Diċembru 2015 (7),

wara li kkunsidra r-Rapport Speċjali tal-Grupp Intergovernattiv ta' Esperti dwar it-Tibdil fil-Klima (IPCC) tal-2018 dwar it-Tisħin Globali ta' 1,5 o(8),

wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta' Marzu 2020 li jistabbilixxi l-qafas biex tinkiseb in-newtralità klimatika u li jemenda r-Regolament (UE) 2018/1999 (“il-Liġi Ewropea dwar il-Klima”) (COM(2020)0080),

wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 517/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' April 2014 dwar gassijiet fluworurati b'effett ta' serra u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 842/2006 (9),

wara li kkunsidra l-Pjan ta' Azzjoni: Il-Finanzjament tat-Tkabbir Sostenibbli (COM(2018)0097),

wara li kkunsidra l-Patt Ekoloġiku Ewropew (COM(2019)0640),

wara li kkunsidra l-Programm ta' Ħidma Aġġustat tal-Kummissjoni 2020 (COM(2020)0440),

wara li kkunsidra d-Direttiva 2013/34/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Ġunju 2013 dwar id-dikjarazzjonijiet finanzjarji annwali, id-dikjarazzjonijiet finanzjarji kkonsolidati u r-rapporti relatati ta' ċerti tipi ta' impriżi, u li temenda d-Direttiva 2006/43/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li tħassar id-Direttivi tal-Kunsill 78/660/KEE u 83/349/KEE (10) (“id-Direttiva dwar il-Kontabilità”),

wara li kkunsidra d-Direttiva 2014/95/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat- 22 ta' Ottubru 2014 li temenda d-Direttiva 2013/34/UE fir-rigward tad-divulgazzjoni ta' informazzjoni mhux finanzjarja u dwar id-diversità minn ċerti impriżi u gruppi kbar (11) (“id-Direttiva dwar ir-Rappurtar Mhux Finanzjarju” – NFRD),

wara li kkunsidra d-Direttiva (UE) 2016/943 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta' Ġunju 2016 dwar il-protezzjoni ta' konoxxenza u ta' informazzjoni kummerċjali kunfidenzjali (sigrieti kummerċjali) kontra l-ksib, l-użu u l-iżvelar illegali tagħhom (12),

wara li kkunsidra d-Direttiva (UE) 2017/828 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Mejju 2017 li temenda d-Direttiva 2007/36/KE rigward l-inkoraġġiment ta' involviment fit-tul tal-azzjonisti (13) (“id-Direttiva dwar id-Drittijiet tal-Azzjonisti”),

wara li kkunsidra d-Direttiva (UE) 2019/1937 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' Ottubru 2019 dwar il-protezzjoni ta' persuni li jirrapportaw dwar ksur tal-liġi tal-Unjoni (14),

wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2019/2088 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' Novembru 2019 dwar divulgazzjonijiet relatati mas-sostenibbiltà fis-settur tas-servizzi finanzjarji (15) (“ir-Regolament dwar id-Divulgazzjonijiet”),

wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2020/852 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Ġunju 2020 dwar l-istabbiliment ta' qafas biex jiġi ffaċilitat l-investiment sostenibbli, u li jemenda r-Regolament (UE) 2019/2088 (16) (“ir-Regolament dwar it-Tassonomija”),

wara li kkunsidra l-Linji Gwida tal-Kummissjoni dwar rappurtar mhux finanzjarju (metodoloġija għar-rappurtar ta' informazzjoni mhux finanzjarja) (17) u l-Linji Gwida tal-Kummissjoni dwar ir-rappurtar mhux finanzjarju: Suppliment dwar ir-rappurtar ta' informazzjoni relatata mal-klima (18),

wara li kkunsidra r-Rapport Finali tal-Forum ta' Livell Għoli dwar l-Unjoni tas-Swieq Kapitali bit-titolu “A new vision for Europe's capital markets” (Viżjoni Ġdida għas-Swieq Kapitali tal-Ewropa) (19),

wara li kkunsidra l-istudju mħejji għall-Kummissjoni f'Lulju 2020 dwar id-dmirijiet tad-diretturi u l-governanza korporattiva sostenibbli,

wara li kkunsidra l-Qafas “Protezzjoni, Rispett u Rimedju” tan-NU għall-Intrapriżi u d-Drittijiet tal-Bniedem, tal-2008 (20),

wara li kkunsidra l-istudju mħejji għall-Kummissjoni f'Mejju 2020 intitolat “It-titjib tas-sigurtà finanzjarja fil-kuntest tad-Direttiva dwar ir-Responsabbiltà Ambjentali” (21),

wara li kkunsidra l-Prinċipji ta' Oslo dwar l-Obbligi Globali għat-Tnaqqis tat-Tibdil fil-Klima (22),

wara li kkunsidra r-rakkomandazzjonijiet tat-Task Force dwar id-Divulgazzjonijiet Finanzjarji relatati mal-Klima, ta' Ġunju 2017,

wara li kkunsidra l-Artikolu 54 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali u l-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali (A9-0240/2020),

A.

billi l-Unjoni Ewropea hija msejsa fuq il-valuri ddikjarati fl-Artikolu 2 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u billi l-politika ambjentali tagħha hi bbażata fuq il-prinċipju ta' prekawzjoni, kif stabbilit fl-Artikolu 191(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea;

B.

billi f'kuntest korporattiv, approċċ ta' sostenibbiltà jimplika li l-kumpaniji jqisu kif xieraq it-tħassib ġenerali tas-soċjetà u tal-ambjent, bħad-drittijiet tal-impjegati tagħhom u r-rispett tal-limiti planetarji, sabiex jindirizzaw l-aktar riskji urġenti li l-attivitajiet tagħhom joħolqu għalihom;

C.

billi l-inizjattivi internazzjonali multipli li jippromwovu l-governanza korporattiva sostenibbli huma volontarji, strumenti tal-liġi mhux vinkolanti biss u fil-biċċa l-kbira wrew li huma ineffettivi biex jibdlu l-imġiba korporattiva lejn is-sostenibbiltà; billi l-istudju mfassal għall-Kummissjoni dwar id-dmirijiet tad-diretturi u l-governanza korporattiva sostenibbli skont il-Pjan ta' Azzjoni għall-Finanzi Sostenibbli jissottolinja l-benefiċċji li jiġu ċċarati l-obbligi tad-diretturi fir-rigward tas-sostenibbiltà u l-kunsiderazzjonijiet fit-tul; jenfasizza l-problemi assoċjati ma' perspettiva għal żmien qasir u jfakkar fil-ħtieġa li l-kumpaniji jinkorporaw l-interessi fit-tul biex iżommu lill-UE fit-triq it-tajba biex tilħaq l-impenji tas-sostenibbiltà tagħha; billi l-istudju jindika b'mod ċar il-ħtieġa li tiġi adottata leġiżlazzjoni tal-UE f'dan ir-rigward;

D.

billi matul l-aħħar perjodu leġiżlattiv, l-UE ħadet għadd ta' inizjattivi fi sforz biex trawwem it-trasparenza u viżjoni fit-tul fl-attivitajiet finanzjarji u ekonomiċi, bħad-Direttiva dwar id-Drittijiet tal-Azzjonisti, il-Pjan ta' Azzjoni għall-Finanzjament tat-Tkabbir Sostenibbli, ir-Regolament dwar id-Divulgazzjonijiet u r-Regolament dwar it-Tassonomija; billi din ix-xejra kienet bdiet, fost l-oħrajn, bl-adozzjoni tad-Direttiva dwar ir-Rappurtar Mhux Finanzjarju (NFRD); billi d-divulgazzjoni ta' informazzjoni mhux finanzjarja hija meħtieġa biex jitkejlu, jiġu monitorjati u ġestiti l-prestazzjonijiet tal-intrapriżi u l-impatt fit-tul tagħhom fuq is-soċjetà u l-ambjent;

E.

billi l-NFRD hija marbuta mal-governanza korporattiva sostenibbli u kienet pass sinifikanti 'l quddiem fil-promozzjoni tar-rappurtar mhux finanzjarju fl-UE; billi madankollu tippreżenta nuqqasijiet serji li jeħtieġ li jiġu indirizzati sabiex issir aktar siewja għall-investituri u l-partijiet ikkonċernati;

F.

billi skont il-Patt Ekoloġiku Ewropew, il-kumpaniji u l-istituzzjonijiet finanzjarji jeħtieġ li jżidu d-divulgazzjoni tagħhom ta' data klimatika u ambjentali sabiex l-investituri jkunu infurmati għalkollox dwar is-sostenibbiltà tal-investimenti tagħhom; billi l-Kummissjoni impenjat ruħha li tirrevedi l-NFRD għal dan il-għan; billi skont il-Programm ta' Ħidma aġġustat tagħha għall-2020, il-Kummissjoni biħsiebha tressaq proposta li tirrevedi l-NFRD fl-ewwel trimestru tal-2021;

G.

billi l-partijiet ikkonċernati sikwit esprimew il-fehma li l-informazzjoni mhux finanzjarja pprovduta mill-kumpaniji skont l-NFRD mhijiex biżżejjed, u lanqas mhi affidabbli u komparabbli; billi dawk inkarigati mit-tħejjija ta' din l-informazzjoni esprimew konfużjoni dwar l-għadd kbir ta' oqfsa voluntarji ta' rappurtar u talbu kjarifika legali u standardizzazzjoni; billi d-divulgazzjoni ta' informazzjoni aktar kompluta u affidabbli hija meħtieġa sabiex jitnaqqas kwalunkwe impatt negattiv fuq il-klima, l-ambjent u s-soċjetà; billi t-titjib fir-rappurtar mhux finanzjarju jista' jżid l-obbligu ta' rendikont tal-kumpaniji u jsaħħaħ il-fiduċja fihom; billi dan it-titjib m'għandux joħloq żbilanċi kompetittivi inġusti; billi l-obbligi ta' divulgazzjoni għandhom għalhekk iqisu l-ispejjeż amministrattivi u għandhom ikunu proporzjonati għad-daqs tal-kumpanija u konsistenti ma' leġiżlazzjoni oħra applikabbli għall-attivitajiet tan-negozju, bħar-rispett għas-sigrieti kummerċjali u l-protezzjoni tal-informaturi;

H.

billi l-istudju mfassal għall-Kummissjoni dwar id-dmirijiet tad-diretturi u l-governanza korporattiva sostenibbli juri t-tendenza dejjem tikber ta' kumpaniji elenkati fl-UE li jiffokaw fuq l-interessi għal żmien qasir tal-azzjonisti tagħhom; billi l-istudju jipproponi diversi għażliet leġiżlattivi fil-livell tal-UE li jtejbu b'mod sinifikanti s-sostenibbiltà korporattiva; billi hemm bżonn li jiġi adottat qafas leġiżlattiv għall-kumpaniji Ewropej, filwaqt li jiġi rrispettat għalkollox il-prinċipju tal-proporzjonalità u jiġi evitat piż amministrattiv eċċessiv għall-kumpaniji Ewropej; billi dan il-qafas għandu jiżgura konformità maċ-ċertezza tad-dritt u jtejjibha fis-suq intern, u m'għandux joħloq żvantaġġi kompetittivi;

I.

billi approċċ ta' sostenibbiltà għall-governanza korporattiva jinkludi kemm id-drittijiet tal-bniedem kif ukoll il-protezzjoni ambjentali; billi rekwiżit legali għall-iżvelar ta' informazzjoni relatata ma' kwistjonijiet ambjentali, soċjali u tal-impjegati u d-drittijiet tal-bniedem, it-tixħim u l-korruzzjoni għandu jitqies bħala aspett tar-“responsabbiltà korporattiva għar-rispett” kif definit fil-Prinċipji Gwida tan-NU dwar in-Negozju u d-Drittijiet tal-Bniedem;

J.

billi l-Ftehim ta' Pariġi għandu l-għan li jżomm iż-żieda fit-temperatura medja tal-pjaneta inqas sew minn 2 oC aktar mil-livelli preindustrijali u li jkompli bl-isforzi ħalli ż-żieda fit-temperatura tiġi limitata għal 1,5 oC aktar mil-livelli preindustrijali;

K.

billi ż-żieda fil-kompetizzjoni globali għall-aċċess għar-riżorsi naturali ħafna drabi tirriżulta fi sfruttament insostenibbli tal-ambjent naturali u uman min-naħa tal-korporazzjonijiet;

L.

billi l-governanza korporattiva għandha rwol ewlieni fit-twettiq tal-impenji tal-UE biex jiġu implimentati l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli tan-NU u l-Ftehim ta' Pariġi;

M.

billi t-tibdil fil-klima joħloq riskji serji għas-sigurtà tal-ikel, jiġifieri d-disponibbiltà, l-aċċessibbiltà u l-użu tal-ikel, u l-istabbiltà tas-sistemi tal-ikel; billi l-bdiewa nisa fil-preżent huma responsabbli għal bejn 45 % u 80 % tal-produzzjoni kollha tal-ikel fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw, li huma milquta b'mod sproporzjonat mit-tibdil fil-klima u d-degradazzjoni ambjentali;

N.

billi l-Konvenzjoni ta' Aarhus tistabbilixxi għadd ta' drittijiet ambjentali għall-pubbliku u l-assoċjazzjonijiet, inkluż id-dritt ta' aċċess għal informazzjoni ambjentali, id-dritt ta' parteċipazzjoni fit-teħid ta' deċiżjonijiet ambjentali u l-aċċess għall-ġustizzja;

O.

billi fl-2017, il-Kumitat għall-Konformità mal-Konvenzjoni ta' Aarhus tan-NU sab li l-UE kienet kisret il-Konvenzjoni ta' Aarhus billi ma ppermettietx membri tal-pubbliku jikkontestaw deċiżjonijiet tal-istituzzjonijiet tal-UE quddiem il-qrati tal-UE;

P.

billi l-Kummissjoni żiedet l-ambizzjonijiet għall-perjodu 2014-2019 billi stabbiliet aġenda għal Patt Ekoloġiku Ewropew, u ddikjarat li “l-Ewropa jeħtiġilha tmexxi t-tranżizzjoni lejn pjaneta b'saħħitha”;

Q.

billi d-diretturi tal-kumpaniji għandhom id-dmir legali u statutorju li jaġixxu fl-interess tal-kumpanija tagħhom; billi dan id-dmir kien is-suġġett ta' interpretazzjonijiet differenti f'ġurisdizzjonijiet differenti, u l-interess tal-kumpanija spiss ġie meqjus li jfisser proprju l-interessi finanzjarji tal-azzjonisti; billi dak li huwa meqjus bħala l-interess tal-kumpanija għandu jinkorpora wkoll l-interessi tal-partijiet ikkonċernati rilevanti, inklużi l-impjegati, u l-interessi tas-soċjetà f'sens usa'; billi interpretazzjoni stretta ta' dan id-dmir b'enfasi eċċessiva fuq il-massimizzazzjoni tal-profitt għal żmien qasir hija ta' detriment għall-prestazzjoni u s-sostenibbiltà fit-tul tal-kumpanija, u għaldaqstant għall-interessi fit-tul tal-azzjonisti tagħha;

R.

billi l-konsistenza tal-leġiżlazzjoni tal-UE dwar il-governanza korporattiva sostenibbli għandha tinkiseb permezz tal-istabbiliment ta' obbligi konkreti u inċentivi biex tittieħed azzjoni u mhux biss biex tiġi rrappurtata l-informazzjoni; billi għaldaqstant huwa meħtieġ qafas addizzjonali li jiddefinixxi d-dmirijiet tal-bordijiet tal-kumpaniji f'termini ta' sostenibbiltà;

S.

billi sabiex il-governanza korporattiva fl-UE ssir aktar sostenibbli, trasparenti u responsabbli, il-Kummissjoni għandha, minbarra l-proposti għar-rieżami tal-NFRD, tintroduċi leġiżlazzjoni ġdida dwar id-diliġenza dovuta u d-dmirijiet tad-diretturi; billi jekk l-obbligi ta' diliġenza dovuta u d-dmirijiet tad-diretturi se jkunu koperti minn strument leġiżlattiv wieħed, dawn għandhom ikunu separati b'mod ċar f'żewġ partijiet differenti; billi dawk l-obbligi u d-dmirijiet huma komplementari, iżda mhux interkambjabbli jew subordinati għal xulxin;

Obbligi ta' rappurtar mhux finanzjarju

1.

Jistieden lill-Kummissjoni, meta tipproponi azzjoni ġdida fil-qasam tad-dritt tal-kumpaniji u l-governanza korporattiva, issib il-bilanċ xieraq bejn, min-naħa l-waħda, il-ħtieġa li titnaqqas il-pressjoni għal żmien qasir fuq id-diretturi tal-korporazzjonijiet u l-promozzjoni tal-integrazzjoni ta' kwistjonijiet tas-sostenibbiltà fit-teħid ta' deċiżjonijiet korporattivi, u, min-naħa l-oħra, il-ħtieġa għal flessibbiltà suffiċjenti, filwaqt li tiġi żgurata l-armonizzazzjoni; jenfasizza l-importanza li jissaħħaħ ir-rwol tad-diretturi għas-segwitu tal-interessi fit-tul tal-kumpaniji fl-azzjoni futura fil-livell tal-UE u għat-trawwim ta' kultura, fil-korpi governattivi tal-kumpaniji, li tqis u timplimenta governanza korporattiva sostenibbli;

2.

Jilqa' l-impenn tal-Kummissjoni li tirrevedi l-NFRD; jenfasizza li reviżjoni bħal din għandha tkun kompletament konsistenti mar-rekwiżiti imposti mir-Regolament dwar id-Divulgazzjonijiet u r-Regolament dwar it-Tassonomija; jistieden lill-Kummissjoni tqis ir-rakkomandazzjonijiet inklużi f'din ir-riżoluzzjoni;

3.

Itenni t-talba tiegħu għal twessigħ tal-kamp ta' applikazzjoni tal-NRFD biex ikopri l-intrapriżi kbar, kemm dawk elenkati kif ukoll dawk li mhumiex, stabbiliti fit-territorju tal-Unjoni, kif definit fl-Artikolu 3(4) tad-Direttiva dwar il-Kontabilità; jenfasizza li sabiex jiġu pprovduti kundizzjonijiet ekwi, l-obbligi ta' rappurtar mhux finanzjarju għandhom japplikaw ukoll għal kumpaniji mhux tal-UE li joperaw fis-suq tal-UE; jistieden lill-Kummissjoni tidentifika setturi ta' attività ekonomika b'riskju għoli u b'impatt sinifikanti fuq il-kwistjonijiet ta' sostenibbiltà li jistgħu jiġġustifikaw l-inklużjoni ta' intrapriżi żgħar u ta' daqs medju (SMEs) f'dawk is-setturi fi ħdan il-kamp ta' applikazzjoni tal-NFRD; iqis, għal dan il-għan, li l-Kummissjoni għandha tuża għarfien espert indipendenti estern biex tipprovdi lista indikattiva, mhux eżawrjenti u aġġornata regolarment ta' żoni milquta minn kunflitt u żoni ta' riskju għoli, kif ukoll gwida speċifika għall-SMEs; iqis, b'mod partikolari, li l-investimenti u s-setturi li sikwit ikunu marbuta ma' attivitajiet kummerċjali illegali, bħal reati ambjentali, kummerċ illegali ta' organiżmi selvaġġi, korruzzjoni jew kriminalità finanzjarja, għandhom ikunu fil-mira b'mod speċifiku; jenfasizza li rieżami tal-NFRD huwa meħtieġ ukoll biex il-parteċipanti fis-swieq finanzjarji jingħataw aċċess għad-data rilevanti sabiex iwettqu l-obbligi tar-Regolament dwar id-Divulgazzjonijiet;

4.

Jenfasizza li l-governanza korporattiva sostenibbli tikkostitwixxi pilastru importanti, li jippermetti lill-UE tikseb ekonomija li tkun kemm reżiljenti kif ukoll sostenibbli, ittejjeb il-kundizzjonijiet ekwi sabiex iżżomm u tixpruna l-kompetittività internazzjonali tal-kumpaniji tal-UE u tipproteġi lill-ħaddiema u n-negozji tal-UE minn kompetizzjoni inġusta minn pajjiżi terzi, u għalhekk tista' tkun ta' benefiċċju għall-politika kummerċjali u tal-investiment tal-UE, jekk tkun proporzjonata u mkejla b'mod adegwat;

5.

Jinnota li l-pandemija tal-COVID-19 esponiet il-vulnerabbiltajiet tal-ktajjen tal-provvista globali, u wriet li r-regoli volontarji biss mhumiex biżżejjed, kif intwera, pereżempju, fis-settur tal-ħwejjeġ, fejn il-produzzjoni ġiet imxekkla matul il-kriżi, u dan wassal għal effetti negattivi tul il-katina kollha tal-provvista; jinnota li n-negozji bi prattiki ambjentali, soċjali u ta' governanza definiti aħjar u bi proċessi ta' mitigazzjoni tar-riskju qed ikampaw aħjar matul il-kriżi; jirrikonoxxi li l-OECD iddikjarat (23) li l-kumpaniji li jieħdu passi proattivi biex jindirizzaw ir-riskji relatati mal-kriżi tal-COVID-19 b'mod li jtaffi l-impatti negattivi fuq il-ħaddiema u l-ktajjen tal-provvista aktarx jibnu aktar valur u reżiljenza fit-tul u jtejbu l-vijabbiltà tagħhom għal żmien qasir u l-prospetti tagħhom għall-irkupru fit-terminu medju u fit-tul;

6.

Jinnota li r-Regolament dwar it-Tassonomija jistabbilixxi sensiela ta' objettivi ambjentali, jiġifieri dwar it-tibdil fil-klima, l-użu u l-protezzjoni tal-ilma u tar-riżorsi tal-baħar, it-tranżizzjoni lejn ekonomija ċirkolari, il-prevenzjoni u l-kontroll tat-tniġġis, u dwar il-bijodiversità u l-ekosistemi; iqis li l-kunċett ta' kwistjonijiet ambjentali fl-NFRD għandu jiġi interpretat f'konformità mar-Regolament dwar it-Tassonomija u jinkludu l-forom kollha ta' tniġġis; jistieden lill-Kummissjoni tqis ir-rakkomandazzjonijiet tat-Task Force dwar id-Divulgazzjonijiet Finanzjarji relatati mal-Klima u tippromwovi l-iżvilupp ta' tekniki kontabilistiċi innovattivi li jirriflettu l-valur tal-ekosistemi; iqis li huwa daqstant importanti li jiġu definiti bi preċiżjoni l-kwistjonijiet l-oħra ta' sostenibbiltà li tirreferi għalihom l-NFRD, bħall-kunċetti ta' kwistjonijiet soċjali u tal-impjegati, ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni u t-tixħim; jemmen li l-kwistjonijiet tal-impjegati jistgħu jinkludu d-divulgazzjoni tal-politiki tal-kumpaniji fir-rigward tas-salarji, li tista' tinkludi l-wiri tal-pagi skont id-deċili u d-differenzi bejn il-ġeneri fil-pagi;

7.

Iqis li l-governanza korporattiva sostenibbli hija kruċjali għad-direzzjoni fit-tul tal-intrapriżi biex jallinjaw l-attivitajiet tagħhom mal-ksib tal-objettivi ambjentali ġenerali tal-UE kif stabbiliti fil-Patt Ekoloġiku Ewropew, kif ukoll l-impenn tal-UE li tnaqqas l-emissjonijiet ta' gassijiet b'effett ta' serra tagħha fit-triq lejn il-ksib tal-mira ta' newtralità klimatika sal-2050; jissottolinja li s-setturi kollha għandhom jikkontribwixxu biex tintlaħaq dik il-mira;

8.

Iqis li d-definizzjoni tal-materjalità għandha tirreferi għal kwalunkwe impatt rilevanti ambjentali, tad-drittijiet tal-bniedem u tal-governanza fuq is-soċjetà kollha kemm hi, lil hinn mill-ħolqien tal-valur u minn kwistjonijiet relatati mal-prestazzjoni purament finanzjarja tal-kumpaniji; jitlob li din id-definizzjoni tiġi riveduta f'konformità mal-prinċipju ta' materjalità doppja introdott mill-NFRD u spjegat aktar fil-Linji Gwida tal-Kummissjoni dwar ir-rappurtar ta' informazzjoni relatata mal-klima; iqis li l-materjalità għandha tiġi vvalutata fi proċess li jinvolvi l-partijiet ikkonċernati rilevanti;

9.

Josserva li l-NFRD tagħti lill-kumpaniji fi ħdan il-kamp ta' applikazzjoni tagħha flessibbiltà sinifikanti biex jiddivulgaw l-informazzjoni rilevanti bil-mod li huma jqisu li jkunu l-aktar siewi; jinnota li l-kumpaniji bħalissa jistgħu jiddependu, fid-diskrezzjoni tagħhom, fuq għadd ta' oqfsa differenti; josserva li għadhom inċerti dwar kif l-aħjar jikkonformaw mal-obbligi ta' divulgazzjoni tagħhom; iqis li huwa meħtieġ li jiġi stabbilit qafas komprensiv tal-UE, bil-qies dovut għall-prinċipju tal-proporzjonalità, biex ikopri l-firxa kollha ta' kwistjonijiet ta' sostenibbiltà rilevanti għal rappurtar mhux finanzjarju komprensiv; jenfasizza, f'dan ir-rigward, li l-qafas leġiżlattiv tal-UE għandu jiżgura li d-divulgazzjonijiet ikunu ċari, ibbilanċjati, jistgħu jinftiehmu, kumparabbli bejn il-kumpaniji fi ħdan settur, verifikabbli u oġġettivi, u jinkludu miri tas-sostenibbiltà marbuta biż-żmien; jenfasizza li dan il-qafas għandu jinkludi wkoll standards obbligatorji, kemm ġenerali kif ukoll speċifiċi għas-settur; jilqa', f'dan ir-rigward, l-impenn tal-Kummissjoni li tappoġġa proċess għall-iżvilupp ta' standards tal-UE għar-rappurtar mhux finanzjarju; jenfasizza li fir-rieżami tal-NFRD għandhom jiġu stabbiliti obbligi u standards speċifiċi ta' rappurtar obbligatorju, bl-involviment xieraq tal-partijiet ikkonċernati kollha involuti, bħas-soċjetà ċivili, l-organizzazzjonijiet ambjentali u s-sħab soċjali;

10.

Iqis li d-dikjarazzjonijiet mhux finanzjarji għandhom jiġu inklużi fir-rapport annwali dwar il-ġestjoni, sabiex jiġu evitati piżijiet addizzjonali għall-kumpaniji; jilqa' l-impenn meħud mill-Kummissjoni fil-Pjan ta' Azzjoni tagħha dwar l-Unjoni tas-Swieq Kapitali (COM(2020)0590) li tressaq proposta leġiżlattiva sat-tielet kwart tal-2021 għal pjattaforma diġitali online aċċessibbli għall-pubbliku fl-UE kollha li tipprovdi aċċess mingħajr ħlas għall-informazzjoni finanzjarja u mhux finanzjarja rrappurtata mill-kumpaniji; iqis li din il-pjattaforma għandha tippermetti lill-utenti jqabblu d-data divulgata mill-kumpaniji, billi tinkludi kategoriji bħal temi, setturi, pajjiżi, fatturat u għadd ta' impjegati;

11.

Jinnota li l-NFRD teskludi d-dikjarazzjonijiet mhux finanzjarji mir-rekwiżit tal-assigurazzjoni tal-kontenut li altrimenti huma soġġetti għalih id-dikjarazzjonijiet finanzjarji tal-kumpaniji; iqis li d-dikjarazzjonijiet mhux finanzjarji għandhom ikunu soġġetti għal awditu obbligatorju, skont id-daqs u l-qasam ta' attività tal-kumpanija kkonċernata; iqis li l-fornitur tas-servizzi ta' assigurazzjoni, soġġett għar-rekwiżiti ta' oġġettività u indipendenza, għandu jwettaq l-awditu tiegħu skont il-qafas futur tal-UE; jenfasizza, fid-dawl ta' dak li ntqal hawn fuq, il-ħtieġa li jiġu indirizzati l-inċentivi ħżiena inerenti fl-awditjar statutorju billi tiġi rieżaminata d-Direttiva dwar l-Awditjar Statutorju (24); jafferma li dan ikun ukoll opportunità biex jiġi indirizzat il-kważi monopolju tal-akbar erba' kumpaniji tal-kontabilità, li tipikament jagħmlu l-awditjar tal-akbar kumpaniji elenkati;

12.

Jenfasizza li r-rappreżentanti tal-ħaddiema għandhom ikunu involuti fid-definizzjoni tal-proċess għar-rappurtar ta' informazzjoni mhux finanzjarja u fil-verifika tal-informazzjoni, b'mod partikolari fir-rigward tal-għanijiet tas-sostenibbiltà soċjali u kwistjonijiet relatati mal-katina tal-produzzjoni tal-provvista, inklużi l-esternalizzazzjoni u s-sottokuntrattar;

13.

Jenfasizza l-importanza li jiġi introdott obbligu li jirrikjedi lil ċerti kumpaniji tal-UE jipproduċu, fuq bażi annwali, rapport għal kull pajjiż għal kull ġurisdizzjoni fiskali li joperaw fiha; jistieden lill-Kunsill jadotta l-approċċ ġenerali tiegħu malajr kemm jista' jkun sabiex jibda negozjati mal-Parlament dwar il-proposta tal-Kummissjoni għal direttiva li temenda d-Direttiva 2013/34/UE fir-rigward tad-divulgazzjoni ta' informazzjoni dwar it-taxxa fuq l-introjtu minn ċerti intrapriżi u fergħat (COM(2016)0198);

14.

Jemmen li l-UE għandha tagħmel kull sforz biex tiżgura li l-ftehimiet ta' kummerċ ħieles li jinnegozjaw jinkludu klawżoli li jirrikjedu li l-istati sħab jistabbilixxu obbligi kumparabbli għall-kumpaniji tagħhom, bil-għan li jiġi evitat kwalunkwe mezz ġdid ta' distorsjoni tal-kompetizzjoni;

L-obbligu ta' diliġenza tad-diretturi u miżuri addizzjonali biex il-governanza korporattiva issir aktar orjentata lejn is-sostenibbiltà

15.

Jenfasizza l-importanza tad-diversità u l-inklużività fil-kumpaniji, li twassal għal prestazzjoni kummerċjali aqwa; jistieden lill-Kunsill jadotta l-approċċ ġenerali tiegħu malajr kemm jista' jkun sabiex jibda negozjati mal-Parlament dwar il-Proposta dwar in-Nisa fuq il-Bordijiet (25), li għandha l-għan li ttemm l-iżbilanċ ġeneralizzat bejn in-nisa u l-irġiel fl-ogħla livelli tat-teħid ta' deċiżjonijiet fi ħdan il-kumpaniji; jistieden lill-Kummissjoni tistudja proposti addizzjonali biex ittejjeb il-bilanċ bejn il-ġeneri fost il-maniġers superjuri u dawk b'pożizzjonijiet influwenti fil-kumpaniji;

16.

Jissottolinja l-ħtieġa għal involviment akbar tal-impjegati fil-proċessi tat-teħid ta' deċiżjonijiet tal-kumpaniji sabiex jiġu integrati aħjar l-objettivi u l-impatti fit-tul tal-kumpaniji tagħhom; jistieden lill-Kummissjoni teżamina l-possibbiltà li tirrevedi d-Direttiva tal-Kunsill tax-Xogħlijiet Ewropew (26) u tistabbilixxi qafas ġdid dwar l-informazzjoni, il-konsultazzjoni u l-involviment tal-impjegati f'kumpaniji Ewropej;

17.

Jisħaq fuq il-fatt li t-tranżizzjoni ekoloġika u ż-żieda fid-diġitalizzazzjoni se jkollhom riperkussjonijiet profondi fuq il-forza tax-xogħol; iqis, għalhekk, li kwalunkwe governanza korporattiva sostenibbli għandha tirrikonoxxi u tiggarantixxi b'mod effettiv id-dritt tal-impjegati li jkomplu t-taħriġ vokazzjonali u l-edukazzjoni tul il-ħajja matul is-sigħat tax-xogħol tagħhom;

18.

Jinnota li l-kumpaniji mhumiex entitajiet astratti maqtugħa mill-isfidi ambjentali u soċjali tal-lum; iqis li l-kumpaniji għandhom jagħtu kontribut aktar attiv għas-sostenibbiltà peress li l-prestazzjoni fit-tul, ir-reżiljenza, u saħansitra s-sopravivenza tagħhom jistgħu jiddependu mill-adegwatezza tar-rispons tagħhom għal kwistjonijiet ambjentali u soċjali; jenfasizza, f'dan ir-rigward, li l-obbligu ta' diliġenza tad-diretturi lejn il-kumpanija tagħhom għandu jiġi definit mhux biss fir-rigward tal-massimizzazzjoni tal-profitti għal żmien qasir mil-lat ta' ishma, iżda wkoll fir-rigward ta' kwistjonijiet tas-sostenibbiltà; jinnota r-rwol ewlieni tad-diretturi eżekuttivi fid-definizzjoni tal-istrateġija ta' kumpanija u s-sorveljanza tal-operazzjonijiet tagħha; iqis li d-dmirijiet legali tad-diretturi eżekuttivi li jaġixxu fl-interess tal-kumpanija tagħhom għandhom jinftiehmu bħala dmir li jintegraw l-interessi fit-tul u r-riskji għas-sostenibbiltà, l-impatti, l-opportunitajiet u d-dipendenzi fl-istrateġija ġenerali tal-kumpanija tagħhom; jenfasizza li dan id-dmir ta' prijoritizzazzjoni jista' jinvolvi bidla minn investimenti mhux sostenibbli lejn investimenti sostenibbli;

19.

Jistieden lill-Kummissjoni tippreżenta proposta leġiżlattiva biex tiżgura li d-dmirijiet tad-diretturi ma jkunux jistgħu jinftiehmu ħażin bħala li jammontaw biss għall-massimizzazzjoni għal żmien qasir tal-valur għall-azzjonisti, iżda minflok iridu jinkludu l-interess fit-tul tal-kumpanija u interessi usa' tas-soċjetà, kif ukoll dak tal-impjegati u ta' partijiet ikkonċernati rilevanti oħra; Jistieden lill-Kummissjoni tippreżenta proposta leġiżlattiva li tiżgura li l-membri ta' korpi amministrattivi, tal-ġestjoni u tas-superviżjoni, li jaġixxu fi ħdan il-kompetenzi assenjati lilhom mil-liġi nazzjonali, ikollhom id-dmir legali li jiddefinixxu, jiddivulgaw u jimmonitorjaw strateġija ta' sostenibbiltà korporattiva;

20.

Jenfasizza, fir-rigward tar-reviżjoni li għaddejja bħalissa tad-Direttiva dwar ir-Responsabbiltà Ambjentali (27), li l-kumpaniji għandu jkollhom titoli finanzjarji għar-responsabbiltà ambjentali għall-ħsara ambjentali kkawżata lill-individwi u l-ekosistemi;

21.

Iqis li l-istrateġiji ta' sostenibbiltà tal-kumpaniji għandhom jidentifikaw u jindirizzaw, f'konformità mal-obbligi ta' diliġenza dovuta tagħhom, min-naħa l-waħda, kwistjonijiet materjali f'konformità mar-rekwiżiti ta' rappurtar mhux finanzjarju, u, min-naħa l-oħra, l-impatti sinifikanti li dawk il-kumpaniji jista' jkollhom fuq kwistjonijiet ambjentali, klimatiċi, soċjali u tal-impjegati, u l-implikazzjonijiet għad-drittijiet tal-bniedem, it-tixħim u l-korruzzjoni li jirriżultaw mill-mudelli tan-negozju, l-operazzjonijiet u l-ktajjen tal-provvista tagħhom, inkluż barra l-UE; iqis li d-dmir ta' diliġenza li d-diretturi għandhom lejn il-kumpanija jirrikjedi wkoll li josservaw id-dmir li ma jagħmlux ħsara lill-ekosistemi u li jħarsu l-interessi tal-partijiet ikkonċernati rilevanti, inklużi l-impjegati, li jistgħu jintlaqtu ħażin mill-attivitajiet tal-kumpanija;

22.

Jemmen li l-ambitu tal-leġiżlazzjoni futura għandu jkopri lill-intrapriżi kbar kollha, kemm dawk elenkati kif ukoll dawk li mhumiex, stabbiliti fit-territorju tal-Unjoni, kif definit fl-Artikolu 3(4) tad-Direttiva dwar il-Kontabilità; jenfasizza li sabiex jiġu pprovduti kundizzjonijiet ekwi, din il-leġiżlazzjoni għandha tapplika wkoll għal kumpaniji mhux tal-UE li joperaw fis-suq tal-UE; jistieden lill-Kummissjoni tidentifika setturi ta' attività ekonomika b'riskju għoli u b'impatt sinifikanti fuq kwistjonijiet ta' sostenibbiltà li jistgħu jiġġustifikaw l-applikazzjoni tagħha għall-SMEs f'dawk is-setturi; iqis ukoll li, wara l-valutazzjoni tal-impatt li qed twettaq il-Kummissjoni, l-istrateġiji ta' sostenibbiltà għandhom jinkludu miri li jistgħu jitkejlu, speċifiċi, marbuta biż-żmien u bbażati fuq ix-xjenza, kif ukoll pjanijiet ta' tranżizzjoni allinjati mal-impenji internazzjonali tal-UE fir-rigward tal-ambjent u t-tibdil fil-klima, b'mod partikolari l-Ftehim ta' Pariġi, il-Konvenzjoni dwar id-Diversità Bijoloġika u l-ftehimiet internazzjonali li jindirizzaw id-deforestazzjoni; jemmen li l-istrateġiji jistgħu jinkludu wkoll politika interna dwar salarju ġust ibbażata fuq paga li tiggarantixxi l-għajxien għal kull pajjiż, politika dwar l-ugwaljanza bejn il-ġeneri, u politika li tiżgura li d-drittijiet tal-impjegati jiġu integrati aħjar fl-attivitajiet tan-negozju; jenfasizza li l-kontenut ta' dawn il-politiki interni għandu jiġi determinat mill-kumpaniji nfushom, b'kunsiderazzjoni xierqa għall-impjegati tagħhom u b'konsultazzjoni magħhom; iqis li dawn il-politiki għandhom iqisu kwistjonijiet speċifiċi għas-settur u/jew ġeografiċi u d-drittijiet ta' persuni li jappartjenu għal gruppi jew komunitajiet partikolarment vulnerabbli; iqis li r-rabta tal-parti varjabbli tar-remunerazzjoni tad-diretturi eżekuttivi mal-ksib tal-miri miżurabbli stabbiliti fl-istrateġija sservi biex tallinja l-interessi tad-diretturi mal-interessi fit-tul tal-kumpaniji tagħhom; jistieden lill-Kummissjoni tkompli tippromwovi skemi ta' rimunerazzjoni bħal dawn għall-ogħla pożizzjonijiet maniġerjali;

23.

Jinnota li xi Stati Membri introduċew il-kunċett ta' “ishma ta' lealtà” fil-leġiżlazzjoni tagħhom, fejn il-parteċipazzjoni azzjonarja fit-tul tiġi ppremjata permezz ta' drittijiet tal-vot u vantaġġi fiskali; jistieden lill-Kummissjoni tikkunsidra l-introduzzjoni ta' mekkaniżmi ġodda għall-promozzjoni ta' rendimenti sostenibbli u l-prestazzjonijiet fit-tul tal-kumpaniji; jenfasizza li l-qligħ imfaddal jista' jikkontribwixxi biex jinbnew riżervi adegwati;

24.

Iqis li d-Direttiva dwar id-Drittijiet tal-Azzjonisti għandha tiġi emendata wkoll sabiex tiġi inċentivata l-imġiba ta' azzjonisti “paċenzjużi”, b'mod partikolari billi tiġi ppremjata l-parteċipazzjoni azzjonarja fit-tul permezz ta' drittijiet tal-vot u vantaġġi fiskali;

25.

Jesprimi tħassib li ċerti ftehimiet ta' investiment internazzjonali bħat-Trattat tal-Karta tal-Enerġija jpoġġu l-interessi finanzjarji tal-korporazzjonijiet multinazzjonali qabel il-prijoritajiet ambjentali u klimatiċi; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tieħu azzjoni rapida biex tiżgura li l-ftehimiet ta' investiment kummerċjali eżistenti u futuri kollha jkunu allinjati bis-sħiħ mal-objettivi klimatiċi u ambjentali tal-UE u jħeġġiġha tressaq proposti biex jiġu miġġielda l-ħtif tal-art u d-deforestazzjoni mill-korporazzjonijiet fir-rieżami li jmiss tal-NFRD;

26.

Iqis li, fil-proċess tad-definizzjoni u l-monitoraġġ tal-istrateġiji ta' sostenibbiltà tagħhom, il-kumpaniji għandu jkollhom id-dmir li jinfurmaw u jikkonsultaw lill-partijiet ikkonċernati rilevanti; jemmen li l-kunċett ta' parti kkonċernata għandu jiġi interpretat b'mod wiesa' u jinkludi l-persuni kollha li d-drittijiet u l-interessi tagħhom jistgħu jiġu milquta mid-deċiżjonijiet tal-kumpanija, bħall-impjegati, it-trade unions, il-komunitajiet lokali, il-popli indiġeni, l-assoċjazzjonijiet taċ-ċittadini, l-azzjonisti, is-soċjetà ċivili u l-organizzazzjonijiet ambjentali; iqis li huwa essenzjali, barra minn hekk, li jiġu kkonsultati l-awtoritajiet pubbliċi nazzjonali u lokali li jittrattaw is-sostenibbiltà tal-affarijiet ekonomiċi, b'mod partikolari dawk responsabbli għall-impjiegi u l-politiki pubbliċi ambjentali;

27.

Iqis li dan l-involviment għandu jsir, skont id-daqs u l-qasam ta' attività tal-kumpanija kkonċernata u b'eċċezzjoni għall-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju (SMEs) li ma joperawx f'setturi ta' riskju għoli, setturi li għandhom jiġu definiti mill-Kummissjoni, permezz ta' kumitati konsultattivi li jinkludu rappreżentanti jew kelliema tal-partijiet ikkonċernati, inklużi impjegati kif ukoll esperti indipendenti, bl-għan ġenerali li jipprovdu pariri dwar il-kontenut u l-implimentazzjoni tal-istrateġija ta' sostenibbiltà tal-kumpanija; iqis li dawn il-kumitati konsultattivi għandu jkollhom id-dritt li jitolbu, jekk ikun approvat minn maġġoranza kbira, awditu indipendenti jekk jitqajjem tħassib raġonevoli dwar l-implimentazzjoni xierqa tal-istrateġija ta' sostenibbiltà;

28.

Jemmen li l-kumpaniji li jirċievu għajnuna mill-Istat, finanzjament mill-UE, jew flus pubbliċi oħra jew kumpaniji li jwettqu pjanijiet ta' sensji għandu jkollhom l-għan li jżommu l-impjiegi tal-ħaddiema tagħhom u joffrulhom protezzjoni, jaġġustaw ir-remunerazzjoni tad-diretturi tagħhom b'konsegwenza, iħallsu s-sehem ġust tagħhom ta' taxxi, jimplimentaw l-istrateġija ta' sostenibbiltà tagħhom f'konformità mal-objettiv li jnaqqsu l-marka tal-karbonju tagħhom, u joqogħdu lura milli jħallsu dividendi jew milli joffru skemi ta' xiri lura tal-ishma mmirati lejn ir-rimunerazzjoni tal-azzjonisti;

o

o o

29.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1)  https://www.ohchr.org/documents/publications/guidingprinciplesbusinesshr_en.pdf

(2)  https://www.un.org/sustainabledevelopment/sustainable-development-goals/

(3)  http://mneguidelines.oecd.org/guidelines/

(4)  https://www.oecd.org/investment/due-diligence-guidance-for-responsible-business-conduct.htm

(5)  https://mneguidelines.oecd.org/RBC-for-Institutional-Investors.pdf

(6)  https://www.ilo.org/wcmsp5/groups/public/---ed_emp/---emp_ent/---multi/documents/publication/wcms_094386.pdf

(7)  https://unfccc.int/files/essential_background/convention/application/pdf/english_paris_agreement.pdf

(8)  https://www.ipcc.ch/2018/10/08/summary-for-policymakers-of-ipcc-special-report-on-global-warming-of-1-5c-approved-by-governments/

(9)  ĠU L 150, 20.5.2014, p. 195.

(10)  ĠU L 182, 29.6.2013, p. 19.

(11)  ĠU L 330, 15.11.2014, p. 1.

(12)  ĠU L 157, 15.6.2016, p. 1.

(13)  ĠU L 132, 20.5.2017, p. 1.

(14)  ĠU L 305, 26.11.2019, p. 17.

(15)  ĠU L 317, 9.12.2019, p. 1.

(16)  ĠU L 198, 22.6.2020, p. 13.

(17)  ĠU C 215, 5.7.2017, p. 1.

(18)  ĠU C 209, 20.6.2019, p. 1.

(19)  https://ec.europa.eu/info/sites/info/files/business_economy_euro/growth_and_investment/documents/200610-cmu-high-level-forum-final-report_en.pdf

(20)  http://www.undocs.org/A/HRC/8/5

(21)  https://ec.europa.eu/environment/legal/liability/pdf/Final_report.pdf

(22)  https://climateprinciplesforenterprises.files.wordpress.com/2017/12/osloprincipleswebpdf.pdf

(23)  http://www.oecd.org/coronavirus/policy-responses/covid-19-and-responsible-business-conduct-02150b06/#:~:text=A%20responsible%20business%20conduct%20(RBC,both%20government%20and%20business%20response

(24)  ĠU L 158, 27.5.2014, p. 196.

(25)  Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta' Novembru 2012 dwar it-titjib tal-bilanċ bejn is-sessi fost diretturi mhux eżekuttivi ta' kumpaniji elenkati f'borża u miżuri relatati (COM(2012)0614).

(26)  ĠU L 122, 16.5.2009, p. 28.

(27)  ĠU L 143, 30.4.2004, p. 56.


Top