Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52020IP0009

    Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-15 ta' Jannar 2020 dwar l-Implimentazzjoni tal-Politika ta' Sigurtà u ta' Difiża Komuni – rapport annwali (2019/2135(INI))

    ĠU C 270, 7.7.2021, p. 54–70 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    7.7.2021   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 270/54


    P9_TA(2020)0009

    Rapport annwali dwar l-implimentazzjoni tal-Politika ta' Sigurtà u ta' Difiża Komuni

    Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-15 ta' Jannar 2020 dwar l-Implimentazzjoni tal-Politika ta' Sigurtà u ta' Difiża Komuni – rapport annwali (2019/2135(INI))

    (2021/C 270/05)

    Il-Parlament Ewropew,

    wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE) u t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea(TFUE),

    wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tal-20 ta' Diċembru 2013, tas-26 ta' Ġunju 2015, tal-15 ta' Diċembru 2016, tat-22 ta' Ġunju 2017, tat-28 ta' Ġunju 2018, tal-14 ta' Diċembru 2018 u tal-20 ta' Ġunju 2019,

    wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-politika ta' sigurtà u ta' difiża komuni tal-25 ta' Novembru 2013, tat-18 ta' Novembru 2014, tat-18 ta' Mejju 2015, tas-27 ta' Ġunju 2016, tal-14 ta' Novembru 2016, tat-18 ta' Mejju 2017, tas-17 ta' Lulju 2017, tal-25 ta' Ġunju 2018 u tas-17 ta' Ġunju 2019,

    wara li kkunsidra d-dokument bit-titlu “Viżjoni Kondiviża, Azzjoni Komuni: Ewropa Aktar b'Saħħitha – Strateġija Globali għall-Politika Estera u ta' Sigurtà tal-Unjoni Ewropea”, ippreżentat mill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika Soċjali (VP/RGħ) fit-28 ta' Ġunju 2016,

    wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet konġunti tat-8 ta' Lulju 2016 u tal-10 ta' Lulju 2018 tal-Presidenti tal-Kunsill Ewropew u tal-Kummissjoni Ewropea u tas-Segretarju Ġenerali tan-NATO,

    wara li kkunsidra s-sett komuni ta' 42 proposta approvat mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u mill-Kunsill tal-Atlantiku tat-Tramuntana fis-6 ta' Diċembru 2016 u r-rapporti ta' progress tal-14 ta' Ġunju u tal-5 ta' Diċembru 2017 dwar l-implimentazzjoni tagħhom, u s-sett il-ġdid ta' 32 proposta approvat miż-żewġ Kunsilli fil-5 ta' Diċembru 2017,

    wara li kkunsidra d-Dokument ta' Riflessjoni dwar il-Futur tad-Difiża Ewropea tas-7 ta' Ġunju 2017 (COM(2017)0315),

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' Settembru 2013 dwar l-istrutturi militari tal-UE: is-sitwazzjoni attwali u l-prospetti futuri (1),

    wara li kkunsidra l-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti u l-Att Finali ta' Helsinki tal-1 ta' Awwissu 1975 tal-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa,

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' Settembru 2017 dwar Strateġija Spazjali għall-Ewropa (2),

    wara li kkunsidra r-rakkomandazzjonijiet tiegħu tal-15 ta' Novembru 2017 lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lis-SEAE dwar is-Sħubija tal-Lvant, fit-tħejjija għas-Summit ta' Novembru 2017 (3),

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-22 ta' Novembru 2016 dwar l-Unjoni Ewropea tad-Difiża (4),

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-16 ta' Marzu 2017 dwar l-implikazzjonijiet kostituzzjonali, legali u istituzzjonali ta' politika ta' sigurtà u ta' difiża komuni: possibilitajiet offruti mit-Trattat ta' Lisbona (5),

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-5 ta' Lulju 2017 dwar il-mandat għat-trilogu dwar l-abbozz ta' baġit 2018 (6),

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-11 ta' Diċembru 2018 dwar il-mobbiltà militari (7),

    wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2018/1092 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Lulju 2018 li jistabbilixxi l-Programm Ewropew għall-Iżvilupp fl-Industrija tad-Difiża bil-għan li jappoġġja l-kompetittività u l-kapaċità ta' innovazzjoni tal-industrija tad-difiża tal-Unjoni (8),

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni leġiżlattiva tiegħu tat-18 ta' April 2019 dwar il-proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Fond Ewropew għad-Difiża (9),

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu tat-23 ta' Novembru 2016 dwar l-implimentazzjoni tal-Politika ta' Sigurtà u ta' Difiża Komuni (abbażi tar-Rapport Annwali tal-Kunsill lill-Parlament Ewropew dwar il-Politika Estera u ta' Sigurtà Komuni) (10), tat-13 ta' Diċembru 2017 dwar ir-Rapport annwali dwar l-implimentazzjoni tal-Politika ta' Sigurtà u ta' Difiża Komuni (11) u tat-12 ta' Diċembru 2018 dwar ir-rapport annwali dwar l-implimentazzjoni tal-Politika ta' Sigurtà u ta' Difiża Komuni (12),

    wara li kkunsidra d-dokument bit-titlu “Implementation Plan on Security and Defence” (Pjan ta' Implimentazzjoni dwar is-Sigurtà u d-Difiża) ippreżentat mill-VP/RGħ fl-14 ta' Novembru 2016,

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Ġunju 2018 dwar ir-relazzjonijiet UE-NATO (13),

    wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-30 ta' Novembru 2016 dwar il-Pjan ta' Azzjoni Ewropew għad-Difiża (COM(2016)0950),

    wara li kkunsidra l-pakkett tad-difiża l-ġdid ippreżentat mill-Kummissjoni fis-7 ta' Ġunju 2017 fl-istqarrija għall-istampa bit-titlu “Ewropa li tiddefendi: Il-Kummissjoni tiftaħ dibattitu dwar il-mixja lejn unjoni tas-sigurtà u d-difiża”,

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu tal-14 ta' Diċembru 2016 dwar l-implimentazzjoni tal-Politika Estera u ta' Sigurtà Komuni (14), tat-13 ta' Diċembru 2017 dwar ir-Rapport Annwali dwar l-implimentazzjoni tal-Politika Estera u ta' Sigurtà Komuni (15) u tat-12 ta' Diċembru 2018 dwar ir-Rapport annwali dwar l-implimentazzjoni tal-Politika Estera u ta' Sigurtà Komuni (16),

    wara li kkunsidra l-invażjoni u l-annessjoni illegali tal-Krimea min-naħa tar-Russja,

    wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Forzi Nukleari fuq Distanza Medja (Trattat INF), il-ksur ripetut tiegħu min-naħa tar-Russja, inkluż l-iżvilupp u l-istazzjonar ta' sistemi ta' missili tal-kruċiera 9M729 illanċati mill-art, u l-irtirar tal-Istati Uniti u tar-Russja mit-Trattat,

    wara li kkunsidra l-ksur tal-ispazju tal-ajru u tal-fruntieri marittimi tal-Istati Membri min-naħa tar-Russja,

    wara li kkunsidra ż-żieda fil-preżenza ekonomika u militari taċ-Ċina fil-pajjiżi Mediterranji u Afrikani,

    wara li kkunsidra t-theddida tat-terroriżmu intern u barrani, b'mod partikolari min-naħa ta' gruppi bħall-ISIS u al-Qaeda,

    wara li kkunsidra t-teknoloġiji l-ġodda bħall-intelliġenza artifiċjali, il-kapaċitajiet spazjali u l-informatika kwantistika, li joffru opportunitajiet ġodda għall-umanità, iżda joħolqu wkoll sfidi ġodda fl-ambitu tal-politika estera u ta' difiża li għalihom hemm bżonn strateġija ċara u kunsens bejn l-alleati,

    wara li kkunsidra s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (QĠUE), tal-24 ta' Ġunju 2014, fil-Kawża C-658/11, Il-Parlament Ewropew, sostnut mill-Kummissjoni Ewropea, vs Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea (17),

    wara li kkunsidra l-Pjan ta' Azzjoni tal-UE dwar il-Mobbiltà Militari ppubblikat fit-28 ta' Marzu 2018,

    wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar it-Tisħiħ tas-Sħubija Strateġika NU-UE dwar l-Operazzjonijiet ta' Paċi u l-Ġestjoni ta' Kriżijiet: Prijoritajiet 2019-2021, adottati fit-18 ta' Settembru 2018,

    wara li kkunsidra l-Artikolu 54 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

    wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali,

    wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin (A9-0052/2019),

    Kuntest ta' sigurtà inċert u imprevedibbli fit-tul

    1.

    Jieħu nota tad-deterjorament kostanti tal-ambjent tas-sigurtà tal-Unjoni Ewropea, li quddiemu għandu diversi sfidi li jaffettwaw, direttament jew indirettament, is-sigurtà tal-Istati Membri u taċ-ċittadini tagħha: kunflitt armati u stati fraġli fuq il-kontinent Ewropew u fil-viċinanzi tiegħu li jikkaġunaw spostamenti tal-popolazzjoni bil-massa u abbużi tad-drittijiet tal-bniedem iffaċilitati minn xbieki transnazzjonali tal-kriminalità organizzata, terroriżmu ġiħadista, attakki ċibernetiċi, theddid ibridu, armi kontra l-pajjiżi Ewropej, sforzi ta' diżarm u reġimi internazzjonali għall-kontroll tal-armi dejjem aktar dgħajfa, żieda fit-theddid għar-riżorsi naturali, insigurtà enerġetika u tibdil fil-klima;

    2.

    Iqis li l-instabbiltà u l-imprevedibbiltà fil-fruntieri tal-Unjoni u fil-viċinat immedjat tagħha (l-Afrika ta' Fuq, il-Lvant Nofsani, il-Kawkasu, il-Balkani, il-Mediterran tal-Lvant, l-aggressjoni Russa kontra l-Ukrajna u l-Georgia, eċċ.), kif ukoll fil-viċinat estiż tagħha (is-Saħel, il-Qarn tal-Afrika, eċċ.), jirrappreżentaw theddida diretta u indiretta għas-sigurtà tal-kontinent; jenfasizza r-rabta indissolubbli bejn is-sigurtà interna u dik esterna; jirrikonoxxi li involviment attiv fil-viċinat hu fl-interessi tal-Unjoni Ewropea;

    3.

    Josserva li ċerti atturi globali (l-Istati Uniti, iċ-Ċina u r-Russja) iżda wkoll għadd dejjem jikber ta' atturi reġjonali (it-Turkija, l-Iran, l-Arabja Sawdija, eċċ.) qed jadottaw approċċi ta' affermazzjoni tal-poter li jikkombinaw pożizzjonijiet diplomatiċi unilaterali, bdil tal-alleanzi, destabbilizzazzjoni tal-attivitajiet ta' natura prinċipalment ibrida u tisħiħ tal-kapaċitajiet militari;

    4.

    Jissottolinja l-importanza ġeopolitika dejjem akbar tal-Artiku u l-effetti tiegħu fuq is-sitwazzjoni tas-sigurtà fl-UE u f'livell globali; iħeġġeġ lill-UE taħdem għal politika interna u esterna aktar koerenti, strateġija għall-Artiku u pjan ta' azzjoni konkret dwar l-impenn tal-UE fl-Artiku, filwaqt li tqis ukoll l-aspetti ġeostrateġiċi u tas-sigurtà; josserva l-kapaċità tal-UE li tikkontribwixxi biex jissolvew l-isfidi ġeostrateġiċi u fil-qasam tas-sigurtà potenzjali;

    5.

    Jesprimi tħassib kbir għall-imġiba ġeneralment destabbilizzanti tar-Turkija, inklużi l-attivitajiet illegali tagħha fiż-żona ekonomika esklużiva (ŻEE)/fil-blata kontinentali ta' Ċipru, li tikser id-dritt internazzjonali u r-relazzjonijiet ta' bon viċinat u thedded il-paċi u l-istabbiltà f'reġjun diġà fraġli;

    6.

    Jiddeplora li, f'dan il-kuntest, uħud minn dawn l-atturi qegħdin jevitaw deliberatament jew qegħdin jippruvaw jeqirdu l-mekkaniżmi multilaterali, il-prinċipji tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti u d-dispożizzjonijiet rilevanti tad-dritt internazzjonali indispensabbli għaż-żamma tal-paċi; josserva li jafu jsiru theddida diretta għas-sigurtà tal-UE u jipperikolaw ir-relazzjonijiet bilaterali bejn l-UE u l-pajjiżi sħab;

    7.

    Jisħaq fuq l-importanza tan-negozjati multilaterali bejn l-UE u l-partijiet kkonċernati, bil-għan li tiġi indirizzata t-theddida tal-proliferazzjoni nukleari; iħeġġeġ li jiġu rispettati t-trattati nukleari; iħeġġeġ, barra minn hekk, li jingħata sostenn lill-konklużjoni ta' trattat ġdid li jieħu post it-Trattat INF u jġedded it-Trattat dwar in-Nonproliferazzjoni tal-Armi Nukleari (TNP) fl-2020;

    8.

    Jisħaq fuq il-fatt li t-tisħiħ tar-relazzjonijiet sostanzjali mal-Asja tal-Lvant u tax-Xlokk huwa fundamentali għal strateġija tal-UE fil-qasam tal-konnettività bbażata fuq ir-regoli, komprensiva u sostenibbli; jieħu nota tat-tqawwija tal-forzi militari fir-reġjun u jistieden lill-partijiet kollha involuti jirrispettaw il-libertà ta' navigazzjoni, jirriżolvu d-differenzi bil-mezzi paċifiċi u jastjenu milli jieħdu azzjonijiet unilaterali biex ibiddlu l-istatus quo, anki fil-Baħar taċ-Ċina tal-Lvant, fil-Baħar taċ-Ċina tan-Nofsinhar u fl-Istrett tat-Tajwan; jinsab mħasseb minħabba l-fatt li l-indħil barrani minn reġimi awtokratiċi fil-kuntest tal-elezzjonijiet ġenerali li jmiss, permezz ta' azzjonijiet ta' diżinformazzjoni u attakki ċibernetiċi, jheddu d-demokraziji Asjatiċi u l-istabbiltà tar-reġjun; itenni s-sostenn tiegħu għall-parteċipazzjoni sinifikanti tat-Tajwan fl-organizzazzjonijiet, fil-mekkaniżmi u fl-attivitajiet internazzjonali;

    9.

    Jinsab imħasseb bl-attivitajiet u bil-politiki tar-Russja li jkomplu jiddestabbilizzaw u jibdlu l-kundizzjoni tas-sigurtà; jenfasizza li l-okkupazzjoni tar-Russja fl-Ukrajna tal-Lvant qiegħda tkompli, u li l-ftehimiet ta' Minsk ma ġewx implimentati u li l-annessjoni illegali u l-militarizzazzjoni tal-Krimea u tad-Donbass għadhom għaddejjin; jinsab imħasseb bil-kunflitti ffriżati attwali li r-Russja żżomm fl-Ewropa (fil-Moldova u fil-Georgia); jisħaq fuq il-bżonn li nitkellmu b'vuċi waħda dwar il-politika tal-UE f'dan il-kuntest;

    10.

    Għadu jikkundanna l-intervent militari tar-Russja u l-annessjoni illegali tal-peniżola tal-Krimea; jesprimi s-sostenn tiegħu għall-indipendenza, għas-sovranità u għall-integrità territorjali tal-Ukrajna;

    11.

    Ifakkar fl-importanza li tiġi żgurata l-koerenza tal-politika tal-UE fir-rigward ta' sitwazzjonijiet ta' okkupazzjoni jew annessjoni ta' territorji;

    12.

    Josserva li l-Unjoni damet biex irreaġixxiet u biex adattat ruħha – politikament, diplomatikament u militarment – għall-kriżijiet il-ġodda u għal dan il-kuntest internazzjonali l-ġdid; iqis li, fil-qasam speċifiku tad-difiża, l-investimenti insuffiċjenti, in-nuqqas ta' kapaċitajiet u n-nuqqas ta' interoperabbiltà, iżda wkoll u fuq kollox riluttanza politika biex jiġu implimentati d-dispożizzjonijiet sodi previsti mit-trattati Ewropej u bosta forom ta' kooperazzjoni bejn l-Istati Membri jostakolaw il-kapaċità tal-UE li tiżvolġi rwol deċiżiv fil-kriżijiet esterni u li twettaq il-potenzjal tagħha b'mod sħiħ; jirrikonoxxi u jissottolinja wkoll li l-ebda pajjiż jista' jindirizza waħdu l-isfidi fil-qasam tas-sigurtà fil-kontinent Ewropew u fl-ambjent immedjat tiegħu; jitlob lill-Kunsill Ewropew jirrikorri għall-votazzjoni b'maġġoranza kwalifikata fi ħdan il-Kunsill fil-qasam tal-politika ta' sigurtà u ta' difiża komuni (PSDK) bħala prijorità politika jekk it-TUE jippermettiha; jistieden lill-Istati Membri jiżviluppaw approċċ integrat effikaċi għall-kriżijiet u għall-kunflitti, li jikkombinaw il-mezzi ċivili u militari bl-aħjar mod possibbli u bl-aktar mod ibbilanċjat; jemmen li l-kapaċità tal-Unjoni li tirreaġixxi b'mod adegwat għall-kriżijiet u għall-kunflitti emerġenti tiddependi wkoll mill-veloċità tal-proċess deċiżjonali; josserva li miżuri restrittivi mmirati jistgħu jkunu strumenti effikaċi, iżda jenfasizza li ma għandhomx jolqtu lill-persuni innoċenti u għandhom ikunu konformi mal-prinċipji tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti u tal-politika estera u ta' sigurtà komuni (PESK);

    13.

    Jilqa' favorevolment ir-rikonoxximent ta' interessi kondiviżi fil-qasam tas-sigurtà u tar-rieda politika dejjem akbar, min-naħa tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea u tal-pajjiżi Ewropej l-oħra u tal-istituzzjonijiet Ewropej, li jaġixxu kollettivament għas-sigurtà tagħhom b'aktar mezzi ta' azzjoni u b'mod aktar preventiv, rapidu, effikaċi u awtonomu; josserva li bis-saħħa ta' approċċ kollettiv biss tista' l-UE ssir aktar b'saħħitha u tkun tista' tieħu aktar responsabbiltà fir-rigward tas-sigurtà u tad-difiża tagħha;

    14.

    Jenfasizza li l-pajjiżi, ilkoll flimkien, jindirizzaw aħjar dawn l-isfidi, mhux kull wieħed għalih waħdu; iqis li huwa essenzjali li l-UE taffronta dawn l-isfidi malajr, b'mod koerenti u effikaċi, b'vuċi waħda u flimkien mal-alleati, mas-sħab u mal-organizzazzjonijiet internazzjonali l-oħra;

    15.

    Huwa konvint li r-risposta għall-isfidi tal-Unjoni fil-qasam tas-sigurtà tinsab primarjament fid-definizzjoni u fit-tisħiħ tal-awtonomija strateġika tagħha, tal-kapaċitajiet tagħha u tal-possibbiltà li taħdem fl-ambitu ta' sħubija strateġika ma' oħrajn;

    16.

    Jissottolinja li s-sħubija strateġika bejn l-UE u n-NATO hija fundamentali biex jiġu indirizzati l-isfidi tas-sigurtà li l-UE u l-viċinat tagħha għandhom quddiemhom; jisħaq fuq il-fatt li l-awtonomija strateġika tal-UE ma tikkostitwix sfida għan-NATO u ma tikkompromettix l-arkitettura attwali tas-sigurtà fl-Ewropa; jisħaq fuq il-fatt li Ewropa aktar b'saħħitha ssaħħaħ in-NATO u tippermetti lill-UE taffronta man-NATO sfidi aktar globali;

    17.

    Jilqa' pożittivament ir-riżultati li nkisbu f'dawn l-aħħar ħames snin f'termini ta' tisħiħ tal-PSDK u jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni jiżviluppaw ulterjorment il-kapaċità tal-Unjoni li taġixxi bħala sieħba globali, u tirrappreżenta l-interessi taċ-ċittadini Ewropej u tkun forza pożittiva fir-relazzjonijiet internazzjonali;

    18.

    Jilqa' pożittivament u jsostni l-operazzjoni Atlantic Resolve u l-Preżenza Avvanzata Msaħħa tan-NATO fil-kontinent Ewropew; jirrikonoxxi wkoll l-importanza tat-truppi tan-NATO għall-isforzi mmirati biex jiddiżinċentivaw aggressjoni ulterjuri min-naħa tar-Russja u biex jingħata sostenn kruċjali f'każ ta' kunflitt;

    19.

    Jirrikonoxxi l-involviment u s-sostenn Ewropew għal-operazzjoni Resolute Support fl-Afganistan; jirrikonoxxi barra minn hekk l-importanza ta' din il-missjoni għall-istabbiltà u għas-sigurtà tal-Afganistan u tar-reġjun;

    Il-ħtieġa li tkun żviluppata u tissaħħaħ l-awtonomija strateġika Ewropea

    20.

    Josserva li l-ambizzjoni li tinkiseb l-awtonomija strateġika Ewropea ġiet ppreżentata għall-ewwel darba fil-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tad-19 u l-20 ta' Diċembru 2013 u rikonoxxuta għall-ewwel darba fl-“Istrateġija Globali għall-Politika Estera u ta' Sigurtà tal-Unjoni Ewropea”, ippreżentata mill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/RGħ) fit-28 ta' Ġunju 2016, li ddefiniet l-awtonomija strateġika Ewropea bħala objettiv fit-tul u talbet sinkronizzazzjoni gradwali u adattament reċiproku taċ-ċikli ta' ppjanar tad-difiża nazzjonali u tal-prattiki ta' żvilupp tal-kapaċitajiet;

    21.

    Iqis li l-awtonomija strateġika Ewropea hija bbażata fuq il-kapaċità tal-Unjoni li ssaħħaħ il-libertà tagħha li tivvaluta l-kapaċità operattiva indipendenti tagħha, magħmula minn forzi militari kredibbli, il-kapaċità industrijali tagħha li tipproduċi t-tagħmir li tiegħu l-forzi tagħha għandhom bżonn u l-kapaċità politika tagħha li tieħu deċiżjonijiet meta ċ-ċirkostanzi jeħtieġu hekk, u tirrifletti l-objettiv li tieħu fuq spallejha aktar responsabbiltà għas-sigurtà Ewropea, bil-għan li tiddefendi l-interessi u l-valuri komuni tagħha, mas-sħab meta possibbli u waħedha, jekk neċessarju; jenfasizza li s-sigurtà enerġetika hija komponent importanti biex tinkiseb awtonomija strateġika; jemmen b'konvinzjoni li l-awtonomija strateġika Ewropea għandha tinkludi l-kapaċità li tistazzjona l-forzi militari fil-periferija tal-UE;

    22.

    Iqis għalhekk li l-awtonomija strateġika Ewropea hija bbażata, l-ewwel u qabel kollox, fuq il-kapaċità tal-Unjoni li tivvaluta sitwazzjoni ta' kriżi u li tieħu deċiżjoni b'mod awtonomu, u dan neċessarjament jimplika proċess deċiżjonali indipendenti u effiċjenti, mezzi ta' valutazzjoni u libertà ta' analiżi u ta' azzjoni; iqis, barra minn hekk, li l-awtonomija strateġika Ewropea hija bbażata fuq il-kapaċità tal-Unjoni li taġixxi waħedha, meta l-interessi tagħha jkunu involuti (teatri ta' operazzjonijiet li ma jitqisux bħala prijoritarji mill-Istati Membri tal-UE) jew fil-qafas ta' forom ta' kooperazzjoni eżistenti; jissottolinja li l-awtonomija strateġika Ewropea tagħmel parti minn qafas multilaterali li jirrispetta l-impenji fi ħdan in-NU u li jikkomplementa b'mod adegwat l-alleanzi u s-sħubijiet li tagħhom il-biċċa l-kbira tal-Istati Membri huma firmatarji; jenfasizza bil-qawwa li l-awtonomija strateġika ma tfissirx li l-Unjoni taġixxi sistematikament waħedha, fi kwalunkwe post u fi kwalunkwe ħin;

    23.

    Iqis li l-affermazzjoni tal-awtonomija strateġika Ewropea tiddependi mill-ħolqien ta' PSDK komprensiva, sostnuta mill-kooperazzjoni Ewropea tad-difiża fl-oqsma teknoloġiċi, tal-kapaċitajiet, industrijali u operattivi; iqis li hija biss kooperazzjoni konkreta u flessibbli bbażata fuq inizjattivi pragmatiċi li se tagħmilha possibbli li jingħelbu b'mod gradwali d-diffikultajiet, li tiġi stabbilita kultura strateġika komuni vera u proprja u li jitfasslu risposti komuni adattati għall-isfidi ewlenin ta' sigurtà u ta' difiża tal-UE;

    24.

    Jenfasizza li, biex tiżdied l-awtonomija strateġika tal-UE, l-Istati Membri għandhom bżonn iżidu l-infiq tagħhom għad-difiża u jimmiraw għall-objettiv ta' 2 % tal-PDG; iqis li ż-żieda fl-investimenti fis-sigurtà u fid-difiża hija kwistjoni urġenti għall-Istati Membri u għall-UE u li s-solidarjetà u l-kooperazzjoni fil-qasam tad-difiża jmisshom isiru n-norma;

    25.

    Jenfasizza li l-awtonomija strateġika Ewropea tista' tassew tinkiseb biss jekk l-Istati Membri juru rieda politika, koeżjoni u solidarjetà, u dan huwa wkoll rifless b'mod partikolari fil-ħtieġa li tingħata prijorità lill-ksib ta' kapaċitajiet Ewropej meta t-tagħmir ikun effettivament konformi mal-ogħla istandards u jkun disponibbli u kompetittiv, biex jinkiseb l-aċċess reċiproku għas-swieq tal-armamenti ferm protetti;

    26.

    Itenni li l-awtonomija strateġika Ewropea hija ambizzjoni leġittima u neċessarja u trid tibqa' objettiv prijoritarju tal-PESK u tal-politika Ewropea tad-difiża; jenfasizza li l-implimentazzjoni prattika u operattiva tagħha tmiss kemm lill-UE kif ukoll lill-Istati Membri tagħha;

    Progress reali li għandu jiġi kkonsolidat biex tinkiseb l-awtonomija strateġika Ewropea

    27.

    Isostni li l-awtonomija strateġika Ewropea trid tiġi artikolata fl-oqsma tal-politika estera u ta' sigurtà, tal-industrija, tal-kapaċitajiet (programmi komuni, investimenti fit-teknoloġiji ta' difiża) u fl-oqsma operattivi (finanzjament tal-operazzjonijiet, tisħiħ tal-kapaċitajiet tas-sħab, kapaċità ta' ppjanar u ta' tmexxija tal-missjonijiet);

    28.

    Iqis li jixraq li tkun persegwita politika restrittiva fil-qasam tal-esportazzjoni tat-tipi kollha ta' armi, inklużi l-prodotti b'użu doppju; iħeġġeġ lill-Istati Membri jirrispettaw il-Kodiċi ta' Kondotta tal-Unjoni Ewropea dwar l-Esportazzjoni ta' Armi; itenni l-bżonn li l-Istati Membri kollha japplikaw b'mod rigoruż ir-regoli stabbiliti fil-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2008/944/PESK tat-8 ta' Diċembru 2008 (18) dwar l-esportazzjonijiet tal-armi, inkluż l-applikazzjoni soda tat-tieni kriterju dwar ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem fil-pajjiż tad-destinazzjoni finali;

    Missjonijiet u operazzjonijiet tal-PSDK

    29.

    Iqis li d-difiża tal-Ewropa hija bbażata fil-biċċa l-kbira tagħha fuq il-kapaċità tal-Unjoni u fuq ir-rieda politika tal-Istati Membri li jintervjenu militarment, b'mod kredibbli, fit-teatri tal-operazzjonijiet esterni; isostni li l-Unjoni għandha għad-dispożizzjoni tagħha riżorsi umani, finanzjarji, tekniċi u militari konsiderevoli, li jikkonferulha kapaċità unika li tmexxi operazzjonijiet militari u ċivili u li tirrispondi fil-pront u b'mod preventiv għall-isfidi futuri fil-qasam tas-sigurtà, pereżempju permezz ta' missjonijiet attivi taż-żamma tal-paċi;

    30.

    Jisħaq fuq il-fatt li, mill-adozzjoni tal-Istrateġija Globali tal-UE fl-2016, il-proliferazzjoni tal-kunflitti reġjonali u lokali, anki qrib il-viċinat Ewropew immedjat, toħloq bosta sfidi għas-sigurtà tal-Unjoni, peress li dawn il-kunflitti spiss għandhom effetti konsegwenzjali; iqis, f'dan ir-rigward, li l-Unjoni għandha tieħu rwol aktar importanti fil-ġestjoni tal-kriżijiet, fir-riżoluzzjoni tal-kunflitti u fiż-żamma tal-paċi, kull meta jkun possibbli flimkien mal-organizzazzjonijiet reġjonali u internazzjonali l-oħra bħan-Nazzjonijiet Uniti u l-Unjoni Afrikana, konformement mal-impenji tagħha favur il-multilateraliżmu, iżda wkoll waħedha meta s-sitwazzjoni titlob hekk;

    31.

    Jinkoraġġixxi lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) u lill-Istati Membri jadottaw approċċ li jħares aktar 'il quddiem fir-rigward tal-ippjanar u tal-iżvilupp tal-kapaċitajiet, u jantiċipaw il-bżonnijiet futuri ta' risposta b'saħħitha tal-UE għall-kriżijiet u għall-kunflitti;

    32.

    Josserva li attwalment l-Unjoni hija preżenti fi tliet kontinenti, fejn huma stazzjonati sittax-il missjoni ċivili jew militari (għaxra ċivili u sitta militari, fosthom tliet missjonijiet eżekuttivi u tliet missjonijiet mhux eżekuttivi); jirrikonoxxi l-kontribut ta' dawn il-missjonijiet għall-paċi, għas-sigurtà u għall-istabbiltà internazzjonali; jenfasizza li l-implimentazzjoni tagħhom għandha tkun akkumpanjata minn bidla fl-istrumenti magħżula stabbiliti fit-Trattat ta' Lisbona u introdotti f'dawn l-aħħar snin, sabiex isiru aktar effikaċi u tiżdied is-sigurtà taċ-ċittadini tal-UE; jippromwovi l-għan li jinkiseb livell ogħla ta' effikaċja tal-missjonijiet PSDK billi jintlaħaq l-objettiv ta' 70 % għall-perċentwal ta' persunal sekondat u jistieden lill-Istati Membri jagħtu kontributi akbar;

    33.

    Jilqa' favorevolment l-involviment tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri fl-awditjar tal-missjonijiet u tal-operazzjonijiet tal-PSDK u jinkoraġġiha tfassal aktar rapporti speċjali dwar missjonijiet u operazzjonijiet oħra;

    34.

    Jistieden lill-Istati Membri u lill-istrutturi Ewropej iżommu impenn prijoritarju u sostnut fl-Afrika; jilqa' għalhekk favorevolment id-deċiżjoni tal-Kunsill ta' Lulju 2018 li l-mandat tal-Missjoni ta' Taħriġ Militari tal-Unjoni Ewropea fir-Repubblika Ċentru-Afrikana (EUTM RCA) jiġi estiż b'sentejn u r-rieda tal-Kunsill li jniedi missjoni ċivili li tikkomplementa l-komponent militari; josserva li dawn l-iżviluppi reċenti huma sinjal pożittiv ta' impenn imġedded tal-Istati Membri, iżda jisħaq fuq il-fatt li l-kundizzjoni tas-sigurtà u tad-drittijiet tal-bniedem fil-pajjiż għadha ferm problematika;

    35.

    Jenfasizza l-impenn globali tal-Unjoni fis-Saħel u fil-Qarn tal-Afrika permezz ta' sitt missjonijiet ċivili (EUCAP Mali, EUCAP Niġer, EUCAP Somalja) u militari (EUTM Mali, EUTM Somalja, ATALANTA); jilqa' pożittivament u jinkoraġġixxi l-isforzi li saru biex jiġi reġjonalizzat il-funzjonament tal-missjonijiet ċivili fis-Saħel quddiem l-isfidi tas-sigurtà li jmorru lil hinn mill-Istati fejn jkunu stazzjonati l-missjonijiet Ewropej; jilqa' wkoll pożittivament is-sostenn tal-UE għall-operazzjoni G5 Saħel; jikkritika, f'dan ir-rigward, il-fatt li s-SEAE ma stabbiliex indikaturi adegwati biex jimmonitorja r-riżultati tal-missjonijiet EUCAP Niġer u EUCAP Mali u li l-monitoraġġ u l-valutazzjoni tal-attivitajiet tal-missjonijiet kienu inadegwati u inadatti biex iqis l-implikazzjonijiet tagħhom;

    36.

    Jinsab imħasseb ħafna dwar l-għexieren ta' każijiet ta' abbużi serji ħafna tad-drittijiet tal-bniedem imwettqa mill-forzi tas-sigurtà tal-Mali, kif investigat u rrappurtat mill-Missjoni Multidimensjonali Integrata tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Istabbilizzazzjoni fil-Mali (MINUSMA), li jistgħu jammontaw għal delitti tal-gwerra skont il-liġi umanitarja; iħeġġeġ lill-VP/RGħ jiżgura li s-sħab tal-UE jikkonformaw b'mod strett mad-dritt umanitarju internazzjonali u d-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem minbarra mar-regolamenti legalment vinkolanti tal-UE, u li dawn il-każijiet jinġiebu quddiem il-ġustizzja mingħajr dewmien; jistieden lis-SEAE jirrapporta lill-Parlament dwar dawn il-każijiet bħala kwistjoni ta' urġenza;

    37.

    Jinsab imħasseb bid-deterjorament tas-sitwazzjoni fil-Burkina Faso u bir-riperkussjonijiet ġeopolitiċi fir-reġjun tas-Saħel u fil-Punent, li jistgħu jiġġustifikaw missjoni ċivili u/jew militari bil-għan li tissaħħaħ il-governanza tas-settur tas-sigurtà, ir-rispett tad-drittijiet tal-bniedem u terġa' tinġieb il-fiduċja fost iċ-ċittadini fir-rigward tal-forzi tas-sigurtà tagħhom;

    38.

    Itenni l-importanza strateġika tal-Balkani tal-Punent għas-sigurtà u għall-istabbiltà tal-UE; jisħaq fuq il-bżonn li jitjiebu l-impenn, l-integrazzjoni u l-koordinament tal-UE fir-reġjun, anki permezz tal-mandat tal-missjonijiet tal-PSDK tal-UE; itenni li l-politika tal-UE fil-Balkani tal-Punent għandha l-għan li ġġib lill-pajjiżi tar-reġjuni allinjati mal-acquis tal-UE u li tgħinhom fil-mixja tagħhom lejn l-adeżjoni, billi ttejjeb il-ġestjoni tal-paċi u tal-istabbiltà għall-ġid tal-Ewropa kollha kemm hi;

    39.

    Itenni l-importanza strateġika tal-Ewropa tal-Lvant u tal-Balkani tal-Punent għall-istabbiltà u għas-sigurtà tal-UE u l-bżonn li l-impenn politiku tal-UE jiġi ċċentrat u msaħħaħ fir-rigward ta' dawn ir-reġjuni, anki bis-saħħa ta' mandat b'saħħtu tal-missjonijiet tal-PSDK tal-UE;

    40.

    Jenfasizza r-rwol ċentrali tal-operazzjoni EUFOR Althea fil-Bożnija-Ħerzegovina biex tmexxi 'l quddiem u żżomm il-paċi u s-sigurtà fil-pajjiż u fir-reġjun; jilqa' b'sodisfazzjon il-konklużjonijiet tal-Kunsill ta' Ottubru 2019 favur il-preżenza kontinwa ta' forzi militari Ewropej fil-Bożnija-Ħerzegovina;

    41.

    Jitlob l-implimentazzjoni rapida u effikaċi tal-patt dwar il-missjonijiet ċivili, adottat f'Novembru 2018 mill-Kunsill u mill-Istati Membri, bil-għan li jissaħħu r-riżorsi tal-PSDK ċivili sabiex jintlaħaq in-numru ta' persunal maqbul u sabiex il-missjonijiet isiru aktar flessibbli u operattivi, b'hekk jiġi żgurat li l-azzjoni tal-UE fil-post tkun effikaċi u kredibbli; iħeġġeġ lill-Istati Membri jagħmlu rieżami annwali qawwi li jgħinna naraw fiex wasal il-progress li sar fl-implimentazzjoni tal-patt dwar id-dimensjoni ċivili tal-PSDK u li jkun jista' jsostni l-professjonalizzazzjoni ulterjuri tal-missjonijiet ċivili tal-PSDK wara l-2023, inklużi miżuri intiżi li jiżguraw ir-responsabbiltà tal-atturi kollha involuti fir-riżultati li jiksbu l-missjonijiet; jistieden lill-Istati Membri jittestjaw mill-aktar fis possibbli l-proġett il-ġdid tal-istazzjonar ta' skwadri speċjalizzati fuq il-post permezz ta' miżuri pilota, billi jintużaw biex isiru disponibbli kapaċitajiet speċjalizzati għal żmien limitat u jimtela l-vojt attwali ta' kapaċitajiet, u biex jiġu evalwati t-tagħlimiet mill-ewwel stazzjonamenti;

    42.

    Jevidenzja li attwalment hemm 10 missjonijiet ċivili PSDK b'valur miżjud għoli f'termini ta' paċi u sigurtà stazzjonati fil-viċinat tal-UE, b'mod partikolari fl-Afrika u fil-Lvant Nofsani, fil-Balkani tal-Punent u fl-Ewropa tal-Lvant;

    43.

    Jevidenzja li l-implimentazzjoni tal-patt dwar id-dimensjoni ċivili tal-PSDK ma għandhiex tkun it-tmiem tat-tisħiħ tad-dimensjoni ċivili tal-PSDK;

    44.

    Josserva, madankollu, li l-effikaċja tal-missjonijiet u tal-operazzjonijiet tal-PSDK ġeneralment hija mxekkla minn nuqqasijiet strutturali persistenti u minn nuqqas ta' volontà dejjem tiżdied min-naħa tal-Istati Membri u tal-istituzzjonijiet Ewropej biex jagħmlu dawn il-missjonijiet u l-operazzjonijiet aktar robusti, kemm f'termini ta' riżorsi umani kif ukoll f'termini ta' mandat u jagħmel appell biex tinħoloq soluzzjoni komuni Ewropea biex tindirizzahom; josserva li l-operazzjonijiet militari tal-PSDK għandhom tendenza li jissejsu dejjem aktar fuq missjonijiet ta' taħriġ tal-forzi armati (EUTM) mingħajr dimensjoni eżekuttiva u josserva li, avolja l-persunal tal-EUTM jagħmel xogħol siewi, il-limiti f'termini ta' taħriġ u l-assenza ta' armi jwasslu għal funzjonament insuffiċjenti tal-unitajiet iffurmati, li mhumiex kapaċi jrażżnu l-irvellijiet armati u l-progressjoni tat-terroriżmu ġiħadista;

    45.

    Jiddeplora l-fatt li l-proċessi deċiżjonali u ta' implimentazzjoni qegħdin jipproċedu b'veloċità differenti ħafna, skont ir-rieda politika komuni; jirrimarka li, dan l-aħħar, kienu ftit ħafna l-operazzjonijiet militari li kellhom mandat eżekuttiv għaliex il-proċessi deċiżjonali ma setgħux jagħmlu tajjeb għan-nuqqas ta' rieda politika u jitlob, f'dan il-kuntest, li l-Istati Membri, meta jkollhom kriżi quddiemhom, juru r-rieda politika meħtieġa biex jagħmlu użu attiv tal-istrutturi u tal-proċeduri attwali tal-PSDK sabiex l-missjonijiet ikunu jistgħu jiġu stazzjonati b'mod aktar rapidu, flessibbli u koerenti; jistieden lill-VP/RGħ jispjega lill-Parlament il-loġika wara dak li huwa, evidentement, strument ġdid ta' ġestjoni tal-kriżijiet, jiġifieri l-varar tal-minimissjonijiet skont l-Artikolu 28 tat-TUE;

    46.

    Jenfasizza n-nuqqas ta' flessibbiltà fil-proċeduri amministrattivi u baġitarji li jikkawża problemi serji lill-persunal li jintbagħat fuq il-post;

    47.

    Jenfasizza l-ħtieġa li l-missjonijiet u l-operazzjonijiet jiġu evalwati regolarment sabiex titjieb l-effikaċja tagħhom; jistieden lis-SEAE u lill-Kummissjoni jistabbilixxu mandati, baġits, regoli tal-ingaġġ u proċeduri operattivi li jikkorrispondu għall-operazzjonijiet u jipprevedu strateġija ta' ħruġ; jitlob, f'dan il-kuntest, skambji ta' informazzjoni u konsultazzjonijiet aktar regolari mal-kumitati parlamentari kompetenti qabel, waqt u wara l-missjonijiet, u jistieden lill-kumitati jikkonċentraw il-missjonijiet tagħhom u d-delegazzjonijiet tagħhom fiż-żoni fejn jiġu stazzjonati l-missjonijiet u l-operazzjonijiet tal-PSDK; jinsisti li l-Parlament Ewropew, flimkien mal-parlamenti nazzjonali, ikollu rwol imsaħħaħ fir-rigward tal-PSDK, bil-għan li jiggarantixxi superviżjoni parlamentari tal-PSDK u tal-baġit tagħha;

    48.

    Jevidenzja l-importanza li jiġu organizzati taħriġ u eżerċizzji konġunti bejn il-forzi armati Ewropej kif ukoll eżerċizzji paralleli u kkoordinati bejn il-forzi tal-UE u tan-NATO, b'hekk jiġu promossi l-interoperabbiltà organizzattiva, proċedurali, u teknika kif ukoll il-mobbiltà militari, bil-għan li jitħejjew bl-aqwa mod il-missjonijiet, tkun żgurata l-komplementarjetà, tiġi evitata d-duplikazzjoni bla bżonn u tiġi indirizzata firxa wiesgħa ta' theddid, kemm konvenzjonali kif ukoll mhux konvenzjonali; jilqa' pożittivament, f'dan ir-rigward, l-Inizjattiva Ewropea għall-Iskambju ta' Uffiċjali Żgħażagħ (Erasmus Militari – EMILYO), immexxija mill-Kulleġġ Ewropew ta' Sigurtà u ta' Difiża, li għandha l-għan li tippermetti lill-istituti nazzjonali ta' edukazzjoni u taħriġ militari jgħarblu l-possibbiltajiet ta' skambji kwantitattivi u kwalitattivi ta' għarfien u ta' kompetenzi; jilqa' b'sodisfazzjon il-fatt li ġie rikonoxxut li ma tistax tiġi garantita s-sigurtà mingħajr in-nisa u jisħaq fuq l-importanza tal-parteċipazzjoni tan-nisa fin-negozjati u fil-missjonijiet;

    49.

    Jenfasizza n-nuqqas kostanti tat-tagħmir tal-forzi armati tal-Istati li fihom il-missjonijiet tal-UE qegħdin jintervjenu, li jirrappreżenta xkiel għas-suċċess tal-missjonijiet ta' taħriġ; josserva d-diffikultà li jiġi fornut tagħmir adegwat fi żmien raġonevoli, speċjalment minħabba proċeduri ta' akkwist pubbliku li jsiru bil-mod; huwa tal-fehma li fil-futur mhux se jkun possibbli li jinkisbu riżultati pożittivi f'termini ta' taħriġ u konsulenza favur il-forzi armati tal-pajjiżi terzi mingħajr il-kapaċità li dawn l-isforzi jiġu akkumpanjati minn programmi ta' forniment ta' tagħmir utli u kkoordinat; jilqa' pożittivament l-inizjattiva “Tisħiħ tal-Kapaċitajiet għas-Sigurtà u l-Iżvilupp” (CBSD), li wasslet għar-reviżjoni tal-Istrument li jikkontribwixxi għall-istabbiltà u l-paċi (“IcSP+”) fl-2017 li jiffinanzja l-azzjonijiet ta' taħriġ u l-forniment ta' tagħmir mhux letali lill-forzi armati tal-pajjiżi terzi; josserva li s'issa, ġew adottati tliet proġetti fil-Mali, fir-Repubblika Ċentru-Afrikana u fil-Burkina Faso; jissottolinja d-domanda qawwija tal-popolazzjonijiet lokali għal appoġġ fil-qasam tat-taħriġ u tal-forniment ta' tagħmir;

    50.

    Jitlob li l-UE tindirizza t-theddid konsistenti u li qed jikber għall-protezzjoni u l-preservazzjoni tal-wirt kulturali u trażżan il-kuntrabandu ta' artefatti kulturali, speċjalment f'żoni ta' kunflitt; jinnota li ċ-ċaħda tas-soċjetajiet mill-wirt kulturali u l-għeruq storiku tagħhom tagħmilhom iżjed vulernabbli għar-radikalizzazzjoni u aktar suxxettibbli għal ideoloġiji ġiħadisti globali; jistieden lill-UE tiżviluppa strateġija wiesgħa biex tiġġieled tali theddid;

    51.

    Jiddispjaċih bil-problema tal-kostituzzjoni ta' forzi b'mod partikolari waqt il-varar ta' missjonijiet militari; jenfasizza li l-EUTM Somalja qiegħda ssibha diffiċli biex iġġib flimkien il-forzi meħtieġa; josserva li l-aħħar konferenza ġenerali tal-kostituzzjoni ta' forzi tal-4 ta' Ġunju 2019 semmiet il-falliment possibbli tal-missjoni minħabba nuqqas ta' persunal; josserva li l-operazzjonijiet militari attwali tal-Unjoni jikkonċernaw biss bejn wieħed u ieħor għaxar Stati Membri; jenfasizza li l-kompetenza, il-professjonalità u d-dedikazzjoni tal-persunal fuq il-post huma l-elementi ewlenin biex missjoni tirnexxi; jistieden lill-Istati Membri jieħdu impenn akbar fir-rigward tal-kwalità tal-persunal li jintbagħat fil-missjonijiet u jżidu r-rata ta' okkupazzjoni tal-postijiet ta' xogħol assenjati għall-missjonijiet;

    52.

    Jistieden lill-Kunsill jispjega r-raġuni għala ċerti missjonijiet baqgħu operattivi minkejja li l-iskop limitat tagħhom fil-livell militari jew ċivili diġà ntlaħaq; iqis bħala tajjeb li ssir evalwazzjoni tal-missjonijiet eżistenti kollha biex jiġi ddeterminat liema minnhom għadhom rilevanti; huwa tal-fehma li l-Unjoni għandha tikkonċentra l-isforzi tagħha fuq il-missjonijiet li fihom għandha l-akbar valur miżjud; huwa favur id-definizzjoni u r-rispett tal-kriterji oġġettivi li bis-saħħa tagħhom jitkejjel tali valur miżjud u jiġi deċiż jekk missjoni għandhiex titkompla;

    53.

    Jieħu nota tad-deċiżjoni tas-26 ta' Settembru 2019 li testendi għal sitt xhur, sal-31 ta' Marzu 2020, l-operazzjoni marittima tal-UE fil-Mediterran (EUNAVFOR MED Operazzjoni Sophia); jiddispjaċih ħafna bit-tkomplija tas-sospensjoni tal-preżenza navali; jenfasizza l-urġenza li jintlaħaq ftehim bejn l-Istati Membri u jitlob ir-ritorn tal-mezzi navali u l-implimentazzjoni sħiħa tal-mandat;

    54.

    Iqis li l-kwistjoni tal-finanzjament tal-missjonijiet u tal-operazzjonijiet tal-PSDK hija essenzjali għas-sostenibbiltà ta' din il-politika; jenfasizza l-importanza li jiġi eżaminat mill-ġdid il-mekkaniżmu Athena bil-għan li jsir aktar effikaċi l-mekkaniżmu ta' finanzjament tal-operazzjonijiet u tal-missjonijiet militari tal-PSDK; isostni, f'dan ir-rigward, il-proposta tar-VP/RGħ, appoġġjata mill-Kummissjoni, li tinħoloq Faċilità Ewropea għall-Paċi, li tiffinanzja parzjalment l-ispejjeż tal-attivitajiet ta' difiża tal-Unjoni, b'mod partikolari l-ispejjeż komuni tal-operazzjonijiet militari tal-PSDK u dawk marbuta mat-tisħiħ tal-kapaċitajiet militari tas-sħab; jittama li l-Istati Membri jilħqu ftehim malajr sabiex dan l-istrument ikun jista' jiddaħħal; jenfasizza l-importanza li jkun hemm aktar flessibbiltà fir-regoli finanzjarji tal-Unjoni, biex tiżdied il-kapaċità tagħha li tirreaġixxi għall-kriżijiet u tkun iffaċilitata l-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat ta' Lisbona; jitlob lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jikkunsidraw mekkaniżmu flessibbli li jgħin lill-Istati Membri li jkunu jixtiequ jipparteċipaw f'missjoni tal-PSDK iħallsu l-ispejjeż, u b'hekk tiġi ffaċilitata d-deċiżjoni tagħhom li jagħtu bidu għal missjoni jew li jsaħħuha; josserva li dan l-istrument ikun jissodisfa kompletament l-għanijiet tal-awtonomija strateġika tal-Unjoni fil-qasam operattiv;

    55.

    Jistieden lill-VP/RGħ jikkonsulta regolarment lill-Parlament Ewropew dwar l-aspetti u l-għażliet fundamentali kollha tal-politika ta' sigurtà u ta' difiża komuni; iqis, f'dan ir-rigward, li l-Parlament għandu jkun ikkonsultat minn qabel dwar l-ippjanar strateġiku tal-missjonijiet PSDK, dwar il-modifika tal-mandat tagħhom u dwar il-possibbiltà li jintemmu;

    56.

    Jappoġġja l-ħolqien tal-Kapaċità Militari tal-Ippjanar u t-Tmexxija (MPCC) għall-missjonijiet eżekuttivi li twettaq l-operazzjonijiet militari kollha tal-PSDK; jitlob li tissaħħaħ il-kooperazzjoni bejn l-MPCC u l-Kapaċità Ċivili tal-Ippjanar u t-Tmexxija; jiġbed l-attenzjoni għall-problema ta' reklutaġġ u ta' provvista ta' mezzi sabiex l-MPCC tkun kompletament effettiva; jistieden lis-SEAE jbiddel l-MPCC minn entità virtwali, b'postijiet ta' xogħol f'bosta assenjazzjonijiet, għal entità militari soda ta' ppjanar u ta' tmexxija tal-ispettru kollu kemm hu tal-operazzjonijiet militari skont l-Artikolu 43(1) tat-TUE;

    57.

    Jieħu nota tal-falliment tal-proġett rigward il-gruppi tattiċi tal-Unjoni – li għadhom qatt ma ġew stazzjonati mindu nħolqu fl-2007 u ntużaw biss bħala strument biex jittrasformaw lill-forzi armati Ewropej – speċjalment minħabba r-retiċenza tal-Istati Membri kollha, il-kumplessità tal-implimentazzjoni u tal-finanzjament tagħhom, f'kuntrast mal-objettiv oriġinali ta' ħeffa u effiċjenza; hu tal-fehma li s-sistema tal-gruppi tattiċi tal-UE għandha tiġi ristrutturata, żviluppata ulterjorment fil-livell politiku u mgħammra b'biżżejjed finanzjamenti biex isir funzjonali, utilizzabbli, rapida u effiċjenti; jitlob evalwazzjoni mill-ġdid tal-proġett rigward il-gruppi tattiċi u li jingħata nifs ġdid lil dan il-proġett abbażi tat-tagħlimiet li nsiltu;

    58.

    Josserva li l-klawżola ta' assistenza reċiproka (Artikolu 42(7) tat-TUE), li ġiet invokata darba, b'mod partikolari bħala reazzjoni għall-attakk armat fit-territorju ta' Stat Membru, turi s-solidarjetà li teżisti fost l-Istati Membri; josserva, madankollu, li l-kundizzjonijiet għall-attivazzjoni tal-Artikolu kif ukoll il-modalitajiet tal-assistenza meħtieġa qatt ma ġew iddefiniti b'mod ċar; jitlob linji gwida preċiżi biex jingħata qafas iddefinit sew għall-attivazzjoni futura u implimentazzjoni aktar operattiva ta' dan l-istrument, għal aktar diskussjoni dwar l-esperjenza fl-invokazzjoni ta' din il-klawżola ġuridika u għall-isforzi konġunti biex tkun iċċarata l-portata tagħha;

    59.

    Ifakkar li l-klawżola ta' solidarjetà (Artikolu 222 tat-TFUE) tagħti wkoll lill-Unjoni u lill-Istati Membri l-possibbiltà li jipprovdu assistenza lil Stat Membru li jkun sofra attakk terroristiku jew li jkun vittma ta' diżastru naturali jew ikkaġunat mill-bniedem; ifakkar li l-Istrateġija taċ-Ċibersigurtà tal-Unjoni Ewropea tal-2013 tgħid li “[i]nċident jew attakk ċibernetiku partikolarment serju jista' jkun biżżejjed biex Stat Membru jsejjaħ il-Klawżola ta' Solidarjetà tal-UE (l-Artikolu 222 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea)”; ifakkar ukoll li d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/415/UE dwar l-arranġamenti għall-implimentazzjoni mill-Unjoni tal-klawżola ta' solidarjetà tistabbilixxi li l-klawżola ta' solidarjetà titlob li l-Unjoni timmobilizza l-istrumenti kollha li għandha għad-dispożizzjoni tagħha, inklużi l-istrutturi żviluppati fil-qafas tal-PSDK; jistieden lill-Istati Membri jikkunsidraw l-attivazzjoni tal-klawżola ta' solidarjetà fil-futur.

    60.

    Jemmen li l-implimentazzjoni tal-missjonijiet u tal-operazzjonijiet tal-PSDK għandha tkun akkumpanjata minn strumenti flessibbli sabiex tiġi ffaċilitata l-kapaċità tal-Unjoni u tal-Istati Membri tagħha li jimpenjaw ruħhom sabiex jiżguraw l-awtonomija strateġika Ewropea, għas-servizz tal-istabbiltà tal-kontinent Ewropew; jenfasizza, f'dan ir-rigward, l-effikaċja ta' strutturi ta' kmand modulari, versatili u tassew operattivi bħall-Korp Ewropew (Eurocorps); jinnota li l-missjonijiet ta' dan il-persunal militari ġew estiżi u ddiversifikati b'suċċess; bejn l-2015 u l-2018, il-Korp Ewropew ġie stazzjonat erba' darbiet fil-qafas tal-missjonijiet ta' taħriġ tal-Unjoni fil-Mali u fir-Repubblika Ċentru-Afrikana (EUTM Mali u EUTM RCA); jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jimxu fuq dan l-eżempju ta' kooperazzjoni flessibbli u operattiva li diġà ta prova tal-utilità u l-effikaċja tiegħu;

    61.

    Jistenna li l-Unjoni tuża b'mod effikaċi l-istrumenti politiċi eżistenti kollha tal-PESK u tal-PSDK fl-oqsma tad-diplomazija, tal-kooperazzjoni, tal-iżvilupp, tal-għajnuna umanitarja, tal-ġestjoni tal-kunflitti u taż-żamma tal-paċi; ifakkar li l-istrumenti militari u ċivili tal-PSDK fl-ebda każ ma jistgħu jkunu l-unika soluzzjoni għall-problemi ta' sigurtà u li dejjem għandu jiġi adottat “approċċ integrat”; iqis li l-użu ta' dawn l-istrumenti kollha bbażat fuq dan l-“approċċ integrat” biss se jipprovdi l-flessibbiltà meħtieġa biex jintlaħqu b'mod effikaċi l-aktar għanijiet ambizzjużi ta' sigurtà;

    62.

    Ifakkar li, meta l-ugwaljanza u l-parità bejn il-ġeneri jiġu rispettati tul il-proċess, jiżdied is-suċċess tar-riżoluzzjoni tal-kunflitti; jitlob li tiżdied il-parteċipazzjoni tan-nisa u jiżdied in-numru ta' pożizzjonijiet maniġerjali okkupati min-nisa f'missjoni bħal dawn, li perspettiva tal-ġeneru tkun integrata b'mod aktar sistematiku fil-missjonijiet PSDK u kontribut attiv fl-implimentazzjoni tar-riżoluzzjoni 1325 tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti dwar in-nisa, il-paċi u s-sigurtà; jistieden lis-SEAE u lill-Istati Membri jagħtu bidu għal azzjonijiet ambizzjużi biex tiżdied ir-rappreżentanza tan-nisa fost l-esperti internazzjonali fil-livelli kollha tal-missjonijiet u tal-operazzjonijiet tal-PSDK, possibbilment permezz ta' pjan ta' azzjoni ddedikat, inċentivi mmirati, miżuri ta' ppjanar tal-karriera għan-nisa jew mekkaniżmi ta' reklutaġġ li jiżguraw rappreżentanza akbar;

    63.

    Jistieden lill-VP/RGħ jikkonsulta regolarment lill-Parlament dwar kwistjonijiet urġenti marbuta mal-implimentazzjoni tal-PSDK; jemmen li VP/RGħ, jew uffiċjal kompetenti tas-SEAE li jista' jeżerċita superviżjoni diretta fuq l-istrutturi ta' kmand tal-PSDK u involut fil-proġettazzjoni, fl-implimentazzjoni u fil-valutazzjoni tal-operazzjonijiet ċivili u militari attwali, għandu jinforma fil-pront lill-Parlament bil-bidliet importanti fl-istruttura ta' dawn l-operazzjonijiet, partikolarment f'dak li għandu x'jaqsam man-natura kumplessiva, mal-mandat, mat-tul ta' żmien jew mat-tmiem antiċipat tagħhom;

    64.

    Jenfasizza r-rwol dejjem akbar u essenzjali tan-nisa fil-missjonijiet għaż-żamma tal-paċi u fil-politika ta' sigurtà u ta' difiża u jistieden lill-VP/RGħ jidħol fi djalogu mal-Parlament dwar l-istrumenti li għandhom jiddaħħlu u l-azzjonijiet li għandhom jittieħdu;

    65.

    Jissottolinja l-bżonn li jiġu żviluppati ulterjorment in-natura u d-dimensjoni parlamentari u demokratika tal-PSDK; jemmen li PSDK effikaċi u adatta għall-isfidi fil-qasam tas-sigurtà tas-seklu XXI trid tmur id f'id ma' skrutinju parlamentari sod u standards ta' trasparenza għoljin fil-livell kemm nazzjonali kif ukoll tal-UE; huwa tal-fehma li t-tisħiħ tad-dimensjoni parlamentari tal-PSDK tikkorrispondi għar-rikjesti ta' sigurtà, paċi u aktar kooperazzjoni bejn l-Istati Membri fis-setturi tas-sigurtà u tad-difiża, imressqa miċ-ċittadini tal-UE;

    Il-qasam tal-kapaċitajiet u dak industrijali

    66.

    Jenfasizza li l-ksib tal-awtonomija strateġika Ewropea huwa bbażat neċessarjament fuq żieda fil-kapaċitajiet tal-Istati Membri u tal-baġit tagħhom iddedikat għad-difiża, kif ukoll fuq it-tisħiħ ta' bażi industrijali u teknoloġika tad-difiża Ewropea;

    67.

    Josserva li hekk kif qegħdin ifiġġu teknoloġiji avvanzati (ir-robotika, l-intelliġenza artifiċjali, iċ-ċiberteknoloġija, eċċ.), l-industrija tad-difiża u dik spazjali qegħdin iħabbtu wiċċhom ma' kompetizzjoni dinjija liema bħala u sfidi teknoloġiċi importanti;

    68.

    Jilqa' pożittivament il-fatt li fil-baġits tad-difiża hemm inverżjoni tat-tendenza favur il-forzi armati; jistieden, b'dan ir-rigward, lill-Istati Membri jinvestu b'mod intelliġenti ż-żieda fil-finanzjamenti fi programmi ta' kooperazzjoni; huwa tal-fehma li dan għandu jkun appoġġjat u mħeġġeġ fil-livell tal-Unjoni; jinkoraġġixxi lill-Istati Membri jgħollu l-infiq tagħhom għad-difiża għal 2 % tal-PDG;

    69.

    Jilqa' b'sodisfazzjon l-isforzi reċenti tal-istituzzjonijiet tal-UE u tal-Istati Membri li segwew il-pubblikazzjoni tal-“Istrateġija Globali tal-UE” sabiex jagħtu ħajja ġdida lill-istrumenti tal-PSDK attwali u jimplimentaw kompletament id-dispożizzjonijiet previsti fit-Trattat ta' Lisbona; jenfasizza li dawn l-ambizzjonijiet promettenti issa għandhom jiġu kkonsolidati u jkunu segwiti minn azzjonijiet konkreti sabiex jikkontribwixxu b'mod effikaċi għas-sigurtà tal-kontinent Ewropew u tal-viċinat immedjat tiegħu;

    70.

    Jinnota b'sodisfazzjon il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea tat-2 ta' Mejju 2018 li tinħoloq linja baġitarja ta' EUR 13-il biljun iddedikata għall-kooperazzjoni għad-difiża tal-qafas finanzjarju pluriennali (QFP) li jmiss, li ssostni r-riċerka kollaborattiva u l-iżvilupp tal-kapaċitajiet fis-settur tad-difiża; jinnota li din il-proposta, li tirrifletti impenn mingħajr preċedenti tal-Kummissjoni, tibqa' suġġetta għall-ftehim unanimu tal-Istati Membri u sussegwentement għall-approvazzjoni tal-Parlament Ewropew fil-QFP li jmiss;

    71.

    Jilqa' favorevolment il-proposta tal-Kummissjoni ta' Ġunju 2017 biex jinħoloq Fond Ewropew għad-Difiża (FED) li jikkoordina, jikkompleta u jamplifika l-investimenti nazzjonali fid-difiża, irawwem il-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri bil-għan li jiġu żviluppati teknoloġiji u tagħmir tad-difiża ultramoderni u interoperabbli u jsostni, fl-Unjoni kollha, industrija tad-difiża innovattiva u kompetittiva, li tinkludi lill-SMEs transfruntieri; josserva li din il-proposta hija l-ewwel inizjattiva li għaliha jintużaw fondi Komunitarji biex jiġu appoġġjati direttament proġetti komuni kooperattivi tal-UE fis-settur tad-difiża; jirrikonoxxi li dan huwa pass importanti fid-difiża Ewropea, kemm fil-livell politiku kif ukoll f'dak industrijali; josserva li l-FED jista' jikkontribwixxi għall-finanzjament tar-riċerka u tal-iżvilupp għal proġetti strutturali bħas-sistema tal-ajru futura Ewropea tal-kumbattiment, il-karrijiet armati Ewropej tal-futur, l-inġenju tal-ajru Ewropew tal-futur għal tagħbijiet tqal jew difiża antimissilistika Ewropea, kif ukoll proġetti żgħar u medji maħsuba biex joħolqu soluzzjonijiet innovattivi għad-difiża orjentata lejn il-futur; jilqa' pożittivament il-programm ta' ħidma 2019 għall-azzjoni preparatorja, li se tiddedika EUR 25 miljun lir-riċerka dwar il-prevalenza tal-ispettru elettromanjetiku u t-teknoloġiji rivoluzzjonarji futuri fis-settur tad-difiża, li huma żewġ setturi essenzjali biex l-indipendenza teknoloġika tal-Ewropa tinżamm fit-tul; jilqa' wkoll b'mod pożittiv l-adozzjoni mill-Kummissjoni, f'Marzu 2019, tal-ewwel Programm Ewropew għall-Iżvilupp fl-Industrija tad-Difiża (EDIDP), li jipprevedi kofinanzjament ta' EUR 500 miljun għall-iżvilupp konġunt ta' kapaċitajiet ta' difiża fil-perjodu 2019-2020, u l-pubblikazzjoni ta' disa' sejħiet għal proposti għall-2019, fosthom il-Eurodrone, li hija kapaċità essenzjali għall-awtonomija strateġika tal-Ewropa; jirrimarka li tnax-il sejħa għal proposti oħra se jsegwu fl-2020, li jkopru temi ta' prijorità fl-oqsma kollha (tal-ajru, tal-art, tal-baħar, taċ-ċibernetika u tal-ispazju); josserva r-rabta bejn id-deċiżjonijiet ta' akkwist meħuda llum il-ġurnata mill-Istati Membri u l-prospetti ta' kooperazzjoni industrijali u teknoloġika skont il-FED;

    72.

    Jilqa' favorevolment l-implimentazzjoni effikaċi ta' Kooperazzjoni Strutturata Permanenti (PESCO), li hija pass essenzjali lejn kooperazzjoni msaħħa fis-setturi tas-sigurtà u tad-difiża bejn l-Istati Membri; jenfasizza li din id-dispożizzjoni, introdotta fit-Trattat ta' Lisbona tal-2009 (Artikolu 46 tat-TUE), hija ġuridikament vinkolanti u tinkludi sensiela ta' impenji ambizzjużi għall-pajjiżi Ewropej li jixtiequ jħaffu l-progress fir-rigward tal-proġetti ta' difiża komuni; jirrikonoxxi l-parti li tista' tiżvolġi l-PESCO fl-istrutturar tad-domanda Ewropea; jinnota li għadd konsiderevoli ta' proġetti eliġibbli għall-programm EDIDP huma żviluppati fil-qafas tal-PESCO u jistgħu jibbenefikaw ukoll minn rati ogħla ta' sussidji; jappoġġja l-konsistenza sħiħa bejn il-proġetti PESCO u l-FED;

    73.

    Jevidenzja li huwa indispensabbli li l-PESCO tkun allinjata mar-Rieżami Annwali Koordinat dwar id-Difiża (CARD), imniedi fl-2017, u mal-FED, biex jissaħħu l-kapaċitajiet ta' difiża tal-pajjiżi Ewropej u jiġu ottimizzati n-nefqa tagħhom fil-baġit f'dan is-settur; jikkritika għal darb'oħra l-fatt li, s'issa, ma kien hemm l-ebda ġustifikazzjoni strateġika tal-miżuri fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet ta' politika tad-difiża; jistieden, f'dan ir-rigward, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni jfasslu, flimkien mal-Parlament Ewropew, white paper tal-UE dwar is-sigurtà u d-difiża f'forma ta' ftehim interistituzzjonali u dokument strateġiku dwar l-industrija tad-difiża għall-perjodu 2021-2027; jenfasizza li l-proġetti l-ġodda għandhom jiġu inklużi fil-Pjan ta' Żvilupp tal-Kapaċitajiet (CDP) li se jsaħħaħ il-kollaborazzjoni bejn l-Istati Membri sabiex jiġu eliminati d-diskrepanzi fil-kapaċitajiet, fil-qafas tal-Aġenzija Ewropea għad-Difiża; iqis li l-CARD għandu jikkontribwixxi b'mod effikaċi għall-armonizzazzjoni u għall-komplementarjetà tal-investimenti u tal-kapaċitajiet tal-forzi armati nazzjonali, u b'hekk jiggarantixxi l-awtonomija strateġika u operattiva tal-Unjoni u jippermetti lill-Istati Membri jinvestu b'mod aktar effikaċi fid-difiża;

    74.

    Jilqa' pożittivament il-koordinament sħiħ bejn il-pjan direzzjonali tal-kapaċitajiet stabbilit mill-Aġenzija Ewropea għad-Difiża u l-ippjanar tal-kapaċitajiet li sar sal-lum, li juru li hemm interoperabbiltà miżjuda bejn l-armati tal-Istati Membri tal-UE li huma membri tan-NATO;

    75.

    Jissottolinja l-importanza tal-mobbiltà militari; jilqa' pożittivament il-proposta tal-Kummissjoni li jiġu allokati EUR 6,5 biljun għall-proġetti ta' mobbiltà militari fil-QFP li jmiss; jenfasizza li jeħtieġ li jsir progress fil-qasam tal-mobbiltà militari għas-servizz kemm tal-UE kif ukoll tan-NATO; japprezza l-fatt li dan il-proġett jagħmel parti mill-PESCO; jisħaq fuq il-fatt li l-mobbiltà militari għandha żewġ sfidi quddiemha: tissemplifika l-proċeduri u tespandi l-infrastrutturi; jirrimarka li s-sigurtà u d-difiża kollettivi tal-Istati Membri u l-kapaċità tagħhom li jintervjenu fil-kriżijiet barranin jiddependu b'mod sostanzjali mill-fakultà tagħhom li jiċċaqalqu, malajr u bla impedimenti, truppi alleati u persunal, materjal u tagħmir għall-ġestjoni ċivili tal-kriżijiet bejn it-territorji rispettivi tagħhom u lil hinn mill-konfini tal-UE; jevidenzja li l-mobbiltà militari hija strument strateġiku li se jippermetti lill-UE ssegwi l-interessi tagħha fis-settur tas-sigurtà u tad-difiża b'mod effikaċi u komplementari ma' ħidmet organizzazzjonijiet oħra, bħan-NATO;

    76.

    Iqajjem dubji dwar ir-ritmu bil-mod li ħa l-bidu tal-34 proġett PESCO u d-dewmien fil-varar tat-tielet sensiela ta' 13-il proġett, peress li l-ebda wieħed minnhom għadu ma beda, u jisħaq fuq il-bżonn ta' skadenzi konkreti għar-realizzazzjoni tal-proġetti u ħarsa ġenerali aktar ċara tal-kontenut tal-prodotti finali tagħhom; josserva li, fl-2019, erba' proġetti biss se jilħqu l-kapaċità operattiva inizjali tagħhom; iqajjem il-kwistjoni ta' nuqqas ta' ambizzjoni u ta' forza ta' ċerti proġetti, li ma jindirizzawx in-nuqqasijiet tal-kapaċità l-aktar evidenti, b'mod partikolari dawk tal-ewwel sensiela li huma essenzjalment proġetti ta' kapaċità li jinkludu l-akbar għadd ta' Stati Membri; jistieden lill-VP/RGħ jgħarraf minnufih lill-Parlament dwar liema proġetti PESCO għandhom jiġu interrotti qabel iż-żmien u fuq liema bażi; josserva li l-inklużjoni mixtieqa tal-parteċipazzjoni fil-proġetti tal-PESCO ma għandhiex tikkomprometti ambizzjoni ta' livell għoli min-naħa tal-Istati Membri parteċipanti; iqis li l-involviment ta' pajjiżi terzi u entitajiet ta' pajjiżi terzi fil-PESCO għandu jkun suġġett għal kundizzjonijiet rigorużi stabbiliti sa mill-bidu nett u bbażati fuq reċiproċità ddefinita u effikaċi; jiġbed l-attenzjoni, f'dan ir-rigward, għad-drittijiet tal-Parlament Ewropew li ġejjin mis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea fil-kawża C-658/11; jistieden lill-Istati Membri jippreżentaw proġetti b'dimensjoni strateġika Ewropea, biex b'hekk tissaħħaħ il-bażi industrijali u teknoloġika tad-difiża Ewropea (EDTIB), sabiex jiġu sodisfatti direttament il-bżonnijiet operattivi tal-forzi armati Ewropej;

    77.

    Jistieden lill-Kunsill jadotta l-pożizzjoni tal-Parlament dwar l-Artikolu 5 tar-regolament futur dwar il-FED; jissottolinja l-bżonn li jiġi finalizzat mill-aktar fis il-FED; jirrimarka li dan l-istrument għadu ma ġiex approvat b'mod definittiv, billi f'April 2019 ġie ffinalizzat biss il-Ftehim Parzjali u Politiku; jisħaq fuq l-importanza li tinżamm il-pożizzjoni tal-Parlament Ewropew dwar l-ammont tal-FED, il-ftuħ għall-pajjiżi terzi u l-istabbiliment ta' politika dwar il-proprjetà intellettwali adegwata b'rabta mas-sigurtà u d-difiża sabiex jiġu protetti r-riżultati tar-riċerka; ifakkar li s-suq Ewropew tad-difiża huwa notevolment miftuħ għal fornituri ta' pajjiżi terzi; jafferma mill-ġdid li l-Fond Ewropew għad-Difiża ma jista' bl-ebda mod jiġi konfuż ma' kwalunkwe tip ta' strument protezzjonist; jitlob lill-pajjiżi alleati tal-Unjoni Ewropea biex jikkunsidraw jiftħu b'mod reċiproku s-swieq tad-difiża tagħhom; jiġbed l-attenzjoni, f'dan ir-rigward, għan-natura sensittiva u strateġika ħafna tar-riċerka dwar id-difiża, kemm għall-kompetittività industrijali kif ukoll għall-awtonomija strateġika tal-Unjoni; jitlob li jitqiesu b'mod xieraq l-ewwel tagħlimiet li ttieħdu mill-implimentazzjoni tal-EDIDP, b'mod partikolari dwar l-applikazzjoni tad-derogi għall-entitajiet eliġibbli, tal-proġett pilota u tal-azzjoni preparatorja tal-Unjoni fir-rigward tar-riċerka dwar id-difiża; jitlob li l-Istati Membri jkunu involuti bis-sħiħ fil-proċess deċiżjonali inkwantu huma l-klijenti finali tal-industriji tad-difiża, bil-għan li jiġi żgurat li l-programmi jilħqu l-bżonnijiet strateġiċi tal-PSDK u tal-Istati Membri; iqis li s-suċċess tal-FED se jiddependi mill-kapaċità tiegħu li jintegra l-bżonnijiet speċifiċi tad-difiża tal-Istati parteċipanti, jippromwovi l-materjal ta' difiża li jista' jintuża u jiggarantixxi d-disponibbiltà ta' biżżejjed riżorsi baġitarji filwaqt li jiżgura li l-għarfien espert industrijali ma jiġix idduplikat, li l-investimenti fil-qasam tad-difiża nazzjonali jkunu kkomplementati u li l-kooperazzjoni ma ssirx eċċessivament ikkumplikata u tissejjes fuq l-istandardizzazzjoni u l-interoperabbiltà tal-armamenti u tat-tagħmir militari komuni tal-UE' iqis li l-iżvilupp tal-industrija Ewropea tad-difiża, billi jiġi rregolat l-aċċess tal-entitajiet ikkontrollati minn partijiet terzi mhux tal-UE għall-proġetti ffinanzjati mill-Fond, huwa konformi bis-sħiħ mal-ambizzjoni Ewropea tal-awtonomija strateġika u ma jmurx kontra l-interessi ta' sigurtà u difiża tal-UE u tal-Istati Membri tagħha;

    78.

    Jittama li fl-ebda każ id-deċiżjonijiet dwar il-parteċipazzjoni ta' partijiet terzi fi proġetti tal-PESCO ma jippreġudikaw il-kundizzjonijiet maqbula fin-negozjati dwar il-FED u l-EDIDP, billi l-finanzjament ta' dawn il-programmi jevidenzja l-valur miżjud Ewropew;

    79.

    Jenfasizza d-dimensjoni strateġika tas-settur spazjali għall-Ewropa, iqis li politika spazjali ambizzjuża tista' tikkontribwixxi b'mod effikaċi għat-titjib tal-PSDK u jissottolinja l-ħtieġa li jsir progress fl-iżvilupp ta' teknoloġiji li għandhom applikazzjonijiet kemm ċivili kif ukoll militari li huma kapaċi jiżguraw l-awtonomija strateġika Ewropea; jilqa' favorevolment l-inklużjoni fil-QFP li jmiss tal-proposta għal regolament tal-Kummissjoni li jistabbilixxi programm spazjali tal-UE u l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Programm Spazjali biex tingħata spinta lir-rwol ta' tmexxija tal-UE fis-settur spazjali; itenni l-proposta tiegħu għall-finanzjament tal-programm sal-ammont massimu ta' EUR 16,9-il biljun; jilqa' b'sodisfazzjon il-progress li sar fil-livell tas-servizzi satellitari fl-UE (Galileo, Copernicus, EGNOS); jenfasizza l-bżonn, għall-finijiet tal-awtonomija deċiżjonali u operattiva tal-Unjoni, li jkunu disponibbli mezzi satellitari adegwati fl-oqsma tat-teħid ta' immaġnijiet spazjali, tal-ġbir tal-informazzjoni, tal-komunikazzjonijiet u tas-sorveljanza tal-ispazju; jisħaq fuq l-importanza għall-UE li jkollha aċċess awtonomu għall-ispazju; iqis li s-servizzi spazjali għandhom ikunu kompletament operattivi sabiex jappoġġjaw il-missjonijiet u l-operazzjonijiet tal-PSDK permezz ta' immaġnijiet bis-satellita b'riżoluzzjoni għolja; jisħaq fuq il-bżonn li jiġu ffinanzjati, permezz tal-FED, proġetti industrijali b'dimensjoni spazjali li fihom l-Unjoni jista' jkollha tabilħaqq valur miżjud;

    80.

    Jenfasizza li l-komunikazzjonijiet bis-satellita huma elementi essenzjali għad-difiża, għas-sigurtà, għall-għajnuna umanitarja, għall-interventi urġenti u għall-komunikazzjoni diplomatika u li huma element fundamentali għall-missjonijiet ċivili u għall-operazzjonijiet militari; jilqa' favorevolment l-inizjattiva fil-qasam tal-komunikazzjoni governattiva bis-satellita (GOVSATCOM) li se tikkontribwixxi b'mod sinifikanti biex tissaħħaħ l-awtonomija strateġika tal-Unjoni billi tagħti lill-Istati Membri aċċess garantit għal telekomunikazzjonijiet satellitari siguri;

    81.

    Jitlob analiżi urġenti tal-applikazzjonijiet ċivili possibbli tal-kapaċitajiet ġeospazjali taċ-Ċentru Satellitari tal-Unjoni Ewropea; jemmen li, lil hinn mis-sigurtà, il-kapaċitajiet satellitari tal-UE għandhom jintużaw bħala sostenn tal-attivitajiet tal-UE u tal-Istati Membri fil-monitoraġġ tal-oqsma tal-migrazzjoni, tal-agrikoltura, tal-ġestjoni forestali, tat-tiftix għal riżorsi naturali, tas-sigurtà tal-fruntieri, tal-istat tal-icebergs u ta' bosta aspetti oħra;

    82.

    Jenfasizza l-vulnerabbiltà tal-infrastrutturi spazjali fil-konfront tal-indħil, tal-attakki u ta' sensiela ta' theddid ieħor, inklużi kolliżjonijiet ma' skart spazjali u satelliti oħra; itenni li huwa importanti li jiġu żgurati s-sigurtà tal-infrastrutturi u tal-mezzi ta' komunikazzjoni kritiċi kif ukoll li jiġu żviluppati teknoloġiji reżiljenti; huwa tal fehma li jeħtieġ li jissaħħu l-kapaċitajiet biex jiġi indirizzat it-theddid emerġenti fl-ambitu spazjali, u jilqa' pożittivament il-proposta tal-Kummissjoni, bħala parti mill-programm spazjali, biex jissaħħu s-servizzi attwali ta' sorveljanza u insegwiment fl-ispazju (SST);

    83.

    Jenfasizza li llum numru dejjem akbar ta' potenzi għandu kapaċitajiet militari fl-ispazju; ifakkar fil-prinċipju kontra l-“arsenalizzazzjoni” tal-ispazju stabbilit mid-dritt internazzjonali; josserva, madankollu, li ċerti potenzi kisru dan il-prinċipju billi ressqu proposta għal leġiżlazzjoni biex titwaqqaf forza armata speċjalizzata fl-ambjent spazjali fil-veru sens tal-kelma u jiddefinixxu l-ispazju bħala ambitu ta' kunflitt armat; huwa tal-fehma li l-Unjoni jeħtiġilha tikkundanna din it-tendenza ta' arsenalizzazzjoni tal-ispazju kif ukoll l-implimentazzjoni ta' deterrenti spazjali maħsuba biex jimminaw il-kapaċitajiet spazjali tal-għedewwa, peress li dawn il-fenomeni huma sinjali ta' sitwazzjoni ta' instabbiltà strateġika;

    84.

    Huwa tal-fehma li d-Direttorat Ġenerali futur għall-Industrija tad-Difiża u l-Ispazju fi ħdan il-Kummissjoni għandu janalizza s-sinerġiji bejn il-programmi spazjali Ewropej u l-Pjan ta' Azzjoni Ewropew għad-Difiża ta' Novembru 2016, biex tkun garantita l-konsistenza ġenerali ta' dan is-settur strateġiku;

    85.

    Jinsab konvint li l-Unjoni għandha interess vitali fl-implimentazzjoni ta' ambjent marittimu sikur u miftuħ u li jippermetti l-passaġġ ħieles ta' oġġetti u ta' persuni; jisħaq fuq il-fatt li l-libertà ta' navigazzjoni hija fundamentali u ma tistax tiġi kompromessa; josserva li l-biċċa l-kbira tar-riżorsi strateġiċi, l-infrastruttura kritika u l-kapaċitajiet huma taħt il-kontroll tal-Istati Membri u li r-rieda tagħhom li jsaħħu l-kooperazzjoni hija ta' importanza kbira għas-sigurtà Ewropea; jafferma mill-ġdid ir-rwol tal-Unjoni bħala fornitur tas-sigurtà marittima fuq livell dinji u jisħaq fuq l-importanza li jiġu żviluppati kapaċitajiet militari u ċivili rilevanti; jilqa' pożittivament, f'dan ir-rigward, ir-reviżjoni tal-Pjan ta' Azzjoni tal-Istrateġija ta' Sigurtà Marittima tal-Unjoni Ewropea f'Ġunju 2018;

    86.

    Jemmen li l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha qed jiffaċċjaw theddid mingħajr preċedenti fil-forma ta' attakki ċibernetiċi, kriminalità u terroriżmu ċibernetiċi min-naħa ta' atturi statali u mhux statali; jisħaq fuq il-fatt li l-inċidenti ċibernetiċi sikwit ħafna għandhom element transfruntier u, għaldaqstant, jikkonċernaw aktar minn Stat Membru wieħed tal-UE; jemmen li n-natura tal-attakki ċibernetiċi tagħmilhom theddida li tirrikjedi risposta fil-livell tal-Unjoni li tinkludi kapaċitajiet komuni ta' sostenn analitiku; jinkoraġġixxi lill-Istati Membri jipprovdu assistenza reċiproka f'każ ta' attakk ċibernetiku kontra kwalunkwe wieħed minnhom;

    87.

    Iqis bħala essenzjali li l-UE u n-NATO mhux biss ikomplu iżda jintensifikaw il-kondiviżjoni tal-intelligence sabiex jippermettu l-attribuzzjoni formali tal-attakki ċibernetiċi u, konsegwentement, jippermettu l-impożizzjoni ta' sanzjonijiet restrittivi fuq dawk responsabbli minn tali attakki; iqis neċessarja ż-żamma ta' interazzjoni attiva bejn l-UE u n-NATO permezz tal-parteċipazzjoni u f'eżerċizzji ċibernetiċi u taħriġ konġunt fis-settur tas-sigurtà u d-difiża ċibernetiċi;

    88.

    Jitlob sors ta' finanzjament stabbli għat-Taqsima għall-Komunikazzjoni Strateġika tas-SEAE, b'allokazzjonijiet sostanzjali għat-Task Force East StratCom;

    89.

    Iħeġġeġ lis-SEAE u lill-Kunsill jintensifikaw l-isforzi tagħhom ta' bħalissa biex itejbu ċ-ċibersigurtà, b'mod partikolari għall-missjonijiet tal-PSDK, fost l-oħrajn billi jieħdu miżuri fil-livell tal-UE u tal-Istati Membri biex jittaffa t-theddid għall-PSDK, pereżempju bit-tisħiħ tar-reżiljenza permezz tal-edukazzjoni, it-taħriġ u l-eżerċizzji u bis-semplifikazzjoni tal-offerta ta' edukazzjoni u taħriġ għaċ-ċiberdifiża tal-UE;

    90.

    Jilqa' favorevolment l-isforzi biex tissaħħaħ il-kapaċità tal-UE li tindirizza t-theddid magħruf bħala “ibridu”, li huwa kombinazzjoni ta' pożizzjonijiet ambigwi, ta' pressjonijiet diretti u indiretti u ta' assoċjazzjoni ta' kapaċitajiet militari u mhux militari u li huwa kontinwità tal-isfidi tas-sigurtà interni u esterni li tiffaċċja l-UE; jieħu nota tar-riflessjonijiet dwar l-attivazzjoni tal-klawżola ta' assistenza reċiproka fir-rigward tat-theddid ibridu sabiex l-Unjoni Ewropea jkollha tweġiba komuni effikaċi;

    91.

    Jirrikonoxxi l-importanza dejjem akbar tal-kapaċitajiet ta' intelligence ċibernetiċi u awtomatizzati; jisħaq fuq il-fatt li dawn il-kapaċitajiet jirrappreżentaw theddid għall-Istati Membri u għall-istituzzjonijiet kollha tal-UE; iħeġġeġ lill-istituzzjonijiet u lill-Istati Membri kollha tal-UE jkomplu jtejbu t-teknoloġiji ċibernetiċi u awtomatizzati tagħhom; ikompli jinkoraġġixxi l-kooperazzjoni f'dan il-progress teknoloġiku;

    92.

    Jirrikonoxxi r-rwol dejjem aktar importanti tal-intelliġenza artifiċjali fid-difiża Ewropea; josserva, b'mod partikolari, il-bosta applikazzjonijiet militari li jirriżultaw mill-kontroll tal-intelliġenza artifiċjali biex jiġi ġestit u stimolat l-ambjent operattiv, tingħata għajnuna fil-proċess deċiżjonali, jiġi identifikat it-theddid u tiġi pproċessata l-informazzjoni miġbura; jenfasizza li l-iżvilupp ta' intelliġenza artifiċjali affidabbli fil-qasam tad-difiża hija teknoloġija indispensabbli biex tiġi żgurata l-awtonomija strateġika Ewropea fil-qasam tal-kapaċitajiet u dak operattiv; jistieden lill-Unjoni mhux biss tappoġġja iżda wkoll iżżid l-investimenti tagħha f'dan il-qasam u, b'mod partikolari, fit-teknoloġiji rivoluzzjonarji permezz tal-istrumenti eżistenti (Fond Ewropew għad-Difiża, Kunsill Ewropew tal-Innovazzjoni, Orizzont Ewropa futur, programm Ewropa diġitali); jistieden lill-Unjoni tieħu sehem attiv fir-regolamentazzjoni dinjija tas-sistemi ta' armi letali awtonomi;

    93.

    Josserva li għandhom jiġu żviluppati u applikati t-teknoloġiji emerġenti, fosthom l-intelliġenza artifiċjali, użati fis-sistemi tal-armi skont il-prinċipji tal-innovazzjoni responsabbli u l-prinċipji etiċi, bħar-responsabbiltà u r-rispett tad-dritt internazzjonali; jisħaq fuq il-fatt li l-UE jeħtiġilha teżamina il-possibbiltajiet tal-intelliġenza artifiċjali u tiggarantixxi, fl-istess ħin, ir-rispett totali tad-drittijiet tal-bniedem u tad-dritt internazzjonali, u tieħu kont tal-kunċett ferm kontroversjali tas-sistemi tal-armi totalment awtonomi;

    94.

    Josserva li, skont ir-rapport tal-Europol tal-2019 dwar is-Sitwazzjoni u t-Tendenzi tat-Terroriżmu tal-UE, fl-2018 kien hemm żieda ġenerali fil-propaganda terroristika, fit-tutorials u fit-theddid kimiċi, bijoloġiċi, radjoloġiċi u nukleari (CBRN) u tnaqqsu l-ostakli għall-akkwiżizzjoni tal-għarfien dwar l-użu tal-armi CBRN; jenfasizza, f'dan ir-rigward, il-bżonn li tiżdied is-sigurtà CBRN fl-Ewropa;

    95.

    Jirrikonoxxi kapaċità ġdida li se toffri lill-unitajiet fit-teatru tal-operazzjonijiet opportunitajiet ġodda biex jikkollaboraw f'ambjent diġitali immersiv u jibqgħu jkunu protetti kważi f'ħin reali, speċjalment meta l-5G ikun assoċjat ma' innovazzjonijiet oħra bħall-cloud tad-difiża u sistemi ta' difiża ipersoniċi;

    96.

    Jissottolinja li, billi r-riskju ta' proliferazzjoni u użu ta' armi kimiċi jirrappreżenta theddida serja għall-paċi u s-sigurtà internazzjonali, l-UE jeħtiġilha tkompli ssostni bil-qawwa u b'mod konsistenti l-Organizzazzjoni għall-Projbizzjoni ta' Armi Kimiċi (OPCW) fl-implimentazzjoni tal-mandat tiegħu, f'livell kemm politiku kif ukoll finanzjarju, u tintensifika r-reżiljenza tagħha għat-theddid ibridu u fl-ambitu CBRN;

    97.

    Josserva li kooperazzjoni fil-qasam tal-kapaċitajiet tinsab biss fi stadju bikri qabel ma l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha jkunu jistgħu jibbenefikaw mir-riżultati konkreti ta' kooperazzjoni kontinwa u msaħħa; jemmen li l-implimentazzjoni operattiva tal-ambizzjonijiet Ewropej hija waħda fit-tul u bbażata fuq rieda politika kontinwa min-naħa tal-Istati Membri; jenfasizza l-ħtieġa ta' kooperazzjoni flessibbli permezz ta' strumenti flessibbli u modulari li jiffaċilitaw l-approssimazzjoni tal-kulturi strateġiċi u l-interoperabbiltà bejn sħab volontiera u b'kapaċitajiet; jitlob kooperazzjoni spontanja jew mekkaniżmi ta' mutwalizzazzjoni bħall-EATC (Kmand Ewropew tat-Trasport bl-Ajru), li diġà wera l-effikaċja tiegħu, u jappoġġja l-estensjoni tiegħu għal oqsma oħra (ħelikopter, appoġġ mediku);

    98.

    Jisħaq fuq il-ħtieġa li tiġi applikata perspettiva tal-ġeneru fl-azzjoni tal-PSDK tal-UE, filwaqt li jitqies ir-rwol li n-nisa għandhom fil-gwerer, fl-istabbilizzazzjoni ta' wara kunflitt u fil-proċessi tal-konsolidament tal-paċi; jenfasizza l-ħtieġa li l-vjolenza sessista tiġi indirizzata bħala strument ta' gwerra f'reġjuni ta' kunflitt; jissottolinja li n-nisa huma affettwati b'mod aktar negattiv mill-gwerer meta mqabbla mal-irġiel; jistieden lill-UE u lis-sħab internazzjonali tagħha jinvolvu lin-nisa b'mod attiv fil-proċessi ta' paċi u stabbilizzazzjoni, u jindirizzaw il-ħtiġijiet speċifiċi tas-sigurtà tagħhom;

    99.

    Josserva l-importanza dejjem akbar tas-sigurtà fl-ispazju u tas-satelliti; jisħaq fuq l-importanza taċ-Ċentru Satellitari tal-Unjoni Ewropea u jitlob lill-aġenzija tanalizza u tipproduċi rapport dwar is-sigurtà tas-satelliti tal-UE u tal-Istat Membru u/jew dwar il-vulnerabbiltajiet tagħhom għall-iskart spazjali, għall-attakki ċibernetiċi u għall-attakki missilistiċi diretti;

    Kooperazzjoni ta' difiża u sħubijiet tal-PSDK

    100.

    Jenfasizza li l-ambizzjoni tal-awtonomija strateġika Ewropea hija bbażata fuq il-kapaċità tal-Ewropej li jaġixxu biex jiddefendu l-interessi tagħhom, kemm b'mod awtonomu jew, preferibbilment, fil-qafas ta' kooperazzjoni istituzzjonali (NATO, Nazzjonijiet Uniti);

    101.

    Iqis li l-multilateraliżmu huwa valur essenzjali għas-sigurtà u d-difiża u jissottolinja li l-UE se tirriżulta bħala attur effikaċi u kredibbli tas-sigurtà biss jekk azzjonijietha jkunu bbażati fuq kooperazzjoni sostenibbli u sħubijiet strateġiċi ma' pajjiżi u organizzazzjonijiet li jikkondividu l-valuri tal-Unjoni; jilqa' favorevolment, barra minn hekk, il-kontributi li s-sħab tal-PSDK jagħtu lill-missjonijiet u lill-operazzjonijiet tal-Unjoni;

    102.

    Jisħaq fuq il-fatt li s-sħubijiet u l-kooperazzjoni mal-pajjiżi u mal-organizzazzjonijiet li jikkondividu l-istess valuri tal-UE jikkontribwixxu għal PSDK aktar effikaċi; jilqa' favorevolment il-kontributi tas-sħab tal-PSDK għall-missjonijiet u għall-operazzjonijiet tal-UE li għaddejjin bħalissa li jikkontribwixxu biex jissaħħu l-paċi, is-sigurtà u l-istabbiltà reġjonali;

    103.

    Jenfasizza li wara l-Brexit l-UE u r-Renju Unit xorta se jikkondividu l-istess ambjent strateġiku u l-istess theddid għall-paċi u s-sigurtà tagħhom u iqis għaldaqstant essenzjali li tinżamm kooperazzjoni b'saħħitha, stretta u speċjali fis-settur tad-difiża u tas-sigurtà bejn l-Unjoni u r-Renju Unit wara l-Brexit; jenfasizza li l-ħidma b'kooperazzjoni mar-Renju Unit se tipprovdi lill-Unjoni kapaċitajiet tal-ogħla livell fil-qasam tal-kapaċitajiet u dak operattiv; iqis li mhuwiex il-każ li tkun prevista kooperazzjoni fil-qasam tad-difiża li teskludi lir-Renju Unit b'mod sistematiku; jipproponi li jiġi konkluż trattat ta' difiża u ta' sigurtà mar-Renju Unit li permezz tiegħu dan ikun jista' jipparteċipa kemm jista' jkun fl-istrumenti tal-Unjoni;

    104.

    Jiġbed l-attenzjoni għar-rwol fundamentali tan-NATO fid-difiża kollettiva, kif rikonoxxut b'mod espliċitu fit-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea; jemmen li s-sħubija strateġika bejn l-UE u n-NATO hija essenzjali biex jiġu indirizzati l-isfidi fil-qasam tas-sigurtà li l-Ewropa u l-viċinat tagħha jkollhom iħabbtu wiċċhom magħhom; jemmen li l-kooperazzjoni EU-NATO għandha tissaħħaħ reċiprokament, tieħu kont sħiħ tal-ispeċifiċitajiet u tar-rwoli ta' kull waħda miż-żewġ istituzzjonijiet u tkompli turi rispett sħiħ lill-prinċipji ta' inklużività u reċiproċità u l-awtonomija deċiżjonali taż-żewġ organizzazzjonijiet, partikolarment meta jkunu involuti l-interessi komuni jew tal-UE; jilqa' pożittivament il-kooperazzjoni UE-NATO permezz tal-eżerċizzju Defender-Europe 20 u jqis li dan l-eżerċizzju jikkostitwixxi opportunità reali biex tiġi sperimentata l-kapaċità tal-Ewropa li tirreaġixxi għal atti ta' aggressjoni, iżda wkoll jiġu eżaminati l-iżviluppi u t-titjib fil-qsim tal-fruntieri u fil-mobbiltà militari;

    105.

    Josserva l-importanza tas-sħubija bejn l-UE u n-NU fir-riżoluzzjoni tal-kunflitti internazzjonali u fl-attivitajiet ta' konsolidament tal-paċi; jistieden liż-żewġ organizzazzjonijiet jikkoordinaw aktar l-isforzi tagħhom fiż-żoni fejn jistazzjonaw missjonijiet ċivili u militari importanti, sabiex tiġi evitata d-duplikazzjoni u jiġu massimizzati s-sinerġiji;

    106.

    Jisħaq fuq l-importanza tal-kooperazzjoni bejn l-Unjoni u l-istituzzjonijiet internazzjonali l-oħra, b'mod partikolari l-Unjoni Afrikana u l-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni (OSKE); iqis li l-Unjoni għandha ssaħħaħ ukoll id-djalogu u l-kooperazzjoni mal-pajjiżi terzi li jikkondividu l-valuri u l-prijoritajiet strateġiċi tagħha kif ukoll mal-organizzazzjonijiet reġjonali u subreġjonali;

    107.

    Jappoġġja, b'mod parallel mal-kooperazzjoni u s-sħubijiet istituzzjonali, il-kombinazzjoni ta' forom differenti ta' kooperazzjoni flessibbli, multidimensjonali, miftuħa u fl-istess ħin operattivi, ambizzjużi u impenjattivi, kemm ġewwa kif ukoll barra l-istrutturi tal-UE, tan-NATO u tan-NU, li jistgħu jiffaċilitaw l-impenji konġunti fl-operazzjonijiet u b'hekk isaħħu l-objettivi operattivi tal-Unjoni; jenfasizza, f'dan ir-rigward, li l-eżempji ta' kooperazzjoni bħall-Inizjattiva Ewropea ta' Intervent, il-Kooperazzjoni Nordika għad-Difiża (NORDEFCO), il-Grupp ta' Visegrád jew l-integrazzjoni dejjem akbar tal-forzi armati Ġermaniżi u Netherlandiżi jagħmlu parti minn din il-loġika ta' tisħiħ tal-kooperazzjoni militari bejn l-Istati Membri;

    108.

    Jirrikonoxxi li l-istabbiltà politika u ekonomika, flimkien mal-kapaċitajiet militari u mal-kooperazzjoni fl-Afrika Sub-Saħarjana, huma fundamentali biex tittaffa ż-żieda fl-attività ġiħadista u l-kriżijiet tal-migranti u biex ikunu miġġielda t-tixrid u l-influwenza tal-estremiżmu;

    109.

    Jirrikonoxxi u jsostni l-Missjoni tal-Unjoni Ewropea ta' Assistenza fil-Fruntieri (EUBAM) fil-Libja, li assistiet fit-tranżizzjoni lejn id-demokrazija billi forniet taħriġ u servizzi ta' konsulenza fis-settur tas-sigurtà tal-fruntieri u ħadmet biex tiżviluppa s-sigurtà tal-fruntieri fil-konfini Libjani tal-art, tal-ajru u tal-baħar;

    110.

    Jistieden lill-UE żżomm l-impenji li ħadet fir-Raba' Summit UE-Afrika biex issostni l-istabbiltà ekonomika u politika u l-kapaċitajiet tal-Forza Afrikana ta' Intervent fil-Pront;

    111.

    Jinkoraġġixxi lill-Istati Membri jkomplu l-kooperazzjoni mal-Unjoni Afrikana u jonoraw l-impenji li ħadu s'issa;

    112.

    Jirrikonoxxi l-valur politiku, ekonomiku, ambjentali, tas-sigurtà u strateġiku dejjem akbar taċ-Ċirku Artiku; iħeġġeġ lill-Istati Membri jkomplu jikkooperaw mal-Kunsill tal-Artiku fil-kwistjonijiet kollha ta' interess għall-UE u jifformulaw strateġija komprensiva għar-reġjun;

    Qafas istituzzjonali

    113.

    Iqis li l-progress fil-qasam tad-difiża Ewropea jwitti t-triq għal bidliet strutturali importanti; jilqa' pożittivament t-tħabbira tal-ħolqien ta' Direttorat Ġenerali għall-Industrija tad-Difiża u l-Ispazju fi ħdan il-Kummissjoni Ewropea taħt ir-responsabbiltà tal-Kummissarju għas-Suq Intern; jilqa' pożittivament il-fatt li dan id-DĠ il-ġdid se jkun responsabbli biex jappoġġja, jikkoordina u jikkomplementa l-azzjonijiet tal-Istati Membri fil-qasam tad-difiża Ewropea u b'hekk se jikkontribwixxi għat-tisħiħ tal-awtonomija strateġika Ewropea; jieħu nota tad-definizzjoni tal-ħames kompiti prinċipali tiegħu (implimentazzjoni u kontroll tal-FED, ħolqien ta' suq Ewropew tat-tagħmir ta' difiża miftuħ u kompetittiv, implimentazzjoni tal-Pjan ta' Azzjoni dwar il-Mobbiltà Militari, tisħiħ ta' industrija spazjali b'saħħitha u innovattiva, implimentazzjoni tal-programm spazjali futur); jistieden lill-Kummissjoni tispeċifika f'aktar dettall dwar ir-rwol u r-responsabbiltajiet tad-DĠ il-ġdid; jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni tippreżenta pjan li jispjega l-mod kif se tikkoordina xogħolha mal-istrutturi l-oħra attivi fil-qasam tal-politika tad-difiża b'responsabbiltajiet oħra (l-Aġenzija Ewropea għad-Difiża, is-SEAE, eċċ.), bil-għan li timmassimizza l-effiċjenza tal-użu tar-riżorsi disponibbli u tiżgura kooperazzjoni effikaċi;

    114.

    Jimpenja ruħu li jiggarantixxi monitoraġġ u skrutinju parlamentari rigoruż tal-missjonijiet, tal-istrumenti u tal-inizjattivi fl-ambitu tad-difiża Ewropea; jistieden lill-VP/RGħ, lill-Kunsill u lid-diversi strutturi Ewropej ikkonċernati jirrapportaw regolarment lis-Sottokumitat għas-Sigurtà u d-Difiża dwar it-tlestija tal-mandat tagħhom;

    115.

    Jitlob li titfassal strateġija Ewropea ta' difiża, peress li hija komplement neċessarju tal-Istrateġija Globali tal-2016 u qafas għall-orjentament u l-ippjanar, it-tnejn li huma kruċjali għall-implimentazzjoni effikaċi tal-istrumenti u tar-riżorsi l-ġodda;

    116.

    Jevidenzja li, filwaqt li jiġu rispettati t-tradizzjonijiet tan-newtralità militari f'għadd ta' Stati Membri, huwa kruċjali li jiġi żgurat l-appoġġ taċ-ċittadini tal-UE biex tintrifed l-ambizzjoni politika tal-politika ta' difiża tal-UE; jissottolinja l-fatt li, skont l-aħħar stħarriġ tal-opinjoni pubblika, tliet kwarti taċ-ċittadini tal-UE huma favur li jkun hemm aktar kooperazzjoni bejn l-Istati Membri fil-qasam tas-sigurtà u d-difiża, u b'hekk jappoġġjaw politika ta' difiża u sigurtà komuni għall-Istati Membri, perċentwal li, mill-2004 'l hawn baqa' ogħla minn 70 %;

    117.

    Jitlob li jittieħdu passi progressivi lejn politika ta' difiża komuni (l-Artikolu 42(2) tat-TUE) u, imbagħad, difiża komuni, filwaqt li jissaħħu wkoll l-approċċi ta' prevenzjoni u riżoluzzjoni tal-kunflitti, anki permezz ta' żieda fir-riżorsi finanzjarji, amministrattivi u umani ddedikati għall-medjazzjoni, id-djalogu, ir-rikonċiljazzjoni, il-bini tal-paċi u r-risposti immedjati għall-kriżijiet;

    118.

    Iqis li White Paper tal-UE dwar is-sigurtà u d-difiża tkun għodda strateġika essenzjali biex tissaħħaħ il-governanza tal-politika ta' difiża tal-UE u li, hi u tiddefinixxi b'mod progressiv l-Unjoni Ewropea tad-Difiża, ikun jipprevedi ppjanar strateġiku fit-tul u jippermetti s-sinkronizzazzjoni gradwali taċ-ċikli ta' difiża fl-Istati Membri kollha; jistieden lill-Kunsill u lill-VP/RGħ ifasslu għodda bħal din, bil-għan li jinkluduha, fost oħrajn, fl-ippjanar tal-QFP, bl-objettiv ulterjuri li tkun żgurata l-konsistenza bejn il-Pjan ta' Implimentazzjoni tal-Istrateġija Globali tal-UE fil-qasam tas-Sigurtà u d-Difiża, il-CARD u l-PESCO;

    119.

    Ifakkar fl-eżistenza tal-Artikolu 44 tat-TUE, li jipprevedi aktar flessibbiltà u jintroduċi l-possibbiltà li tiġi fdata l-implimentazzjoni ta' kompiti ta' ġestjoni tal-kriżijiet lil grupp ta' Stati Membri, li jwettqu tali kompiti f'isem l-UE u taħt il-kontroll politiku u l-gwida strateġika tal-Kumitat Politiku u ta' Sigurtà u tas-SEAE;

    120.

    Jisħaq fuq il-fatt li l-Konferenza li ġejja dwar il-Futur tal-Ewropa għandha tinkludi riflessjonijiet fuq il-futur tal-Unjoni Ewropea tad-Difiża u, b'mod partikolari, il-ħtieġa li tiġi stabbilita forza ta' intervent Ewropea mogħnija b'kapaċitajiet ta' difiża biżżejjed effikaċi biex twettaq attivitajiet ta' żamma tal-paċi u ta' prevenzjoni tal-kunflitti u biex issaħħaħ is-sigurtà internazzjonali skont il-Karta tan-NU u l-kompiti previsti fl-Artikolu 43(1) tat-TUE;

    121.

    Iwissi dwar il-multipliċità ta' atturi istituzzjonali u s-sovrappożizzjoni tal-ambjent tad-difiża tal-UE; jistieden lill-partijiet ikkonċernati kollha jirriflettu dwar il-mod kif dan l-ambjent jista' jittejjeb sabiex ikun jista' jinftiehem aħjar miċ-ċittadini, ikun aktar loġiku u koerenti mil-lat istituzzjonali u aktar effikaċi biex jilħaq l-objettivi;

    122.

    Jappella għal riflessjoni dwar ir-rwol li l-Aġenzija Ewropea għad-Difiża għandu jkollha fid-definizzjoni progressiva ta' politika ta' difiża komuni tal-UE;

    o

    o o

    123.

    Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kummissarju għas-Suq Intern, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, lis-Segretarju Ġenerali tan-NATO, lill-aġenziji tal-Unjoni Ewropea fl-oqsma tal-ispazju, tas-sigurtà u tad-difiża, u lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.

    (1)  ĠU C 93, 9.3.2016, p. 144.

    (2)  ĠU C 337, 20.9.2018, p. 11.

    (3)  ĠU C 356, 4.10.2018, p. 130.

    (4)  ĠU C 224, 27.6.2018, p. 18.

    (5)  ĠU C 263, 25.7.2018, p. 125.

    (6)  ĠU C 334, 19.9.2018, p. 253.

    (7)  Testi adottati, P8_TA(2018)0498.

    (8)  ĠU L 200, 7.8.2018, p. 30.

    (9)  Testi adottati, P8_TA(2019)0430.

    (10)  ĠU C 224, 27.6.2018, p. 50.

    (11)  ĠU C 369, 11.10.2018, p. 36.

    (12)  Testi adottati, P8_TA(2018)0514.

    (13)  Testi adottati, P8_TA(2018)0257.

    (14)  ĠU C 238, 6.7.2018, p. 89.

    (15)  ĠU C 369, 11.10.2018, p. 47.

    (16)  Testi adottati, P8_TA(2018)0513.

    (17)  Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja), tal-24 ta' Ġunju 2014, Il-Parlament Ewropew vs Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, C-658/11, ECLI:EU:C:2014:2025.

    (18)  Il-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2008/944/PESK tat-8 ta' Diċembru 2008 li tiddefinixxi regoli komuni li jirregolaw il-kontroll ta' esportazzjonijiet ta' teknoloġija u tagħmir militari (ĠU L 335, 13.12.2008, p. 99).


    Top