Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52020DC0806

    RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL skont l-Artikolu 278a tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni, dwar progress fl-iżvilupp tas-sistemi elettroniċi previsti fil-Kodiċi

    COM/2020/806 final

    Brussell, 14.12.2020

    COM(2020) 806 final

    RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

    skont l-Artikolu 278a tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni, dwar progress fl-iżvilupp tas-sistemi elettroniċi previsti fil-Kodiċi

    {SWD(2020) 339 final}


    Werrej

    1.    Introduzzjoni    

    2.    Sfond    

    3.    Metodoloġija tal-Proġett għas-sistemi elettroniċi tal-KDU    

    4.    Ħarsa Ġenerali Globali lejn il-progress bis-sistemi elettroniċi tal-KDU    

    5    Sinteżi tal-ġestjoni u Konklużjonijiet    



    1.Introduzzjoni

    L-ewwel Rapport Annwali dwar il-Progress 1 mill-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni tas-sistemi elettroniċi tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (KDU) u d-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal li jakkumpanjah 2 ġew ippubblikati fit-13 ta’ Diċembru 2019. Ir-rapport annwali ta’ din is-sena se jelabora dwar il-progress kontinwu fl-iżvilupp tas-sistemi elettroniċi u jiddeskrivi l-iżviluppi lejn ambjent doganali kompletament diġitali minn meta daħal fis-seħħ il-KDU. Għal dan il-għan, huwa jibbaża fuq il-Progamm ta’ Ħidma tal-KDU (WP tal-KDU) 3 , li huwa meqjus bħala l-linja bażi għar-rapportar tal-progress.

    Il-proġetti elenkati fil-WP tal-KDU jistgħu jinqasmu fi tliet kategoriji ta’ sistemi:

    I)ħdax-il sistema trans-Ewropea ċentrali li għandhom jiġu żviluppati jew aġġornati mill-Kummissjoni (spiss jirrikjedu wkoll żviluppi jew aġġornamenti tas-sistemi nazzjonali mill-Istati Membri);

    II)tliet sistemi deċentralizzati trans-Ewropej li jridu jiġu żviluppati jew aġġornati mill-Kummissjoni iżda li għandhom komponent nazzjonali ewlieni li għandu jiġi implimentat mill-Istati Membri; u

    III)tliet sistemi nazzjonali li jridu jiġu żviluppati jew aġġornati esklussivament mill-Istati Membri.

    Dan ir-rapport janalizza l-progress tanġibbli li sar għat-tliet tipi ta’ sistemi, filwaqt li jistabbilixxi l-objettivi li għandhom jintlaħqu minn kull proġett, l-arkitettura tal-proġett u l-approċċ tal-ippjanar. Abbażi ta’ dan, jenfasizza dewmien potenzjali, fejn identifikat, kif ukoll miżuri ta’ mitigazzjoni previsti. Il-valutazzjoni kumplessiva tal-progress tal-implimentazzjoni tal-WP tal-KDU hija miġbura fil-qosor fit-taqsima tal-konklużjoni ta’ dan ir-rapport u turi li l-proġetti li jifdal huma fil-biċċa l-kbira fit-triq it-tajba biex jitlestew skont l-iskeda ta’ ppjanar. Aktar dettalji dwar l-ippjanar u l-istatus ta’ kull proġett huma pprovduti f’Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni 4 ppubblikat flimkien ma’ dan ir-rapport.

    2.Sfond

    Il-KDU li daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Mejju 2016 u wara l-emenda tiegħu fl-2019, 5 jistabbilixxi l-iskadenzi tal-2020, l-2022 u l-2025 għat-tlestija progressiva tax-xogħol f’termini ta’ tranżizzjoni u implimentazzjoni tal-IT. L-Artikolu 278 tal-KDU jipprovdi li sistemi elettroniċi u dawk ibbażati fuq il-karta eżistenti jistgħu jkomplu jintużaw għat-tlestija tal-formalitajiet doganali (l-hekk imsejħa “miżuri tranżizzjonali”) sakemm is-sistemi elettroniċi ġodda jew aġġornati rilevanti previsti taħt il-KDU jkunu operazzjonali. Il-miżuri tranżizzjonali għandhom jieqfu ladarba s-sistemi elettroniċi rilevanti jkunu fis-seħħ.

    Sabiex jappoġġa dan il-proċess ta’ tranżizzjoni elettronika kumplessa lejn ambjent doganali diġitali sħiħ, il-WP tal-KDU jistabbilixxi skadenzi għal kull sistema elettronika (u l-fażijiet possibbli tagħha) matul il-perjodu 2020 sa 2025.

    L-Artikolu 278(a) jirrikjedi li l-Kummissjoni tipprovdi rapport annwali dwar il-progress tal-vara tas-sistemi elettroniċi pendenti. Għal dan il-għan, il-Kummissjoni ġabret informazzjoni dwar il-progress abbażi ta’ (1) pjanijiet nazzjonali li l-Istati Membri huma meħtieġa jipprovdu darbtejn fis-sena (Jannar u Ġunju) u (2) stħarriġ iċċirkolat fost is-servizzi tagħha u fost l-Istati Membri sabiex tikseb stampa tal-progress.

    L-informazzjoni dwar l-ippjanar u l-progress miġbura mill-Istati Membri u mill-Kummissjoni u inkorporata f’dan ir-rapport tirrifletti s-sitwazzjoni attwali fl-aħħar ta’ Ġunju u tipprovdi stima tal-progress miksub sa tmiem l-2020. Kif imħabbar fir-rapport tal-2019, ir-rapport tal-2020 fih ukoll analiżi bbażata fuq informazzjoni aktar dettaljata rrapportata mill-Istati Membri fil-qafas tal-programmi nazzjonali ta’ koordinazzjoni li ilhom fis-seħħ mill-2020 għas-sistemi trans-Ewropej ewlenin deċentralizzati fil-qasam tat-tranżitu u l-esportazzjoni.

    Id-data miġbura ġiet imqabbla wkoll mad-data tal-2019 sabiex jiġu identifikati bidliet kbar. L-istħarriġ talab lill-maniġers tal-proġett biex jindikaw kwalunkwe dewmien magħruf fl-iskedi tal-ippjanar għas-sistemi elettroniċi, ir-raġunijiet għal kwalunkwe dewmien bħal dan u l-miżuri meħuda. Id-data li tinġabar mill-istħarriġ hija kemm kwantitattiva fil-forma ta’ skadenzi u stadji importanti milħuqa jew maqbuża, u kwalitattiva fil-forma ta’ deskrizzjonijiet dettaljati dwar l-isfidi ffaċċjati, ir-riskji antiċipati u l-kumplessità stmata tal-proġetti.

    3.Metodoloġija tal-Proġett għas-sistemi elettroniċi tal-KDU

    Il-ħidma tal-iżvilupp ta’ sistemi elettroniċi tinvolvi diversi stadji:

    -L-ewwel nett, jitħejja argument għall-vijabbiltà, li jipprovdi l-ġustifikazzjoni tal-proġett u jiddefinixxi r-rekwiżiti baġitarji. Tipikament, l-argument għall-vijabbiltà jinkludi l-kuntest tan-negozju, id-deskrizzjoni tal-problema, id-deskrizzjoni/l-ambitu tal-proġett, is-soluzzjonijiet alternattivi, il-kostijiet u l-iskeda taż-żmien.

    -Imbagħad, jinħoloq dokument ta’ viżjoni, li jipprovdi informazzjoni aktar dettaljata dwar id-definizzjoni tal-proġett f’termini ta’ arkitettura, kost, żmien u riskji, kif ukoll informazzjoni bħall-istadji importanti, ir-riżultati u l-organizzazzjoni tal-proġett.

    -Sussegwentement, isir l-immudellar tal-proċess tan-negozju, fejn il-proċessi tan-negozju mil-leġiżlazzjoni jiġu rrappreżentati viżwalment fi flussi tal-proċessi jew f’mudelli tal-proċessi biex jgħinu fl-iżvilupp tal-ispeċifikazzjonijiet funzjonali għas-sistemi. Il-benefiċċju li l-mudelli tal-proċessi jkunu preżentati b’mod viżwali huwa li jiġi żgurat fehim u analiżi komuni.

    -F’dan il-kuntest, jiġu żviluppati l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi, biex jiġi speċifikat kif se tinbena s-sistema, l-arkitettura li għandha tintuża, il-messaġġi li għandhom jiġu sottomessi mill-operaturi ekonomiċi u l-uffiċċji doganali, l-interfaċċa għal sistemi oħra, il-pjanijiet tal-ittestjar, eċċ.

    Fi żviluppi reċenti ta’ proġetti tal-KDU, il-metodoloġija tal-proġett ġiet imtejba u l-immudellar tal-proċess tan-negozju, l-immudellar tad-data u l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi ġew żviluppati iktar b’mod parallel u permezz ta’ kollaborazzjoni mill-qrib mill-bidu ma’ esperti mill-qasam legali, tan-negozju u l-IT, min-naħa tal-Kummissjoni u l-Amministrazzjonijiet Nazzjonali, u b’konsultazzjoni mar-rappreżentanti tal-kummerċ. Barra minn hekk, żvilupp iterattiv u mudelli ta’ varar ġew gradwalment stabbiliti fuq diversi proġetti.

    Il-Kummissjoni u l-Istati Membri jiltaqgħu regolarment biex jiddefinixxu u jaqblu fuq dawn id-dokumenti tal-proġett għal kull sistema trans-Ewropea. Barra minn hekk, il-Kummissjoni tikkonsulta sistematikament lill-komunità kummerċjali permezz tal-Grupp ta’ Kuntatt għall-Kummerċ. Sfida ewlenija hija li jiġi żgurat li s-sistemi eżistenti jkomplu jiffunzjonaw sewwa waqt li s-sistemi l-ġodda qed jiġu żviluppati. Ladarba jkunu lesti, imbagħad huwa importanti ħafna li tiġi żgurata tranżizzjoni bla xkiel mis-sistemi eżistenti għal dawk aġġornati. Dan huwa vitali biex jiġi żgurat li l-operazzjonijiet kummerċjali u doganali ma jiġux affettwati.

    4.Ħarsa Ġenerali Globali lejn il-progress bis-sistemi elettroniċi tal-KDU

    Il-WP tal-KDU fih sbatax-il proġett li jwasslu għall-varar tas-sistemi elettroniċi meħtieġa inklużi erbatax-il sistema trans-Ewropea li għalihom il-Kummissjoni, flimkien mal-Istati Membri, hija responsabbli u tlieta li jaqgħu taħt ir-responsabbiltà unika tal-Istati Membri.

    4.1 Minn tmiem l-2020, il-Kummissjoni tista’ tirrapporta l-aġġornament jew il-varar b’suċċess ta’ tmien sistemi mis-sbatax.

    B’mod partikolari, il-varar b’suċċess tas-sistema tal-Folji ta’ Informazzjoni tal-KDU għall-Proċeduri Speċjali (INF SP) fl-1 ta’ Ġunju 2020 għandu jiġi enfasizzat fir-rapport ta’ din is-sena. Din is-sistema l-ġdida tarmonizza l-approċċ għall-ġestjoni effiċjenti tal-proċeduri ta’ pproċessar attiv u passiv u ttejjeb il-monitoraġġ u l-kontroll fost l-uffiċċji doganali.

    It-tmien sistemi trans-Ewropej li tlestew (sistemi ġodda u aġġornamenti) huma kif ġej:

    ·Sistema tal-KDU tal-Esportatur IrreġistratREX (ġdida): Użata fl-2017.

    ·Deċiżjonijiet Doganali tal-KDUCDS (ġodda): Użata fl-2017.

    ·Aċċess Dirett għan-Negozjanti għas-Sistemi tal-Informazzjoni Ewropej tal-KDUUUM u DS (Ġestjoni Uniformi tal-Utenti u Firma Diġitali) (ġdid): Użata fl-2017.

    ·Aġġornament tas-Sistema ta’ Reġistrazzjoni u Identifikazzjoni tal-Operaturi Ekonomiċi tal-KDUEORI2 (aġġornament): Użata fl-2018.

    ·Sorveljanza 3 tal-KDUSURV3 (aġġornament): Użata fl-2018.

    ·Informazzjoni Tariffarja Vinkolanti tal-KDU – BTI (aġġornament): intiża sabiex tallinja l-bażi tad-data li ilha teżisti li fiha l-informazzjoni tariffarja vinkolanti kollha maħruġa mill-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri mar-regoli tal-KDU. Il-mekkaniżmi ta’ kontroll aħjar se jiżguraw li d-dazji doganali u l-VAT relatata kollha li huma legalment dovuti jinġabru kif suppost u li l-frodi tista’ tiġi skoperta b’mod aktar effettiv. L-istadji 1 u 2 tal-ewwel fażi tlestew sa Ottubru 2017. It-tieni fażi ffaċċjat dewmien ta’ żewġ kwarti matul il-fażi ta’ elaborazzjoni. Madankollu, l-ippjanar ġenerali baqa’ fil-mira u s-sistema tal-eBTI allinjata tal-KDU bdiet tintuża f’Ottubru 2019. Dan kien jinvolvi wkoll il-bini tal-aċċess għal din is-sistema permezz tal-Portal tan-Negozjanti Doganali tal-UE.

    ·Operaturi Ekonomiċi Awtorizzati tal-KDUAEO (aġġornament): intiża sabiex ittejjeb il-proċessi tan-negozju relatati mal-applikazzjonijiet u l-awtorizzazzjonijiet tal-AEO filwaqt li jitqiesu l-bidliet leġiżlattivi fil-KDU. Il-fażi 1 tlestiet fil-5 ta’ Marzu 2018 u l-fażi 2, il-parti 1 tlestiet fl-1 ta’ Ottubru 2019, inklużi r-rekwiżiti l-ġodda tal-KDU f’termini ta’ sottomissjoni elettronika permezz tal-Portal tal-UE għan-Negozjanti Doganali u l-bidliet relatati mal-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet. Il-fażi 2, il-parti 2 (proċessi sussegwenti) bdiet tintuża fDiċembru 2019.

    ·Folji ta’ Informazzjoni għall-Proċeduri Speċjali tal-KDUINF (ġodda): jiżviluppaw sistema ġdida biex tappoġġja u tissimplifika l-proċessi tal-ġestjoni tad-data u l-ġestjoni elettronika tad-data meħtieġa b’rabta mal-formalità doganali magħrufa bħala Proċeduri Speċjali. Wara li ġiet ikkunsidrata l-esperjenza tal-pilota, saru xi aġġustamenti ulterjuri u s-sistema INF sħiħa bdiet tintuża fil-ħin fl-1 ta’ Ġunju 2020.

    4.2 Għad-disa’ proġetti li għadhom għaddejjin, dan ir-rapport huwa intiż sabiex jenfasizza l-kisbiet tal-2020 u jagħti prova tal-kollaborazzjoni kontinwa bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri.

    4.2.1Is-sitt proġetti trans-Ewropej

    Is-sensiela ta’ dokumenti tal-proġett tal-IT tħejjew u ġew miftiehma fl-2020 bħala l-bażi tax-xogħol ta’ żvilupp tas-sistemi – ara hawn taħt il-progress għal kull proġett.

    Is-sitt proġetti trans-Ewropej bl-arkitettura speċifika tagħhom, li xi drabi jeħtieġu taħlita ta’ komponenti ċentrali u nazzjonali u fażi waħda jew aktar tal-proġett, li għandhom jitlestew sal-31 ta’ Diċembru 2025 skont l-Artikolu 278(3) tal-KDU, huma deskritti u jipprogressaw kif ġej:

    ·Ġestjoni tal-Garanzija tal-KDU – GUM (ġdida): intiża sabiex tiżgura l-allokazzjoni u l-ġestjoni f’ħin reali tat-tipi differenti ta’ garanziji madwar l-UE. Il-veloċità mtejba tal-ipproċessar, it-traċċabbiltà u l-monitoraġġ tal-garanziji b’mod elettroniku bejn l-uffiċċji doganali huma mistennija li jwasslu għal identifikazzjoni aktar mgħaġġla ta’ każijiet fejn il-garanziji jitqiesu invalidi jew insuffiċjenti biex ikopru d-dejn imġarrab jew potenzjali.

    Progress: Fid-dawl tal-istadji importanti legali fil-WP tal-KDU, l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi għandhom jitlestew sat-30 ta’ Settembru 2022 għall-Komponent 1 relatat mal-GUM trans-Ewropea u sat-30 ta’ Novembru 2024 għall-Komponent 2 relatat mas-sistema ta’ Ġestjoni Nazzjonali tal-Garanzija. L-argument għall-vijabbiltà għall-GUM trans-Ewropea kien soġġett għal diversi ċikli ta’ diskussjonijiet dwar l-ambitu u l-għażliet ta’ implimentazzjoni. Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni qablet mal-Istati Membri fl-2020 dwar l-użu mill-ġdid ta’ sistema eżistenti biż-żieda ta’ rekwiżiti speċifiċi għall-GUM. Fir-rigward tas-sistema ta’ Ġestjoni Nazzjonali tal-Garanzija, erba’ Stati Membri rrapportaw il-varar tas-sistema nazzjonali u tliet Stati Membri oħra qed jagħmlu progress fl-ispeċifikazzjonijiet tekniċi. Madankollu, l-ambitu tal-orjentazzjoni mill-ġdid tal-GUM trans-Ewropea jista’ jeħtieġ xi aġġustamenti ulterjuri.

    ·Aġġornament tas-Sistema ta’ Kontroll tal-Importazzjoni tal-KDUICS2 (aġġornament): intiża sabiex issaħħaħ is-sikurezza u s-sigurtà tal-katina tal-provvista permezz ta’ titjib fil-kwalità tad-data, l-iffajljar tad-data, id-disponibbiltà tad-data u l-qsim tad-data fir-rigward tan-notifiki ta’ qabel il-wasla (“Dikjarazzjonijiet fil-Qosor tad-Dħul”) u informazzjoni relatata dwar ir-riskju u l-kontroll. B’mod partikolari, il-proġett se jiffaċilita l-kollaborazzjoni fost l-Istati Membri fil-proċess tal-analiżi tar-riskju. Il-proġett se jingħata fi tliet rilaxxi sabiex tkun tista’ ssir tranżizzjoni fattibbli għal kull mezz ta’ trasport.

    Progress: L-ispeċifikazzjonijiet tekniċi għall-ICS2 - Rilaxxi 1 u 2 tlestew fit-30 ta’ Ġunju 2018. ICS2 - Rilaxx 1 huwa ppjanat għall-15 ta’ Marzu 2021 u se jkopri l-obbligu tal-operaturi ekonomiċi rilevanti (operaturi postali u trasportaturi express fit-trasport bl-ajru) li jipprovdu d-data minima, jiġifieri s-sett tad-data ENS ta’ qabel it-tagħbija. Il-ħidma qiegħda fit-triq it-tajba fid-dawl tal-varar f’waqtu tar-repożitorju ċentrali tal-ICS2 u tal-Interfaċċa Kondiviża tal-Kummerċjant. Madankollu, ġew enfasizzati xi riskji ta’ dewmien minn xi ftit Stati Membri minħabba l-perjodu ambizzjuż għall-ittestjar tal-konformità.

    ·Prova tal-Istatus tal-Unjoni tal-KDUPoUS (ġdid): se taħżen, tamministra u tirkupra l-provi kollha li n-negozjanti jipprovdu biex jagħtu prova tal-istatus tal-Unjoni tal-oġġetti tagħhom. Dan il-proġett jista’ jintuża jew b’mod ċentrali jew nazzjonali iżda ħafna Stati Membri urew espliċitament l-intenzjoni tagħhom li jużaw is-sistema ċentrali żviluppata mill-Kummissjoni Ewropea. Fid-dawl tad-dipendenza bejn l-implimentazzjoni tal-manifest tal-merkanzija doganali tal-KDU bħala prova tal-istatus tal-Unjoni u tat-Tieqa Unika Marittima Ewropea, il-proġett se jitlesta f’żewġ fażijiet biex tiġi evitata l-inkonsistenza u jitnaqqsu r-riskji.

    Progress: Bħal fir-rapport tas-sena l-oħra, dawk l-Istati Membri li jippreferu jużaw komponent tas-sistema nazzjonali rrapportaw li għandhom diffikultà biex jipprevedu jekk l-implimentazzjoni tagħhom hijiex se ssegwi l-iskeda ta’ żmien indikata fil-Programm ta’ Ħidma minħabba l-istadju bikri tal-proġett. Il-proċessi tan-negozju u l-ispeċifikazzjonijiet funzjonali għall-PoUS - Fażi 1 ġew approvati mill-Istati Membri fl-ewwel kwart tal-2020 u d-dokument ta’ viżjoni tlesta fit-tielet kwart tal-2020.

    ·Żdoganar Ċentralizzat għall-Importazzjoni tal-KDU – CCI (ġdid): intiża sabiex tippermetti li l-merkanzija titqiegħed taħt proċedura doganali bl-użu ta’ żdoganar ċentralizzat, li jippermetti lill-operaturi ekonomiċi jiċċentralizzaw in-negozju tagħhom mill-perspettiva doganali. L-ipproċessar tad-dikjarazzjoni doganali u r-rilaxx fiżiku tal-merkanzija se jkunu kkoordinati bejn l-uffiċċji doganali relatati. Is-sistema se tkun ibbażata fuq is-sistemi nazzjonali l-ġodda ta’ importazzjoni u tippermetti l-funzjonament awtomatizzat tal-proċess ċentralizzat ta’ rilaxx fil-livell Ewropew.

    Progress: L-ispeċifikazzjonijiet tekniċi CCI - Fażi 1 tlestew u ġew approvati fl-2020 fid-dawl tad-data ppjanata għall-varar tal-1 ta’ Marzu 2022 mal-Istati Membri li jinsabu fuq quddiem. Żewġ Stati Membri rrapportaw it-tlestija tal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi tal-Fażi 1 tagħhom filwaqt li ħamsa oħra għadhom għaddejjin.

    L-argument għall-vijabbiltà għas-CCI - Fażi 2 ġie ffinalizzat f’Ottubru 2019. Il-proċessi tan-negozju u l-ispeċifikazzjonijiet funzjonali għall-Fażi 2 tlestew fl-2020 u l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi huma mistennija sat-30 ta’ Ġunju 2022 fid-dawl tad-data ppjanata għall-varar tat-2 ta’ Ottubru 2023.

    ·Sistema ta’ Tranżitu Kompjuterizzata Ġdida tal-KDU – NCTS (aġġornament): Is-Sistema ta’ Tranżitu Kompjuterizzata Ġdida tallinja s-sistema eżistenti komuni u ta’ tranżitu tal-Unjoni mad-dispożizzjonijiet legali l-ġodda tal-KDU inkluż l-allinjament tal-iskambji ta’ informazzjoni mar-rekwiżiti tad-data tal-KDU u l-aġġornament u l-iżvilupp tal-interfaċċi ma’ sistemi oħra.

    Progress: Ma seħħ l-ebda dewmien għall-NCTS - Fażi 5: l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi tlestew u ġew approvati bħall-istrateġija ta’ tranżizzjoni tal-IT. Il-proġett bħalissa jinsab fit-triq it-tajba u huwa mistenni sal-1 ta’ Diċembru 2023 skont il-WP tal-KDU, bl-ewwel varar mill-Istati Membri li jinsabu fuq quddiem previst minn Marzu u Diċembru 2021. Erba’ Stati Membri rrapportaw li lestew l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi tagħhom għall-Fażi 5 filwaqt li disgħa oħra għadhom għaddejjin.

    Għall-NCTS - Fażi 6 (interkonnessjoni ma’ sistemi oħra), sar studju ta’ fattibilità fl-2020 li se jipprovdi kontribut għall-argument għall-vijabbiltà li għandu jitlesta fil-bidu tal-2021.

    ·Sistema Awtomatizzata tal-Esportazzjoni tal-KDU – AES (aġġornament kemm tas-sistema trans-Ewropea eżistenti (il-Komponent 1 tal-proġett) kif ukoll tas-Sistemi Nazzjonali tal-Esportazzjoni eżistenti (il-Komponent 2 tal-proġett)): għandha l-għan li timplimenta r-rekwiżiti tal-KDU għall-esportazzjoni u l-ħruġ tal-merkanzija. Il-proġett relatat mal-AES trans-Ewropea jinvolvi l-implimentazzjoni tas-simplifikazzjonijiet tal-KDU offruti għall-kummerċ sabiex tiġi ffaċilitata l-esportazzjoni tal-merkanzija għall-kumpaniji Ewropej, bħall-iżdoganar ċentralizzat għall-esportazzjoni, u l-obbligi tal-KDU biex tiġi mmonitorjata aħjar il-merkanzija li toħroġ mit-territorju doganali tal-UE, sabiex tkun prevenuta l-frodi.

    Progress: L-ispeċifikazzjonijiet tekniċi għall-AES trans-Ewropea tlestew u ġew approvati flimkien mal-istrateġija ta’ tranżizzjoni tal-IT. Il-proġett bħalissa jinsab fit-triq it-tajba u huwa mistenni sal-1 ta’ Diċembru 2023 skont il-WP tal-KDU, bl-ewwel varar mill-Istati Membri preċedenti previst minn Marzu 2021. Fir-rigward tal-Komponent 2, l-Aġġornament tas-Sistemi Nazzjonali tal-Esportazzjoni, l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi jenħtieġ li jitlestew sal-1 ta’ Settembru 2022. L-Istati Membri jenħtieġ li jlestu l-Komponent tal-Esportazzjoni tas-sistemi tal-Proċeduri Speċjali tagħhom fl-istess ħin bħall-AES. Erba’ Stati Membri rrapportaw li lestew l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi tagħhom għall-Komponent 1, filwaqt li tmienja oħra għadhom għaddejjin.

    Fil-qosor, għas-sitt proġetti trans-Ewropej li fadal, il-Kummissjoni u l-Istati Membri jinsabu fit-triq it-tajba biex jissodisfaw l-iskadenzi legali miftiehma fil-kuntest tal-KDU u l-WP tal-KDU, u l-istadji importanti tal-proġett stabbiliti fil-Pjan Strateġiku Pluriennali għad-Dwana (MASP-C) tal-2019.

    Fid-dawl tal-varar li jmiss fl-2021 u l-2022, huwa importanti li wieħed jiġbed l-attenzjoni għal xi kisbiet ewlenin fil-progress:

    L-ewwel, inkiseb progress deċiżiv fit-tħejjija u l-ittestjar tal-ewwel rilaxx tas-Sistema ta’ Kontroll tal-Importazzjoni 2 (ICS2) u l-proġett jinsab fit-triq it-tajba sabiex jiġi implimentat sa Marzu 2021.

    It-tieni nett, l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi tlestew għas-sistemi trans-Ewropej ewlenin deċentralizzati dwar l-importazzjoni, it-tranżitu u l-esportazzjoni, jiġifieri l-Iżdoganar Ċentralizzat fl-Importazzjoni (CCI) – il-Fażi 1, is-Sistema ta’ Tranżitu Kompjuterizzata Ġdida (New Computerised Transit System, NCTS) il-Fażi 5 u s-Sistema Awtomatizzata tal-Esportazzjoni (Automated Export System, AES) u l-ħidma ta’ żvilupp min-naħa tal-Istati Membri u l-Kummissjoni jinsabu fit-triq it-tajba. Barra minn hekk, l-argument għall-vijabbiltà ġie approvat għall-Ġestjoni tal-Garanzija (Guarantee Management, GUM).

    Għall-NCTS – il-Fażi 5 u l-AES, il-WP tal-KDU jipprevedi perjodu ta’ varar li jibda minn Marzu 2021. L-Istati Membri li qegħdin fuq quddiem se jingħaqdu f’Marzu u f’Diċembru 2021, b’aktar Stati Membri jingħaqdu magħhom gradwalment sal-aħħar tal-2023.

    L-Amministrazzjonijiet Nazzjonali kollha kkonfermaw l-ippjanar tagħhom li jibdew l-operazzjonijiet għall-AES u l-NCTS – il-Fażi 5 matul il-perjodu ta’ varar mill-ewwel kwart (Q1) tal-2021 sar-raba’ kwart(Q4) tal-2023, f’allinjament sħiħ mal-WP tal-KDU. Dan jidher fl-Illustrazzjoni 1 u fl-Illustrazzjoni 2. Il-bar is-safra tindika l-limitu ta’ żmien għall-Istati Membri biex jippreparaw l-għeluq tas-sistemi eżistenti ta’ esportazzjoni u ta’ tranżitu u jibdew joperaw dawk il-ġodda sabiex ikunu lesti għall-iskadenza legali indikata mill-bar il-ħamra.

    Illustrazzjoni 1 - bidu tal-ħidma tal-Amministrazzjonijiet Nazzjonali AES

    Illustrazzjoni 2 – NCTS – Fażi 5 bidu tal-ħidma tal-Amministrazzjonijiet Nazzjonali

    Il-Kummissjoni ppreżentat ukoll lill-Istati Membri pakkett aġġornat ta’ dokumentazzjoni dwar it-Termini ta’ Kollaborazzjoni u Ftehimiet dwar il-livell ta' servizz għall-operat tal-uffiċċji tas-servizzi u għad-disponibbiltà u l-ġestjoni tal-kontinwità tas-sistemi. Dan huwa korp importanti ta’ ħidma li jirfed il-funzjonament u d-disponibbiltà xierqa tas-sistemi trans-Ewropej.

    Fl-aħħar nett, huwa importanti li jiġi enfasizzat li fid-dawl tal-implimentazzjoni tal-WP tal-KDU, l-attivitajiet imwettqa mill-Kummissjoni jirrappreżentaw madwar 79 % sa Diċembru 2020 (fir-rapport tas-sena li għaddiet dan kien jirrappreżenta 66 %) tal-ħidma kollha ta’ żvilupp li għandha titwettaq sal-2025. Dan il-perċentwal huwa bbażat fuq indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni għall-attivitajiet assenjati lill-Kummissjoni biss u ma jirriflettix l-attivitajiet meħtieġa mill-Istati Membri. Fil-ħarsa ġenerali ta’ hawn taħt tista’ ssib il-prospetti fid-dawl tal-progress u l-ippjanar ipprovdut mis-servizzi tad-DĠ TAXUD.

    % lest

    Sa tmiem l-2020

    79 %

    Sa tmiem l-2021

    85 %

    Sa tmiem l-2022

    90 %

    Sa tmiem l-2023

    95 %

    Sa tmiem l-2024

    97 %

    Sa tmiem l-2025

    100 %

    Illustrazzjoni 3 – Approssimazzjoni ta’ % tal-attivitajiet tal-iżvilupp tal-Kummissjoni li tlestew

    4.2.2It-tliet proġetti nazzjonali

    L-Istati Membri għandhom ilestu l-aġġornament tat-tliet sistemi nazzjonali tagħhom sal-2022. Madankollu, dan jeskludi l-komponent tal-esportazzjoni tas-sistema tal-Proċeduri Speċjali nazzjonali, li għaliha l-attività u l-ippjanar huma interkonnessi mas-Sistema Awtomatizzata tal-Esportazzjoni (AES).

    It-tliet sistemi tal-Istati Membri li għandhom jitlestew sal-31 ta’ Diċembru 2022 skont l-Artikolu 278(2) tal-KDU huma kif ġej:

    ·Notifika tal-Wasla, Notifika tal-Preżentazzjoni u Ħżin Temporanju tal-KDU (NA, PN u TS)  (aġġornament): jistabbilixxu l-awtomatizzazzjoni ta’ proċessi fuq il-livelli nazzjonali fir-rigward tan-Notifiki tal-Wasla tal-mezz ta’ trasport, Preżentazzjoni tal-merkanzija u dikjarazzjonijiet għall-Ħażna Temporanja, kif deskritt fil-KDU. Dan il-proġett jappoġġa l-armonizzazzjoni fl-Istati Membri kollha fir-rigward tal-iskambju tad-data bejn il-kummerċ u d-dwana.

    Progress: Il-Belġju stabbilixxa inizjattiva ta’ kollaborazzjoni ma’ 12-il Stat Membru ieħor interessat sabiex iħejji l-ispeċifikazzjonijiet. It-tim ta’ esperti, ikkofinanzjat mill-Programm Dwana 2020, se jkompli jikkollabora biex iwassal id-dokumentazzjoni funzjonali u teknika u l-pakketti ta’ testijiet xierqa. NA, PN u TS tlestew minn Stat Membru wieħed, erbgħa u tliet Stati Membri, rispettivament. Meta mqabbel mal-ippjanar ipprovdut is-sena l-oħra, xi Stati Membri għażlu li jintegraw dan il-proġett fl-ICS2. Minħabba dan, xi Stati Membri rrapportaw dati tal-varar li huma wara l-iskadenza fil-WP tal-KDU.

    ·Sistemi Nazzjonali tal-Importazzjoni tal-KDU – NIS (aġġornament): għandhom l-għan li jimplimentaw ir-rekwiżiti kollha tal-proċess u tad-data li jirriżultaw mill-KDU li jirrigwardaw l-importazzjonijiet. L-Istati Membri għandhom jiżviluppaw speċifikazzjonijiet tekniċi fil-livell tagħhom bħala l-ewwel pass lejn it-tlestija tas-sistemi.

    Progress: L-Istati Membri kollha rrapportaw lill-Kummissjoni li dawn l-ispeċifikazzjonijiet għadhom għaddejjin u se jitlestew sal-1 ta’ Lulju 2021. Disa’ Stati Membri lestew l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi tagħhom u sebgħa oħra għadhom għaddejjin. Meta mqabbel mar-rapport tas-sena l-oħra, ġie rrapportat xi ppjanar mill-ġdid ta’ stadji importanti intermedjarji iżda l-Istati Membri kollha għadhom fit-triq it-tajba biex jiksbu l-istadju importanti tal-varar tal-2022.

    ·Proċeduri Speċjali tal-KDU  SP (aġġornament): għandhom l-għan li jarmonizzaw u jiffaċilitaw proċeduri speċjali (ħażna doganali, użu aħħari, dħul temporanju u pproċessar attiv u passiv). L-Istati Membri se jkollhom jimplimentaw il-bidliet kollha meħtieġa tal-KDU għal dawn il-proċeduri speċjali fis-sistemi nazzjonali tagħhom. L-ewwel komponent (tal-esportazzjoni) tal-SP se jiġi implimentat skont il-proġett tas-Sistema Awtomatizzata tal-Esportazzjoni (AES) tal-KDU u bħala parti minnu (bi skadenza tal-varar sal-2025), filwaqt li t-tieni komponent (tal-importazzjoni) se jkun parti mill-aġġornament tal-proġett tas-Sistemi Nazzjonali tal-Importazzjoni tal-KDU (bi skadenza tal-varar sal-2022).

    Progress: Stat Membru wieħed lesta l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi tiegħu għall-Komponenti SP 1 filwaqt li disgħa lestewhom għall-Komponent 2. Jeżistu interdipendenzi mal-AES u l-aġġornament tas-Sistemi Nazzjonali tal-Importazzjoni. S’issa, l-ebda dewmien ma ġie rrapportat mill-Istati Membri u l-Istati Membri kollha jinsabu fit-triq it-tajba bl-ewwel skadenza tkun l-2022.

    Bħala sinteżi: Għas-sistemi nazzjonali, l-Istati Membri qed jagħmlu sforzi kbar, xi kultant permezz ta’ kollaborazzjoni intensa, biex jagħmlu progress fl-implimentazzjoni tar-rekwiżiti għal NA/PN/TS, l-aġġustamenti għas-Sistemi Nazzjonali tal-Importazzjoni u l-Proċeduri Speċjali interrelatati. Hekk kif qed joqorbu l-iskadenzi għall-varar (il-31 ta’ Diċembru 2022 għat-tlieta li huma), l-Istati Membri jenħtieġ li joqogħdu attenti għal din il-kwistjoni, b’mod partikolari l-għaxar Stati Membri li ma setgħux jikkonfermaw varar f’waqtu għal-AN, l-erba’ Stati Membri għall-PN u t-tliet Stati Membri għat-TS kif muri fit-tabelli 9, 10 u 11 tad-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal li jakkumpanja dan ir-rapport.

    4.3 Riskji ta’ dewmien

    Il-Kummissjoni ppreżentat l-ewwel Rapport Annwali dwar il-Progress tal-KDU għall-2019 lill-Kunsill fit-12 ta’ Frar 2020. Ir-rispons ewlieni riċevut kien kif ġej:

    ·Ir-rapport deher ottimist iżżejjed;

    ·Ir-rapport kien nieqes mis-sostenibbiltà finanzjarja tal-implimentazzjoni tal-KDU (b’mod partikolari l-vijabbiltà tal-ICS2);

    ·L-istabbiltà tal-Anness B (rekwiżiti tad-data komuni) tal-KDU hija importanti ħafna.

    Bi tweġiba għar-rispons mill-Kunsill, il-Kummissjoni hija kunfidenti li r-rapportar attwali jippreżenta ħarsa ġenerali korretta tas-sitwazzjoni, peress li huwa bbażat, minn naħa waħda, fuq l-attivitajiet tagħha stess li jwasslu għall-progress fis-sistemi ċentrali trans-Ewropej, u min-naħa l-oħra, fuq l-attivitajiet tal-Istati Membri, kif ikkomunikati lill-Kummissjoni. Fir-rapportar tagħhom dwar l-elementi deċentralizzati tas-sistemi trans-Ewropej u dwar is-sistemi nazzjonali tagħhom, l-Istati Membri kienu meħtieġa jipprovdu stampa realistika tal-progress tal-proġett u tar-riskji identifikati.

    Fir-rigward tas-sitwazzjoni finanzjarja u s-sostenibbiltà, fil-Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-Qafas Finanzjarju Pluriennali, l-allokazzjoni baġitarja ta’ EUR 950 miljun għall-Programm Doganali ġiet approvata. Dan jirrappreżenta impenn sinifikanti biex iwassal u jappoġġa finanzjarjament il-ħidma tad-dwana u b’mod partikolari l-iżvilupp ta’ sistemi elettroniċi matul il-perjodu sal-2027. B’dawn l-iżviluppi, il-Kummissjoni ma għadhiex qed tara riskju ta’ nuqqas ta’ baġit tal-UE għall-iżvilupp tal-komponenti tas-sistema li għalihom hija responsabbli. Huwa nnotat li fil-ħin tal-kitba ta’ dan ir-rapport in-negozjati tal-baġit għadhom għaddejjin mal-Parlament Ewropew u għalhekk din iċ-ċifra tista’ ma tkunx finali.

    L-instabbiltà tal-Anness B tal-AD-KDU 6 u tal-AI-KDU 7 u l-emendi li ġejjin tqajmu mill-Kunsill u mill-amministrazzjonijiet doganali tal-Istati Membri bħala riskju importanti fil-kuntest tar-rapport tas-sena li għaddiet. Ir-rekwiżiti komuni tad-data tal-Anness B jintużaw għas-sistemi trans-Ewropej u nazzjonali u l-applikabbiltà tal-kolonni differenti tal-Anness B tal-AD-KDU hija marbuta mad-dati tal-varar tas-sistemi elettroniċi stabbiliti fil-WP tal-KDU. Il-Kummissjoni għandha l-pjaċir tirrapporta li bis-saħħa tal-progress li sar fl-2020, ir-riskju tnaqqas. Il-ħidma fuq l-armonizzazzjoni tar-rekwiżiti komuni tad-data għad-dikjarazzjonijiet, in-notifiki u l-prova tal-istatus doganali tal-merkanzija tal-Unjoni ġiet iffinalizzata u riflessa fl-emendi għall-AD-KDU u l-AI-KDU li se jiġu adottati mill-Kummissjoni fil-bidu tal-2020. L-emendi kienu meħtieġa biex jiġi żgurat allinjament sħiħ bejn id-dispożizzjonijiet legali u l-ispeċifikazzjonijiet funzjonali u tekniċi għas-sistemi trans-Ewropej u biex tiġi żgurata l-istabbiltà meħtieġa.

    Fir-rigward tal-istħarriġ dwar il-progress fl-2020, il-Kummissjoni miexja sew fuq l-iżviluppi li huma ta’ responsabbiltà tagħha u la mmaterjalizza u lanqas ma ġie identifikat l-ebda dewmien lil hinn mill-iskadenzi legali. Barra minn hekk, ma ġew irrapportati ebda riskji kbar li jwasslu għal dewmien fil-varar.

    L-Istati Membri qegħdin ukoll javvanzaw b’mod sinifikanti bl-iżviluppi ta’ responsabbiltà tagħhom. Madankollu, kif iddikjarat fit-taqsima 4.2, hemm proġett wieħed li għalih ġie rrapportat dewmien lil hinn mill-iskadenza legali (f’dan il-każ 31/12/2022), li huwa l-proġett NA, PN u TS, ikkategorizzat bħala proġett purament nazzjonali. Id-dewmien irrapportat mill-Istati Membri jidher fit-tabelli 9, 10 u 11 tad-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal li jakkumpanja dan ir-Rapport u jista’ jinġabar fil-qosor kif ġej:

    ·Għall-implimentazzjoni tan-Notifika tal-Wasla (NA), l-Istati Membri li ġejjin għandhom data ppjanata għall-varar li hija aktar tard mill-iskadenza fil-Programm ta’ Ħidma tal-KDU: BE, BG, DE, EE, ES, FI, FR, NL u RO. DK ma pprovdiet l-ebda data ppjanata għall-varar tal-NA.

    B’mod aktar speċifiku, erba’ Stati Membri rrapportaw li se jużaw l-NA integrata fl-ICS2 – Rilaxx 2 (varar ippjanat għall-01/03/2023). Għal 8 Stati Membri, id-dewmien huwa limitat għal xahrejn jew tliet xhur.

    ·Għall-implimentazzjoni tan-Notifika tal-Preżentazzjoni (PN) u tal-Ħażna Temporanja (TS), l-Istati Membri li ġejjin indikaw data ppjanata għall- varar għall-PN, li hija aktar tard mill-iskadenza fil-Programm ta’ Ħidma: BE, FR u NL. DK ma pprovdiet l-ebda data ppjanata għall-varar tal-PN.

    B’mod aktar speċifiku, għal żewġ Stati Membri d-dewmien stmat huwa limitat għal xahrejn.

    Fir-rigward tal-proġett tas-Sistemi Nazzjonali tal-Importazzjoni, ir-riskju ta’ dewmien imsemmi minn ftit Stati Membri fir-rapport tas-sena l-oħra jidher li qiegħed taħt kontroll u ma għadux jissarraf fi tlestija mhux f’waqtha, li potenzjalment ikollha impatt fuq il-proġett tas-CCI trans-Ewropew.

    Fir-rigward tal-proġett nazzjonali dwar il-Proċeduri Speċjali, l-Istati Membri kollha indikaw li kienu fil-ħin, ħlief għall-komponent tal-Esportazzjoni li għalih Stat Membru wieħed (DK) ma pprovdiex data.

    Min-naħa tal-Istati Membri, għadd ta’ riskji globali ġew ripetuti mis-sena l-oħra, u potenzjalment qed ikollhom impatt fuq il-progress tal-attivitajiet tagħhom. Is-sors ewlieni ta’ diffikultajiet u riskji ta’ dewmien indikati mill-Istati Membri huwa n-nuqqas ta’ riżorsi tagħhom u l-ħtieġa ta’ integrazzjoni ulterjuri tal-proġetti tal-KDU. Meta mqabbel mar-rapport tas-sena li għaddiet, fadal biss ftit każijiet fejn l-offerti għadhom ma ġewx aġġudikati, għal oħrajn ir-riskju relatat mal-akkwisti sparixxa. Fir-rigward tan-nuqqas ta’ riżorsi finanzjarji, l-adozzjoni tal-Kummissjoni tal-WP tal-KDU u tar-Rapport Annwali dwar il-Progress fi tmiem l-2019 għenet lill-Istati Membri biex jirċievu baġit addizzjonali. Stat Membru rrapporta b’mod espliċitu dwar l-eżitu ta’ suċċess. Fir-rigward tar-riżorsi umani, l-Istati Membri tennew in-nuqqas ta’ riżorsi umani bħala riskju partikolari għall-implimentazzjoni b’suċċess u f’waqtha tal-proġetti. Ir-riżorsi umani ta’ spiss jaħdmu fuq proġetti oħra tal-IT b’mod parallel. Barra minn hekk, hemm ħafna fatturi li jikkontribwixxu għall-kumplessità tal-proġetti tal-KDU (f’termini ta’ dipendenzi tal-proġetti, tranżizzjoni u ttestjar mal-operaturi ekonomiċi, integrazzjonijiet tas-sistemi).

    Fir-Rapport Annwali ta’ Progress tal-2019, l-Istati Membri diġà indikaw id-diffikultajiet biex jissodisfaw l-obbligi fuq is-sistemi doganali imposti mill-pakkett tal-kummerċ elettroniku tal-VAT adottat fil-5 ta’ Diċembru 2017 8 . L-Istati Membri semmew li l-implimentazzjonijiet paralleli jirriskjaw li jwasslu għal dewmien fit-tlestija tas-sistemi elettroniċi tal-KDU sal-iskadenzi rilevanti. Il-Kummissjoni kompliet tagħmel monitoraġġ tas-sitwazzjoni din is-sena. Fit-8 ta’ Mejju 2020, il-Kummissjoni pproponiet li tipposponi l-introduzzjoni tar-regoli l-ġodda b’sitt xhur (mill-1 ta’ Jannar 2021 sal-1 ta’ Lulju 2021 jew wara). Fl-20 ta’ Lulju 2020 il-Kunsill aċċetta din il-proposta u adotta l-leġiżlazzjoni meħtieġa 9 . B’dan il-posponiment, l-Istati Membri għandhom aktar żmien biex jissodisfaw l-iskadenzi legali għall-iżviluppi nazzjonali, u fl-2020 inqas Stati Membri rrapportaw ir-riskju tal-impatt kollaterali tal-inizjattiva tal-kummerċ elettroniku tal-VAT fuq l-implimentazzjoni tal-KDU. Primarjament żewġ Stati Membri rrapportaw li hemm bżonn ta’ ippjanar mill-ġdid ta’ xi attivitajiet tal-KDU u ta’ titjib tal-pjattaformi u appoġġ għas-sistemi tal-IT. Madankollu, huma ddikjaraw ukoll li jikkunsidraw miżuri ta’ mitigazzjoni biex jevitaw dewmien reali meta jibda l-varar. Għandu jiġi nnotat li r-riskju mill-Istati Membri ġie kkunsidrat flimkien ma’ fatturi esterni oħra bħall-COVID-19 u l-Brexit (ara p. 29, p. 35, p. 41 tad-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal li jakkumpanja dan ir-rapport).

    Fir-rigward tal-isfidi li rriżultaw minħabba l-pandemija tal-COVID-19 u l-ħruġ tar-Renju Unit mill-UE, il-Kummissjoni rrapportat li għall-attivitajiet tagħha stess ma għandu jiġi nnotat l-ebda impatt mill-COVID-19 u li ttieħdu azzjonijiet ta’ mitigazzjoni biex jiġi miġġieled l-impatt mill-Ftehim dwar il-ħruġ. L-Istati Membri rrapportaw li l-effetti ma kinux ċari bħalissa iżda li kienet mistennija pressjoni addizzjonali fuq l-ippjanar nazzjonali tagħhom u fuq l-għadd ta’ riżorsi umani disponibbli internament u esternament (kuntratturi tal-IT, operaturi ekonomiċi).

    Bħala konklużjoni, il-valutazzjoni tar-riskji ewlenin għall-implimentazzjoni f’waqtha tas-sistemi tal-KDU wriet li r-riskji jinsabu l-aktar min-naħa tal-Istati Membri u huma marbuta mal-kumplessità tal-proġetti, l-akkwist u l-kwistjonijiet kuntrattwali, il-limitazzjonijiet tar-riżorsi, il-proċess ta’ trasformazzjoni u xi fatturi esterni bħall-COVID-19 u l-Brexit. Il-Kummissjoni se tkompli tappoġġa lill-Istati Membri bl-applikazzjoni ta’ azzjonijiet ta’ mitigazzjoni biex jiġi evitat li r-riskji jimmaterjalizzaw f’varar tard ta’ sistemi elettroniċi kif deskritt fit-taqsima 4.4 hawn taħt.

    4.4 Azzjonijiet ta’ mitigazzjoni

    Fir -rigward tal-proġetti nazzjonali, l-ippjanar u l-progress ipprovduti mill-Istati Membri juru, minn naħa, sitwazzjoni aħjar mis-sena l-oħra għas-sistemi nazzjonali ta’ importazzjoni li ma għadhiex tindika dewmien, iżda min-naħa l-oħra, għall-proġett nazzjonali dwar AN/PN/TS, is-sitwazzjoni qed tiddeterjora xi ftit. Fid-dawl tar-riskji vvalutati, il-Kummissjoni beħsiebha żżid l-appoġġ lill-Istati Membri permezz ta’ diversi azzjonijiet. Peress li għadd ta’ Stati Membri jorbtu l-attivitajiet nazzjonali tagħhom ma’ dawk ippjanati fil-kuntest tar-Rilaxx 2 tal-ICS2, il-Kummissjoni se tistudja dan in-nuqqas ta’ allinjament ta’ xahrejn fl-ippjanar f’aktar dettalji. Se timmonitorja l-progress b’mod aktar regolari, tieħu kuntatti bilaterali biex tifhem il-problemi u toħroġ ittri formali lill-Istati Membri kkonċernati biex ittaffi r-riskji ta’ dewmien. Sadanittant, l-Istati Membri huma avżati biex ikomplu u jaċċelleraw aktar il-ħidma ta’ kollaborazzjoni intensa tagħhom għall-implimentazzjoni tal-proġett AN/PN/TS u biex jaħdmu flimkien fit-tim tal-esperti. Il-Kummissjoni tkompli bil-kofinanzjament mill-Programm Doganali għat-Tim ta’ Esperti dwar approċċi ġodda għall-iżvilupp u l-operat tas-sistemi tal-IT Doganali (ETCIT). Fl-aħħar mill-aħħar, l-implimentazzjoni f’waqtha tal-komponenti nazzjonali tibqa’ r-responsabbiltà tal-Istati Membri.

    Kif imħabbar fir-rapport tas-sena l-oħra, il-Kummissjoni intensifikat l-appoġġ tagħha lill-Istati Membri għall-iżvilupp tas-sistemi trans-Ewropej billi stabbilixxiet mekkaniżmi innovattivi ta’ żvilupp u varar, billi rfinat l-approċċ ta’ governanza u billi pprovdiet programmi trans-Ewropej ta’ koordinazzjoni u monitoraġġ. Dan huwa deskritt f’aktar dettall hawn taħt.

    Il-Kummissjoni tkompli tuża approċċ aġli fir-rigward tal-iżvilupp u l-varar tas-sistemi elettroniċi tal-KDU sabiex twassal u tirrieżamina d-dokumentazzjoni tal-proġett u s-software tal-applikazzjoni f’iterazzjonijiet jew pakketti aktar maniġġabbli. Dan jippermetti soluzzjonijiet aktar malajr u ammont ta’ xogħol aktar ibbilanċjat għall-Kummissjoni u l-Istati Membri. Dan il-metodu beda fil-proġetti AES, NCTS – il-Fażi 5 u ICS2 u ntlaqa’ tajjeb mill-Istati Membri u n-negozjanti. Wara t-talba għall-ġeneralizzazzjoni tal-approċċ, intuża għal proġetti oħra tal-KDU bħall-PoUS u s-CCI. Barra minn hekk, il-Kummissjoni stabbilixxiet mekkaniżmu għal kollaborazzjoni mtejba bejn il-partijiet ikkonċernati kollha mill-bidu tal-proġetti, biex ittejjeb il-kwalità tal-attivitajiet preparatorji u biex tevita d-diffikultà fit-teħid tad-deċiżjonijiet u rekwiżiti addizzjonali fi stadji aktar tard fil-proġetti.

    Jintuża dashboard għall-Pjan Strateġiku Pluriennali għad-Dwana (MASP-C) għall-intraċċar tal-progress u bħala għodda ta’ informazzjoni min-naħa tal-Kummissjoni dwar il-progress tiegħu. Il-linja bażi għall-istadji importanti tad-dashboard hija l-MASP-C 2019 u l-WP tal-KDU 2019. Id-dashboard huwa ppreżentat fuq bażi trimestrali lill-Istati Membri (il-Grupp Elettroniku ta’ Koordinazzjoni Doganali) u lill-komunità kummerċjali (il-Grupp ta’ Kuntatt Kummerċjali) għal skopijiet ta’ informazzjoni u ta’ tmexxija.

    Il-Kummissjoni issa mhux biss qed timmonitorja l-progress fil-konfront tal-istadji importanti tal-proġett, kif indikat fil-WP tal-KDU u l-MASP-C, iżda qed tistabbilixxi wkoll stadji importanti interim speċifiċi għal kull proġett (pereż. stadji importanti li bihom l-Istati Membri kollha kellhom ilestu l-ittestjar tal-konformità). Dan il-monitoraġġ mill-qrib huwa meħtieġ sabiex il-varar tas-sistemi deċentralizzati trans-Ewropej ikun jista’ jiġi mmaniġġjat u biex jiġu evitati kostijiet addizzjonali għall-operat ta’ sistemi qodma u ġodda fil-każ ta’ perjodu ta’ varar estiż.

    Fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-programm ICS2, il-Kummissjoni kompliet bl-ICS2 “attivitajiet ta’ koordinazzjoni trans-Ewropej” matul is-snin 2019 u 2020 10 . Il-ħidma ffukat fuq l-ICS2 - Rilaxx 1 tal-implimentazzjoni bil-ħsieb li tiġi ffaċilitata t-tħejjija operazzjonali mill-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri, it-trasportaturi express u l-operaturi postali tal-UE mill-15 ta’ Marzu 2021.

    Il-Kummissjoni pprovdiet appoġġ lill-amministrazzjonijiet nazzjonali u lill-operaturi ekonomiċi fl-attivitajiet ta’ żvilupp tagħhom permezz ta’ sett ta’ attivitajiet li kienu jinkludu:

    ·Il-ħolqien ta’ forum dedikat u organizzazzjoni ta’ webinars dedikati, appoġġ permezz ta’ mistoqsijiet frekwenti u organizzazzjoni ta’ laqgħat plenarji ta’ koordinazzjoni regolari tal-ICS2 bil-parteċipazzjoni tal-ġestjoni tal-proġetti tal-ICS2 nazzjonali kollha tal-Istati Membri u rappreżentanti tal-ġestjoni tar-riskju, operaturi ekonomiċi individwali, assoċjazzjonijiet kummerċjali u organizzazzjonijiet internazzjonali;

    ·Monitoraġġ mill-qrib u kontinwu, ippjanar ta’ pjanijiet ta’ proġetti nazzjonali u ta’ kummerċ biex jiġi żgurat l-allinjament tagħhom mal-ippjanar ċentrali tal-Kummissjoni fl-istadji importanti rilevanti kollha tal-konsenja tal-IT (kampanji ta’ ttestjar tal-konformità, ittestjar minn tarf sa ieħor, ittestjar fil-prattika bi prova). Dan kien ivarja minn appoġġ kontinwu għall-koordinazzjoni tal-attivitajiet tat-test tal-konformità u stimula lill-amministrazzjonijiet nazzjonali u lill-operaturi ekonomiċi biex jikkoordinaw il-proġetti individwali tagħhom;

    ·Tħejjija għat-tnedija ta’ kampanji ta’ komunikazzjoni, b’attivitajiet differenti li ġew implimentati fis-sena 2020 u matul l-implimentazzjoni tal-programm ICS2, inkluż il-ħolqien ta’ kontenut speċifiku tal-programm ICS2 fuq il-paġna web tad-DĠ TAXUD;

    ·Tħejjija tal-materjal ta’ taħriġ li se jkun ibbażat fuq il-kompendju tar-Rilaxx 1 tal-ICS2 gwida operazzjonali komuni.

    Barra minn hekk, fl-aħħar tal-2019, il-Kummissjoni nediet “programm ta’ monitoraġġ trimestrali tal-Amministrazzjoni Nazzjonali” għas-sistemi trans-Ewropej NCTS – il-Fażi 5 u AES b’Indikaturi Ewlenin ta’ Prestazzjoni biex tivvaluta regolarment il-progress u twissi sew minn qabel fejn jistgħu jinqalgħu l-problemi.

    Għal dawn il-proġetti, bħala strument komplementari, il-Kummissjoni stabbilixxiet ukoll “programm ta’ koordinazzjoni tal-Amministrazzjoni Nazzjonali” biex tappoġġa lill-Istati Membri fl-iżvilupp u l-varar tal-komponenti nazzjonali tagħhom għas-sistemi trans-Ewropej. Dawn il-programmi se jgħinu biex jiggwidaw il-proċess ta’ tranżizzjoni tal-IT mill-2020 b’helpdesk apposta, webinars, żjarat bilaterali (fejn possibbli), taħriġ, segwitu tal-ittestjar tal-konformità, rapportar tal-progress kull tliet xhur, ġestjoni tal-forniment tas-servizzi, eċċ.

    Matul l-ewwel sitt xhur ta’ applikazzjoni tal-programm, jistgħu jiġu rrapportati r-riżultati li ġejjin:

    ·L-amministrazzjonijiet nazzjonali kollha kkonformaw mad-dispożizzjonijiet tal-Programm ta’ Koordinazzjoni għall-NCTS - Fażi 5 u l-AES, u pprovdew Pjanijiet Nazzjonali dettaljati tal-Proġetti bl-użu tal-mudelli proposti u billi rrapportaw kwalunkwe devjazzjonijiet għall-pjan ta’ referenza tagħhom;

    ·Il-Programm ta’ Koordinazzjoni ġenerali ġie diskuss mal-amministrazzjonijiet nazzjonali kollha f’erba’ laqgħat virtwali u fiżiċi u ġie aċċettat mill-il-Grupp ta’ Koordinazzjoni tad-Dwana Elettronika ( Electronic Customs Coordination Group, ECCG);

    ·Saru tliet missjonijiet bilaterali u saru sitt laqgħat bilaterali mal-amministrazzjonijiet nazzjonali;

    ·Il-Kummissjoni rrapportat, lill-ECCG u lill-Grupp ta’ Politika Doganali (CPG), ir-rapport attwali li jipprovdi ħarsa ġenerali tal-Indikaturi Ewlenin tal-Prestazzjoni tal-pjanijiet nazzjonali aggregati.

    Ir-riżultati taż-żewġ programmi huma kkunsidrati li jġibu informazzjoni siewja dwar il-progress u se jkomplu jintużaw għar-rapporti Annwali dwar il-Progress tal-ġejjieni. Se tipprovdi informazzjoni dettaljata dwar il-progress għal kull proġett u għal kull Stat Membru.

    5Sinteżi tal-ġestjoni u Konklużjonijiet

    Bħala konklużjoni, huwa evidenti li l-Kummissjoni u l-Istati Membri jiffaċċjaw sfidi biex jiżguraw il-vara sħiħ tas-sistemi elettroniċi tal-KDU sal-iskadenzi rilevanti. Il-valutazzjoni tal-progress u r-riskji turi li dawn l-isfidi jinsabu primarjament min-naħa tal-Istati Membri. L-Istati Membri jirreferu għall-inċertezza dwar l-impatt tal-pandemija tal-COVID-19, għal ħafna obbligi oħra li għandhom jiġu implimentati permezz ta’ sistemi doganali, għal kwistjonijiet ta’ riżorsi fl-Istati Membri, għall-kumplessità u l-interkonnettività tas-sistemi, u għall-ħtieġa ta’ tranżizzjoni bla xkiel mis-sistemi eżistenti għal dawk aġġornati sabiex l-impatt fuq il-kummerċ jiġi minimizzat. Il-Kummissjoni timpenja ruħha li tappoġġa, tikkoordina u timmonitorja l-progress min-naħa tal-Istati Membri b’aktar attenzjoni u profondament matul is-snin li ġejjin u biex twettaq xi azzjonijiet speċifiċi biex tiżgura implimentazzjoni f’waqtha tas-sistemi nazzjonali kif ukoll dawk trans-Ewropej.

    Madankollu, huwa ċar ukoll li qed isir progress tanġibbli. Għadd kbir ta’ sistemi elettroniċi diġà ġew varati u issa qegħdin jaħdmu bis-sħiħ.

    Il-proġett INF SP ġie varat b’suċċess din is-sena u sar progress sinifikanti dwar il-finalizzazzjoni ta’ speċifikazzjonijiet tekniċi u funzjonali għal erba’ u żewġ proġetti rispettivament, li lestew żewġ argumenti għall-vijabbiltà u ħejjew għar-rilaxxi maġġuri li ġejjin.

    Kif imsemmi hawn fuq, il-bqija tal-proġetti huma fil-biċċa l-kbira fit-triq it-tajba u ppjanati li jitlestew skont l-ippjanar tal-proġetti definiti fil-WP tal-KDU. Ħarsa ġenerali fil-qosor lejn l-ippjanar u l-progress tinsab fl-Illustrazzjoni 4 hawn taħt.

    Illustrazzjoni 4: L-ippjanar għall-proġetti tal-WP tal-KDU

    Il-Kummissjoni u l-Istati Membri se jkomplu l-laqgħat regolari tagħhom biex imexxu u jimmonitorjaw il-proġetti permezz tad-dashboard MASP-C u permezz tar-rekwiżiti msaħħa ta’ rapportar tal-ippjanar u l-progress għall-implimentazzjoni tal-WP tal-KDU. Il-Kummissjoni u l-Istati Membri se jkomplu wkoll ix-xogħol ta’ elaborazzjoni u ta’ żvilupp għas-sistemi trans-Ewropej li fadal f’termini ta’ argumenti għall-vijabbiltà u dokumenti ta’ viżjoni, kif ukoll biex jippreparaw l-ispeċifikazzjonijiet funzjonali u tekniċi (inklużi speċifikazzjonijiet tekniċi tranżizzjonali f’xi każijiet) bħala l-bażi għat-tqassim u l-varar tas-sistemi.

    Il-Kummissjoni se tkompli bil-programmi ta’ monitoraġġ u koordinazzjoni trimestrali tal-Amministrazzjoni Nazzjonali. B’dawn l-istrumenti maniġerjali, il-Kummissjoni hija kunfidenti li għandha l-mekkaniżmi xierqa fis-seħħ biex tiffaċċja l-isfidi li ġejjin.

    L-Istati Membri kollha esprimew ir-rieda tagħhom li jiddefinixxu u jieħdu azzjonijiet ta’ mitigazzjoni biex jiżguraw li jirrispettaw l-iskadenzi tal-ippjanar stabbiliti fil-WP tal-KDU.

    Aktar dettalji dwar l-ippjanar u l-istatus ta’ kull proġett huma pprovduti f’dokument ta’ ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni ppubblikat flimkien ma’ dan ir-rapport.

    (1)

     Ir-Rapport mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill skont l-Artikolu 278a tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni, dwar il-progress fl-iżvilupp tas-sistemi elettroniċi previsti taħt il-Kodiċi, COM(2019) 629 finali.

    (2)

     Id-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni li jakkumpanja r-Rapport mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill skont l-Artikolu 278a tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni, dwar il-progress fl-iżvilupp tas-sistemi elettroniċi previsti skont il-Kodiċi, SWD(2019) 434 final. 

    (3)

    Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/2151 tat-13 ta’ Diċembru 2019 li tistabbilixxi l-programm ta’ ħidma relatat mal-iżvilupp u t-tnedija tas-sistemi elettroniċi previsti fil-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (ĠU L 325, 16.12.2019, p. 168–182).

    (4)

     Id -Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni li jakkumpanja r-Rapport mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill skont l-Artikolu 278a tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni, dwar il-progress fl-iżvilupp tas-sistemi elettroniċi previsti taħt il-Kodiċi, SWD(2020) XXX finali.

    (5)

     Ir-Regolament (UE) 2019/632 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ April 2019 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 952/2013 biex jittawwal il-perjodu taż-żmien tal-użu tranżizzjonali ta’ mezzi oħrajn minbarra t-tekniki tal-ipproċessar elettroniku tad-data previsti fil-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (ĠU L 111, 25.4.2019, p. 54-58).

    (6)

    Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2015/2446 tat-28 ta’ Lulju 2015 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta’ regoli dettaljati li jikkonċernaw uħud mid-dispożizzjonijiet tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (ĠU L 343, 29.12.2015, p. 1-557).

    (7)

    Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/2447 tal-24 ta’ Novembru 2015 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (ĠU L 343, 29.12.2015, p. 1-558-893).

    (8)

      Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 2017/2459 tal-5 ta’ Diċembru 2017 ( ĠU L 348, 29.12.2017, p. 32–33 )

    (9)

      Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2020/1109 tal-20 ta’ Lulju 2020 li temenda d-Direttivi (UE) 2017/2455 u (UE) 2019/1995 f’dak li jirrigwarda d-dati tat-traspożizzjoni u tal-applikazzjoni b’rispons għall-pandemija tal-COVID-19 ( ĠU L 244, 29.7.2020, p. 3–5 ) , ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2020/1108 tal-20 ta’ Lulju 2020 li jemenda r-Regolament (UE) 2017/2454 f’dak li jirrigwarda d-dati tal-applikazzjoni b’rispons għall-pandemija tal-COVID-19 ( ĠU L 244, 29.7.2020, p. 1–2 ) u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2020/112 tal-20 ta’ Lulju 2020 li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/2026 f’dak li jirrigwarda d-dati tal-applikazzjoni b’rispons għall-pandemija tal-COVID-19 ( ĠU L 244, 29.7.2020, p. 9–10 ).

    (10)

    Il-fergħa tal-attività tal-koordinazzjoni trans-Ewropea tal-ICS2, bħala element integrali tal-programm ICS2, tnediet fis-sena 2018.

    Top