IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 14.12.2020
COM(2020) 799 final
RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL
Rapport dwar l-awtorizzazzjon għall-esportazzjoni fl-2019 skont ir-Regolament dwar il-kummerċ ta' ċerti oġġetti li jistgħu jintużaw għall-piena kapitali, it-tortura jew trattament jew pieni krudili, inumani jew degradanti oħra
1.Introduzzjoni
L-objettiv tar-Regolament (UE) 2019/125 dwar il-kummerċ ta’ ċerti oġġetti li jistgħu jintużaw għall-piena kapitali, it-tortura jew trattament jew pieni krudili, inumani jew degradanti oħra (
) (ir-Regolament) huwa li jipprevjeni l-piena kapitali, minn naħa waħda, u t-tortura u trattament jew pieni krudili, inumani jew degradanti oħra f’pajjiżi barra mill-UE, min-naħa l-oħra. Jiddistingwi bejn oġġetti li:
-huma abbużivi b’mod inerenti u jenħtieġ li ma jiġux ikkummerċjalizzati (l-Anness II), jew
-jista’ jkollhom użi leġittimi, bħal tagħmir tal-infurzar tal-liġi (l-Anness III) jew oġġetti għal użu terapewtiku (l-Anness IV).
Il-kummerċ ta’ dawn l-oġġetti huwa soġġett għal ċerti restrizzjonijiet.
L-Artikolu 26(3) tar-Regolament jiddikjara li l-Istati Membri jridu jfasslu rapport pubbliku u annwali tal-attività. Ir-rapport irid jipprovdi informazzjoni dwar l-għadd ta’ applikazzjonijiet riċevuti, l-oġġetti u l-pajjiżi kkonċernati, u d-deċiżjonijiet li ttieħdu dwar l-applikazzjonijiet. L-Artikolu 26(4) jiddikjara li l-Kummissjoni trid tfassal rapport annwali magħmul mir-rapporti annwali tal-attività ppubblikati mill-Istati Membri. Trid tagħmel ir-rapport disponibbli għall-pubbliku.
Dan ir-rapport tal-Kummissjoni jagħti informazzjoni dwar l-attivitajiet ta’ awtorizzazzjoni tal-Istati Membri rigward l-esportazzjonijiet ta’ oġġetti fl-2019 (
), li jistgħu jintużaw għat-tortura jew għall-piena kapitali fl-2019.
L-Istati Membri kollha rrapportaw dwar l-għadd ta’ awtorizzazzjonijiet għall-esportazzjoni li ngħataw u ġew irrifjutati skont l-Artikoli 11(1) u 16(1) u dwar l-oġġetti u l-pajjiżi ta’ destinazzjoni inkwistjoni. F’ħafna każijiet, l-awtoritajiet kompetenti fl-Istati Membri rrapportaw ukoll dwar l-għadd jew il-kwantitajiet tal-oġġetti awtorizzati għall-esportazzjoni u l-kategorija tal-utent aħħari li l-oġġetti jkunu ġew fornuti lilu.
Awtorizzazzjonijiet skont ir-Regolament (UE) 2019/125
L-Artikoli 11(1) u 16(1) tar-Regolament (UE) 2019/125 jeħtieġu awtorizzazzjoni għall-esportazzjonijiet (
) tal-oġġetti elenkati fl-Anness III (11(1)) u fl-Anness IV (16(1)).
L-Anness III jelenka ċerti oġġetti li jistgħu jintużaw għall-fini ta’ tortura jew trattament jew pieni krudili, inumani jew degradanti oħra. L-oġġetti fl-Anness III jaqgħu taħt l-intestaturi li ġejjin: oġġetti maħsuba għat-trażżin tal-bnedmin; armi u apparat imfassla għall-fini tal-kontroll tal-irvellijiet jew tal-awtoprotezzjoni, u armi u tagħmir li jxerred sustanzi kimiċi inkapaċitanti jew irritanti għall-fini tal-kontroll tal-irvellijiet jew tal-awtoprotezzjoni, u ċerti sustanzi relatati.
L-Anness IV jelenka ċerti sustanzi kimiċi li jistgħu jintużaw f’injezzjonijiet letali.
Minbarra meta l-Awtorizzazzjoni Ġenerali tal-Unjoni għall-Esportazzjoni stabbilita fl-Anness V tintuża għall-esportazzjonijiet ta’ oġġetti elenkati fl-Anness IV, l-awtorizzazzjoni għall-esportazzjoni trid tinkiseb mill-awtoritajiet kompetenti fl-Istat Membru kkonċernat, kif elenkat fl-Anness I tar-Regolament.
L-esportazzjonijiet lejn destinazzjonijiet elenkati fl-Awtorizzazzjoni Ġenerali tal-Unjoni għall-Esportazzjoni normalment jistgħu jsiru mingħajr ma tinkiseb awtorizzazzjoni individwali jew globali mogħtija minn Stat Membru. L-approċċ sa issa kien li pajjiż mhux tal-UE jiġi inkluż fl-Anness V jekk ikun irratifika ftehim internazzjonali rilevanti b’impenn li jabolixxi l-piena kapitali għar-reati kollha. Għall-pajjiżi barra mill-Kunsill tal-Ewropa, dan ifisser li l-pajjiż inkwistjoni jrid ikun irratifika t-Tieni Protokoll Fakultattiv għall-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi (ICCPR) mingħajr riżerva.
Madankollu, jekk ikun hemm suspett raġonevoli dwar l-abbiltà tal-esportatur li jikkonforma mat-termini tal-awtorizzazzjoni jew mal-leġiżlazzjoni dwar il-kontroll tal-esportazzjoni, l-awtorità kompetenti tista’ tipprojbixxi lill-esportatur milli juża l-Awtorizzazzjoni Ġenerali tal-Unjoni għall-Esportazzjoni.
L-Artikolu 20(2) tar-Regolament (UE) 2019/125 jiddikjara li awtorizzazzjoni għall-esportazzjonijiet mogħtija minn Stat Membru tista’ tkun awtorizzazzjoni individwali (awtorizzazzjoni għall-esportazzjonijiet lejn utent aħħari jew destinatarju wieħed f’pajjiż mhux tal-UE) jew awtorizzazzjoni globali (awtorizzazzjoni għall-esportazzjonijiet lejn utent aħħari speċifikat wieħed jew aktar jew distributuri f’pajjiż mhux tal-UE speċifikat wieħed jew aktar) (
).
L-Artikoli 3, 4 u 5 tar-Regolament jipprojbixxu l-esportazzjoni, l-importazzjoni u t-tranżitu tal-oġġetti elenkati fl-Anness II. L-awtoritajiet kompetenti jistgħu jagħtu deroga mill-projbizzjoni, iżda biss jekk jintwera li l-oġġetti kkonċernati se jintużaw għall-iskop esklużiv ta’ wirja pubblika f’mużew (f’pajjiż mhux tal-UE jew, f’konformità mal-Artikolu 4, fi Stat Membru) fid-dawl tas-sinifikat storiku tagħhom.
|
2.Awtorizzazzjonijiet mogħtija u miċħuda
Fl-2019, l-għadd totali ta’ awtorizzazzjonijiet irrapportati ammontaw għal 285, bi 11-il Stat Membru jirrapportaw li kienu taw l-awtorizzazzjonijiet. L-Istati Membri li fadal informaw lill-Kummissjoni li ma kienu rċevew l-ebda applikazzjoni għal awtorizzazzjonijiet skont ir-Regolament.
Billi d-definizzjoni ta’ awtorizzazzjoni individwali u ta’ awtorizzazzjoni globali fl-Artikolu 2 tar-Regolament ma jinkludux komponent kwantitattiv, indikazzjoni tal-għadd ta’ awtorizzazzjonijiet mogħtija ma tagħtix indikazzjoni tal-għadd jew tal-kwantità tal-oġġetti kkonċernati minn dawn l-awtorizzazzjonijiet. L-informazzjoni li l-Istati Membri jagħtu lill-Kummissjoni tipikament lanqas ma tagħmel distinzjoni bejn awtorizzazzjonijiet individwali u awtorizzazzjonijiet globali.
Ir-Regolament jitlob li l-awtoritajiet kompetenti jivverifikaw jekk awtorizzazzjoni għall-esportazzjoni tagħtix indikazzjoni li, jekk jiġu esportati, l-oġġetti inkwistjoni jistgħux jintużaw għat-tortura jew għal trattamenti jew pieni krudili, inumani jew degradanti oħra (l-Anness III) jew għall-piena kapitali (l-Anness IV). Għaldaqstant, l-Artikolu 20(8) tar-Regolament jiddikjara li jenħtieġ li l-awtorità kompetenti tirċievi “l-informazzjoni kompluta b’mod partikolari dwar l-utenti aħħari, il-pajjiż ta’ destinazzjoni u l-użu aħħari tal-oġġetti”.
Fl-2019, sitt applikazzjonijiet (
) għal awtorizzazzjoni għall-esportazzjoni ġew irrapportati bħala miċħuda. Il-każijiet irrapportati ta’ ċaħda fl-2019 kienu jikkonċernaw ċerti tranżazzjonijiet intenzjonati ma’ klijenti fil-Bożnija-Ħerzegovina, fiċ-Ċina, fl-Indja, f’Iżrael, fin-Niġerja u fin-Niġer. It-tranżazzjonijiet mhux awtorizzati kienu jikkonċernaw primarjament oġġetti elenkati fl-Anness III, il-kodiċi 3.1 (
). L-esportazzjoni maħsuba lejn in-Niġerja kienet tikkonċerna l-oġġetti elenkati fl-Anness III, il-kodiċi 3.6(
). L-esportazzjoni maħsuba lejn l-Indja kienet tikkonċerna l-oġġetti elenkati fl-Anness IV (tijopental).
L-Artikoli 3, 4 u 5 tar-Regolament jipprojbixxu l-esportazzjoni, l-importazzjoni u t-tranżitu tal-oġġetti elenkati fl-Anness II, rispettivament. Ir-Regolament jippermetti li l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti jagħtu deroga mill-projbizzjoni, iżda biss jekk jintwera li l-oġġetti kkonċernati se jintużaw għall-iskop esklużiv ta’ wirja pubblika f’mużew (f’pajjiż mhux tal-UE jew, f’konformità mal-Artikolu 4, fi Stat Membru) fid-dawl tas-sinifikat storiku tagħhom. L-awtoritajiet kompetenti rrapportaw li huma ma tawx dawn id-derogi fl-2019.
L-Anness 1 ta’ dan ir-rapport jagħti informazzjoni dwar l-għadd ta’ awtorizzazzjonijiet għall-esportazzjoni mogħtija mill-awtoritajiet kompetenti nazzjonali fl-2019, skont il-kategorija tal-oġġetti (l-Anness III u l-Anness IV). L-esportazzjonijiet skont l-Awtorizzazzjoni Ġenerali tal-Unjoni għall-Esportazzjoni (l-Anness V tar-Regolament (UE) 2019/125) mhumiex inklużi fl-informazzjoni dwar l-għadd ta’ awtorizzazzjonijiet mogħtija.
L-Anness 2 jagħti informazzjoni dwar l-għadd ta’ applikazzjonijiet awtorizzati u miċħuda matul il-perjodu mill-2017 sal-2019.
L-Anness 3 jagħti informazzjoni dwar id-destinazzjonijiet ewlenin irrapportati tal-esportazzjonijiet awtorizzati.
L-Annessi 4 u 5 jagħtu ħarsa ġenerali lejn l-oġġetti awtorizzati għall-esportazzjoni, id-destinazzjonijiet tagħhom u l-użu aħħari rrappurtat tagħhom.
3.Utenti aħħarin
L-informazzjoni riċevuta mill-Kummissjoni tagħmilha possibbli li ssir distinzjoni bejn l-użu aħħari għall-infurzar tal-liġi, għax-xjenza u għall-kura tas-saħħa (fl-isptarijiet u għal użu veterinarju) u l-użu aħħari mid-ditti tas-sigurtà u tal-kummerċ.
L-Anness 6 jiġbor fil-qosor l-informazzjoni mogħtija lill-Kummissjoni dwar l-użu aħħari rrappurtat tal-esportazzjonijiet awtorizzati fl-2019.