Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52020DC0750

    KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL U LILL-BANK ĊENTRALI EWROPEW dwar l-Abbozz tal-Pjanijiet Baġitarji tal-2021: Valutazzjoni Ġenerali

    COM/2020/750 final

    Brussell, 18.11.2020

    COM(2020) 750 final

    KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI

    dwar l-Abbozz tal-Pjanijiet Baġitarji tal-2021: Valutazzjoni Ġenerali


    Sommarju eżekuttiv

    Din il-Komunikazzjoni tiġbor fil-qosor il-valutazzjoni tal-Kummissjoni tal-Abbozzi tal-Pjanijiet Baġitarji għall-2021 ippreżentati mill-Istati Membri taż-Żona tal-Euro kif meħtieġ mir-Regolament (UE) Nru 473/2013.

    Il-valutazzjoni tal-Kummissjoni tqis il-kriżi tas-saħħa li għaddejja bħalissa, il-livell għoli ta’ inċertezza u t-tnaqqis serju fir-ritmu ekonomiku li jirriżulta mit-tifqigħa tal-COVID-19. Il-valutazzjoni hija bbażata fuq ir-rakkomandazzjoni tal-politika fiskali adottata mill-Kunsill fl-20 ta’ Lulju 2020 u tqis l-attivazzjoni tal-klawżola liberatorja ġenerali tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir. Kif indikat fl-Istrateġija Annwali għat-Tkabbir Sostenibbli tal-2021, l-Istati Membri jenħtieġ li jkomplu jipprovdu appoġġ fiskali mmirat u temporanju fl-2021 biex jindirizzaw b’mod effettiv il-pandemija, isostnu l-ekonomija, u jappoġġaw l-irkupru. Meta l-kundizzjonijiet ekonomiċi jippermettu, il-politiki fiskali jenħtieġ li jimmiraw li jiksbu pożizzjonijiet fiskali prudenti fi żmien medju u jiżguraw is-sostenibbiltà tad-dejn, filwaqt li jtejbu l-investiment. Din il-Komunikazzjoni tiġbor fil-qosor il-valutazzjoni tal-Abbozzi tal-Pjanijiet Baġitarji individwali u s-sitwazzjoni baġitarja ġenerali fiż-Żona tal-Euro, inkluża l-pożizzjoni fiskali aggregata.

    L-Abbozzi tal-Pjanijiet Baġitarji tal-2021, inkluża l-valutazzjoni tal-pożizzjoni fiskali għaż-Żona tal-Euro kollha kemm hi, jistgħu jinġabru fil-qosor kif ġej:

    1.L-ekonomija taż-Żona tal-Euro għadha fil-ħafna tal-pandemija tal-COVID-19. Il-PDG reali huwa mbassar li jonqos bi kważi 8 % fl-2020. Minkejja r-ritorn mbassar għat-tkabbir fl-2021, l-irkupru huwa mistenni li ma jkunx komplut u se jvarja ħafna bejn l-Istati Membri. L-ekonomija hija mistennija tkompli topera taħt il-potenzjal tagħha. L-inċertezza u r-riskji għadhom eċċezzjonalment kbar.

    2.Il-miżuri temporanji mdaqqsa meħtieġa li ttieħdu fl-2020 biex itaffu l-effett tal-pandemija fiż-Żona tal-Euro huma ta’ piż fuq il-pożizzjoni fiskali aggregata, li mistennija titjieb ftit fl-2021. L-Abbozzi tal-Pjanijiet Baġitarji jindikaw defiċit nominali aggregat ta’ kważi 6 % tal-PDG u proporzjon tad-dejn għall-PDG ta’ madwar 100 % fl-2021, ġeneralment f’konformità mat-tbassir tal-Kummissjoni tal-ħarifa 2020. Il-qawmien mill-ġdid reċenti tal-virus fl-Ewropa jimplika riskji negattivi li jistgħu jaggravaw l-eżiti ekonomiċi u fiskali fl-2021 meta mqabbla mal-istimi fl-Abbozzi tal-Pjanijiet Baġitarji.

    3.L-Istati Membri ħadu miżuri fiskali mdaqqsa b’reazzjoni għall-pandemija (4,2 % tal-PDG fl-2020 u 2,4 % tal-PDG fl-2021). Il-biċċa l-kbira tal-miżuri ta’ emerġenza kellhom l-għan li jindirizzaw is-sitwazzjoni tas-saħħa pubblika, u li jikkumpensaw lill-ħaddiema u lill-kumpaniji għat-telf fid-dħul minħabba miżuri ta’ lockdown u tfixkil fil-katina tal-provvista (3,4 % tal-PDG fl-2020 u 0,9 % tal-PDG fl-2021). Miżuri oħra, bħal tnaqqis indirett fit-taxxi jew xogħlijiet pubbliċi żejda, iffukaw b’mod aktar wiesa’ fuq l-appoġġ għall-irkupru ekonomiku (0,8 % tal-PDG fl-2020 u 1,5 % tal-PDG fl-2021). L-Istati Membri pprovdew ukoll appoġġ ta’ likwidità wiesa’ lill-unitajiet domestiċi u lin-negozji fil-forma ta’ garanziji jew sospensjoni tal-kontribuzzjonijiet tat-taxxa u tas-sigurtà soċjali. F’xi każijiet, l-ispazju fiskali limitat illimita d-daqs tar-rispons fiskali. L-Istati Membri b’pożizzjonijiet fiskali aktar b’saħħithom ġeneralment ipprovdew appoġġ baġitarju aktar dirett, filwaqt li l-Istati Membri b’pożizzjonijiet fiskali aktar dgħajfa kellhom it-tendenza li jiddependu aktar fuq l-appoġġ ta’ likwidità. Miżuri bħal dawn ma għandhomx impatt immedjat fuq id-defiċit nominali, iżda jikkostitwixxu f’obbligazzjonijiet kontinġenti.

    4.Il-pożizzjoni fiskali taż-Żona tal-Euro kemm fl-2020 kif ukoll fl-2021 tidher ta’ appoġġ meta aġġustata għat-tneħħija ta’ miżuri temporanji ta’ emerġenza kif ippjanat fl-Abbozzi tal-Pjanijiet Baġitarji (+ 1,1 % tal-PDG fl-2020 u + 1,4 % tal-PDG fl-2021). Madankollu, fid-dawl tal-qawmien mill-ġdid reċenti tal-pandemija fl-Ewropa, l-irtirar previst tal-miżuri ta’ emerġenza fl-2021 huwa soġġett għal żieda fl-inċertezza. L-Istati Membri huma mistennija li jestendu aktar appoġġ ta’ emerġenza biex jipprovdu għajnuna neċessarja lill-ekonomija, minbarra l-pjanijiet baġitarji attwali diġà riflessi fit-tbassir tal-Kummissjoni.

    5.Il-finanzjament mill-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza jista’ jkun mistenni li jipprovdi impuls fiskali addizzjonali sinifikanti, meta mqabbel ma’ dak li ġie inkluż fil-pjanijiet u t-tbassir attwali tal-Istati Membri. Billi l-preżentazzjoni tal-Pjanijiet ta’ Rkupru u Reżiljenza u l-approvazzjoni sussegwenti tagħhom huma mistennija li jseħħu fl-2021, it-tbassir tal-Kummissjoni tal-ħarifa 2020 jassumi fil-projezzjonijiet baġitarji għall-2021 il-prefinanzjament ta’ 10 % tal-għotjiet tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza. Dan il-prefinanzjament huwa ttrattat bħala tranżazzjoni finanzjarja mingħajr ebda impatt fuq il-bilanċ tal-baġit, iżda b’impatt li jnaqqas id-dejn pubbliku. Biex nimxu 'l quddiem, il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza hija mistennija li jkollha impatt makrorilevanti fuq l-attività ekonomika u l-finanzi pubbliċi f’ħafna Stati Membri u fiż-Żona tal-Euro kollha kemm hi.

    6.Pożizzjonijiet fiskali individwali, akkomodanti ħafna fl-2020, jidhru li għadhom ta’ appoġġ fi kważi l-Istati Membri kollha fl-2021, ladarba jiġu kkoreġuti għat-tneħħija gradwali ta’ miżuri temporanji ta’ emerġenza. Filwaqt li l-miżuri ta’ emerġenza jirrappreżentaw aktar minn terz tal-miżuri totali previsti għall-2021 fl-Abbozzi tal-Pjanijiet Baġitarji, il-maġġoranza tal-miżuri għandhom l-għan li jappoġġaw l-irkupru ekonomiku. In-nefqa ffinanzjata permezz ta’ għotjiet bil-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza tista’ tkun mistennija li tipprovdi impuls fiskali addizzjonali sinifikanti mingħajr ma jkollha impatt fuq il-livelli tad-defiċit u tad-dejn tal-Istati Membri.

    7.Jenħtieġ li l-Istati Membri jevitaw li jirtiraw l-appoġġ fiskali f’daqqa. It-taħlita ta’ telf kbir fil-produzzjoni u riskji negattivi titlob appoġġ kontinwu tal-politika fiskali fl-2021.

    8.Jenħtieġ li l-miżuri ta’ appoġġ ikunu mmirati tajjeb u temporanji. L-Istati Membri bħalissa qed jippjanaw kombinazzjoni ta’ miżuri temporanji u permanenti fl-2021. Miżuri permanenti li mhumiex ippjanati li jiġu ffinanzjati minn żidiet fid-dħul jew tnaqqis fin-nefqa kumpensatorju jistgħu jaffettwaw is-sostenibbiltà fiskali fiż-żmien medju.

    9.Strateġiji fiskali kredibbli fi żmien medju huma partikolarment importanti biex tiġi żgurata s-sostenibbiltà fiskali, b’mod partikolari fil-każ ta’ Stati Membri b’dejn għoli. L-implimentazzjoni ta’ miżuri fiskali u pakketti ta’ riforma mfassla tajjeb, mhux l-inqas permezz ta’ Pjanijiet ta’ Rkupru u Reżiljenza, hija importanti biex jiġu indirizzati l-isfidi identifikati fir-rakkomandazzjonijiet rilevanti speċifiċi għall-pajjiżi.

    F’dan l-isfond, l-Opinjonijiet tal-Kummissjoni dwar l-Abbozzi tal-Pjanijiet Baġitarji tal-2021 huma bbażati fuq valutazzjoni kwalitattiva tal-miżuri fiskali. L-Opinjonijiet huma miġbura fil-qosor kif ġej:

    1.Il-Kummissjoni hija tal-fehma li l-Abbozzi tal-Pjanijiet Baġitarji huma ġeneralment konformi mar-rakkomandazzjoni dwar il-politika fiskali adottata mill-Kunsill fl-20 ta’ Lulju 2020. Ħafna mill-miżuri fl-Abbozzi tal-Pjan Baġitarju tal-Belġju jappoġġaw l-attività ekonomika fl-isfond ta’ inċertezza konsiderevoli.

    2.Għall-Awstrija, il-Belġju, Ċipru, l-Estonja, il-Finlandja, il-Ġermanja, il-Greċja, l-Irlanda, il-Latvja, il-Lussemburgu, Malta, in-Netherlands, il-Portugall, is-Slovenja u Spanja, il-miżuri huma (fil-biċċa l-kbira) temporanji. Xi miżuri ppreżentati fl-Abbozzi tal-Pjanijiet Baġitarji ta’ Franza, l-Italja, il-Litwanja u s-Slovakkja ma jidhrux li huma temporanji jew imqabbla ma’ miżuri ta’ tpaċija. Il-Litwanja ppreżentat l-Abbozz tal-Pjan Baġitarju tagħha fuq il-bażi ta’ xenarju ta’ ebda bidla fil-politika u hija mistiedna tippreżenta Abbozz tal-Pjan Baġitarju aġġornat. 

    3.Għall-Belġju, Franza, il-Greċja, l-Italja, il-Portugall u Spanja, minħabba l-livell tad-dejn tal-gvern tagħhom u l-isfidi għoljin tas-sostenibbiltà fiż-żmien medju qabel it-tifqigħa tal-pandemija tal-COVID-19, huwa importanti li jiġi żgurat li, meta jittieħdu miżuri baġitarji ta’ appoġġ, is-sostenibbiltà fiskali fi żmien medju tiġi ppreservata.


    I.Introduzzjoni 

    Il-koordinazzjoni tal-politiki baġitarji nazzjonali hija parti importanti mill-qafas tal-governanza ekonomika fl-Unjoni Ekonomika u Monetarja 1 . Sabiex tkun tista’ ssir din il-koordinazzjoni, l-Istati Membri taż-Żona tal-Euro jippreżentaw l-Abbozzi tal-Pjanijiet Baġitarji tas-sena li jmiss lill-Kummissjoni u lill-Grupp tal-Euro sa nofs Ottubru. Dawn il-pjanijiet jiġbru fil-qosor il-kontenut tal-abbozzi ta’ baġits li l-gvernijiet jippreżentaw lill-parlamenti nazzjonali. Il-Kummissjoni tipprovdi Opinjoni dwar kull pjan, u b’hekk tivvaluta jekk ikunx qed jimxi mal-obbligi tal-Istati Membri taż-Żona tal-Euro skont il-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir. Il-Kummissjoni tipprovdi wkoll valutazzjoni kumplessiva tas-sitwazzjoni baġitarja u l-prospetti fiż-Żona tal-Euro kollha kemm hi.

    Kważi l-Istati Membri kollha taż-Żona tal-Euro ppreżentaw l-Abbozzi tal-Pjanijiet Baġitarji tagħhom għall-2021 sal-15 ta’ Ottubru 2020, kif meħtieġ mir-Regolament (UE) Nru 473/2013. Ċipru u l-Italja ppreżentaw il-pjanijiet tagħhom b’dewmien żgħir. F’konformità mal-indikazzjonijiet tal-Kodiċi ta’ Kondotta dwar it-Two Pack, 2 il-Belġju u l-Litwanja ppreżentaw Abbozz tal-Pjan Baġitarju mingħajr ebda bidla fil-politika. Il-Belġju, li kien ifforma gvern ġdid fit-30 ta’ Settembru 2020, sussegwentement ippreżenta pjan aġġornat fit-30 ta’ Ottubru. L-opinjoni tal-Kummissjoni hija bbażata fuq il-valutazzjoni tal-pjan aġġornat. Il-Litwanja organizzat elezzjonijiet parlamentari f’Ottubru u l-gvern interim tagħha ppreżenta pjan ibbażat fuq xenarju ta’ politika mhux mibdula.

    Filwaqt li jirrispettaw il-kompetenza baġitarja tal-Istati Membri, l-Opinjonijiet tal-Kummissjoni jipprovdu parir politiku oġġettiv, b'mod partikolari għall-gvernijiet u l-parlamenti nazzjonali, biex jiffaċilitaw il-valutazzjoni tal-konformità tal-abbozzi baġitarji mar-regoli fiskali tal-UE. It-Two-Pack jipprevedi sett ta' għodod komprensiv biex tiġi indirizzata l-politika ekonomika u baġitarja bħala kwistjoni ta’ interess komuni fiż-Żona tal-Euro kif maħsub fit-Trattat.

    Il-valutazzjoni tal-Kummissjoni hija ankrata mir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż (country-specific recommendations, CSRs), adottati mill-Kunsill fl-20 ta’ Lulju 2020 3 . Din is-sena, fil-kuntest tal-pandemija tal-COVID-19, is-CSRs fiskali huma ta’ natura purament kwalitattiva u ma jinkludux ir-rekwiżiti baġitarji numeriċi li normalment japplikaw. Dan jirrifletti l-attivazzjoni tal-klawżola liberatorja ġenerali tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir. Ir-rakkomandazzjonijiet iffukaw fuq l-aktar sfidi urġenti li ġabet magħha t-tifqigħa tal-COVID-19 u l-ħtieġa għal rispons fiskali koordinat. Il-Kunsill ħareġ CSR fiskali identika għall-Istati Membri kollha taż-Żona tal-Euro taħt il-parti preventiva, 4 fejn irrakkomanda li l-Istati Membri jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa, f’konformità mal-klawżola liberatorja ġenerali, biex jindirizzaw b’mod effettiv il-pandemija, isostnu l-ekonomija, u jappoġġaw l-irkupru. Meta l-kundizzjonijiet ekonomiċi jippermettu, il-politiki fiskali jenħtieġ li jimmiraw li jiksbu pożizzjonijiet fiskali prudenti fi żmien medju u jiżguraw is-sostenibbiltà tad-dejn, filwaqt li jtejbu l-investiment.

    Fl-Istrateġija Annwali għat-Tkabbir Sostenibbli 2021, il-Kummissjoni kkonfermat li l-politika fiskali jenħtieġ li tkompli tappoġġa l-irkupru fl-2021 5 . Fid-dawl ta’ din il-ħtieġa u l-inċertezza li għadha għolja dwar il-konsegwenzi ekonomiċi tal-pandemija, il-klawżola liberatorja ġenerali se tibqa’ attiva fl-2021. Fir-rebbiegħa 2021, filwaqt li tqis il-projezzjonijiet makroekonomiċi aġġornati, il-Kummissjoni se tivvaluta mill-ġdid is-sitwazzjoni u tieħu kont tal-applikazzjoni tal-klawżola liberatorja ġenerali.

    L-għan ta’ din il-Komunikazzjoni jinqasam fi tnejn: L-ewwel nett, tipprovdi stampa aggregata tal-politika baġitarja fil-livell taż-Żona tal-Euro, hija u tibni fuq valutazzjoni bejn il-pajjiżi tal-Abbozzi tal-Pjanijiet Baġitarji. Dan l-eżerċizzju jirrifletti l-valutazzjoni orizzontali tal-Programmi ta’ Stabbiltà li jseħħu fir-rebbiegħa, iżda b’enfasi fuq is-sena li jmiss, pjuttost milli fuq il-pjanijiet fiskali ta’ żmien medju. It-tieni, jipprovdi ħarsa ġenerali tal-Abbozzi tal-Pjanijiet Baġitarji fil-livell tal-pajjiżi u jispjega l-approċċ tal-Kummissjoni biex tivvalutahom, b’mod partikolari l-miżuri fiskali meħuda b’rispons għall-pandemija tal-COVID-19 u l-kriżi ekonomika li rriżultat.

    II. Il-konstatazzjonijiet ewlenin dwar iż-Żona tal-Euro

    Il-perspettiva ekonomika

    Graff 2.1:Żona tal-Euro: tkabbir reali tal-PDG, 2015-2021 (%)

    Nota: It-tbassir tal-Kummissjoni Ewropea tar-rebbiegħa 2020 jintuża għal pajjiżi li ma ppreżentawx it-tbassir għall-2020 jew l-2021 fil-Programmi ta’ Stabbiltà tagħhom tal-2020.

    Sorsi: L-Abbozzi tal-Pjanijiet Baġitarji (APB) tal-2021, it-tbassir tal-Kummissjoni Ewropea tal-ħarifa u tar-rebbiegħa 2020, u l-Programmi ta’ Stabbiltà tal-2020 (PS).

    L-ekonomija taż-Żona tal-Euro għadha fil-ħafna tal-pandemija tal-COVID-19. Il-miżuri straordinarji ta’ konteniment imposti fl-ewwel nofs tal-2020 biex titrażżan il-firxa tal-virus wasslu għal tnaqqis drammatiku fl-attività ekonomika. Il-produzzjoni naqset b’madwar 15 % fl-ewwel nofs tal-2020, u niżlet għal-livelli li dehru l-aħħar fl-2005. Is-setturi intensivi fil-kuntatt intlaqtu partikolarment ħażin. Minkejja rkupru qawwi fl-attività ekonomika fit-tielet trimestru, l-irkupru mistenni jieqaf minħabba żieda ġdida ta’ infezzjonijiet u sforzi mġedda ta’ konteniment. B’mod ġenerali, il-PDG reali huwa mbassar li jonqos bi kważi 8 % fl-2020. Is-suppożizzjonijiet makroekonomiċi li jinsabu fl-Abbozzi tal-Pjanijiet Baġitarji jagħtu stampa simili, bit-tbassir tat-tkabbir aggregat ta’ madwar 1 pp. taħt l-eżiti antiċipati fil-Programmi ta’ Stabbiltà tal-2020 (il-Graff 2.1 u t-Tabella IV.1 tal-Anness) 6 . Meta wieħed iħares ’il quddiem, kemm il-Kummissjoni kif ukoll l-Istati Membri jipprojettaw żieda fl-attività fl-2021, għalkemm l-Istati Membri jistennew irkupru aktar vigoruż, b’mod partikolari Spanja u l-Lussemburgu. Madankollu, ta’ min jinnota li t-tbassir tal-Kummissjoni, li nħareġ fil-5 ta’ Novembru, jirrifletti informazzjoni aktar reċenti mill-Abbozzi tal-Pjanijiet Baġitarji dwar it-tixrid tal-virus u l-introduzzjoni ta’ miżuri ġodda ta’ konteniment. Fil-kuntest ta’ żviluppi inċerti u mgħaġġla, dawn id-differenzi huma mistennija. Minkejja r-ritorn għat-tkabbir, l-irkupru huwa mistenni li jibqa’ mhux komplut u l-ekonomiji taż-Żona tal-Euro huma mistennija li jkomplu joperaw taħt il-potenzjal fl-2021. L-implimentazzjoni ta’ NextGenerationEU, li hija biss marġinalment inkorporata fit-tbassir tal-Kummissjoni tal-ħarifa 2020 u l-Abbozzi tal-Pjanijiet Baġitarji, se tkompli tappoġġa l-irkupru fiż-Żona tal-Euro.

    L-inċertezza u r-riskji għadhom eċċezzjonalment kbar. L-evoluzzjoni tal-pandemija tal-COVID-19 u l-konsegwenzi ekonomiċi tagħha huma s-sors ewlieni ta’ inċertezza. Il-qawmien mill-ġdid reċenti tal-virus jista’ jkompli jdgħajjef l-attività ekonomika. Irtirar prematur tal-appoġġ relatat mal-COVID-19 jista’ jfixkel l-irkupru tal-attività ekonomika, pereżempju billi jdgħajjef il-fiduċja ekonomika. Fl-istess ħin, l-estensjoni aktar fit-tul milli meħtieġ tal-miżuri ta’ appoġġ għall-politika tista’ tkun kontroproduttiva (pereżempju billi testendi l-appoġġ għal kumpaniji mhux vijabbli). Koordinazzjoni insuffiċjenti tar-reazzjonijiet ta’ politika nazzjonali tista’ wkoll tfixkel l-irkupru. Effetti konsegwenzjali minn domanda globali aktar baxxa milli pprojettata jkomplu jnaqqsu t-tkabbir. Il-possibbiltà ta’ stress fis-suq finanzjarju ma tistax tiġi eskluża. Is-settur bankarju jista’ jiġi ttestjat billi inadempjenzi korporattivi ogħla jwasslu għal żieda fis-self improduttiv. Mil-lat pożittiv, progress aktar mgħaġġel fil-kontroll tal-pandemija u l-implimentazzjoni ta’ politiki ambizzjużi u kkoordinati fl-UE jistgħu jippermettu rkupru aktar mgħaġġel.

    Graff 2.2:Żona tal-Euro: defiċit nominali, 2015-2021 (% tal-PDG)

    Nota: It-tbassir tal-Kummissjoni Ewropea tar-rebbiegħa 2020 jintuża għal pajjiżi li ma ppreżentawx it-tbassir għall-2020 jew l-2021 fil-Programmi ta’ Stabbiltà tagħhom tal-2020.

    Sorsi: L-Abbozzi tal-Pjanijiet Baġitarji (APB) tal-2021, it-tbassir tal-Kummissjoni Ewropea tal-ħarifa u tar-rebbiegħa 2020, u l-Programmi ta’ Stabbiltà tal-2020 (PS).

    Graff 2.3:Żona tal-Euro: bidla fid-defiċit nominali u d-dejn pubbliku, 2008-2010 u 2019-2021 (pp tal-PDG)

    Sors: It-tbassir tal-Kummissjoni Ewropea tal-ħarifa 2020.

    Prospetti fiskali

    Id-defiċit nominali aggregat taż-Żona tal-Euro huwa mistenni li jonqos fl-2021 iżda li jibqa’ f’livell għoli ħafna (il-Graff 2.2 u t-Tabella IV.2 tal-Anness). L-Abbozzi tal-Pjanijiet Baġitarji jindikaw defiċit nominali aggregat ta’ 5,9 % tal-PDG fl-2021, minn 8,6 % tal-PDG mistenni fl-2020. Dawn il-projezzjonijiet huma ġeneralment konformi mat-tbassir tal-Kummissjoni tal-ħarifa 2020, iżda jimmarkaw żieda sinifikanti mill-Programmi ta’ Stabbiltà tal-2020, li kienu pprevedew defiċit aggregat ta’ 3,5 % tal-PDG fl-2021. Iż-żidiet projettati fid-defiċits tal-amministrazzjoni pubblika huma akbar minn dawk osservati matul il-kriżi finanzjarja globali (il-Graff 2.3). It-titjib mistenni fid-defiċit aggregat fl-2021 huwa xprunat l-aktar mill-iskadenza tal-miżuri fiskali temporanji adottati fl-2020 għall-ġlieda kontra l-kriżi tas-saħħa u l-impatt ekonomiku tagħha. Il-qawmien mill-ġdid reċenti tal-pandemija fl-Ewropa jista’ jwassal għall-estensjoni ta’ dawn il-miżuri sabiex isostnu l-ekonomija u jappoġġaw l-irkupru, u b’hekk timbotta ‘l fuq id-defiċit fl-2021. Kważi l-Istati Membri kollha taż-Żona tal-Euro qed jippjanaw defiċit aktar baxx fl-2021 meta mqabbel mal-2020. L-akbar tnaqqis ta’ aktar minn 4 pps. tal-PDG huwa ppjanat fil-Belġju, fil-Greċja u fil-Lussemburgu.

    Graff 2.4:Żona tal-Euro: dejn pubbliku, 2015-2021 (% tal-PDG)

    Nota: It-tbassir tal-Kummissjoni Ewropea tar-rebbiegħa 2020 jintuża għal pajjiżi li ma ppreżentawx it-tbassir għall-2020 jew l-2021 fil-Programmi ta’ Stabbiltà tagħhom tal-2020.

    Sorsi: L-Abbozzi tal-Pjanijiet Baġitarji (APB) tal-2021, it-tbassir tal-Kummissjoni Ewropea tal-ħarifa u tar-rebbiegħa 2020, u l-Programmi ta’ Stabbiltà tal-2020 (PS).

    Graff 2.5:Żona tal-Euro: dekompożizzjoni tal-bidla fil-proporzjon tad-dejn, 2020–2021 (pp tal-PDG)

    Nota: L-effett valanga jirreferi għall-impatt nett tar-rati tal-imgħax, l-inflazzjoni u t-tkabbir reali tal-PDG (jiġifieri, id-differenzjali tat-tkabbir fir-rata tal-imgħax) fuq id-dinamika tad-dejn.

    Sors: It-tbassir tal-Kummissjoni Ewropea tal-ħarifa 2020.

    Il-proporzjon tad-dejn mal-PDG aggregat huwa pprojettat li jibqa’ ġeneralment stabbli fl-2021 għal madwar 100 % (il-Graff 2.4 u t-Tabella IV.3 tal-Anness). t-tnaqqis ta’ qabel il-pandemija fil-proporzjon tad-dejn qaleb fl-2020, li jirrifletti tnaqqis imdaqqas tal-PDG u l-ammont kbir ta’ dejn maħruġ biex jiffinanzja r-rispons għall-pandemija. Id-deterjorament ipprojettat tal-proporzjon tad-dejn fl-2020 kien ħafna akbar milli fl-2008-2009 (il-Graff 2.3). L-Abbozzi tal-Pjanijiet Baġitarji jipprojettaw li l-proporzjon tad-dejn se jiżdied minn 86 % fl-2019 għal 102 % fl-2020, bi stabbilizzazzjoni fl-2021. Din il-projezzjoni hija simili għat-tbassir tal-Kummissjoni tal-ħarifa 2020 għall-2020 iżda mhux għall-2021, meta l-Kummissjoni tistenna żieda ulterjuri tal-proporzjon tad-dejn ta’ 0,6 pps. tal-PDG. B’mod ġenerali, id-defiċit primarju se jkompli jkun ta’ piż fuq id-dinamika tad-dejn fl-2021 iżda differenza favorevoli fit-tkabbir fir-rata tal-imgħax għandha tgħin biex titrażżan iż-żieda pprojettata (il-Graff 2.5). L-Istati Membri bl-akbar żidiet ipprojettati fil-proporzjonijiet tad-dejn tagħhom fl-2021 huma l-Estonja, l-Irlanda u Malta. L-Istati Membri li kellhom l-ogħla proporzjonijiet tad-dejn ta’ qabel il-kriżi għandhom it-tendenza li jistennew xi titjib fl-2021.

    Il-projezzjonijiet tad-dejn huma eċċezzjonalment inċerti. Simulazzjonijiet stokastiċi jissuġġerixxu li l-proporzjon tad-dejn għall-PDG taż-Żona tal-Euro x’aktarx li jkun bejn 99 % u 106 % tal-PDG fl-2021 (l-Anness III). Fuq medda medja ta’ żmien, il-proporzjon x’aktarx li jistabbilizza hekk kif l-impatt tal-kriżi tal-COVID-19 fuq il-finanzi pubbliċi gradwalment jispiċċa. L-obbligazzjonijiet kontinġenti li jirriżultaw mill-għoti ta’ garanziji pubbliċi biex isostnu l-attività ekonomika u s-setturi partikolarment milquta mill-pandemija, jekk jiġu eżerċitati biss, ikunu riflessi fid-dejn u d-defiċits pubbliċi. Dawn l-obbligazzjonijiet kontinġenti jammontaw għal madwar 20 % tal-PDG fl-2020, b’differenzi kbar bejn l-Istati Membri (il-Kaxxa 1). Min-naħa l-oħra, jeżistu diversi fatturi mitiganti. Dawn il-fatturi jinkludu t-titwil tal-maturitajiet tad-dejn f’dawn l-aħħar snin, sorsi stabbli ta’ finanzjament, kostijiet tas-self storikament baxxi, u inizjattivi tal-UE bħall-istrument Ewropew għall-Appoġġ temporanju biex jittaffew ir-Riskji ta’ Qgħad f’Emerġenza (Support to mitigate Unemployment Risks in an Emergency, SURE) u, aktar importanti minn hekk, NextGenerationEU, li tinkludi l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza (Recovery and Resilience Facility, RRF).



    Kaxxa 1. Garanziji u miżuri oħra ta’ appoġġ ta’ likwidità fl-Abbozzi tal-Pjanijiet Baġitarji tal-2021

    L-Istati Membri pprovdew ħafna appoġġ ta’ likwidità biex jiġġieldu l-konsegwenzi ekonomiċi tal-pandemija tal-COVID-19. L-aktar forom komuni ta’ appoġġ ta’ likwidità huma garanziji mill-Istat biex jappoġġaw is-self tas-settur privat u differimenti tat-taxxa (jiġifieri, il-possibbiltà ta’ dewmien tal-obbligi tat-taxxa mingħajr penali). L-Istati Membri ħarġu wkoll garanziji biex jappoġġaw strumenti ġodda fil-livell tal-UE.

    Il-garanziji mill-Istat huma l-akbar kategorija ta’ miżuri ta’ appoġġ ta’ likwidità. L-Istati Membri daħħlu fis-seħħ skemi li jammontaw għal 17 % tal-PDG. Dan l-ammont jirrappreżenta d-daqs massimu tal-oqfsa ta’ garanzija iżda l-adozzjoni attwali jew il-ftehimiet kuntrattwali bejn l-unitajiet domestiċi, id-ditti, is-settur finanzjarju u l-gvern jistgħu jkunu iżgħar. Parti biss mill-obbligi kuntrattwali x’aktarx li tirriżulta f’sejħiet lill-gvern, li jimmaterjalizzaw bħala defiċit u jaffettwaw il-livelli tad-dejn. Huwa diffiċli li dan il-proporzjon jiġi stmat minn qabel. L-Istati Membri ħarġu wkoll garanziji biex jappoġġaw strumenti ġodda fil-livell tal-UE, b’mod partikolari SURE u l-Fond Ewropew ta’ Garanzija.

    Graff B1.1:Garanziji estiżi għall-aġenti domestiċi, 2020 (% tal-PDG)

    Nota: Il-garanziji għall-istrumenti fil-livell tal-UE u dak internazzjonali huma esklużi. Għall-Ġermanja, il-graff turi d-daqs ta’ skemi ġodda ta’ garanzija stabbiliti, filwaqt li l-qafas globali ta’ garanzija huwa illimitat. Għal Franza, l-Irlanda u l-Latvja, id-data fl-Abbozzi tal-Pjanijiet Baġitarji ġiet issupplimentata b’informazzjoni minn sorsi pubbliċi oħra. L-Awstrija u l-Italja ma pprovdew l-ebda data dwar il-garanziji minkejja l-iskemi eżistenti. Fl-Italja, l-obbligazzjonijiet kontinġenti massimi huma stmati għal madwar 30 % tal-PDG, b’użu indikattiv ta’ madwar 7 % tal-PDG sa issa.

    Sorsi: Abbozzi tal-Pjanijiet Baġitarji tal-2021 u sorsi pubbliċi oħra.

    Id-daqs tal-programmi ta’ garanzija u l-istrutturi tagħhom ivarjaw fost l-Istati Membri. Xi gvernijiet għandhom self garantit direttament maħruġ mill-banek lill-unitajiet domestiċi u lid-ditti. Stati Membri oħra serrħu fuq istituzzjonijiet promozzjonali nazzjonali biex jimplimentaw programmi ta’ appoġġ ta’ likwidità. Dawn l-istituzzjonijiet jinkludu l-KfW fil-Ġermanja, KredEx fl-Estonja, il-Bank Elleniku tal-Iżvilupp, BPI France, CDP fl-Italja, Altum fil-Latvja, INVEGA fil-Litwanja, il-Bank Malti tal-Iżvilupp, u Finnvera fil-Finlandja. It-teħid ta’ garanziji, li jittrasforma l-obbligazzjoni kontinġenti massima teoretikament possibbli taħt skema fl-obbligazzjoni kontinġenti attwali tal-gvern, huwa wkoll irregolari fl-Istati Membri kollha. Skont l-istimi tal-Kummissjoni, s’issa ġew adottati biss madwar kwart tal-garanziji disponibbli.

    Il-Kummissjoni stiednet lill-Istati Membri biex jirrapportaw fl-Abbozzi tal-Pjanijiet Baġitarji tagħhom, fuq bażi volontarja, id-daqs massimu tal-oqfsa ta’ garanzija u l-użu tagħhom. Il-biċċa l-kbira tal-Istati Membri pprovdew din l-informazzjoni mill-inqas parzjalment. Xi Stati Membri rrappurtaw ukoll garanziji li jappoġġaw strumenti fil-livell tal-UE u internazzjonali bħal SURE. Il-Graff B1.1 turi garanziji estiżi għal atturi ekonomiċi domestiċi biss, aġġustati għal raġunijiet ta’ komparabbiltà.

    L-Istati Membri taż-Żona tal-Euro ppermettew ukoll differimenti ta’ pagamenti tat-taxxa u tal-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali ta’ madwar 1,5 % tal-PDG fl-2020. Id-differimenti tat-taxxa ma għandhom l-ebda impatt dirett fuq id-defiċit tal-gvern, billi t-taxxi jiġu rreġistrati fil-kontijiet nazzjonali fil-perjodu meta sseħħ l-attività ekonomika li tiġġenera l-obbligazzjoni tat-taxxa. Fl-istess ħin, id-differimenti jistgħu jaffettwaw temporanjament id-dejn, jekk jinvolvu self addizzjonali mill-gvern ġenerali fil-perjodu ta’ differiment. Madankollu, fid-dawl tat-tnaqqis ekonomiku mistenni mdaqqas fl-2020, xi negozji x’aktarx li ma jirnexxilhomx jissopravvivu l-kriżi u xi wħud mill-obbligi tat-taxxa posposti qatt ma jistgħu jitħallsu. Skont il-qafas statistiku tal-UE, taxxi akkumulati iżda li ma jistgħux jinġabru jenħtieġ li ma jiġux irreġistrati bħala dħul tal-gvern, għalhekk għandhom impatt li jżid id-defiċit. B’mod ġenerali, l-Abbozzi tal-Pjanijiet Baġitarji ma pprovdewx dikjarazzjonijiet espliċiti ta’ telf stmat relatat mat-taxxa, għalkemm il-projezzjonijiet tat-taxxa tagħhom x’aktarx li jammontaw għal dan l-impatt.

    Graff 2.6:Żona tal-Euro: Miżuri b’impatt baġitarju dirett, 2020-2021 (% tal-PDG)

     

    Nota: Il-miżuri ta’ emerġenza għandhom l-għan l-aktar li jindirizzaw is-sitwazzjoni tas-saħħa pubblika u li jikkumpensaw lill-ħaddiema u lill-kumpaniji għat-telf tal-introjtu minħabba miżuri ta’ lockdown u interruzzjonijiet fil-katina tal-provvista. Huma fil-biċċa l-kbira temporanji. Il-miżuri ta’ rkupru jimmiraw lejn appoġġ aktar ġenerali tal-attività ekonomika.

    Sorsi: Abbozzi tal-Pjanijiet Baġitarji tal-2021 u t-tbassir tal-Kummissjoni tal-ħarifa 2020

    Graff 2.7:Żona tal-Euro: Appoġġ fiskali u riskju ta’ sostenibbiltà fiskali fiż-żmien medju ta’ qabel il-kriżi, 2020 (% tal-PDG)

    Nota: It-tabella turi l-appoġġ fiskali diskrezzjonarju medju (sempliċi) fl-2020. L-Istati Membri huma raggruppati skont ir-riskji ta’ sostenibbiltà ta’ qabel il-pandemija tagħhom fi żmien medju, bil-Belġju, Spanja, Franza, l-Italja u l-Portugall fir-raggruppament ta’ riskju għoli . L-analiżi tas-sostenibbiltà tad-dejn imwettqa għall-Greċja fil-Monitoraġġ tas-Sostenibbiltà tad-Dejn tal-2019 kienet differenti mill-approċċ komuni, minħabba l-ispeċifiċitajiet tal-istruttura tad-dejn Grieg, b’mod partikolari s-sehem kbir tas-self tas-settur uffiċjali, mingħajr ma ngħatat l-ebda klassifikazzjoni tar-riskju.

    Sorsi: L-Abbozzi tal-Pjanijiet Baġitarji tal-2021, it-tbassir tal-Kummissjoni Ewropea tal-ħarifa 2020, u l-Monitoraġġ tas-Sostenibbiltà tad-Dejn tal-2019 tal-Kummissjoni Ewropea.

    Rispons fiskali għall-pandemija tal-COVID-19

    L-Istati Membri ħadu miżuri fiskali rapidi u mdaqqsa b’reazzjoni għall-pandemija. Il-miżuri fiskali introdotti fl-2020 kellhom l-għan ewlieni li jindirizzaw is-sitwazzjoni tas-saħħa pubblika u li jikkumpensaw lill-ħaddiema u lill-kumpaniji għat-telf tal-introjtu minħabba miżuri ta’ lockdown u interruzzjonijiet fil-katina tal-provvista. Dawn il-miżuri temporanji ta’ emerġenza huma stmati li jammontaw għal 3,4 % tal-PDG fl-2020 (il-Graff 2.6). Miżuri oħra ta’ natura aktar ġenerali ta’ appoġġ għall-irkupru (temporanji jew permanenti), bħal xogħlijiet pubbliċi żejda jew tnaqqis indirett fit-taxxi, huma stmati li jammontaw għal 0,8 % tal-PDG fl-2020. Fl-2021, skont it-tbassir attwali, il-miżuri temporanji ta’ emerġenza jammontaw għal 0,9 % tal-PDG u miżuri oħra ta’ appoġġ għal 1,5 % tal-PDG 7 . Xi Stati Membri ħadu miżuri addizzjonali wara li ppreżentaw il-Pjanijiet tagħhom u jista’ jkun meħtieġ li jiġu estiżi aktar miżuri ta’ emerġenza b’reazzjoni għat-tieni mewġa tal-pandemija.

    Il-miżuri ta’ emerġenza huma essenzjali biex jappoġġaw is-settur tas-saħħa u jżommu l-unitajiet domestiċi u n-negozji fil-wiċċ, b’impatt pożittiv ulterjuri fuq l-ekonomija. Filwaqt li huma utli fil-fażi inizjali ta’ din il-kriżi, x’aktarx li jkunu inqas effiċjenti biex jappoġġaw l-irkupru meta l-emerġenza relatata mas-saħħa titlaq gradwalment. Minħabba n-natura tagħhom stess, il-multiplikaturi għal żmien qasir ta’ miżuri temporanji ta’ emerġenza x’aktarx li jkunu baxxi fil-kuntest tar-restrizzjonijiet fl-attività ekonomika, kif ikkonfermat miż-żieda qawwija fil-propensità tas-settur privat li jsalva (minflok jikkonsma) fl-2020. Din hija r-raġuni għaliex, meta s-sitwazzjoni pandemika titjieb, jista’ jkun meħtieġ li l-miżuri ta’ emerġenza jiġu aġġustati u kkombinati ma’ miżuri li jtejbu l-elementi fundamentali tal-ekonomiji tagħna, jappoġġaw it-tranżizzjoni ekoloġika u diġitali u jkollhom impatt pożittiv fuq id-domanda. Sadanittant, u fid-dawl tal-qawmien mill-ġdid reċenti tal-pandemija fl-Ewropa, il-miżuri ta’ emerġenza jistgħu jkomplu jkunu meħtieġa biex jipprovdu għajnuna vitali lill-ekonomija.

    L-Istati Membri b’pożizzjonijiet fiskali aktar b’saħħithom ipprovdew aktar appoġġ baġitarju dirett filwaqt li l-Istati Membri b’pożizzjonijiet fiskali aktar dgħajfa kellhom it-tendenza li jiddependu aktar fuq l-appoġġ ta’ likwidità (il-Graff 2.7). B’mod ġenerali, il-pajjiżi b’pożizzjonijiet fiskali relattivament aktar b’saħħithom estendew aktar appoġġ fiskali b’impatt baġitarju dirett (1 % tal-PDG). B’kuntrast ma’ dan, il-pajjiżi b’pożizzjonijiet fiskali aktar dgħajfa jidhru li ddependew aktar fuq l-appoġġ ta’ likwidità mingħajr impatt baġitarju dirett. Fil-mixja ’l quddiem, inizjattivi ta’ appoġġ fil-livell tal-UE bħall-RRF għandhom jipprovdu spazju fiskali addizzjonali biex jappoġġaw l-irkupru u r-reżiljenza tal-Istati Membri.

    Graff 2.8:Żona tal-Euro: pożizzjoni fiskali, 2020-2021 (% tal-PDG)

    Nota: Il-graff turi l-impuls fiskali diskrezzjonarju bbażat fuq il-metodoloġija tal-parametru referenzjarju tan-nefqa, li jkejjel it-tkabbir tal-infiq (nett mill-miżuri diskrezzjonali) b’eċċess għat-tkabbir potenzjali. F’din il-graff, ċifri pożittivi jindikaw pożizzjoni espansjonarja.

    Sors: It-tbassir tal-Kummissjoni Ewropea tal-ħarifa 2020.

    Valutazzjoni tal-pożizzjoni fiskali taż-Żona tal-Euro

    Qari mekkaniku ta’ indikaturi tradizzjonali biex tiġi vvalutata l-pożizzjoni fiskali mhuwiex adattat sew fl-istadju attwali. L-introduzzjoni u l-irtirar sussegwenti ta’ miżuri temporanji mdaqqsa ta’ emerġenza jgħawġu l-istampa, billi l-bidliet korrispondenti fil-livell tal-infiq pubbliku minn sena għall-oħra jaffettwaw l-indikaturi użati għall-valutazzjoni tal-pożizzjoni fiskali 8 . L-esklużjoni tal-miżuri temporanji ta’ emerġenza mill-kalkolu tal-indikaturi tal-pożizzjoni fiskali twassal għal valutazzjoni aktar rappreżentattiva tal-appoġġ fiskali sottostanti għall-attività ekonomika.

    Il-pożizzjoni fiskali fl-2021 tidher li tappoġġa meta tiġi aġġustata għat-tneħħija ppjanata ta’ miżuri temporanji ta’ emerġenza. L-Abbozzi tal-Pjanijiet Baġitarji jassumu li sehem kbir mill-miżuri temporanji ta’ emerġenza se jiskadu fl-2021. L-indikaturi konvenzjonali (inklużi miżuri ta’ emerġenza) jindikaw pożizzjoni fiskali ta’ appoġġ +4,5 % tal-PDG fl-2020 iżda għal ssikkar ta’ –1,0 % tal-PDG fl-2021 (skont it-tbassir tal-Kummissjoni tal-ħarifa 2020; il-Graff 2.8). B’kuntrast ma’ dan, bl-esklużjoni ta’ miżuri temporanji ta’ emerġenza marbuta direttament mal-pandemija, il-pożizzjoni fiskali hija ta’ appoġġ għas-sentejn li huma għal +1,1 % tal-PDG fl-2020 u +1,4 % fl-2021. Filwaqt li l-irkupru huwa pprojettat li ma jkunx komplut, il-miżuri fiskali diġà fis-seħħ se jikkontribwixxu għall-appoġġ tal-attività ekonomika matul l-2020-2021.

    Il-finanzjament mill-RRF se jipprovdi impuls fiskali addizzjonali. In-nefqa ffinanzjata minn għotjiet RRF tipprovdi stimolu fiskali addizzjonali fil-livell taż-Żona tal-Euro, minkejja li hija newtrali għall-bilanċi baġitarji tal-Istati Membri 9 . Għalissa, it-tbassir tal-Kummissjoni tal-ħarifa 2020 jassumi impatt żgħir tan-nefqa ffinanzjata mill-RRF fuq il-pożizzjoni fiskali taż-Żona tal-Euro fl-2021 (0,15 % tal-PDG). Madankollu, dan huwa minħabba n-nuqqas ta’ informazzjoni dettaljata biżżejjed dwar dawk il-miżuri fl-Abbozzi tal-Pjanijiet Baġitarji tal-2021. Sitt Stati Membri biss irrappurtaw nefqa ffinanzjata mill-RRF fl-Abbozzi tal-Pjanijiet Baġitarji tagħhom: Il-Greċja, Franza, l-Italja, il-Litwanja, il-Portugall u s-Slovenja.

    Iż-żmien u l-iskala tal-irtirar tal-miżuri ta’ emerġenza previsti fl-2021 issa jidhru inċerti fid-dawl tat-tieni mewġa tal-pandemija. Din l-iskeda ta’ żmien għall-irtirar kienet ibbażata fuq suppożizzjoni ta’ bidla minn fażi ta’ “emerġenza” għal fażi ta’ “rkupru” tal-kriżi, jiġifieri, mit-trażżin tal-ħsara ekonomika u relatata mal-uġigħ tal-pandemija għal fażi ffukata fuq il-kisba ta’ rkupru fit-tul. Madankollu, il-qawmien mill-ġdid reċenti tal-pandemija fl-Ewropa jista’ jwassal għal estensjoni tar-rispons ta’ “emerġenza” sabiex l-ekonomija tingħata ħajja. Dan l-appoġġ x’aktarx li jimmodifika l-pjanijiet baġitarji diġà riflessi fit-tbassir tal-Kummissjoni. Madankollu, il-miżuri l-ġodda ta’ “emerġenza” ma għandhomx neċessarjament jimitaw dawk meħuda matul l-ewwel mewġa epidemika iżda minflok għandhom jirriflettu t-tagħlimiet meħuda u jiġu kkombinati ma’ azzjonijiet li jtejbu l-prinċipji fundamentali ekonomiċi. L-isfida se tkun li nkomplu nappoġġaw l-ekonomija fl-emerġenza filwaqt li noħolqu l-kundizzjonijiet għar-ritorn għal tkabbir sostnut u sostenibbli konsistenti mat-tranżizzjoni ekoloġika u diġitali tal-ekonomija tal-UE.

    It-taħlita ta’ telf kbir fil-produzzjoni u riskji negattivi għoljin titlob appoġġ kontinwu tal-politika fiskali, kemm immirat tajjeb kif ukoll temporanju. L-ewwel nett, jenħtieġ li l-Istati Membri jevitaw li jirtiraw l-appoġġ fiskali f’daqqa. It-tieni, il-miżuri ta’ appoġġ fiskali fil-fażi attwali tal-pandemija jistgħu jvarjaw mill-appoġġ tad-domanda aggregata tas-soltu li tidher matul riċessjoni normali. Hekk kif il-pandemija tkompli u l-inċertezza tipprevali, il-miżuri ta’ stimolu jenħtieġ li jkunu mmirati sew, billi hemm ir-riskju li miżuri b’bażi wiesgħa ma jkunux effettivi. It-tielet, jenħtieġ li l-qawmien mill-ġdid tal-pandemija ma jwassalx għal estensjoni sistematika ta’ miżuri ta’ politika fiskali orjentati lejn l-innovazzjoni ladarba s-sitwazzjoni tas-saħħa sottostanti titjieb. Il-prijoritajiet u l-miżuri xierqa taħt ir-reġimi ta’ “emerġenza” u “rkupru” huma differenti u l-Istati Membri jeħtieġ li jibqgħu aġli u jirrikonoxxu fil-ħin kif jikkombinaw tipi differenti ta’ appoġġ.

    Ir-reazzjonijiet tal-politika fiskali tal-Istati Membri jenħtieġ li jkomplu jipprovdu appoġġ fiskali, filwaqt li jissalvagwardjaw is-sostenibbiltà fiskali fiż-żmien medju. L-impatt ekonomiku tal-pandemija kien aktar akut f’ħafna Stati Membri b’dejn għoli, u dan żied mal-isfida li jinstab rispons ottimali għall-politika fiskali. Bħalissa, l-Istati Membri jibbenefikaw minn kostijiet ta’ finanzjament favorevoli, bis-saħħa tal-appoġġ sostanzjali mill-miżuri tal-politika monetarja tal-Bank Ċentrali Ewropew u l-fiduċja fis-swieq finanzjarji ferm imtejba wara l-użu ta’ strumenti mdaqqsa fil-livell tal-UE. Madankollu, sabiex tiġi rrikonċiljata l-ħtieġa għal appoġġ ekonomiku ma’ pożizzjonijiet fiskali prudenti fuq perjodu medju ta’ żmien u ma’ sostenibbiltà fiskali fuq perjodu medju ta’ żmien, il-miżuri ta’ appoġġ għandhom ikunu temporanji u ma jimpendux minn qabel il-politika fiskali fil-perjodu ta’ wara l-kriżi. Meta l-kundizzjonijiet ekonomiċi jippermettu, il-gvern jenħtieġ li jerġa’ jibda l-politiki fiskali mmirati lejn il-kisba ta’ pożizzjonijiet fiskali prudenti fuq perjodu ta’ żmien medju filwaqt li jtejjeb l-investiment. Strateġiji fiskali kredibbli fi żmien medju huma importanti biex jappoġġaw is-sostenibbiltà fiskali, mhux l-inqas fil-każ ta’ Stati Membri b’dejn għoli.



    III. Ħarsa Ġenerali lejn l-Abbozzi tal-Pjanijiet Baġitarji

    Kważi l-Istati Membri kollha taż-Żona tal-Euro ppreżentaw l-Abbozzi tal-Pjanijiet Baġitarji tagħhom sal-15 ta’ Ottubru. Dan kien konformi mal-Artikolu 6 tar-Regolament (UE) Nru 473/2013. Iż-żewġ eċċezzjonijiet kienu l-Italja u Ċipru. L-Italja ppreżentat il-pjan tagħha fid-19 ta’ Ottubru, filwaqt li Ċipru ppreżenta l-pjan tiegħu fit-23 ta’ Ottubru. F’konformità mad-dispożizzjonijiet tal-Kodiċi ta’ Kondotta tat-Two Pack, il-Belġju u l-Litwanja ppreżentaw Abbozzi tal-Pjanijiet Baġitarji b’ebda bidla fil-politika. Il-Belġju ppreżenta pjan ta’ ebda bidla fil-politika fit-15 ta’ Ottubru minħabba l-informazzjoni riċenti ta’ gvern federali ġdid, u mbagħad ippreżenta pjan aġġornat fit-30 ta’ Ottubru. L-Opinjoni tal-Kummissjoni hija bbażata fuq il-valutazzjoni tal-pjan aġġornat. Il-Litwanja ppreżentat Abbozz tal-Pjan Baġitarju b’ebda bidla fil-politika minħabba l-elezzjonijiet nazzjonali li saru f’Ottubru. L-awtoritajiet Litwani huma mistiedna jippreżentaw pjan aġġornat lill-Kummissjoni u lill-Grupp tal-Euro hekk kif il-gvern il-ġdid jibda l-mandat tiegħu u, bħala regola, mill-inqas xahar qabel ma l-parlament nazzjonali ikun ippjanat li jadotta l-abbozz tal-liġi dwar il-baġit.

    Rispons fiskali għall-pandemija tal-COVID-19 fl-2020-2021 madwar l-Istati Membri

    Jidher li l-pożizzjoni fiskali hija ta’ appoġġ għall-Istati Membri kollha taż-Żona tal-Euro fl-2020-2021, ladarba l-kalkoli jiġu kkoreġuti għall-eliminazzjoni gradwali tal-miżuri ta’ emerġenza temporanji (il-Graff 3.1). Kif ġie diskuss fit-Taqsima II, l-irtirar ippjanat tal-infiq ta’ emerġenza jinfluwenza b’mod sostanzjali l-indikaturi tradizzjonali tal-pożizzjoni fiskali. Esklużi l-miżuri ta’ emerġenza temporanji, l-isforz fiskali sottostanti (imkejjel mill-parametru referenzjarju tan-nefqa) jammonta għal pożizzjoni espansjonarja fl-2021 (madwar 1,5 % tal-PDG). F’xi Stati Membri, dan l-appoġġ ta’ 2 % tal-PDG jew aktar huwa sostanzjali. Dan l-appoġġ jiżdied mal-miżuri ta’ espansjoni sinifikanti ta’ madwar 1 % tal-PDG li diġà taw riżultati fl-2020 (il-Graff 3.2) u jingħata f’ħafna mill-Istati Membri (il-Graff 3.3). Meta tiġi aġġustata għall-irtirar ippjanat tal-miżuri ta’ emerġenza, il-pożizzjoni fiskali hija mistennija li tkun kemxejn restrittiva f’żewġ Stati Membri fl-2021. Il-finanzjament tal-RRF se jipprovdi stimolu fiskali addizzjonali.

    Graff 3.1Pożizzjoni fiskali, 2021 (% tal-PDG)

    Graff 3.2Pożizzjoni fiskali, esklużi l-miżuri ta’ emerġenza, 2020-2021(% tal-PDG)

    Nota: Il-pożizzjoni fiskali hija kkalkulata bħala l-impuls fiskali diskrezzjonali, fuq il-bażi tal-metodoloġija tal-parametru referenzjarju tan-nefqa. Iċ-ċifri pożittivi jindikaw pożizzjoni ta’ appoġġ.

    Sors: It-tbassir tal-Kummissjoni Ewropea tal-ħarifa 2020.

    Nota: Il-pożizzjoni fiskali hija kkalkulata bħala l-impuls fiskali diskrezzjonali, bil-miżuri ta’ emerġenza esklużi. Iċ-ċifri pożittivi jindikaw pożizzjoni ta’ appoġġ.

    Sors: It-tbassir tal-Kummissjoni Ewropea tal-ħarifa 2020.



    Graff 3.3Pożizzjoni fiskali, esklużi l-miżuri ta’ emerġenza fl-2021 u d-dejn pubbliku fl-2019 ( % tal-PDG)

    Nota: Il-pożizzjoni fiskali hija kkalkulata bħala l-impuls fiskali diskrezzjonali, bil-miżuri ta’ emerġenza esklużi. Iċ-ċifri pożittivi jindikaw pożizzjoni ta’ appoġġ.

    Sors: It-tbassir tal-Kummissjoni Ewropea tal-ħarifa 2020.

    Graff 3.4Miżuri ta’ emerġenza u oħrajn ta’ appoġġ, 2021 (% tal-PDG)

    Nota: Il-graff turi l-impatt fiskali fl-2021 tal-miżuri diskrezzjonali adottati mill-2020 ’il quddiem. Il-miżuri ta’ emerġenza fil-biċċa l-kbira għandhom l-għan li jindirizzaw is-sitwazzjoni tas-saħħa pubblika u jikkumpensaw lill-ħaddiema u lill-kumpaniji għat-telf ta’ introjtu minħabba l-miżuri ta’ lockdown u l-interruzzjonijiet fil-katina tal-provvista; dawn huma fil-biċċa l-kbira temporanji. Miżuri oħra ta’ appoġġ għandhom l-għan li jappoġġaw b’mod aktar ġenerali l-attività ekonomika u jistgħu jkunu temporanji jew permanenti.

    Sors: It-tbassir tal-Kummissjoni Ewropea tal-ħarifa 2020.

    Graff 3.5 Miżuri temporanji u permanenti, 2021 (% tal-PDG)

    Nota: Il-graff turi l-impatt fiskali fl-2021 tal-miżuri diskrezzjonali adottati mill-2020 ’il quddiem. Il-miżuri temporanji huma mistennija li jiskadu fl-2022 jew qabel.

    Sors: It-tbassir tal-Kummissjoni Ewropea tal-ħarifa 2020.

    Filwaqt li l-maġġoranza tal-miżuri għandhom l-għan li jappoġġaw l-irkupru ekonomiku, il-miżuri ta’ emerġenza temporanji jirrappreżentaw aktar minn terz tal-miżuri totali fl-2021, bħala medja, b’dispersjoni għolja tal-pajjiżi (il-Graff 3.4). Dan jirrifletti l-inċertezza li għadha għolja fir-rigward tal-evoluzzjoni tal-pandemija. Ħames Stati Membri jibbaġitjaw infiq ta’ emerġenza ta’ 1 % tal-PDG jew iktar, għalkemm xi pajjiżi ma jinkorporaw l-ebda impatt minn rispons temporanju ta’ emerġenza fil-baġits tal-2021 tagħhom. Diversi pajjiżi jippjanaw li jbiddlu d-direzzjoni tal-appoġġ fiskali tagħhom fl-2021 mill-emerġenza lejn appoġġ għall-irkupru ekonomiku. Madankollu, fid-dawl taż-żieda mill-ġdid riċenti tal-pandemija fl-Ewropa, l-irtirar ippjanat tal-miżuri ta’ emerġenza fl-2021 huwa soġġett għal żieda fl-inċertezza billi l-Istati Membri huma mistennija jagħtu aktar appoġġ ta’ emerġenza biex jipprovdu għajnuna essenzjali lill-ekonomija.

    L-Istati Membri jippjanaw taħlita ta’ miżuri fil-parti l-kbira temporanji u xi oħrajn permanenti fl-2021 biex jappoġġaw l-attività ekonomika fl-isfond ta’ inċertezza konsiderevoli (il-Graff 3.5). Il-miżuri huma mistennija li jammontaw għal 2,6 % tal-PDG bħala medja, b’xi pajjiżi jippjanaw stimolu ta’ 3 % tal-PDG jew aktar. Bħala medja, il-miżuri temporanji jirrappreżentaw madwar żewġ terzi tal-miżuri totali fl-2021. Madankollu, xi ftit pajjiżi implimentaw ukoll miżuri permanenti, f’xi każijiet limitati li jaqbżu 1 % tal-PDG, b’impatt fuq it-trajettorji fiskali futuri. Dan jista’ jkun inkwetanti, billi l-inċertezza fir-rigward tat-tieni mewġa tal-pandemija għadha għolja u jista’ jkun hemm bżonn ta’ miżuri ta’ emerġenza addizzjonali. Jenħtieġ li l-miżuri ta’ emerġenza temporanji meħtieġa flimkien mal-miżuri permanenti ma jirriskjawx li jipperikolaw is-sostenibbiltà fiskali fiż-żmien medju (il-Graff 3.6).



    Graff 3.6Miżuri permanenti u riskji tas-sostenibbiltà fiskali ta’ qabel il-kriżi fiż-żmien medju, 2021 (% tal-PDG)

    Nota: Il-graff turi l-impatt fiskali fl-2021 tal-miżuri permanenti adottati mill-2020 ’il quddiem. L-Istati Membri huma raggruppati skont ir-riskji tas-sostenibbiltà tagħhom ta’ qabel il-pandemija fiż-żmien medju. L-analiżi tas-sostenibbiltà tad-dejn li twettqet għall-Greċja fid-Debt Sustainability Monitor 2019 varjat kemxejn mil-approċċ komuni, minħabba l-ispeċifiċitajiet tal-istruttura tad-dejn tal-Greċja, speċjalment is-sehem kbir tas-self għas-settur uffiċjali, b’ebda klassifikazzjoni tar-riskji pprovduta.

    Sors: It-tbassir tal-Kummissjoni Ewropea tal-ħarifa 2020 u d-Debt Sustainability Monitor 2019.

    Valutazzjoni kwalitattiva tal-Kummissjoni tal-Abbozzi tal-Pjanijiet Baġitarji tal-2021

    L-Opinjonijiet tal-Kummissjoni dwar l-Abbozzi tal-Pjanijiet Baġitarji tal-2021 iqisu l-attivazzjoni tal-klawżola liberatorja ġenerali tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir. Fl-20 ta’ Marzu 2020, il-Kummissjoni adottat Komunikazzjoni dwar l-attivazzjoni tal-klawżola liberatorja ġenerali tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir 10 . Fil-Komunikazzjoni tagħha, il-Kummissjoni ppreżentat l-opinjoni tagħha li, minħabba t-tnaqqis serju mistenni fir-ritmu ekonomiku li jirriżulta mit-tifqigħa tal-COVID-19, il-kundizzjonijiet biex tiġi attivata l-klawżola liberatorja ġenerali ġew issodisfati. Fit-23 ta’ Marzu 2020, il-Ministri għall-Finanzi tal-Istati Membri qablu mal-valutazzjoni tal-Kummissjoni. Kif indikat fl-Istrateġija Annwali għat-Tkabbir Sostenibbli tal-2021 11 u kif ikkomunikat fl-ittra tad-19 ta’ Settembru 2020 tal-Kummissjoni lill-Ministri għall-Finanzi tal-UE 12 , jenħtieġ li l-Istati Membri jkomplu jipprovdu appoġġ fiskali mmirat u temporanju fl-2021 f’kuntest fejn tiġi attivata l-klawżola liberatorja ġenerali, filwaqt li tiġi salvagwardjata s-sostenibbiltà fiskali fiż-żmien medju.

    Fir-rebbiegħa, il-Kummissjoni adottat rapporti skont l-Artikolu 126(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għall-Istati Membri kollha minbarra r-Rumanija, li kienet diġà fil-parti korrettiva tal-Patt. Fid-dawl tal-inċertezza eċċezzjonali maħluqa mit-tifqigħa tal-COVID-19 u l-impatt makroekonomiku u fiskali straordinarju tagħha, inkluż għat-tfassil ta’ perkors kredibbli għall-politika fiskali, li se jkollu jibqa’ jagħti appoġġ fl-2021, il-Kummissjoni qieset li jenħtieġ li ma titteħidx deċiżjoni dwar jekk l-Istati Membri għandhomx jitpoġġew taħt Proċedura ta’ Defiċit Eċċessiv. Dan għadu validu.

    Il-politika fiskali fl-2020 u fl-2021 tiffoka fuq il-ġlieda kontra l-pandemija. Wara l-attivazzjoni tal-klawżola liberatorja ġenerali, fl-20 ta’ Lulju 2020 il-Kunsill irrakkomanda li jenħtieġ li l-Istati Membri jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jindirizzaw il-pandemija b’mod effettiv, isostnu l-ekonomija u jappoġġaw l-irkupru sussegwenti. Meta l-kundizzjonijiet ekonomiċi jippermettu, jenħtieġ li l-Istati Membri jsegwu politiki fiskali li għandhom l-għan li jiksbu pożizzjonijiet fiskali prudenti fiż-żmien medju u jiżguraw is-sostenibbiltà tad-dejn, filwaqt li jtejbu l-investiment.

    L-Opinjonijiet dwar l-Abbozzi tal-Pjanijiet Baġitarji tal-2021 jiffukaw fuq il-valutazzjoni tal-miżuri baġitarji għall-2021. L-Opinjonijiet jivvalutaw jekk il-miżuri ta’ appoġġ ippjanati humiex konformi mar-rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill tal-20 ta’ Lulju 2020 u l-gwida pprovduta fl-ittra li bagħtet il-Kummissjoni fid-19 ta’ Settembru. B’mod partikolari, jiġi vvalutat jekk il-miżuri humiex temporanji. Dan tal-aħħar huwa importanti fil-kuntest tal-preservazzjoni tas-sostenibbiltà fiskali fiż-żmien medju, f’konformità mal-klawżola liberatorja ġenerali.

    Il-valutazzjoni kwalitattiva tal-Abbozzi tal-Pjanijiet Baġitarji tal-2021 tista’ tinġabar fil-qosor kif ġej:

    1.Il-Kummissjoni hija tal-opinjoni li l-Abbozzi tal-Pjanijiet Baġitarji huma ġeneralment konformi mar-rakkomandazzjoni dwar il-politika fiskali li adottat il-Kunsill fl-20 ta’ Lulju 2020. Ħafna mill-miżuri fl-Abbozzi tal-Pjan Baġitarju tal-Belġju jappoġġaw l-attività ekonomika fl-isfond ta’ inċertezza konsiderevoli.

    2.Għall-Awstrija, il-Belġju, Ċipru, l-Estonja, il-Finlandja, il-Ġermanja, il-Greċja, l-Irlanda, il-Latvja, il-Lussemburgu, Malta, in-Netherlands, il-Portugall, is-Slovenja u Spanja, il-miżuri huma (fil-biċċa l-kbira) temporanji. Xi miżuri ppreżentati fl-Abbozzi tal-Pjanijiet Baġitarji ta’ Franza, l-Italja, il-Litwanja u s-Slovakkja ma jidhrux li huma temporanji jew imqabbla ma’ miżuri ta’ tpaċija. Il-Litwanja ppreżentat l-Abbozz tal-Pjan Baġitarju tagħha fuq il-bażi ta’ xenarju ta’ ebda bidla fil-politika u hija mistiedna tippreżenta Abbozz tal-Pjan Baġitarju aġġornat.

    3.Għall-Belġju, Franza, il-Greċja, l-Italja, il-Portugall u Spanja, minħabba l-livell tad-dejn tal-gvern tagħhom u l-isfidi tas-sostenibbiltà għoljin fiż-żmien medju qabel it-tifqigħa tal-pandemija tal-COVID-19, huwa importanti li jiġi żgurat li, meta jittieħdu miżuri baġitarji ta’ appoġġ, tiġi ppreservata s-sostenibbiltà fiskali fiż-żmien medju.

    L-Istati Membri kollha huma mistiedna jirrieżaminaw regolarment l-użu, l-effettività u l-adegwatezza tal-miżuri ta’ appoġġ u jkunu lesti li jadattawhom kif meħtieġ għaċ-ċirkostanzi li jinbidlu.


    ANNESS I: Valutazzjoni speċifika għall-pajjiż tal-Abbozzi tal-Pjanijiet Baġitarji tal-2021

    Il-Kummissjoni hija tal-opinjoni li l-Abbozz tal-Pjan Baġitarju tal-Awstrija huwa ġeneralment konformi mar-rakkomandazzjoni li adotta l-Kunsill fl-20 ta’ Lulju 2020. Ħafna mill-miżuri ppreżentati fl-Abbozz tal-Pjan Baġitarju tal-Awstrija qed jappoġġaw l-attività ekonomika fl-isfond ta’ inċertezza konsiderevoli. L-Awstrija hija mistiedna tirrieżamina regolarment l-użu, l-effettività u l-adegwatezza tal-miżuri ta’ appoġġ u tkun lesta li tadattahom kif meħtieġ għaċ-ċirkostanzi li jinbidlu.

    Il-Kummissjoni hija tal-opinjoni li l-Abbozz tal-Pjan Baġitarju tal-Belġju huwa ġeneralment konformi mar-rakkomandazzjoni li adotta l-Kunsill fl-20 ta’ Lulju 2020. Ħafna mill-miżuri ppreżentati fl-Abbozz tal-Pjan Baġitarju tal-Belġju qed jappoġġaw l-attività ekonomika fl-isfond ta’ inċertezza konsiderevoli. Minħabba l-livell tad-dejn tal-gvern tal-Belġju u l-isfidi ta’ sostenibbiltà għoljin fiż-żmien medju qabel it-tifqigħa tal-pandemija tal-COVID-19, huwa importanti li l-Belġju jiżgura li, meta jittieħdu miżuri baġitarji ta’ appoġġ, tiġi ppreservata s-sostenibbiltà fiskali fiż-żmien medju. Il-Belġju huwa mistieden jirrieżamina regolarment l-użu, l-effettività u l-adegwatezza tal-miżuri ta’ appoġġ u jkun lest li jadattahom kif meħtieġ għaċ-ċirkostanzi li jinbidlu.

    Il-Kummissjoni hija tal-opinjoni li l-Abbozz tal-Pjan Baġitarju ta’ Ċipru huwa ġeneralment konformi mar-rakkomandazzjoni li adotta l-Kunsill fl-20 ta’ Lulju 2020. Ħafna mill-miżuri ppreżentati fl-Abbozz tal-Pjan Baġitarju ta’ Ċipru qed jappoġġaw l-attività ekonomika fl-isfond ta’ inċertezza konsiderevoli. Ċipru huwa mistieden jirrieżamina regolarment l-użu, l-effettività u l-adegwatezza tal-miżuri ta’ appoġġ u jkun lest li jadattahom kif meħtieġ għaċ-ċirkostanzi li jinbidlu.

    Il-Kummissjoni hija tal-opinjoni li l-Abbozz tal-Pjan Baġitarju tal-Estonja huwa ġeneralment konformi mar-rakkomandazzjoni li adotta l-Kunsill fl-20 ta’ Lulju 2020. Ħafna mill-miżuri ppreżentati fl-Abbozz tal-Pjan Baġitarju tal-Estonja qed jappoġġaw l-attività ekonomika fl-isfond ta’ inċertezza konsiderevoli. L-Estonja hija mistiedna tirrieżamina regolarment l-użu, l-effettività u l-adegwatezza tal-miżuri ta’ appoġġ u tkun lesta li tadattahom kif meħtieġ għaċ-ċirkostanzi li jinbidlu.

    Il-Kummissjoni hija tal-opinjoni li l-Abbozz tal-Pjan Baġitarju tal-Finlandja huwa ġeneralment konformi mar-rakkomandazzjoni li adotta l-Kunsill fl-20 ta’ Lulju 2020. Ħafna mill-miżuri ppreżentati fl-Abbozz tal-Pjan Baġitarju tal-Finlandja qed jappoġġaw l-attività ekonomika fl-isfond ta’ inċertezza konsiderevoli. Il-Finlandja hija mistiedna tirrieżamina regolarment l-użu, l-effettività u l-adegwatezza tal-miżuri ta’ appoġġ u tkun lesta li tadattahom kif meħtieġ għaċ-ċirkostanzi li jinbidlu.

    Il-Kummissjoni hija tal-opinjoni li l-Abbozz tal-Pjan Baġitarju ta’ Franza huwa ġeneralment konformi mar-rakkomandazzjoni li adotta l-Kunsill fl-20 ta’ Lulju 2020. Ħafna mill-miżuri ppreżentati fl-Abbozz tal-Pjan Baġitarju ta’ Franza qed jappoġġaw l-attività ekonomika fl-isfond ta’ inċertezza konsiderevoli. Madankollu, xi miżuri ma jidhrux li huma temporanji jew imqabbla ma’ miżuri ta’ tpaċija. Minħabba l-livell tad-dejn tal-gvern ta’ Franza u l-isfidi ta’ sostenibbiltà għoljin fiż-żmien medju qabel it-tifqigħa tal-pandemija tal-COVID-19, huwa importanti li Franza tiżgura li, meta jittieħdu miżuri baġitarji ta’ appoġġ, tiġi ppreservata s-sostenibbiltà fiskali fiż-żmien medju. Franza hija mistiedna tirrieżamina regolarment l-użu, l-effettività u l-adegwatezza tal-miżuri ta’ appoġġ u tkun lesta li tadattahom kif meħtieġ għaċ-ċirkostanzi li jinbidlu.

    Il-Kummissjoni hija tal-opinjoni li l-Abbozz tal-Pjan Baġitarju tal-Ġermanja huwa ġeneralment konformi mar-rakkomandazzjoni li adotta l-Kunsill fl-20 ta’ Lulju 2020. Ħafna mill-miżuri ppreżentati fl-Abbozz tal-Pjan Baġitarju tal-Ġermanja qed jappoġġaw l-attività ekonomika fl-isfond ta’ inċertezza konsiderevoli. Il-Ġermanja hija mistiedna tirrieżamina regolarment l-użu, l-effettività u l-adegwatezza tal-miżuri ta’ appoġġ u tkun lesta li tadattahom kif meħtieġ għaċ-ċirkostanzi li jinbidlu.

    Il-Kummissjoni hija tal-opinjoni li l-Abbozz tal-Pjan Baġitarju tal-Greċja huwa ġeneralment konformi mar-rakkomandazzjoni li adotta l-Kunsill fl-20 ta’ Lulju 2020. Ħafna mill-miżuri ppreżentati fl-Abbozz tal-Pjan Baġitarju tal-Greċja qed jappoġġaw l-attività ekonomika fl-isfond ta’ inċertezza konsiderevoli. Minħabba l-livell tad-dejn tal-gvern tal-Greċja qabel it-tifqigħa tal-pandemija tal-COVID-19, huwa importanti li l-Greċja tiżgura li, meta jittieħdu miżuri baġitarji ta’ appoġġ, tiġi ppreservata s-sostenibbiltà fiskali fiż-żmien medju. Il-Greċja hija mistiedna tirrieżamina regolarment l-użu, l-effettività u l-adegwatezza tal-miżuri ta’ appoġġ u tkun lesta li tadattahom kif meħtieġ għaċ-ċirkostanzi li jinbidlu.

    Il-Kummissjoni hija tal-opinjoni li l-Abbozz tal-Pjan Baġitarju tal-Irlanda huwa ġeneralment konformi mar-rakkomandazzjoni li adotta l-Kunsill fl-20 ta’ Lulju 2020. Ħafna mill-miżuri ppreżentati fl-Abbozz tal-Pjan Baġitarju tal-Irlanda qed jappoġġaw l-attività ekonomika fl-isfond ta’ inċertezza konsiderevoli. L-Irlanda hija mistiedna tirrieżamina regolarment l-użu, l-effettività u l-adegwatezza tal-miżuri ta’ appoġġ u tkun lesta li tadattahom kif meħtieġ għaċ-ċirkostanzi li jinbidlu.

    Il-Kummissjoni hija tal-opinjoni li l-Abbozz tal-Pjan Baġitarju tal-Italja huwa ġeneralment konformi mar-rakkomandazzjoni li adotta l-Kunsill fl-20 ta’ Lulju 2020. Ħafna mill-miżuri ppreżentati fl-Abbozz tal-Pjan Baġitarju tal-Italja qed jappoġġaw l-attività ekonomika fl-isfond ta’ inċertezza konsiderevoli. Madankollu, xi miżuri ma jidhrux li huma temporanji jew imqabbla ma’ miżuri ta’ tpaċija. Minħabba l-livell tad-dejn tal-gvern tal-Italja u l-isfidi ta’ sostenibbiltà għoljin fiż-żmien medju qabel it-tifqigħa tal-pandemija tal-COVID-19, huwa importanti li l-Italja tiżgura li, meta jittieħdu miżuri baġitarji ta’ appoġġ, tiġi ppreservata s-sostenibbiltà fiskali fiż-żmien medju. L-Italja hija mistiedna tirrieżamina regolarment l-użu, l-effettività u l-adegwatezza tal-miżuri ta’ appoġġ u tkun lesta li tadattahom kif meħtieġ għaċ-ċirkostanzi li jinbidlu.

    Il-Kummissjoni hija tal-opinjoni li l-Abbozz tal-Pjan Baġitarju tal-Latvja huwa ġeneralment konformi mar-rakkomandazzjoni li adotta l-Kunsill fl-20 ta’ Lulju 2020. Ħafna mill-miżuri ppreżentati fl-Abbozz tal-Pjan Baġitarju tal-Latvja qed jappoġġaw l-attività ekonomika fl-isfond ta’ inċertezza konsiderevoli. Il-Latvja hija mistiedna tirrieżamina regolarment l-użu, l-effettività u l-adegwatezza tal-miżuri ta’ appoġġ u tkun lesta li tadattahom kif meħtieġ għaċ-ċirkostanzi li jinbidlu.

    Il-Kummissjoni hija tal-opinjoni li l-Abbozz tal-Pjan Baġitarju tal-Lussemburgu huwa ġeneralment konformi mar-rakkomandazzjoni li adotta l-Kunsill fl-20 ta’ Lulju 2020. Ħafna mill-miżuri ppreżentati fl-Abbozz tal-Pjan Baġitarju tal-Lussemburgu qed jappoġġaw l-attività ekonomika fl-isfond ta’ inċertezza konsiderevoli. Il-Lussemburgu huwa mistieden jirrieżamina regolarment l-użu, l-effettività u l-adegwatezza tal-miżuri ta’ appoġġ u jkun lest li jadattahom kif meħtieġ għaċ-ċirkostanzi li jinbidlu.

    Il-Kummissjoni hija tal-opinjoni li l-Abbozz tal-Pjan Baġitarju tal-Litwanja huwa ġeneralment konformi mar-rakkomandazzjoni li adotta l-Kunsill fl-20 ta’ Lulju 2020. Ħafna mill-miżuri ppreżentati fl-Abbozz tal-Pjan Baġitarju tal-Litwanja qed jappoġġaw l-attività ekonomika fl-isfond ta’ inċertezza konsiderevoli. Madankollu, xi miżuri ma jidhrux li huma temporanji jew imqabbla ma’ miżuri ta’ tpaċija. Il-Litwanja hija mistiedna tirrieżamina regolarment l-użu, l-effettività u l-adegwatezza tal-miżuri ta’ appoġġ u tkun lesta li tadattahom kif meħtieġ għaċ-ċirkostanzi li jinbidlu. Hekk kif gvern ġdid jibda l-mandat tiegħu u, bħala regola, mill-inqas xahar qabel ma jkun ippjanat l-abbozz tal-liġi baġitarja li għandu jiġi adottat mill-parlament nazzjonali, l-awtoritajiet huma mistiedna li jippreżentaw lill-Kummissjoni u lill-Grupp tal-Euro, Abbozz tal-Pjan Baġitarju aġġornat.

    Il-Kummissjoni hija tal-opinjoni li l-Abbozz tal-Pjan Baġitarju ta’ Malta huwa ġeneralment konformi mar-rakkomandazzjoni li adotta l-Kunsill fl-20 ta’ Lulju 2020. Ħafna mill-miżuri ppreżentati fl-Abbozz tal-Pjan Baġitarju ta’ Malta qed jappoġġaw l-attività ekonomika fl-isfond ta’ inċertezza konsiderevoli. Malta hija mistiedna tirrieżamina regolarment l-użu, l-effettività u l-adegwatezza tal-miżuri ta’ appoġġ u tkun lesta li tadattahom kif meħtieġ għaċ-ċirkostanzi li jinbidlu.

    Il-Kummissjoni hija tal-opinjoni li l-Abbozz tal-Pjan Baġitarju tan-Netherlands huwa ġeneralment konformi mar-rakkomandazzjoni li adotta l-Kunsill fl-20 ta’ Lulju 2020. Ħafna mill-miżuri fl-Abbozz tal-Pjan Baġitarju jappoġġaw l-attività ekonomika fl-isfond ta’ inċertezza konsiderevoli. In-Netherlands huma mistiedna jirrieżaminaw regolarment l-użu, l-effettività u l-adegwatezza tal-miżuri ta’ appoġġ u jkun lesti li jadattawhom kif meħtieġ għaċ-ċirkostanzi li jinbidlu.

    Il-Kummissjoni hija tal-opinjoni li l-Abbozz tal-Pjan Baġitarju tal-Portugall huwa ġeneralment konformi mar-rakkomandazzjoni li adotta l-Kunsill fl-20 ta’ Lulju 2020. Ħafna mill-miżuri ppreżentati fl-Abbozz tal-Pjan Baġitarju tal-Portugall qed jappoġġaw l-attività ekonomika fl-isfond ta’ inċertezza konsiderevoli. Minħabba l-livell tad-dejn tal-gvern tal-Portugall u l-isfidi ta’ sostenibbiltà għoljin fiż-żmien medju qabel it-tifqigħa tal-pandemija tal-COVID-19, huwa importanti li l-Portugall jiżgura li, meta jittieħdu miżuri baġitarji ta’ appoġġ, tiġi ppreservata s-sostenibbiltà fiskali fiż-żmien medju. Il-Portugall huwa mistieden jirrieżamina regolarment l-użu, l-effettività u l-adegwatezza tal-miżuri ta’ appoġġ u jkun lest li jadattahom kif meħtieġ għaċ-ċirkostanzi li jinbidlu.

    Il-Kummissjoni hija tal-opinjoni li l-Abbozz tal-Pjan Baġitarju tas-Slovakkja huwa ġeneralment konformi mar-rakkomandazzjoni li adotta l-Kunsill fl-20 ta’ Lulju 2020. Ħafna mill-miżuri ppreżentati fl-Abbozz tal-Pjan Baġitarju tas-Slovakkja qed jappoġġaw l-attività ekonomika fl-isfond ta’ inċertezza konsiderevoli. Madankollu, xi miżuri ma jidhrux li huma temporanji jew imqabbla ma’ miżuri ta’ tpaċija. Is-Slovakkja hija mistiedna tirrieżamina regolarment l-użu, l-effettività u l-adegwatezza tal-miżuri ta’ appoġġ u tkun lesta li tadattahom kif meħtieġ għaċ-ċirkostanzi li jinbidlu.

    Il-Kummissjoni hija tal-opinjoni li l-Abbozz tal-Pjan Baġitarju tas-Slovenja huwa ġeneralment konformi mar-rakkomandazzjoni li adotta l-Kunsill fl-20 ta’ Lulju 2020. Ħafna mill-miżuri ppreżentati fl-Abbozz tal-Pjan Baġitarju tas-Slovenja qed jappoġġaw l-attività ekonomika fl-isfond ta’ inċertezza konsiderevoli. Is-Slovenja hija mistiedna tirrieżamina regolarment l-użu, l-effettività u l-adegwatezza tal-miżuri ta’ appoġġ u tkun lesta li tadattahom kif meħtieġ għaċ-ċirkostanzi li jinbidlu.

    Il-Kummissjoni hija tal-opinjoni li l-Abbozz tal-Pjan Baġitarju ta’ Spanja huwa ġeneralment konformi mar-rakkomandazzjoni li adotta l-Kunsill fl-20 ta’ Lulju 2020. Ħafna mill-miżuri ppreżentati fl-Abbozz tal-Pjan Baġitarju ta’ Spanja qed jappoġġaw l-attività ekonomika fl-isfond ta’ inċertezza konsiderevoli. Minħabba l-livell tad-dejn tal-gvern ta’ Spanja u l-isfidi ta’ sostenibbiltà għoljin fiż-żmien medju qabel it-tifqigħa tal-pandemija tal-COVID-19, huwa importanti li Spanja tiżgura li, meta jittieħdu miżuri baġitarji ta’ appoġġ, tiġi ppreservata s-sostenibbiltà fiskali fiż-żmien medju. Spanja hija mistiedna tirrieżamina regolarment l-użu, l-effettività u l-adegwatezza tal-miżuri ta’ appoġġ u tkun lesta li tadattahom kif meħtieġ għaċ-ċirkostanzi li jinbidlu.



    ANNESS II: Il-metodoloġija u s-suppożizzjonijiet li jirfdu t-tbassir tal-Kummissjoni tal-ħarifa 2020

    Skont l-Artikolu 7(4) tar-Regolament (UE) Nru 473/2013, “il-metodoloġija u s-suppożizzjonijiet tat-tbassiriet ekonomiċi l-aktar reċenti tas-servizzi tal-Kummissjoni għal kull Stat Membru, inklużi l-istimi tal-impatt tal-miżuri baġitarji aggregati fuq it-tkabbir ekonomiku, għandhom jiġu annessi mal-valutazzjoni kumplessiva.” Is-suppożizzjonijiet li jirfdu t-tbassir tal-Kummissjoni tal-ħarifa 2020, li hija prodotta indipendentement mill-persunal tal-Kummissjoni, huma spjegati fid-dokument tat-tbassir innifsu 13 .

    Id-data baġitarja sal-2019 hija bbażata fuq id-data nnotifikata mill-Istati Membri lill-Kummissjoni qabel l-1 ta’ Ottubru 2020 u vvalidata mill-Eurostat fit-22 ta’ Ottubru 2020. Il-Eurostat ma għamel l-ebda emenda għad-data rrappurtata mill-Istati Membri matul iċ-ċiklu ta’ notifika tal-ħarifa 2020. Il-Eurostat irtira r-riżerva dwar il-kwalità tad-data rrapportata mid-Danimarka għas-sena 2019. Din ir-riżerva rriflettiet nuqqas ta’ kompletezza u diskrepanza statistika għolja tad-data pprovduta mill-awtoritajiet tal-istatistika tad-Danimarka f’Marzu 2020. Minn dakinhar, l-awtoritajiet tal-istatistika tad-Danimarka pprovdew sett komplut ta’ data u d-diskrepanza naqset b’mod konsiderevoli.

    Għat-tbassir, il-miżuri li jsostnu l-istabbiltà finanzjarja ġew irreġistrati skont id-Deċiżjoni tal-Eurostat tal-15 ta’ Lulju 2009 14 . Sakemm l-Istat Membru kkonċernat ma jirrapportax mod ieħor, l-injezzjonijiet ta’ kapital magħrufa f’biżżejjed dettall ġew inklużi fit-tbassir bħala tranżazzjonijiet finanzjarji, jiġifieri jżidu d-dejn, iżda mhux id-defiċit. Il-garanziji tal-Gvern fuq ir-responsabbiltajiet u d-depożiti tal-banek mhumiex inklużi bħala nfiq tal-gvern, sakemm ma jkunx hemm evidenza li turi li dawn ikunu ntużaw fil-mument li jkun ġie ffinalizzat it-tbassir. Madankollu, is-selfiet maħruġa lill-banek, jew minn entitajiet oħra kklassifikati fis-settur pubbliku, normalment iżidu mad-dejn tal-gvern.

    Għall-2021, qed jitqiesu l-baġits adottati jew ippreżentati lill-parlamenti nazzjonali kif ukoll kull miżura oħra magħrufa f’biżżejjed dettall. B’mod partikolari, l-informazzjoni kollha inkluża fl-Abbozzi tal-Pjanijiet Baġitarji ppreżentati sa nofs Ottubru qed tiġi riflessa fit-tbassir tal-ħarifa. Għall-2022, is-suppożizzjoni ta’ “ebda bidla fil-politika” użata fit-tbassiriet timplika l-estrapolazzjoni ta’ xejriet fid-dħul u nfiq u l-inklużjoni tal-miżuri li jkunu magħrufa f’biżżejjed dettall.

    L-aggregazzjonijiet Ewropej tad-dejn tal-gvern estiż fis-snin tat-tbassir 2020-2022 huma ppubblikati fuq bażi mhux konsolidata (jiġifieri mhux ikkoreġuti għas-self intergovernattiv). Sabiex tiġi żgurata l-konsistenza tul iż-żmien, id-data storika tiġi ppubblikata wkoll fuq l-istess bażi. Il-projezzjonijiet tad-dejn tal-gvern estiż għall-Istati Membri individwali fl-2020-22 jinkludu l-impatt tal-garanziji lill-Faċilità Ewropea ta’ Stabbiltà Finanzjarja, is-self bilaterali lil Stati Membri oħra, u l-parteċipazzjoni fil-kapital tal-Mekkaniżmu Ewropew ta’ Stabbiltà kif ippjanat fid-data limitu tat-tbassir 15 .

    Skont it-tbassir tal-Kummissjoni tal-ħarifa 2020, il-miżuri baġitarji rappurtati fl-Abbozzi tal-Pjanijiet Baġitarji għall-2021 b’mod aggregat iżidu d-defiċit (impatt ta’ madwar 1 % tal-PDG). Il-miżuri li jżidu n-nefqa huma mistennija li jixprunaw l-impatt negattiv. B’mod ġenerali, l-impatt mekkaniku fuq it-tkabbir tal-PDG fiż-żmien qasir huwa projettat li jkun pożittiv.

    Huwa importanti li tintuża l-prudenza fl-interpretazzjoni ta’ din l-istima:

    ·Ir-Regolament (UE) Nru 473/2013 għandu l-għan li jevalwa l-effett tal-miżuri li ttieħdu fl-Abbozzi tal-Pjanijiet Baġitarji. Il-miżuri li ttieħdu u li daħlu fis-seħħ qabel l-Abbozzi tal-Pjanijiet Baġitarji mhumiex inklużi fil-valutazzjoni, anki jekk dawn jista’ jkollhom impatt addizzjonali fuq il-projezzjonijiet tal-finanzi pubbliċi għall-2021.

    ·L-impatt tal-miżuri rapportati huwa espress fil-konfront ta’ linja bażi ta’ politika li ma tinbidilx. L-orjentazzjoni tal-politika fiskali ta’ din il-linja bażi mhux neċessarjament tkun newtrali. Pereżempju, ix-xejra ta’ żieda ta’ ċerti partiti tal-infiq tista’ tkun ogħla jew taħt it-tkabbir potenzjali, jista’ jkun hemm impatt addizzjonali ta’ miżuri preċedenti fil-linja bażi jew miżuri li ttieħdu aktar kmieni jistgħu jieqfu fl-2021.

    Il-projezzjonijiet baġitarji ta’ xi Stati Membri jinkludu miżuri li huma mistennija li jiġu ffinanzjati skont in-NextGenerationEU/RRF. It-tbassir tal-Kummissjoni tal-ħarifa 2020 jirreġistra dawn il-miżuri bħala li jżidu d-defiċit, għalkemm dawn jistgħu eventwalment jiġu ffinanzjati mill-RRF. B’riżultat ta’ dan, id-defiċits proġettati ta’ dawn l-Istati Membri jistgħu jkunu stmati għoljin wisq.


    ANNESS III: Analiżi tas-sostenibbiltà tad-dejn u analiżi tas-sensittività

    Dan l-Anness jippreżenta analiżi tas-sensittività tal-iżviluppi tad-dejn pubbliku għal skossi makroekonomiċi, kif meħtieġ mill-Artikolu 7 tar-Regolament (UE) Nru 473/2013. Il-projezzjonijiet tad-dejn stokastiċi jintużaw biex jivvalutaw l-impatt possibbli fuq id-dinamiki tad-dejn pubbliku tar-riskji għat-tkabbir nominali tal-PDG, l-iżviluppi tas-suq finanzjarju u l-iskossi fiskali li jaffettwaw il-pożizzjoni baġitarja tal-gvern.  16

    Il-projezzjonijiet stokastiċi jirrappreżentaw inċertezza makroekonomika li tirrigwarda xenarju ta’ projezzjoni tad-dejn “ċentrali” fl-2021-2025. Tqiesu żewġ xenarji tad-dejn “ċentrali”:

    ·Ix-xenarju tat-tbassir tal-Kummissjoni tal-ħarifa 2020, li jinkludi tbassir bażi sal-2022 17 . Mill-2023, il-pajjiżi huma ġeneralment preżunti li gradwalment jaġġustaw il-bilanċ primarju strutturali tagħhom biex jerġgħu lura għal-livell li kien imbassar għas-sena 2021 fit-tbassir tal-Kummissjoni tal-ħarifa 2019 (qabel il-pandemija).

    ·Ix-xenarju tal-Abbozzi tal-Pjanijiet Baġitarji tal-2021, li jinkludi tbassir bażi sal-2021. Mill-2022, il-pajjiżi huma preżunti li gradwalment jaġġustaw il-bilanċ primarju strutturali tagħhom biex jerġgħu lura għal-livell li kien imbassar għas-sena 2021 fl-Abbozzi tal-Pjanijiet Baġitarji tal-2020 (qabel il-pandemija) 18 .

    L-iskossi huma applikati għall-kundizzjonijiet makroekonomiċi preżunti fix-xenarju ċentrali biex tinkiseb id-distribuzzjoni ta’ perkorsi ta’ dejn possibbli (il-“cone” fil-fan charts li jidher fil-Graff III.1). Il-kon jikkorrispondi għal grupp wiesa’ ta’ kundizzjonijiet makroekonomiċi possibbli, b’massimu ta’ 2 000 skoss simulat fuq it-tkabbir, ir-rati tal-imgħax u l-bilanċ primarju. Id-daqs u l-korrelazzjoni ta’ dawn l-iskossi jirriflettu l-volatilità storika u r-relazzjonijiet bejn dawn il-varjabbli 19 . Għaldaqstant, il-fan charts jipprovdu informazzjoni probabilistika dwar id-dinamika tad-dejn għaż-Żona tal-Euro, filwaqt li titqies il-possibbiltà li jkun hemm skossi għat-tkabbir, għar-rati tal-imgħax u għall-bilanċ primarju ta’ kobor u korrelazzjoni li jirriflettu l-iżviluppi fil-passat.

    Kull fan chart tirrapporta l-perkors tad-dejn ipprojettat fix-xenarju ċentrali bħala linja miksura. Ir-riżultat medjan tas-simulazzjonijiet jintwera bħala linja sewda solida. Il-cone jkopri 80 % tal-perkorsi kollha possibbli tad-dejn (20 % tal-inqas skossi probabbli ma jidhrux), Iż-żoni skurati differenti fil-kon jirrappreżentaw porzjonijiet differenti tad-distribuzzjoni kumplessiva tal-perkorsi possibbli tad-dejn.

    Fl-2021, is-simulazzjonijiet jissuġġerixxu li l-proporzjon tad-dejn taż-Żona tal-Euro se jkunu bejn 99 % u 106 % tal-PDG bi probabbiltà ta’ 80 % fix-xenarju tal-Kummissjoni, u bejn 97 % u 104 % tal-PDG fix-xenarju tal-Abbozz tal-Pjan Baġitarju. Sal-2025, ikun hemm probabbiltà ta’ 50 % ta’ proporzjon tad-dejn ogħla minn madwar 104 % tal-PDG fiż-żewġ xenarji.

    Hemm riskji addizzjonali li jirrigwardaw dawn il-projezzjonijiet. Billi d-daqs u l-korrelazzjoni tal-iskossi jirriflettu l-imġiba storika tal-varjabbli, il-metodoloġija ma tkoprix l-inċertezza f’ħin reali, b’mod partikolari fir-rigward tal-valutazzjoni tad-distakk fl-output. Id-distakki fl-output għandhom it-tendenza li jiġu riveduti ’l isfel, fid-direzzjoni tal-output potenzjali aktar baxx minn dak preżunt f’ħin reali. Din l-inċertezza tissuġġerixxi sors addizzjonali ta’ riskji fuq perkorsi futuri tad-dejn li mhuwiex rifless f’din l-analiżi. Sors ieħor ta’ inċertezza jirrigwarda t-twettiq ta’ obbligazzjonijiet kontinġenti, billi l-fan charts jaqbdu biss riskji li mmaterjalizzaw fil-passat permezz ta’ deterjorament tal-bilanċ primarju.

    Graff III.1: Fan charts minn projezzjonijiet stokastiċi tad-dejn pubbliku madwar ix-xenarju tat-tbassir tal-Kummissjoni u x-xenarju tat-tbassir tal-Abbozzi tal-Pjanijiet Baġitarji



    ANNESS IV: Tabelli

    Tabella IV.1: Tkabbir tal-PDG reali (%) skont il-Programmi ta’ Stabbiltà (PS), l-Abbozzi tal-Pjanijiet Baġitarji (APB) u t-tbassir tal-Kummissjoni tal-ħarifa 2020 (COM)



    Tabella IV.2: Bilanċ nominali (% tal-PDG) skont il-Programmi ta’ Stabbiltà (PS), l-Abbozzi tal-Pjanijiet Baġitarji (APB) u t-tbassir tal-Kummissjoni tal-ħarifa 2020 (COM)



    Tabella IV.3: Proporzjon tad-dejn għall-PDG (% tal-PDG) skont il-Programmi ta’ Stabbiltà (PS), l-Abbozzi tal-Pjanijiet Baġitarji (APB) u t-tbassir tal-Kummissjoni tal-ħarifa 2020 (COM)

    (1)

         Kif stipulat fir-Regolament (UE) Nru 473/2013 dwar dispożizzjonijiet komuni għall-monitoraġġ u l-valutazzjoni tal-Abbozzi tal-Pjanijiet Baġitarji u l-iżgurar tal-korrezzjoni tad-defiċit eċċessiv tal-Istati Membri fiż-Żona tal-Euro. Ir-Regolament daħal fis-seħħ f’Mejju 2013.

    (2)

         Ara l-Kodiċi ta’ Kondotta dwar it-Two-Pack: http://ec.europa.eu/economy_finance/economic_governance/sgp/pdf/coc/2014-11-07_two_pack_coc_amended_en.pdf  

    (3)

          https://www.consilium.europa.eu/en/press/press-releases/2020/07/20/european-semester-2020-country-specific-recommendations-adopted/  

    (4)

         Ir-Rumanija bħalissa hija soġġetta għal proċedura ta’ defiċit eċċessiv. Is-CSR fiskali attwali tagħha tirrifletti r-rakkomandazzjoni tal-Kunsill 126(7) biex tintemm is-sitwazzjoni ta’ defiċit eċċessiv, adottata f’April 2020.

    (5)

         Ara wkoll l-ittri dwar l-orjentazzjonijiet tal-politika fiskali għall-2021: https://ec.europa.eu/info/business-economy-euro/economic-and-fiscal-policy-coordination/eu-economic-governance-monitoring-prevention-correction/stability-and-growth-pact/annual-draft-budgetary-plans-dbps-euro-area-countries/draft-budgetary-plans-2021_mt  

    (6)

         L-Istati Membri taż-Żona tal-Euro huma meħtieġa jibbażaw l-abbozzi tal-baġits tagħhom fuq tbassiriet makroekonomiċi approvati jew prodotti b’mod indipendenti.

    (7)

         Ir-raġuni biex issir distinzjoni bejn il-miżuri ta’ emerġenza hija li l-adegwatezza tal-użu tagħhom jenħtieġ li titkejjel mhux b’rabta mal-istat tal-ekonomija iżda l-istat tas-saħħa pubblika u r-restrizzjonijiet li titlob. Dawn il-miżuri ta’ emerġenza huma (kważi esklussivament) temporanji, b’data ta’ skadenza tal-2022 jew qabel. Miżuri oħra relatati mal-kriżi tal-COVID-19, temporanji jew permanenti, jitqiesu li jappoġġaw l-irkupru li jirriżulta (jiġifieri miżuri oħra ta’ appoġġ).

    (8)

         Il-miżuri ta’ emerġenza relatati mal-COVID-19 mhumiex meqjusa bħala miżuri ta’ darba, għalkemm ħafna minnhom ġew introdotti għal perjodu temporanju sabiex jikkomplementaw l-istabbilizzaturi awtomatiċi.

    (9)

         L-Eurostat ta valutazzjoni preliminari favorevoli tan-newtralità baġitarja tal-għotjiet RRF, wara konsultazzjoni mal-uffiċċji nazzjonali tal-istatistika.

    (10)

         Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill Ewropew, lill-Kunsill, lill-Bank Ċentrali Ewropew, lill-Bank Ewropew tal-Investiment u lill-Grupp tal-Euro dwar Rispons ekonomiku kkoordinat għalt-tifqigħa tal-COVID-19, Brussell, 13.3.2020, COM(2020) 112 final.

    (11)

       Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-Istrateġija Annwali għat-Tkabbir Sostenibbli tal-2021, Brussell, 17.9.2020, COM(2020) 575 final.

    (12)

        https://ec.europa.eu/info/business-economy-euro/economic-and-fiscal-policy-coordination/eu-economic-governance-monitoring-prevention-correction/stability-and-growth-pact/annual-draft-budgetary-plans-dbps-euro-area-countries/draft-budgetary-plans-2021_mt  

    (13)

         Is-suppożizzjonijiet metodoloġiċi li jirfdu t-tbassir ekonomiku tal-Kummissjoni tal-ħarifa 2020 jinsabu hawn: https://ec.europa.eu/info/business-economy-euro/economic-performance-and-forecasts/economic-forecasts/autumn-2020-economic-forecast_mt

    (14)

         Jinsab hawn: http://ec.europa.eu/eurostat/documents/1015035/2041337/FT-Eurostat-Decision-9-July-20093--final-.pdf .

    (15)

         F’konformità mad-deċiżjoni tal-Eurostat tas-27 ta’ Jannar 2011 dwar ir-reġistrazzjoni statistika tal-operazzjonijiet li saru mill-EFSF, tinsab hawn: http://ec.europa.eu/eurostat/documents/2995521/5034386/2-27012011-AP-EN.PDF .

    (16)

         Il-metodoloġija għall-projezzjonijiet stokastiċi tad-dejn pubbliku użata hawnhekk hija ppreżentata fid-Debt Sustainability Monitor 2019 tal-Kummissjoni Ewropea, l-Anness A7, u f’Berti K. (2013), “Stochastic public debt projections using the historical variance-covariance matrix approach for EU countries”, European Economy Economic Paper No. 480.

    (17)

         It-tbassir tal-Kummissjoni tal-ħarifa 2020 jinkorpora fiha l-miżuri ta’ politika fiskali (adottati u/jew mill-inqas il-kredibbiltà mħabbra) u l-informazzjoni mit-22 ta’ Ottubru 2020.

    (18)

       Dan ifisser li l-bilanċ strutturali primarju strutturali taż-Żona tal-Euro huwa preżunt li jikkonverġi minn 3,2 % tad-defiċit tal-PDG fl-2021 għal 1,1 % tal-PDG fl-2025 fix-xenarju tal-Abbozz tal-Pjan Baġitarju, meta mqabbel ma’ defiċit ta’ 2,9 % fl-2021 għal defiċit ta’ 1,0 % fix-xenarju tal-Kummissjoni.

    (19)

         L-iskossi huma preżunti li jsegwu distribuzzjoni normali konġunta.

    Top