EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52020DC0746

Rakkomandazzjoni għal RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL dwar il-politika ekonomika taż-Żona tal-Euro

COM/2020/746 final

Brussell, 18.11.2020

COM(2020) 746 final

Rakkomandazzjoni għal

RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL

dwar il-politika ekonomika taż-Żona tal-Euro

{SWD(2020) 276 final}


Ir-rakkomandazzjoni għal

RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL

dwar il-politika ekonomika taż-Żona tal-Euro

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 136, flimkien mal-Artikolu 121(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97 tas-7 ta’ Lulju 1997 dwar it-tisħiħ tas-sorveljanza ta’ pożizzjonijiet baġitarji u s-sorveljanza u l-koordinazzjoni ta’ politika ekonomika 1 , u b’mod partikolari l-Artikolu 5(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1176/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Novembru 2011 dwar il-prevenzjoni u l-korrezzjoni tal-iżbilanċi makroekonomiċi 2 , u b’mod partikolari l-Artikolu 6(1) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Politika Ekonomika,

Billi:

(1)Bħala riżultat tal-pandemija tal-COVID-19, l-ekonomija taż-Żona tal-Euro esperjenzat reċessjoni f’daqqa u profonda fl-ewwel nofs tal-2020, u għadha vulnerabbli għall-kriżi persistenti tas-saħħa. Il-kriżi tal-COVID-19 ħolqot sensiela ta’ xokkijiet kbar fir-rigward tad-domanda u tal-provvista li ssarrfu fit-tnaqqis mistenni tal-PDG ta’ 7,8 % fl-2020. L-irkupru fl-2021 issa huwa projettat li jkun aktar bil-mod milli kien mistenni qabel u l-marġni kbir tal-potenzjal tal-produzzjoni ta’ madwar -7,0 % tal-PDG potenzjali fl-2020 mhux se jiċkien sa tmiem l-2021. Fir-rigward tal-perspettiva ekonomika, hemm inċertezza konsiderevoli assoċjata mal-iżvilupp tal-pandemija u mal-bidliet fl-imġiba tal-aġenti ekonomiċi. Azzjoni fil-pront fil-livell nazzjonali u tal-Unjoni, inkluż permezz tal-pakkett ta’ NextGenerationEU (NGEU), għenet b’mod deċiżiv biex jiġu kkumpensati xi wħud mill-konsegwenzi negattivi tax-xokk u biex jiġu stabbilizzati s-swieq. Kemm il-konsum privat kif ukoll l-investiment ġew milquta ħażin, u dawn imbagħad affettwaw b’mod negattiv il-prezzijiet u l-pagi. Il-perspettiva tas-suq tax-xogħol ħadet ukoll bidla għall-agħar, u interrompiet seba’ snin ta’ titjib. Madankollu, minħabba l-implimentazzjoni b’suċċess ta’ miżuri ta’ politika ambizzjużi fl-Istati Membri kollha – bħal skemi ta’ xogħol b’ħinijiet iqsar u politiki oħra ta’ appoġġ biex jiġu evitati sensji bil-ġgajtiet u telf kbir ta’ dħul – iż-żieda fil-qgħad ġiet mitigata minn tnaqqis fir-rati ta’ attività hekk kif ħaddiema skoraġġuti ħallew is-suq tax-xogħol flimkien ma’ tnaqqis fis-sigħat totali maħduma.

(2)Il-kriżi tal-COVID-19 qed iżżid id-diverġenzi ekonomiċi fost l-Istati Membri taż-Żona tal-Euro. Diversi fatturi qed jixprunaw dawn id-diverġenzi, fosthom: l-intensità u t-twaqqit tax-xokk inizjali tal-COVID-19; id-daqs relattiv u l-importanza ekonomika tas-setturi b’intensità għolja ta’ kuntatt (pereż. it-turiżmu u s-settur tal-ospitalità) u d-differenzi fl-ispazju fiskali disponibbli. Dawn id-differenzi għandhom impatt fuq il-fiduċja, l-investimenti u l-prospetti ta’ tkabbir kif ukoll fuq id-disparitajiet reġjonali li kienu jeżistu qabel, li madankollu jistgħu jiggravaw. Fuq medda itwal ta’ żmien, il-kriżi attwali tal-COVID-19 għandha r-riskju li tħalli effetti negattivi permanenti fuq it-tkabbir potenzjali u fuq id-differenzi fid-dħul minħabba kapital uman u fiżiku aktar baxx (kemm tanġibbli kif ukoll intanġibbli). Dan jista’ jissarraf fi tkabbir saħansitra aktar baxx fil-produttività tax-xogħol u d-dħul.

(3)Ir-reazzjoni rapida u qawwija mill-Unjoni, inkluż in-NextGenerationEU (NGEU) li jinkludi l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza (Recovery and Resilience Facility, RRF), tat spinta lill-fiduċja fis-suq u wriet li l-Istati Membri huma magħqudin fi sforz ikkoordinat biex jerġa’ jibda t-tkabbir ekonomiku u biex tissaħħaħ ir-reżiljenza ekonomika u soċjali. Kien hemm ukoll qbil immedjat dwar għadd ta’ strumenti ġodda għall-Unjoni u għaż-Żona tal-Euro. Dawn l-istrumenti diġà jipprovdu xibka ta’ sikurezza għall-ħaddiema (permezz tal-Istrument Ewropew għall-Appoġġ Temporanju biex jittaffew ir-Riskji ta’ Qgħad f’Emerġenza - Support to mitigate Unemployment Risks in an Emergency, SURE) 3 , għan-negozji (permezz ta’ skema mill-Bank Ewropew tal-Investiment) u għall-Istati Membri sabiex jiġu stabbilizzati l-ispejjeż għall-finanzjament sovran, inkluż permezz tal-Istrument ta’ Appoġġ fil-Kriżi Pandemika tal-Mekkaniżmu Ewropew ta’ Stabbilizzazzjoni 4 . Ir-reazzjoni tal-politika tal-Unjoni inkludiet wkoll l-attivazzjoni tal-klawżola liberatorja ġenerali tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir, u qafas temporanju biex tintuża l-flessibbiltà offruta skont ir-regoli tal-UE dwar l-għajnuna mill-Istat 5 . Il-fondi tal-politika ta’ koeżjoni ġew diretti mill-ġdid fejn l-aktar kien hemm bżonn permezz tal-Inizjattiva ta’ Investiment fir-Rispons għall-Coronavirus Plus (CRII u CRII+) 6 .

(4)L-implimentazzjoni ta’ politiki mfassla tajjeb fil-kuntest tal-NGEU u l-istrument ewlieni tiegħu, l-RRF, se jappoġġaw lill-Istati Membri biex jibdew riformi li jsaħħu t-tkabbir u jżidu l-livell u l-kwalità tal-investimenti, b’mod konsistenti mal-objettivi ta’ reżiljenza u tat-tranżizzjonijiet doppji ekoloġiċi u diġitali. Dan għandu jgħin biex jinbena l-kapital uman u jiġu appoġġati t-tranżizzjonijiet b’suċċess tax-xogħlijiet tal-ħaddiema, li flimkien mal-fondi tal-politika ta’ koeżjoni, se jkunu essenzjali biex tiġi żgurata l-koeżjoni, titrawwem il-produttività u tissaħħaħ ir-reżiljenza ekonomika u soċjali. L-objettivi tat-tkabbir tal-UE, u l-isfidi strutturali nazzjonali, inklużi dawk identifikati fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi tal-2019 u l-2020, huma fundamentali. L-istrateġija Annwali għat-Tkabbir Sostenibbli (Annual Sustainable Growth Strategy, ASGS 7 ), li tippromwovi dawn l-objettivi, tippreżenta seba’ inizjattivi ewlenin: (1) Spinta ’l quddiem, (2) Rinnovazzjoni, 3) Iċċarġjar u Riforniment, 4) Konnessjoni, 5) Modernizzazzjoni, 6) Espansjoni, 7) Taħriġ mill-ġdid u titjib tal-ħiliet. Dawn l-inizjattivi ewlenin jirrappreżentaw sfidi komuni li jeħtieġu investimenti u riformi kkoordinati. L-Istati Membri jenħtieġ li jidderieġu l-investimenti, jimplimentaw ir-riformi u jintegraw aktar il-ktajjen tal-valur tagħhom f’dawn l-oqsma ewlenin. Ir-Regolament propost dwar il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza jipprevedi, fost l-oħrajn, li l-Pjanijiet għall-Irkupru u Reżiljenza tal-Istati Membri taż-Żona tal-Euro għandhom ikunu konsistenti mal-isfidi u l-prijoritajiet identifikati fir-rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-politika ekonomika taż-Żona tal-Euro. Din il-konsistenza jenħtieġ li titqies fil-valutazzjoni tal-Pjanijiet ta’ Rkupru u Reżiljenza.

(5)Iż-Żona tal-Euro teħtieġ taħlita ta’ politiki li tkun ta’ appoġġ, koordinata, komprensiva u konsistenti, biex jittaffa l-impatt tal-pandemija tal-COVID-19. L-għan huwa li jiġi limitat kwalunkwe impatt negattiv fit-tul fuq is-suq tax-xogħol, biex jitnaqqsu d-diverġenzi ekonomiċi u soċjali sinifikanti, biex jiġu indirizzati l-iżbilanċi u riskji makro rilevanti oħra u, b’mod aktar ġenerali, biex jiġu evitati konsegwenzi negattivi fuq it-tkabbir ekonomiku potenzjali fuq terminu medju. Il-konsistenza reċiproka tat-tliet dimensjonijiet ewlenin fit-taħlita tal-politika taż-Żona tal-Euro – monetarja, fiskali u strutturali – hija essenzjali biex tiġi żgurata pożizzjoni ta’ politika aggregata ta’ appoġġ għaż-Żona tal-Euro.

(6)L-interventi f’waqthom tal-politika monetarja tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) kellhom l-għan li jżommu l-kanali ta’ trażmissjoni monetarja intatti u li jissalvagwardjaw l-istabbiltà tal-prezzijiet fuq terminu medju. Il-BĊE ħabbar xirjiet addizzjonali sostanzjali ta’ assi tas-settur pubbliku u privat, li se jammontaw għal EUR 1 470 biljun fl-ambitu tal-Programm ta’ Xiri tal-Assi (Asset Purchase Programme, APP, EUR 120 biljun sa tmiem l-2020) 8 u tal-Programm ta’ Xiri ta’ Emerġenza fil-każ ta’ Pandemija (Pandemic Emergency Purchase Programme, PEPP, EUR 1 350 biljun sa mill-inqas nofs l-2021) 9 .

(7)Il-pożizzjoni fiskali hija mbassra li tkun ferm espansiva fl-2020 u li tibqa’ ta’ appoġġ fl-2021, kemm fil-livell taż-Żona tal-Euro kif ukoll f’dak nazzjonali. Il-koordinazzjoni tal-politiki fiskali nazzjonali, b’rispett sħiħ tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir hija kruċjali għar-rispons effettiv kontra x-xokk tal-COVID-19 u għall-funzjonament tajjeb tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja (UEM). Fl-20 ta’ Marzu 2020 il-Kummissjoni kkonkludiet li l-ekonomija tal-UE kienet għaddejja minn reċessjoni ekonomika gravi u li l-kundizzjonijiet biex tiġi attivata l-klawżola liberatorja ġenerali tal-Patt ta’ Stabbiltà u ta’ Tkabbir ġiet issodisfata. Din il-konklużjoni ġiet approvata mill-ministri tal-finanzi tal-Istati Membri 10 . L-Istati Membri introduċew miżuri baġitarji mdaqqsa biex irażżnu l-pandemija u jipprovdu appoġġ lil individwi u lin-negozji li kienu partikolarment affettwati, inkluż appoġġ eċċezzjonali ta’ likwidità, prinċipalment permezz ta’ garanziji pprovduti lill-kumpaniji u lill-banek biex jiġi żgurat il-fluss tal-kreditu. Aktar appoġġ fiskali kkoordinat se jiġi pprovdut fil-livell tal-UE, b’mod partikolari permezz tal-RRF.

(8)Ir-riperkussjonijiet ekonomiċi tal-COVID-19 qed ikollhom impatt negattiv kbir fuq il-finanzi pubbliċi. Meta l-kundizzjonijiet tas-saħħa u dawk ekonomiċi jippermettu, l-iffukar mill-ġdid tal-politiki fiskali biex jinkisbu pożizzjonijiet fiskali prudenti fuq terminu medju, inkluż billi gradwalment jitneħħew il-miżuri ta’ appoġġ għall-kumpaniji u ċ-ċittadini, se jikkontribwixxu biex tiġi żgurata s-sostenibbiltà fiskali fuq terminu medju. Dan jenħtieġ li jsir b’tali mod li l-impatt tal-kriżi fuq is-soċjetà u s-suq tax-xogħol jittaffa. Ir-riformi li għandhom l-għan li jtejbu l-istrutturi tal-baġits nazzjonali u li jiżguraw is-sostenibbiltà fiskali fit-tul, anki fid-dawl tat-tibdil fil-klima u l-isfidi tas-saħħa, jidhru partikolarment rilevanti. It-titjib tal-istrutturi tal-baġits nazzjonali, speċjalment permezz ta’ reviżjonijiet tal-infiq u ta’ oqfsa effettivi tal-akkwist pubbliku, jista’ joħloq l-ispazju fiskali tant meħtieġ. Il-prattiki tal-ibbaġitjar ekoloġiku jistgħu jgħinu wkoll biex jiġu indirizzati l-isfidi tal-mitigazzjoni tal-klima u tal-protezzjoni ambjentali. Sistemi tas-saħħa u tal-protezzjoni soċjali adegwati, effiċjenti u inklużivi joffru l-protezzjoni tant meħtieġa lil dawk l-aktar fil-bżonn, għandhom ir-rwol importanti ta’ stabbilizzaturi awtomatiċi u jenħtieġ li jżommu s-sostenibbiltà fiskali. Bl-istess mod, ir-riformi li jsaħħu l-funzjonament tas-swieq tax-xogħol, tal-kapital, tal-prodotti u tas-servizzi – permezz ta’ implimentazzjoni u ta’ sekwenzjar xierqa – iżidu l-produzzjoni potenzjali, filwaqt li jevitaw impatt negattiv fuq id-domanda aggregata fuq żmien qasir.

(9)Il-kriżi tal-COVID-19 qed issaħħaħ l-importanza tar-riformi għal sistemi ta’ dħul pubbliku aktar effiċjenti u ġusti. Billi l-porzjon tat-taxxa fuq ix-xogħol fil-maġġoranza tal-Istati Membri taż-Żona tal-Euro għadu għoli, ir-riformi jinkludu t-trasferiment tal-piż tat-taxxa lejn bażijiet tat-taxxa li huma inqas detrimentali għall-provvista tax-xogħol, il-produttività, l-investiment u t-tkabbir, filwaqt li jitttieħed inkonsiderazzjoni l-impatt distributtiv relatat. Żieda fl-użu tat-tassazzjoni ambjentali u/jew forom oħra ta’ pprezzar tal-esternalitajiet jistgħu jikkontribwixxu għal tkabbir sostenibbli, billi tiġi inċentivata l-imġiba “aktar ekoloġika”. Il-miżuri li jindirizzaw l-ippjanar tat-taxxa aggressiv u l-evitar tat-taxxa, kemm internazzjonalment kif ukoll fl-Unjoni, jistgħu jagħmlu s-sistemi tat-taxxa aktar effiċjenti u ġusti. Barra minn hekk, il-globalizzazzjoni u d-diġitalizzazzjoni tal-ekonomija sseparaw bejn fejn jinħoloq il-valur u fejn jitħallsu t-taxxi. Għaddejja ħidma fil-qafas tal-OECD biex tintlaħaq soluzzjoni bbażata fuq il-kunsens globali biex jiġu indirizzati l-isfidi tat-taxxa li jirriżultaw mid-diġitalizzazzjoni tal-ekonomija.

(10)Ir-riformi inizjali li jindirizzaw l-ostakli għall-investiment u r-restrizzjonijiet min-naħa tal-provvista huma ta’ rilevanza partikolari meta jitqies il-livell għoli ta’ inċertezza li ġab miegħu x-xokk ikkawżat mill-COVID-19 u l-effett detrimentali tiegħu fuq l-investiment. Il-miżuri li jaċċelleraw l-assorbiment tal-fondi tal-UE u l-użu effettiv u effiċjenti tar-riżorsi huma essenzjali, b’mod partikolari fl-Istati Membri li għadhom lura f’dan ir-rigward u fejn il-fondi tal-UE jiffinanzjaw sehem sinifikanti mill-investimenti. Ir-riformi li jnaqqsu l-piż amministrattiv għad-ditti (pereż. id-diġitalizzazzjoni tal-amministrazzjonijiet pubbliċi, inkluż l-identifikazzjoni elettronika, ir-riformi ġudizzjarji) u jipprevjenu l-użu ħażin tal-fondi (pereż. il-korruzzjoni, il-frodi u l-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus 11 ) jistgħu jtejbu l-ambjent tan-negozju u jgħinu biex tingħata spinta lill-investiment, lill-ħolqien tal-impjiegi u tad-ditti.

(11)Il-kriżi tal-COVID-19 wasslet għal telf sostanzjali fid-dħul għal bosta kumpaniji u toħloq riskji għas-solvenza korporattiva fiż-Żona tal-Euro kollha. Oqfsa effettivi ta’ insolvenza għandhom rwol kruċjali fl-appoġġ ta’ ditti vijabbli li jkunu għaddejjin minn problemi temporanji u jiggarantixxu l-ħruġ ordnat mis-suq ta’ ditti mhux vijabbli. It-titjib tal-oqfsa ta’ insolvenza jista’ jgħin ukoll biex tiġi indirizzata ż-żieda probabbli ta’ self improduttiv u biex jinżamm il-kreditu għall-ekonomija billi jiġi ffaċilitat it-tindif tal-karti tal-bilanċ tal-banek u jiġi xprunat l-investiment transfruntier fuq terminu itwal. F’dan il-kuntest, id-Direttiva dwar ir-Ristrutturar u t-Tieni Opportunità (2019/1023) 12 ġiet adottata biex tintroduċi standards minimi fost l-Istati Membri fil-leġiżlazzjoni nazzjonali dwar is-solvenza sabiex jiġi żgurat li oqfsa ta’ ristrutturar preventiv ikunu disponibbli għad-debituri f’diffikultà finanzjarja, biex jiġu pprovduti proċeduri li jwasslu għall-ħelsien mid-djun imġarrba minn imprendituri b’dejn eċċessiv, u biex tiżdied l-effiċjenza tat-tipi kollha ta’ proċeduri ta’ insolvenza. Huwa importanti li wieħed jipproċedi bit-traspożizzjoni u bl-implimentazzjoni tad-direttiva. Fil-pjan ta’ azzjoni tal-Unjoni tas-Swieq Kapitali ta’ Settembru 2020 13 , il-Kummissjoni Ewropea ħabbret li kienet qed taħdem għal armonizzazzjoni minima jew għal aktar konverġenza f’oqsma mmirati lejn l-insolvenza prinċipalment mhux bankarja. Lil hinn minn dan, hemm lok għall-Istati Membri biex jivvalutaw aktar l-effiċjenza u l-effettività tal-oqfsa ta’ insolvenza tagħhom f’konformità mal-aħjar prattiki internazzjonali u biex jindirizzaw in-nuqqasijiet li fadal 14 .

(12)L-approfondiment ulterjuri tas-suq uniku fil-prodotti u s-servizzi, u l-adattament taż-Żona tal-Euro għall-era diġitali, jistgħu jkunu l-ixprun ewlieni tat-tkabbir, tal-konverġenza u tar-reżiljenza. Il-munita komuni u s-suq uniku ilhom jaħdmu flimkien biex joħolqu kundizzjonijiet aħjar għall-istabbilizzazzjoni ekonomika u għat-tkabbir fit-tul. Il-kriżi tal-COVID-19 tat spinta lill-użu tal-għodod diġitali, enfasizzat l-importanza tas-suq uniku diġitali u aċċellerat l-użu ta’ metodi ta’ ħlas diġitali u mingħajr il-flus kontanti. Madankollu s-suq uniku għadu mhux komplut, speċjalment fil-qasam tas-servizzi, u b’mod aktar speċifiku fin-negozju tal-bejgħ bl-imnut u s-servizzi professjonali. Is-suq uniku għandu l-potenzjal li jillimita r-riġiditajiet tal-prezzijiet li jfixklu kemm il-mekkaniżmu ta’ trażmissjoni tal-politika monetarja kif ukoll ir-reżiljenza ekonomika. Is-suq uniku jgħin fil-mobbiltà tal-fatturi tal-produzzjoni, u jippermetti li s-setturi, r-reġjuni u l-Istati Membri jnaqqsu l-ispejjeż ekonomiċi (pereż. il-qgħad) b’rispons għax-xokk tal-kriżi. Biex fis-suq uniku jkun hemm aktar integrazzjoni għall-oġġetti u s-servizzi, jeħtieġ li jitneħħew ir-restrizzjonijiet kollha mhux meħtieġa li fadal, jissaħħu l-mekkaniżmi ta’ sorveljanza tas-suq u jittieħdu miżuri biex tiġi ggarantita l-kapaċità amministrattiva biex jintlaħqu dawn l-objettivi.

(13)Ir-riformi u l-investiment li jtejbu l-integrazzjoni u t-tranżizzjonijiet fis-suq tax-xogħol, b’attenzjoni partikolari għall-impjiegi diġitali u ekoloġiċi, huma essenzjali biex tiżdied ir-reżiljenza ekonomika u soċjali u jiġi appoġġat l-irkupru. Il-miżuri immedjati nazzjonali u tal-Unjoni kontra l-kriżi llimitaw l-impatt ekonomiku u soċjali negattiv fuq il-ħaddiema. Fl-istess ħin, għadd ta’ riformi li ilhom għaddejjin issa saru saħansitra aktar urġenti: il-politiki attivi effettivi tas-suq tax-xogħol, inkluż l-appoġġ individwalizzat, it-titjib tal-kwalità u tal-inklużività tas-sistemi tal-edukazzjoni u t-taħriġ biex jissaħħu l-eżiti edukattivi minn età bikrija, il-miżuri b’saħħithom ta’ taħriġ mill-ġdid u ta’ titjib tal-ħiliet kif ukoll l-investiment fl-edukazzjoni u t-taħriġ għall-adulti u l-investiment fi pjattaformi tat-tagħlim online, l-indirizzar tan-nuqqas ta’ ħiliet, iż-żieda fil-prospetti ta’ impjieg tal-aktar segmenti vulnerabbli tal-popolazzjoni attiva, inklużi ż-żgħażagħ u l-persuni qiegħda fit-tul, kif ukoll l-eliminazzjoni tad-disparità bejn is-sessi. It-trawwim tal-ħolqien tal-impjiegi ta’ kwalità u t-titjib tal-kundizzjonijiet tax-xogħol, b’mod partikolari billi jiġu żgurati pagi minimi adegwati u tiġi indirizzata s-segmentazzjoni tas-suq tax-xogħol, huma essenzjali biex jiġi appoġġat irkupru sostenibbli u inklużiv. Id-djalogu soċjali u n-negozjar kollettiv għandhom rwol importanti fit-tfassil u fl-implimentazzjoni b’suċċess tal-politiki.

(14)L-aċċess għal sistemi tas-saħħa u tal-protezzjoni soċjali adegwati, inklużivi u sostenibbli, li fil-kriżi jiffunzjonaw bħala stabbilizzaturi awtomatiċi, huwa importanti għar-reżiljenza ekonomika u soċjali. Dawn is-sistemi jgħinu biex jinżammu standards ta’ għajxien deċenti u popolazzjoni f’saħħa tajba, li huma fundamentali għal ekonomija tax-xogħol produttiva, tul iċ-ċiklu ekonomiku kollu. L-investimenti li jappoġġaw ir-riformi tas-saħħa u s-sistemi tas-saħħa reżiljenti jeħtieġ li jibqgħu prijorità għall-Istati Membri. L-implimentazzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali 15 hija essenzjali biex il-politiki jkollhom gwida. Quddiem il-kriżi, il-ħtieġa li tiġi żgurata protezzjoni soċjali adegwata li tkopri lil kulħadd, kemm f’termini ta’ kura tas-saħħa ta’ kwalità u fit-tul kif ukoll f’termini ta’ sostituzzjoni tal-introjtu għall-ħaddiema kollha, inklużi dawk b’kuntratti atipiċi u dawk li jaħdmu għal rashom, saret saħansitra aktar importanti. Ħafna Stati Membri adottaw appoġġ għall-introjtu temporanju u miżuri ta’ assistenza soċjali favur gruppi vulnerabbli bi dħul baxx ħafna u ħaddiema li mhumiex intitolati għall-benefiċċji tal-qgħad. Ittieħdu miżuri fir-rigward ta’ benefiċċji, kundizzjonijiet ta’ eliġibbiltà u servizzi in natura addizzjonali. Hemm bżonn li jissaħħu l-adegwatezza u l-kopertura tas-sistemi ta’ protezzjoni soċjali, sabiex jiġu żgurati s-sostenibbiltà fit-tul tal-finanzi pubbliċi u l-ġustizzja interġenerazzjonali.

(15)Inkiseb progress sinifikanti f’dawn l-aħħar snin, iżda r-riperkussjonijiet ekonomiċi tal-pandemija tefgħu pressjoni ġdida fuq is-settur finanzjarju. Il-banek taż-Żona tal-Euro ffaċċaw il-kriżi attwali b’kapaċitajiet ta’ assorbiment tat-telf aktar b’saħħithom apparagun ta’ qabel il-bidu tal-kriżi finanzjarja dinjija. Flimkien mal-miżuri ta’ politika monetarja u fiskali, dan evita li l-kundizzjonijiet tal-finanzjament tas-suq jiġu ssikkati, wara l-fażi inizjali tal-kriżi, u żgura li jitkompla l-għoti ta’ kreditu lis-settur privat. Il-kriżi x’aktarx li titfa’ aktar pressjoni fuq il-livelli diġà baxxi ta’ profittabbiltà tal-banek u l-proporzjonijiet tas-self improduttiv, kif ukoll fuq is-settur finanzjarju mhux bankarju, li esperjenza flussi ta’ ħruġ u telf fil-valutazzjoni li ġew irkuprati biss parzjalment. Dan jista’ jfixkel l-għoti ta’ kreditu, li huwa essenzjali għall-irkupru. L-interventi b’ħeffa u mdaqqsa ta’ politika appoġġaw il-fiduċja u għenu biex tiġi ppreservata l-istabbiltà makrofinanzjarja. Biex jittaffew ir-riskji huwa importanti li jinqata’ ċ-ċirku vizzjuż bejn il-vulnerabbiltajiet tas-settur korporattiv u r-riskji tas-settur finanzjarju u li jiġu indirizzati d-dgħufijiet strutturali sabiex tissaħħaħ il-profittabbiltà. L-iskemi ta’ garanzija fuq is-self tal-gvern jgħinu biex jipproteġu lill-kumpaniji u lis-settur bankarju, iżda jikkostitwixxu wkoll obbligazzjonijiet kontinġenti għall-baġits tal-Istati Membri. Fin-nuqqas ta’ sistema effettiva li tiddistingwi negozji vijabbli minn dawk li mhumiex vijabbli, l-estensjoni tal-moratorji tal-insolvenza u t-tolleranza tas-self improduttiv jinvolvu deċiżjonijiet diffiċli billi jistgħu jwasslu għall-allokazzjoni ħażina ta’ fondi u jżidu eventwalment it-telf permezz ta’ falliment.

(16)It-tlestija tal-istruttura tal-UEM tibqa’ essenzjali. L-indirizzar tal-lakuni li fadal jista’ jkompli jżid l-istabbiltà u r-reżiljenza taż-Żona tal-Euro u jsaħħaħ ir-rwol internazzjonali tal-euro, li baqa’ ġeneralment stabbli f’dawn l-aħħar snin. Apparti l-funzjoni tiegħu ta’ stabbilizzazzjoni fuq terminu qasir u r-rwol tiegħu fl-appoġġ tal-irkupru, in-NextGenerationEU għandu l-potenzjal li jħalli impatt fit-tul fuq l-UEM. Iż-żieda ta’ reżiljenza taż-Żona tal-Euro għal xokkijiet futuri billi jinħareġ ukoll ammont imdaqqas ta’ dejn iddenominat f’euro, inklużi l-bonds ekoloġiċi u soċjali, se jżid il-profondità u l-likwidità fis-suq għal titoli ta’ dejn iddenominati f’euro ta’ kwalità għolja, u b’dan il-mod l-euro jista’ jissaħħaħ bħala munita ta’ riżerva internazzjonali. Madankollu, għad hemm elementi importanti nieqsa fl-UEM, bħal Unjoni Bankarja kompluta u Unjoni tas-Swieq Kapitali. It-tisħiħ tal-Unjoni Bankarja jibqa’ kruċjali sabiex tiġi żgurata l-istabbiltà finanzjarja, titnaqqas il-frammentazzjoni finanzjarja u jiġi protett is-self lill-ekonomija fi żminijiet ta’ kriżi. It-tlestija tal-ħidma fuq il-pakkett ta’ riformi tal-MES huwa prijorità, inkluża l-introduzzjoni ta’ garanzija ta’ kontinġenza fiskali għall-Fond Uniku ta’ Riżoluzzjoni. Din il-garanzija ta’ kontinġenza fiskali jenħtieġ li tkun operazzjonali u antiċipata, dment li jkun sar biżżejjed progress fit-tnaqqis tar-riskju. Jenħtieġ li jkun hemm aktar ħidma fuq soluzzjonijiet biex jingħelbu l-limitazzjonijiet fl-istruttura attwali għall-forniment ta’ likwidità f’riżoluzzjoni. It-tlestija tal-Unjoni tas-Swieq Kapitali hija l-prijorità ewlenija, kif muri mill-pjan ta’ azzjoni l-ġdid ta’ Settembru 2020. UEM b’saħħitha u reżiljenti se tkun importanti wkoll biex jissaħħaħ ir-rwol internazzjonali tal-euro u tiġi żgurata l-awtonomija ekonomika u finanzjarja tal-Unjoni li dwarha l-Kummissjoni se tippreżenta komunikazzjoni, b’rispett sħiħ għas-suq intern tal-Unjoni u b’mod miftuħ u trasparenti ma’ Stati Membri li mhumiex fiż-Żona tal-Euro.

B’DAN JIRRAKKOMANDA li l-Istati Membri taż-Żona tal-Euro jieħdu azzjoni, individwalment, inkluż permezz tal-Pjanijiet għall-Irkupru u r-Reżiljenza tagħhom, u kollettivament fil-Grupp tal-Euro fil-perijodu 2021-2022:

1.Biex tiġi żgurata pożizzjoni ta’ politika li tappoġġa l-irkupru

Minħabba li għad hemm l-emerġenza tas-saħħa, il-politiki fiskali jenħtieġ li jibqgħu jagħtu appoġġ fl-Istati Membri kollha taż-Żona tal-Euro matul l-2021.

Il-miżuri ta’ politika jenħtieġ li jitfasslu skont iċ-ċirkostanzi speċifiċi għall-pajjiż, u jkunu f’waqthom, temporanji u mmirati. Hekk kif ir-riskji negattivi jkomplu jseħħu, l-Istati Membri jenħtieġ li jkomplu jikkoordinaw l-azzjonijiet biex jindirizzaw b’mod effettiv il-pandemija, isostnu l-ekonomija u jappoġġaw l-irkupru sostenibbli.

Meta l-kundizzjonijiet epidemjoloġiċi u ekonomiċi jippermettu, ineħħu gradwalment il-miżuri ta’ appoġġ għad-ditti u ċ-ċittadini b’mod li jittaffa l-impatt tal-kriżi mil-lat soċjali u tas-suq tax-xogħol, u jsegwu politiki fiskali mmirati biex jinkisbu pożizzjonijiet fiskali prudenti fuq terminu medju u tiġi żgurata s-sostenibbiltà tad-dejn, filwaqt li jissaħħaħ l-investiment.

L-Istati Membri jenħtieġ li jsegwu riformi li jsaħħu l-kopertura, l-adegwatezza, u s-sostenibbiltà tas-sistemi tas-saħħa u tal-protezzjoni soċjali.

L-Istati Membri jenħtieġ li jagħtu attenzjoni partikolari lill-kwalità tal-miżuri baġitarji. Itejbu l-ġestjoni finanzjarja pubblika, inkluż b’mod partikolari l-investiment u l-ibbaġitjar ekoloġiku kif ukoll l-oqfsa tal-akkwist pubbliku. Jużaw ir-reviżjonijiet tal-infiq biex in-nefqa pubblika tkun iffukata aħjar fuq il-ħtiġijiet ta’ rkupru u ta’ reżiljenza.

2.Biex jittejbu aktar il-konverġenza, ir-reżiljenza u t-tkabbir sostenibbli u inklużiv

Jimmitigaw ir-riskju ta’ aktar diverġenza u jtejbu r-reżiljenza ekonomika u soċjali fiż-Żona tal-Euro billi jimplimentaw riformi li jsaħħu l-produttività u l-impjiegi, jiżguraw allokazzjoni bla xkiel tar-riżorsi u jtejbu l-funzjonament tas-swieq u tal-amministrazzjoni pubblika, u billi jżidu l-livell ta’ investiment pubbliku u privat biex jappoġġaw l-irkupru konsistenti ma’ tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali ġusti u inklużivi.

Jintegraw aktar is-suq uniku, inkluż dak diġitali, għall-oġġetti u s-servizzi billi jneħħu r-restrizzjonijiet bla bżonn, itejbu s-sorveljanza tas-suq u jiggarantixxu biżżejjed kapaċità amministrattiva.

Jiżguraw politiki attivi effettivi tas-suq tax-xogħol u appoġġ għat-tranżizzjonijiet tal-impjiegi, b’mod partikolari lejn ekonomija ekoloġika u diġitali. Irawmu kundizzjonijiet tax-xogħol ġusti u jindirizzaw is-segmentazzjoni tas-suq tax-xogħol. Jiżguraw l-involviment effettiv tas-sħab soċjali fit-tfassil tal-politika, isaħħu d-djalogu soċjali u n-negozjar kollettiv. Isaħħu l-edukazzjoni inklużiva u s-sistemi ta’ taħriġ u l-investiment biex jittejbu l-ħiliet, filwaqt li jiġi indirizzat in-nuqqas ta’ ħiliet.

Ikomplu jaħdmu fuq soluzzjoni globali bbażata fuq il-kunsens biex jiġu indirizzati l-isfidi tat-taxxa li jirriżultaw mid-diġitalizzazzjoni tal-ekonomija fil-qafas tal-OECD, u jkunu lesti li jimxu ’l quddiem b’azzjoni fil-livell tal-UE sa Ġunju 2021. Jagħmlu aktar progress fil-ġlieda kontra l-Ippjanar Aggressiv tat-Taxxa, inaqqsu l-porzjon tat-taxxa u jappoġġaw bidla fit-tassazzjoni lejn l-ipprezzar tal-karbonju u t-tassazzjoni ambjentali.

3.Biex jissaħħu l-oqfsa istituzzjonali nazzjonali

Isegwu u jniedu riformi li jindirizzaw l-ostakli għall-investimenti u jiżguraw l-użu effiċjenti u f’waqtu tal-fondi tal-UE, inkluż tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza. Isaħħu l-effettività u d-diġitalizzazzjoni tal-amministrazzjoni pubblika, inklużi s-sistemi tal-ġustizzja u tas-saħħa, kif ukoll tas-servizzi pubbliċi tal-impjiegi. Inaqqsu l-piż amministrattiv għall-kumpaniji u jtejbu l-ambjent tan-negozju. Jistabbilixxu oqfsa effettivi għall-ġlieda kontra l-frodi, il-korruzzjoni u l-ħasil tal-flus.

Jippromwovu azzjonijiet konkreti biex iżidu l-effiċjenza, l-effettività u l-proporzjonalità tal-oqfsa ta’ insolvenza, biex jiġu eliminati l-iskoperturi improduttivi u tiġi żgurata allokazzjoni effiċjenti tal-kapital.

4.Biex tiġi żgurata l-istabbiltà makrofinanzjarja

Iżommu sakemm ikun meħtieġ il-kanali ta’ kreditu għall-ekonomija u l-miżuri biex jiġu appoġġati l-kumpaniji vijabbli matul l-emerġenza għall-kriżi bla preċedent.

Iżommu l-karti tal-bilanċ tas-settur bankarju b’saħħithom, anki billi jkomplu jindirizzaw is-self improduttiv, b’mod partikolari permezz tal-iżvilupp ta’ swieq sekondarji għas-self improduttiv.

5.Biex titlesta l-UEM u jissaħħaħ ir-rwol internazzjonali tal-euro

Jagħmlu progress biex japprofondixxu l-Unjoni Ekonomika u Monetarja biex tiżdied ir-reżiljenza taż-Żona tal-Euro billi titlesta l-Unjoni Bankarja u l-Unjoni tas-Swieq Kapitali, u permezz ta’ inizjattivi li jimplimentaw il-finanzi diġitali, il-finanzi tal-bejgħ bl-imnut u l-politiki ta’ finanzjament sostenibbli.

Iżidu l-effiċjenza, il-proporzjonalità u l-koerenza ġenerali fil-qafas tal-ġestjoni tal-kriżi bankarja u tal-assigurazzjoni tad-depożitanti, inklużi xbieki ta’ sikurezza b’saħħithom tal-Unjoni Bankarja bħala prijoritajiet għal terminu qasir.

Il-progress f’dawn l-oqsma se jikkontribwixxi biex jissaħħaħ ir-rwol internazzjonali tal-euro u jiġu promossi aħjar l-interessi ekonomiċi tal-Ewropa fid-dinja, filwaqt li jiġi rrispettat bis-sħiħ is-suq intern tal-Unjoni.

Magħmul fi Brussell,

               Għall-Kunsill

               Il-President.

(1)    ĠU L 209, 2.8.1997, p. 1.
(2)    ĠU L 306, 23.11.2011, p. 25.
(3)    ĠU L 159, 20.5.2020, p. 1-7
(4)     https://www.consilium.europa.eu/media/44011/20200508-pcs-term-sheet-final.pdf  
(5)    ĠU C 91I, 20.3.2020, p. 1-9, ĠU C 112I, 4.4.2020, p. 1-9, ĠU C 164, 13.5.2020, p. 3-15, ĠU C 218, 2.7.2020, p. 3-8.
(6)    ĠU L 99, 31.3.2020, p. 5-8.
(7)    COM/2020/575 final
(8)    ĠU L 157, 15.6.2016, p. 28-32.
(9)    ĠU L 91, 25.3.2020, p. 1-4.
(10)     https://www.consilium.europa.eu/mt/press/press-releases/2020/03/23/statement-of-eu-ministers-of-finance-on-the-stability-and-growth-pact-in-light-of-the-covid-19-crisis/  
(11)    Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni COM (2019) 360 final lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill tal-24 ta’ Lulju 2019, fit-triq lejn implimentazzjoni aħjar tal-qafas tal-UE dwar il-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u kontra l-finanzjament tat-terroriżmu.
(12)    ĠU L 172, 26.6.2019, p.18-55.
(13)    COM(2020) 590 final.
(14)    Il-Grupp tal-Euro identifika għadd ta’ prinċipji li jikludu l-identifikazzjoni bikrija ta’ diffikultà fid-dejn u d-disponibbiltà ta’ proċeduri ta’ ristrutturar bikri. See https://www.consilium.europa.eu/mt/meetings/eurogroup/2016/04/22/
(15)    Il-Proklamazzjoni Interistituzzjonali dwar il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, ĠU C 428, 13.12.2017, p.10-15.
Top