Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52020DC0675

    RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL dwar l-eżerċizzju tas-setgħa li tadotta atti delegati mogħtija lill-Kummissjoni skont id-Direttiva 2014/68/UE tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill tal-15 ta' Mejju 2014 dwar l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri relatati mat-tqegħid fis-suq ta’ apparat ta’ pressjoni

    COM/2020/675 final

    Brussell, 29.10.2020

    COM(2020) 675 final

    RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

    dwar l-eżerċizzju tas-setgħa li tadotta atti delegati mogħtija lill-Kummissjoni skont id-Direttiva 2014/68/UE tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill tal-15 ta' Mejju 2014 dwar l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri relatati mat-tqegħid fis-suq ta’ apparat ta’ pressjoni


    INTRODUZZJONI

    Id-Direttiva 2014/68/UE 1 tistabbilixxi r-rekwiżiti dwar il-valutazzjoni tal-konformità, il-manifattura u d-disinn tal-apparat u l-assemblaġġi tal-pressjoni b’pressjoni massima permessa PS ogħla minn 0,5 bar. L-Artikolu 45 tad-Direttiva jagħti s-setgħa lill-Kummissjoni tadotta atti sabiex:

    -tagħmel oġġett jew familja ta’ apparat ta’ pressjoni msemmi fl-Artikolu 4(3) li huwa ddisinjat u manifatturat skont il-prattika t-tajba tal-inġinerija ta’ Stat Membru soġġetta għar-rekwiżiti ta’ sikurezza essenzjali stabbiliti fl-Anness I tad-Direttiva kif indikat fl-Artikolu 4(1) tad-Direttiva;

    -tagħmel assemblaġġ jew familja ta’ assemblaġġi msemmija fl-Artikolu 4(3) li huma ddisinjati u manifatturati skont il-prattika t-tajba tal-inġinerija ta’ Stat Membru soġġetta għar-rekwiżiti stabbiliti fl-Anness I tad-Direttiva kif indikat fl-Artikolu 4(2) tad-Direttiva;

    -tikklassifika oġġett jew familja ta’ apparat ta’ pressjoni permezz ta’ deroga mir-rekwiżiti tal-Anness II tad-Direttiva, f’kategorija oħra.

    BAŻI ĠURIDIKA

    Dan ir-rapport huwa meħtieġ skont l-Artikolu 46(2) tad-Direttiva 2014/68/UE. Skont dik id-dispożizzjoni, is-setgħa li tadotta atti delegati hija kkonferita lill-Kummissjoni għal perjodu ta’ tliet snin mill-1 ta’ Ġunju u l-Kummissjoni hija rikjesta tħejji rapport li jirrigwarda d-delegazzjoni ta’ dik is-setgħa.

    EŻEĊIZZJU TAD-DELEGA

    Mid-dħul fis-seħħ tad-Direttiva 2014/68/UE, il-Kummissjoni ma għamlitx użu mis-setgħa li tadotta atti delegati.

    Madankollu, ir-raġunijiet, li wasslu lill-koleġiżlaturi biex jiddelegaw is-setgħa li tadotta atti delegati lill-Kummissjoni, għadhom validi u l-Kummissjoni jista’ tabilħaqq ikollha bżonn tagħmel użu mis-setgħa fil-futur. Pereżempju, l-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq tal-Istati Membri perjodikament jirrapportaw tħassib dwar is-sikurezza ta’ xi prodotti ġodda mqiegħda fis-suq. Il-klassifikazzjoni mill-ġdid ta’ prodotti bħal dawn tista’ għalhekk tkun meħtieġa, biex dawn ikunu soġġetti għal rekwiżiti aktar stretti. Għalhekk, il-Kummissjoni tista’ tagħmel użu mill-għoti tas-setgħa fir-rigward ta’ tali prodotti.

    KONKLUŻJONI

    Il-Kummissjoni temmen li d-delega tas-setgħa biex jiġu adottati l-atti delegati deskritti fl-Artikoli 45 u 46 tad-Direttiva 2014/68/UE għandha tiġi estiża. L-Artikolu 46(2) tad-Direttiva jipprevedi li d-delega tas-setgħa għandha tiġi estiża awtomatikament għal perjodi tal-istess tul ta’ żmien, sakemm il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill ma joġġezzjonawx għat-tali estensjoni sa mhux aktar tard minn tliet xhur qabel ma jintemm kull perjodu.

    (1)

    Id-Direttiva 2014/68/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Mejju 2014 dwar l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri relatati mat-tqegħid fis-suq ta' apparat ta' pressjoni (ĠU L 189, 27.6.2014, p. 164-259).

    Top