EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52020DC0575

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-BANK ĊENTRALI EWROPEW, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW, LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI U LILL-BANK EWROPEW TAL-INVESTIMENT L-Istrateġija Annwali għat-Tkabbir Sostenibbli tal-2021

COM/2020/575 final

Brussell, 17.9.2020

COM(2020) 575 final

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI

L-Istrateġija Annwali għat-Tkabbir Sostenibbli tal-2021


I.Introduzzjoni

Il-pandemija tal-COVID-19 tefgħet lid-dinja f’riċessjoni għal għarrieda u profonda. Minkejja r-rispons b’saħħtu, ikkoordinat u innovattiv fil-livelli nazzjonali u tal-UE għad fadal ħafna inċertezzi; partikolarment kemm se ddum din il-kriżi u kif se taffettwa eżatt il-ħajjiet u l-ekonomiji tagħna. Hemm bżonn li nipproteġu liċ-ċittadini Ewropej, saħħithom u l-impjiegi tagħhom filwaqt li niżguraw il-ġustizzja, ir-reżiljenza u l-istabbiltà makroekonomika fl-Unjoni tagħna. Filwaqt li l-pandemija laqtet lill-Istati Membri kollha, l-iskala tal-impatt kif ukoll il-pass u s-saħħa tal-irkupru se jvarjaw b’mod sinifikanti bejn ir-reġjuni.

It-Tbassir Ekonomiku tas-sajf tal-2020 ipproġetta li l-ekonomija taż-żona euro se tiċkien bi 8,7 % fl-2020 u tirkupra b’6,1 % fl-2021, filwaqt li l-ekonomija tal-UE mistennija tiċkien bi 8,3 % fl-2020 u tikber b’5,8 % fl-2021 1 . L-impjiegi wkoll naqsu aktar minn qatt qabel fit-tieni trimestru, anki jekk b’mod ħafna inqas qawwi mill-prodott domestiku gross, li minn naħa waħda huwa dovut għall-appoġġ bla preċedent mogħti fl-Istati Membri u fl-UE permezz tal-istrument il-ġdid SURE 2 , u min-naħa l-oħra għall-flessibbiltà bla preċedent fl-użu tal-fondi tal-politika ta’ koeżjoni fil-qafas tal-Inizjattiva ta’ Investiment fir-Rispons għall-Coronavirus 3 . Il-perspettiva ekonomika tiddependi b’mod kruċjali fuq l-evoluzzjoni tal-pandemija u r-restrizzjonijiet fl-attività ekonomika biex din titrażżan. L-appoġġ politiku fil-livell nazzjonali u tal-UE se jkun kruċjali għall-irkupru. F’dan il-kuntest, il-prospetti tat-tkabbir u tal-impjiegi huma mistennija jirċievu stimolu pożittiv mill-ftehim tal-Kunsill Ewropew li ntlaħaq fil-21 ta’ Lulju 2020 dwar il-qafas finanzjarju pluriennali li jmiss u n-“Next Generation EU”. Issa hemm bżonn li fil-livell tal-Unjoni u tal-Istati Membri nagħmlu l-aħjar użu minn dan il-ftehim storiku.

Ir-rispons tal-Unjoni kien deċiżiv. Bħalissa qed isiru negozjati bejn il-Parlament Ewropew u l-Kunsill dwar il-Qafas Finanzjarju Pluriennali li jmiss u l-istrument Next Generation EU biex tiġi ffinalizzata b’mod urġenti l-ħidma fuq l-atti legali kollha. Din il-ħidma trid tkun lesta sal-1 ta’ Jannar 2021 sabiex il-programmi jkunu operazzjonali fil-ħin. Il-mobilizzazzjoni sħiħa tas-setgħa tal-baġit tal-UE hija essenzjali għal irkupru rapidu u sostenibbli. B’mod kruċjali, ladarba tiġi adottata mill-Kunsill, id-Deċiżjoni dwar ir-Riżorsi Proprji se jkollha tiġi approvata mill-Istati Membri kollha f’konformità mar-rekwiżiti kostituzzjonali rispettivi tagħhom qabel ma l-Kummissjoni tkun tista’ tibda tissellef finanzjament mis-suq biex tiffinanzja l-programmi tan-Next Generation EU. L-introduzzjoni rapida tan-Next Generation EU b’hekk tiddependi b’mod kruċjali fuq din l-approvazzjoni f’waqtha.

Il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza se tkun waħda mill-għodod ewlenin għall-irkupru, b’self u għotjiet bla preċedent ta’ EUR 672,5 biljun f’appoġġ finanzjarju li jingħata minn qabel fl-ewwel snin kruċjali tal-irkupru. Fil-pjanijiet għall-irkupru u r-reżiljenza tagħhom l-Istati Membri se jinkludu l-aġenda nazzjonali tagħhom ta’ riformi u investimenti mfassla f’konformità mal-objettivi ta’ politika tal-UE, iċċentrati fuq it-tranżizzjoni ekoloġika u diġitali. Il-Faċilità se ssostni l-isforzi tal-Istati Membri biex isaħħu effettivament ir-reżiljenza ekonomika u soċjali tagħhom u b’hekk il-potenzjal tat-tkabbir tal-ekonomiji tagħhom u l-ħolqien tal-impjiegi, bir-riżultat li jiġu appoġġati l-objettivi tal-UE.

Il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza hija s-simbolu tad-determinazzjoni tal-UE li tindirizza l-isfidi tagħha b’approċċ konġunt. Il-preservazzjoni tal-funzjonament tas-Suq Uniku kienet kruċjali biex jingħata bidu għall-irkupru kif ukoll biex tiġi żgurata kompetizzjoni ġusta u għall-prevenzjoni ta’ tfixkil fil-ktajjen tal-valur transfruntiera u fil-moviment liberu tal-ħaddiema u tal-oġġetti. Hija tippromwovi l-konverġenza f’livelli ogħla tal-istandards tal-għajxien u tipprevjeni d-distorsjoni ta’ kundizzjonijiet ekonomiċi ekwi. L-implimentazzjoni effettiva tan-Next Generation EU tista’ twassal għal 2 % ta’ prodott domestiku gross addizzjonali sal-2024 u toħloq żewġ miljun impjieg, fosthom bl-aċċellerazzjoni tat-tranżizzjoni ekoloġika u diġitali 4 . Maż-żmien, dan it-tkabbir addizzjonali huwa stmat li jwassal biex il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza tiffinanzja lilha nfisha permezz ta’ attività addizzjonali u dħul addizzjonali mit-taxxa ġġenerat għall-Istati Membri u l-UE.

Dawn il-miżuri ta’ politika tal-UE jridu jiġu implimentati malajr kemm jista’ jkun. Filwaqt li l-ftehim dwar il-pakkett tal-irkupru jgħin biex inaqqas l-inċertezza, fis-snin li ġejjin hija kruċjali implimentazzjoni effettiva biex jiġi sostnut l-irkupru. Il-prijorità immedjata hija li l-Unjoni taħdem mal-Istati Membri biex tiżgura progress deċiżiv fit-tfassil tal-prijoritajiet korretti ta’ riforma u investiment skont l-objettivi Ewropej, u mbagħad tiżgura l-implimentazzjoni effettiva tagħhom.

II.Il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza: it-twettiq tal-objettiv tal-UE ta’ sostenibbiltà kompetittiva

Il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza hija msejsa fuq l-għan tal-UE li tikseb sostenibbiltà kompetittiva u koeżjoni permezz ta’ strateġija ġdida għat-tkabbir, il-Patt Ekoloġiku Ewropew. Il-bidla lejn mudell ekonomiku sostenibbli u inklużiv, li ssir possibbli permezz ta’ diffużjoni u adozzjoni usa’ ta’ teknoloġiji diġitali u nodfa, tista’ twassal biex l-Ewropa tkun mexxejja trasformattiva. Iktar milli timmarka devjazzjoni mill-aġenda ta’ qabel il-COVID-19, il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza għandha tħaffef l-azzjoni biex tindirizza l-isfidi preeżistenti waqt li tevita kwalunkwe xkiel ġdid marbut mal-kriżi. L-erba’ dimensjonijiet tas-sostenibbiltà ambjentali, il-produttività, il-ġustizzja u l-istabbiltà makroekonomika identifikati fl-Istrateġija Annwali għat-Tkabbir Sostenibbli tal-2020 għandhom jibqgħu l-prinċipji gwida li jirfdu l-pjanijiet ta’ rkupru u reżiljenza tal-Istati Membri. Dawn il-prijoritajiet jinsabu fil-qalba tas-Semestru Ewropew u jiżguraw li l-aġenda l-ġdida għat-tkabbir toħloq l-aħjar kundizzjonijiet għan-nies u għall-pjaneta.

Is-sostenibbiltà kompetittiva u r-reżiljenza huma żewġ naħat tal-istess munita; dan ġie enfasizzat mill-kriżi tal-COVID-19. Ir-reżiljenza tirreferi għall-abbiltà li wieħed mhux biss jirreżisti u jlaħħaq mal-isfidi, imma barra minn hekk iwettaq tranżizzjonijiet b’mod sostenibbli, ġust u demokratiku 5 . Il-pajjiżi tal-UE kif ukoll is-setturi inqas reżiljenti sabuha ħafna aktar diffiċli biex jegħlbu u jirrispondu għall-kriżi. Mingħajr rispons adegwat dan jaffettwa l-eżiti ekonomiċi u soċjali tagħhom fis-snin u fid-deċennji li ġejjin. Id-differenzi fir-reżiljenza fl-UE għandhom ukoll effett fuq il-koeżjoni soċjali, ekonomika u territorjali kif ukoll fuq il-konverġenza taż-żona euro u fuq l-effettività tal-politika monetarja unika. Billi tipprovdi appoġġ finanzjarju fuq skala kbira għall-investimenti u r-riformi pubbliċi, waqt li jiġu mrawma l-koeżjoni u l-konverġenza, il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza tagħmel l-ekonomiji u s-soċjetajiet tal-Istati Membri aktar reżiljenti u tippreparahom aħjar għall-futur. Hemm ukoll il-ħtieġa li tissaħħaħ ir-reżiljenza ta’ wħud mill-ktajjen ta’ provvista kritiċi, speċjalment għas-setturi l-aktar esposti għal xokkijiet esterni.

Il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza tgħin biex tissewwa l-ħsara mill-kriżi u se tħejji futur aħjar għall-ġenerazzjonijiet li jmiss. Id-dejn ogħla ġġenerat issa huwa veikolu immedjat biex jiġu indirizzati l-isfidi li jiffaċċjaw il-ġenerazzjonijiet futuri. L-investiment enormi meħtieġ biex tingħata spinta lill-ekonomija jrid itaffi l-piż minn fuq daharhom u mhux iżidu. Minħabba f’hekk il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza trid tiggwida u tibni Ewropa aktar sostenibbli, reżiljenti u aktar ġusta għall-ġenerazzjoni li jmiss skont l-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli tan-Nazzjonijiet Uniti.

L-indirizzar tal-kriżi klimatika u ambjentali huwa l-isfida li tiddefinixxi żmienna u huwa opportunità biex l-ekonomiji tagħna jerġgħu jibdew jaħdmu - b’mod sostenibbli. Dan jirrikjedi azzjoni urġenti u sostnuta mill-atturi kollha fis-soċjetà biex jiġu ppreservati s-saħħa, il-prosperità u l-benesseri tan-nies fl-Ewropa u madwar id-dinja kollha. Il-Patt Ekoloġiku Ewropew huwa l-impenn politiku tagħna u r-rispons tagħna għal din l-isfida. Barra minn hekk huwa l-istrateġija tat-tkabbir tal-Ewropa, bil-għan li tittrasforma l-UE f’soċjetà ġusta u prospera b’ekonomija effiċjenti fir-riżorsi u kompetittiva. Ir-rispons ekonomiku għall-kriżi tal-COVID-19 joffri opportunità unika biex titħaffef it-tranżizzjoni ekoloġika. Sabiex tingħeleb din il-kriżi se jkun hemm bżonn ta’ investimenti enormi u riformi sinifikanti li l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza tal-UE għall-Irkupru u r-Reżiljenza se tappoġġa sew. Sabiex tinkiseb it-tranżizzjoni ekoloġika hemm bżonn riformi li jiddirezzjonaw l-investimenti pubbliċi u privati lejn azzjonijiet klimatiċi u ambjentali, u trasformazzjonijiet profondi fil-politiki differenti tagħna. Minbarra t-tiswija tal-ħsara fuq terminu qasir mill-kriżi, l-istrumenti ta’ rkupru tagħna jridu għaldaqstant ipoġġu l-ekonomija fit-triq it-tajba għal tkabbir u impjiegi sostenibbli fit-tul bil-għan li tintlaħaq in-newtralità klimatika sal-2050, waqt li t-tkabbir ekonomiku jiġi diżakkoppjat mill-użu tar-riżorsi. Dan joffri opportunità ewlenija biex jiġu modernizzati l-mudelli industrijali tradizzjonali u biex isir investiment f’teknoloġiji ekoloġiċi innovattivi u f’infrastruttura aktar sostenibbli u diġitali, biex titħaffef it-tranżizzjoni lejn Ewropa aktar sostenibbli, reżiljenti u inklussiva. Barra minn hekk, billi l-konsum privat jagħmel aktar minn nofs il-prodott domestiku gross tal-UE, il-promozzjoni ta’ mudelli tal-konsum aktar sostenibbli se tkun abilitant ewlieni ta’ trasformazzjoni bħal din.

It-tranżizzjoni diġitali hija kruċjali biex tissaħħaħ ir-reżiljenza soċjali u ekonomika tal-UE u tal-Istati Membri, il-potenzjal tat-tkabbir sostenibbli kif ukoll il-ħolqien tal-impjiegi tagħhom. Il-pandemija tal-COVID-19 aċċellerat ix-xejriet lejn it-trasformazzjoni diġitali: l-Istati Membri ħadu miżuri biex isaħħu l-infrastruttura diġitali, ipprovdew edukazzjoni online jew appoġġaw lill-SMEs fl-isforzi tagħhom ta’ diġitalizzazzjoni. Madankollu, fil-kriżi tfaċċaw ukoll nuqqasijiet u vulnerabbiltajiet. Għadhom jeżistu diverġenzi fir-rigward tad-diġitalizzazzjoni tal-ekonomiji u tas-soċjetajiet. L-ostakli residwi u l-aċċess mhux uniformi għall-infrastruttura għadhom iwaqqfu l-progress u l-Ewropa għadha fil-biċċa l-kbira dipendenti fuq reġjuni oħra għal ħafna kapaċitajiet jew servizzi diġitali ewlenin. Il-bini fuq l-għarfien espert xjentifiku u teknoloġiku tal-Ewropa, l-iżvilupp ta’ strateġija ta’ riċerka, innovazzjoni u diffużjoni trasformattiva u li tħares ’il quddiem, huma l-uniku mod biex jiġu żgurati t-tkabbir tal-produttività u l-kompetittività tal-Ewropa sabiex tiġi salvagwardjata s-sovranità teknoloġika tagħha — aspett ewlieni tal-awtonomija strateġika miftuħa tagħha.

Il-pandemija tal-COVID-19 tefgħet dawl fuq il-bżonn urġenti li jiġu indirizzati sfidi li ilhom jeżistu u li jaffettwaw il-ġustizzja fis-soċjetà. Dan jinkludi t-tħejjija u r-reżiljenza tas-sistemi tas-saħħa u tal-protezzjoni soċjali nazzjonali kif ukoll l-aċċess ugwali għal kura tas-saħħa affordabbli u ta’ kwalità, għal kura fit-tul u għal sistemi tal-indukrar tat-tfal kif ukoll it-tibdil demografiku, il-globalizzazzjoni jew it-tranżizzjonijiet diġitali u ekoloġiċi. L-isfidi li għandhom jiġu indirizzati jistgħu jkopru oqsma bħall-impjiegi, il-ħiliet, is-saħħa, l-edukazzjoni, b’mod partikolari biex jiġu indirizzati inugwaljanzi u jiġu appoġġati dawk li ntlaqtu l-aktar mill-kriżi, bħaż-żgħażagħ, in-nisa u l-gruppi vulnerabbli. Il-pandemija tal-COVID-19 uriet ukoll il-bżonn li jinħoloq ambjent tan-negozju aktar ġust u sostenibbli u li nikkunsidraw mill-ġdid il-kundizzjonijiet tax-xogħol f’ħafna setturi. Il-lockdown imtawwal ta spinta lis-servizzi online u l-kummerċ elettroniku, tendenza li x’aktarx tkompli. Madankollu, l-ambjent online bħalissa huwa ddominat minn ftit atturi kbar, b’saħħa fis-suq li qed tiżdied u bażijiet tat-taxxa mobbli, kultant għad-detriment tal-kapaċità ta’ ħafna kumpaniji Ewropej żgħar li jixtiequ jibdew bin-negozju u jikbru fis-Suq Uniku. Jenħtieġ li tingħata attenzjoni partikolari għas-sostenn ta’ setturi li għandhom rwol ċentrali fid-demokraziji tagħna, speċjalment is-settur tal-midja fejn jenħtieġ li jingħata appoġġ b’mod li jirrispetta u jippromwovi l-libertà u l-pluraliżmu tal-midja. Teżisti wkoll il-ħtieġa li jiġu appoġġati reġjuni, industriji u ħaddiema milquta l-aktar mit-tranżizzjoni ekoloġika biex jittaffew l-impatti soċjoekonomiċi tat-tranżizzjoni. Dan l-appoġġ huwa meħtieġ biex jiġu żgurati opportunitajiet ugwali u ġusti għan-nies u għan-negozji.

Mill-kriżi finanzjarja u ekonomika tal-2008 ’l hawn, l-Unjoni Ekonomika u Monetarja hija ferm aktar b’saħħitha biex tiffaċċja l-kriżijiet, imma qed jinqalgħu sfidi ġodda għall-istabbiltà makroekonomika. Il-kriżi tal-COVID-19 hija differenti ħafna mill-kriżi finanzjarja tal-2008; hija tiġġenera impatti negattivi diretti fuq l-attività ekonomika u tinvolvi riperkussjonijiet potenzjali fuq l-istabbiltà makroekonomika li jridu jiġu indirizzati permezz ta’ azzjoni rapida u determinata. Hemm riskju li l-iżbilanċi eżistenti jibqgħu sejrin għall-agħar waqt li jinħolqu oħrajn ġodda. Għaldaqstant, il-prijorità immedjata hija li jitrawwem irkupru reżiljenti. Se jkunu meħtieġa monitoraġġ u viġilanza kontinwi u l-Istati Membri għandhom jindirizzaw l-iżbilanċi emerġenti permezz ta’ riformi li jżidu r-reżiljenza ekonomika u soċjali. Il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza tipprovdi l-mezzi biex tgħin lill-Istati Membri biex jindirizzaw dawn l-isfidi ekonomiċi u soċjali li qed jiffaċċjaw. Jenħtieġ li l-Istati Membri jkomplu jagħmlu użu tajjeb mill-flessibbiltà fiskali fl-2021 biex tiġi sostnuta l-ekonomija. Il-finanzi pubbliċi se jkollhom rwol fl-għoti ta’ inċentivi għal tkabbir sostenibbli u inklussiv, waqt li tiġi żgurata stabbiltà ekonomika u l-kapaċità li tiġi appoġġata d-domanda u tingħata assistenza fi żminijiet ta’ bżonn. Il-pandemija tal-COVID-19 titfa’ piż sinifikanti fuq l-attività ekonomika b’riperkussjonijiet negattivi għad-dejn tal-gvern u dak privat. Meta l-kundizzjonijiet ekonomiċi jkunu jippermettu, ikun iż-żmien li jiġu segwiti politiki fiskali li għandhom l-għan li jiksbu pożizzjonijiet fiskali prudenti fuq terminu medju ta’ żmien waqt li jrawmu l-investiment, it-tranżizzjonijiet doppji u l-inklużjoni soċjali.

Is-sostenibbiltà kompetittiva tirrikjedi ftuħ u Suq Uniku b’saħħtu. Il-parteċipazzjoni tal-partijiet ikkonċernati u tal-investituri privati hija meħtieġa biex jiġi ggarantit is-suċċess tal-implimentazzjoni tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza. Jenħtieġ li l-flejjes pubbliċi ma jissostitwixxux jew jeskludu l-investituri privati iżda jikkomplementaw u jidderieġu l-investimenti privati fejn meħtieġa, jiġifieri fejn il-fallimenti jew id-danni sistemiċi jew tas-suq minħabba t-tifqigħa tal-COVID-19 u l-kriżi ekonomika sussegwenti jagħmluha impossibbli li s-suq jirkupra waħdu u li jinkisbu l-objettivi politiċi. Huma meħtieġa miżuri ta’ salvagwardja tal-kundizzjonijiet ekwivalenti ta’ kompetizzjoni biex jitrawmu l-innovazzjoni u jitħaffef l-irkupru.

III.Prinċipji ewlenin li jirfdu l-Pjanijiet ta’ Rkupru u Reżiljenza: l-iffissar tal-prijoritajiet għall-Istati Membri

Is-Semestru Ewropew jipprovdi qafas stabbilit sew għall-koordinazzjoni tal-politiki ekonomiċi u tal-impjiegi biex jiggwida lill-Unjoni u lill-Istati Membri fl-isfidi tal-irkupru u tat-tranżizzjoni doppja. Il-pjanijiet tal-irkupru u tar-reżiljenza tal-Istati Membri jenħtieġ li jindirizzaw b’mod effettiv l-isfidi ta’ politika stabbiliti fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż adottati mill-Kunsill. Huwa fl-interess komuni tagħna li nindirizzaw il-ħtiġijiet ta’ riforma u investiment b’mod parallel; it-tnejn li huma jridu jaħdmu id f’id biex jinkiseb impatt li jsaħħaħ b’mod reċiproku.

Il-pjanijiet ta’ rkupru u reżiljenza jridu jirriflettu l-isfidi speċifiċi għall-pajjiż u jkunu allinjati mal-prijoritajiet tal-UE. Dan jinkludi r-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż indirizzati lill-Istati Membri fl-aħħar snin u partikolarment fiċ-ċikli 2019 u 2020 tas-Semestru. Meta dawn ir-rakkomandazzjonijiet jiġu riflessi f’riformi u investimenti speċifiċi, l-Istati Membri għandhom jiffokaw fuq dawk l-isfidi u l-prijoritajiet li jiġġeneraw l-aktar impatt dejjiemi u jsaħħu l-potenzjal tat-tkabbir, il-ħolqien tal-impjiegi, is-sistemi tas-saħħa u r-reżiljenza ekonomika u soċjali u l-koeżjoni reġjonali tal-Istat Membru. Fl-istess waqt ir-riformi u l-investimenti se jkollhom iħarsu l-prinċipju “la tagħmilx ħsara”, billi jużaw bħala referenza sa fejn hu possibbli r-Regolament dwar it-Tassonomija tal-UE 6 .

It-tranżizzjoni ekoloġika

Il-pjanijiet nazzjonali kollha għall-irkupru u r-reżiljenza jridu jiffokaw b’mod qawwi kemm fuq ir-riformi kif ukoll fuq l-investimenti li jappoġġaw it-tranżizzjoni ekoloġika. Sabiex jiġi segwit l-impenn tal-Kunsill Ewropew li tinkiseb il-mira ta’ 30 % ta’ integrazzjoni tat-tibdil fil-klima għall-qafas finanzjarju pluriennali kif ukoll għan-Next Generation EU, kull pjan tal-irkupru u tar-reżiljenza jkollu jinkludi nefqa ta’ mill-inqas 37 % relatata mal-klima.

L-Ewropa miexja lejn newtralità klimatika sal-2050, u mistennija żżid b’mod sostanzjali l-ambizzjoni tagħha tat-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra għall-2030. Sabiex tintlaħaq l-ambizzjoni fejn tidħol il-klima li sal-2030 l-emissjonijiet jitnaqqsu b’55 % taħt il-livelli tal-1990, jenħtieġ li l-Istati Membri jippreżentaw riformi u investimenti insostenn tat-tranżizzjoni ekoloġika fl-oqsma tal-enerġija, it-trasport, id-dekarbonizzazzjoni tal-industrija, l-ekonomija ċirkolari, il-ġestjoni tal-ilma u l-bijodiversità. Dan huwa wkoll konsistenti mal-oqsma ewlenin tal-investiment identifikati fil-kuntest tas-Semestru Ewropew. Waqt li jagħmlu dan, jenħtieġ li l-Istati Membri jibnu fuq il-Pjanijiet Nazzjonali Integrati għall-Enerġija u l-Klima tagħhom li fihom jiddefinixxu l-kontribuzzjonijiet nazzjonali tagħhom għall-objettivi kollettivi tal-klima u tal-enerġija fl-UE, u jispjegaw ir-riformi u l-investimenti li beħsiebhom jimplimentaw fil-perjodu 2021-2030 biex jitwettqu. F’Ottubru ta’ din is-sena, il-Kummissjoni tippreżenta l-valutazzjoni individwali tal-Pjan Nazzjonali Integrat għall-Enerġija u l-Klima ta’ kull Stat Membru, li jipprovdi gwida importanti għall-Istati Membri li jistgħu jibnu fuqha huma u jħejju l-pjanijiet tal-irkupru u tar-reżiljenza.

Jenħtieġ li l-Istati Membri jħaffu t-tnaqqis tal-emissjonijiet permezz tal-iskjerament rapidu tal-enerġija rinnovabbli u tal-idroġenu u aktar azzjoni f’dak li jikkonċerna l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija tal-binjiet. Bħala parti mill-pjanijiet tal-irkupru u tar-reżiljenza, jenħtieġ li l-Istati Membri jiffokaw fuq il-proġetti l-aktar maturi u innovattivi biex jitħaffef l-iskjerament tal-enerġija rinnovabbli. Il-bini ta’ skemi tar-rinnovazzjoni huwa essenzjali biex jiġi appoġġat l-irkupru ekonomiku, permezz tal-ħolqien tal-impjiegi fis-settur tal-kostruzzjoni, l-iffrankar fil-kontijiet tad-dawl, kundizzjonijiet tal-għajxien aħjar u tnaqqis tal-prekarjetà enerġetika. Il-Kummissjoni se tappoġġa sforzi differenti biex ittejjeb ir-rinnovazzjoni tal-bini bil-għan li mill-inqas tirdoppja r-rata ta’ rinnovazzjoni annwali tal-istokk tal-bini eżistenti, partikolarment permezz tal-inizjattiva tal-Mewġa ta’ Rinnovazzjoni. Jenħtieġ li dawn l-investimenti jkunu akkumpanjati mir-riformi regolatorji meħtieġa biex dawn l-investimenti jkunu possibbli u sostenibbli.

L-investiment fil-mobbiltà sostenibbli wkoll jista’ jappoġġa bis-saħħa l-irkupru. Il-miżuri li jindirizzaw it-trasport jistgħu jwasslu għal tnaqqis sinifikanti fl-emissjonijiet tal-gassijiet serra u titjib fil-kwalità tal-arja, waqt li jitrawwem it-tkabbir tal-produttività. Waqt li jfasslu l-pjanijiet nazzjonali tal-irkupru u tar-reżiljenza, jenħtieġ li l-Istati Membri jikkunsidraw miżuri bħall-investiment fit-trasport pubbliku u fl-infrastruttura li tappoġġa l-bidla lejn mobbiltà intelliġenti u aktar sostenibbli, inklużi networks multimodali Ewropej assjematiċi u effiċjenti kif ukoll aġġornament tan-Network Trans-Ewropew tat-Trasport għall-passiġġieri u l-merkanzija. Ir-riformi u l-investimenti li għandhom l-għan li jagħtu spinta lid-domanda għal vetturi b’emissjonijiet żero jew baxxi u li jaċċelleraw l-iskjerament tal-infrastruttura tal-iċċarġjar u tar-riforniment huma wkoll kruċjali biex din il-mira tinkiseb. Jenħtieġ li dan ikun ikkomplementat b’investimenti f’teknoloġiji tal-enerġija u ktajjen tal-valur bi ftit karbonju, inkluż l-idroġenu jew batteriji, u f’infrastruttura tal-enerġija sostenibbli. Riforma tal-inċentivi għall-protezzjoni ambjentali, ipprovduti bit-tassazzjoni ta’ vetturi u karburanti, se tkun partikolarment importanti biex tiġi akkumpanjata din ix-xejra. L-istrateġija tal-Kummissjoni għal mobbiltà sostenibbli u intelliġenti, li għandha tiġi adottata qabel l-aħħar tal-2020, tkompli tindirizza l-opportunitajiet fis-settur tat-trasport.

Jenħtieġ li l-Istati Membri jieħdu azzjonijiet għall-promozzjoni ta’ ekonomija aktar ċirkolari, għat-titjib tal-infrastruttura ambjentali kif ukoll għall-protezzjoni u għar-restawr tal-bijodiversità. L-ekonomija ċirkolari toħloq impjiegi lokali u sostenibbli permezz tal-prevenzjoni tal-iskart u l-użu mill-ġdid, it-tiswija, il-manifattura mill-ġdid u r-riċiklaġġ. Iżżid ir-reżiljenza tal-UE u l-awtonomija strateġika miftuħa tagħha bl-iżvilupp ta’ mudelli tan-negozju innovattivi bbażati fuq teknoloġiji diġitali biex jiżdied l-użu effiċjenti tar-riżorsi u tal-materja prima sekondarja. It-titjib tal-infrastruttura ambjentali, b’mod partikolari b’rabta mal-ġestjoni tal-iskart u tal-ilma u mat-tnaqqis tat-tniġġis, jipproteġu s-saħħa u l-benesseri taċ-ċittadini kontra riskji u effetti relatati mal-ambjent. Il-protezzjoni u r-restawr tal-bijodiversità u tal-ekosistemi naturali u l-iżgurar ta’ sistemi tal-ikel sostenibbli huma indispensabbli għat-tisħiħ tal-bir ta’ karbonju, li jsaħħaħ ir-reżiljenza u l-prevenzjoni futura tal-formazzjoni u tat-tixrid ta’ mard ġdid. Dan joħloq ukoll opportunitajiet ekonomiċi ġodda f’żoni rurali permezz ta’ użu tal-art aktar sostenibbli.

Fl-aħħar nett, l-Istati Membri jridu jqisu l-bżonn li jiżguraw tranżizzjoni soċjalment ġusta fl-oqsma kollha ta’ politika ekoloġika. Dan ifisser, b’mod partikolari, li l-pjanijiet nazzjonali tal-irkupru u tar-reżiljenza jenħtieġ li jiġu żviluppati b’mod koerenti għalkollox mal-pjanijiet territorjali rilevanti proposti fil-qafas tal-Mekkaniżmu ta’ Tranżizzjoni Ġusta.

Tranżizzjoni diġitali u produttività

Jenħtieġ li l-Istati Membri jiżguraw livell għoli ta’ ambizzjoni fir-rigward tat-tranżizzjoni diġitali bħala parti mill-pjanijiet tal-irkupru u tar-reżiljenza. Il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza tirrappreżenta opportunità unika għat-trawwim tat-trasformazzjoni diġitali fis-setturi ekonomiċi jew soċjali kollha, inklużi s-servizzi pubbliċi. Sabiex tkun żgurata implimentazzjoni effettiva, il-Kummissjoni tipproponi li kull pjan tal-irkupru u tar-reżiljenza jkun jinkludi nefqa ta’ mill-inqas 20 % relatata mal-aspett diġitali.

Jenħtieġ li l-Istati Membri jiffokaw fuq dawk ir-riformi u l-investimenti li jtejbu l-konnettività. Dan jinkludi pereżempju t-trawwim u l-faċilitazzjoni tal-varar mifrux ta’ networks b’kapaċità għolja ħafna, inklużi l-5G u l-konnettività Gigabit fl-unitajiet domestiċi urbani u rurali u kurituri tat-trasport fuq skala kbira, skont l-objettivi tal-UE għall-2025 b’rabta mal-5G u l-konnettività Gigabit. Dawn l-investimenti huma importanti biex jiġi eliminat id-distakk diġitali waqt li tiġi evitata l-esklużjoni tal-investiment privat f’każijiet fejn ma hemmx falliment tas-suq. Kif spjegat fin-Next Generation EU, l-iskjerament rapidu ta’ networks b’kapaċità għolja ħafna, inklużi l-5G u l-fibra, ikollu spillovers pożittivi fuq is-soċjetà sħiħa. Dawn jinkludu l-provvediment ta’ wisa’ tal-banda u kopertura xierqa għas-setturi li huma essenzjali għall-irkupru u r-reżiljenza, bħall-agrikoltura, it-trasport, is-saħħa u l-edukazzjoni. Se tgħin ukoll biex tissaħħaħ l-awtonomija strateġika miftuħa tal-Ewropa, waqt li fl-istess ħin jinħasdu l-benefiċċji ta’ ekonomija miftuħa bl-għoti ta’ appoġġ għall-implimentazzjoni tal-infrastruttura meħtieġa għal applikazzjonijiet u proċessi futuri.

L-iżvilupp tal-ħiliet diġitali fil-livelli kollha huwa kundizzjoni biex jiġi żgurat li l-Ewropej kollha jkunu jistgħu jipparteċipaw fis-soċjetà u jieħdu vantaġġ mit-tranżizzjoni diġitali. Dan jirrikjedi riformi fil-qasam tal-edukazzjoni bażika u għolja, ħiliet u edukazzjoni tul il-ħajja biex jiġi appoġġat is-suq tax-xogħol li qiegħed fi tranżizzjoni, biex jiġu żviluppati u użati teknoloġiji diġitali importanti u biex jissawwar il-futur diġitali tal-Ewropa. Jenħtieġ li tiġi appoġġata l-ugwaljanza fl-aċċess għall-infrastruttura, it-tagħmir u l-ħiliet diġitali biex jiġi evitat id-distakk diġitali. It-trasformazzjoni tal-amministrazzjoni pubblika, flimkien mad-diġitalizzazzjoni tas-sistemi ġudizzjarji, bl-użu ta’ ġenerazzjonijiet ġodda ta’ għodod diġitali se jtejbu l-proċessi amministrattivi u se tiġi ffaċilitata l-interazzjoni online maċ-ċittadini u man-negozji. Id-diġitalizzazzjoni tan-negozji jenħtieġ li tiġi aċċellerata permezz tal-adozzjoni sostenibbli ta’ soluzzjonijiet diġitali u tat-trasformazzjoni diġitali reżiljenti għaċ-ċibernetika fis-setturi kollha. L-iżvilupp ta’ soluzzjonijiet diġitali se jkun faċilitatur importanti għat-tranżizzjoni ekoloġika.

Il-pjanijiet għall-irkupru u r-reżiljenza jenħtieġ li jiffukaw ukoll fuq il-bini u l-użu ta’ kapaċitajiet diġitali avvanzati. Ir-riformi u l-investimenti li jippermettu l-intelliġenza artifiċjali, il-computing ta’ prestazzjoni għolja, iċ-ċibersigurtà, it-teknoloġiji u l-infrastrutturi kwantistiċi, il-konnettività sigura, il-mikroelettronika u l-komponenti elettroniċi, l-infrastruttura u s-servizzi tal-cloud, is-servizzi spazjali jew il-blockchain jirrappreżentaw opportunità unika biex tiżdied il-produttività fuq terminu ta’ żmien twil u jippermettu li l-Ewropea tkun mexxejja f’dawn is-setturi globalment kompetittivi. Sabiex tissaħħaħ l-awtonomija strateġika miftuħa tal-UE, il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza tista’ tgħin lill-Istati Membri jwettqu investimenti u riformi f’dawn is-setturi ewlenin tal-ekonomiji tagħhom.

Ġustizzja

Il-proċess ta’ rkupru u ta’ tranżizzjoni jeħtieġ li jkun ġust għall-Ewropej kollha biex jiġu evitati l-inugwaljanzi li dejjem qed jiżdiedu u biex jiġi żgurat appoġġ mill-partijiet kollha tas-soċjetà, u għandu jikkontribwixxi għall-koeżjoni soċjali, ekonomika u territorjali. Il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza se tgħin lill-Istati Membri jindirizzaw l-isfidi strutturali tagħhom li ġew identifikati għal bosta snin bħala parti mis-Semestru Ewropew u li ġew amplifikati mill-kriżi tal-COVID-19. Filwaqt li skemi ta’ xogħol għal żmien qasir għenu biex jitrażżan l-impatt tal-kriżi fuq l-impjiegi, il-kundizzjonijiet tas-suq tax-xogħol qed jiddeterjoraw, bil-qgħad mistenni li jiżdied drastikament f’diversi setturi u partijiet tal-Ewropa. Is-sitwazzjoni taż-żgħażagħ tirrikjedi attenzjoni partikolari. Għandu jsir kull sforz biex jiġi evitat li l-qgħad u l-esklużjoni soċjali ma jrabbux l-għeruq u biex is-suq tax-xogħol jadatta ruħu, kif mitlub mit-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali. Se jkun importanti wkoll li titrawwem il-konverġenza u titjieb ir-reżiljenza tar-reġjuni, b’mod partikolari biex jitnaqqsu d-disparitajiet territorjali.

Fid-dawl tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, l-Istati Membri jenħtieġ li jadottaw miżuri biex jiġu żgurati opportunitajiet indaqs, l-edukazzjoni inklużiva, kundizzjonijiet tax-xogħol ġusti u protezzjoni soċjali adegwata. Flimkien mal-bidliet demografiċi, it-tranżizzjoni ekoloġika u diġitali għandha bżonn ta’ kunċetti ġodda għas-sistemi ta’ protezzjoni soċjali u għas-swieq tax-xogħol tal-lum. Apparti ż-żgħażagħ, il-kriżi affettwat b’mod sproporzjonat lin-nisa u lill-gruppi żvantaġġati bħall-persuni b’ħiliet baxxi u l-persuni b’diżabbiltajiet kif ukoll lill-persuni ta’minoranzi bi sfond razzjali jew etniku. Dan se jirrikjedi sforzi sostanzjali biex jiġi ffaċilitat l-aċċess tagħhom għas-suq tax-xogħol, pereżempju billi tiġi indirizzata s-segmentazzjoni tas-suq tax-xogħol f’ħafna Stati Membri, billi jissaħħu l-politiki attivi tas-suq tax-xogħol, iżda wkoll billi tiżdied l-inklużività tas-sistemi edukattivi. F’dan ir-rigward, l-aċċess ugwali għall-edukazzjoni u t-taħriġ ta’ kwalità għolja għall-gruppi żvantaġġati huwa partikolarment importanti, biex jikkumpensa għall-fatt li l-isfond soċjoekonomiku bħalissa huwa l-aktar fattur importanti li jiddetermina l-eżitu edukattiv tat-tfal u taż-żgħażagħ.

Diversi forom ta’ inugwaljanzi jillimitaw it-tkabbir u l-koeżjoni soċjali. L-iżgurar ta’ aċċess ugwali għall-edukazzjoni, għall-kura tas-saħħa ta’ kwalità, kif ukoll it-tisħiħ tal-kura fit-tul se jkunu dejjem aktar importanti, anki għax l-impatt kollu tal-COVID-19 fuq is-saħħa pubblika se jippersisti għal snin sħaħ. L-iżgurar tal-għoti tas-servizzi tal-kura tas-saħħa ta’ kwalità għolja li jkunu fiskalment sodi, affordabbli u aċċessibbli jikkontribwixxi għal soċjetà b’saħħitha u reżiljenti u biex tiġi żgurata forza tax-xogħol produttiva. Hemm ukoll il-ħtieġa li jiġi indirizzat kontinwament il-livell għoli ta’ diskrepanzi fl-impjiegi u fil-pagi ta’ bejn l-irġiel u n-nisa. Appoġġ adegwat għal politiki effettivi dwar il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata, filwaqt li f’dan ir-rigward huwa kruċjali li jiġi żgurat aċċess għal kura tat-tfal ta’ kwalità, skemi ta’ appoġġ għall-introjtu kif ukoll riformi fis-sistemi tat-taxxa u tal-benefiċċji li jappoġġaw il-ħolqien ta’ impjiegi ta’ kwalità u li jnaqqsu d-diżinċentiv għax-xogħol. Kemm ir-riformi tas-sistema tal-protezzjoni soċjali kif ukoll ir-riformi tas-sistema tat-taxxa jistgħu jnaqqsu tali inugwaljanzi, pereżempju billi jittrasferixxu l-piż tat-taxxa mix-xogħol għal taxxi li joħolqu inqas distorsjoni.

Stabbiltà makroekonomika

L-Istati Membri jenħtieġ li fl-2021 jkomplu jipprovdu appoġġ fiskali mmirat u temporanju f’kuntest fejn tiġi attivata l-Klawsola Liberatorja Ġenerali, filwaqt li tiġi salvagwardjata s-sostenibbiltà fiskali fuq terminu ta’ żmien medju. Huma jenħtieġ li gradwalment jaqilbu minn rispons ta’ emerġenza protettiva għal miżuri li jiffaċilitaw ir-riallokazzjoni tar-riżorsi u jappoġġaw l-irkupru. Meta l-kundizzjonijiet ekonomiċi jippermettu, il-politiki fiskali jenħtieġ li jimmiraw li jiksbu mill-ġdid pożizzjonijiet fiskali prudenti fi żmien medju u jiżguraw is-sostenibbiltà tad-dejn, filwaqt li jtejbu l-investiment. Ir-rikostituzzjoni tal-buffers fiskali maż-żmien se jkun importanti biex inkunu ppreparati għal kriżijiet futuri. L-attivazzjoni tal-Klawżola Liberatorja Ġenerali ma tissospendix il-proċeduri tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir.

It-titjib tal-kwalità tal-finanzi pubbliċi se jkun importanti biex tingħata spinta lill-potenzjal tat-tkabbir u biex tiġi appoġġata t-trasformazzjoni ekonomika. Bil-pakketti fiskali mingħajr preċedent adottati fl-Istati Membri u r-rwol li eventwalment żdied tas-settur pubbliku fl-ekonomija, huwa importanti ħafna li l-amministrazzjonijiet pubbliċi jkunu effettivi u effiċjenti. Fuq terminu ta’ żmien twil, dawk l-Istati Membri li jiżguraw trattament finanzjarju sod tal-finanzi pubbliċi se jirpiljaw aktar malajr mill-kriżi. In-nefqa pubblika se jkollha bżonn tappoġġa t-tranżizzjoni ekoloġika u diġitali, inkluż permezz tal-akkwist pubbliku ekoloġiku u diġitali kif ukoll tal-ibbaġitjar ekoloġiku. Barra minn hekk, l-ipprezzar tal-karbonju u t-tassazzjoni ambjentali se jkunu strumenti ambjentali u fiskali importanti għall-implimentazzjoni tat-tranżizzjoni ekoloġika. Iż-żieda fil-finanzjament privat se jkollu rwol importanti biex jiġu mmobilizzati l-flus pubbliċi għall-irkupru, pereżempju permezz ta’ aktar approfondiment tal-Unjoni tas-Swieq Kapitali, is-swieq tal-kapital lokali u l-finanzjament sostenibbli.

Huma meħtieġa miżuri adegwati biex jiġu żgurati żviluppi ordnati rigward id-dejn privat. Il-kriżi tal-COVID-19 qed ikollha effett fuq l-impjiegi u l-profittabbiltà tas-settur korporattiv. Id-dejn privat qed jiżdied u l-prospetti għall-ħlas lura f’waqtu ta’ dejn pendenti qed imorru għall-agħar. F’dan l-isfond, se jkun importanti li jiġu pprovduti l-kundizzjonijiet it-tajba biex jiġu żgurati rimedji rapidi u effettivi, inkluż fir-rigward tal-oqfsa ta’ insolvenza, filwaqt li jiġi żgurat li s-self lin-negozji u lill-unitajiet domestiċi jkompli f’konformità mal-aħjar prattiki miftiehma bejn is-settur finanzjarju, il-konsumaturi u n-negozji.

IV.It-trawwim ta’ riformi u ta’ investimenti biex jiġi appoġġat irkupru robust: L-inizjattivi ewlenin Ewropej

Filwaqt li l-pjanijiet jirriflettu s-sitwazzjoni speċifika ta’ kull Stat Membru, hemm xi sfidi komuni li jitolbu investimenti u riformi kkoordinati. Il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza hija opportunità biex jinħolqu inizjattivi ewlenin Ewropej li jagħtu benefiċċji tanġibbli għall-ekonomija u għaċ-ċittadini fl-UE. Dawn l-inizjattivi ewlenin jenħtieġ li jindirizzaw kwistjonijiet li huma komuni għall-Istati Membri kollha, jeħtieġu investimenti kbar, joħolqu l-impjiegi u t-tkabbir u huma meħtieġa għal tranżizzjonijiet tewmin. Il-Kummissjoni tħeġġeġ bil-qawwa lill-Istati Membri biex fil-pjanijiet tagħhom għall-irkupru u r-reżiljenza jinkludu l-investiment u r-riformi fl-oqsma elenkati hawn taħt. It-twettiq ta’ dawn l-inizjattivi ewlenin se jiżgura s-suċċess fl-irkupru tal-Ewropa; dan se jagħmel lill-Ewropa kontinent diġitali aktar ekoloġiku u se jżid il-koeżjoni fost l-Istati Membri.

1.Impuls ġdid - Jenħtieġ li jitmexxew ’il quddiem teknoloġiji nodfa validi għall-futur kif ukoll jenħtieġ li jiġu aċċellerati l-iżvilupp u l-użu ta’ sorsi ta’ enerġija rinnovabbli kif ukoll l-integrazzjoni tagħhom permezz ta’ netwerks modernizzati u ta’ interkonnettività mtejba. L-inizjattiva ewlenija se twitti t-triq għas-swieq ewlenin tal-idroġenu fl-Ewropa u għall-infrastruttura relatata. Għandha l-għan li tappoġġa l-integrazzjoni tal-bini u tas-settur ta’ kważi 40 % mill-500 GW tal-ġenerazzjoni tal-enerġija rinnovabbli meħtieġa sal-2030, tappoġġa l-implimentazzjoni ta’ kapaċità ta’ 6 GW ta’ elettrolizzatur kif ukoll il-produzzjoni u t-trasport ta’ 1 miljun tunnellata ta’ idroġenu rinnovabbli fl-UE sal-2025.

2.Rinnovazzjoni - It-titjib tal-effiċjenza enerġetika u fir-riżorsi tal-bini pubbliku u privat se jikkontribwixxi b’mod sostanzjali għall-kisba tal-objettivi klimatiċi tal-UE, joħloq għadd kbir ta’ impjiegi lokali fl-Istati Membri kollha u jrawwem l-iżvilupp diġitali permezz ta’ għajxien u kejl intelliġenti. Sal-2025 se tkun ikkontribwiet għax tkun irduppjat ir-rata ta’ rinnovazzjoni u rawwmet rinnovazzjoni profonda.

3.L-iċċarġjar u r-riforniment tal-fjuwil - Il-promozzjoni ta’ teknoloġiji nodfa validi għall-futur biex jitħaffef l-użu tat-trasport sostenibbli, aċċessibbli u intelliġenti, ta’ stazzjonijiet tal-iċċarġjar u tar-riforniment tal-fjuwil kif ukoll l-estensjoni tat-trasport pubbliku se jagħmlu l-bliet Ewropej aktar nodfa, se jaċċelleraw it-tranżizzjoni industrijali u se jikkontribwixxu biex jintlaħqu l-objettivi klimatiċi ta’ Pariġi. L-inizjattiva ewlenija għandha l-għan li sal-2025 tibni wieħed mit-tliet miljun punt tal-iċċarġjar meħtieġa fl-2030, u nofs l-1000 stazzjon tal-idroġenu meħtieġa.

4.Konnessjoni - Iċ-ċittadini u n-negozji fl-Ewropa għandu jkollhom aċċess għal servizzi veloċi tal-broadband. Illum, 44 % biss tal-unitajiet domestiċi għandhom aċċess għal netwerks b’kapaċità għolja ħafna u li kapaċi jipprovdu mill-inqas konnettività ta’ gigabits, b’kopertura li tonqos b’mod sinifikanti fiż-żoni rurali. L-introduzzjoni rapida ta’ servizzi broadband veloċi għar-reġjuni u għall-unitajiet domestiċi kollha, flimkien ma’ netwerks tal-fibra u tal-5G, kif ukoll l-iżvilupp ta’ komunikazzjoni ta’ kriptaġġ kwantistiku, se jkunu essenzjali biex tiġi żgurata kopertura territorjali fuq l-aktar firxa wiesgħa possibbli f’żoni li mhumiex moqdija mis-suq, filwaqt li fl-istess ħin tinżamm l-awtonomija strateġika miftuħa tal-UE. Filwaqt li ż-żoni urbani u r-rotot ewlenin tat-trasport terrestri huma mistennija li jiġu koperti aktar malajr permezz tal-finanzjament privat, il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza jenħtieġ li tiżgura li sal-2025 ikun hemm l-aktar kopertura wiesgħa possibbli tal-5G għaż-żoni kollha mingħajr interruzzjonijiet.

5.Modernizzazzjoni - L-ID tal-UE u s-servizzi pubbliċi diġitali ewlenin jenħtieġ li jiġu modernizzati u jkunu aċċessibbli għal kulħadd. L-identifikazzjoni u l-awtentikazzjoni elettronika sigura u mifruxa mal-UE kollha fir-rigward tal-gvernijiet u tal-atturi privati u l-aċċess għas-servizzi tagħhom, se jipprovdu liċ-ċittadini b’kontroll fuq l-identità u d-data online tagħhom kif ukoll jippermettu l-aċċess għal servizzi diġitali online. Id-diġitalizzazzjoni tal-amministrazzjoni pubblika u tas-servizzi se żżid l-effettività tat-tnejn li huma. Dan jinkludi wkoll is-sistema tal-ġustizzja u tal-kura tas-saħħa. Sal-2025, l-Istati Membri jenħtieġ li jiżguraw l-għoti ta’ identità diġitali Ewropea (e-ID) u l-amministrazzjonijiet pubbliċi jenħtieġ li jkunu qed jipprovdu servizzi pubbliċi diġitali interoperabbli, personalizzati u faċli biex l-utent jużahom.

6.Espansjoni - It-tranżizzjoni diġitali tal-UE tiddependi fuq iż-żieda fil-kapaċitajiet tal-cloud għad-data industrijali Ewropea u fuq il-kapaċità li jiġu żviluppati l-aktar proċessuri b’saħħithom, avvanzati u sostenibbli. Sal-2025, l-inizjattiva ewlenija se jkollha l-għan li tirdoppja l-produzzjoni tas-semikondutturi fl-Ewropa u li tipproduċi proċessuri 10 darbiet aktar effiċjenti fl-enerġija. Dan jippermetti, pereżempju, l-introduzzjoni rapida ta’ karozzi konnessi u biex is-sehem ta’ kumpaniji tal-UE li jużaw servizzi avvanzati tal-cloud u tal-big data jirdoppja (mis-16 % tal-lum).

7.Taħriġ mill-ġdid u titjib tal-ħiliet - Investimenti mingħajr preċedent f’taħriġ mill-ġdid u għat-titjib tal-ħiliet huma ċentrali biex jiġu appoġġati t-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali, biex jissaħħaħ il-potenzjal tal-innovazzjoni u tat-tkabbir, biex titrawwem ir-reżiljenza ekonomika u soċjali u biex jiġu żgurati impjiegi ta’ kwalità u l-inklużjoni soċjali. L-investimenti u r-riformi jenħtieġ li jiffukaw fuq il-ħiliet diġitali u t-taħriġ edukattiv u vokazzjonali għall-etajiet kollha. Fl-2019, 42 % tal-Ewropej ma għandhomx mill-inqas il-ħiliet diġitali bażiċi. Sal-2025, is-sehem tal-Ewropej li jkollhom bejn is-16 u l-74 sena b’ħiliet diġitali bażiċi għandu jiżdied biex jilħaq is-70 %. Is-sistemi edukattivi jeħtieġ li jkomplu jiġu adattati għall-isfidi tas-seklu 21. L-Istati Membri jenħtieġ li jiżguraw li l-kompetenza diġitali tal-istudenti titjieb b’mod sinifikanti, sabiex jitnaqqas għal taħt il-15 % is-sehem ta’ studenti ta’ bejn it-13 u l-14-il sena li ma jkollhomx kompetenza fl-użu tal-kompjuter u tal-informazzjoni . L-Istati Membri jenħtieġ li jagħtu attenzjoni speċjali lill-gruppi żvantaġġati, lin-nisa u b’mod partikolari liż-żgħażagħ li jidħlu fis-suq tax-xogħol, billi joħolqu opportunitajiet ta’ impjiegi ta’ kwalità, u jappoġġaw offerti adegwati ta’ apprendistati u jsaħħu l-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali (VET). Sal-2025, mill-inqas erbgħa minn kull ħames gradwati tal-VET jenħtieġ li jiġu impjegati, u tlieta minn kull ħamsa jenħtieġ li jibbenefikaw minn taħriġ fuq il-post tax-xogħol.

Il-ħolqien tal-kundizzjonijiet it-tajba għall-implimentazzjoni rapida ta’ proġetti ta’ investiment huwa kruċjali għall-użu rapidu tal-appoġġ għall-irkupru. Il-prijorità ewlenija sabiex l-investimenti jaslu malajr hija li jiġu identifikati l-ostakli u r-raġunijiet sottostanti tagħhom fl-Istati Membri kif ukoll fil-livell tal-UE. L-ostakli li jistgħu joħolqu riskji għall-proġetti ta’ investiment jieħdu ħafna forom. Dawn jistgħu jvarjaw minn piżijiet amministrattivi biex jinbeda negozju, għal nuqqas ta’ ħiliet, tassazzjoni għolja jew kumplessa, evażjoni tat-taxxa, leġiżlazzjoni restrittiva speċifika għas-settur jew proċedimenti ġudizzjarji twal. L-implimentazzjoni b’suċċess tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza tiddependi fuq l-indirizzar effettiv tal-ostakli għall-investiment u fuq it-titjib tal-ambjent tan-negozju. Dan għal darba oħra jindika l-importanza li jiġu sostnuti l-politiki ta’ investiment permezz ta’ riformi strutturali komplementari.

L-Istati Membri jenħtieġ li jiffukaw fuq investimenti li huma ta’ benefiċċju għas-Suq Uniku. Il-proġetti transfruntiera u multinazzjonali huma essenzjali għall-promozzjoni ta’ ċerti tipi ta’ investimenti, pereżempju għall-interkonnetturi tal-enerġija jew għan-netwerks tat-trasport, jew proġetti diġitali u ekoloġiċi li jħarsu ’l quddiem, li se jipprovdu benefiċċji tanġibbli għas-Suq Uniku. Il-Kummissjoni se jkollha rwol attiv biex tiżgura li l-proġetti għal diversi pajjiżi jkunu miftuħa għall-Istati Membri interessati kollha, biex timmassimizza l-potenzjal tagħhom meta jintegraw il-ktajjen tal-valur, issaħħaħ ir-reżiljenza tal-ekosistemi industrijali u tapprofondixxi s-Suq Uniku, u f’konformità mal-għanijiet segwiti mill-Faċilità ta’ koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali. Proġetti transfruntiera u bejn diversi pajjiżi, b’mod partikolari li jkunu jinvolvu programmi tal-UE oħra, jibbenefikaw minnn koordinazzjoni effiċjenti li l-Kummissjoni hija lesta li tipprovdi Ħafna minn dawn il-proġetti se jsaħħu wkoll l-awtonomija strateġika tal-ekonomija Ewropea.

L-Istati Membri jeħtieġ li jagħtu spinta lill-kapaċitajiet ta’ assorbiment tal-fondi tal-UE fil-livell nazzjonali. Sabiex jagħmlu dan, huma jenħtieġ li jiffukaw fuq dawk ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi li huma importanti għall-iffaċilitar tal-implimentazzjoni tar-riformi u l-investimenti relatati. Ir-rispett lejn l-istat tad-dritt u l-governanza tajba, l-istituzzjonijiet effettivi, is-sistemi ġudizzjarji indipendenti u effiċjenti, l-amministrazzjonijiet pubbliċi ta’ kwalità, l-oqfsa robusti kontra l-korruzzjoni, kontra l-ħasil tal-flus u kontra l-frodi, it-twettiq effiċjenti tal-akkwist pubbliku, l-oqfsa effettivi ta’ insolvenza u s-sistemi tat-taxxa effiċjenti huma determinanti importanti tal-ambjent tan-negozju ta’ Stat Membru. Dawn l-aspetti kollha jista’ jkollhom impatt fuq id-deċiżjonijiet ta’ investiment u fuq ir-rapidità tal-atturi kollha biex jibdew proġetti ta’ investiment. Jenħtieġ wkoll li l-ħidma fil-livell tal-UE dwar l-aspetti legali u proċedurali titħaffef biex tikkumplimenta l-isforzi tal-Istati Membri, b’mod partikolari biex jiġu protetti l-interessi finanzjarji tal-Unjoni. Il-Kummissjoni se tipprovdi aktar gwida dwar l-azzjonijiet ewlenin li jistgħu jittieħdu biex tiġi żgurata l-implimentazzjoni rapida tal-investimenti kif ukoll biex tassisti lill-Istati Membri fl-implimentazzjoni tal-pjanijiet ta’ Rkupru u ta’ Reżiljenza permezz tal-Istrument ta’ Appoġġ Tekniku.

Il-flus li l-Istati Membri se jirċievu permezz tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza se jiżdiedu mal-finanzjament li normalment jirċievu permezz tal-politika ta’ koeżjoni tal-UE jew minn sorsi oħra tal-UE. Sabiex jiġu żgurati l-konsistenza u s-sinerġiji, l-Istati Membri se jkunu jistgħu jikkombinaw il-finanzjament li ġej minn strumenti differenti jekk ma jkunx hemm finanzjament doppju u jekk l-Istati Membri jindikaw id-diversi kontribuzzjonijiet ta’ finanzjament fil-pjanijiet tagħhom għall-irkupru u r-reżiljenza. Se jkun importanti li l-Istati Membri jistabbilixxu mekkaniżmi ta’ koordinazzjoni robusti, kemm għall-fażijiet ta’ ppjanar kif ukoll ta’ implimentazzjoni u jiggarantixxu djalogu wiesa’ mal-partijiet ikkonċernati u s-sħab reġjonali, ekonomiċi u soċjali. Il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza tista’ tintuża wkoll biex jiġu promossi l-investimenti privati, pereżempju flimkien ma’ InvestEU jew ma’ missjonijiet u sħubiji ta’ Orizzont Ewropa. Il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza se tkun ta’ benefiċċju b’mod partikolari għal dawk il-proġetti mħaddma fil-livell nazzjonali u ta’ daqs kbir. Minħabba l-perjodu ta’ żmien sal-2023 biex jiġu impenjati l-flus taħt il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza, l-Istati Membri jistgħu jiffukaw fuq dawk il-proġetti li jinsabu f’fażi pjuttost avvanzata ta’ tħejjija.

V.Inlaqqgħu flimkien il-partijiet kollha tas-Semestru Ewropew biex niffukaw fuq ir-riformi u l-investimenti

Is-Semestru Ewropew u l-Faċilità l-ġdida għall-Irkupru u r-Reżiljenza huma marbuta b’mod intrinsiku. Il-valutazzjoni tal-pjanijiet ta’ rkupru u ta’ reżiljenza se titqabbel mar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż. Minħabba li l-iskadenzi tas-Semestru Ewropew u tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza se jikkonċidu, jeħtieġ li s-Semestru Ewropew jiġi adattat temporanjament skont it-tnedija tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza.

Il-pjanijiet għall-irkupru u r-reżiljenza se jsiru d-dokument ta’ referenza ewlieni dwar l-inizjattivi ta’ politika li jħarsu ’l quddiem tal-Istati Membri. Minħabba l-komplementarjetajiet mas-Semestru u sabiex jiġu ssimplifikati l-kontenut u l-għadd ta’ dokumenti mitluba, l-Istati Membri huma mħeġġa jippreżentaw il-Programm Nazzjonali ta’ Riforma u l-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza tagħhom f’dokument integrat uniku. Dan id-dokument se jipprovdi ħarsa ġenerali lejn ir-riformi u l-investimenti li l-Istat Membru se jwettaq fis-snin li ġejjin, f’konformità mal-objettivi tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza. Għall-Istati Membri li jippreżentaw il-pjan tagħhom għall-irkupru u r-reżiljenza fl-2021, il-Kummissjoni se takkumpanja l-proposti għall-atti ta’ implimentazzjoni tal-Kunsill b’dokumenti analitiċi li jivvalutaw is-sustanza tal-pjanijiet għall-irkupru u r-reżiljenza. Dawn id-dokumenti se jissostitwixxu r-rapporti tal-pajjiżi tas-Semestru Ewropew fl-2021. Il-pakkett ta’ proposti għall-atti ta’ implimentazzjoni u l-valutazzjonijiet tal-pajjiżi ffukati mill-ġdid se jiġu ppubblikati f’ħabriet imqassra, skont it-twassil rispettiv tal-pjanijiet ta’ rkupru u reżiljenza u t-tlestija tal-valutazzjonijiet tal-Kummissjoni.

Minħabba n-natura komprensiva u progressiva tal-pjanijiet għall-irkupru u r-reżiljenza mhux se jkun hemm bżonn li l-Kummissjoni tipproponi rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż fl-2021 għal dawk l-Istati Membri li jkunu ppreżentaw dan il-Pjan. Madankollu, il-Kummissjoni se tipproponi rakkomandazzjonijiet dwar is-sitwazzjoni baġitarja tal-Istati Membri fl-2021 kif previst skont il-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir. L-implimentazzjoni tar-riformi se tkompli tiġi mmonitorjata abbażi tar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi tas-snin preċedenti.

It-tnaqqis fir-ritmu ekonomiku ewlieni kkawżat mill-kriżi tal-COVID-19 se jiġġenera riskji ta’ żbilanċi makroekonomiċi ġodda, b’mod partikolari minħabba żidiet fid-dejn ta’ ditti u ta’ unitajiet domestiċi, u min-naħa tiegħu jista’ jaffettwa s-settur finanzjarju. Is-sorveljanza taħt il-Proċeduri ta’ Żbilanċi Makroekonomiċi fiċ-ċiklu li ġej se jkollha għalhekk tiffoka fuq dawn ir-riskji li qed jitfaċċaw malajr. Dan se jkun l-element ċentrali tar-Rapport dwar il-Mekkaniżmu ta’ Twissija ta’ Novembru 2020. Flimkien mal-valutazzjoni tal-Programmi ta’ Stabbiltà u Konverġenza li għandhom jiġu ppreżentati mill-Istati Membri sal-aħħar ta’ April 2021, il-Kummissjoni se tinkludi wkoll Rieżamijiet fil-Fond li jivvalutaw is-sitwazzjoni attwali tal-iżbilanċi għal Stati Membri partikolari.

Bħalissa hemm fis-seħħ sorveljanza ta’ wara l-programm biex tiġi vvalutata – bl-għan li jiġu identifikati r-riskji possibbli fil-kapaċità ta’ ħlas lura tagħhom – is-sitwazzjoni ekonomika, fiskali u finanzjarja f’Ċipru, l-Irlanda, Spanja u l-Portugall. Dan jinkludi r-rappurtar kull sitt xhur 7 . Fil-każ tal-Greċja, is-sorveljanza msaħħa ilha topera sa minn tmiem il-programm ta’ aġġustament makroekonomiku f’Awwissu 2018. Minħabba l-introduzzjoni tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza, se jkun importanti li tiġi żgurata l-koerenza bejn l-istrumenti, jiġi minimizzat il-piż tar-rappurtar u tiġi evitata d-duplikazzjoni bla bżonn, filwaqt li tiġi żgurata l-konformità mar-rekwiżiti legali u istituzzjonali differenti. Il-Kummissjoni se tallinja kemm jista’ jkun l-attivitajiet ta’ rappurtar taħt is-sorveljanza ta’ wara l-programm kif ukoll taħt is-sorveljanza msaħħa mal-iskeda ta’ żmien issimplifikata tas-Semestru Ewropew. Mill-ħarifa tal-2020, il-Kummissjoni se tippubblika r-rapporti biannwali ta’ sorveljanza ta’ wara l-programm u tnejn mir-rapporti trimestrali dwar il-Greċja, bħala parti mill-pakketti usa’ ta’ sorveljanza ekonomika u fiskali ta’ Novembru u Mejju.

VI.Konklużjoni

Se jkun kruċjali li l-Istati Membri jimpenjaw ruħhom malajr kemm jista’ jkun fi djalogu politiku wiesa’ flimkien mas-sħab soċjali u l-partijiet ikkonċernati rilevanti l-oħra kollha sabiex iħejju l-pjanijiet tagħhom għall-irkupru u r-reżiljenza. Is-sjieda nazzjonali se tkun prerekwiżit importanti li jippermetti l-implimentazzjoni b’suċċess tal-Faċilità u li jiżgura suċċess dejjiemi fil-livell nazzjonali kif ukoll kredibilità fil-livell Ewropew. Il-Kummissjoni tinsab ippreparata, f’kooperazzjoni mill-qrib mal-awtoritajiet nazzjonali responsabbli u l-partijiet ikkonċernati relevanti, biex tassisti fl-isforzi ta’ konsultazzjoni u ta’ sensibilizzazzjoni f’kull livell kif ukoll fl-appoġġ tekniku meta jkun xieraq. Il-Kummisjoni tħeġġeġ lill-Istati Membri biex jinteraġixxu mill-qrib mas-servizzi tagħha biex fi stadju bikri jiddiskutu l-abbozz tal-pjanijiet. Sabiex tiżgura konsistenza fil-pjanijiet tal-Istati Membri, l-Istati Membri se jirċievu gwida addizzjonali mis-servizzi tal-Kummissjoni dwar kif l-aħjar li jippreżentaw il-pjanijiet ta’ rkupru u ta’ reżiljenza tagħhom. Il-Kummissjoni se taqsam il-fehmiet tagħha mal-Parlament Ewropew dwar l-istat ta’ rkupru bħala parti mid-djalogu ekonomiku regolari.

L-implimentazzjoni tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza hija sforż konġunt li jikkonsisti minn bosta passi paralleli. Il-Kummissjoni tistieden lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill biex jaqblu malajr kemm jista’ jkun dwar l-att leġiżlattiv sabiex il-Faċilità ssir operazzjonali mill-1 ta’ Jannar 2021.

(1)

It-Tbassir Ekonomiku Ewropew (sajf 2020), Ekonomija Ewropea – Dokument Istituzzjonali 132 (Lulju).

(2)

Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2020/672 dwar l-istabbiliment ta’ Strument Ewropew għal appoġġ temporanju biex jittaffew ir-riskji ta’ qgħad f’emerġenza (SURE) wara t-tifqigħa tal-COVID-19; EUR 100 biljun f’assistenza finanzjarja fil-forma ta’ self li tingħata lill-Istati Membri li jitolbuha.

(3)

CRII u CRII+, ir-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (UE) 2020/460 tat-30 ta’ Marzu 2020 u (UE) 2020/558 tat-23 ta’ April 2020.

(4)

COM(2020) 456 final.

(5)

Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill - 2020 Strategic foresight Report, Charting the course towards a more resilient Europe.

(6)

   Ir-Regolament (UE) 2020/852.

(7)

Ir-Regolament (UE) Nru 472/2013

Top