Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52020DC0522

Rakkomandazzjoni għal RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL dwar il-Programm ta' Riforma Nazzjonali tal-Portugall tal-2020 u li tagħti l-opinjoni tal-Kunsill dwar il-Programm ta' Stabbiltà tal-Portugall tal-2020

COM/2020/522 final

Brussell, 20.5.2020

COM(2020) 522 final

Rakkomandazzjoni għal

RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL

dwar il-Programm ta' Riforma Nazzjonali tal-Portugall tal-2020 u li tagħti l-opinjoni tal-Kunsill dwar il-Programm ta' Stabbiltà tal-Portugall tal-2020


Rakkomandazzjoni għal

RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL

dwar il-Programm Nazzjonali ta’ Riforma tal-Portugall tal-2020 u li tagħti l-opinjoni tal-Kunsill dwar il-Programm ta’ Konverġenza tal-Portugall tal-2020

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 121(2) u 148(4) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97 tas-7 ta’ Lulju 1997 dwar it-tisħiħ tas-sorveljanza ta’ pożizzjonijiet ta’ baġit u s-sorveljanza u l-koordinazzjoni ta’ politika ekonomika 1 , u b’mod partikolari l-Artikolu 5(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1176/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Novembru 2011 dwar il-prevenzjoni u l-korrezzjoni tal-iżbilanċi makroekonomiċi 2 , u b’mod partikolari l-Artikolu 6(1) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tal-Parlament Ewropew,

Wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Impjiegi,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Protezzjoni Soċjali,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Politika Ekonomika,

Billi:

(1)Fis-17 ta’ Diċembru 2019, il-Kummissjoni adottat l-Istħarriġ Annwali għat-Tkabbit Sostenibbli, li ta bidu għas-Semestru Ewropew tal-2020 għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika. Hija ħadet kont debitu tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, iddikjarat mill-Parlament Ewropew, mill-Kunsill u mill-Kummissjoni fis-17 ta’ Novembru 2017. Fis-17 ta’ Diċembru 2019, fuq il-bażi tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011, il-Kummissjoni adottat ukoll ir-Rapport dwar il-Mekkaniżmu ta’ Twissija, fejn il-Portugall kien identifikat bħala wieħed mill-Istati Membri li dwaru kellha titwettaq analiżi fil-fond. Fl-istess data, il-Kummissjoni adottat ukoll rakkomandazzjoni għal rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-politika ekonomika taż-Żona tal-Euro.

(2)Ir-rapport tal-pajjiż tal-2020 għall-Portugall 3 ġie ppubblikat fis-26 ta’ Frar 2020. Dan ivvaluta l-progress tal-Portugall fl-indirizzar tar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż adottati mill-Kunsill fid-9 ta’ Lulju 2019 4 , is-segwitu mogħti għar-rakkomandazzjonijiet adottati fis-snin preċedenti u l-progress tal-Portugall lejn il-miri nazzjonali tiegħu ta’ Ewropa 2020. Kien jinkludi wkoll analiżi fil-fond skont l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011, li r-riżultati tiegħu ġew ukoll ippubblikati fis-26 ta’ Frar 2020. L-analiżi tal-Kummissjoni wasslitha biex tikkonkludi li l-Portugall għaddej minn żbilanċi makroekonomiċi. B’mod partikolari, l-istokkijiet kbar ta’ obbligazzjonijiet esterni netti, dejn privat u pubbliku, u sehem għoli ta’ self improduttiv (non-performong loans, NPL) jikkostitwixxu vulnerabbiltajiet f’kuntest ta’ tkabbir baxx fil-produttività.

(3)Fil-11 ta’ Marzu 2020, l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa uffiċjalment iddikjarat it-tifqigħa ta’ COVID-19 bħala pandemija dinjija. Din hija emerġenza serja tas-saħħa pubblika għaċ-ċittadini, is-soċjetajiet u l-ekonomiji. Qiegħda tpoġġi s-sistemi tas-saħħa nazzjonali taħt pressjoni qawwija u qiegħda tikkawża tfixkil fil-katini ta’ provvista dinjija, volatilità fis-swieq finanzjarji, xokkijiet fid-domanda tal-konsumatur u effetti negattivi f’diversi setturi. Qed thedded l-impjiegi tan-nies, id-dħul tagħhom u n-negozju tal-kumpaniji. Tat xokk ekonomiku kbir li diġà qed ikollu riperkussjonijiet serji fl-Unjoni Ewropea. Fit-13 ta’ Marzu 2020, il-Kummissjoni adottat Komunikazzjoni 5 li tappella għal rispons ekonomiku kkoordinat għall-kriżi, li jinvolvi l-atturi kollha fil-livell nazzjonali u tal-Unjoni.

(4)Diversi Stati Membri ddikjaraw stat ta’ emerġenza jew introduċew miżuri ta’ emerġenza. Jenħtieġ li kull miżura ta’ emerġenza tkun strettament proporzjonata, meħtieġa, limitata fiż-żmien, u f’konformità mal-istandards Ewropej u internazzjonali. Dawn għandhom ikunu suġġetti għas-sorveljanza demokratika u għal stħarriġ ġudizzjarju indipendenti.

(5)Fl-20 ta’ Marzu 2020, il-Kummissjoni adottat Komunikazzjoni dwar l-attivazzjoni tal-klawżola liberatorja ġenerali tal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir 6 . Il-klawżola, kif inhu stipulat fl-Artikoli 5(1), 6(3), 9(1) u 10(3) tar-Regolament (KE) 1466/97 u l-Artikoli 3(5) u 5(2) tar-Regolament (KE) 1467/97, tiffaċilita l-koordinazzjoni tal-politiki baġitarji fi żminijiet ta’ tnaqqis qawwi fir-ritmu ekonomiku. Fil-Komunikazzjoni tagħha, il-Kummissjoni qasmet mal-Kunsill il-fehma tagħha li, minħabba t-tnaqqis fir-ritmu ekonomiku qawwi mistenni li jirriżulta mit-tifqigħa tal-COVID-19, il-kundizzjonijiet attwali jippermettu l-attivazzjoni tal-klawżola. Fit-23 ta’ Marzu 2020, il-Ministri tal-Finanzi tal-Istati Membri qablu mal-valutazzjoni tal-Kummissjoni. L-attivazzjoni tal-klawżola liberatorja ġenerali tippermetti għal tluq temporanju mill-perkors ta’ aġġustament lejn l-objettiv baġitarju fi żmien medju, sakemm dan ma jipperikolax is-sostenibbiltà fiskali fi żmien medju. Għall-parti korrettiva, il-Kunsill jista’ jiddeċiedi wkoll, b’rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni, li jadotta trajettorja fiskali riveduta. Il-klawżola liberatorja ġenerali ma tissospendix il-proċeduri tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir. Dan jippermetti li l-Istati Membri jitbiegħdu mir-rekwiżiti baġitarji li normalment japplikaw filwaqt li jippermettu lill-Kummissjoni u lill-Kunsill iwettqu l-miżuri ta’ koordinazzjoni tal-politika meħtieġa fil-qafas tal-Patt.

(6)Hija meħtieġa azzjoni kontinwa biex tiġi limitata u kkontrollata l-firxa tal-pandemija, tissaħħaħ ir-reżiljenza tas-sistemi nazzjonali tas-saħħa, jittaffew il-konsegwenzi soċjoekonomiċi permezz ta’ miżuri ta’ appoġġ għan-negozju u l-unitajiet domestiċi u biex jiġu żgurati kundizzjonijiet adegwati ta’ saħħa u sigurtà fil-post tax-xogħol bil-ħsieb li terġa’ tibda l-attività ekonomika. Jenħtieġ li l-Unjoni tuża b’mod sħiħ id-diversi għodod li għandha għad-dispożizzjoni tagħha biex tappoġġa l-isforzi tal-Istati Membri f’dawk l-oqsma. B’mod parallel, l-Istati Membri u l-Unjoni jenħtieġ li jaħdmu flimkien biex iħejju l-miżuri meħtieġa biex jerġgħu lura għal funzjonament normali tas-soċjetajiet u l-ekonomiji tagħna u għal tkabbir sostenibbli, li jintegraw fost l-oħrajn it-tranżizzjoni ekoloġika u t-trasformazzjoni diġitali, u li jieħdu t-tagħlimiet kollha mill-kriżi.

(7)Il-kriżi tal-COVID-19 enfasizzat il-flessibbiltà li s-suq uniku joffri li jadatta għal sitwazzjonijiet straordinarji. Madankollu, sabiex tiġi żgurata tranżizzjoni rapida u bla xkiel għall-fażi ta’ rkupru u l-moviment liberu ta’ merkanzija, servizzi u ħaddiema, miżuri eċċezzjonali li jipprevjenu s-suq uniku milli jiffunzjona b’mod normali għandhom jitneħħew malli ma jibqgħux indispensabbli. Il-kriżi attwali wriet il-ħtieġa għal pjanijiet ta’ tħejjija għall-kriżijiet fis-settur tas-saħħa, li jinkludu b’mod partikolari strateġiji ta’ xiri mtejba, ktajjen tal-provvista diversifikati u riżervi strateġiċi ta’ provvisti essenzjali. Dawn huma elementi ewlenin għall-iżvilupp ta’ pjanijiet usa’ ta’ tħejjija għall-kriżijiet.

(8)Il-leġiżlatur tal-Unjoni diġà emenda l-oqfsa leġiżlattivi rilevanti 7 biex jippermetti lill-Istati Membri jimmobilizzaw ir-riżorsi mhux użati kollha mill-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej sabiex ikunu jistgħu jindirizzaw l-effetti eċċezzjonali tal-pandemija tal-COVID-19. Dawn l-emendi se jipprovdu flessibbiltà addizzjonali, kif ukoll proċeduri simplifikati u razzjonalizzati. Biex jittaffew il-pressjonijiet tal-flussi ta’ flus, l-Istati Membri jistgħu jibbenefikaw ukoll minn rata ta’ kofinanzjament ta’ 100 % mill-baġit tal-Unjoni fis-sena kontabilistika 2020-2021. Il-Portugall huwa mħeġġeġ jagħmel użu sħiħ minn dawk il-possibbiltajiet biex jgħin lill-individwi u s-setturi l-aktar affettwati mill-isfidi.

(9) Il-konsegwenzi soċjoekonomiċi tal-pandemija x’aktarx li ma jkunux imqassma b’mod uniformi madwar ir-reġjuni Portugiżi minħabba xejriet differenti ta’ speċjalizzazzjoni, b’mod partikolari f’reġjuni li jiddependu b’mod sinifikanti fuq it-turiżmu, bħall-Algarve u r-reġjuni l-aktar imbiegħda ta’ Madeira u l-Azores. Dan jinvolvi riskju sostanzjali li jiżdiedu d-differenzi reġjonali u territorjali fil-Portugall. Flimkien mar-riskju ta’ żarmar temporanju tal-proċess ta’ konverġenza bejn l-Istati Membri, is-sitwazzjoni attwali titlob risponsi ta’ politika mmirati.

(10)Fis-16 ta’ Mejju 2020, il-Portugall ippreżenta l-Programm Nazzjonali ta’ Riforma tal-2020 tiegħu u l-Programm ta’ Stabbiltà tal-2020 tiegħu. Sabiex jitqiesu r-rabtiet ta’ bejniethom, iż-żewġ programmi ġew ivvalutati fl-istess ħin.

(11)Bħalissa l-Portugall jinsab fil-parti preventiva tal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir u soġġett għar-regola tad-dejn. Fit-13 ta’ Lulju 2018, il-Kunsill irrakkomanda lill-Portugall biex jiżgura li r-rata tat-tkabbir nominali tan-nefqa primarja nett tal-Gvern 8 ma taqbiżx iż-0,7 % fl-2019, li jikkorrispondi għal aġġustament strutturali annwali ta’ 0,6 % tal-PDG. Il-valutazzjoni ġenerali tal-Kummissjoni tikkonferma devjazzjoni sinifikanti mill-perkors tal-aġġustamenti rakkomandat lejn l-objettiv baġitarju fi żmien medju fl-2019 u matul l-2018 u l-2019 flimkien. Madankollu, fid-dawl tal-attivazzjoni tal-klawżola liberatorja ġenerali, ma hemmx bżonn ta’ passi ulterjuri skont il-proċedura ta’ devjazzjoni sinifikanti għall-Portugall.

(12)Fil-programm ta’ Stabbiltà tiegħu tal-2020, il-Gvern ma kienx jinkludi xenarju makroekonomiku u pjanijiet għall-bilanċ tal-amministrazzjoni pubblika u l-proporzjon tad-dejn għall-PDG għal mill-inqas 2020. Il-Programm ta’ Stabbiltà tal-2020 jqis, madankollu, li kull 30 jum ta’ xogħol — jiġifieri madwar 1,5 xhur sħaħ — ta’ għeluq jista’, bħala medja, jikkawża impatt negattiv fuq il-PDG annwali ta’ 6,5 punti perċentwali. Il-perspettiva makroekonomika u fiskali hija affettwata minn inċertezza kbira minħabba l-pandemija tal-COVID-19. Hemm riskji speċifiċi għal kull pajjiż sottostanti għall-projezzjonijiet baġitarji, marbuta maż-żieda fl-obbligazzjonijiet kontinġenti pubbliċi li jirriżultaw minn xi korporazzjonijiet pubbliċi u l-miżuri relatati mal-COVID-19 li jimmiraw is-settur privat. Dan huwa fil-quċċata ta’ livelli mhux negliġibbli li kienu jeżistu qabel, parzjalment relatati ma’ impatti baġitarji ulterjuri potenzjali ta’ miżuri addizzjonali ta’ appoġġ lill-banek.

(13)B’reazzjoni għall-pandemija tal-COVID-19, u bħala parti minn approċċ ikkoordinat tal-Unjoni, il-Portugall adotta miżuri baġitarji biex iżid il-kapaċità tas-sistema tas-saħħa tiegħu, irażżan il-pandemija, u jipprovdi għajnuna lil dawk l-individwi u setturi li ġew affettwati b’mod partikolari. Il-Programm ta’ Stabbiltà tal-2020 jirrapporta stimi tal-impatti baġitarji ta’ dawk il-miżuri fuq bażi ta’ kull xahar jew fuq bażi annwali, mingħajr ma jipprovdi ċifra aggregata annwali pprojettata għall-2020. Il-miżuri jinkludu, fost l-oħrajn, appoġġ speċjali ta’ darba għal ditti biex l-attività tan-negozju terġa’ tibda (EUR 508,0 miljun jew 0,3 % tal-PDG), skema simplifikata għall-interruzzjoni temporanja ta’ xogħol (“lay-off”, EUR 373,3 miljun jew 0,2 % tal-PDG għal kull xahar ta’ applikazzjoni), u x-xiri ta’ tagħmir ta’ protezzjoni personali mis-sistema tas-saħħa (0,1 % tal-PDG kull xahar ta’ applikazzjoni) 9 . Il-Kummissjoni tqies li kost baġitarju dirett ġenerali ta’ madwar 2,5 % tal-PDG jista’ jirriżulta minn dawk il-miżuri fl-2020. Barra minn hekk, il-Portugall ħabbar miżuri li, filwaqt li ma għandhomx bħala regola impatt baġitarju dirett, se jikkontribwixxu biex jappoġġaw il-likwidità għan-negozji u l-familji, li l-Programm ta’ Stabbiltà tal-2020 huwa meqjus li se jkun qrib l-EUR 25,2 biljun jew 12,5 % tal-PDG. Dawn il-miżuri jinkludu posponimenti tat-taxxa għal taxxi fuq il-valur miżjud, taxxi personali u korporattivi, kif ukoll kontribuzzjonijiet soċjali (EUR 7,9 biljun jew 3,9 % tal-PDG) kif ukoll linji ta’ kreditu garantiti mill-Istat u inizjattivi simili oħra (EUR 4,0 biljun jew 2,0 % tal-PDG). B’mod ġenerali, il-miżuri meħuda mill-Portugall huma konformi mal-linji gwida stabbiliti fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar rispons ekonomiku koordinat għat-tifqigħa tal-COVID-19. L-implimentazzjoni sħiħa ta’ dawk il-miżuri, segwita mill-iffukar mill-ġdid tal-politiki fiskali lejn il-kisba ta’ pożizzjonijiet fiskali prudenti fi żmien medju meta l-kundizzjonijiet ekonomiċi jippermettu, se tikkontribwixxi għall-preservazzjoni tas-sostenibbiltà fiskali fi żmien medju.

(14)Fuq il-bażi tat-tbassir tar-rebbiegħa 2020 tal-Kummissjoni taħt politiki mhux mibdula, il-bilanċ tal-amministrazzjoni pubblika tal-Portugall huwa mbassar li jkun ta’ 6,5 % tal-PDG fl-2020 u ta’ 1,8 % fl-2021. Il-proporzjon tad-dejn tal-amministrazzjoni pubblika mal-PDG huwa projettat li jilħaq il-131,6 % fl-2020, qabel ma jonqos għal 124,4 % fl-2021.

(15)Fl-20 ta’ Mejju 2020, il-Kummissjoni ħarġet rapport imħejji skont l-Artikolu 126(3) tat-Trattat għall-Portugall minħabba l-ksur ipprojettat tal-limitu ta’ defiċit ta’ 3 % tal-PDG fl-2020. B’mod ġenerali, l-analiżi tissuġġerixxi li l-kriterju tad-defiċit kif definit fit-Trattat u fir-Regolament (KE) Nru 1467/1997 mhuwiex sodisfat.

(16)Il-pandemija tal-COVID-19 laqtet lill-Portugall fil-bidu ta’ Marzu 2020, u b’hekk is-sistema tas-saħħa tiegħu tqiegħdet taħt pressjoni enormi. Il-Gvern implimenta malajr firxa wiesgħa ta’ miżuri stretti ta’ konteniment, wara li ppromulgat stat kostituzzjonali ta’ emerġenza bejn it-18 ta’ Marzu 2020 u t-2 ta’ Mejju 2020 biex jillimita kemm jista’ jkun it-tixrid tal-marda u t-telf ta’ ħajjiet. Il-Portugall ħa miżuri biex isaħħaħ il-kapaċità ta’ rispons tas-sistema tas-saħħa u biex iċċattja l-kurva ta’ infezzjonijiet, sabiex ma jegħlibx l-isptarijiet. Il-miżuri ta’ trażżin nazzjonali u dinjija naqqsu b’mod sever l-attività ekonomika fil-biċċa l-kbira tas-setturi, li jolqtu t-turiżmu u attivitajiet relatati b’mod partikolari, u mċajpar il-perspettiva soċjali u ekonomika fil-Portugall, b’mod partikolari l-intrapriżi mikro, żgħar u ta’ daqs medju tiegħu (SMEs). L-ekonomija hija pprojettata li tiċkien b’6,8 % fl-2020 u tirkupra b’5,8 % fl-2021.

(17)Biex jittaffa l-impatt immedjat tal-pandemija COVID-19 fuq is-saħħa tan-nies, qed issir nefqa għolja għas-sistema tas-saħħa fuq livell wiesa’. Huma meħtieġa investimenti biex titjieb ir-reżiljenza tas-sistema tas-saħħa, l-iżgurar ta’ tagħmir, prodotti u infrastruttura meħtieġa biex jissaħħu l-kapaċitajiet ta’ rispons għall-kriżijiet, inklużi r-riċerka medika intensiva, l-ittestjar, ir-riċerka medika teknoloġika u applikata, u l-aċċess universali, inkluż barra ż-żoni urbani u fir-reġjuni ultraperiferiċi ta’ Madeira u l-Azores. Mill-bidu nett tat-tifqigħa tal-COVID-19, beda gradwalment pjan biex jiġi introdott mudell ġdid ta’ governanza għall-isptarijiet pubbliċi, b’żidiet sostanzjali fil-baġits annwali. L-implimentazzjoni kostanti tiegħu fis-sitwazzjoni attwali tista’ tgħin biex tissaħħaħ ir-reżiljenza tas-sistema tas-saħħa. Il-COVID-19 uriet il-fraġilità tal-faċilitajiet ta’ kura fit-tul fil-Portugall, li raw rati ogħla ta’ infezzjoni u letalità. Minkejja t-titjib fil-kopertura territorjali tal-kura fit-tul f’dawn l-aħħar 10 snin, ir-rati ta’ aċċess ġenerali huma baxxi fir-reġjuni kollha tal-pajjiż. Fl-istess ħin, qabel it-tifqigħa COVID-19, in-nefqa fuq il-kura tas-saħħa fit-tul kienet prevista li jkollha waħda mill-akbar żidiet fl-Unjoni bħala sehem perċentwali tal-PDG. Sforzi kontinwi biex jittejbu l-effiċjenza u l-kapaċità tal-kura tas-saħħa u l-kura fit-tul huma meħtieġa biex tiġi ttrattata l-kriżi attwali kif ukoll biex jiġu indirizzati l-isfidi relatati mat-tixjiħ.

(18)Wara żviluppi pożittivi kostanti fis-suq tax-xogħol mill-2014, il-Portugall issa se jiffaċċja sfidi straordinarji fil-qasam tal-impjiegi bħala riżultat tal-pandemija. Skont it-tbassir tal-Kummissjoni, il-qgħad huwa mistenni li jiżdied għal 9,7 % tal-popolazzjoni attiva fl-2020 u jirkupra għal 7,4 % fl-2021, ‘il fuq minn 6,5 % fl-2019. Biex jiġu appoġġati l-impjiegi u jitnaqqas ir-riskju ta’ telf ta’ impjiegi, il-Portugall issimplifika u adotta l-użu tal-iskema eżistenti tiegħu għall-interruzzjoni temporanja tax-xogħol. L-użu mmirat ta’ programmi nazzjonali u tal-Unjoni jista’ jippreserva l-impjiegi u l-attività ekonomika, b’mod partikolari fost l-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju (SMEs). Fil-fażi ta’ rkupru, politiki tas-suq tax-xogħol attivi personalizzati u mmirati, b’mod partikolari t-titjib tal-ħiliet u t-taħriġ mill-ġdid, se jkollhom rwol deċiżiv biex il-ħaddiema jibqgħu lesti għax-xogħol. Il-kooperazzjoni bejn min iħaddem, l-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni u t-taħriġ, u s-servizzi pubbliċi tal-impjiegi se jkunu kruċjali biex tiġi ġġenerata żieda f’daqqa fir-reklutaġġ.

(19)It-tifqigħa tal-COVID-19 teħtieġ miżuri biex jitnaqqsu l-impatti soċjali u biex jiġu protetti l-persuni f’sitwazzjonijiet vulnerabbli, sabiex l-inugwaljanzi ma jiżdidux. Dawn jinkludu skemi ta’ benefiċċju tal-qgħad u appoġġ għad-dħul għall-ħaddiema l-aktar affettwati, inklużi ħaddiema għal rashom u ħaddiema mhux standard, aċċess għal servizzi u miżuri li jrawmu l-integrazzjoni mill-ġdid fis-suq tax-xogħol. L-implimentazzjoni ta’ pjan nazzjonali ta’ kontinġenza soċjali f’kooperazzjoni mal-imsieħba soċjali u s-soċjetà ċivili tista’ tikkontribwixxi għal rispons immedjat u kkoordinat biex jittaffew il-konsegwenzi soċjali tal-kriżi. Bidliet fil-politika biex jitreġġa’ lura t-tnaqqis fl-effettività tat-trasferimenti soċjali f’dawn l-aħħar snin, pereż. żidiet fl-introjtu minimu, is-suppliment ta’ solidarjetà għall-anzjani, il-pensjonijiet u l-benefiċċji tal-familja kellhom effett pożittiv fuq id-distribuzzjoni tal-introjtu. Madankollu, it-trasferimenti soċjali (esklużi l-pensjonijiet) naqqsu l-proporzjon tal-popolazzjoni fir-riskju tal-faqar bi 23,8 % biss fil-Portugall fl-2018, ferm anqas mill-medja tal-UE ta’ 34 %. Barra minn hekk, l-adegwatezza tal-iskema ta’ introjtu minimu hija fost l-aktar baxxi fl-Unjoni billi tipprovdi introjtu ta’ 40 % biss tal-limitu nazzjonali tal-faqar.

(20)Il-pandemija tal-COVID-19 tippreżenta talbiet sinifikanti fuq l-użu ta’ teknoloġiji diġitali biex jiġi żgurat l-aċċess kontinwu għall-edukazzjoni u l-attività kummerċjali, fil-kuntest tal-adozzjoni meħtieġa tal-miżuri ta’ tbegħid soċjali. L-iskejjel u ċ-ċentri tat-taħriġ Portugiżi għalqu u t-tagħlim tradizzjonali fuq il-post ġie mfixkel. Madwar 6 % tal-unitajiet domestiċi għad ma għandhomx aċċess għall-internet, u dan jaffettwa madwar 50,000 student, u l-aċċess għall-internet u l-kopertura tan-netwerk tat-telekomunikazzjoni jvarjaw ħafna bejn iż-żoni urbani u dawk rurali. Studenti minn familji soċjoekonomikament vantaġġati huma f’qagħda aħjar biex jimmaniġġaw l-isfidi maħluqa mit-tagħlim mill-bogħod. B'żieda ma’ dan, il-Portugall għandu defiċit kbir fil-ħiliet diġitali. Fl-2019, 48 % tal-popolazzjoni ma kellhiex ħiliet diġitali bażiċi, inkluż madwar 26 % mingħajr ħiliet diġitali u l-proporzjon ta’ dawk li qatt ma użaw l-internet huwa d-doppju tal-medja tal-UE. Iċ-ċirkostanzi attwali jirrikjedu implimentazzjoni intensiva ta’ korsijiet ta’ taħriġ elettroniku u sforzi biex tingħata għajnuna lill-persuni li jbatu mill-esklużjoni diġitali biex jegħlbu l-ostakli fl-aċċess għat-tagħlim mill-bogħod. L-adozzjoni ta’ teknoloġiji diġitali minn negozji li joffru arranġamenti ta’ xogħol alternattivi u servizzi diġitali tippermetti l-kontinwità tan-negozju lil ditti li s-servizzi tagħhom jistgħu jiġu pprovduti online, u b’hekk jittaffa l-impatt tar-restrizzjonijiet f’xi setturi. Dan huwa partikolarment rilevanti fil-Portugall li l-ekonomija tiegħu hija l-aktar ikkaratterizzata minn mikrointrapriżi kkonċentrati f’setturi tradizzjonali. Wieħed mill-fatturi ewlenin li jxekklu d-diġitalizzazzjoni tal-SMEs huwa d-distakk fl-għarfien diġitali, li joriġina minn livelli baxxi globali ta’ litteriżmu diġitali fost il-maniġers u l-impjegati.

(21)Biex jiġu evitati l-fallimenti u l-kumpaniji jissoppravivu x-xokk u jibqgħu kompetittivi, il-Portugall adotta sett ta’ miżuri mmirati biex jiġu appoġġati ditti vijabbli, u b’mod partikolari l-SMEs, li ġew affettwati mill-impożizzjoni tal-miżuri ta’ tbegħid soċjali, li jimplika restrizzjonijiet fuq operazzjonijiet u tnaqqis fid-domanda domestika u dinjija.  Dawn il-miżuri jiffokaw fuq l-għoti ta’ appoġġ ta’ likwidità inkluż permezz ta’ garanziji ffinanzjati mill-istat u l-istituzzjonijiet finanzjarji, sussidji diretti, differimenti tat-taxxa u tnaqqis tal-kontribuzzjonijiet soċjali. Jiffukaw b’mod partikolari fuq is-setturi l-aktar milquta, inkluż it-turiżmu, l-ospitalità, u attivitajiet ekonomiċi relatati, kif ukoll il-kumpaniji tal-manifattura u tal-esportazzjoni. Huwa importanti li tali miżuri jiġu implimentati f’waqthom u b’mod effiċjenti mill-istituzzjonijiet pubbliċi u l-intermedjarji privati. F’dan il-kuntest, il-Gvern Portugiż issimplifika l-proċess ta’ aċċess għal-linji ta’ kreditu, jiġifieri d-dokumentazzjoni li għandha tiġi ppreżentata mid-ditti.  Fil-proċess tat-tfassil u l-implimentazzjoni ta’ dawn il-miżuri jeħtieġ li titqies ir-reżiljenza tas-settur bankarju. Azzjoni ta’ politika addizzjonali huma mmirati biex jappoġġaw l-intraprenditorija u dawk li jaħdmu għal rashom.

(22)Biex jitrawwem l-irkupru ekonomiku, se jkun importanti li l-proġetti ta’ investiment pubbliku maturi jiġu avvanzati minn qabel u li jiġi promoss l-investiment privat, inkluż permezz ta’ riformi rilevanti. L-investimenti li jtejbu t-tkabbir biex jappoġġaw ir-riċerka u l-innovazzjoni, id-diġitalizzazzjoni, il-konnettività u t-tranżizzjoni ekoloġika se jikkontribwixxu għall-irkupru tal-ekonomija Portugiża u jorjentawha lejn tkabbir sostenibbli fit-tul. L-investimenti fl-infrastruttura tat-trasport jistgħu jindirizzaw is-sitwazzjoni periferali tal-Portugall, b’mod partikolari billi jingħalqu l-lakuni tal-konnessjoni ferrovjarja ma’ Spanja u billi jiġi permess l-isfruttament tal-potenzjal sottoutilizzat tal-portijiet Portugiżi. Il-pjan Nazzjonali tal-Portugall għall-Enerġija u l-Klima jirrapporta ħtiġijiet importanti ta’ investiment biex tiġi indirizzata t-tranżizzjoni għall-klima u l-enerġija. Għad hemm marġini wiesa’ biex tittejjeb l-effiċjenza enerġetika fil-bini u biex jitnaqqas il-konsum tal-enerġija fin-negozju. Konnettività aħjar tal-enerġija tal-Peniżola Iberika tista’ tippermetti aktar kompetizzjoni u tiffaċilita l-użu tal-enerġija rinnovabbli. L-investiment jista’ jappoġġa wkoll l-antiċipazzjoni tal-effetti negattivi tat-tibdil fil-klima, bħall-għargħar u n-nirien tal-foresti, kif ukoll it-titjib tal-ġestjoni tal-ilma u tal-iskart u l-iżvilupp tal-potenzjal tal-ekonomija ċirkolari. L-ipprogrammar tal-Fond ta’ Tranżizzjoni Ġusta għall-perjodu 2021-2027 jista’ jgħin lill-Portugall jindirizza wħud mill-isfidi ppreżentati mit-tranżizzjoni lejn ekonomija newtrali għall-klima, b’mod partikolari fit-territorji koperti mill-Anness D għar-rapport tal-pajjiż 10 . Dan jippermetti lill-Portugall jagħmel l-aħjar użu minn dak il-fond. 

(23)Is-sistema tal-ġustizzja Portugiża saret aktar effiċjenti f’dawn l-aħħar snin, bis-saħħa ta’ għadd ta’ miżuri li għadhom qed jiġu implimentati. Madankollu, il-pandemija u r-riċessjoni li tirriżulta jistgħu jwasslu għal żieda fil-litigazzjoni li tista’ taggrava d-diffikultajiet li fadal, b’mod partikolari l-proċeduri twal u numru għoli ta’ kawżi b’lura fil-qrati amministrattivi u fiskali. Żieda fl-effiċjenza u r-reżiljenza tas-sistema ġudizzjarja tista’ ttejjeb l-ambjent tan-negozju, b’mod partikolari għall-benefiċċju ta’ SMEs u investituri domestiċi.

(24)Filwaqt li r-rakkomandazzjonijiet attwali jiffukaw fuq l-indirizzar tal-impatti soċjoekonomiċi tal-pandemiji u fuq l-iffaċilitar tal-irkupru ekonomiku, ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż tal-2019 adottati mill-Kunsill fid-9 ta’ Lulju 2019 koprew ukoll riformi li huma essenzjali biex jiġu ttratati l-isfidi strutturali fi żmien medju sa dak twil. Dawn ir-rakkomandazzjonijiet jibqgħu pertinenti u se jkomplu jiġu mmonitorjati matul iċ-ċiklu annwali tas-Semestru Ewropew tas-sena d-dieħla. Dan japplika wkoll għal rakkomandazzjonijiet rigward politiki ekonomiċi relatati mal-investiment. Ir-rakkomandazzjonijiet tal-aħħar gjenħtieġ li jitqiesu għall-ipprogrammar strateġiku tal-finanzjament tal-politika ta’ koeżjoni ta’ wara l-2020, inkluż għal miżuri ta’ mitigazzjoni u strateġiji ta’ ħruġ fir-rigward tal-kriżi attwali.

(25)L-aħħar snin raw diversi titjib aggregat fis-sistema bankarja Portugiża. Metriċi ta’ profittabbiltà tjiebet minħabba sforzi biex tiżdied l-effiċjenza tas-settur u t-tnaqqis ta’ dispożizzjonijiet u indebolimenti. Minħabba l-profittabbiltà mtejba, is-sistema bankarja kompliet fit-triq tagħha biex issaħħaħ il-proporzjonijiet tal-kapital. Madankollu, il-livelli ta’ fondi proprji għadhom taħt il-medja tal-UE. Ix-xejra tal-proporzjon ta’ NPLs kompla jonqos iżda għadu d-doppju tal-proporzjon tal-UE. Il-kapaċità tal-ġenerazzjoni tal-introjtu għadha sfida fost rati tal-imgħax baxxi u f’ekonomija b’livell ta’ dejn li għadu għoli. Aktar reċentement, l-ekonomija dgħajfa, il-kriżi tal-COVID-19 u l-ambjent b’rata tal-imgħax baxxa se joħolqu sfidi għas-settur bankarju u se jiġu riflessi fil-kwalità kreditizja ta’ self mogħti. Barra minn hekk, il-banek Portugiżi għadhom esposti għal xi ġeografiji li jiddependu ħafna fuq l-iżviluppi fil-prezzijiet tal-komoditajiet, l-iktar iż-żejt. L-esponiment għal dawn il-ġeografiji huwa sensittiv għar-riskju tas-suq, għar-riskju tal-kambju u tal-kreditu, u jista’ jkollu impatt fuq il-kwalità tal-kreditu tas-self mogħti lid-ditti esposti għal dawn il-ġeografiji.

(26)Il-proċedimenti ta’ insolvenza twal ġew identifikati bħala wieħed mill-fatturi ewlenin li jipprevjenu lill-banek milli jinnegozjaw fil-pront mal-istokk eżistenti ta’ NPLs. Huma għandhom ukoll influwenza sostanzjali fuq l-ipprezzar ta’ dawn l-assi fis-suq sekondarju, minħabba li l-eżiti, imkejla bħala pagamenti lill-kredituri, huma insuffiċjenti. L-analiżi ta’ NPLs tkompli turi proporzjon konsistentement għoli ta’ self korporattiv (madwar żewġ terzi), li huma inqas soġġetti għal approċċ rapidu u standardizzat. F’dawn l-aħħar snin, saru diversi emendi kemm għall-insolvenza kif ukoll għall-proċedimenti ta’ infurzar ċivili. Aktar aġġustamenti, b’mod partikolari l-immirar ta’ dewmien mhux ġustifikat, jgħinu kemm lill-kredituri kif ukoll lill-mutwatarji, b’dawn tal-aħħar jibbenefikaw minn bidu ġdid.

(27)Is-Semestru Ewropew jipprovdi l-qafas għal koordinazzjoni kontinwa tal-politika ekonomika u tal-impjiegi fl-Unjoni, li jista’ jkun ta’ kontribut għal ekonomija sostenibbli. L-Istati Membri evalwaw il-progress fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli (Sustainable Development Goals, SDGs) tan-Nazzjonijiet Uniti fil-Programmi Nazzjonali ta’ Riforma tal-2020 tagħhom. Billi jiżgura l-implimentazzjoni sħiħa tar-rakkomandazzjonijiet ta’ hawn taħt, il-Portugall se jikkontribwixxi għall-progress lejn l-SDGs u għall-isforz komuni biex tiġi żgurata s-sostenibbiltà kompetittiva fl-Unjoni.

(28)Il-koordinazzjoni mill-qrib bejn l-ekonomiji fl-unjoni ekonomika u monetarja hija kruċjali biex jinkiseb irkupru rapidu mill-impatt ekonomiku tal-COVID-19. Il-Portugall għandu, bħala Stat Membru li l-munita tiegħu hija l-euro — u filwaqt li jqis il-gwida politika mill-Grupp tal-Euro — jiżgura li l-politiki tiegħu jibqgħu konsistenti mar-rakkomandazzjonijiet taż-Zona tal-Euro u kkoordinati ma’ dawk tal-Istati Membri l-oħra taż-Żona tal-Euro.

(29)Fil-kuntest tas-Semestru Ewropew 2020, il-Kummissjoni wettqet analiżi komprensiva tal-politika ekonomika tal-Portugall u ppubblikatha fir-rapport tal-pajjiż tal-2020. Hija vvalutat ukoll il-Programm ta’ Stabbiltà tal-2020, il-Programm Nazzjonali ta’ Riforma tal-2020 u s-segwitu mogħti għar-rakkomandazzjonijiet indirizzati lill-Portugall fi snin preċedenti. Hija qieset mhux biss ir-rilevanza tagħhom għal politika fiskali u soċjoekonomika sostenibbli fil-Portugall imma qieset ukoll il-konformità tagħhom mar-regoli u mal-gwida tal-Unjoni, fid-dawl tal-ħtieġa li tissaħħaħ il-governanza ekonomika kumplessiva tal-Unjoni billi jingħata kontribut fil-livell tal-Unjoni għad-deċiżjonijiet nazzjonali futuri.

(30)Fid-dawl ta’ din il-valutazzjoni, il-Kunsill eżamina l-Programm ta’ Stabbiltà tal-2020 u l-opinjoni tiegħu 11 hija riflessa b’mod partikolari fir-rakkomandazzjoni (1) hawn taħt.

(31)Fid-dawl tal-analiżi fil-fond tal-Kummissjoni u ta’ din il-valutazzjoni, il-Kunsill eżamina l-Programm Nazzjonali ta’ Riforma tal-2020 u l-Programm ta’ Stabbiltà tal-2020. Ir-rakkomandazzjonijiet preżenti jqisu l-ħtieġa li tiġi indirizzata l-pandemija u li jiġi ffaċilitat l-irkupru ekonomiku bħala l-ewwel pass meħtieġ biex ikun jista’ jsir aġġustament tal-iżbilanċi. Ir-rakkomandazzjonijiet li jindirizzaw direttament l-iżbilanċi makroekonomiċi identifikati mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 6 tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011 huma riflessi fir-rakkomandazzjonijiet (1), (2), (3) u (4),

B’DAN JIRRAKKOMANDA li l-Portugall jieħu azzjoni fl-2020 u fl-2021 biex:

1.F’konformità mal-klawżola liberatorja ġenerali, jieħu l-miżuri kollha meħtieġa biex jindirizza b’mod effettiv il-pandemija, isostni l-ekonomija u jappoġġa l-irkupru sussegwenti. Meta l-kundizzjonijiet ekonomiċi jippermettu, isegwi politiki fiskali mmirati lejn il-kisba ta’ pożizzjonijiet fiskali prudenti fi żmien medju u jiżgura s-sostenibbiltà fejn jidħol id-dejn, filwaqt li jtejjeb l-investiment. Isaħħaħ ir-reżiljenza tas-sistema tas-saħħa u jiġi żgurat aċċess ugwali għal saħħa ta’ kwalità u kura fit-tul.

2.Jappoġġa l-impjiegi u jagħti prijorità lil miżuri biex jippreservaw l-impjiegi. Jiggarantixxi protezzjoni soċjali suffiċjenti u effettiva u appoġġ għad-dħul. Jappoġġa l-użu ta’ teknoloġiji diġitali biex jiżgura aċċess ugwali għal edukazzjoni u taħriġ ta’ kwalità u biex tingħata spinta lill-kompetittività tad-ditti.

3.Jiġu implimentati l-miżuri temporanji bil-għan li jiġi żgurat l-aċċess għal-likwidità għad-ditti, b’mod partikolari l-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju. Javvanza l-bidu ta’ proġetti maturi ta’ investiment pubbliku u jippromwovi l-investiment privat biex jitħaddan l-irkupru ekonomiku. Jiffoka l-investiment fuq it-tranżizzjoni ekoloġika u diġitali, b’mod partikolari fuq il-produzzjoni nadifa u effiċjenti u l-użu tal-enerġija, l-infrastrutturi ferrovjarja u l-innovazzjoni.

4.Iżid l-effiċjenza tal-qrati amministrazzjoni u tat-taxxa.

Magħmul fi Brussell,

   Għall-Kunsill

   Il-President

(1)    ĠU L 209, 2.8.1997, p. 1.
(2)    ĠU L 306, 23.11.2011, p. 25.
(3)    SWD(2020) 521 final.
(4)    OJ C 301, 5.9.2019, p. 117.
(5)    COM(2020) 112 final.
(6)    COM(2020) 123 final.
(7)

   Ir-Regolament (UE) 2020/460 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Marzu 2020 li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1301/2013, (UE) Nru 1303/2013 u (UE) Nru 508/2014 fir-rigward ta’ miżuri speċifiċi biex jiġu mmobilizzati investimenti fis-sistemi tal-kura tas-saħħa tal-Istati Membri u f’setturi oħra tal-ekonomiji tagħhom b’reazzjoni għat-tifqigħa tal-COVID-19, (Inizjattiva ta’ Investiment fir-Rispons għall-Coronavirus) (ĠU L 99, 31.3.2020, p. 5) u r-Regolament (UE) 2020/558 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ April 2020 li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1301/2013 u (UE) Nru 1303/2013 rigward miżuri speċifiċi biex tingħata flessibbiltà eċċezzjonali għall-użu tal-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej b’reazzjoni għat-tifqigħa tal-COVID-19 (ĠU L 130, 24.4.2020, p. 1).

(8)    In-nefqa primarja netta tal-Gvern hi magħmula min-nefqa totali tal-Gvern mingħajr in-nefqa marbuta mal-imgħax, in-nefqa marbuta mal-programmi tal-Unjoni kompletament koperti mid-dħul tal-fondi tal-Unjoni u mill-bidliet mhux diskrezzjonali fin-nefqa marbuta mal-benefiċċju tal-qgħad. Il-formazzjoni tal-kapital fiss gross iffinanzjata fil-livell nazzjonali hija mifruxa għal perjodu ta’ erba’ snin. Fil-kalkolu jiddaħħlu l-miżuri diskrezzjonali b’rabta mad-dħul jew żidiet fid-dħul preskritti bil-liġi. Miżuri ta’ darba, kemm fin-naħa tad-dħul kif ukoll tan-nefqa, huma esklużi.
(9)    L-impatti baġitarji huma espressi bħala perċentwal tal-PDG fl-2020 skont it-tbassir tar-rebbiegħa 2020 tal-Kummissjoni.
(10)    SWD(2020) 251 final.
(11)    Skont l-Artikolu 5(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97.
Top