EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52020DC0516

Rakkomandazzjoni għal RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL dwar il-Programm Nazzjonali ta’ Riforma tal-Lussemburgu tal-2020 u li tagħti l-opinjoni tal-Kunsill dwar il-Programm ta’ Stabbiltà tal-Lussemburgu tal-2020

COM/2020/516 final

Brussell, 20.5.2020

COM(2020) 516 final

Rakkomandazzjoni għal

RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL

dwar il-Programm Nazzjonali ta’ Riforma tal-Lussemburgu tal-2020 u li tagħti l-opinjoni tal-Kunsill dwar il-Programm ta’ Stabbiltà tal-Lussemburgu tal-2020


Rakkomandazzjoni għal

RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL

dwar il-Programm Nazzjonali ta’ Riforma tal-Lussemburgu tal-2020 u li tagħti l-opinjoni tal-Kunsill dwar il-Programm ta’ Stabbiltà tal-Lussemburgu tal-2020

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 121(2) u 148(4) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97 tas-7 ta’ Lulju 1997 dwar it-tisħiħ tas-sorveljanza ta’ pożizzjonijiet ta’ baġit u s-sorveljanza u l-koordinazzjoni ta’ politika ekonomika 1 , u b’mod partikolari l-Artikolu 5(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tal-Parlament Ewropew,

Wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Impjiegi,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju Ewropew,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Protezzjoni Soċjali,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Politika Ekonomika,

Billi:

(1)Fis-17 ta’ Diċembru 2019, il-Kummissjoni adottat l-Istrateġija Annwali dwar it-Tkabbir Sostenibbli, li tat bidu għas-Semestru Ewropew tal-2020 għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika. Hija ħadet kont debitu tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, iddikjarat mill-Parlament Ewropew, mill-Kunsill u mill-Kummissjoni fis-17 ta’ Novembru 2017. Fis-17 ta’ Diċembru 2019, fuq il-bażi tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011, il-Kummissjoni adottat ukoll ir-Rapport dwar il-Mekkaniżmu ta’ Twissija, li fih ma identifikatx lil-Lussemburgu bħala wieħed mill-Istati Membri li huwa meħtieġ li ssirlu analiżi fil-fond. Fl-istess jum, il-Kummissjoni adottat ukoll rakkomandazzjoni għal Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-politika ekonomika taż-Żona tal-Euro.

(2)Ir-rapport speċifiku għall-pajjiż tal-2020 għal-Lussemburgu 2 ġie ppubblikat fis-26 ta’ Frar 2020. Huwa vvaluta l-progress tal-Lussemburgu fl-indirizzar tar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż adottati mill-Kunsill fid-9 ta' Lulju 2019 3 , is-segwitu mogħti lir-rakkomandazzjonijiet adottati fis-snin preċedenti u l-progress tal-Lussemburgu lejn il-miri nazzjonali tal-Ewropa 2020.

(3)Fil-11 ta’ Marzu 2020, l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa uffiċjalment iddikjarat il-COVID-19 bħala pandemija dinjija. Hija emerġenza serja tas-saħħa pubblika għaċ-ċittadini, is-soċjetajiet u l-ekonomiji. Din qiegħda tpoġġi s-sistemi tas-saħħa nazzjonali taħt pressjoni qawwija u qiegħda tfixkel il-katini ta’ provvista dinjija, tikkawża volatilità fis-swieq finanzjarji, xokkijiet fid-domanda tal-konsumatur u qed tħalli effetti negattivi f’diversi setturi. Hija qed thedded ukoll l-impjiegi tan-nies, id-dħul tagħhom u n-negozju tal-kumpaniji. Hija tat xokk ekonomiku kbir li diġà qed ikollu riperkussjonijiet serji fl-Unjoni Ewropea. Fit-13 ta’ Marzu 2020, il-Kummissjoni adottat Komunikazzjoni 4 li tappella għal rispons ekonomiku kkoordinat għall-kriżi, li jinvolvi l-atturi kollha fil-livell nazzjonali u tal-Unjoni.

(4)Diversi Stati Membri ddikjaraw stat ta’ emerġenza jew introduċew miżuri ta’ emerġenza. Jenħtieġ li kull miżura ta’ emerġenza tkun strettament proporzjonata, meħtieġa, limitata fiż-żmien, u f’konformità mal-istandards Ewropej u internazzjonali. Dawn il-miżuri għandhom ikunu soġġetti għal sorveljanza demokratika u għal reviżjoni ġudizzjarja indipendenti.

(5)Fl-20 ta’ Marzu 2020, il-Kummissjoni adottat Komunikazzjoni dwar l-attivazzjoni tal-klawżola liberatorja ġenerali tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir 5 . Il-klawżola, kif inhu stipulat fl-Artikoli 5(1), 6(3), 9(1) u 10(3) tar-Regolament (KE) 1466/97 u l-Artikoli 3(5) u 5(2) tar-Regolament (KE) 1467/97, tiffaċilita l-koordinazzjoni tal-politiki baġitarji fi żminijiet ta’ tnaqqis qawwi fir-ritmu ekonomiku. Fil-Komunikazzjoni tagħha, il-Kummissjoni qablet mal-Kunsill dwar il-fehma tagħha li, minħabba t-tnaqqis fir-ritmu ekonomiku qawwi li mistenni li jirriżulta mit-tfaqqigħa tal-COVID-19, il-kundizzjonijiet attwali jippermettu l-attivazzjoni tal-klawżola. Fit-23 ta’ Marzu 2020, il-Ministri tal-Finanzi tal-Istati Membri qablu mal-valutazzjoni tal-Kummissjoni. L-attivazzjoni tal-klawżola liberatorja ġenerali tippermetti għal tluq temporanju mill-perkors ta’ aġġustament lejn l-objettiv baġitarju fi żmien medju, sakemm dan ma jipperikolax is-sostenibbiltà fiskali fi żmien medju. Għall-parti korrettiva, il-Kunsill jista’ jiddeċiedi wkoll, b'rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni, li jadotta trajettorja fiskali riveduta. Il-klawżola liberatorja ġenerali ma tissospendix il-proċeduri tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir. Dan jippermetti li l-Istati Membri jitbiegħdu mir-rekwiżiti baġitarji li normalment japplikaw filwaqt li jippermettu lill-Kummissjoni u lill-Kunsill biex iwettqu l-miżuri ta’ koordinazzjoni tal-politika meħtieġa fil-qafas tal-Patt.

(6)Hija meħtieġa azzjoni kontinwa biex tiġi limitata u kkontrollata l-firxa tal-pandemija, tissaħħaħ ir-reżiljenza tas-sistemi nazzjonali tas-saħħa, jittaffew il-konsegwenzi soċjoekonomiċi permezz ta’ miżuri ta’ appoġġ għan-negozju u l-unitajiet domestiċi u biex jiġu żgurati kundizzjonijiet adegwati ta’ saħħa u sigurtà fil-post tax-xogħol bil-ħsieb li terġa’ tibda l-attività ekonomika. Jenħtieġ li l-Unjoni tuża b’mod sħiħ id-diversi għodod li għandha għad-dispożizzjoni tagħha biex tappoġġa l-isforzi tal-Istati Membri f’dawk l-oqsma. B’mod parallel, jenħtieġ li l-Istati Membri u l-Unjoni jaħdmu flimkien biex iħejju l-miżuri meħtieġa biex jerġgħu lura għal funzjonament normali tas-soċjetajiet u l-ekonomiji tagħna u għal tkabbir sostenibbli, li jintegraw fost l-oħrajn it-trasformazzjoni diġitali u ekoloġika, u li jieħdu t-tagħlimiet kollha mill-kriżi.

(7)Il-kriżi tal-COVID-19 enfasizzat il-flessibbiltà li s-suq uniku joffri biex wieħed jadatta għal sitwazzjonijiet straordinarji. Madankollu, sabiex tiġi żgurata tranżizzjoni rapida u bla xkiel għall-fażi ta’ rkupru u l-moviment liberu ta’ merkanzija, servizzi u ħaddiema, miżuri eċċezzjonali li jżommu s-suq uniku milli jiffunzjona b’mod normali jridu jitneħħew malli ma jibqgħux indispensabbli. Il-kriżi attwali wriet il-ħtieġa għal pjanijiet ta’ tħejjija għall-kriżijiet fis-settur tas-saħħa, li jinkludu b’mod partikolari strateġiji ta’ xiri mtejba, ktajjen tal-provvista diversifikati u riżervi strateġiċi ta’ provvisti essenzjali. Dawn huma elementi ewlenin għall-iżvilupp ta’ pjanijiet usa’ ta’ tħejjija għall-kriżijiet.

(8)Il-leġiżlatur tal-Unjoni diġà emenda l-oqfsa leġiżlattivi rilevanti 6 biex jippermetti lill-Istati Membri jimmobilizzaw ir-riżorsi mhux użati kollha mill-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej sabiex ikunu jistgħu jindirizzaw l-effetti eċċezzjonali tal-pandemija COVID-19. Dawn l-emendi se jipprovdu flessibbiltà addizzjonali, kif ukoll proċeduri simplifikati. Sabiex jittaffew il-pressjonijiet ta’ flussi ta’ flus, l-Istati Membri jistgħu jibbenefikaw ukoll minn rata ta’ kofinanzjament ta’ 100 % mill-baġit tal-Unjoni fis-sena kontabilistika 2020-2021. Il-Lussemburgu huwa mħeġġeġ jagħmel użu sħiħ minn dawk il-possibbiltajiet biex jgħin lill-individwi u s-setturi l-aktar affettwati mill-isfidi.

(9)Fit-30 ta' April 2020, il-Lussemburgu ppreżenta l-Programm Nazzjonali ta' Riforma tiegħu tal-2020 u, fid-29 ta’ April 2020, il-Programm ta' Stabbiltà tiegħu tal-2020. Sabiex jitqiesu r-rabtiet ta’ bejniethom, iż-żewġ programmi ġew ivvalutati fl-istess ħin.

(10)Bħalissa l-Lussemburgu qiegħed fil-parti preventiva tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir.

(11)Fil-programm ta' Stabbiltà tiegħu għall-2020, il-Gvern qed jippjana li l-bilanċ nominali jiddeterjora minn surplus ta’ 2,2 % tal-PDG fl-2019 għal defiċit ta’ 8,5 % tal-PDG fl-2020. Id-defiċit huwa projettat li jonqos għal 3,0 % tal-PDG fl-2021. Wara li żdied għal 22,1 % tal-PDG fl-2019, il-proporzjon tad-dejn tal-amministrazzjoni pubblika mal-PDG huwa mistenni li jiżdied għal 28,7 % fl-2020 skont il-Programm ta’ Stabbiltà tal-2020. Il-perspettiva makroekonomika u fiskali hija affettwata minn inċertezza kbira relatata mal-pandemija tal-COVID-19.

(12)B’reazzjoni għall-pandemija tal-COVID-19, u bħala parti minn approċċ koordinat tal-Unjoni, il-Lussemburgu adotta miżuri baġitarji biex iżid il-kapaċità tas-sistema tas-saħħa tiegħu, irażżan il-pandemija, u jipprovdi għajnuna lil dawk l-individwi u setturi affettwati b’mod partikolari. Skont il-Programmi ta’ Stabbiltà tal-2020, dawn il-miżuri baġitarji ammontaw għal 5,5 % tal-PDG. Il-miżuri jinkludu: it-tisħiħ tas-servizzi tal-kura tas-saħħa, appoġġ għall-impriżi li jinsabu f’diffikultà, self li jitħallas lura u arranġamenti tax-xogħol għal żmien qasir, inkluż għal persuni li jaħdmu għal rashom u għall-ħaddiema transfruntiera. Barra minn hekk, il-Lussemburgu ħabbar miżuri li, filwaqt li ma għandhomx impatt baġitarju dirett, se jikkontribwixxu biex jappoġġaw il-likwidità tan-negozji. Dawn il-miżuri jinkludu differiment tat-taxxa, self lil intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju f’diffikultajiet finanzjarji temporanji u garanziji. B’kuntrast mal-Programm ta’ Stabbiltà tal-2020, il-Kummissjoni tistma impatt iżgħar tal-pakkett billi ma tikkunsidrax id-differimenti tat-taxxa u l-għoti ta’ self li jitħallas lura bħala miżuri diskrezzjonarji b’impatt baġitarju. L-awtoritajiet madankollu jikkunsidraw li parti mid-differimenti tat-taxxi diretti fuq it-taxxi diretti fl-aħħar se jkollu impatt baġitarju, li huwa inkluż fl-ammont imsemmi hawn fuq ta’ 5,5 % tal-PDG. Barra minn hekk, sehem tal-ispiża relatata mal-iskemi tax-xogħol għal żmien qasir tqies bħala parti mill-funzjonament tal-istabbilizzaturi awtomatiċi. B’mod ġenerali, il-miżuri meħuda mil-Lussemburgu huma konformi mal-linji gwida stabbiliti fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar rispons ekonomiku koordinat għat-tifqigħa tal-COVID-19. L-implimentazzjoni sħiħa ta’ dawk il-miżuri, segwita mill-iffukar mill-ġdid tal-politiki fiskali lejn il-kisba ta’ pożizzjonijiet fiskali prudenti fi żmien medju meta l-kundizzjonijiet ekonomiċi jippermettu, se tikkontribwixxi għall-preservazzjoni tas-sostenibbiltà fiskali fiż-żmien medju.

(13)Fuq il-bażi tat-tbassir tar-Rebbiegħa 2020 tal-Kummissjoni taħt politiki mhux mibdula, il-bilanċ tal-amministrazzjoni pubblika tal-Lussemburgu huwa mbassar li jkollu defiċit ta’ 4,8 % tal-PDG fl-2020 u surplus ta’ 0,1 % fl-2021. Il-proporzjon tad-dejn tal-amministrazzjoni pubblika huwa projettat li jibqa’ taħt is-60 % tal-PDG fl-2020 u fl-2021. Meta mqabbel mal-previżjonijiet tal-Kummissjoni, il-programm ta’ Stabbiltà huwa bbażat fuq suppożizzjonijiet aktar prudenti kemm għad-dħul kif ukoll għall-infiq.

(14)Fl-20 ta’ Mejju 2020, il-Kummissjoni ħarġet rapport imħejji skont l-Artikolu 126(3) tat-Trattat minħabba l-ksur ipprojettat tal-Lussemburgu tat-3 % tal-limitu tad-defiċit tal-PGD fl-2020. B’mod ġenerali, l-analiżi tissuġġerixxi li l-kriterju tad-defiċit kif definit fit-Trattat u fir-Regolament (KE) Nru 1467/1997 mhuwiex sodisfatt.

(15)Il-Lussemburgu għandu waħda mis-sistemi tas-saħħa bl-aqwa prestazzjoni fl-UE. Madankollu, 49 % tat-tobba u 62 % tal-forza tax-xogħol tas-saħħa huma professjonisti barranin, u s-sistema tinsab ’il fuq sew mil-limitu ta’ vulnerabbiltà kritika (mill-indikatur tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa). F’dan il-kuntest, is-sistema tas-saħħa tal-Lussemburgu tista’ tiġi affettwata minn deċiżjonijiet unilaterali potenzjali minn pajjiżi ġirien fi żminijiet ta’ kriżi. Il-Lussemburgu kellu jadotta miżuri għal żmien qasir fi żmien rekord biex itejjeb ir-reżiljenza tas-sistema tal-kura tas-saħħa tiegħu wara l-kriżi tal-COVID-19 — pereżempju jimmobilizza l-infrastruttura medika u jwaqqaf estensjoni temporanja tal-isptar, kif ukoll jipprovdi akkomodazzjoni fil-Lussemburgu għal ħaddiema transfruntiera tas-saħħa u l-familji tagħhom.

(16)Is-sistema tas-saħħa mistennija tiffaċċja sfidi li qed jiżdiedu fil-futur, flimkien man-numru dejjem jikber ta’ postijiet battala ta’ ħaddiema fis-settur tas-saħħa f’dawn l-aħħar snin. B’mod speċifiku, domanda li qed tiżdied għall-kura tas-saħħa minn popolazzjoni li qed tixjieħ, u minħabba l-irtirar ta’ bejn 59 % u 69 % tal-persunal mediku fil-15-il sena li ġejjin. L-innovazzjoni tat-taħlita tal-ħiliet u l-iżvilupp ta’ rwoli professjonali, il-kondiviżjoni tal-kompiti u s-sostituzzjoni se jkollhom rwol importanti biex is-settur tas-saħħa jinżamm post attraenti għax-xogħol. B’mod aktar ġenerali, hemm lok għal titjib fil-governanza tas-sistema tas-saħħa, inkluża l-kooperazzjoni ma’ pajjiżi ġirien, u l-Gvern għadu kif involva ruħu f’riforma sinifikanti. Għalkemm l-infrastruttura diġitali hija diġà avvanzata fil-Lussemburgu, għadhom għaddejjin sforzi biex jiġu implimentati soluzzjonijiet tas-saħħa elettronika, bħal soluzzjonijiet diġitali għar-rimborż ta’ fornituri. Il-Lussemburgu ffoka b’mod qawwi fuq it-teknoloġiji diġitali, bħas-supercomputing, l-intelliġenza artifiċjali, il-blockchain u l-big data, u għandu l-potenzjal ta’ ingranaġġ fuq dawn il-kapaċitajiet u li jikkoopera fil-livell tal-Unjoni biex jagħti kontribuzzjoni kbira għar-riċerka biex jinnewtralizza l-virus u jnaqqas l-infezzjonijiet. Il-Lussemburgu waqqaf ukoll skema ġdida ta’ appoġġ għal proġetti ta’ investiment fir-riċerka u żvilupp ta’ prodotti li jiġġieldu l-COVID-19, li huma meħtieġa biex tiġi indirizzata b’mod effiċjenti t-tifqigħa attwali billi jiġu żviluppati trattament u vaċċini effettivi.

(17)Skont it-tbassir tal-Kummissjoni, il-qgħad mistenni jiżdied għal 6,4 % fl-2020 u jirkupra għal 6,1 % fl-2021. Il-Lussemburgu ħa għadd ta’ miżuri biex iżomm l-impjiegi, b’mod partikolari dwar “chômage partiel”. Madankollu, jenħtieġ li tingħata kunsiderazzjoni speċjali lil gruppi aktar vulnerabbli, bħal ħaddiema akbar fl-età u dawk b’ħiliet baxxi, f’kuntest fejn l-iskema ġdida ta’ introjtu minimu (REVIS, "revenu d'inclusion sociale") diġà wasslet għal żieda ta’ persuni qiegħda rreġistrati mas-servizz pubbliku tal-impjiegi minħabba r-reġistrazzjoni obbligatorja tal-benefiċjarji tagħha minn Jannar 2019. Dawk il-persuni aktar vulnerabbli se jbatu l-aktar minn kompetizzjoni akbar fis-suq tax-xogħol bħala riżultat tal-kriżi tal-COVID-19. Persuni vulnerabbli oħra li jbatu mill-kriżi jistgħu jkunu ħaddiema temporanji, kif ukoll ħaddiema b’livell baxx ta’ ħiliet b’mod ġenerali. Rigward il-ħaddiema aktar anzjani, ir-rata baxxa ta’ impjieg tagħhom tibqa’ kwistjoni strutturali fil-Lussemburgu, li għandha wkoll impatt fuq is-sostenibbiltà fit-tul tas-sistema tal-pensjonijiet, kif żviluppat fir-rakkomandazzjonijiet indirizzati lil-Lussemburgu fi snin preċedenti. Fil-kuntest attwali, il-ħaddiema akbar fl-età jiffaċċjaw riskji addizzjonali li jitkeċċew minħabba l-kriżi; iż-żieda fl-adattabilità tagħhom għal impjiegi u setturi oħra inkluż permezz tat-titjib tal-ħiliet u t-taħriġ mill-ġdid, hija meħtieġa aktar minn qatt qabel. Il-Lussemburgu huwa qrib il-medja tal-UE fuq l-inklużjoni soċjali, iżda l-indikaturi dwar l-inugwaljanza u l-faqar fost dawk li jaħdmu iddgħajfu f’dawn l-aħħar snin, u l-opportunitajiet għall-istudenti għadhom influwenzati ħafna mill-isfond soċjoekonomiku tagħhom. F’dan il-kuntest, gruppi aktar vulnerabbli b’mod partikolari għandhom jiġu appoġġati biex jiffaċċjaw l-impatti soċjali tal-kriżi.

(18)Biex jappoġġa lin-negozji matul il-kriżi tal-COVID-19, b’mod partikolari l-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju, inklużi dawk li jaħdmu għal rashom u mikro intrapriżi, il-Lussemburgu inkluda għadd ta’ miżuri fil-”Pjan ta’ Stabbilizzazzjoni” tiegħu. Il-bejgħ bl-imnut huwa wieħed mis-setturi l-aktar affettwati, minħabba l-kollass fid-domanda u l-miżuri attwali li waqqfu lil ħafna negozji milli jiffunzjonaw kompletament jew kellhom jillimitaw l-operazzjonijiet tagħhom. Il-flessibbiltà regolatorja tagħti spinta 'l quddiem lill-bejjiegħa bl-imnut wara l-kriżi. Barra minn hekk, ikun ta’ benefiċċju li jiġu appoġġati l-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju fl-adozzjoni ta’ teknoloġiji diġitali li jiżguraw il-kontinwità tan-negozju, bħall-kummerċ elettroniku. Jenħtieġ li jinżammu l-miżuri xierqa matul il-perjodu ta’ rkupru, filwaqt li tiġi applikata fażi gradwali u flessibbli ta’ eliminazzjoni gradwali, u l-identifikazzjoni tas-setturi l-aktar affettwati, sabiex jiġu żviluppati pjanijiet ta’ appoġġ speċifiċi li jippermettulhom li jlaħħqu mal-fażi ta’ rkupru. Fil-proċess ta’ implimentazzjoni ta’ dawn il-miżuri, jeħtieġ li titqies ir-reżiljenza tas-settur bankarju. Wara l-fażi l-aktar akuta tal-kriżi, biex tiġi appoġġata t-tranżizzjoni u l-ħolqien ta’ intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju f’setturi li jsaħħu t-tkabbir, riforma tal-qafas ta’ insolvenza tal-Lussemburgu tista’ tgħin lin-negozji jkollhom ċans ieħor, jekk ma jkunu qed jaffaċċjaw il-falliment tort tagħhom.

(19)Biex jitrawwem l-irkupru ekonomiku, se jkun importanti li l-proġetti ta’ investiment pubbliku maturi jiġu avvanzati minn qabel u li jiġi promoss l-investiment privat, inkluż permezz ta’ riformi rilevanti, b’mod partikolari fis-setturi diġitali u ekoloġiċi. Il-Lussemburgu diġà nieda inizjattivi biex tissaħħaħ id-diġitalizzazzjoni u l-innovazzjoni, iżda l-integrazzjoni teknoloġika fis-settur tan-negozju u l-investiment privat, kif ukoll id-diġitalizzazzjoni tas-servizzi pubbliċi, għadhom baxxi, meta mqabbla mal-ambjent potenzjali għoli u l-ambizzjoni tal-pajjiż li jagħmel tranżizzjoni lejn ekonomija mmexxija mid-data. L-investimenti fid-diġitalizzazzjoni, il-ħiliet diġitali avvanzati, u l-innovazzjoni — inkluż l-iżvilupp ta’ strateġija integrata ta’ riċerka u innovazzjoni — se jkunu essenzjali biex jiġu appoġġati l-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju, u biex tingħata spinta lill-produttività u lill-kompetittività. Jenħtieġ li l-irkupru jiġi appoġġat ukoll billi jsir progress fl-investimenti ekoloġiċi ambizzjużi fi żmien qasir. Is-setturi ewlenin jistgħu jkunu, b’mod partikolari, aktar azzjoni dwar it-trasport sostenibbli, inkluż bil-ferrovija, il-kostruzzjoni sostenibbli, b’mod partikolari fir-rigward tal-effiċjenza enerġetika tal-bini, kemm dawk eżistenti kif ukoll dawk ġodda, u l-enerġija rinnovabbli. Dawn jgħinu biex jipprovdu stimolu ekoloġiku b’saħħtu, u jappoġġaw lil-Lussemburgu fit-tnaqqis tad-differenza għall-miri tiegħu tal-2030 dwar it-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett ta’ serra, l-effiċjenza enerġetika u l-enerġija rinnovabbli, filwaqt li titħejja wkoll it-triq lejn in-newtralità klimatika. Aktar identifikazzjoni ta’ ħtiġijiet ta’ investiment u sorsi finanzjarji għall-investimenti għadhom meħtieġa, anki fid-dawl tal-impatt tat-tifqigħa tas-COVID-19 rigward l-ekonomija u l-finanzi pubbliċi. L-ipprogrammar tal-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta għall-perjodu 2021-2027 jista’ jgħin lil-Lussemburgu jittratta xi wħud mill-isfidi li toffri t-tranżizzjoni lejn ekonomija li tkun newtrali fejn tidħol il-klima, b’mod partikolari fl-oqsma koperti mill-Anness D tar-rapport tal-pajjiż. Dan jippermetti lil-Lussemburgu jagħmel l-aħjar użu minn dan il-fond.

(20)Il-Lussemburgu qed jiffaċċja riskji ta’ ħasil tal-flus sinifikanti fid-dawl tad-dħul għoli ta’ investimenti diretti barranin u l-preżenza ta’ strutturi legali kumplessi bi sponsors barranin. Dawn ir-riskji huma riflessi fil-valutazzjoni tar-riskju nazzjonali, b’mod partikolari fir-rigward ta’ professjonisti involuti fil-forniment ta’ servizzi lil kumpaniji u trusts jew servizzi ta’ investiment. Dgħufijiet fl-applikazzjoni tal-qafas ta’ kontra l-ħasil tal-flus minn dawn il-professjonisti jirriżultaw f’analiżi tar-riskju mhux adegwati u livell baxx ta’ rappurtar ta’ attivitajiet suspettużi. L-intensità tas-superviżjoni ta’ dawn il-professjonisti hija inadegwata biex tirrimedja dawn in-nuqqasijiet. Ġie stabbilit reġistru nazzjonali ta’ sidien benefiċjarji għall-kumpaniji biex jillimitaw is-segretezza u jidentifikaw sidien benefiċjarji. Il-kwalità tal-informazzjoni pprovduta u l-effikaċja tar-reġistru jeħtieġ li jiġu mmonitorjati matul iż-żmien.

(21)L-indirizzar tal-ippjanar aggressiv tat-taxxa jibqa’ essenzjali biex jittejbu l-effiċjenza u l-ġustizzja tas-sistemi tat-taxxa, kif rikonoxxut fir-rakkomandazzjoni taż-Żona tal-Euro għall-2020. L-effetti sekondarji tal-istrateġiji ta’ ppjanar aggressiv tat-taxxa mill-kontribwenti bejn l-Istati Membri jirrikjedu azzjoni kkoordinata ta’ politiki nazzjonali biex jikkomplementaw il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni. Il-Lussemburgu ħa passi biex jindirizza prattiki ta’ ppjanar aggressiv tat-taxxa billi implimenta inizjattivi internazzjonali u Ewropej miftehma minn qabel, iżda l-livell għoli tal-imgħax tad-dividendi u ta’ pagamenti tar-royalties bħala perċentwal tal-PDG jindika li r-regoli tat-taxxa tal-pajjiż qed jintużaw mill-kumpaniji li jieħdu sehem fl-ippjanar aggressiv tat-taxxa. Il-biċċa l-kbira tal-investiment dirett barrani huwa miżmum mill-“entitajiet bi skop speċjali”. In-nuqqas ta’ taxxi miżmuma fuq interessi u royalties li jħallu l-pajjiż (jiġifieri minn residenti tal-UE għal residenti ta’ pajjiż terz) u l-eżenzjoni minn taxxi minn ras il-għajn fuq ħlasijiet ta’ dividendi taħt ċerti ċirkostanzi jista’ jwassal biex dawk il-pagamenti jevadu t-taxxa kompletament, jekk huma wkoll mhux soġġetti għat-taxxa fil-ġurisdizzjoni riċeventi. Il-Lussemburgu ppreżenta abbozz ta’ liġi li tintroduċi n-nuqqas ta’ deduċibbiltà tal-pagamenti ta’ mgħax u ta’ royalties għal ġurisdizzjonijiet inklużi fil-lista tal-UE ta’ ġurisdizzjonijiet li ma jikkooperawx għal finijiet ta’ taxxa, f’konformità mal-impenn tagħha li tintroduċi miżuri difensivi fil-konfront ta’ dawk il-ġurisdizzjonijiet.

(22)Filwaqt li r-rakkomandazzjonijiet attwali jiffukaw fuq l-indirizzar tal-impatti soċjoekonomiċi tal-pandemija u fuq l-iffaċilitar tal-irkupru ekonomiku, ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż tal-2019 adottati mill-Kunsill fid-9 ta’ Lulju 2019 koprew ukoll riformi li huma essenzjali biex jiġu ttratati l-isfidi strutturali fi żmien medju sa dak twil. Dawn ir-rakkomandazzjonijiet jibqgħu pertinenti u se jkomplu jiġu mmonitorjati matul iċ-ċiklu annwali tas-Semestru Ewropew tas-sena d-dieħla. Dan japplika wkoll għal rakkomandazzjonijiet rigward politiki ekonomiċi relatati mal-investiment. Dawn ir-rakkomandazzjonijiet tal-aħħar jenħtieġ li jitqiesu għall-ipprogrammar strateġiku tal-finanzjament tal-politika ta’ koeżjoni ta’ wara l-2020, inkluż għal miżuri ta’ mitigazzjoni u l-istrateġiji ta’ ħruġ fir-rigward tal-kriżi attwali.

(23)Is-Semestru Ewropew jipprovdi l-qafas għal koordinazzjoni kontinwa tal-politika ekonomika u tal-impjiegi fl-Unjoni, li jista’ jkun ta’ kontribut għal ekonomija sostenibbli. L-Istati Membri evalwaw il-progress fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli (Sustainable Development Goals, SDGs) tan-Nazzjonijiet Uniti fil-Programmi Nazzjonali ta’ Riforma tal-2020 tagħhom. Billi jiżgura l-implimentazzjoni sħiħa tar-rakkomandazzjonijiet ta’ hawn taħt, il-Lussemburgu se jikkontribwixxi għall-progress lejn l-SDGs u għall-isforz komuni biex tiġi żgurata s-sostenibbiltà kompetittiva fl-Unjoni.

(24)Il-koordinazzjoni mill-qrib bejn l-ekonomiji fl-unjoni ekonomika u monetarja hija kruċjali biex jinkiseb irkupru rapidu mill-impatt ekonomiku tal-COVID-19. Jenħtieġ li l-Lussemburgu, bħala Stat Membru li l-munita tiegħu hija l-euro — u filwaqt li jqis il-gwida politika mill-Grupp tal-Euro — jiżgura li l-politiki tiegħu jibqgħu konsistenti mar-rakkomandazzjonijiet taż-Żona tal-Euro u kkoordinati ma’ dawk tal-Istati Membri l-oħra taż-Żona tal-Euro.

(25)Fil-kuntest tas-Semestru Ewropew tal-2020, il-Kummissjoni wettqet analiżi komprensiva tal-politika ekonomika tal-Lussemburgu u ppubblikatha fir-rapport tal-pajjiż tal-2020. Hija vvalutat ukoll il-Programm ta’ Stabbiltà tal-2020, il-Programm Nazzjonali ta’ Riforma tal-2020 u s-segwitu mogħti għar-rakkomandazzjonijiet indirizzati lil-Lussemburgu fi snin preċedenti. Hija mhux biss qieset ir-rilevanza tagħhom għall-politika fiskali u soċjoekonomika sostenibbli fil-Lussemburgu iżda qieset ukoll il-konformità tagħhom mar-regoli u mal-gwida tal-Unjoni, fid-dawl tal-ħtieġa li tissaħħaħ il-governanza ekonomika kumplessiva tal-Unjoni billi jingħata kontribut fil-livell tal-Unjoni għad-deċiżjonijiet nazzjonali fil-futur.

(26)Fid-dawl ta’ dik il-valutazzjoni, il-Kunsill eżamina l-Programm ta’ Stabbiltà tal-2020 u l-opinjoni 7 tiegħu hija riflessa b’mod partikolari fir-rakkomandazzjoni (1) hawn taħt,

B’DAN JIRRAKKOMANDA li l-Lussemburgu jieħu azzjoni fl-2020 u l-2021 biex:

1.F’konformità mal-klawżola liberatorja ġenerali, jieħu l-miżuri kollha meħtieġa biex tindirizza b’mod effettiv il-pandemija, issostni l-ekonomija u tappoġġa l-irkupru sussegwenti. Meta l-kundizzjonijiet ekonomiċi jkunu jippermettu, isegwi politiki fiskali mmirati lejn il-kisba ta’ pożizzjonijiet fiskali prudenti fi żmien medju u jiżgura s-sostenibbiltà fejn jidħol id-dejn, filwaqt li jtejjeb l-investiment. Itejjeb ir-reżiljenza tas-sistema tas-saħħa billi tiġi żgurata d-disponibbiltà xierqa ta’ ħaddiema tas-saħħa. Jaċċellera r-riformi biex itejbu l-governanza tas-sistema tas-saħħa u s-saħħa elettronika.

2.Itaffi l-impatt tal-kriżi fuq l-impjiegi, b’kunsiderazzjoni speċjali għal persuni f’pożizzjoni diffiċli fis-suq tax-xogħol.

3.Jiżgura l-implimentazzjoni effettiva ta’ miżuri li jappoġġaw il-likwidità tan-negozji, b’mod partikolari l-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju u dawk li jaħdmu għal rashom. Jiffinanzja fil-bidu tal-perjodu tagħhom proġetti maturi ta’ investiment pubbliku u jippromwovi l-investiment privat biex jiġu mbuttat ’il quddiem l-irkupru ekonomiku. Jiffoka l-investiment fuq it-tranżizzjoni ekoloġika u diġitali, b’mod partikolari fuq it-trasport u l-bini sostenibbli, il-produzzjoni nadifa u effiċjenti u l-użu tal-enerġija, u b’hekk jikkontribwixxi għad-dekarbonizzazzjoni progressiva tal-ekonomija. Irawwem l-innovazzjoni u d-diġitalizzazzjoni b’mod partikolari fis-settur tan-negozju.

4.Jiżgura superviżjoni u infurzar effettivi tal-qafas kontra l-ħasil tal-flus fir-rigward ta’ professjonisti li jipprovdu servizzi fiduċjarji u ta’ kumpanija, u servizzi ta’ investiment. Jintensifika l-azzjoni għall-karatteristiċi tas-sistema tat-taxxa li tiffaċilita l-ippjanar aggressiv tat-taxxa, b’mod partikolari permezz ta’ ħlasijiet 'il barra mill-pajjiż.

Magħmul fi Brussell,

   Għall-Kunsill

   Il-President

(1)    ĠU L 209, 2.8.1997, p. 1.
(2)    SWD(2020) 515 final.
(3)    ĠU C 301, 5.9.2019, p. 117.
(4)    COM(2020) 112 final.
(5)    COM(2020) 123 final.
(6)

   Ir-Regolament (UE) Nru 2020/460 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Marzu 2020 li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1301/2013, (UE) Nru 1303/2013 u (UE) Nru 508/2014 fir-rigward ta’ miżuri speċifiċi biex jiġu mmobilizzati investimenti fis-sistemi tal-kura tas-saħħa tal-Istati Membri u f’setturi oħra tal-ekonomiji tagħhom b’reazzjoni għat-tifqigħa tal-COVID-19 (Inizjattiva ta’ Investiment b’Rispons għall-Coronavirus) (ĠU L 99, 31.3.2020, p. 5) u r-Regolament (UE) 2020/558 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-23 ta’ April 2020 li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1301/2013 u (UE) Nru 1303/2013 fir- rigward miżuri speċifiċi biex tingħata flessibbiltà eċċezzjonali għall-użu tal-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej b’reazzjoni għat-tifqigħa tal-COVID-19 (ĠU L 130, 24.4.2020, p. 1).

(7)    Skont l-Artikolu 5(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97.
Top