Rakkomandazzjoni għal
RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL
dwar il-Programm Nazzjonali ta’ Riforma tal-Greċja tal-2020 u li tagħti l-opinjoni tal-Kunsill dwar il-Programm ta’ Stabbiltà tal-Greċja tal-2020
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 121(2) u 148(4) tiegħu,
Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97 tas-7 ta’ Lulju 1997 dwar it-tisħiħ tas-sorveljanza ta’ pożizzjonijiet ta’ baġit u s-sorveljanza u l-koordinazzjoni ta’ politika ekonomika, u b’mod partikolari l-Artikolu 5(2) tiegħu,
Wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1176/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Novembru 2011 dwar il-prevenzjoni u l-korrezzjoni tal-iżbilanċi makroekonomiċi, u b’mod partikolari l-Artikolu 6(1) tiegħu,
Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea,
Wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tal-Parlament Ewropew,
Wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew,
Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Impjiegi,
Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju,
Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Protezzjoni Soċjali,
Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Politika Ekonomika,
Billi:
(1)Fis-17 ta’ Diċembru 2019, il-Kummissjoni adottat l-Istrateġija Annwali dwar it-Tkabbir Sostenibbli, li tat bidu għas-Semestru Ewropew tal-2020 għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika. Hija qieset debitament il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, ipproklamat mill-Parlament Ewropew, mill-Kunsill u mill-Kummissjoni fis-17 ta’ Novembru 2017. Fis-17 ta’ Diċembru 2019, fuq il-bażi tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011, il-Kummissjoni adottat ukoll ir-Rapport dwar il-Mekkaniżmu ta’ Twissija, li fih identifikat il-Greċja bħala wieħed mill-Istati Membri li dwaru kellha ssir analiżi fil-fond. Fl-istess jum, il-Kummissjoni adottat ukoll rakkomandazzjoni għal rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-politika ekonomika taż-Żona tal-Euro.
(2)Ir-rapport tal-pajjiż tal-2020 għall-Greċja ġie ppubblikat fis-26 ta’ Frar 2020. Dan ivvaluta l-progress li għamlet il-Greċja biex tindirizza r-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż adottati mill-Kunsill fid-9 ta’ Lulju 2019, is-segwitu li għamlet għar-rakkomandazzjonijiet adottati fis-snin preċedenti u l-progress tal-Greċja biex tilħaq il-miri nazzjonali tagħha tal-Ewropa 2020. Ir-rapport kien jinkludi wkoll analiżi fil-fond skont l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011, li r-riżultati tagħha wkoll ġew ippubblikati fis-26 ta’ Frar 2020. L-analiżi tal-Kummissjoni wasslitha biex tikkonkludi li l-Greċja qed tesperjenza żbilanċi makroekonomiċi eċċessivi. B’mod partikolari, l-iżbilanċi identifikati huma relatati mad-dejn pubbliku għoli, mas-self improduttiv għoli fil-karti tal-bilanċ tal-banek u mas-settur estern, f’kuntest ta’ tkabbir potenzjali li għadu baxx u rata għolja ta’ qgħad.
(3)Fil-11 ta’ Marzu 2020, l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa uffiċjalment iddikjarat il-COVID-19 bħala pandemija dinjija. Il-pandemija hija emerġenza gravi tas-saħħa pubblika għaċ-ċittadini, għas-soċjetajiet u għall-ekonomiji. Qed tpoġġi s-sistemi tas-saħħa nazzjonali taħt pressjoni qawwija, qed tfixkel il-katini ta’ provvista dinjija, qed tikkawża volatilità fis-swieq finanzjarji, qed toħloq xokkijiet fid-domanda tal-konsumatur u qed ikollha effetti negattivi f’diversi setturi. Qed thedded l-impjiegi tan-nies, l-introjtu tagħhom u n-negozju tal-impriżi. Tat xokk ekonomiku qawwi li diġà qed ikollu riperkussjonijiet serji fl-Unjoni Ewropea. Fit-13 ta’ Marzu 2020, il-Kummissjoni adottat Komunikazzjoni li tappella għal rispons ekonomiku kkoordinat għall-kriżi, li jinvolvi lill-atturi kollha fil-livell nazzjonali u tal-Unjoni.
(4)Diversi Stati Membri ddikjaraw stat ta’ emerġenza jew introduċew miżuri ta’ emerġenza. Kull miżura ta’ emerġenza jenħtieġ li tkun strettament proporzjonata, neċessarja, limitata fiż-żmien, u konformi mal-istandards Ewropej u dawk internazzjonali. Jenħtieġ li dawn ikunu soġġetti għal skrutinju demokratiku u għal rieżami ġudizzjarju indipendenti.
(5)Fl-20 ta’ Marzu 2020, il-Kummissjoni adottat Komunikazzjoni dwar l-attivazzjoni tal-klawżola liberatorja ġenerali tal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir. Il-klawżola kif stipulata fl-Artikoli 5(1), 6(3), 9(1) u 10(3) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97 u fl-Artikoli 3(5) u 5(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1467/97, tiffaċilita l-koordinazzjoni tal-politiki baġitarji fi żminijiet ta’ tnaqqis qawwi fir-ritmu ekonomiku. Fil-Komunikazzjoni tagħha, il-Kummissjoni kienet tal-istess fehma bħall-Kunsill li, minħabba t-tnaqqis mistenni fir-ritmu ekonomiku bħala riżultat tat-tifqigħa tal-COVID-19, il-kundizzjonijiet attwali jippermettu li l-klawżola tiġi attivata. Fit-23 ta’ Marzu 2020, il-Ministri tal-Finanzi tal-Istati Membri qablu mal-valutazzjoni tal-Kummissjoni. L-attivazzjoni tal-klawżola liberatorja ġenerali tippermetti diverġenza temporanja mill-perkors ta’ aġġustament lejn objettiv baġitarju ta' żmien medju, dment li din ma tippreġudikax is-sostenibbiltà fiskali fiż-żmien medju. Rigward il-parti korrettiva, il-Kunsill jista’ jiddeċiedi wkoll, b'rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni, li jadotta trajettorja fiskali riveduta. Il-klawżola liberatorja ġenerali ma tissospendix il-proċeduri tal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir. Hija tippermetti li l-Istati Membri jitbiegħdu mir-rekwiżiti baġitarji li kienu normalment japplikaw filwaqt li l-Kummissjoni u l-Kunsill jistgħu jieħdu f’idejhom il-miżuri ta’ koordinazzjoni tal-politika fil-qafas tal-Patt.
(6)Hemm bżonn ta’ azzjoni kontinwa biex tiġi limitata u kkontrollata l-firxa tal-pandemija, tissaħħaħ ir-reżiljenza tas-sistemi tas-saħħa nazzjonali u jittaffew il-konsegwenzi soċjoekonomiċi permezz ta’ miżuri ta’ sostenn għall-impriżi u għall-familji u sabiex jiġu ggarantiti kundizzjonijiet sanitarji u ta’ sigurtà adegwati fil-postijiet tax-xogħol għal meta tissokta l-attività ekonomika. Jenħtieġ li l-Unjoni tagħmel użu sħiħ mid-diversi għodod li għandha għad-dispożizzjoni tagħha biex tappoġġa l-isforzi tal-Istati Membri f’dawn l-oqsma. B’mod parallel, jenħtieġ li l-Istati Membri u l-Unjoni jaħdmu flimkien biex iħejju l-miżuri meħtieġa ħalli s-soċjetajiet u l-ekonomiji tagħna jirritornaw għal funzjonament normali u għal tkabbir sostenibbli, bl-integrazzjoni fost l-oħrajn tat-tranżizzjoni ekoloġika u t-trasformazzjoni diġitali, filwaqt li jinsiltu t-tagħlimiet kollha mill-kriżi.
(7)Il-kriżi tal-COVID-19 enfasizzat il-flessibbiltà li joffri s-suq uniku biex nadattaw għal sitwazzjonijiet straordinarji. Madankollu, sabiex tiġi żgurata tranżizzjoni rapida u bla xkiel għall-fażi ta’ rkupru u għall-moviment liberu tal-merkanzija, tas-servizzi u tal-ħaddiema, huwa imperattiv li l-miżuri eċċezzjonali li ma jħallux is-suq uniku jiffunzjona b’mod normali jitneħħew hekk kif ma jibqgħux aktar indispensabbli. Il-kriżi attwali wriet li hemm bżonn ta’ pjanijiet ta' tħejjija għall-kriżi fis-settur tas-saħħa, li jinkludu b’mod partikolari titjib fl-istrateġiji tal-akkwist, katini ta’ provvista diversifikati u riżervi strateġiċi tal-provvisti essenzjali. Dawn huma elementi ewlenin għall-iżvilupp ta’ pjanijiet usa’ ta’ tħejjija għall-kriżijiet.
(8)Il-leġiżlatur tal-Unjoni diġà emenda l-oqfsa leġiżlattivi rilevanti biex l-Istati Membri jkunu jistgħu jimmobilizzaw ir-riżorsi kollha mhux użati mill-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej sabiex ikunu jistgħu jindirizzaw l-effetti eċċezzjonali tal-pandemija tal-COVID-19. Dawn l-emendi se jipprovdu flessibbiltà addizzjonali, kif ukoll proċeduri ssimplifikati u razzjonalizzati. Sabiex jittaffew il-pressjonijiet ta’ flussi tal-flus, fis-sena kontabilistika 2020-2021 l-Istati Membri jistgħu wkoll jibbenefikaw minn rata ta’ kofinanzjament ta’ 100 % mill-baġit tal-Unjoni. Il-Greċja hija mħeġġa biex tagħmel użu sħiħ minn dawn il-possibbiltajiet biex tgħin lill-individwi u lis-setturi l-aktar milqutin mill-isfidi.
(9)Il-konsegwenzi soċjoekonomiċi tal-pandemija x’aktarx li jkunu mqassma b’mod irregolari madwar ir-reġjuni Griegi minħabba l-profili differenti ta’ speċjalizzazzjoni, b’mod partikolari f’reġjuni li jiddependu ħafna mit-turiżmu u b’mod aktar ġenerali minn attività kummerċjali f’kuntatt dirett mal-konsumaturi. Dan jinvolvi riskju sostanzjali li jkomplu jikbru d-disparitajiet reġjonali u territorjali fil-Greċja, u tiġi aggravata t-tendenza diġà osservata ta’ tkabbir fid-disparitajiet bejn il-belt kapitali u b’mod partikolari r-reġjuni insulari u muntanjużi li komplew jintensifikaw matul is-snin tal-kriżi finanzjarja. Flimkien mar-riskju li l-proċess ta’ konverġenza bejn l-Istati Membri jiddeterjora temporanjament, is-sitwazzjoni attwali tappella għal tweġibiet ta’ politika mmirati.
(10)Fit-30 ta’ April 2020, il-Greċja ppreżentat il-Programm Nazzjonali ta’ Riforma tagħha tal-2020 kif ukoll il-Programm ta’ Stabbiltà tagħha tal-2020. Sabiex jitqiesu r-rabtiet ta’ bejniethom, iż-żewġ programmi ġew ivvalutati fl-istess ħin.
(11)Il-Greċja bħalissa tinsab fil-parti preventiva tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir u soġġetta għar-regola tad-dejn.
(12)Fil-Programm ta’ Stabbiltà tiegħu tal-2020, il-Gvern qed jippjana li l-bilanċ nominali jiddeterjora minn bilanċ pożittiv ta’ 1,5 % tal-PDG fl-2019 għal defiċit ta’ 4,7 % tal-PDG fl-2020. Id-defiċit huwa pprojettat li jonqos għal 0,2 % tal-PDG fl-2021. Wara li fl-2019 naqas għal 176,6 % tal-PDG, id-dejn tal-amministrazzjoni pubblika bħala proporzjon tal-PDG huwa mistenni li jiżdied għal 188,8 % fl-2020, skont il-Programm ta’ Stabbiltà tal-2020. Hemm riskji speċifiċi għall-pajjiż sottostanti għall-projezzjonijiet baġitarji, jiġifieri l-kawża pendenti u l-obbligi ta’ servizz pubbliku. Il-prospettiva makroekonomika u fiskali hija milquta minn inċertezza kbira minħabba l-pandemija tal-COVID-19.
(13)B’rispons għall-pandemija tal-COVID-19, u bħala parti minn approċċ koordinat tal-UE, il-Greċja adottat miżuri baġitarji biex iżżid il-kapaċità tas-sistema tas-saħħa tagħha, trażżan il-pandemija, u tipprovdi għajnuna lil dawk iċ-ċittadini u setturi partikolarment milqutin. Skont il-Programm ta' Stabbiltà tal-2020, dawn il-miżuri baġitarji kienu jammontaw għal 5,4 % tal-PDG. Dawn il-miżuri jinkludu s-sostenn ekonomiku temporanju lill-ħaddiema bil-paga, lil dawk li jaħdmu għal rashom, lill-impriżi individwali u lil ċerti professjonijiet liberi milqutin mill-pandemija, il-pagament ta’ avvanzi ripagabbli lil dawk il-kumpaniji li naqsilhom il-fatturat, il-pagament tal-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali għal dawk l-impjegati li ssospendewlhom il-kuntratti ta' xogħol tagħhom, id-differiment fiskali u tal-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali fosthom skemi ta’ rati fiskali ta’ mill-inqas tliet xhur għal kull kumpanija, kull min jaħdem għal rasu u kull ħaddiem bil-paga li ntlaqtu mill-pandemija tal-Coronavirus, sussidju tar-rata tal-imgħax fuq is-self lill-impriżi żgħar u ta' daqs medju u nefqa ogħla fuq is-saħħa. Barra minn hekk, il-Greċja ħabbret miżuri li, filwaqt li għandhom impatt baġitarju dirett, se jikkontribwixxu biex jgħinu l-likwidità tal-impriżi. Dawn il-miżuri jinkludu l-forniment ta’ kollateral fi flus bħala appoġġ għas-self mill-banek, imqassam mill-Hellenic Development Bank. Madankollu, it-tbassir tar-rebbiegħa 2020 tal-Kummissjoni tqis id-differimenti fiskali kollha bħala miżuri ta’ likwidità mingħajr impatt baġitarju negattiv fl-2020. Kollox ma’ kollox, il-miżuri li ħadet il-Greċja huma konformi mal-linji gwida stabbiliti fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar rispons ekonomiku koordinat għat-tifqigħa tal-COVID-19. L-implimentazzjoni sħiħa ta’ dawn il-miżuri, segwita minn riorjentament tal-politiki fiskali biex jinkisbu pożizzjonijiet fiskali prudenti ta’ żmien medju meta jkunu jippermettu l-kundizzjonijiet ekonomiċi, se tikkontribwixxi biex fiż-żmien medju tinżamm is-sostenibbiltà fiskali.
(14)Fuq il-bażi tat-tbassir tar-rebbiegħa 2020 tal-Kummissjoni skont politiki mhux mibdula, il-bilanċ tal-amministrazzjoni pubblika tal-Greċja huwa previst għal 6,4 % tal-PDG fl-2020 u 2,1 % fl-2021. Il-proporzjon tad-dejn tal-amministrazzjoni pubblika huwa pprojettat li jilħaq il-196,4 % tal-PDG fl-2020 u l-182,6 % fl-2021.
(15)Fl-20 ta’ Mejju 2020, il-Kummissjoni ħarġet rapport imħejji skont l-Artikolu 126(3) tat-Trattat minħabba n-nuqqas ta' konformità tal-Greċja mar-regola tad-dejn fl-2019 u dwar il-ksur projettat tal-limitu tad-defiċit ta’ 3 % tal-PDG fl-2020. Kollox ma’ kollox, l-analiżi tissuġġerixxi li l-kriterju tad-defiċit kif definit fit-Trattat u fir-Regolament (KE) Nru 1467/1997 huwa ssodisfat, filwaqt li l-kriterju tad-defiċit mhuwiex issodisfat.
(16)Fir-rigward tal-pandemija tal-COVID-19, ir-rispons f’waqtu tal-Greċja u l-infurzar tar-restrizzjonijiet jidhru li huma kors ta’ azzjoni effiċjenti, kif jixhed l-għadd pjuttost baxx ta’ infezzjonijiet ikkonfermati sa issa. Madankollu, l-impatt ekonomiku tal-kriżi tal-COVID-19 mistenni li jkun gravi, billi meta mqabbla ma’ pajjiżi oħra tal-UE l-Greċja tiddependi ħafna fuq is-setturi tat-turiżmu u tat-trasport. Fis-settur tat-turiżmu, il-Greċja tista’ titlef sehem kbir mid-dħul meta mqabbel mal-2019. It-turiżmu huwa l-aktar esportazzjoni ta’ servizz importanti tal-ekonomija Griega u kien jirrappreżenta 45 % tal-esportazzjonijiet ta’ servizzi. Barra minn hekk, huwa mistenni li anki s-settur tat-trasport marittimu, li jammonta għal 40 % tal-esportazzjonijiet ta’ servizzi, ikun milqut minn tnaqqis fid-domanda hekk kif il-kummerċ dinji jnaqqas ir-ritmu minħabba l-pandemija. Minħabba l-miżuri ta’ konfinament, it-tnaqqis fl-introjtu disponibbli, u ż-żieda fil-qgħad, huwa mistenni li jkun hemm tnaqqis sinifikanti fid-domanda domestika.
(17)Iffaċjata mit-tifqigħa tal-COVID-19, il-Greċja attivat il-pjan nazzjonali tagħha tal-pandemija u malajr daħħlet fis-seħħ sett ta’ miżuri bla preċedent, fosthom kwarantina u tbegħid soċjali stretti, speċjalment għal dawk suspettati li kellhom xi kuntatt ma’ persuni infettati mill-virus. L-awtoritajiet adottaw firxa wiesgħa ta’ miżuri biex fl-2020 itaffu l-impatt ekonomiku u soċjali sa 10,5 % tal-PDG. Il-miżuri jinvolvu 5 % tal-PDG f’ miżuri fiskali b’impatt baġitarju ta’ 3,7 % tal-PDG u 1,9 % tal-PDG addizzjonali ta’ differimenti fiskali temporanju u ta’ kollateral fi flus għall-banek kummerċjali, li jistgħu jipprovdu sa 3,6 % tal-PDG ta’ self ġdid addizzjonali. Is-settur tal-kura tas-saħħa pubblika rċieva somma ta’ darba ta’ EUR 273 miljun li se tkopri, pereżempju, ir-reklutaġġ ta’ 2,000 membru tal-persunal addizzjonali fis-settur tal-kura tas-saħħa, ix-xiri ta’ tagħmir u provvisti relatati mas-saħħa, u t-tisħiħ tal-iskrinjar.
(18)Sabiex is-sistema tal-kura tas-saħħa tkun tista’ tittratta b’mod effettiv il-pandemija tal-COVID-19, jenħtieġ li jsir titjib fil-kapaċità, l-aċċessibbiltà u r-reżiljenza tagħha. Il-pagamenti diretti għas-servizzi tas-saħħa privati, u l-pagamenti informali - li huma marbuta mill-qrib mal-ġestjoni ineffiċjenti tal-isptarijiet - għadhom għoljin. Dan iwassal għal inugwaljanzi. L-aċċess għadu problema, u l-ħtiġijiet tal-kura tas-saħħa mhux issodisfati awtodikjarati huma fost l-ogħla fl-UE, b’differenzi kbar bejn il-gruppi ta’ redditu u l-istatus ta’ impjieg. Ma sarux biżżejjed testijiet tal-mezzi lill-kopagamenti biex jiġu protetti l-gruppi vulnerabbli. Dan huwa aggravat mill-provvista żejda u għaldaqstant il-konsum żejjed ta’ mediċini ħafna drabi eċċessivament għaljin. Biex tittratta dan, il-Greċja qed timplimenta riforma ambizzjuża tal-kura primarja biex tipprovdi aċċess għal servizzi essenzjali ta’ kwalità fiż-żmien qasir, u sistema komprensiva bbażata fuq il-kustodja għall-popolazzjoni kollha fi żmien twil. Indikazzjonijiet bikrija jissuġġerixxu li dan huwa essenzjali għall-protezzjoni taċ-ċittadini u biex jiġi kkontrollat it-tixrid tal-virus, filwaqt li jiġi żgurat li s-sistema tista’ tiġi applikata sal-limitu massimu tagħha biex il-pazjenti jiġu ttrattati skont il-ħtiġijiet tagħhom. Għad trid tinstab soluzzjoni sostenibbli għall-infiq fuq is-saħħa, billi s-sostenibbiltà fiskali hija fil-biċċa l-kbira ggarantita minn sistema ta’ rkupru dejjem aktar taħt pressjoni minħabba miżuri strutturali insuffiċjenti. Minkejja xi azzjonijiet inkoraġġanti li ttieħdu dan l-aħħar, l-akkwist ċentralizzat għadu dgħajjef. Fl-2018, l-infiq pubbliku fuq is-saħħa kien 'l isfel mill-medja tal-UE, anki bl-inklużjoni tal-valur tal-irkupru li jżid madwar 1 % tal-PDG. Hemm bżonn ta’ li tiżdied l-effiċjenza flimkien ma’ aktar riżorsi finanzjarji biex jittejbu l-effikaċja, l-aċċessibbiltà u r-reżiljenza ġenerali tas-sistema tas-saħħa.
(19)Hemm bżonn ta’ miżuri li jtaffu l-impatt tal-kriżi tal-COVID-19 fuq il-ħaddiema u fuq l-impriżi. Skont il-previżjoni tal-Kummissjoni, il-qgħad mistenni jiżdied għal 19,9 % fl-2020 u jirkupra għal 16,8 % fl-2021. Il-Greċja diġà introduċiet skema temporanja li ttaffi l-kost lavorattiv għall-impriżi li l-operat tagħhom ġie sospiż jew milqut ħafna, filwaqt li tipproteġi l-kuntratti tal-impjieg u tipprovdi appoġġ għall-introjtu lill-ħaddiema milquta. Madankollu, l-implimentazzjoni ta’ skema komprensiva ta’ xogħol b’ħinijiet iqsar tkun tipprovdi soluzzjoni aktar sostenibbli u flessibbli. Skema bħal din tkun tippermetti li l-impriżi japplikaw tnaqqis fis-sigħat tax-xogħol b’mod modulat, li jikkorrispondi għal-livell li fih l-attivitajiet tagħhom ikunu ġew ristretti, filwaqt li jiġi ppreservat l-operat tal-industriji, u jiġu evitati l-effetti negattivi ta’ isteriżi kkaġunati mis-sensji temporanji. L-espansjoni tal-arranġamenti flessibbli tax-xogħol, bħat-telexogħol, li s’issa fil-Greċja kienu limitati meta mqabbla ma’ pajjiżi oħra tal-UE, jgħinu wkoll biex tiġi ppreservata l-attività ekonomika u l-impjiegi matul il-konfinament u t-tbegħid soċjali.
(20)Hemm ir-riskju li l-kriżi tal-COVID-19 terġa’ taggrava s-sitwazzjoni soċjali ta’ partijiet kbar tal-popolazzjoni u tkabbar l-inugwaljanza fl-introjtu. Qabel it-tifqigħa tal-pandemija, il-parti tal-popolazzjoni Griega fir-riskju tal-faqar jew tal-esklużjoni soċjali kienet għadha waħda mill-ogħla fl-UE, bit-tfal u l-persuni fl-età tax-xogħol f’riskju akbar minn dawk ta’ età akbar. Il-faqar fost dawk li jaħdmu, l-aċċess għal akkomodazzjoni affordabbli u l-faqar enerġetiku wkoll kienu preokkupazzjonijiet sinifikanti. Sabiex ittaffi l-impatt tal-kriżi, se jkun kruċjali li l-Greċja tipprovdi sostituzzjoni adegwata tal-introjtu għall-ħaddiema kollha milquta u għal dawk kollha li jaħdmu għal rashom, inklużi dawk li qed jiffaċċaw diskrepanzi fl-aċċess għall-protezzjoni soċjali. Se jkun ukoll importanti li jingħata appoġġ lil dawk l-aktar vulnerabbli, fosthom il-ħaddiema inattivi u dawk mhux iddikjarati, billi jissaħħu ix-xbieki tas-sikurezza soċjali. B’żieda fl-għadd ta’ dawk li x’aktarx jibdew jiddependu mix-xbieki ta’ sikurezza bażiċi, se jkun importanti li titjieb l-adegwatezza tal-appoġġ minimu għall-introjtu. L-aċċess komprensiv għas-servizzi soċjali huwa meħtieġ għall-gruppi l-aktar fil-bżonn u vulnerabbli, inklużi l-persuni b’diżabbiltà, ir-rifuġjati u l-applikanti għall-ażil. Barra minn hekk, is-servizzi ta’ kura fit-tul mhumiex żviluppati biżżejjed. Jenħtieġ ukoll li l-Greċja tippromwovi tal-aċċess għal akkomodazzjoni affordabbli, speċjalment għall-familji li huma fir-riskju tal-faqar, pereżempju billi tintroduċi skema li tassisti lill-proprjetarji vulnerabbli li għandhom ipoteka.
(21)Il-kriżi tal-COVID-19 ġabet fi tmiemhom l-iżviluppi pożittivi tas-suq tax-xogħol osservati f’dawn l-aħħar snin, u mistenni li l-qgħad jerġa’ jibda jiżdied.. Biex issostni rkupru robust ta’ impjiegi fil-perjodu ta’ wara l-kriżi, il-Greċja għandha bżonn twettaq riformi li jżidu l-effettività tal-politiki biex in-nies jissoktaw jaħdmu, u b’mod partikolari jibdew programmi ta’ taħriġ. Iż-żieda fil-kapaċità tas-servizz pubbliku tal-impjiegi biex jingħata appoġġ kontinwu u individwalizzat lil dawk li qed ifittxu x-xogħol se tkun kruċjali. Jeħtieġ li l-Greċja tagħti attenzjoni partikolari liż-żgħażagħ u lin-nisa, li huma aktar milquta minn nuqqas ta’ opportunitajiet ta’ impjieg u ta’ taħriġ. Hemm ukoll lok għal titjib fid-djalogu soċjali, billi jingħata appoġġ lill-involviment attiv u sinifikanti tas-sħab soċjali fit-tfassil tal-politika, inkluż fit-tfassil u l-implimentazzjoni ta’ miżuri biex jiġu indirizzati l-impatti tal-kriżi tal-COVID-19. Jenħtieġ li l-Gvern jiffoka l-isforzi tiegħu fuq it-titjib tal-kompetenzi bażiċi għal kulħadd. Se jkun essenzjali li jiġu indirizzati riżultati fqar fil-qasam tal-edukazzjoni, li jittejbu l-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali, u li jiżdied it-tagħlim għall-adulti. Biex jitnaqqas l-ispariġġ fil-ħiliet u jitħaffef l-irkupru tas-suq tax-xogħol, huwa essenzjali li titjieb il-kwalità tal-edukazzjoni u tat-taħriġ u tiżdied ir-rilevanza tagħhom għas-suq tax-xogħol .
(22)Sa mill-bidu tar-rispons tiegħu għat-tifqigħa tal-COVID-19, il-Gvern ġustament adotta l-prijorità li jipprovdi appoġġ ta’ likwidità sostenibbli lill-impriżi milqutin speċjalment l-impriżi żgħar u ta' daqs medju (l-SMEs) u lill-impriżi mikro, l-aktar permezz ta’ self u garanziji. Skont il-qafas temporanju tal-għajnuna mill-Istat, il-Greċja introduċiet tliet skemi biex iżżid il-likwidità tal-kapital tal-impriżi, jiġifieri: (i) skema ta’ kopertura li tkopri l-avvanzi rimborżabbli; (ii) skema ta’ kollateral fi flus biex tkopri s-self bankarju; u (iii) skema ta’ sussidju tar-rata tal-imgħax għas-self attwali. Huwa importanti li f’dan il-proċess, is-settur bankarju jissodisfa - bl-appoġġ tal-awtoritajiet - ir-rwol intermedjarju tiegħu li jżomm il-fluss meħtieġ tal-kreditu, fuq il-bażi ta’ valutazzjoni adatta tar-riskju tal-kreditu u standards ta’ kreditu prudenti, filwaqt li jirrapporta b’mod preċiż kull deterjorament fil-kwalità tal-assi. L-appoġġ għall-kapaċità tas-settur bankarju li joffri soluzzjonijiet ta’ ristrutturar tad-dejn sostenibbli lil mutwatarji vijabbli milquta mill-kriżi se jkun kruċjali biex tiġi salvagwardjata l-kwalità tal-assi filwaqt li jissaħħaħ l-irkupru ekonomiku.
(23)Biex jitrawwem l-irkupru ekonomiku, se jkun importanti li l-proġetti maturi ta’ investiment pubbliku jingħataw finanzjament bil-quddiem u li jiġi promoss l-investiment privat, inkluż permezz ta’ riformi rilevanti. Iż-żieda fl-investiment b’fattur li jtejjeb it-tkabbir se tkun strumentali biex tirfed it-tkabbir fit-tul u tnaqqas id-disparitajiet reġjonali. Fl-2019, l-investiment pubbliku ma laħaqx il-mira tal-pjanijiet b’aktar minn 1 % tal-PDG, wara prestazzjoni insuffiċjenti simili fis-snin preċedenti. L-awtoritajiet bdew jittrattaw in-nuqqas ta’ prestazzjoni persistenti billi stabbilixxew “pjan ta’ żvilupp nazzjonali” biex jissaħħu n-normi li jirregolaw l-iżvilupp, il-ġestjoni, il-finanzjament, u l-implimentazzjoni ta’ proġetti appoġġati, u pjan ta’ azzjoni biex jitjiebu l-previżjoni u l-monitoraġġ tal-investimenti pubbliċi. Minħabba r-rwol importanti li se jkollu l-investiment pubbliku biex tingħata l-ispinta inizjali għall-irkupru ekonomiku wara l-kriżi tal-COVID-19, huwa kruċjali li jiġu indirizzati l-ostakli amministrattivi li fadal u li tiġi stabbilita sensiela ta’ proġetti ġodda. It-twaqqif ta’ faċilità ddedikata għat-tħejjija ta’ proġett jista’ jkompli jtejjeb u jħaffef il-pass tal-investimenti pubbliċi. Implimentazzjoni aktar effiċjenti tal-investiment pubbliku tkompli tistimula t-tkabbir minħabba l-effett multiplikatur. Il-Greċja tista’ tibbenefika wkoll minn akkwist pubbliku aktar effiċjenti u sostenibbli bħala parti integrali mill-isforzi tagħha biex ittejjeb u tirrazzjonalizza l-infiq pubbliku, kif ukoll tiggarantixxi ambjent imprenditorjali kompetittiv. Dan ikun jenħtieġ li jiġu indirizzati n-nuqqasijiet identifikati, bħall-fenomenu persistenti ta’ offerti eċċessivament baxxi mhux ġustifikati, permezz ta’ miżuri leġiżlattivi u amministrattivi adatti.
(24)Jekk l-ekonomija tal-Greċja se tingħata bidu ġdid ikun meħtieġ ukoll li jiġu ttrattati xi dgħufijiet fit-tul u li jiġu sfruttati l-opportunitajiet futuri potenzjali. Is-setturi bi ħtiġijiet sinifikanti ta’ investiment jinkludu t-trasport u l-loġistika, fejn is-sostenn huwa partikolarment meħtieġ għall-ferroviji, is-sikurezza fit-toroq u t-titjib tal-hubs intermodali, kif ukoll l-iskart solidu u l-ġestjoni tal-ilma urban mormi fejn hemm bżonn li jsiru investimenti ambjentalment sostenibbli. It-trasformazzjoni tal-Greċja għal ekonomija newtrali għall-klima se tkun tenħtieġ ukoll investiment privat u pubbliku mdaqqas fuq perjodu konsistenti. L-investimenti ppjanati pereżempju fi proġetti ta’ skala żgħira fil-qasam tal-effiċjenza enerġetika, ir-rinnovazzjonijiet tal-bini u l-proġetti tal-enerġija rinnovabbli, jistgħu jingħataw finanzjament bil-quddiem u jikkontribwixxu għall-irkupru ekonomiku ta’ wara l-COVID-19. Il-ħidma preparatorja għal miżuri ta’ rkupru fi żmien medju tista’ tibbenefika minn investimenti ppjanati skont il-Pjanijiet Nazzjonali tal-Istati Membri għall-Enerġija u l-Klima, il-listi tal-proġetti ta’ interess komuni, u l-pjanijiet ta’ żvilupp tal-infrastruttura. L-investimenti relatati jistgħu jinkludu konnessjonijiet transfruntiera għall-importazzjoni u l-esportazzjoni tal-enerġija bejn l-Istati Membri ġirien biex tiġi żgurata provvista sostenibbli ta’ enerġija lin-nies u lill-impriżi fil-Greċja, u miżuri li jiżguraw it-tranżizzjoni ġusta tar-reġjuni l-aktar milquta mill-pjan ambizzjuż tal-Greċja li twarrab il-ġenerazzjoni tal-elettriku bbażata fuq il-linjite. L-ipprogrammar tal-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta għall-perjodu 2021-2027 jista’ jgħin biex il-Greċja tindirizza xi wħud mill-isfidi li qed tippreżenta t-tranżizzjoni lejn ekonomija newtrali għall-klima, b’mod partikolari fit-territorji koperti mill-Anness D tar-rapport tal-pajjiż. B’hekk il-Greċja tkun tista’ tagħmel l-aħjar użu minn dan il-fond.
(25)Minkejja li fis-snin preċedenti sar xi progress, jenħtieġ li l-Greċja taċċellera l-isforzi tagħha biex ittejjeb il-prestazzjoni diġitali tagħha, inkluż permezz tal-użu ta’ għodod u servizzi diġitali fl-amministrazzjoni pubblika, fis-sistema ġudizzjarja u fl-impriżi. Se jkun partikolarment rilevanti għall-amministrazzjoni pubblika u għall-fażi ta’ rkupru li jinżamm ir-ritmu u jiġu kkonsolidati l-gwadanji miksuba permezz tat-tnedija ta’ għadd ta’ servizzi diġitali mit-tifqigħa tal-COVID-19 ’l hawn. Approċċ strateġiku biex jiġi aċċellerat l-użu ta’ teknoloġiji diġitali fis-setturi ekonomiċi kollha, inkluż fl-amministrazzjoni pubblika, u l-interoperabbiltà ta’ diversi sistemi ta’ informazzjoni, b’mod partikolari l-bażi tad-data tas-sorveljanza tas-suq, jgħin biex jitnaqqas id-distakk fil-produttività mal-pajjiżi taż-Żona tal-Euro u jitħaffef il-piż amministrattiv. It-titjib tad-disponibbiltà ta’ networks ta’ kapaċità għolja ħafna u l-użu ta’ internet b’veloċità għolja ħafna huma prijorità wkoll. Fir-rigward tal-kompetenzi diġitali, il-Greċja għadha 'l isfel mill-medja tal-UE, billi fl-2019 kien jidher li 51 % biss taċ-ċittadini bejn is-16-il sena u l-74 sena kellhom mill-inqas kompetenzi diġitali bażiċi, meta mqabbla mal-medja ta’ 58 % tal-UE. It-titjib tal-kompetenzi diġitali se jippermetti li kulħadd fil-Greċja jgawdi aċċess indaqs għas-servizzi elettroniċi, jgħin lill-impriżi jagħmlu użu effettiv tat-telexogħol, u ta’ għodod elettroniċi, jippermetti li l-istudenti kollha kemm jekk fi skola, fl-università jew f’tagħlim għall-adulti jipparteċipaw kompletament fit-tagħlim mill-bogħod. Persuni minn kuntesti żvantaġġati, fosthom ir-refuġjati u l-applikanti għall-ażil, u dawk li jgħixu f’żoni remoti u rurali jenħtieġ li jingħataw attenzjoni partikolari.
(26)Wara li fl-2018 intemm b’suċċess il-programm tal-assistenza finanzjarja fil-Mekkaniżmu Ewropew ta' Stabbiltà, il-Greċja hija soġġetta għal sorveljanza msaħħa f’konformità mar-Regolament (UE) Nru 472/2013. L-attivazzjoni tas-sorveljanza msaħħa għall-Greċja tirrikonoxxi l-fatt li fuq żmien medju, il-Greċja għandha bżonn tkompli taddotta miżuri li jindirizzaw is-sorsi potenzjali tal-iżbilanċi makroekonomiċi, filwaqt li timplimenta riformi strutturali biex issostni tkabbir ekonomiku robust u sostenibbli. Il-Greċja ħadet impenn fil-Grupp tal-Euro tat-22 ta’ Ġunju 2018 biex tkompli r-riformi ewlenin kollha adottati skont il-programm sakemm jitlestew kollha. Il-Greċja impenjat ruħha wkoll li timplimenta azzjonijiet speċifiċi relatati mal-politiki fiskali u fiskali-strutturali, mal-protezzjoni soċjali, mal-istabbiltà finanzjarja, mas-swieq tax-xogħol u tal-prodotti, mal-privatizzazzjoni u l-amministrazzjoni pubblika. Dawn ir-riformi strutturali qed ikunu dejjem aktar importanti għall-isforzi tal-Greċja biex terġa tibda l-ekonomija tagħha. Jekk dawn ir-riformi jiġu implimentati u ffinalizzati kif suppost għandhom jgħinu b’mod sinifikanti biex isostnu l-avvanz tal-Greċja għaż-żmien medju u twil. Il-Greċja hija soġġetta għal rappurtar trimestrali dwar il-progress fl-implimentazzjoni tal-impenji tagħha taħt sorveljanza msaħħa, fejn rapport favorevoli jista’, fuq bażi ta’ sitt xhur, iwitti t-triq għal miżuri ta’ ħelsien mid-dejn li jammonta għal 0,7 % tal-PDG fis-sena. F’April 2019 u f’Diċembru 2019 rispettivament, il-Grupp tal-Euro qabel mar-rilaxx tal-ewwel żewġ pagamenti ta’ miżuri ta’ dejn kontinġenti għall-politika b’valur ta’ EUR 970 miljun u EUR 767 miljun. Is-sitt rapport dwar is-sorveljanza msaħħa li vvaluta l-progress tal-Greċja fl-implimentazzjoni tal-impenji tagħha ġie ppubblikat fl-20 ta’ Mejju 2020.
(27)Filwaqt li r-rakkomandazzjonijiet attwali jiffukaw fuq l-ittrattar tal-impatti soċjoekonomiċi tal-pandemija u fuq l-iffaċilitar tal-irkupru ekonomiku, ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż tal-2019 adottati mill-Kunsill fid-9 ta’ Lulju 2019 koprew ukoll riformi li huma essenzjali biex jiġu indirizzati l-isfidi strutturali fi żmien medju sa twil. Dawn ir-rakkomandazzjonijiet għadhom pertinenti u se jkomplu jiġu mmonitorjati matul iċ-ċiklu annwali tas-Semestru Ewropew tas-sena d-dieħla. Dan japplika wkoll għal rakkomandazzjonijiet li jirrigwardaw il-politiki ekonomiċi relatati mal-investiment. Jenħtieġ li jittieħed kont ta’ dawn ir-rakkomandazzjonijiet tal-aħħar fl-ipprogrammar strateġiku tal-finanzjament tal-politika ta’ koeżjoni ta’ wara l-2020, inkluż għall-miżuri ta’ mitigazzjoni u l-istrateġiji ta’ ħruġ fir-rigward tal-kriżi attwali.
(28)B’mod partikolari, fis-sitwazzjoni attwali huwa kruċjali li tinżamm l-attenzjoni fuq ir-ristrutturar tal-banek biex tiġi salvagwardjata l-istabbiltà finanzjarja u tiġi liberata l-kapaċità tas-settur bankarju li tippermetti l-finanzjament tal-irkupru ekonomiku. Is-settur bankarju sar aktar reżiljenti, u għaldaqstant f’Settembru 2019 ġew aboliti l-kontrolli tal-kapital, iżda għad hemm ħafna riskji u problemi li ntirtu mill-passat. Dawn jinkludu stokk kbir ta’ self improduttiv, qagħda kapitali f’konformità mar-rekwiżit kapitali iżda li qed tiffaċċa domanda ta’ kapital dejjem tikber fiż-żmien qasir, kif ukoll livell baxx ta’ profittabbiltà fuq it-tkabbir tas-self. B’riżultat ta’ dan, il-banek Griegi huma partikolarment esposti għar-riskju ta’ żidiet fl-ispejjeż għall-finanzjament u għal deterjorament mill-ġdid tal-kwalità tal-assi minħabba l-pandemija tal-COVID-19. It-trawwim tal-funzjonament kontinwu tas-suq sekondarju għal self improduttiv, pari passu ma’ self ġdid u ma’ ristrutturazzjonijiet vijabbli ta’ self fit-tul f’konformità ma’ standards ta’ kreditu prudenti, jista’ jkollhom rwol ewlieni biex jintlaħaq l-għan doppju li jittaffa l-impatt tat-tifqigħa fuq il-kwalità tal-assi filwaqt li jiġi ttrattat is-self improduttiv li ntiret mill-passat. L-implimentazzjoni ta’ riforma tal-qafas ġuridiku li tippermetti l-eżekuzzjoni mingħajr restrizzjoni tal-kollateral minn selliefa li jkunu fallew, jista’ jkun pass essenzjali f’din id-direzzjoni.
(29)Is-Semestru Ewropew jipprovdi l-qafas għal koordinazzjoni kontinwa tal-politika ekonomika u tal-impjiegi fl-Unjoni, li tista’ tikkontribwixxi għal ekonomija sostenibbli. L-Istati Membri evalwaw il-progress li sar fl-implimentazzjoni tal-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli (Sustainable Development Goals, SDGs) tan-Nazzjonijiet Uniti fil-Programmi Nazzjonali ta’ Riforma tal-2020 tagħhom. Billi tiżgura l-implimentazzjoni sħiħa tar-rakkomandazzjonijiet ta’ hawn taħt, il-Greċja se tikkontribwixxi għall-progress lejn l-SDGs u għall-isforz komuni biex tiġi ggarantita s-sostenibbiltà kompetittiva fl-Unjoni.
(30)Il-koordinazzjoni mill-qrib bejn l-ekonomiji fl-unjoni ekonomika u monetarja hija kruċjali biex jinkiseb irkupru malajr mill-impatt ekonomiku tal-COVID-19. Jenħtieġ li l-Greċja, bħala Stat Membru li l-munita tiegħu hija l-euro – u fid-dawl tal-gwida politika mill-Grupp tal-Euro – tiżgura li l-politiki tagħha jibqgħu konsistenti mar-rakkomandazzjonijiet għaż-Żona tal-Euro u koordinati ma’ dawk tal-Istati Membri l-oħra taż-Żona tal-Euro.
(31)Fil-kuntest tas-Semestru Ewropew tal-2020, il-Kummissjoni wettqet analiżi komprensiva tal-politika ekonomika tal-Greċja u ppubblikatha fir-rapport tal-pajjiż għall-2020. Barra minn hekk, ivvalutat il-Programm ta’ Stabbiltà tal-2020 u l-Programm Nazzjonali ta’ Riforma tal-2020, kif ukoll is-segwitu li sar għar-rakkomandazzjonijiet indirizzati lill-Greċja fis-snin preċedenti. Mhux biss qieset ir-rilevanza tagħhom għall-politika fiskali u soċjoekonomika sostenibbli fil-Greċja, iżda qieset ukoll l-konformità tagħhom mar-regoli u mal-gwida tal-Unjoni, fid-dawl tal-ħtieġa li l-governanza ekonomika globali tal-Unjoni tissaħħaħ billi jingħata input f’livell tal-Unjoni dwar deċiżjonijiet nazzjonali futuri.
(32)Fid-dawl ta’ din il-valutazzjoni, il-Kunsill eżamina l-Programm ta’ Stabbiltà tal-2020 u l-opinjoni tiegħu hija riflessa partikolarment fir-rakkomandazzjoni (1) hawn taħt.
(33)Fid-dawl tal-analiżi fil-fond tal-Kummissjoni u ta’ din il-valutazzjoni, il-Kunsill eżamina l-Programm Nazzjonali ta’ Riforma għall-2020 u l-Programm ta’ Stabbiltà għall-2020. Dawn ir-rakkomandazzjonijiet iqisu l-bżonn li tiġi indirizzata l-pandemija u li jiġi ffaċilitat l-irkupru ekonomiku bħala l-ewwel pass meħtieġ biex ikun jista’ jsir aġġustament tal-iżbilanċi. Ir-rakkomandazzjonijiet li jindirizzaw direttament l-iżbilanċi makroekonomiċi identifikati mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 6 tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011 huma riflessi fir-rakkomandazzjonijiet (1), (2), (3) u (4),
B’DAN JIRRAKKOMANDA li fl-2020 u fl-2021 il-Greċja tieħu azzjoni biex:
1.F’konformità mal-klawżola ta’ salvagwardja ġenerali, tieħu l-miżuri kollha meħtieġa biex tindirizza b’mod effettiv il-pandemija, issostni l-ekonomija u tappoġġa l-irkupru sussegwenti. Meta l-kundizzjonijiet ekonomiċi jippermettu, issegwi politiki fiskali bil-għan li jinkisbu qagħdiet fiskali prudenti fiż-żmien medju u tiżgura s-sostenibbiltà tad-dejn, filwaqt li ttejjeb l-investiment. Issaħħaħ ir-reżiljenza tas-sistema tas-saħħa u tiggarantixxi aċċess adegwat u ekwu għall-kura tas-saħħa.
2.Ittaffi l-impatti lavorattivi u soċjali tal-kriżi, inkluż permezz ta’ miżuri ta’ implimentazzjoni bħal skemi ta’ xogħol b’kuntratt qasir u tiggarantixxi appoġġ effettiv ta’ attivazzjoni.
3.Timplimenta malajr miżuri biex tipprovdi likwidità u fluss kontinwu ta’ kreditu u ta’ finanzjament ieħor għall-ekonomija, filwaqt li tiffoka b’mod partikolari fuq impriżi żgħar u ta’ daqs medju li huma l-aktar milqutin mill-kriżi. Tforni finanzjament bil-quddiem għal proġetti maturi ta’ investiment pubbliku u tippromwovi l-investiment privat biex tistimula l-irkupru ekonomiku. Tiffoka investiment fuq it-tranżizzjoni ekoloġika u diġitali, b’mod partikolari fuq trasport u loġistika sikuri u sostenibbli, il-produzzjoni u l-użu ta’ enerġija nodfa u effiċjenti, l-infrastrutturi ambjentali u kapaċità għolja ħafna ta’ infrastruttura u kompetenzi diġitali. Ittejjeb l-effettività u d-diġitalizzazzjoni tal-amministrazzjoni pubblika u tippromwovi t-trasformazzjoni diġitali tal-impriżi.
4.Tkompli u tiffinalizza r-riformi f’konformità mal-impenji ta’ wara l-programm mogħtija fil-Grupp tal-Euro tat-22 ta’ Ġunju 2018 biex jibda mill-ġdid l-irkupru ekonomiku sostenibbli, wara li jibdew jillaxkaw bil-mod ir-restrizzjonijiet imposti minħabba t-tifqigħa tal-COVID-19.
Magħmul fi Brussell,
Għall-Kunsill
Il-President