EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52020DC0379

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL dwar in-nefqa tal-FAEG Sistema ta’ Twissija Bikrija Nru 4-6/2020

COM/2020/379 final

Brussell, 11.8.2020

COM(2020) 379 final

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

dwar in-nefqa tal-FAEG































Sistema ta’ Twissija Bikrija Nru 4-6/2020


Werrej

1.Il-proċedura tal-baġit tal-FAEG tal-2020

2.Id-dħul assenjat għall-FAEG

3.Kummenti dwar l-implimentazzjoni proviżorja tal-baġit tal-FAEG għall-2020

3.1.    Miżuri tas-suq    

3.1.1.    Żejt taż-żebbuġa    

3.1.2.    Promozzjoni    

3.1.3.    Frott u ħxejjex    

3.1.4.    Prodotti tas-settur vinikolu    

3.2.    Pagamenti diretti    

3.2.1.    Pagamenti diretti diżakkoppjati    

3.2.2.    Pagamenti diretti oħra    

4.Implimentazzjoni tad-dħul assenjat għall-FAEG

5.Konklużjonijiet

Anness 1:

Konsum proviżorju tal-approprjazzjonijiet tal-FAEG sat-30/04/2020

1.Il-proċedura tal-baġit tal-FAEG tal-2020

Fis-27 ta’ Novembru 2019, il-Parlament Ewropew adotta l-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għall-2020. Għall-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija (FAEG), il-baġit kien jinkludi approprjazzjonijiet ta’ impenn u ta’ pagament ta’ EUR 43 410 miljun u EUR 43 380 miljun rispettivament għall-pagamenti diretti u għan-nefqa relatata mas-suq.

Ir-raġuni għall-ammonti differenti għaż-żewġ tipi ta’ approprjazzjonijiet hija l-użu ta’ approprjazzjonijiet differenzjati għal ċerti miżuri implimentati direttament mill-Kummissjoni. Dawn huma prinċipalment relatati ma’ miżuri ta’ promozzjoni għal prodotti agrikoli u ma’ miżuri ta’ strateġija politika u ta’ koordinazzjoni.

2.Id-dħul assenjat għall-FAEG

Abbażi tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 43 tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013, id-dħul li joriġina minn korrezzjonijiet finanzjarji skont deċiżjonijiet dwar il-kontabbiltà u l-approvazzjoni tal-konformità, kif ukoll minn irregolaritajiet, jikkostitwixxi dħul assenjat għall-finanzjament tan-nefqa tal-FAEG.

Skont dawn id-dispożizzjonijiet, id-dħul assenjat jista’ jkopri l-ħtiġijiet ta’ finanzjament ta’ kwalunkwe nefqa tal-FAEG. Kwalunkwe parti minn dan id-dħul li tibqa’ ma tintużax matul is-sena baġitarja tiġi riportata awtomatikament għas-sena baġitarja ta’ wara 1 .

Il-baġit tal-FAEG tal-2020 jinkludi:

·l-istimi l-aktar reċenti tal-Kummissjoni tal-ħtiġijiet ta’ finanzjament għall-miżuri tas-suq u għall-pagamenti diretti,

·l-istimi tad-dħul assenjat li jrid jinġabar matul is-sena baġitarja,

·u r-riportar tal-bilanċ tad-dħul assenjat li jkun fadal mis-sena baġitarja ta’ qabel.

Fil-proposta tagħha għall-approprjazzjonijiet tal-baġit tal-FAEG tal-2020, il-Kummissjoni qieset id-dħul assenjat totali mistenni u, għall-baġit tal-2020, talbet livell ta’ approprjazzjonijiet ikkalkulat billi l-istima tad-dħul assenjat titnaqqas mill-istima tal-ħtiġijiet. L-Awtorità tal-Baġit adottat il-baġit tal-FAEG filwaqt li qieset id-dħul assenjat mistenni.

Meta ġie stabbilit il-baġit tal-2020, l-istimi tal-Kummissjoni għad-dħul assenjat disponibbli kienu jammontaw għal EUR 1 071 miljun, li kienu magħmulin minn dawn li ġejjin:

·id-dħul assenjat li mistenni jiġi ġġenerat matul is-sena baġitarja tal-2020, li huwa stmat li jammonta għal EUR 719 miljun (EUR 592 miljun mill-korrezzjonijiet tal-approvazzjoni tal-konformità, u EUR 127 miljun mill-irregolaritajiet);

·id-dħul assenjat li jrid jiġi riportat mill-2019, li kien stmat għal EUR 352 miljun.

Il-Kummissjoni assenjat dan id-dħul stmat ta’ EUR 1 071 miljun għall-iskemi li ġejjin, kif ġej:

·EUR 150 miljun ġew assenjati għall-fondi operattivi għall-organizzazzjonijiet tal-produtturi fis-settur tal-frott u tal-ħaxix; u

·EUR 921 miljun ġew assenjati għall-iskema ta’ pagament bażiku.

It-total tal-approprjazzjonijiet ivvotati u tad-dħul assenjat għal dawn l-iskemi jikkorrispondi għal:

·EUR 849 miljun għall-fondi operattivi għall-organizzazzjonijiet tal-produtturi fis-settur tal-frott u tal-ħaxix, u

·EUR 17 038 miljun għall-iskema ta' pagament bażiku.

Fl-anness, li jippreżenta l-implimentazzjoni proviżorja tal-baġit għall-2020, iċ-ċifri tal-approprjazzjonijiet baġitarji fil-livell tal-artikoli għall-frott u l-ħxejjex u għall-pagamenti diretti diżakkoppjati, ma jqisux id-dħul assenjat imsemmi hawn fuq. Huma jippreżentaw approprjazzjonijiet ivvotati għal dawn l-artikoli li jammontaw għal EUR 700.5 miljun u għal EUR 34 574 miljun rispettivament.

Wara li jiġi inkluż id-dħul assenjat għal dawn l-artikoli, l-ammonti totali previsti fil-baġit tal-2020 huma ta’ EUR 850.5 miljun għas-settur tal-frott u tal-ħaxix u ta’ EUR 35 495 miljun għall-pagamenti diretti diżakkoppjati.

3.Kummenti dwar l-implimentazzjoni proviżorja tal-baġit tal-FAEG għall-2020

L-anness ta’ dan ir-rapport jippreżenta l-implimentazzjoni proviżorja tal-baġit għall-perjodu bejn is-16 ta’ Ottubru 2019 u t-30 ta’ April 2020. It-tqabbil qed isir bejn il-livell ta’ implimentazzjoni u l-profil tan-nefqa tas-Sistema ta’ Twissija Bikrija (STB) li ġiet stabbilita f’konformità mal-Artikolu 28 tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013.

3.1.Miżuri tas-suq

L-użu tal-approprjazzjonijiet għall-interventi fis-swieq agrikoli kien aktar baxx mill-approprjazzjonijiet b’EUR 180.5 miljun milli mistenni bl-użu tal-profil tal-konsum. Dan huwa prinċipalment spjegat mill-użu aktar baxx tal-approprjazzjonijiet fl-artikoli baġitarji għall-promozzjoni tal-prodotti agrikoli u għas-settur vinikolu (ara l-punti 3.1.2 u 3.1.4).

3.1.1.Żejt taż-żebbuġa

In-nefqa li saret għall-programmi ta’ titjib tal-kwalità kienet ta’ EUR 4.5 miljun inqas milli kien mistenni fl-aħħar ta’ April skont il-profil tan-nefqa.

Madankollu, huwa mistenni li l-ammont ibbaġitjat jiġi implimentat sa tmiem is-sena.

3.1.2.Promozzjoni

Peress li ma kienx għadu sar l-impenn tal-approprjazzjonijiet tal-baġit għall-hekk imsejħa programmi “multipli” li inizjalment kienu mistennija f’Jannar, l-implimentazzjoni tal-baġit temporanjament qed turi differenza ta’ EUR -114.8 miljun meta mqabbla mal-profil tan-nefqa. Madankollu, huwa mistenni li l-ammont ibbaġitjat jiġi implimentat sa tmiem is-sena.

3.1.3.Frott u ħxejjex

L-implimentazzjoni tal-baġit għal dan is-settur, li primarjament tikkonċerna n-nefqa għall-fondi operattivi għall-organizzazzjonijiet tal-produtturi, tinsab EUR 30 miljun ‘l quddiem mill-profil tan-nefqa.

3.1.4.Prodotti tas-settur vinikolu

Għal dan l-artikolu baġitarju, il-profil tan-nefqa jqis li n-nefqa hija kkonċentrata lejn tmiem is-sena finanzjarja. In-nefqa ddikjarata s’issa hija ta’ EUR 74.6 miljun inqas mill-profil. Id-diverġenza titqies li hija temporanja u huwa mistenni li n-nefqa finali se tkun qrib l-ammont ibbaġitjat.

3.2.Pagamenti diretti 

Sa tmiem April 2020, l-użu tal-approprjazzjonijiet għall-pagamenti diretti taħt il-kapitolu tal-baġit 05 03 jaqbeż il-profil tal-konsum b’EUR 1 039.6 miljun, jew 2.6 %.

3.2.1.Pagamenti diretti diżakkoppjati

Għall-pagamenti diretti diżakkoppjati taħt l-artikolu baġitarju 05 03 01, in-nefqa ddikjarata hija ta’ EUR 870.6 miljun ‘l quddiem mill-profil (+2.5 %).

Skont il-profil tal-konsum, in-nefqa għall-iskema ta’ pagament bażiku, l-iskema ta’ pagament uniku skont l-erja u l-pagament ta’ ekoloġizzazzjoni kienu kemxejn ogħla milli mistenni.

3.2.2.Pagamenti diretti oħra

Għal pagamenti diretti oħra taħt l-artikolu baġitarju 05 03 02, in-nefqa ddikjarata hija ta’ EUR 169.0 miljun ‘l quddiem mill-profil (+3.0 %). B’mod partikolari, in-nefqa għall-Iskema ta’ appoġġ akkoppjat volontarju u għall-Iskema għall-bdiewa żgħar kienet kemxejn ogħla minn dik ikkalkulata skont il-profil tal-konsum.

4.Implimentazzjoni tad-dħul assenjat għall-FAEG

It-tabella fl-anness turi li sa tmiem April 2020 kien inġabar dħul assenjat li jammonta għal EUR 378.9 miljun, b’mod partikolari:

·id-dħul mill-korrezzjonijiet ibbażati fuq deċiżjonijiet dwar il-kontabbilità u l-approvazzjoni tal-konformità kien jammonta għal EUR 291.1 miljun, b’ammonti addizzjonali mistennija li jinġabru matul is-sena baġitarja;

·id-dħul mill-irregolaritajiet ammonta għal EUR 86.9 miljun b’xi ammonti addizzjonali mistennija sa tmiem is-sena baġitarja, u

·xi dħul li kien għad fadal jinġabar mill-imposta fuq il-ħalib li kien jammonta għal EUR 0.9 miljun.

Fl-aħħar nett, l-ammont ta’ dħul assenjat riportat mill-2019 għall-2020 kien jammonta għal EUR 348.2 miljun, li huwa kważi EUR 4 miljun inqas milli mistenni meta ġie adottat il-baġit għall-2020.

Għalhekk, l-ammont totali tad-dħul assenjat disponibbli fit-30 ta’ April 2020 għall-finanzjament tan-nefqa tal-FAEG kien ta’ EUR 727.1 miljun, b’ammonti addizzjonali mistennija jinġabru matul is-sena baġitarja.

5.Konklużjonijiet

L-implimentazzjoni proviżorja tal-approprjazzjonijiet baġitarji tal-FAEG tal-2020 għall-perjodu sat-30 ta’ April 2020, turi li r-rimborżi ta’ kull xahar lill-Istati Membri huma ogħla mill-profil tal-konsum ikkalkulat b’EUR 857.4 miljun.

Ammont ta’ EUR 727.1 miljun ta’ dħul assenjat huwa diġà disponibbli, u huwa mistenni l-ġbir ta’ xi ammonti addizzjonali matul is-sena baġitarja.

Fil-preżent, il-Kummissjoni tistenna li l-approprjazzjonijiet ivvotati flimkien mal-ammont tad-dħul assenjat li se jkunu disponibbli sa tmiem is-sena baġitarja se jkunu biżżejjed biex ikopru n-nefqa kollha tal-FAEG.

(1)

   L-Artikolu 12(4)(b) tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni, jiddetermina li l-approprjazzjonijiet li jikkorrispondu għad-dħul assenjat intern jistgħu jiġi riportati biss għas-sena finanzjarja ta’ wara. Għalhekk, fl-interessi ta’ ġestjoni soda tal-baġit, dan id-dħul assenjat ġeneralment jintuża l-ewwel, qabel kull approprjazzjoni vvotata tal-artikolu baġitarju kkonċernat.

Top

Brussell, 11.8.2020

COM(2020) 379 final

ANNESS

tar-

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

dwar in-nefqa tal-FAEG















Sistema ta’ Twissija Bikrija Nru 4-6/2020


ANNESS

Top