Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52020DC0130

    KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL dwar l-identità tal-maniġer tal-assi għall-fond ta’ proviżjonament komuni f’konformità mal-Artikolu 212 tar-Regolament Finanzjarju 2018/1046

    COM/2020/130 final

    Brussell, 25.3.2020

    COM(2020) 130 final

    KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

    dwar l-identità tal-maniġer tal-assi għall-fond ta’ proviżjonament komuni f’konformità mal-Artikolu 212 tar-Regolament Finanzjarju 2018/1046


    Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill

    dwar l-identità tal-maniġer tal-assi għall-fond ta’ proviżjonament komuni f’konformità mal-Artikolu 212 tar-Regolament Finanzjarju 2018/1046

    Sommarju:

    Wara r-riżultati ta’ evalwazzjoni indipendenti, il-Komunikazzjoni tinforma lill-Parlament u lill-Kunsill li l-Kummissjoni se timmaniġġja hija stess l-assi tal-Fond ta’ Proviżjonament Komuni (Common Provisioning Fund, CPF), minflok ma tippreżenta proposta leġiżlattiva li tkun tippermetti jew tagħti struzzjonijiet lill-Kummissjoni sabiex tiddelega dan ir-rwol lill-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI). Is-CPF se jirċievi fondi mill-baġit tal-UE matul il-Qafas Finanzjarju Pluriennali li jmiss (2021-2027). Dawn l-assi se jikkostitwixxu l-proviżjonamenti li jiżguraw l-operat tal-istrumenti finanzjarji, l-assistenza finanzjarja u l-garanziji baġitarji sabiex jiġi appoġġat l-investiment fl-UE 1 u fil-pajjiżi fil-fażi tal-iżvilupp u tal-viċinat 2 , mogħtija permezz ta’ istituzzjonijiet tal-finanzi pubbliċi bħall-BEI u sħab oħra inkarigati mill-implimentazzjoni. Dawn l-operazzjonijiet se jappoġġaw l-investiment li jikkontribwixxi għall-għanijiet tal-politika tal-UE bħall-bini ta’ ekonomija sostenibbli.

    Permezz tal-immaniġġjar dirett tal-assi tas-CPF, il-Kummissjoni se tkun tista’ tiżgura li s-CPF ikun allinjat mad-domandi baġitarji li jirriżultaw mill-operazzjonijiet, u jirrapporta regolarment lill-Parlament u lill-Kunsill dwar dawn il-kwistjonijiet. L-assi tas-CPF se jkunu l-bażi tas-sistema ta’ garanziji baġitarji u ta’ self garantit li l-UE se tipprovdi taħt il-qafas finanzjarju pluriennali (QFP) li jmiss. Huwa preċiżament minħabba l-importanza “sistemika” tagħha għall-baġit tal-UE, u fid-dawl tar-responsabbiltajiet istituzzjonali tagħha stess, li l-Kummissjoni ddeċidiet li timmaniġġja hija stess l-assi tas-CPF. L-evalwazzjoni indipendenti ssib li kemm il-Kummissjoni kif ukoll il-BEI għandhom l-għarfien espert, is-sistemi u l-arranġamenti ta’ governanza xierqa għall-immaniġġjar tas-CPF, u li fil-passat il-Kummissjoni pprovdiet prestazzjoni aħjar b’anqas kost għall-baġit tal-UE. Il-Komunikazzjoni se tinforma wkoll lill-Parlament u lill-Kunsill dwar il-passi li l-Kummissjoni se tieħu sabiex tiżgura li s-CPF ikun lest sal-aħħar tal-2020 sabiex jibda jinvesti sa minn Jannar 2021 meta l-approprjazzjonijiet tal-baġit isiru disponibbli.

    1.Introduzzjoni:

    Il-baġit tal-UE għaddej minn tibdil profond. Irid iwieġeb għall-isfidi ambjentali, strateġiċi u soċjoekonomiċi ġodda fi żmien meta l-limitazzjonijiet baġitarji qed jissikkaw aktar. Dan jitlob modi ġodda li bihom ir-riżorsi disponibbli fil-baġit tal-UE jaħdmu aħjar għaċ-ċittadin tal-UE.

    Il-garanziji baġitarji wrew li huma mezz vijabbli kif jiġi mmultiplikat l-impatt tal-politika ta’ finanzi pubbliċi limitati. Permezz ta’ użu estensiv tal-garanziji baġitarji, kull euro impenjat mill-baġit tal-UE fil-Pjan ta’ Investiment għall-Ewropa rnexxielu jappoġġa EUR 15,7 3 f’investiment privat fi proġetti li jiġġeneraw benefiċċji ambjentali, soċjali jew ekonomiċi.

    Fid-dawl ta’ dan is-suċċess, il-Kummissjoni pproponiet li tespandi l-użu tal-garanziji baġitarji bħala waħda mill-forom prinċipali ta’ appoġġ finanzjarju pubbliku għall-investiment ipprovduti mill-baġit tal-UE. Taħt il-programm InvestEU 4 , huwa propost li l-baġit tal-UE jipprovdi diversi biljuni f’fondi bħala garanzija ta’ kontinġenza għall-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI) u għal sħab oħra inkarigati mill-implimentazzjoni. Il-BEI u s-sħab inkarigati mill-implimentazzjoni huma mistennija jappoġġaw l-investiment pubbliku u privat b’effett multiplikatur komparabbli mal-FEIS. L-użu ta’ garanziji se jiġi estiż ukoll fl-isfera esterna fejn huwa propost li Garanzija għall-Azzjoni Esterna li għandha tiġi stabbilita mir-Regolament dwar l-Istrument ta’ Viċinat, ta’ Kooperazzjoni għall-Iżvilupp u ta’ Kooperazzjoni Internazzjonali (Neighbourhood, Development and International Cooperation Instrument , NDICI) 5 tipprovdi taħlita ta’ garanziji u ta’ self garantit għal investimenti u għal assistenza makrofinanzjarja f’pajjiżi ta’ qabel l-adeżjoni, f’pajjiżi ġirien u oħrajn.

    Dawn l-iżviluppi jirrappreżentaw tibdil kwalitattiv fil-funzjonament tal-baġit tal-UE. Huma jeħtieġu li l-baġit, u l-proviżjonament tal-garanziji li jappoġġa, ikunu reżiljenti biżżejjed biex jassorbu t-telf li potenzjalment jiġġarrab permezz ta’ finanzjament inadempjenti tal-investimenti. Dan jeħtieġ approċċ rigoruż għat-tfassil u għall-implimentazzjoni tal-programmi ta’ garanzija sabiex it-telf ma jaqbiżx il-proviżjonament disponibbli.

    It-tieni salvagwardja kruċjali hija l-immaniġġjar sod tal-proviżjonamenti mwarrba fil-baġit tal-UE sabiex jonoraw kwalunkwe talba għal ħlas tal-garanzija baġitarja mis-sħab inkarigati mill-implimentazzjoni. Dawn il-proviżjonamenti għall-garanziji baġitarji, għall-assistenza finanzjarja u għall-istrumenti finanzjarji se jinżammu fil-Fond ta’ Proviżjonament Komuni (CPF). Is-CPF jirrappreżenta r-riżerva ta’ likwidità li tipproteġi l-bqija tal-baġit tal-UE mit-telf li jimmaterjalizza fil-programmi, appoġġat minn garanziji baġitarji. Se jkun kbir biżżejjed sabiex jkun jista’ jiflaħ għat-talbiet kollha ta’ ħlas mill-garanziji f'xenarji realistikament immaġinabbli.

    Għalhekk, is-CPF mhuwiex sempliċi portafoll ta’ assi “ieħor” proprjetà tal-baġit tal-UE. L-assi tas-CPF se jkunu l-bażi tas-sistema ta’ garanziji baġitarji u ta’ self garantit li l-baġit tal-UE se jipprovdi fil-QFP li jmiss. Huwa kruċjali li l-assi fis-CPF ikunu sinkronizzati mal-obbligazzjonijiet li jirriżultaw mill-garanziji baġitarji u mis-self garantit. Il-Kummissjoni qiegħda fl-aħjar pożizzjoni sabiex taqdi dan ir-rwol peress li hija l-unika istituzzjoni b’ħarsa ġenerali sħiħa lejn l-obbligazzjonijiet li abbażi tagħhom iridu jiġu mmaniġġjati l-assi. Huwa preċiżament minħabba l-importanza “sistemika” tagħha għall-baġit tal-UE, u fid-dawl tar-responsabbiltajiet istituzzjonali tagħha stess, li l-Kummissjoni ddeċidiet li timmaniġġja hija stess l-assi tas-CPF.

    L-Artikolu 212 tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 (“ir-Regolament Finanzjarju” jew “RF” ) 6 li jistabbilixxi s-CPF ipprovda għal evalwazzjoni sabiex jiġi ddeterminat jekk l-immaniġġjar tal-assi tas-CPF jenħtieġx li jitwettaq mill-Kummissjoni, mill-BEI jew minn taħlita tat-tnejn. L-iskop ta’ din il-Komunikazzjoni huwa li tippreżenta l-konklużjonijiet dwar l-evalwazzjoni, tispjega għaliex is-CPF jenħtieġ li jkun ġestit mill-Kummissjoni, u tistabbilixxi l-passi li jmiss sabiex tħejji għad-dħul fis-seħħ tas-CPF sa Jannar 2021.

    2.Il-Fond ta’ Proviżjonament Komuni (CPF) bħala l-pedament tal-approċċ il-ġdid tal-UE għall-finanzi pubbliċi:

    2.1.X’inhu l-Fond ta’ Proviżjonament Komuni?

    Is-CPF jiġbor flimkien id-dispożizzjonijiet li jkopru l-obbligazzjonijiet finanzjarji li jirriżultaw minn għadd ta’ garanziji baġitarji, strumenti ta’ assistenza finanzjarja u strumenti finanzjarji differenti. B’mod partikolari, jgħaqqad il-proviżjonament għall-programmi li ġejjin: FEIS 7 , InvestEU, u l-Garanzija għall-Azzjoni Esterna (inkluż l-ex-EFSD 8 u l-Mandat ta’ Self Estern). Barra minn hekk, il-proviżjonamenti addizzjonali għal garanziji baġitarji jew għal programmi ta’ assistenza finanzjarja u għal strumenti finanzjarji ġodda rilevanti jistgħu jiġu akkomodati fi ħdan is-CPF. Riżorsi addizzjonali jistgħu jiġu ttrasferiti wkoll lis-CPF mill-proviżjonamenti għal strumenti finanzjarji eżistenti, jew minn strumenti ta’ politika oħra tal-Kummissjoni li akkwistaw portafoll kbir pendenti ta’ assi li għandhom l-istess univers ta’ investimenti bħas-CPF. F’konformità mal-Artikolu 9(1) tal-fehim komuni parzjali tal-koleġiżlaturi dwar il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Programm InvestEU, l-Istati Membri jistgħu jittrasferixxu l-immaniġġjar ta’ parti mir-riżorsi tal-Fond Strutturali tagħhom li jikkostitwixxu l-proviżjonament għall-kompartiment tal-Istati Membri għas-CPF .

    L-atti leġislattivi (adottati jew proposti) li jistabbilixxu l-FEIS, l-InvestEU u l-NDICI jipprevedu impenn li jammonta għal diversi biljuni ta’ euro mill-baġit tal-UE fil-proviżjonament sabiex jappoġġaw ammont sinifikanti ta’ garanziji u ta’ self. Minħabba l-effett katalitiku tal-programmi tal-UE, dan jissarraf f’volum multiplu ta’ impatt tal-politika, primarjament immirat lejn l-appoġġ għall-investiment privat u pubbliku.

    Kaxxa: kif jaħdem il-Fond ta’ Proviżjonament Komuni?

    ·Is-CPF jiġbor l-assi li jappartjenu għall-programmi FEIS, InvestEU u NDICI. Dawn l-assi jiġu investiti mis-CPF f’titoli finanzjarji (l-aktar bonds) sakemm l-assi jiġu biex jinbiegħu sabiex tiġi ssodisfata talba ta’ ħlas tal-garanzija minn sieħeb inkarigat mill-implimentazzjoni li jkun esperjenza inadempjenza fil-portafoll tiegħu ta’ proġetti ta’ investiment li huwa jiffinanzja. L-Artikolu 219(1) tar-RF jiddikjara li l-“garanziji baġitarji għandhom ikunu irrevokabbli, inkondizzjonali u fuq talba għat-tipi ta’ operazzjonijiet koperti.”

    ·Il-multipliċità ta’ garanziji differenti li jibbenefikaw minnhom sħab differenti inkarigati mill-implimentazzjoni, li jappoġġaw tipi differenti ta’ investiment f’ġeografiji differenti, timplika xejra kumplessa u irregolari ta’ talbiet mill-assi tas-CPF. Sabiex tiġi żgurata r-robustezza tas-sistema tal-garanziji baġitarji, huwa kruċjali li l-programmi ta’ garanzija, soġġetti għal immaniġġjar tar-riskju u għal rapportar koerenti, jiżguraw li t-telf jibqa’ fil-livelli ta’ tolleranza stipulati. Il-ħtiġijiet iridu jiġu sservizzjati bis-sħiħ u fil-pront minn portafoll ta’ assi diversifikat sew u likwidu biżżejjed fis-CPF.

    ·Minbarra t-tfassil u s-sorveljanza bir-reqqa tal-programmi ta’ garanzija, l-immaniġġjar tal-assi tas-CPF se jkun organizzat sabiex jirrifletti d-dimensjonijiet differenti tar-riskju (perjodu ta’ żmien, korrelazzjoni tal-fatturi ta’ riskju, likwidità, eċċ.) waqt li jkunu kkunsidrati l-karatteristiċi tal-ispettru sħiħ tal-operazzjonijiet ta’ finanzjament u ta’ investiment garantiti.

    ·Is-CPF mhux se jinvolvi sussidjar reċiproku bejn il-politiki differenti li jittrasferixxu l-assi lilu. Minflok, strumenti ta’ politika kontribwenti individwali (bħal InvestEU jew EFSD+) se ikunu proprjetarji ta’ sehem mill-assi tas-CPF li jikkorrispondi għall-kontribuzzjoni baġitarja tagħhom. Dawn l-assi jintużaw biss sabiex jiġu ssodisfati l-obbligazzjonijiet iġġenerati mill-garanziji marbuta ma’ dak l-istrument ta’ politika – u mhux se jkunu disponibbli sabiex jiġu ssodisfati l-obbligazzjonijiet iġġenerati minn politiki kontribwenti oħra. Konsegwentement, is-CPF se jipprovdi l-benefiċċji ta’ mmaniġġjar unifikat tal-assi mingħajr ma jwassal sabiex strument ta’ politika wieħed ikopri t-telf imġarrab minn ieħor.

    Din ta’ hawn taħt hija rappreżentazzjoni skematika tas-CPF li turi kif ir-riżorsi bbaġitjati mill-istrumenti ta’ politika kontribwenti se jintużaw bħala l-appoġġ kapitali għall-garanziji mogħtija lis-sħab inkarigati mill-implimentazzjoni taħt InvestEU u NDICI.

    CPF: il-bażi kapitali għall-garanziji baġitarji

    Garanzija ta’ NDICI/Azzjoni

    Esterna 

    InvestEU

    Programmi

    ta’ Garanzija baġit

    aggregat mass

    impenn =

    ±EUR 100 bn

    Fond ta’ Proviżjonament Komuni:

    ·Portafoll 1 ta’ riżervi miġbura, strateġija ta’ investiment 1, punt ta’ riferiment 1;

    ·Politiki kontribwenti huma l-proprjetarji ta’ ishma f’CPF fuq bażi prorata, rati ta’ proviżjonament differenti għal kull kompartiment.

           InvestEU

    Garanzija ta’ Azzjoni Esterna ta'

    NDICI

    Politiki

    kontribwenti

    2.2.X’benefiċċji se jġib miegħu s-CPF?

    Il-ġbir tal-proviżjonament għal tipi differenti ta’ strumenti baġitarji permezz tas-CPF se jipprovdi titjib fl-effiċjenza u jippermetti mmaniġġjar aktar dinamiku tal-assi bi tliet modi:

    L-ewwel nett, l-immaniġġjar tal-assi finanzjarji juri effetti ta' skala b’titjib konsiderevoli fl-effiċjenza hekk kif jikber il-volum tal-assi mmaniġġjati. Dan huwa dovut għal kostijiet fissi għoljin fil-bini tal-kapaċità organizzazzjonali għat-twettiq tal-immaniġġjar tal-assi b’mod profiċjenti. Din il-kapaċità tinkludi sistemi affidabbli ta’ mmaniġġjar tal-portafoll, input ta’ data u kapaċità ta’ pproċessar, persunal ikkwalifikat sabiex iwettaq il-funzjonijiet kollha soġġetti għas-separazzjoni tad-dmirijiet meħtieġa, sistemi ta’ governanza tajba u arranġamenti sabiex tiġi żgurata l-kontinwità tan-negozju). Madankollu, ladarba tiġi stabbilita l-infrastruttura, iż-żieda fil-volum tal-assi mmaniġġjati ssarraf f’anqas kostijiet marġinali. Għalhekk, din tfisser anqas kostijiet meta mqabbla mal-volum tal-assi mmaniġġjati. Iċ-ċentralizzazzjoni tal-immaniġġjar tal-assi fis-CPF żgur se tnaqqas il-kostijiet tal-implimentazzjoni għall-baġit tal-UE u, b’hekk, tagħmel użu aktar effiċjenti tar-riżorsi pubbliċi skarsi.

    It-tieni, is-CPF se jgħaqqad il-proviżjonamenti għal diversi garanziji baġitarji, assistenza finanzjarja u strumenti finanzjarji b’karatteristiċi u profili ta’ riskju u ta’ żmien differenti. Dawn id-differenzi fil-profili ta’ riskju u ta’ żmien ifissru li l-ammont tar-riżorsi meħtieġ minn portafoll unifikat sabiex jiġu ssodisfati t-talbiet ta’ ħlas ta’ garanzija fi kwalunkwe sena partikolari jista’ jkun anqas milli kieku kull strument stabbilit individwalment jissodisfa t-talbiet ta’ ħlas ta’ garanzija tiegħu separatament. Dan il-benefiċċju huwa rifless fir-rata ta’ proviżjonament effettiva tas-CPF kif definita fl-Artikolu 213 tar-Regolament Finanzjarju.

    It-tielet, is-CPF se jkun inkorporat f’qafas li jorbot l-immaniġġjar tal-proviżjonamenti mill-qrib mal-profil u mal-evoluzzjoni tal-obbligazzjonijiet kontinġenti tal-baġit tal-UE. Minħabba l-użu dejjem akbar tal-garanziji baġitarji u l-esperjenza bihom, is-CPF se jiġi mmaniġġjat b’mod dinamiku sabiex il-portafoll jiġi aġġustat skont il-profil li jevolvi tal-obbligazzjonijiet. Dan jippermetti sabiex l-assi jiġu allinjati aħjar max-xejra li tinbidel tal-obbligazzjonijiet, sabiex is-CPF jaqdi r-rwol ta’ riżerva ta’ likwidità b’mod aktar effettiv.

    3.Il-metodu, il-kriterji u l-għażliet tal-Evalwazzjoni:

    3.1.Organizzazzjoni tal-evalwazzjoni indipendenti u kriterji:

    Minħabba l-importanza li s-CPF se jkollu fl-arkitettura tal-finanzi pubbliċi tal-UE, l-Artikolu 212 tar-Regolament Finanzjarju pprovda għal evalwazzjoni indipendenti li tinforma d-deċiżjoni tal-Kummissjoni dwar l-identità tal-maniġer tal-assi tiegħu. L-Artikolu 212 tar-Regolament Finanzjarju jispeċifika l-għażliet li għandhom jiġu kkunsidrati:

    1.Is-CPF jiġi mmaniġġjat b’mod esklussiv mill-Kummissjoni;

    2.Is-CPF jiġi mmaniġġjat b’mod esklussiv mill-BEI;

    3.Tqassim tal-immaniġġjar bejn il-Kummissjoni u l-BEI.

    L-Artikolu 212 tar-Regolament Finanzjarju jistabbilixxi wkoll il-kriterji għall-valutazzjoni tal-kapaċitajiet taż-żewġ maniġers potenzjali. Dawn jinkludu kriterji bħall-organizzazzjoni u l-governanza istituzzjonali, ir-responsabbiltà u t-trasparenza, l-immaniġġjar tar-riskju, l-infrastruttura teknika, ir-rapportar, l-għarfien espert ta’ kull organizzazzjoni, l-iskalabbiltà, il-prestazzjoni u l-kostijiet għas-servizzi mogħtija.

    Il-valutazzjoni komparattiva indipendenti 9 tiġi ppubblikata flimkien ma’ din il-Komunikazzjoni. Is-sejbiet tagħha huma bbażati fuq rieżami dokumentarju estensiv u intervisti fil-fond u laqgħat mal-persunal kemm tal-BEI kif ukoll tal-Kummissjoni. Is-sejbiet ġew diskussi f’workshop li laqqa’ flimkien rappreżentanti mill-Kummissjoni u mill-BEI.

    Filwaqt li l-evalwazzjoni sħiħa hija disponibbli onlajn, il-konklużjonijiet prinċipali fir-rigward ta’ kull waħda mid-dimensjonijiet tal-analiżi huma kif ġej:

    Kriterju

    Sejbiet ewlenin:

    Organizzazzjoni istituzzjonali u governanza

    Kemm il-BEI kif ukoll il-Kummissjoni għandhom strutturi ta’ governanza u ta’ organizzazzjoni xierqa fis-seħħ għall-attivitajiet ta’ mmaniġġjar tal-assi tagħhom, li jirrispettaw il-prinċipji ta’ governanza korporattiva tajba b’delega ċara tat-teħid ta’ deċiżjonijiet, segregazzjoni adegwata tad-dmirijiet, rwoli ddefiniti b’mod ċar u proċeduri u proċessi ddefiniti sew u ddokumentati.

    Iż-żewġ istituzzjonijiet għandhom proċeduri u kodiċijiet tajbin għall-immaniġġjar tal-kunflitti ta’ interess potenzjali.

    Iż-żewġ organizzazzjonijiet isegwu prinċipji ta’ mmaniġġjar sod tal-assi u juru impenn favur l-aħjar prattika tal-industrija.

    Obbligu ta' rendikont u trasparenza

    Hemm linji ċari ta’ obbligu ta’ rendikont fiż-żewġ organizzazzjonijiet.

    L-istrutturi ġenerali tal-immaniġġjar tar-riskju u tal-kontroll fiż-żewġ organizzazzjonijiet ikopru b’mod adegwat l-attivitajiet tagħhom relatati mal-immaniġġjar tal-assi tal-UE . Il-BEI jista’ jtejjeb it-trasparenza tal-kostijiet tal-attivitajiet tiegħu ta’ mmaniġġjar tal-assi.

    Immaniġġjar tar-riskju u infrastruttura teknika

    Kemm il-Kummissjoni kif ukoll il-BEI jiddokumentaw kif xieraq il-proċeduri ta’ mmaniġġjar tar-riskju li jissodisfaw l-istandards li jistgħu jkunu mistennija għal maniġers tal-assi tal-istatura tagħhom.

    Iż-żewġ istituzzjonijiet għandhom aċċess għal kapaċitajiet tas-servizzi tal-IT li jippermettulhom iwettqu l-funzjonijiet tagħhom. It-tnejn li huma għandhom sistemi sabiex jiżguraw iċ-ċibersigurtà u l-kontinwità tan-negozju.

    Rapportar

    Iż-żewġ partijiet jipproduċu rapporti ċari, strutturati tajjeb u siewja. Informazzjoni dwar portafolli esternalizzati tiġi pprovduta prinċipalment fuq bażi trimestrali, għal informazzjoni dwar ir-riskju u l-prestazzjoni, u kkomplementata b’rapport fuq il-Holdings tal-Portafoll fuq bażi ta’ kull xahar. Dan huwa konformi mal-obbligi ta’ rapportar li ġew stabbiliti fi ftehimiet interistituzzjonali iżda rapportar bi frekwenza ogħla (fuq bażi ta’ kull xahar) huwa normali bejn il-pari.

    Għarfien espert

    Iż-żewġ organizzazzjonijiet għandhom maniġers tal-assi kkwalifikati ħafna u esperjenzati b’esperjenza professjonali rilevanti u bi kwalifiki akkademiċi/tekniċi.

    Skalabbiltà

    Mill-perspettiva tal-infrastruttura, iż-żewġ organizzazzjonijiet jistgħu ilaħħqu maż-żieda antiċipata fl-Assi Mmaniġġjati wara l-ħolqien tas-CPF.

    Prestazzjoni Storika 10

    L-evalwazzjoni qabblet il-prestazzjoni ta’ 2 portafolli tal-Kummissjoni ma’ 2 portafolli simili (l-istess tul ta’ żmien u linji gwida dwar l-immaniġġjar tal-assi u univers tal-investimenti simili) tal-BEI. Iż-żewġ portafolli tal-Kummissjoni 11 jipproduċu redditi ogħla (gwadann kumulattiv ta’ 23,4 % u ta’ 24,2 % fuq l-10 snin sa Ġunju 2019) mill-portafolli tal-BEI (20,61% u 12,4%)

    Kostijiet storiċi

    Instab li l-Kummissjoni wettqet ir-rwol tagħha bħala maniġer tal-assi b’anqas kost mit-tariffi mitluba mill-BEI (0,03% għal kull biljun kontra 0,05% għal kull biljun) 12 .

    Il-Kummissjoni pprovdiet redditi komparabbli b’anqas kost. Il-proċess ta’ governanza u l-infrastruttura teknika għall-immaniġġjar tal-assi kemm fil-Kummissjoni kif ukoll fil-BEI huma “adattati għall-iskop tagħhom”. Il-Kummissjoni tidher li hija aktar responsabbli u trasparenti quddiem il-Parlament, il-Kunsill, u l-Qorti Ewropea tal-Awdituri. Il-BEI igawdi minn vantaġġi li jirriżultaw mill-għarfien espert tiegħu f’repos u mill-eżistenza tal-mudell ta’ klassifikazzjoni interna, li huma rilevanti għal xi tranżazzjonijiet finanzjarji speċifiċi.

    3.2.Valutazzjoni tal-Kummissjoni tal-għażliet:

    Il-Kummissjoni temmen li s-sejbiet tal-evalwazzjoni dwar il-kost, l-effiċjenza u t-trasparenza jfissru li ż-żamma tal-immaniġġjar tal-assi tas-CPF taħt ir-responsabbiltà diretta tal-Kummissjoni hija għażla aħjar mill-alternattivi.

    a) Responsabbiltà maqsuma għall-immaniġġjar tas-CPF (għażla 3):

    L-evalwatur indipendenti jara vantaġġi dinamiċi possibbli fil-kondiviżjoni tar-responsabbiltà għall-portafoll tas-CPF bejn il-Kummissjoni u l-BEI. Dawn jinkludu benefiċċji potenzjali tad-diversifikazzjoni tar-riskju (li ma jitpoġġiex il-bajd kollu f’qoffa waħda) u taż-żamma tal-kompetizzjoni interistituzzjonali għat-trażżin tal-inerzja.

    Il-Kummissjoni tqis li dawn il-vantaġġi huma intanġibbli u spekulattivi. Kważi ċertament ma jikkumpensawx għad-diffikultajiet tekniċi u operazzjonali li jkunu jfixklu d-dmir tagħha li tissorvelja s-CPF. Jekk il-Kummissjoni u l-BEI jimmaniġġjaw parti mill-assi b’mod separat, ikunu meħtieġa proċessi ta’ rikonċiljazzjoni kumplessi għall-finijiet ta’ kontabbiltà u ta’ rapportar tal-prestazzjoni. Immaniġġjar maqsum ikun jeħtieġ ukoll qafas integrat għall-immaniġġjar tar-riskju sabiex tiġi kkalkolata u stabbilita metrika konsolidata tar-riskju u tal-prestazzjoni għall-portafoll unifikat uniku. Ir-riżultat aħħari jkun proċessi ta’ mmaniġġjar tal-portafolli li jkunu kumplessi, jieħdu ħafna żmien, ikunu suxxettibbli għal problemi operazzjonali u jista’ jkun li l-informazzjoni ma tkunx disponibbli b’mod puntwali.

    Il-Kummissjoni temmen li din l-għażla ma tirrappreżentax bażi soda għall-organizzazzjoni tal-immaniġġjar ta’ portafoll importanti bħal dan. Jenħtieġ li l-kompetizzjoni bejn il-Kummissjoni u l-BEI ma tinkisibx billi jinqasam il-mandat tas-CPF iżda permezz ta’ allokazzjoni għaqlija tal-mandati ta’ investiment b’modi li jisfruttaw bl-aħjar mod il-kapaċitajiet u l-interessi tal-Kummissjoni u l-BEI.

    b) Għażla bejn il-Kummissjoni u l-BEI:

    Il-Kummissjoni hija tal-fehma li l-għażla hija bejn l-assenjar tar-responsabbiltà esklussivament lill-Kummissjoni jew lill-BEI – żewġ maniġers tal-assi li wrew ħilithom bis-saħħa ta’ rekords storiċi twal u distinti fl-immaniġġjar tal-assi f’isem l-UE. It-tnejn li huma żviluppaw kapaċitajiet b’saħħithom u daħħlu fis-seħħ proċessi ta’ mmaniġjar sodi.

    L-evalwazzjoni tikkonferma li ż-żewġ organizzazzjonijiet huma kapaċi jimmaniġġjaw l-assi tas-CPF . Iż-żewġ organizzazzjonijiet jaħdmu tajjeb f’termini ta’ struttura ta’ governanza u ta’ qafas ta’ responsabbiltà għall-immaniġġjar tal-assi, għall-infrastruttura tal-IT, għall-kompetenza, għall-prestazzjoni ġenerali fid-dawl tal-objettivi, għall-immaniġġjar tar-riskju jew għall-kapaċitajiet ta’ rapportar. Iż-żewġ organizzazzjonijiet urew ukoll il-kapaċità li jsaħħu l-operazzjonijiet tagħhom sabiex jittrattaw iż-żieda sinifikanti fid-daqs tal-assi mmaniġġjati implikati mis-CPF.

    Il-kunsiderazzjonijiet distinti ewlenin li jirriżultaw mill-evalwazzjoni indipendenti huma:

    1.Il-kostijiet: il-valutazzjoni indipendenti turi li l-Kummissjoni tista’ tamministra din l-attività b’kost aktar baxx. Il-kost tas-soluzzjoni taż-żamma tal-immaniġġjar tas-CPF taħt il-Kummissjoni huwa stmat li jkun aktar baxx milli jekk l-assi jiġu fdati lill-BEI. Il-kost stmat (EUR [4,8] miljun fis-sena) tal-għażla 1 li fiha l-assi tas-CPF jiġu mmaniġġjati internament mill-Kummissjoni huwa ferm aktar baxx f’termini assoluti u relattivi meta mqabbla mal-kostijiet stmati tal-għażla 2 (EUR [9,9] miljun fis-sena) li fiha l-assi tas-CPF ikunu mmaniġġjati mill-BEI.

    2.Prestazzjoni: fuq il-bażi tal-prestazzjoni storika għal portafolli komparabbli bi storja itwal, ir-redditi ġġenerati mill-Kummissjoni huma ogħla minn dawk iġġenerati mill-BEI.

    4.Kunsiderazzjonijiet Strateġiċi rigward l-immaniġġjar tal-Assi tas-CPF:

    L-evalwazzjoni ma tistax tkun ibbażata biss fuq perspettiva retroviżiva statika. Trid tħares ukoll lejn l-arkitettura li tagħmel l-aktar sens għall-immaniġġjar fil-futur tal-obbligazzjonijiet kontinġenti u tal-assi relatati mill-perspettiva tal-protezzjoni tal-baġit tal-UE. Hemm ħtieġa kbira li l-baġit tal-UE jiġi protett kontra r-riskju li t-telf imġarrab taħt il-programmi ta’ garanzija jaqbeż l-assi disponibbli fis-CPF għall-issodisfar ta’ dawn it-talbiet. Id-deċiżjoni dwar il-maniġer tal-assi tas-CPF jenħtieġ li tqis min għandu l-akbar inċentivi u l-aktar mezzi kosteffettivi sabiex jagħmel dan.

    4.1.Immaniġġjar tal-assi xprunat mill-obbligazzjonijiet

    L-użu akbar tal-garanziji baġitarji u tal-assistenza finanzjarja joħloq obbligazzjonijiet kontinġenti akbar għall-baġit tal-UE. Bħala konsegwenza, il-Kummissjoni qed issaħħaħ il-kapaċità tagħha li tidderieġi, tissorvelja u timplimenta l-garanziji baġitarji sabiex tevita impatti mhux previsti fuq il-baġit tal-UE. B’mod partikolari, il-Kummissjoni qed issaħħaħ il-kapaċità korporattiva tagħha sabiex tivvaluta, timmaniġġja u tkejjel b’mod komprensiv l-obbligazzjonijiet kontinġenti u sabiex tfassal il-mudelli ta’ riskju sottostanti ta’ dawn l-obbligazzjonijiet kontinġenti fuq l-istrateġija ta’ investiment li tintuża għall-immaniġġjar tal-proviżjonamenti assoċjati. F’termini konkreti, se tuża l-għarfien li tikseb mill-involviment aktar mill-qrib tagħha fit-tfassil tal-programmi ta’ garanzija sabiex tiddetermina l-livell ta’ proviżjonamenti meħtieġ mis-CPF u tiddefinixxi l-istrateġija ta’ investiment tas-CPF u l-allokazzjoni tal-assi.

    Iċ-ċentralizzazzjoni fl-immaniġġjar tal-assi se ġġib titjib sinifikanti fl-effiċjenza. Se tkun teħtieġ ukoll li l-Kummissjoni tfassal u timplimenta b’mod xieraq strateġija unika ta’ investiment, li tipprovdi għall-ħtiġijiet (u għar-restrizzjonijiet) sottostanti tal-programmi differenti ta’ garanzija. Jenħtieġ li din, tal-anqas, tikseb il-preservazzjoni tal-kapital bil-possibbiltà ta’ redditi addizzjonali jekk il-kundizzjonijiet tas-suq jippermettu.

    Il-Kummissjoni hija fl-aħħar mill-aħħar responsabbli sabiex tiżgura li l-immaniġġjar tal-assi tas-CPF ikun allinjat tajjeb mal-ħtieġa li tiġi koperta kwalunkwe obbligazzjoni finanzjarja li tirriżulta mill-istrumenti finanzjarji, mill-garanziji baġitarji jew mill-assistenza finanzjarja. Sabiex tagħmel dan b’mod xieraq, il-Kummissjoni trid tiddefinixxi u timplimenta l-istrateġija ta’ investiment b’mod li jkun allinjat mal-profil li jevolvi tal-obbligazzjonijiet imġarrba mill-programmi ta’ garanzija. Hemm 4 raġunijiet għalfejn jagħmel sens li l-Kummissjoni taqdi dan ir-rwol:

    1.minħabba l-importanza “sistemika” tagħha għall-baġit tal-UE, il-Kummissjoni għandha responsabbiltà partikolari għall-immaniġġjar sod tas-CPF u trid tagħti rendikont ta’ dan lill-Parlament, lill-Kunsill u lill-Qorti tal-Awdituri. Dan huwa rifless fil-fatt li, skont l-Artikolu 213(5) tar-Regolament Finanzjarju, il-Kummissjoni trid tiddefinixxi u tissorvelja hija stess l-istrateġija ta’ investiment għall-immaniġġjar tal-assi tas-CPF. Ir-Regolament Finanzjarju ma jħalli l-ebda flessibbiltà f’dan ir-rigward. Għalhekk jagħmel sens ukoll li żżomm kontroll dirett fuq l-implimentazzjoni ta’ din l-istrateġija ta’ investiment. Id-delega ta’ din il-funzjoni residwa lill-BEI toħloq biss kostijiet ta’ tranżazzjonijiet u ta’ koordinazzjoni mingħajr gwadann materjali. 

    2.il-multipliċità tas-sħab inkarigati mill-implimentazzjoni involuti fil-programmi InvestEU u NDICI fil-futur tfisser li l-Kummissjoni biss tinsab f’pożizzjoni tajba sabiex tiġbor flimkien il-ħtiġijiet u l-esperjenza tas-sħab inkarigati mill-implimentazzjoni u tal-programmi differenti fi strateġija unifikata ta’ mmaniġġjar tal-assi xprunata mill-obbligazzjonijiet;

    3.billi tinnegozja ftehimiet ta’ garanzija mas-sħab differenti inkarigati mill-implimentazzjoni, il-Kummissjoni se tikseb esperjenza diretta tal-fatturi ta’ riskju li jixprunaw ir-riskju ta’ kreditu tal-portafolli garantiti. Pereżempju, l-iskoperturi għar-riskju għal benefiċjarji barra mill-UE se jkunu soġġetti għal żviluppi makroekonomiċi differenti milli fi ħdan l-UE. L-istess jgħodd għal skoperturi differenti speċifiċi għas-setturi tal-industrija. Il-Kummissjoni se tkun f’pożizzjoni tajba sabiex tirrifletti dawn il-fatturi ta’ riskju fl-obbligazzjonijiet kontinġenti kollha koperti mis-CPF fi strateġija ta’ investiment li tiġbor id-dimensjonijiet tar-riskju ewlenin 13 ;

    4.l-istrateġija ta’ investiment tas-CPF se jikollha bżonn tintegra l-għarfien operazzjonali dwar l-implimentazzjoni tal-programm. Il-Kummissjoni se tkun kapaċi timmaniġġja l-feedback mill-implimentazzjoni tal-programmi għal strateġija, u tadatta din tal-aħħar b’reazzjoni għar-realtajiet li jevolvu u għal-limitazzjonijiet li l-programmi jiffaċċaw fil-prattika. Dan se jkun vitali sabiex jiġi żgurat li l-istrateġija ta’ investiment għas-CPF kif imfassla mill-Kummissjoni tkun tirrifletti kif suppost il-profil veru tar-riskji mġarrba fil-garanziji kollha.

    4.2.Obbligu ta' rendikont/trasparenza:

    Ir-rabta mill-qrib bejn l-immaniġġjar tal-obbligazzjonijiet kontinġenti u d-dotazzjoni tas-CPF hija riflessa wkoll fl-obbligi ta’ rapportar għall-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill skont l-Artikolu 214 u l-Artikolu 250 tar-Regolament Finanzjarju.

    Bħala Maniġer Finanzjarju għas-CPF, il-Kummissjoni trid tirrapporta u tagħti rendikont lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Qorti tal-Awdituri għall-immaniġġjar tal-assi fis-CPF. L-immaniġġjar dirett tal-Kummissjoni jżid il-kapaċità li jiġu kkunsidrati bis-sħiħ u fil-pront il-kostijiet u l-prestazzjoni għall-partijiet ikkonċernati istituzzjonali kollha.

    5.Konklużjoni:

    L-evalwazzjoni indipendenti ssib li kemm il-Kummissjoni kif ukoll il-BEI għandhom rekords storiċi twal u distinti fl-immaniġġjar tal-assi f’isem l-UE. It-tnejn li huma żviluppaw kapaċitajiet b’saħħithom u daħħlu fis-seħħ proċessi ta’ mmaniġjar tajbin u sodi. It-tnejn li huma għandhom is-sistemi u l-għarfien espert sabiex jerfgħu r-responsabbiltà għall-immaniġġjar tas-CPF. L-analiżi tar-rekord storiku kemm tal-Kummissjoni kif ukoll tal-BEI ssib li l-Kummissjoni kisbet redditi ogħla fuq portafolli komparabbli b’kost aktar baxx għall-baġit tal-UE. It-Taqsima 4 tispjega għaliex hemm bżonn ta’ rwol b’saħħtu u ċentrali għall-Kummissjoni fil-qalba ta’ din is-sistema ta’ obbligazzjonijiet kontinġenti u tal-immaniġġjar tal-assi relatat. Il-Kummissjoni teħtieġ li tieħu responsabbiltà attiva u sħiħa kemm għad-disinn ta’ garanziji baġitarji sodi kif ukoll għall-immaniġġjar tal-assi li huma l-bażi ta’ dawk il-garanziji. Dan se jsaħħaħ il-kapaċità tagħha li tagħti rendikont lill-Parlament u lill-Kunsill għall-attivitajiet tagħha f’dan ir-rwol.

    Jenħtieġ li din id-deċiżjoni titqies ukoll fil-kuntest usa’ tal-allokazzjoni tar-responsabbiltajiet bejn l-atturi differenti fl-isfera tal-finanzi pubbliċi tal-UE. F’dan ir-rigward, il-grupp tal-BEI għandu rwol speċjali għall-implimentazzjoni ta’ garanziji baġitarji taħt InvestEU u bħala sieħeb ewlieni għall-garanziji esterni.

    Din hija r-raġuni għaliex il-Kummissjoni kkonkludiet li l-aħjar azzjoni hija li żżomm ir-responsabbiltà diretta li tistabbilixxi l-politika ta’ investiment u li timmaniġġja l-assi tas-CPF. L-Artikolu 317 tat-TFUE jagħti lill-Kummissjoni r-responsabbiltà għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Unjoni Ewropea, kompitu li jinkludi wkoll l-immaniġġjar tat-teżor u tal-assi; għalhekk, l-ebda att leġiżlattiv ma huwa meħtieġ sabiex il-Kummissjoni tiġi inkarigata bl-immaniġġjar tal-assi tas-CPF.

    6.Il-passi li jmiss:

    Is-CPF irid ikun lest sabiex jibda jinvesti assi ladarba r-riżorsi jinġabru flimkien mill-politiki ta’ kontribuzzjoni taħt il-QFP il-ġdid. Għalhekk, il-Kummissjoni qed tippjana u tħejji sabiex l-arranġamenti leġiżlattivi u operazzjonali għall-immaniġġjar tas-CPF ikunu fis-seħħ fi żmien xieraq.

    Flimkien ma’ din il-Komunikazzjoni, il-Kummissjoni qed tadotta wkoll linji gwida dwar l-immaniġġjar tal-assi li se jipprovdu qafas għall-objettiv ta’ investiment prudenti u orjentat lejn l-istabbiltà għas-CPF, u tjstabbilixxu dispożizzjonijiet robusti dwar it-teħid ta’ deċiżjonijiet u r-rapportar li jirregolaw l-operazzjonijiet tagħha. Dan jipprevedi t-tħejjija ta’ strateġija ta’ investiment, li tinkludi allokazzjoni strateġika tal-assi sabiex tiġi pprovduta gwida dwar il-kompożizzjoni fil-mira tal-portafoll u punt ta’ riferiment relatat għall-finijiet tal-prestazzjoni komparattiva, li lkoll għandhom jitlestew fit-tieni nofs tal-2020.

    Aktar tard din is-sena, il-Kummissjoni se tadotta Att Delegat sabiex tistabbilixxi r-Rata Effettiva ta’ Proviżjonament għas-CPF (f’konformità mal-Artikolu 213(2) tar-Regolament Finanzjarju).

    Flimkien ma’ din il-ħidma, il-Kummissjoni qed tibni approċċi ta’ mmaniġġjar tar-riskju u sistemi ta’ rapportar konsistenti għall-programmi ta’ garanzija InvestEU u EFSD+ sabiex tiżgura li l-immaniġġjar tal-obbligazzjonijiet u l-immaniġġjar tal-assi tas-CPF jimxu id f’id. Din il-ħidma parallela fuq metodoloġiji u proċessi ta’ mmaniġġjar tar-riskju se tiġġenera l-previżjonijiet tal-flussi ta’ dħul u ta’ ħruġ li huma meħtieġa sabiex jinbnew u jiġu adattati strateġija ta’ investiment ikkalibrata tajjeb u punt ta’ riferiment xieraq għas-CPF.

    Minħabba l-importanza tas-CPF, bħala l-akbar portafoll ta’ assi tal-UE u bħala l-ankra għas-sistema tal-obbligazzjonijiet, il-Kummissjoni se tirrapporta dwar il-progress matul il-bini ta’ dan il-qafas sa tmiem l-2020. Minn nofs l-2021’il quddiem il-Kummissjoni se tipproduċi rapport annwali dwar is-sostenibbiltà tas-sistema ta’ obbligazzjonijiet maħluqa mill-istrumenti finanzjarji, mill-garanziji baġitarji u mill-assistenza finanzjarja previst mill-Artikolu 250 tar-Regolament Finanzjarju.

    (1)      Fl-UE, dan l-appoġġ għall-investiment huwa pprovdut mill-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi (FEIS) imniedi fl-2014 u estiż fl-2016. Il-FEIS flimkien ma’ 13-il strument finanzjarju ieħor tal-UE li bħalissa huma disponibbli se jiġu integrati fi programm InvestEU akbar u aktar komprensiv għall-perjodu 2021-27.
    (2)      Il-garanziji baġitarji għall-appoġġ tal-investiment fil-pajjiżi fil-fażi tal-iżvilupp u tal-viċinat huma organizzati skont il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Sostenibbli (European Fund for Sustainable Development, EFSD: 2017) u s-suċċessur tiegħu (EFSD+) għall-qafas finanzjarju pluriennali li jmiss.
    (3) Sa tmiem l-2019
    (4) Fehim parzjali komuni tal-koleġiżlaturi dwar il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Programm InvestEU (COM(2018) 439 final tas-6 ta’ Ġunju 2018).
    (5)      Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Istrument ta’ Viċinat, ta’ Kooperazzjoni għall-Iżvilupp u ta’ Kooperazzjoni Internazzjonali (NDICI) (COM(2018) 460 final). Dan l-istrument ġdid propost ikun jinkludi l-Garanzija għall-Azzjoni Esterna bħala l-faċilità ta’ garanzija tiegħu.
    (6)    Ir-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Lulju 2018 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1296/2013, (UE) Nru 1301/2013, (UE) Nru 1303/2013, (UE) Nru 1304/2013, (UE) Nru 1309/2013, (UE) Nru 1316/2013, (UE) Nru 223/2014, (UE) Nru 283/2014, u d-Deċiżjoni Nru 541/2014/UE u li jħassar ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 (ĠU L 193, 30.7.2018, p. 1). It-Titolu X jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet li jirregolaw l-istrumenti finanzjarji, il-garanziji baġitarji u l-assistenza finanzjarja.
    (7) Ir-Regolament (UE) Nru 2015/1017 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ġunju 2015 dwar il-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi, iċ-Ċentru Ewropew ta’ Konsulenza għall-Investimenti u l-Portal Ewropew ta’ Proġetti ta’ Investiment u li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1291/2013 u (UE) Nru 1316/2013 — il-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi (ĠU L 169, 1.7.2015, p. 1).
    (8)    Ir-Regolament (UE) 2017/1601 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Settembru 2017 li jistabbilixxi l-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Sostenibbli (EFSD), il-Garanzija tal-EFSD u l-Fond ta’ Garanzija tal-EFSD (ĠU L 249, 27.9.2017, p. 1).
    (9)      Imwettqa minn ICF f’assoċjazzjoni ma’ Keypoint Financial.
    (10) Il-prestazzjoni fl-imgħoddi mhijiex indikatur affidabbli tal-prestazzjoni fil-ġejjieni.
    (11)      Fondi tal-Komunità Ewropea tal-Faħam u l-Azzar (f’likwidazzjoni) u portafoll tal-RCAM immaniġġjat għar-Reġim Komuni tal-Assigurazzjoni tal-Mard. Il-portafolli tal-BEI kienu l-GF-BEI u l-RSFF-BEI, Fond ta’ Garanzija għall-Azzjonijiet Esterni u Faċilità ta’ Finanzjament għall-Kondiviżjoni tar-Riskji rispettivament.
    (12)      Il-BEI ma pprovdiex iċ-ċifri tal-kosti lit-tim tal-istħarriġ. Għalhekk, it-tariffi mitluba mill-BEI tqabblu mal-kostijiet tal-Kummissjoni.
    (13)      B’mod partikolari, il-Kummissjoni se tkun tista’ ssarraf l-esperjenza rigward tali fatturi ta’ riskju fost l-obbligazzjonijiet kontinġenti kollha koperti mis-CPF f’portafoll diversifikat tajjeb (eż. f’termini ta’ klassijiet ta’ assi) li juru korrelazzjonijiet relattivament baxxi mal-fatturi ta’ riskju sottostanti tal-obbligazzjonijiet kontinġenti.
    Top