EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52020DC0102

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI Strateġija Industrijali Ġdida għall-Ewropa

COM/2020/102 final

Brussell, 10.3.2020

COM(2020) 102 final

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI

Strateġija Industrijali Ġdida għall-Ewropa


1.L-istil industrijali l-ġdid tal-Ewropa

L-Ewropa minn dejjem kienet id-dar tal-industrija. Għal sekli sħaħ, kienet pijunier fl-innovazzjoni industrijali u għenet biex ittejjeb il-mod li bih in-nies madwar id-dinja jipproduċu, jikkunsmaw u jwettqu n-negozju. B’suq intern b’saħħtu bħala bażi, l-industrija Ewropea mexxiet l-ekonomija tagħna, ipprovdiet għajxien stabbli għal miljuni u ħolqot iċ-ċentri soċjali li madwarhom huma mibnija l-komunitajiet tagħna.

Tul l-istorja twila tagħha, l-industrija tat prova tal-kapaċità tagħha li tmexxi l-bidla. U issa trid tagħmel l-istess hekk kif l-Ewropa qed issalpa fuq it-tranżizzjoni lejn in-newtralità klimatika u t-tmexxija diġitali f’dinja li dejjem qed tinbidel u ssir anqas prevedibbli.

It-tranżizzjonijiet tewmin ekoloġiċi u diġitali se jaffettwaw kull parti tal-ekonomija, is-soċjetà u l-industrija tagħna. Se jkunu jeħtieġu teknoloġiji ġodda, bl-investiment u l-innovazzjoni li jirrikjedu. Se joħolqu prodotti, servizzi, swieq u mudelli ta’ negozju ġodda. Se jsawru tipi ġodda ta’ impjiegi li għadhom ma jeżistux, li jeħtieġu ħiliet li għad ma għandniex. U se jinvolvu bidla minn produzzjoni lineari għal ekonomija ċirkolari.

Dawn it-tranżizzjonijiet se jseħħu fi żmien ta’ ċaqliq ġeopolitiku li jaffettwa n-natura tal-kompetizzjoni. Il-ħtieġa li l-Ewropa tafferma l-vuċi tagħha, tħares il-valuri tagħha u tissielet għal kondizzjonijiet ekwivalenti ta' kompetizzjoni huwa importanti aktar minn qatt qabel. Qegħdin nitkellmu dwar is-sovranità tal-Ewropa. 

Il-wisa’ u l-fond, l-iskala u d-daqs, u n-natura u n-neċessità ta’ dawn it-tranżizzjonijiet tewmin qatt ma rajna bħalhom. Dan huwa rifless fil-Linji Gwida Politiċi tal-President von der Leyen, il-prijoritajiet stabbiliti mill-Aġenda Strateġika 2019-2024 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Ewropew. Il-Patt Ekoloġiku Ewropew 1 u l-istrateġija reċenti tal-Kummissjoni Insawru l-futur diġitali tal-Ewropa 2 jistabbilixxu l-ambizzjoni, il-veloċità u d-direzzjoni għas-snin li ġejjin.

Issa għandna bżonn stil industrijali ġdid għall-Ewropa, li jkun xieraq għall-ambizzjonijiet tal-lum u r-realtajiet ta’ għada. Fil-qalba ta’ dan hemm l-abbiltà li l-industrija Ewropea tmexxi t-tranżizzjonijiet tewmin u tixpruna l-kompetittività tagħna. Ma taffordjax li sempliċiment tadatta – issa trid tkun hi l-aċċelleratur u l-abilitatur tal-bidla u l-innovazzjoni. Il-politika industrijali tagħna trid tgħin biex din l-ambizzjoni ssir realtà.

L-istrateġija industrijali tal-Ewropa trid tirrifletti l-valuri u t-tradizzjonijiet tas-suq soċjali tagħna. Se niddependu fuq il-punti b’saħħithom tagħna: id-diversità u t-talent tagħna, il-valuri u l-istil ta’ ħajja tagħna, l-innovaturi u l-ħallieqa tagħna. Neħtieġu politika industrijali Ewropea bbażata fuq il-kompetizzjoni, fuq is-swieq miftuħa, fuq riċerka u teknoloġija fuq quddiem nett fid-dinja, u suq uniku b’saħħtu li jneħħi l-ostakli u jelimina l-burokrazija żejda. Irridu nirreżistu t-tentazzjonijiet simplistiċi li jiġu mal-protezzjoniżmu jew id-distorsjonijiet tas-suq, iżda fl-istess ħin ma nistgħux inkunu inġenwi meta nħabbtu wiċċna mal-kompetizzjoni inġusta.

Din l-istrateġija tirrikonoxxi s-saħħa u r-rwol tal-Unjoni Ewropea, primarjament bħala faċilitatur u regolatur. L-istabbiliment tal-qafas u l-għoti ta’ direzzjoni politika u tal-politiki se jkunu kruċjali biex tiġi offruta ċ-ċertezza meħtieġa mill-investituri, l-innovaturi u l-industrija.

L-istrateġija industrijali l-ġdida tagħna hija intraprenditorjali fl-ispirtu u fl-azzjoni. Il-Kummissjoni hija lesta li tiddisinja u li toħloq soluzzjonijiet flimkien mal-industrija nnifisha, kif ukoll mal-imsieħba soċjali u l-partijiet ikkonċernati l-oħrajn kollha. Dan se jkun appoġġat minn enfasi ġdida fuq l-ekosistemi industrijali, filwaqt li jitqiesu l-atturi kollha fi ħdan katina ta’ valur. Dan huwa l-approċċ il-ġdid tagħna, li jirrifletti l-ħtieġa għal modi ġodda ta’ ħsieb u ta’ ħidma biex jitmexxew it-tranżizzjonijiet tewmin. 

Din l-istrateġija turi d-direzzjoni tal-vjaġġ u r-rotta li se nieħdu biex naslu. Tippreżenta l-viżjoni ta’ dak li rridu niksbu sal-2030 u lil hinn, u l-elementi fundamentali li se jeħduna hemmhekk. Fi żminijiet ta’ tranżizzjoni u tibdil kbir għall-Unjoni tagħna, realtà sempliċi waħda se tibqa’ l-istess: l-Ewropa dejjem se tkun id-dar tal-industrija. U b’din l-istrateġija, il-Kummissjoni Ewropea hija lesta tagħmel li hemm bżonn biex tiżgura li tibqa’ hekk.

2.L-industrija tal-Ewropa: Ilbieraħ u llum

L-industrija hija ċentrali għall-progress u l-prosperità futuri tal-Ewropa. Tirrappreżenta aktar minn 20 % tal-ekonomija tal-UE u timpjega madwar 35 miljun ruħ, b’bosta miljuni ta’ impjiegi marbutin magħha fiha u barra minnha. Tirrappreżenta 80 % tal-esportazzjonijiet ta’ oġġetti, u hija waħda mir-raġunijiet ewlenin għall-pożizzjoni tal-UE bħala fornitur globali u destinazzjoni għall-investiment dirett barrani. L-intrapriżi żgħar u medji (SMEs) jirrappreżentaw aktar minn 99 % tal-kumpaniji Ewropej — il-maġġoranza tagħhom immexxija minn familji — u huma s-sinsla ekonomika u soċjali tagħna 3 .

L-industrija tal-Ewropa għandha vantaġġ kompetittiv globali fuq prodotti u servizzi b’valur miżjud għoli. Hija tmexxi bl-eżempju billi timxi mal-ogħla standards soċjali, tax-xogħol u ambjentali, biex b’hekk l-Ewropa tkun tista’ tipprojetta l-valuri tagħha. Bis-saħħa ta’ kapaċità kbira ta’ innovazzjoni, hija wkoll mexxejja globali fil-privattivi ta’ teknoloġija ekoloġika u f’setturi oħrajn ta’ teknoloġija avvanzata. Is-suq uniku tagħna jagħti s-saħħa lill-kumpaniji Ewropej ta’ kull daqs biex jinnovaw, jespandu u jimpjegaw aktar nies. Dawn is-saħħiet hemm bżonn jiġu indirizzati biex niksbu r-rwol ta’ tmexxija f’oqsma li fihom l-UE għadha lura, bħal fl-applikazzjonijiet fil-cloud u tad-data.

L-industrija Ewropea diġà għaddejja minn trasformazzjoni sinifikanti. Hemm bidla sinifikanti mill-prodotti lejn is-servizzi, u mis-sjieda esklużiva għal sjieda kondiviża tal-prodotti u s-servizzi. Il-pressjoni fuq ir-riżorsi naturali diġà qed twassal għal approċċ aktar ċirkolari għall-manifattura. Bis-saħħa ta’ teknoloġiji fixkiela bħall-istampar 3D, l-Ewropa għandha bżonn ukoll li tapprofitta mil-lokalizzazzjoni bħala opportunità biex il-manifattura tinġieb lura lejn l-UE f’xi setturi.

Sabiex l-ambizzjonijiet tagħna jieħdu l-ħajja, l-Ewropa teħtieġ industrija li ssir aktar ekoloġika u diġitali hija u tibqa’ kompetittiva fix-xena globali. Dan se jgħin biex industriji tradizzjonali u ġodda jiġu ttrasformati u mkabbra, jiġu appoġġati l-SMEs u biex tiġi xprunata s-sostenibbiltà kompetittiva tagħna madwar l-UE. Dan huwa importanti għas-servizzi daqs kemm hu għall-oġġetti.

Bis-saħħa tal-ekonomija soċjali tas-suq Ewropea, it-tkabbir ekonomiku jimxi id f’id mal-istandards soċjali u tal-għajxien imtejbin, flimkien ma’ kundizzjonijiet tajbin tax-xogħol. Il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali se jkompli jkun il-boxxla tagħna u jiżgura li t-tranżizzjonijiet tewmin ikunu soċjalment ġusti.

Bil-bażi industrijali b'saħħitha, industrijali u integrata, l-Ewropa qiegħda f’pożizzjoni tajba biex tieħu r-riedni globali f’idejha.

2.1 Industrija kompetittiva u fuq quddiem nett fid-dinja

Ir-realtajiet ġeopolitiċi ġodda u li dejjem qed jinbidlu qed ikollhom effett profond fuq l-industrija tal-Ewropa. Il-kompetizzjoni globali, il-protezzjoniżmu, id-distorsjonijiet tas-suq, it-tensjonijiet kummerċjali u l-isfidi għas-sistema bbażata fuq ir-regoli kollha qed jiżdiedu. Qed ifiġġu poteri u kompetituri ġodda. Sħab aktar stabbiliti qed jagħżlu mogħdijiet ġodda. Flimkien ma’ perjodu ta’ inċertezza ekonomika globali fuq ix-xefaq, dawn ix-xejriet qed jippreżentaw sfidi ġodda għall-industrija Ewropeja hija u tvara t-tranżizzjonijiet tewmin ekoloġiċi u diġitali.

B’dan ir-riħ kontriha, ir-rispons tal-Ewropa ma jistax ikun li ttella’ aktar ostakli, tiddefendi industriji mhux kompetittivi jew timita l-politiki protezzjonisti jew distorsivi ta’ ħaddieħor. Il-kompetittività teħtieġ il-kompetizzjoni — kemm f'darna kif ukoll fid-dinja. Teħtieġ il-kondizzjonijiet tajbin biex l-imprendituri jibdlu l-ideat tagħhom f'azzjonijiet u biex il-kumpaniji ta’ kull daqs jiffjorixxu u jikbru.

Fl-istess ħin, jenħtieġ li l-UE tibqa’ tkun kapaċi ssaħħaħ l-interessi strateġiċi tagħha barra minn xtutha permess tal-outreach ekonomiku u d-diplomazija. L-UE trid tuża s-saħħa li għandha bl-impatt, bid-daqs u bl-integrazzjoni tas-suq uniku biex tistabbilixxi standards globali. Il-kapaċità li jinħolqu standards globali ta’ kwalità għolja bil-karatteristika distintiva tal-valuri u l-prinċipji tal-Ewropa se ssaħħaħ l-awtonomija strateġika u l-kompetittività industrijali tagħna.

L-Ewropa se tkompli wkoll tiddependi fuq il-kummerċ liberu u ġust ma’ msieħba minn madwar id-dinja. Is-sistema kummerċjali multilaterali bbażata fuq ir-regoli u l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ huma indispensabbli biex jiġu żgurati s-swieq miftuħa u kondizzjonijiet ekwivalenti ta’ kompetizzjoni. L-UE se tkompli l-isforzi tagħha biex tħares, taġġorna u ttejjeb is-sistema kummerċjali dinjija sabiex tkun adatta biex tindirizza l-isfidi tal-lum u r-realtajiet ta’ għada.

2.2 Industrija li twitti t-triq għan-newtralità klimatika

Il-Patt Ekoloġiku Ewropew huwa l-istrateġija l-ġdida tal-Ewropa għat-tkabbir. Fil-qalba tiegħu hemm l-għan li nsiru l-ewwel kontinent newtrali għall-klima fid-dinja sal-2050.

L-industrija għandha rwol ewlieni x’taqdi f’dik li hija l-akbar sfida u opportunità ta’ żminijietna. Il-ktajjen tal-valur industrijali kollha, inklużi s-setturi intensivi fl-enerġija, se jkollhom rwol ewlieni x’jaqdu. Kollha kemm huma se jkollhom jaħdmu biex inaqqsu l-marki tal-karbonju tagħhom iżda wkoll biex jaċċelleraw it-tranżizzjoni billi jipprovdu soluzzjonijiet teknoloġiċi nodfa u affordabbli, u billi jiżviluppaw mudelli ġodda ta’ negozju.

Biex issir aktar kompetittiva hija u ssir aktar ekoloġika u aktar ċirkolari, l-industrija se tkun teħtieġ provvista sigura ta’ enerġija u materja prima nodfa u affordabbli. L-intensifikazzjoni tal-investiment fir-riċerka, l-innovazzjoni, l-iskjerament u l-infrastruttura aġġornata se jgħinu biex jiġu żviluppati proċess tal-produzzjoni ġodda u joħolqu l-impjiegi fil-proċess.

Fl-ispirtu intraprenditorjali ta’ din l-istrateġija, l-istituzzjonijiet tal-UE, l-Istati Membri, ir-reġjuni, l-industrija u l-atturi rilevanti l-oħrajn jenħtieġ li jaħdmu flimkien biex joħolqu swieq piloti fit-teknoloġiji nodfa u jiżguraw li l-industrija tagħna tkun fuq quddiem nett fid-dinja. Il-politiki regolatorji, l-akkwist pubbliku, il-kompetizzjoni ġusta, u l-involviment sħiħ tal-SMEs se jkunu essenzjali biex dan iseħħ.

Dawn l-isforzi jenħtieġ li jiġu appoġġati mill-politiki u l-istrumenti finanzjarji fil-livell tal-UE u dak nazzjonali, kif ukoll mis-settur privat. Dawk li jimxu l-ewwel u l-aktar malajr se jkollhom l-akbar vantaġġ kompetittiv.

2.3Industrija li ssawwar il-futur diġitali tal-Ewropa

It-teknoloġiji diġitali qed jibdlu wiċċ l-industrija u l-mod li bih nagħmlu n-negozju. Dawn joħolqu mudelli ta’ negozju ġodda jippermettu lill-industrija tkun aktar produttiva, jipprovdu ħiliet ġodda lill-ħaddiema u jappoġġaw id-dekarbonizzazzjoni tal-ekonomija. Is-settur diġitali se jikkontribwixxi wkoll għall-Patt Ekoloġiku Ewropew, kemm bħala sors ta’ soluzzjonijiet ta’ teknoloġija nadifa u billi jnaqqas il-marka tal-karbonju tiegħu.

Bl-istrateġija tagħha Insawru l-futur diġitali tal-Ewropa, il-Kummissjoni ppreżentat il-viżjoni tagħha ta’ kif l-Ewropa tista’ żżomm is-sovranità teknoloġika u diġitali tagħha u tkun il-mexxej diġitali globali. Ir-rikonoxximent li l-iskalabbiltà hija essenzjali f’ekonomija diġitalizzata, u ssaħħaħ is-suq uniku diġitali se jirfed it-tranżizzjoni tal-Ewropa.

L-Ewropa trid ukoll taċċellera l-investiment fir-riċerka u fl-implimentazzjoni tat-teknoloġija, f’oqsma bħall-intelliġenza artifiċjali, il-5G, u l-analitika tad-data u tal-metadata. Fl-2018, kumpanija waħda min kull għaxra biss fl-UE kienet tanalizza l-big data, filwaqt li waħda minn erbgħa biss kienet tuża servizz ta’ cloud.

Kif stipulat fl-Istrateġija Ewropea għad-Data 4 reċenti tal-Kummissjoni, l-Ewropa teħtieġ qafas biex jippermetti lin-negozji joħolqu, jaqsmu bejniethom u jużaw id-data biex itejbu l-prodotti u jikkompetu internazzjonalment b’mod li jħares il-valuri tagħna u jirrispetta d-drittijiet u l-privatezza ta’ kulħadd.

L-UE trid ukoll ittejjeb il-kapaċità industrijali tagħna fl-infrastruttura kritika diġitali. L-introduzzjoni b’suċċess ta’ netwerk tal-5G b’sigurtà kbira u tal-aħħar teknoloġija se tkun abilitatur kbir għas-servizzi diġitali futuri u se tkun fil-qalba tal-mewġa tad-data industrijali. Jekk l-Ewropa trid tkun minn ta’ quddiem fin-netwerks tas-6G, trid tinvesti issa.

Fl-ispirtu intraprenditorjali ta’ din l-istrateġija industrijali, l-Ewropa trid tippulja s-saħħiet tagħha biex flimkien tagħmel dak li ħadd ma jista’ jagħmel waħdu. Eżempji reċenti ta’ dan fil-prattika wrew il-potenzjal u l-valur ta’ dan l-approċċ. L-Ewropa issa tospita wieħed mill-aktar tliet superkompjuters veloċi fid-dinja, u rnexxielha terġa’ tibda xejra pożittiva fil-mikroelettronika.

L-Ewropa għandha kulma hu meħtieġ biex tkun fuq quddiem f’din it-tellieqa teknoloġika ġdida. Trid tibni fuq is-saħħiet tagħha, inkluż il-bażi industrijali robusta tagħha, ir-riċerka ta’ kwalità għolja, il-ħaddiema tas-sengħa, ekosistema vibranti għan-negozji ġodda, infrastruttura matura u pożizzjoni ta’ tmexxija fl-użu tad-data industrijali.

3.L-elementi fundamentali tat-trasformazzjoni industrijali tal-Ewropa

It-tliet muturi indikati qabel juru d-daqs tat-trasformazzjoni li l-Ewropa se tgħaddi minnha. Trid ġenerazzjoni biex tittrasforma settur industrijali u l-ktajjen tal-valur kollha li jagħmel parti minnu. Iżda f’ambjent kompetittiv u dinamiku m’hemmx ħin x’jinħela. Il-ħames snin li ġejjin se jkunu deċiżivi biex nistabbilixxu l-kundizzjoni abilitanti t-tajbin għal din it-tranżizzjoni.

Jirfdu din l-istrateġija hemm sensiela ta’ elementi fundamentali għat-trasformazzjoni industrijali tal-Ewropa. Xi wħud minn dawn iġeddu jew jespandu approċċi eżistenti fl-innovazzjoni, fl-investiment, fl-istandards, jew fl-istabbiliment ta’ kundizzjonijiet ekwivalenti ta’ kompetizzjoni. Oħrajn jirriflettu l-ħtieġa ta’ modi ġodda ta’ ħidma biex l-Ewropa ssaħħaħ l-industrija tagħha għat-tranżizzjonijiet, sew hux fil-ħiliet jew fiċ-ċirkolarità.

L-elementi fundamentali jirriflettu l-fatt li ma hemmx xi soluzzjoni maġika jew awtonoma—huma kollha interkonnessi u jsaħħu lil xulxin. Iżda jirriflettu wkoll ir-realtà li, filwaqt li hemm ħafna li jista’ jsir fil-livell Ewropew biex niffaċilitaw u nipprovdu ċ-ċertezza, hemm ukoll ħafna kontroll f’idejn ħaddieħor. Għaldaqstant, approċċ ta’ sħubija se jkun essenzjali.

3.1 Noħolqu ċ-ċertezza għall-industrija: Suq uniku aktar fond u diġitali

Bis-saħħa tas-suq uniku tagħna, li huwa l-uniku wieħed tax-xorta tiegħu, il-kumpaniji tal-UE jibbenefikaw minn pjattaforma biex minnha jikkompetu globalment. Billi jipprovdi spazju regolatorju komuni, kif ukoll il-kobor, is-suq uniku huwa l-mutur tal-kompetittività u jiffaċilita l-integrazzjoni ta’ kumpaniji ta’ kull daqs fil-ktajjen tal-valur Ewropej u globali.

Biex is-suq uniku jkun jista’ jkompli jimbotta l-industrija tagħna ’l quddiem, il-leġiżlazzjoni trid tiġi implimentata u infurzata f’kull lok. Il-Pjan ta’ Azzjoni għall-Infurzar fis-Suq Uniku 5 li ġie adottat illum iressaq proposti konkreti biex insaħħu l-isforzi konġunti f’dan il-qasam, b’mod partikolari l-ħolqien ta’ Task Force għall-Infurzar fis-Suq Uniku. Ir-Rapport dwar l-Ostakli għas-Suq Uniku 6  juri l-ħtieġa li nneħħu l-ostakli li n-negozji jaffaċċaw meta jkunu qed ibigħu l-prodotti bejn il-fruntieri jew, b’mod aktar akut, meta jkunu qed jipprovdu s-servizzi transfruntieri. It-titjib fl-armonizzazzjoni tat-taxxi jgħin biex ineħħi wieħed mill-ostakli ewlenin affaċċati min-negozji meta joperaw b’mod transfruntiera, billi bażi komuni konsolidata għat-taxxa korporattiva ssir realtà.

Il-leġiżlazzjoni tas-suq uniku wkoll trid tiġi rieżaminata u aġġornata sabiex jiġi żgurat li hija adattata għall-era diġitali. Dan jinkludi r-reviżjoni tar-regoli tal-UE dwar is-sigurtà tal-prodotti, l-implimentazzjoni tal-Istrateġija Ewropea dwar id-Data u l-adozzjoni tal-Att dwar is-Servizzi Diġitali.

Se jkun essenzjali wkoll “approċċ minn SME għal SME”. L-għadd li qed jikber ta’ SMEs żgħażagħ u familjari mat-teknoloġija jista’ jgħin lil ditti industrijali aktar stabbiliti biex jadattaw il-mudelli ta’ negozju tagħhom u jiżviluppaw forom ġodda ta’ xogħol għall-era diġitali. Dan diġà ħoloq opportunitajiet ġodda, u jenħtieġ li n-negozji ġodda jiġu appoġġati biex jgħinu fil-bini tal-ekonomija tal-pjattaformi. Iżda ma’ forom ġodda ta’ xogħol iridu jiġu forom moderni u mtejba ta’ protezzjoni, inkluż għal dawk li jaħdmu fuq pjattaformi diġitali.

Is-suq uniku jiddependi fuq sistemi robusti u li jaħdmu tajjeb għall-istandardizzazzjoni u ċ-ċertifikazzjoni. Dan jgħin biex iżid id-daqs tas-swieq u jipprovdi ċ-ċertezza tad-dritt. L-iżvilupp ta’ standards u regolamenti tekniċi ġodda, flimkien ma’ sehem akbar tal-UE fil-korpi internazzjonali tal-istandardizzazzjoni, se jkunu essenzjali biex tingħata spinta lill-kompetittività tal-industrija. 

L-UE għandha bżonn ukoll li tiżgura li l-politika tagħha dwar il-Proprjetà Intellettwali tgħin biex tħares u ssaħħaħ is-sovranità teknoloġika tal-Ewropa u tippromwovi kondizzjonijiet ekwivalenti ta' kompetizzjoni globali. Il-PI tgħin biex tiddetermina l-valur tas-suq u l-kompetittività tal-kumpaniji Ewropej. Din tinkludi l-assi intanġibbli tagħhom, bħall-marki, id-disinji, il-privattivi, id-data, l-għarfien espert, u l-algoritmi. Huma essenzjali politiki intelliġenti dwar il-PI biex ngħinu lill-kumpaniji kollha jikbru, joħolqu l-impjiegi u jipproteġu u jiżviluppaw dak li jagħmilhom uniċi u kompetittivi.

Politika tal-kompetizzjoni indipendenti tal-UE qdiet l-Ewropa tajjeb billi għenet biex jinħolqu kondizzjonijiet ekwivalenti ta' kompetizzjoni, xprunat l-innovazzjoni u tat għażla akbar lill-konsumaturi. Il-kompetizzjoni toħroġ l-aħjar elementi tal-kumpaniji tagħna u tippermettilhom jibqgħu kompetittivi globalment. F’dinja li qed tinbidel malajr, u fi żmien li fih l-Ewropa qed issalpa fit-tranżizzjonijiet tewmin tagħha, jenħtieġ li niżguraw li r-regoli tal-kompetizzjoni għadhom adattati għad-dinja tal-lum.

B’dan il-ħsieb, il-Kummissjoni bħalissa qed tirrieżamina l-qafas tal-kompetizzjoni tal-UE. Dan jinvolvi l-eżami ta’ kif qed jiġu applikati r-regoli attwali tal-kompetizzjoni, b’mod partikolari b’relazzjoni mar-rimedji tal-antitrust, u jekk ir-regoli li jiggvernaw il-ftehimiet orizzontali u vertikali u l-avviż dwar id-definizzjoni tas-suq għadhomx adattati għall-iskop tagħhom. Se jħares ukoll lejn kif jista’ jittejjeb il-qbid tal-każijiet u jitħaffu l-investigazzjonijiet. Il-Kummissjoni se tuża l-għodd tal-inkjesti settorjali fi swieq ġodda u emerġenti li qed isawru l-ekonomija u s-soċjetà tagħna.

L-evalwazzjoni li għaddejja tal-kontroll tal-fużjonijiet u l-kontroll tal-idoneità tal-bosta linji gwida dwar l-għajnuna mill-Istat ukoll huma parti minn dan ir-rieżami. Ir-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat jiżguraw kondizzjonijiet ekwivalenti ta’ kompetizzjoni fl-Ewropa, billi jevitaw tellieqa tas-sussidji fratriċida filwaqt li jappoġġaw objettivi importanti fl-interess pubbliku. Il-Kummissjoni se tiżgura li jkun regoli dwar l-għajnuna mill-Istat riveduti stabbiliti fl-2021 f'għadd ta’ oqsma ta’ prijorità, inkluż l-għajnuna għall-enerġija u ambjentali.

Nagħmluha realtà

ÆIl-Pjan ta’ Azzjoni għall-Infurzar fis-Suq Uniku u r-Rapport dwar l-Ostakoli għas-Suq Uniku, adottati llum.

ÆIt-twaqqif ta’ Task Force għall-Infurzar fis-Suq Uniku, magħmula mill-Istati Membri u l-Kummissjoni.

ÆStrateġija għall-SMEs għal Ewropa sostenibbli u diġitali, adottata llum.

ÆL-evalwazzjoni, ir-rieżami u, jekk meħtieġ, l-adattament tar-regoli tal-kompetizzjoni tal-UE mill-2021, inkluż l-evalwazzjoni li għaddejja tal-kontroll tal-fużjonijiet u l-kontroll tal-idoneità tal-linji gwida dwar l-għajnuna mill-Istat.

ÆPjan ta’ Azzjoni għall-Proprjetà Intellettwali biex jivvaluta l-ħtieġa għal aġġornament tal-qafas legali, niżguraw użu intelliġenti tal-PI, u niġġieldu aħjar is-serq tal-PI.

ÆSegwitu għall-Istrateġija Ewropea għad-data biex niżviluppaw ekonomija tad-data tal-UE, inkluż it-tnedija ta’ spazji komuni Ewropej tad-data f’setturi u ktajjen tal-valur speċifiċi.

ÆAtt dwar is-Servizzi Diġitali biex naġġornaw u nsaħħu l-qafas legali għal suq uniku fis-servizzi diġitali.

ÆInizjattiva biex jittejbu l-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-ħaddiema tal-pjattaformi.


3.2 Inħarsu kondizzjonijiet ekwivalenti ta' kompetizzjoni globali

Il-ftuħ tal-ekonomija Ewropea huwa fl-għeruq tal-prosperità u l-kompetittività tagħha. Minkejja li l-industrija tal-UE hija integrata ħafna fil-ktajjen tal-valur globali u topera globalment, l-UE ma tistax tkun inġenwa fil-konfront ta’ theddid għall-kompetizzjoni u l-kummerċ ġusti.

L-UE taħdem biex iżżomm is-swieq miftuħa permezz ta’ ftehimiet kummerċjali ma’ pajjiżi jew reġjuni sħab, jew billi taħdem f’fora internazzjonali biex issib regoli li jaħdmu għal kulħadd. Irridu nkomplu nieħdu approċċ koordinat Ewropew biex niżguraw kummerċ reċiprokament benefiku u negħlbu kull ostaklu li jista’ jżomm lin-negozji tagħna milli jaċċessaw sew swieq oħrajn madwar id-dinja. Dan jinkludi l-ġlieda kontra skemi tal-ippjanar aggressiv tat-taxxa li joħolqu kundizzjonijiet mhux ugwali.

L-UE se tagħmel użu sħiħ mill-mekkaniżmi għad-difiża tal-kummerċ kollha li għandha. Sa nofs l-2020, il-Kummissjoni se tesplora kif l-aħjar issaħħaħ il-mekkaniżmi u l-għodda kontra s-sussidji. Dan se jsir fil-White Paper dwar Strument dwar is-Sussidji Barranin li se tindirizza l-effetti distorsivi fis-suq uniku kkawżati mis-sussidji barranin. Dan se jiġi segwit minn proposta għal strument legali fl-2021.

Din id-distorsjoni spiss tkun akkumpanjata minn nuqqas ta’ aċċess reċiproku għall-kumpaniji Ewropej għas-swieq domestiċi ta’ intrapriżi tal-Istat barranin. B’mod partikolari, is-swieq tal-akkwist pubbliku tal-UE fil-biċċa l-kbira huma miftuħa għal negozji minn pajjiżi li fihom il-kumpaniji tal-UE jġarrbu diskriminazzjoni jew saħansitra jaffaċċjaw swieq magħluqin. Għaldaqstant, il-White Paper se tindirizza wkoll il-kwistjoni tal-aċċess ta’ intrapriżi tal-Istat barranin għas-swieq tal-akkwist pubbliku għall-finanzjament mill-UE. Qbil rapidu dwar l-Istrument għal Akkwist Internazzjonali propost ukoll se jkun essenzjali biex nindirizzaw in-nuqqas ta’ reċiproċità u biex l-UE tingħata aktar saħħa ta’ negozjar fin-negozjati.

L-industrija Ewropea ma għandhiex taffaċċja kompetizzjoni inġusta minn kompetituri minn madwar id-dinja li jimxu ma’ standards jew prinċipji differenti, bħal pereżempju dwar il-klima. Uffiċjal Kap tal-Infurzar għall-Kummerċ ġdid se jaħdem biex itejjeb il-konformità u l-infurzar tal-ftehimiet kummerċjali tagħna, u jirrapporta regolarment lill-Parlament Ewropew. Il-Kummissjoni se tipproponi li r-rispett tal-Ftehim ta’ Pariġi jsir element essenzjali għall-ftehimiet kummerċjali futuri kollha.

Il-kontrolli doganali msaħħa wkoll huma essenzjali biex jiġi żgurat li l-prodotti importati jimxu mar-regoli tal-UE.

Nagħmluha realtà

ÆWhite Paper dwar Strument dwar is-Sussidji Barranin sa nofs l-2020, li tħares ukoll lejn l-aċċess barrani għall-akkwist pubbliku u l-finanzjament tal-UE.

ÆInsaħħu r-regoli globali dwar is-sussidji industrijali fl-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ.

ÆL-adozzjoni rapida tal-Istrument għal Akkwist Internazzjonali.

ÆPjan ta’ azzjoni dwar l-Unjoni Doganali fl-2020 biex insaħħu l-kontrolli doganali, inkluż proposta leġislattiva għal punt ta’ kuntatt uniku tal-UE biex tippermetti proċessi ta’ żdoganar kompletament diġitali fil-fruntiera.


3.3 Nappoġġaw l-industrija hi u tersaq lejn in-newtralità klimatika

Huwa u l-Ewropa timxi lejn in-newtralità klimatika, ċerti setturi se jkollhom jagħmlu bidla akbar u aktar trasformattiva mill-maġġoranza. L-industriji li jużaw ħafna enerġija huma indispensabbli għall-ekonomija Ewropea u hemm setturi oħra li jiddependu fuqhom. Għalhekk, il-modernizzazzjoni u d-dekarbonizzazzjoni tal-industriji li jużaw ħafna enerġija.

Il-Patt Ekoloġiku Ewropew jistabbilixxi l-objettiv li jinħolqu swieq ġodda għal prodotti newtrali għall-klima u ċirkolari, bħall-azzar, is-siment, u prodotti kimiċi bażiċi. Biex tmexxi din il-bidla, l-Ewropa teħtieġ proċessi industrijali ġodda u aktar teknoloġiji nodfa biex jitnaqqsu l-ispejjeż u jkunu aktar lesti għas-suq.

Pereżempju, il-Kummissjoni se tappoġġa teknoloġiji rivoluzzjonarji għall-produzzjoni nadifa tal-azzar biex iwasslu għal proċess tal-produzzjoni tal-azzar mingħajr emissjonijiet tal-karbonju. Il-Fond ta' Innovazzjoni tal-EU ETS se jgħin biex jiġu implimentati proġetti innovattivi fuq skala kbira biex jappoġġaw prodotti nodfa f’kull settur intensiv fl-enerġija.

Strateġija ġdida għas-Sustanzi Kimiċi favur is- Sostenibbiltà se tgħin biex in-nies u l-ambjent ikunu mħarsa aħjar minn sustanzi kimiċi ta’ riskju, u biex tħeġġeġ l-innovazzjoni fis-settur biex jiġu żviluppati alternattivi siguri u sostenibbli.

L-Ewropa għandha wkoll bżonn tindirizza s-sostenibbiltà tal-prodotti tal-kostruzzjoni u ttejjeb l-effiċjenza enerġetika u l-prestazzjoni ambjentali tal-bini. Ambjent mibni aktar sostenibbli se jkun essenzjali għat-tranżizzjoni tal-Ewropa lejn in-newtralità klimatika.

Hekk kif it-tranżizzjoni tħaffef il-pass, l-Ewropa trid tiżgura li ħadd ma jitħalla lura. Il-proposta għall-Mekkaniżmu ta’ Tranżizzjoni Ġusta 7 l-ġdid se jimmobilizza EUR 100 biljun biex tiġi żgurata tranżizzjoni ġusta għal reġjuni b’intensitajiet kbar ta’ karbonju huma u jkomplu jittrasformaw l-industriji u l-ekonomiji tagħhom.

It-tnaqqis tal-emissjonijiet fl-industrija se jiddependi fuq il-prinċipju “l-Effiċjenza Enerġetika tiġi l-Ewwel” flimkien ma’ provvista sigura u suffiċjenti ta’ enerġija b’emissjonijiet baxxi ta’ karbonju bi prezzijiet kompetittivi. Dan se jkun jeħtieġ ippjanar u investiment f’teknoloġiji, kapaċità u infrastruttura tal-ġenerazzjoni tal-enerġija b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju. Se jkollna bżonn approċċ aktar strateġiku għall-industriji tal-enerġija rinnovabbli, bħall-enerġija offshore, u għall-katina ta’ provvista li tirfidhom. Dan se jgħinna wkoll nindirizzaw iż-żieda sostanzjali fl-ammont ta’ enerġija meħtieġa mit-tranżizzjonijiet tewmin. Dan għandu jkun appoġġat minn sforzi biex is-sistemi tal-elettriku Ewropej ikunu konnessi aħjar, biex tiżdied is-sigurtà tal-provvista u jiġu integrati aktar sorsi ta’ enerġija rinnovabbli.

Bħala parti minn dan, kulma jġorr l-enerġija, inkluż l-elettriku, il-gass u l-fjuwils likwidi, se jkollu bżonn jintuża b’mod aktar effettiv billi setturi differenti jiġu konnessi. Dan se jkun l-għan ta’ strateġija ġdida għall-integrazzjoni intelliġenti tas-setturi, li se tippreżenta wkoll il-viżjoni tal-Kummissjoni dwar l-idroġenu nadif. L-użu ta’ netwerks Trans-Ewropej tal-enerġija wkoll se jappoġġa t-tranżizzjoni lejn in-newtralità klimatika.

Għandu jkun hemm ukoll enfasi speċjali fuq l-industriji sostenibbli u tal-mobilità intelliġenti. Dawn it-tnejn għandhom ir-responsabbiltà u l-potenzjal li jixprunaw it-tranżizzjonijiet tewmin, jappoġġaw il-kompetittività industrijali Ewropea u jtejbu l-konnettività. Dan huwa partikolarment il-każ għall-industriji tal-karozzi, ajruspazjali, tal-ferroviji, u tal-bini tal-bastimenti, kif ukoll għall-fjuwils alternattivi u l-mobilità intelliġenti u konnessa.

Biex niżguraw li l-industriji tal-mobilità tal-UE jżommu l-pożizzjoni ta’ tmexxija globali tagħhom, hemm bżonn li nibqgħu fuq quddiem nett fir-riċerka u l-innovazzjoni u li nintroduċu l-infrastruttura neċessarja u inċentivi robusti, inkluż fl-akkwist. Il-katina tal-valur tas-settur sħiħ trid tgħin biex jissawru standards internazzjonali ġodda għal mobilità sigura, sostenibbli, aċċessibbli, u reżiljenti. L-Istrateġija Komprensiva għal Mobilità Sostenibbli u Intelliġenti se tippreżenta miżuri komprensivi biex tgħinna nisfruttaw mill-aħjar il-potenzjal tas-settur.

Jekk id-differenzi fl-ambizzjonijiet madwar id-dinja jippersistu, il-Kummissjoni se tipproponi Mekkaniżmu ta’ Aġġustament tal-Karbonju fil-Fruntiera fl-2021 biex jitnaqqas ir-riskju tar-rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju, b’kompatibbiltà sħiħa mar-regoli tad-WTO. Dan għandu jkun appoġġat bit-tisħiħ tal-għodod li għandna bħalissa biex nindirizzaw ir-rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju.

Nagħmluha realtà

ÆStrateġija għal integrazzjoni intelliġenti tas-setturi.

ÆSpazju Komuni Ewropew tad-data dwar l-enerġija se jisfrutta l-potenzjal tad-data biex itejjeb il-kapaċità innovattiva tas-settur tal-enerġija.

ÆInvaraw il-Pjattaforma għal Tranżizzjoni Ġusta biex noffru appoġġ tekniku u ta’ konsulenza għal reġjuni u industriji intensivi fil-karbonju.

ÆL-Istrateġija tal-UE dwar l-Azzar Nadif u l-Istrateġija għas-Sustanzi Kimiċi favur is- Sostenibbiltà.

ÆRieżami tar-regolament dwar in-Netwerk Trans-Ewropew tal-Enerġija.

ÆStrateġija tal-UE dwar l-Enerġija Rinnovabbli Offshore.

ÆStrateġija Komprensiva għal Mobilità Sostenibbli u Intelliġenti.

ÆL-inizjattiva "Mewġa ta’ Rinnovazzjoni” u l-Istrateġija dwar l-ambjent mibni.

ÆIl-Mekkaniżmu ta’ Aġġustament tal-Karbonju fil-Fruntiera biex inaqqas ir-rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju, b’kompatibbiltà sħiħa mar-regoli tad-WTO.

3.4 Nibnu ekonomija aktar ċirkolari

F’konformità mal-istrateġija tat-tkabbir il-ġdida tal-Ewropa, li tagħti aktar milli tieħu, l-industrija trid taqdi rwol ta’ tmexxija fit-tranżizzjoni ekoloġika. Dan ifisser li trid tnaqqas il-marka karbonika u fuq il-materjali, u tintegra ċ-ċirkolarità fl-ekonomija kollha.

Biex nagħmlu dan, irridu nabbandunaw il-mudell qadim li nieħdu mill-art biex nagħmlu prodotti li nużaw imbagħad narmu. Hemm bżonn li nirrevoluzzjonaw il-mod li bih niddisinjaw, nagħmlu, nużaw u narmu l-affarijiet billi nagħtu inċentivi lill-industrija tagħna.

Dan l-approċċ aktar ċirkolari se jiżgura industrija aktar nadifa u kompetittiva billi jnaqqas l-impatti ambjentali, itaffi l-kompetizzjoni għal riżorsi skarsi, u jnaqqas l-ispejjeż tal-produzzjoni. L-argument għall-vijabbiltà huwa b’saħħtu daqs l-obbligu ambjentali u morali. L-applikazzjoni tal-prinċipji tal-ekonomija ċirkolari fis-setturi u l-industriji kollha għandha l-potenzjal li toħloq 700 000 impjieg ġdid fl-UE sal-2030, ħafna minnhom fl-SMEs.

L-UE diġà qiegħda ppożizzjonata tajjeb f'dan il-qasam u issa jenħtieġ li tiffoka fuq li tikkonsolida l-vantaġġ ta’ min jidħol l-ewwel. Il-Pjan ta' Azzjoni tal-UE għal Ekonomija Ċirkolari 8 l-ġdid jippreżenta sensiela ta' miżuri biex jippermettu lill-industrija tal-UE taħtaf dawn l-opportunitajiet.

Fil-qalba tiegħu hemm qafas ta' politika għall-prodotti sostenibbli li se jistabbilixxi prinċipji tas-sostenibbiltà għall-prodotti kollha, u b’hekk jgħin biex l-industrija tal-Ewropa ssir aktar kompetittiva. Se tingħata prijorità lil gruppi ta’ prodotti b’impatt għoli u l-azzjoni se tinkludi inizjattiva dwar iċ-ċarġer komuni, inizjattiva għall-elettronika ċirkolari, rekwiżiti ta’ sostenibbiltà għall-batteriji, u miżuri ġodda fis-settur tat-tessuti.

Il-Pjan ta’ Azzjoni jinkludi wkoll miżuri biex il-konsumaturi jkollhom aktar saħħa biex ikollhom rwol aktar attiv fl-ekonomija ċirkolari. Il-konsumaturi għandhom jirċievu informazzjoni affidabbli u relevanti biex jagħżlu prodotti li jistgħu jerġgħu jintużaw, li jservu, u li jistgħu jissewwew. Il-Kummissjoni se tipproponi modi biex intejbu d-drittijiet u l-protezzjoni tal-konsumatur, inkluż billi naħdmu favur id-dritt għat-tiswija għall-konsumaturi.

L-awtoritajiet pubbliċi, inklużi l-istituzzjonijiet tal-UE, għandhom imexxu bl-eżempju billi jagħżlu prodotti, servizzi u xogħlijiet li ma jagħmlux ħsara lill-ambjent. Permezz ta’ dan l-akkwist pubbliku ekoloġiku jistgħu jgħinu biex imexxu t-tranżizzjoni lejn il-konsum u produzzjoni sostenibbli. Il-Kummissjoni se tipproponi aktar leġiżlazzjoni u gwida dwar l-akkwist ekoloġiku.

Nagħmluha realtà

ÆPjan ta' Azzjoni tal-UE għal Ekonomija Ċirkolari adottat fl-istess ħin ta’ din l-istrateġija, inkluż qafas ta' politika għall-prodotti sostenibbli.

ÆQafas regolatorju ġdid għall-Batteriji sostenibbli.

ÆStrateġija tal-UE għat-Tessuti.

ÆInizjattiva għall-Elettronika Ċirkolari.

ÆNagħtu s-saħħa lill-konsumaturi biex ikollhom rwol attiv fl-ekonomija ċirkolari, permezz ta’ informazzjoni aħjar dwar il-prodotti u drittijiet tal-konsumatur imtejbin.




3.5 Nintegraw spirtu ta’ innovazzjoni industrijali

Il-kumpaniji Ewropej raw is-sehem globali tagħhom tal-infiq fuq ir-riċerka u l-iżvilupp jonqos tul l-aħħar ħames snin, mentri dak tal-kompetituri Amerikani u Ċiniżi tagħhom żdied. Biex tiġi indirizzata din it-tendenza se jkun meħtieġ li niftħu l-bibien għall-innovazzjoni b’fehim ta’ dak li rridu niffukaw fuqu u triq ċara għas-suq biex ikun hemm il-possibbiltà ta’ skala kbira. Bħala parti minn dan, jenħtieġ li l-SMEs jiġu inċentivizzati u appoġġati biex jinnovaw u jġibu l-ideat tagħhom fis-suq.

It-tellieqa globali fit-tranżizzjonijiet tewmin se tkun aktar u aktar ibbażata fuq ix-xjenza fil-fruntiera tal-għarfien u l-ħakma ta’ teknoloġiji profondi. L-era li jmiss tal-industrija se tkun waħda li fiha d-dinjiet fiżiċi, diġitali u bijoloġiċi jingħaqdu flimkien. Jekk l-Ewropa trid tmexxi t-tranżizzjonijiet tewmin, l-istrateġija industrijali trid tkun, fil-qalba tagħha, strateġija ta’ innovazzjoni industrijali. 

Dan ifisser ukoll li aħna u nżidu l-investiment f’riċerka u innovazzjoni fixkiela u rivoluzzjonarja, irridu naċċettaw li mat-triq se jkun hemm il-fallimenti. Dan se jgħinna nitgħallmu, nadattaw, u jekk inhu meħtieġ, nibdew mod ġdid li bih naħdmu sabiex jippermettilna nimxu ’l quddiem. Irridu nibdlu l-mentalità tagħna minn waħda avversa għar-riskju għal waħda li tittollera fl-fallimenti. Dan irid jiġi rifless f’kull qasam u l-innovazzjoni għandha tiġi integrata fit-tfassil tal-politika tagħna. Bħala parti mill-ħidma tagħna fuq ir-regolamentazzjoni aħjar u l-prospettiva strateġika, se niżguraw li l-politiki tagħna jwasslu għall-innovazzjoni.

Jenħtieġ li s-setturi industrijali jiġi mistiedna u inċentivizzati jiddefinixxu l-pjanijiet direzzjonali tagħhom għan-newtralità klimatika jew ir-rwol ta’ tmexxija diġitali. Dan għandu jkun iffaċilitat minn riċerka u ħiliet ta’ kwalità għolja u appoġġat mill-UE. Għadd ta’ setturi diġà ħadu dan l-approċċ mindu ġie varat il-Patt Ekoloġiku Ewropew. Fl-ispirtu ta’ kodisinn u intraprenditorija ta’ din l-istrateġija, dan għandu jkun appoġġat permezz ta’ Sħubijiet Pubbliċi-Privati biex jgħinu lill-industrija tiżviluppa t-teknoloġiji biex jilħqu l-għanijiet tagħhom, kif diġà sar b’suċċess fl-alleanzi industrijali.,

Il-Kunsill Ewropew tal-Innovazzjoni, li se jiġi varat kompletament fl-2021, ukoll se jimmira li jagħmel l-aħjar mill-bażi ta’ riċerka b'saħħitha Ewropea. Se jgħin biex jidentifika t-teknoloġiji tal-ġenerazzjoni li jmiss, jaċċellera l-applikazzjoni kummerċjali tagħhom u jgħinhom jappoġġaw l-espansjoni rapida tan-negozji l-ġodda.

Is-suq uniku wkoll għandu bżonn jaqdi r-rwol tiegħu billi jinċentivizza l-innovazzjoni biex isir l-aħjar użu mill-ekonomiji ta’ skala, il-veloċità u l-ambitu. L-innovazzjoni u l-esperimentazzjoni bbażati fuq il-postijiet għandhom jiġu mħeġġa. Dan jippermetti lir-reġjuni jiżviluppaw u jittestjaw soluzzjonijiet ġodda mal-SMEs u l-konsumaturi, billi jisiltu mill-karatteristiċi, is-saħħiet u l-ispeċjalizzazzjonijiet lokali tagħhom. Teknoloġiji u soluzzjonijiet ġodda jistgħu jiġu ttestjati fil-kundizzjonijiet reali ma’ min ifassal il-politika u r-regolaturi biex jiġu faċilitati mudelli ta’ negozju innovattivi.

Ladarba jiġu ttestjati u mtejbin, dawn is-soluzzjonijiet jistgħu jiġu amplifikati għas-swieq Ewropej u dinjija, u b’hekk niżguraw li l-UE tibqa’ minn ta’ quddiem. Iċ-Ċentri ta’ Innovazzjoni Diġitali, li jservu ta’ punti uniċi ta’ kuntatt biex il-kumpaniji jaċċessaw l-ittestjar tat-teknoloġija, huma pjattaforma soda fuqiex nibnu.

Nagħmluha realtà

ÆKomunikazzjoni dwar il-Futur tar-Riċerka u l-Innovazzjoni u ż-Żona Ewropea tar-Riċerka biex tippjana approċċ ġdid għall-innovazzjoni u tiżgura li l-baġit tal-UE jintuża bl-akbar impatt.

ÆInvaraw Sħubijiet Pubbliċi-Privati fil-programm Orizzont Ewropa.



3.6 It-taħriġ u t-taħriġ mill-ġdid

Industrija kompetittiva tiddependi fuq li tirrekluta u li żżomm forza tax-xogħol kwalifikata. Hekk kif it-tranżizzjonijiet tewmin qed jaqbdu r-ritmu, l-Ewropa se jkollha tiżgura li l-edukazzjoni u t-taħriġ iżommu l-pass. Li t-tagħlim tul il-ħajja jsir realtà għal kulħadd se jsir aktar u aktar importanti: fil-ħames snin li ġejjin biss, 120 miljun Ewropew se jkollhom jaġġornaw il-ħiliet tagħhom jew jitħarrġu mill-ġdid.

Dan jirrifletti l-importanza tal-ħiliet għat-tranżizzjonijiet tewmin u l-opportunitajiet li jistgħu joħolqu għan-nies. It-tranżizzjoni għal ekonomija b'livell baxx ta' emissjonijiet ta' karbonju hija mistennija li toħloq aktar minn (1) miljun impjieg sal-2030, filwaqt li diġà hemm (1) miljun pożizzjoni vakanti fl-Ewropa għall-esperti tat-teknoloġija diġitali. Fl-istess ħin, 70 % tal-kumpaniji jirrapportaw li qed jipposponu l-investiment minħabba li ma jistgħux isibu nies bil-ħiliet adegwati.

Għall-ħaddiema fl-industrija, id-diġitalizzazzjoni, l-awtomatizzazzjoni u l-avvanzi fl-intelliġenza artifiċjali se jkunu jeħtieġu bidla mingħajr preċedent fis-sett ta’ ħiliet tagħhom. It-taħriġ mill-ġdid, ukoll f’ħiliet ġodda, se jkollu jkun parti kbira mill-ekonomija soċjali tas-suq tagħna. Is-sistemi tagħna tal-edukazzjoni għolja u l-edukazzjoni u taħriġ vokazzjonali se jkollhom bżonn ukoll jipprovdu aktar xjenzati, inġiniera u teknixins għas-suq tax-xogħol. L-attrazzjoni aħjar tal-ħiliet u t-talent barrani ukoll se tgħin biex tindirizza l-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol tal-UE.

Fit-tellieqa globali għat-talent, l-Ewropa għandha bżonn iżżid l-investiment fil-ħiliet, u t-tagħlim tul il-ħajja hemm bżonn li jsir realtà. Dan se jkun jeħtieġ l-azzjoni kollettiva tal-industrija, tal-Istati Membri, tal-imsieħba soċjali u ta’ partijiet ikkonċernati oħrajn permezz ta’ “Patt għall-Ħiliet” ġdid biex jikkontribwixxu għall-aġġornament u t-taħriġ mill-ġdid tal-ħiliet u biex jinfetħu l-bibien għall-investiment pubbliku u privat fil-forza tax-xogħol. Il-Patt se jagħmel enfasi fuq setturi b’potenzjal għoli tat-tkabbir għall-Ewropa jew dawk li għaddejjin mill-iktar tibdil sinifikanti. Iż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni ukoll se tappoġġa dawn l-isforzi.

Huwa essenzjali wkoll li jkollna bilanċ aħjar bejn in-nisa u l-irġiel fl-industrija. Dan jinkludi li nħeġġu lin-nisa jistudjaw ix-Xjenza, it-Teknoloġija, l-Inġinerija, u l-Matematika, li jikkunsidraw karriera fit-teknoloġija u jinvestu fil-ħiliet diġitali tagħhom, biex b’hekk il-bilanċ bejn il-ġeneri jittejjeb fil-ħolqien u t-tmexxija tan-negozju.

Nagħmluha realtà

ÆNaġġornaw l-Aġenda għall-Ħiliet għall-Ewropa fl-2030, inkluż rakkomandazzjoni dwar l-Edukazzjoni u Taħriġ Vokazzjonali.

ÆInvaraw il-Patt għall-Ħiliet Ewropew.

ÆKomunikazzjoni dwar Qafas Strateġiku għal Żona Ewropea tal-Edukazzjoni.

ÆPjan ta’ Azzjoni dwar l-Edukazzjoni Diġitali.

ÆNimplimentaw l-Istrateġija Ewropea dwar il-Ġeneri, li ġiet adottata f’Marzu 2020.


3.7 Ninvestu u niffinanzjaw it-tranżizzjoni

Ħafna mill-programmi futuri tal-UE, bħal Orizzont Ewropa, il-Programm Ewropa Diġitali, il-Programm għas-Suq Uniku, il-Fond għall-Innovazzjoni, InvestEU, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond Ewropew għad-Difiża, u l-Programm Spazjali tal-UE, kif ukoll il-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej kollha se jgħinu biex jippromwovu l-kompetittività tal-industrija tal-UE. Ftehim rapidu dwar il-baġit fit-tul li jmiss huwa essenzjali għall-futur tal-industrija tagħna.

Fi żmien fejn il-finanzi pubbliċi qegħdin taħt pressjoni, irridu nsibu modi ġodda biex niftħu l-bibien għall-investiment tas-settur privat. Dan jinkludi l-ingranaġġ u t-taħlit ta’ flus tal-UE mal-Istati Membri u msieħba istituzzjonali oħrajn, kif ukoll l-inklużjoni ta’ investituri privati. InvestEU u l-Pjan ta' Investiment għal Ewropa Sostenibbli se jgħin biex jiftaħ il-bibien għall-investiment tas-settur privat fejn ikun meħtieġ. Il-Bank Ewropew tal-Investiment u l-banek u istituzzjonijiet promozzjonali nazzjonali se jkollhom rwol importanti x’jaqdu.

Huwa importanti ħafna li nimmobilizzaw l-investiment tas-settur privat u l-finanzjament pubbliku meta jkun hemm fallimenti tas-suq, partikolarment fl-introduzzjoni fuq skala kbira ta’ teknoloġiji innovattivi.
Għodda partikolari b’rekord ta’ prestazzjoni ppruvat f’dan il-qasam huma
l-Proġetti Importanti ta’ Interess Ewropew Komuni (IPCEIs). L-Istati Membri jistgħu jużaw l-IPCEIs biex jippuljaw ir-riżorsi finanzjarji, jaġixxu malajr u jagħmlu konnessjoni bejn l-atturi xierqa tul il-ktajjen tal-valur ewlenin. Dawn jikkatalizzaw l-investiment u jippermettu lill-Istati Membri jiffinanzjaw proġetti ta’ innovazzjoni fuq skala kbira transfruntiera fil-każ ta’ fallimenti tas-suq.  Hija u tibni fuq l-esperjenza ta’ IPCEIs reċenti, il-Kummissjoni se tesplora modi li bihom tista’ tikkombina l-istrumenti nazzjonali u tal-UE biex tingrana l-investiment tul il-katina tal-valur, b’rispett sħiħ tar-regoli finanzjarji u tal-kompetizzjoni rilevanti.

Biex isir l-aħjar użu minn din l-għodda, il-Kummissjoni se tistabbilixxi regoli dwar l-għajnuna mill-Istat riveduti għall-IPCEIs fl-2021. Dan ir-rieżami għandu l-għani li jiċċara l-kundizzjonijiet li bihom il-proġetti mmexxija mill-Istati Membri f’setturi ewlenin jistgħu jimxu ’l quddiem fil-ħin u b’mod li jiffavorixxi l-kompetittività. Dan għandu wkoll jgħin lill-SMEs ikollhom sehem sħiħ fl-IPCEIs futuri.

Se jkun hemm ukoll il-ħtieġa li ninċentivizzaw l-investiment favur is-sostenibbiltà kompetittiva tul is-sistema finanzjarja kollha kemm hi. Il-ftehim reċenti dwar tassonomija tal-UE u ċ-ċertezza pprovduta mil-Liġi dwar il-Klima 9 huma passi kbar fid-direzzjoni t-tajba.

Hija u tibni fuq dan il-progress, l-Istrateġija Mġedda għall-Finanzjament Sostenibbli se tistabbilixxi regoli ċari biex tiggwida lill-investituri għall-investiment sostenibbli. Bħala parti mix-xogħol li għaddej biex tiġi approfondita l-Unjoni Ekonomika u Monetarja, il-Pjan ta’ Azzjoni ġdid tal-Kummissjoni għall-Unjoni tas-Swieq Kapitali se jinkludi inizjattiva biex issaħħaħ il-protezzjoni tal-investiment intra-UE u sforzi biex jinfetħu l-bibien għal sorsi aktar diversi tal-finanzjament għan-negozji Ewropej, partikolarment l-SMEs. L-Istrateġija dwar il-Finanzi Diġitali se tgħin biex tiġi ffaċilitata l-innovazzjoni fis-servizzi finanzjarji biex servizzi u mudelli ta’ negozju ġodda jespandu, u jiġu indirizzati riskji ġodda.

Nagħmluha realtà

ÆNaħdmu mal-Parlament u l-Kunsill biex niżguraw l-adozzjoni u l-implimentazzjoni rapida tal-baġit fit-tul li jmiss.

ÆNikkunsidraw l-kamp ta' applikazzjoni għal investiment ikkoordinat mill-Istati Membri u l-industrija fil-forma ta’ IPCEIs ġodda u dwar is-segwitu possibbli għall-ewwel IPCEIs dwar il-batteriji u l-mikroelettronika.

ÆNagħmlu rieżami tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat għall-IPCEIs, inklużi proġetti għat-tranżizzjoni enerġetika.

ÆStrateġija mġedda dwar il-finanzjament sostenibbli.

ÆStrateġija ġdida dwar il-Finanzi Diġitali.

ÆPjan ta’ Azzjoni għall-Unjoni tas-Swieq Kapitali fl-2020, inklużi miżuri li jappoġġaw is-swieq tal-kapital integrati u aktar opportunitajiet ta’ finanzjament għaċ-ċittadini u n-negozji.

4.Insaħħu l-awtonomija industrijali u strateġika tal-Ewropa

L-awtonomija strateġika tinvolvi li nnaqqsu d-dipendenza tagħna fuq ħaddieħor għall-affarijiet li l-aktar neħtieġu: materjali u teknoloġiji kritiċi, l-ikel, l-infrastruttura, is-sigurtà u oqsma strateġiċi oħra. Dawn jagħtu wkoll opportunità lill-industrija tal-Ewropa biex tiżviluppa s-swieq, il-prodotti u s-servizzi tagħha stess li jagħtu spinta lill-kompetittività.

L-Ewropa tiffjorixxi f’ambjent ta’ investiment miftuħ li jippermetti lil ħaddieħor jinvestu fil-kompetittività tal-Ewropa. Iżda trid tkun aktar strateġika fil-mod li bih tħares lejn ir-riskju assoċjat mal-investiment barrani. Il-qafas għall-iskrinjar tal-investiment dirett barrani 10 li se jibda japplika kollu kemm hu f’Ottubru 2020 se jissalvagwardja l-interessi tal-Ewropa fuq il-bażi tas-sigurtà u l-ordni pubbliku. Il-Kummissjoni se tagħmel proposti biex tkompli ssaħħaħ din l-għodda.

It-trasformazzjoni diġitali, is-sigurtà u s-sovranità teknoloġika futura tal-Ewropa jiddependu fuq l-infrastrutturi diġitali strateġiċi tagħna. Lil hinn mix-xogħol reċenti tal-Kummissjoni fuq il-5G u ċ-ċibersigurtà, l-UE se tiżviluppa Infrastruttura ta’ Komunikazzjoni Kwantistika, iddisinjata biex fl-10 snin li ġejjin tintroduċi infrastruttura sigura minn tarf sa tarf ibbażata fuq netwerk ta’ komunikazzjoni kwantistika biex jiġu protetti l-assi diġitali ewlenin tal-UE u l-Istati Membri tagħha.

L-UE se tappoġġa wkoll l-iżvilupp ta’ teknoloġiji abilitanti essenzjali li huma strateġikament importanti għall-futur industrija tal-Ewropa. Dawn jinkludu r-robotika, il-mikroelettronika, l-informatika ta' prestazzjoni għolja u l-infrastruttura tal-cloud tad-data, il-blockchain, it-teknoloġiji kwantistiċi, il-fotonika, il-bijoteknoloġija industrijali, il-bijomediċina, in-nanoteknoloġija, il-farmaċewtika, il-materjali u t-teknoloġiji avvanzati.

Is-setturi Ewropej tad-difiża u tal-ispazju huma essenzjali għall-futur tal-Ewropa. Madankollu, il-frammentazzjoni tal-industrija tad-difiża qed tqajjem dubji dwar l-abbiltà tal-Ewropa li tibni l-ġenerazzjoni li jmiss tal-kapaċitajiet ta’ difiża kritiċi. Dan kieku jnaqqas is-sovranità strateġika tal-UE kif ukoll il-kapaċità tagħha li taġixxi bħala garanti tas-sigurtà.

Il-Fond Ewropew għad-Difiża se jgħin biex nibnu bażi industrijali tad-difiża integrata madwar l-UE. Se jinvesti matul il-ktajjen tal-valur industrijali tad-difiża Ewropej, jiffaċilita l-kooperazzjoni transfruntiera u jappoġġa ktajjen tal-provvista miftuħa u dinamiċi li jinkludu l-SMEs u entranti ġodda. Se jappoġġa wkoll it-teknoloġija rivoluzzjonarja, biex b’hekk il-kumpaniji se jkunu jistgħu jieħdu aktar riskji. Il-koerenza ma’ inizjattivi oħra tad-difiża se tkun essenzjali.

It-teknoloġiji, id-data u s-servizzi spazjali jistgħu jsaħħu l-bażi industrijali tal-Ewropa billi jappoġġaw l-iżvilupp ta’ prodotti u servizzi innovattivi, inkluż teknoloġiji innovattivi avvanzati emerġenti.

L-industriji tad-difiża u tal-ispazju għandhom quddiemhom kompetizzjoni globali mingħajr preċedent, f’kuntest ġeopolitiku li qed jinbidel, kif ukoll opportunitajiet ġodda bis-saħħa ta’ teknoloġiji li qed jevolvu malajr u atturi ġodda li qed ifiġġu. Billi tfittex sinerġiji bejn l-industriji ċivili, spazjali u tad-difiża fil-programmi tal-UE, l-UE se tagħmel użu aktar effettiv tar-riżorsi u t-teknoloġiji u toħloq ekonomiji ta’ skala.

Bit-tranżizzjoni tal-industrija tal-Ewropa għan-newtralità klimatika, id-dipendenza fuq il-karburanti fossili disponibbli tista’ tiġi sostitwita bid-dipendenza fuq materja prima mhux enerġetika, li ħafna minnha nġibuha minn barra u li l-kompetizzjoni globali għaliha qed issir aktar intensa. Spinta fl-użu tar-riċiklaġġ u l-użu tal-materja prima sekondarja se tgħin biex titnaqqas din id-dipendenza.

Id-domanda għall-materja prima hija mistennija tirdoppja sal-2050, li tagħmel is-separazzjoni diversifikata essenzjali biex tiżdied is-sigurtà tal-provvista tal-enerġija tal-Ewropa. Il-materja prima kritika hija wkoll kruċjali għal swieq bħall-elettromobilità, il-batteriji, l-enerġija rinnovabbli, il-prodotti mediċinali, l-ajruspazju, id-difiża u l-applikazzjonijiet diġitali.

L-aċċess għall-prodotti mediċinali u l-farmaċewtika huwa kruċjali bl-istess mod għas-sigurtà u l-awtonomija tal-Ewropa fid-dinja tal-lum. Se tiġi ppreżentata strateġija tal-UE ġdida għall-Farmaċewtika, b’enfasi fuq id-disponibbiltà, l-affordabilità, is-sostenibbiltà u s-sigurtà tal-provvista tal-farmaċewtika. Dan ġie enfasizzat minn avvenimenti reċenti marbutin mat-tifqigħa tal-marda Coronavirus tal-2019 (COVID-19).

Nagħmluha realtà

ÆSegwitu għall-Komunikazzjoni dwar il-5G 11 u r-Rakkomandazzjoni dwar iċ-ċibersigurtà ta’ netwerks 5G 12 .

ÆPjan ta’ Azzjoni għas-sinerġiji bejn l-industriji ċivili, tad-difiża, u spazjali, inkluż fil-livell tal-programmi, tat-teknoloġiji, tal-innovazzjoni, u tan-negozji ġodda. 

ÆStrateġija tal-UE ġdida għall-Farmaċewtika fl-2020, inkluż azzjonijiet biex tiġi żgurata l-provvista u tiġi żgurata l-innovazzjoni għall-pazjenti.

ÆPjan ta’ Azzjoni għall-Materja Prima Kritika, inklużi sforzi biex jitwessgħu is-sħubijiet internazzjonali dwar l-aċċess għall-materja prima.

5. Ngħaqqdu l-punti bejniethom: Approċċ ta’ sħubija għall-governanza

L-industrija tal-Ewropa trid tapprofitta mill-karatteristiċi u l-punti b’saħħithom tagħha: l-integrazzjoni tul ktajjen tal-valur u l-fruntieri, id-diversità, it-tradizzjonijiet u n-nies tagħha. Fl-istess ħin li t-tranżizzjonijiet tewmin qed jaqbdu r-ritmu u l-kompetizzjoni globali qed tiqliel, l-industrija tal-Ewropa wkoll qed tittrasforma ruħha. Bħala parti minn dan, hemm aktar konnessjonijiet bejn prodotti u servizzi differenti bejn is-setturi.

Fl-istess ħin li tiffoka fuq teknoloġiji speċifiċi, l-Ewropa għandha bżonn ukoll tħares mill-qrib lejn l-opportunitajiet u l-isfidi li l-ekosistemi industrijali għandhom    quddiemhom. Dawn l-ekosistemi jinkludu l-atturi kollha li joperaw f’katina tal-valur: mill-iżgħar negozju fil-bidu sal-akbar kumpaniji, mill-akkademja sar-riċerka, mill-provdituri tas-servizzi sal-fornituri. U kollha kemm huma għandhom il-karatteristiċi tagħhom.

Hija u tibni fuq il-ħidma tar-Roundtable Industrijali ta’ Livell Għoli tal-Kummissjoni Ewropea “Industrija 2030”, il-Forum Strateġiku dwar l-IPCEIs u korpi oħra, il-Kummissjoni se tagħmel analiżi sistematika tal-ekosistemi differenti u tivvaluta r-riskji u l-ħtiġijiet differenti tal-industrija hija u s-salpa fuq it-tranżizzjonijiet tewmin f’dinja aktar kompetittiva. Se tħares lejn kwistjonijiet li jinkludu l-ħiliet tar-riċerka u l-innovazzjoni, ir-rwol tal-SMEs u tal-kumpaniji l-kbar, kif ukoll kwalunkwe pressjonijiet jew dipendenzi esterni.

Hija u tagħmel din l-analiżi, il-Kummissjoni se taħdem mill-qrib ma’ Forum Industrijali miftuħ u inklużiv magħmul minn rappreżentanti tal-industrija, inklużi tal-SMEs, tal-kumpaniji kbar, tal-imsieħba soċjali, kif ukoll tal-Istati Membri u tal-istituzzjonijiet tal-UE. Fejn meħtieġ, l-esperti minn setturi speċifiċi se jintalbu jaqsmu l-għarfien tagħhom.

Din il-ħidma tista’ turi li xi ekosistemi, minħabba n-natura jew il-ħtiġijiet speċifiċi tagħhom jirrikjedu appoġġ iddedikat u mfassal apposta. Dan l-appoġġ jista’ jieħu l-forma ta’ azzjoni regolatorja, il-ftuħ tal-bieb għall-finanzjament jew billi jsir l-aħjar użu tal-istrumenti għad-difiża tal-kummerċ. Dan imbagħad jifforma sett ta’ għodod iddedikati. Il-progress se jiġi mmonitorjat fuq bażi kontinwa, f’kooperazzjoni mal-Parlament Ewropew u l-Kunsill.

Fejn jiġi identifikat li huwa meħtieġ, l-approċċ tal-alleanzi industrijali jista’ jkun l-għodda xierqa. Dan diġà wera s-siwi tiegħu fil-qasam tal-batteriji, tal-plastik u tal-mikroelettronika. . L-Alleanza Ewropea tal-Batteriji rnexxielha tressaq l-UE għal pożizzjoni ta’ mexxej industrijali f’din it-teknoloġija ewlenija. L-alleanzi jistgħu jidderieġu l-ħidma u jgħinu fil-finanzjament ta’ proġetti kbar b’effett konsegwenzjali pożittivi madwar l-Ewropa, billi jużaw l-għarfien tal-SMEs, tal-kumpaniji l-kbar, tar-riċerkaturi u tar-reġjuni biex jgħinu fit-tneħħija tal-ostakli għall-innovazzjoni u jtejbu l-koerenza tal-politika.

L-Idroġenu Nadif huwa eżempju prim ta’ fejn dan jista’ jkollu valur miżjud reali. Għandu natura rivoluzzjonarja u jeħtieġ koordinazzjoni akbar tul il-katina tal-valur. F’dan l-ispirtu, il-Kummissjoni appik li tipproponi t-tnedija tal-Alleanza Ewropea għall-Idroġenu Nadif li tlaqqa’ l-investituri flimkien ma’ sħab governattivi, istituzzjonali u industrijali. L-Alleanza se tibni fuq il-ħidma li diġà saret biex tidentifika l-ħtiġijiet teknoloġiċi, l-opportunitajiet ta’ investiment u l-ostakli u l-abilitaturi regolatorji. L-alleanzi futuri għandhom jinkludu wkoll l-industriji b’emissjonijiet baxxi ta’ karbonju, il-Clouds u l-Pjattaformi Industrijali u l-materja prima.

Nagħmluha realtà

ÆFuq il-bażi tal-mudell li rnexxa tal-alleanzi industrijali, se tiġi varata Alleanza Ewropea għall-Idroġenu Nadif. Għandhom isegwu alleanzi għall-industriji b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju, il-Clouds u l-Pjattaformi Industrijali u l-materja prima meta jkunu lesti.

ÆIl-Kummissjoni se tagħmel skrinjar u analiżi bir-reqqa tal-ħtiġijiet industrijali u tidentifika l-ekosistemi li jeħtieġu approċċ imfassal apposta.

ÆForum Industrijali inklużiv u miftuħ se jiġi stabbilit sa Settembru 2020 biex jappoġġa din il-ħidma.

6.Konklużjoni

Din l-istrateġija tqiegħed il-pedamenti għal politika industrijali li se tappoġġa t-tranżizzjonijiet tewmin, tagħmel l-industrija tal-UE aktar kompetittiva globalment u ssaħħaħ l-awtonomija strateġika tal-Ewropa.

Minħabba l-implikazzjonijiet soċjali sinifikanti tat-tibdil li għandna quddiemna, id-djalogu mal-imsieħba soċjali u s-soċjetà ċivili se jkun essenzjali. Il-Jiem tal-Industrija annwali tal-Kummissjoni se jkomplu jkunu attività importanti li tlaqqa’ l-atturi kollha flimkien. Il-Kummissjoni se tipproponi li l-Presidenzi tal-Kunsill u l-Istati Membri interessati jospitaw Jiem tal-Industrija fil-pajjiżi tagħhom stess.

Il-Kummissjoni se tistinka biex iżżid is-sjieda politika tal-istrateġija, u tissuġġerixxi li jkun hemm punt ta’ aġġornament dwar il-progress fil-laqgħat tal-Kunsill dwar il-Kompetittività u fil-Parlament Ewropew. Dan se jsir abbażi ta’ monitoraġġ regolari tal-implimentazzjoni tal-istrateġija u analiżi ta’ sett ta’ indikaturi tal-prestazzjoni ewlenin.

Huwa bis-saħħa ta’ impenn kondiviż mill-UE, l-Istati Membri u r-reġjuni tagħha, l-industrija, l-SMEs u l-partijiet ikkonċernati rilevanti l-oħrajn kollha fi sħubija mġedda biss li l-Ewropa tkun tista’ tieħu l-aħjar li tista mit-trasformazzjoni industrijali. Il-Kunsill Ewropew ta’ Marzu 2020 joffri opportunità biex din is-sħubija mġedda tiġi appoġġata fuq il-bażi ta’ viżjoni u objettivi komuni.

(1)

   COM(2019) 640 final.

(2)

   COM(2020) 67 final.

(3)

Qed tiġi adottata Strateġija ddedikata għall-SMEs fl-istess ħin ta’ din il-Komunikazzjoni – Strateġija għall-SMEs għal Ewropa sostenibbli u diġitali, COM (2020) 103 final.

(4)

   COM(2020) 66 final.

(5)

   Il-Komunikazzjoni u r-Rapport li jakkumpanjaha dwar l-Identifikazzjoni u l-Indirizzar tal-ostakli għas-suq uniku, COM(2020) 93 final.

(6)

   Pjan ta’ azzjoni fit-tul għal implimentazzjoni u infurzar aħjar tar-regoli tas-suq uniku, COM(2020) 94 final.

(7)

   COM(2020) 22 final.

(8)

   COM(2020) 98 final.

(9)

   COM(2020) 80 final.

(10)

   Ir-Regolament (UE) 2019/452.

(11)

   COM(2020) 50 final.

(12)

   C(2019) 2335 final.

Top