EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52020DC0068

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI Ir-Rumanija Rapport imħejji f’konformità mal-Artikolu 126(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

COM/2020/68 final

Brussell, 14.2.2020

COM(2020) 68 final

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI

Ir-Rumanija

Rapport imħejji f’konformità mal-Artikolu 126(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea


RAPPORT TAL-KUMMISSJONI

Ir-Rumanija

Rapport imħejji f’konformità mal-Artikolu 126(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

1.    Daħla

L-Artikolu 126 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (it-Trattat) jistabbilixxi l-proċedura ta’ żbilanċ eċċessiv (PŻE). Din il-proċedura hija speċifikata iktar fir-Regolament (KE) Nru 1467/97 dwar li titħaffef u li tiġi ċċarata l-implimentazzjoni tal-proċedura ta’ defiċit eċċessiv 1 , li hija parti mill-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir (PST).

Skont l-Artikolu 126(2) tat-Trattat, il-Kummissjoni trid tieħu ħsieb li jkun hemm konformità mad-dixxiplina baġitarja fuq il-bażi ta' żewġ kriterji, jiġifieri: (a) jekk il-proporzjon tal-iżbilanċ tal-gvern ippjanat jew attwali għall-prodott domestiku gross (PDG) jeċċedix il-valur ta’ referenza ta’ 3 %, sakemm il-proporzjon ma jkunx naqas b’mod sostanzjali u kontinwu u jkun laħaq livell li huwa qrib il-valur ta’ referenza, jew inkella l-qbiż tal-valur ta’ referenza jkun biss eċċezzjonali u temporanju u l-proporzjon jibqa’ qrib il-valur ta’ referenza; u (b) jekk il-proporzjon tad-dejn tal-gvern għall-PDG jaqbiżx il-valur ta’ referenza ta’ 60 %, sakemm ma jkunx qiegħed jonqos biżżejjed u joqrob il-valur ta’ referenza b’pass sodisfaċenti.

L-Artikolu 126(3) tat-Trattat jistipula li, jekk Stat Membru ma jissodisfax il-ħtiġijiet ta’ wieħed minn dawn il-kriterji jew tat-tnejn li huma, il-Kummissjoni jkollha tħejji rapport. Dan ir-rapport irid ukoll “iqis jekk id-dejn tal-gvern ikunx jeċċedi n-nefqa tal-gvern f’investiment u jqis il-fatturi kollha relevanti, inkluża l-pożizzjoni ekonomika u tal-estimi għall-futur medju tal-Istat Membru”.

Ir-Rumanija ilha taħt Proċeduri ta’ Devjazzjoni Sinifikanti (SDP) konsekuttivi, taħt il-parti preventiva tal-PST mir-rebbiegħa tal-2017. B’konsegwenza tad-devjazzjoni sinifikanti mir-Rumanija mill-objettiv ta’ terminu medju tagħha (MTO) fl-2016, il-Kunsill nieda SDP fir-rebbiegħa tal-2017. Minn dak iż-żmien, il-Kunsill ħareġ rakkomandazzjonijiet darbtejn fis-sena li għalihom ir-Rumanija wieġbet b'azzjoni effettiva, u b’mod ripetut iddevjat sinifikattivament mill-perkors ta aġġustament rakkomandat.

Id-data notifikata mill-awtoritajiet Rumeni fit-30 ta’ Settembru 2019 2 u sussegwentement ivvalidata mill-Eurostat 3 turi li d-defiċit nominali tal-gern ġenerali fir-Rumanija laħaq it-3,0 % tal-PDG fl-2018 filwaqt li d-dejn kien 35,0 % tal-PDG. Għall-2019, in-notifika ppjanat defiċit nominali tal-gern ġenerali ta’ 2,8 % tal-PDG. Filwaqt li jikkunsidraw iċ-ċifri tal-PDG riveduti mill-uffiċċju nazzjonali tal-itatistika wara l-pubblikazzjoni tal-istqarrija għall-istampa tal-Eurostat, il-proporzjonijiet nominali nibdlu ftit, u d-defiċit kien ta’ 2,9 % tal-PDG u d-dejn kien 34,7 % tal-PDG fl-2018.

Fl-10 ta’ Diċembru 2019, il-gvern adotta u bagħat lill-Parlament l-Istrateġija Fiskali-Baġitarja tiegħu għall-2020-22 (l-Istrateġija Fiskali), b’mira tad-defiċit fuq il-bażi tad-dovuti ta’ 3,8 % tal-PDG fl-2019.

Iċ-ċifra ppjanata għad-defiċit tal-2019 tipprovdi evidenza prima facie li jeżisti defiċit eċċessiv fir-Rumanija kif stabbilit mit-Trattat madankollu qabel jitqiesu l-fatturi kollha hawn isfel.

Tabella 1. Defiċit u dejn tal-amministrazzjoni pubblika (% tal-PDG)

 

2015

2016

2017

2018

2019

2020

2021

COM

FS

COM

FS

COM

FS

Bilanċ tal-amministrazzjoni pubblika

-0,6

-2,6

-2,6

-2,9

-4,0

-3,8

-4,9

-3,6

-6,9

-3,4

Dejn gross tal-amministrazzjoni pubblika

37,8

37,3

35,1

34,7

35,7

36,4

37,8

37,1

41,9

37,8

Sorsi: Tbassir tax-xitwa tal-Kummissjoni għall-2020 estiż bil-varjabbli fiskali (COM) u l-Istrateġija Fiskali 2020-22 (SF)

Il-Kummissjoni għalhekk ħejjiet ir-rapport preżenti. L-iskop tiegħu huwa li jivvaluta b’mod komprensiv it-tluq ippjanat mill-kriterju tad-defiċit, b’rispett dovut tal-isfond ekonomiku u tal-fatturi rilevanti l-oħra kollha, biex jiġi eżaminat jekk it-tnedija tal-proċedura ta’ defiċit eċċessiv kenitx ġustifikata. Taqsima 2 tar-rapport teżamina l-kriterju tad-defiċit. Taqsima 3 teżamina l-kriterju tad-dejn. Taqsima 4 tittratta l-investiment pubbliku u fatturi rilevanti oħra, inkluża l-pożizzjoni ekonomika u baġitarja ta’ terminu medju tar-Rumanija. L-analiżi f'dan ir-rapport hija bbażata fuq it-tbassir interim għax-xitwa tal-Kummissjoni tal-2020 li jinkludi biss ċifri ta’ PDG u ta’ inflazzjoni u għalhekk ġie kkumplimentat għall-iskop ta’ dan ir-rapport bi projettazzjonijiet għall-varjabbli fiskali.

2.Kriterju ta’ defiċit

Ir-Rumanija rreġistrat defiċit tal-amministrazzjoni pubblika ta’ 2,9 % tal-PDG fl-2018. Skont l-Istrateġija Fiskali, id-defiċit ġenerali tar-Rumanija huwa ppjanat li jkun żdied għal 3,8 % tal-PDG fl-2019. Dan huwa ħafna aktar u bogħod mill-valur referenzjarju tat-Trattat ta’ 3 % tal-PDG.

L-eċċess fuq il-valur ta’ referenza tat-Trattat fl-2019 ukoll m’huwiex eċċezzjonali għall-iskopijiet tat-Trattat u l-PST minħabba li ma tirriżulta la minn avveniment mhux tas-soltu u lanqas minn tnaqqis qawwi fir-rittmu ekonomiku. It-tbassir tax-xitwa 2020 tal-Kummissjoni jipprojetta tkabbir reali tal-PDG ta’ 3,9 % fl-2019 u 3,8 % fl-2020 filwaqt li d-distakk fl-output huwa proġettat li jkun madwar żero. Elementi ta’ darba ammontaw għal 0,1 % tal-PDG fl-2019 u kienu minħabba rifużjoni tat-taxxa tal-boll għall-ambjent fuq il-karozzi.

Fl-aħħar nett, l-eċċess fuq it-3 % tal-valur referenzjarju tal-PDG mhuwiex temporanju għall-iskopijiet tat-trattat u l-PST. Fil-fatt it-tbassir baġitarju mill-Kummissjoni, u mill-gvern fl-Istrateġija Fiskali, jiprojettaw li d-defiċit jibqa fuq il-valur referenzjarju fl-2020 u l-2021. It-tbassir tax-xitwa tal-2020 tal-Kummissjoni, estiż għall-varjabbli fiskali, jipprojetta defiċit tal-amministrazzjoni pubblika ta’ 4,0 % tal-PDG fl-2019, 4,9 % fl-2020 u 6,9 % fl-2021. Iż-żieda mbassra fid-defiċit hija xprunata l-aktar minn żidiet sinifikanti fil-pensjonijiet li ġew ippromulgati fis-sajf tal-2019, b’mod partikolari żieda fil-pensjonijiet ta’ 40 % skedata għal Settembru 2020 u żieda oħra ta’ rikalkulazzjoni ta’ pensjonijiet skedata għal Settembru 2021. Barra minn hekk, bejn Diċembru 2019 u Jannar 2020, l-awtoritajiet adottaw tnaqqis ġdid fit-taxxa (tnaqqis tad-dazji tas-sisa fuq il-fjuwil u tal-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali fuq ħaddiema part-time u t-tneħħija ta’ taxxi speċjali fuq is-setturi bankarji u tal-enerġija) u rdoppjaw l-allowance tat-tfal (li għandha tidħol fis-seħħ minn Awwissu 2020). Fl-istrateġija Fiskali, il-gvern jipprojetta defiċit tal-amministrazzjoni pubblika ta’ 3,6 % tal-PDG fl-2020 u 3,4 % fl-2021.
It-tbassir tad-defiċit aktar baxx fl-Istrateġija Fiskali, meta mqabbel mal-previżjoni tal-Kummissjoni, jirriżulta, b’mod partikolari, minn: (1) projezzjonijiet makroekonomiċi sottostanti aktar ottimisti; (2) moderazzjoni ta’ nfiq previst fuq oġġetti u servizzi, li mhuwiex appoġġjat b’mod sħiħ minn miżuri fis-seħħ; (3) il-fatt li l-Istrateġija Fiskali tidher li ma tqisx l-impatt baġitarju sħiħ taż-żidiet tal-pensjonijiet promulgati, b’mod partikolari fl-2021 u lil hinn; (4) il-fatt li l-Istrateġija Fiskali ma tqisx l-impatt tat-tnaqqis fit-taxxi u l-irduppjar tal-allowance għat-tfal.

Fil-qosor, id-defiċit ippjanat għall-2019 huwa ogħla u mhux qrib il-valur referenzjarju tat-Trattat ta’ 3 % tal-PDG. L-eċċess jitqies li la huwa eċċezzjonali u lanqas temporanju għall-finijiet tat-Trattat u tal-PST. L-analiżi għalhekk tissuġġerixxi li prima facie l-kriterju tad-defiċit għall-fini tat-Trattat u r-Regolament (KE) Nru 1467/97 mhux sodisfatt. Madankollu, jitqiesu l-fatturi rilevanti kollha stabbiliti hawn taħt.

3.Il-kriterju tad-dejn

Id-dejn tal-amministrazzjoni pubblika tar-Rumanija kien jammonta għal 34,7 % tal-PDG fl-2018. Kemm l-Istrateġija Fiskali kif ukoll it-tbassir tax-xitwa 2020 tal-Kummissjoni jipprevedu li d-dejn ġenerali tal-gvern se jiżdied sal-2021 iżda li jibqa’ taħt il-valur ta’ referenza tat-Trattat. Skont l-Istrateġija Fiskali, id-dejn huwa previst li jiżdied għal 37,8 % fl-2021. It-tbassir tax-xitwa 2020 tal-Kummissjoni jipprevedi żieda aktar qawwija, għal 41,9 % fl-2021. Id-differenza bejn iż-żewġ settijiet ta’ projezzjonijiet tirriżulta prinċipalment minn defiċits tal-amministrazzjoni pubblika ppjanati aktar baxxi fl-Istrateġija Fiskali.

Ir-Rumanija għalhekk tikkonforma mal-kriterju tad-dejn kif definit fit-Trattat u fir-Regolament (KE) Nru 1467/97.

4.    Fatturi Rilevanti

L-Artikolu 126(3) tat-Trattat jipprevedi li r-rapport tal-Kummissjoni “għandu jqis ukoll jekk id-defiċit tal-gvern jaqbiżx l-infiq tal-gvern f’investiment u jqis il-fatturi l-oħra kollha rilevanti, inkluża l-pożizzjoni ekonomika u baġitarja tal-Istat Membru fuq perjodu ta’ żmien medju”. Dawk il-fatturi huma ċċarati aktar fl-Artikolu 2(3) tar-Regolament (KE) Nru 1467/97, li jipprovdi wkoll li “kwalunkwe fattur ieħor li, fl-opinjoni tal-Istat Membru kkonċernat, huwa rilevanti sabiex tiġi vvalutata b’mod komprensiv il-konformità mal-kriterji tad-defiċit u d-dejn u li l-Istat Membru ressaq lill-Kunsill u lill-Kummissjoni” jeħtieġ li jingħata kunsiderazzjoni xierqa.

Skont l-Artikolu 2(4) tar-Regolament (KE) Nru 1467/97, kull meta l-proporzjon tad-dejn tal-gvern mal-PDG ma jaqbiżx il-valur ta’ referenza, se jitqiesu l-fatturi rilevanti fil-passi li jwasslu għad-deċiżjoni dwar l-eżistenza ta’ defiċit eċċessiv previst fil-paragrafi 4, 5 u 6 tal-Artikolu 126 tat-Trattat.

Fid-dawl ta’ dawk id-dispożizzjonijiet, is-subsezzjonijiet li ġejjin iqisu min-naħa tagħhom (1) il-pożizzjoni ekonomika fuq perjodu ta’ żmien medju; (2) il-pożizzjoni baġitarja fuq terminu medju, inkluża valutazzjoni tal-konformità mal-perkors ta’ aġġustament lejn l-OTM, l-iżvilupp tal-investiment pubbliku u l-funzjonament tal-qafas fiskali nazzjonali; (3) l-iżviluppi fil-pożizzjoni tad-dejn tal-gvern għal perjodu ta’ żmien medju, id-dinamika u s-sostenibbiltà tagħha; kif ukoll (4) fatturi oħra ppreżentati mill-Istat Membru.

4.1.    Pożizzjoni ekonomika fuq medda medja ta’ żmien

Il-PDG reali kien qed jikber b’mod robust f’dawn l-aħħar snin, xprunat mill-konsum. It-tkabbir potenzjali tal-PDG huwa għoli iżda projettat li jonqos gradwalment, minħabba tnaqqis fir-ritmu tat-tkabbir tal-produttività totali u xejriet demografiċi negattivi. Ir-Rumanija għamlet progress limitat fir-rigward tar-riformi strutturali.

Kundizzjonijiet ċikliċi u tkabbir potenzjali

Il-PDG reali kien qed jikber b’mod robust f’dawn l-aħħar snin, xprunat mill-konsum. It-tkabbir reali tal-PDG laħaq l-ogħla livell ta’ 7,1 % fl-2017 u minn hemm’ il quddiem immoderat għal 4,4 % fl-2018 u mistenni li t-tbassir tax-xitwa 2020 tal-Kummissjoni jkun ta’ 3,9 % fl-2019. Il-konsum privat baqa’ l-ixprun ewlieni tat-tkabbir, ir-riżultat ta’ suq tax-xogħol ristrett u żidiet għoljin fil-pagi, b’mod partikolari fis-settur pubbliku. L-investiment huwa mistenni li jkun ta kontribut sinifikanti għat-tkabbir fl-2019, appoġġat prinċipalment bil-kostruzzjoni. Il-kontribut tal-esportazzjonijiet netti għat-tkabbir tal-PDG kien negattiv mill-2014 f’kuntest ta’ telf gradwali fil-kompetittività tal-ispejjeż. Fl-2019 sar saħansitra aktar negattiv hekk kif it-tkabbir fl-esportazzjonijiet naqas aktar minn dak tal-importazzjonijiet. Id-domanda esterna kajmana kienet l-ixprun ewlieni wara t-tkabbir tal-esportazzjoni aktar dgħajjef u wasslet ukoll għal tnaqqis fil-produzzjoni industrijali. B’riżultat ta’ dan, id-defiċit fil-kont kurrenti żdied b’mod stabbli, u laħaq il-mira ta’ 5,1 % tal-PDG fl-2019.

It-tkabbir reali tal-PDG huwa mbassar mill-Kummissjoni li jimmodera iżda jibqa’ b’saħħtu ta’ 3,8 % fl-2020 u 3,5 % fl-2021. L-istimolu fiskali sinifikanti ppjanat fl-2020 u l-2021 huwa mistenni li jagħti spinta ġdida lill-konsum privat filwaqt li jistimula wkoll l-importazzjonijiet. L-investiment huwa mistenni li jibqa’ b’saħħtu fl-2020, appoġġat mill-kostruzzjoni u ppjanat aktar użu tal-fondi ta’ investiment tal-UE. Il-kontribut tal-esportazzjonijiet netti huwa mistenni li jibqa’ negattiv matul il-perjodu ta’ tbassir, u b’hekk jikkontribwixxi għad-deterjorament tad-defiċit fil-kont kurrenti li diġà huwa għoli.

Skont l-estimi tal-Kummissjoni, abbażi tal-previżjoni tax-xitwa tal-2020, it-tkabbir potenzjali tal-PDG huwa projettat li jonqos gradwalment, minn 4,7 % fl-2018 għal 3,9 % fl-2021. Il-produttività tal-fatturi totali hija mistennija li tnaqqas ir-ritmu, iżda tibqa’ l-kontributur ewlieni għat-tkabbir potenzjali tal-PDG. Il-kontribuzzjoni tal-akkumulazzjoni tal-kapital hija pproġettata li tibqa’ relattivament stabbli. Min-naħa l-oħra, il-kontribuzzjoni (diġà żgħira) ta’ xogħol hija prevista li ssir negattiva, prinċipalment minħabba t-tnaqqis fix-xejra tal-popolazzjoni fl-età tax-xogħol.

Huwa previst li l-marġni tal-potenzjal tal-produzzjoni naqas għal 0,1 % tal-PDG potenzjali fl-2019, minn 0,6 % fl-2018. Huwa pprojettat mill-Kummissjoni li wara ssir xi ftit negattiva wara, għal -0,1 % fl-2020 u -0,5 % fl-2021.

Tabella 2: Żviluppi makroekonomiċi u baġitarji (% tal-PDG)

Riformi strutturali

Fi Frar 2019, il-Kummissjoni kkonkludiet li r-Rumanija kienet qed tesperjenza żbilanċi makroekonomiċi 4 . Il-Kummissjoni sabet li l-vulnerabbiltajiet huma marbuta ma’ telf fil-kompetittività tal-kostijiet u żieda fid-defiċit tal-kont kurrenti f’kuntest ta’ politika fiskali espansjonarja u ambjent tan-negozju imprevedibbli. F’Lulju 2019, il-Kunsill ħareġ rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż 5 li jitolbu miżuri biex jiġu indirizzati dawn l-iżbilanċi, fost kwistjonijiet strutturali oħra. 

B’mod partikolari, il-Kunsill irrakkomanda li r-Rumanija tiżgura l-applikazzjoni sħiħa tal-qafas fiskali, issaħħaħ il-konformità u l-ġbir tat-taxxa, tissalvagwardja l-istabbiltà finanzjarja u r-robustezza tas-settur bankarju, tiżgura s-sostenibbiltà tas-sistema tal-pensjonijiet pubbliċi u l-vijabbiltà fit-tul tal-fondi tal-pensjonijiet tat-tieni pilastru, tiżgura l-istabbiliment tal-paga minima abbażi ta’ kriterji oġġettivi, u tiżgura li l-inizjattivi leġiżlattivi ma jimminawx iċ-ċertezza legali u jsaħħu l-governanza korporattiva tal-intrapriżi tal-istat.

L-awtoritajiet komplew jidderogaw mir-regoli li jinsabu fil-qafas fiskali nazzjonali, u b’hekk ġabuhom ineffettivi.

Il-proporzjonijiet ta’ konformità għall-preżentazzjoni tad-dikjarazzjonijiet tat-taxxa baqgħu relattivament stabbli. Id-diskrepanza tal-VAT hija stmata li waqgħet fl-2017 u fl-2018. Madankollu, għadha fost l-ogħla fl-UE.
L-awtoritajiet tat-taxxa ma laħqux il-miri tagħhom ta’ ġbir tad-dħul għall-2019, parzjalment minħabba pronjożi ottimista żżejjed ta’ dawk il-miri.

Is-sostenibbiltà tas-sistema pubblika tal-pensjonijiet marret għall-agħar bis-sistema l-ġdida tal-liġi tal-pensjonijiet, adottata fis-sajf tal-2019 li żżid b’mod sinifikanti l-infiq pubbliku fuq il-pensjonijiet f’perjodu qasir ħafna. Min-naħa l-oħra, fil-bidu tal-2020, ir-Rumanija ħassret jew emendat parti mid-dispożizzjonijiet legali li heddew il-vijabbiltà fit-tul tal-fondi tal-pensjonijiet tat-tieni pilastru.

Fil-bidu tal-2020, ir-Rumanija neħħiet ukoll it-taxxa tal-bank fuq l-assi totali, filwaqt li indirizzat it-tħassib rigward l-istabbiltà finanzjarja u r-robustezza tas-settur bankarju.

Skont l-awtoritajiet, iż-żieda fil-paga minima mill-1 ta’ Jannar 2020 kienet ibbażata fuq formula li tqis diversi indikaturi ekonomiċi. Madankollu, mekkaniżmu oġġettiv mhuwiex fis-seħħ.

Fir-rigward tal-prevedibbiltà tat-teħid tad-deċiżjonijiet, l-għadd ta’ ordinanzi ta’ emerġenza għadu għoli ħafna, filwaqt li għad hemm nuqqas ta’ valutazzjoni tal-impatt regolatorju ex-ante u l-kwalità tal-konsultazzjonijiet pubbliċi qed tiddeterjora. Il-liġi dwar il-governanza korporattiva tal-intrapriżi tal-Istat għadha biss applikata b’mod laxk.

4.2.    Pożizzjoni baġitarja fuq medda medja ta’ żmien

Mill-2016, ir-Rumanija ilha ssegwi politika fiskali espansjonarja bbażata fuq tnaqqis fit-taxxi u żidiet fl-infiq attwali. Id-defiċit strutturali huwa stmat mill-previżjoni tax-xitwa 2020 tal-Kummissjoni (estiża b’varjabbli fiskali) li żdied minn 0.2 % tal-PDG fl-2015 għal 3.9 % fl-2019. Mir-rebbiegħa tal-2017, il-Kunsill ħareġ rakkomandazzjonijiet darbtejn fis-sena taħt l-SDP, li r-Rumanija ma weġbitx għalihom b’azzjoni effettiva, li ripetutament iddevjaw b’mod sinifikanti mill-perkors ta’ aġġustament rakkomandat. L-awtoritajiet b’mod sistematiku ngħataw deroga mir-regoli fiskali nazzjonali, u b’hekk irrenduhom ineffettivi.

Bilanċ strutturali u aġġustament lejn l-OTM

OTM u bilanċ strutturali

Fil-programm ta’ Konverġenza tagħha tal-2019, ir-Rumanija kkonfermat l-OTM tagħha għall-pożizzjoni baġitarja bħala bilanċ strutturali ta’ -1,0 % tal-PDG. Dan l-OTM iqis ir-rekwiżiti tat-Trattat dwar l-Istabbiltà, il-Koordinazzjoni u l-Governanza fl-Unjoni Ekonomika u Monetarja.

Mill-2016, ir-Rumanija ilha ssegwi politika fiskali espansjonarja bbażata fuq tnaqqis fit-taxxi u żidiet fl-infiq attwali. Bħala konsegwenza, ir-Rumanija tbiegħdet mill-OTM tagħha fl-2016.
Il-bilanċ strutturali ammonta għal -2,8 % tal-PDG fl-2018, ferm inqas mill-OTM tar-Rumanija. Fl-istrateġija Fiskali, ir-Rumanija timmira għal deterjorament tal-bilanċ strutturali fl-2019 u titjib gradwali strutturali fl-2020–2022 iżda ma tippjanax li tilħaq l-OTM tagħha sal-2022. Skont it-tbassir tax-xitwa 2020 tal-Kummissjoni, estiż b’varjabbli fiskali, id-defiċit strutturali huwa mistenni li jiżdied b’mod kostanti u sinifikanti bejn l-2018 u l-2021, xprunat miż-żieda proġettata tad-defiċit nominali.

Konformità mal-aġġustament rakkomandat lejn l-OTM

Ir-Rumanija ilha taħt SDPs konsekuttivi mir-rebbiegħa tal-2017. Bħala konsegwenza tad-devjazzjoni sinifikanti mir-Rumanija mill-OTM tagħha fl-2016, il-Kunsill nieda SDP fir-rebbiegħa 2017. Minn dak iż-żmien, il-Kunsill ħareġ rakkomandazzjonijiet darbtejn fis-sena li għalihom ir-Rumanija wieġbet b'azzjoni effettiva, u b’mod ripetut iddevjat sinifikattivament mill-perkors ta aġġustament rakkomandat. L-aħħar Rakkomandazzjoni, adottata mill-Kunsill fil-5 ta’ Diċembru 2019, titlob lir-Rumanija biex tiżgura li r-rata ta’ tkabbir nominali tal-infiq pubbliku primarju, mingħajr miżuri ta’ dħul diskrezzjonali u miżuri ta’ darba, ma taqbiżx l-4,4 % fl-2020, li tikkorrispondi għal aġġustament strutturali annwali ta’ 1,0 % tal-PDG.

Kalkoli bbażati fuq it-tbassir tax-xitwa 2020 tal-Kummissjoni, estiżi b’varjabbli fiskali, jindikaw riskju ta’ devjazzjoni sinifikanti miż-żewġ punti ta’ riferiment fl-2020.

Tabella 3: Sommarju tar-Rakkomandazzjonijiet tal-SDP lir-Rumanija

Rakkomandazzjoni tal-Kunsill

Titjib strutturali rakkomandat (% tal-PDG)

Sforz strutturali fiż-żmien tal-valutazzjoni (% tal-PDG)

Konklużjoni tal-kunsill

Ħarifa 2019

1,0 fl-2020

Rebbiegħa 2019

1,0 fl-2019, 0,75 fl-2020

-0,8 fl-2019, -0,8 fl-2020

L-ebda azzjoni

Ħarifa 2018

1,0 fl-2019

-0,7 fl-2019

L-ebda azzjoni

Rebbiegħa 2018

0,8 fl-2018, 0,8 fl-2019

0,0 fl-2018, -0,1 fl-2019

L-ebda azzjoni

Ħarifa 2017

0,8 fl-2018

-0,4 fl-2018

L-ebda azzjoni

Rebbiegħa 2017

0,5 fl-2017

-1,1 fl-2017

L-ebda azzjoni

Investiment pubbliku

L-investiment pubbliku laqat adeżjoni wara l-UE ta’ livell baxx ta’ 2,6 % tal-PDG fl-2017, u żdied biss bi ftit, għal 2,7 % tal-PDG, fl-2018. Dan huwa inqas mill-medja tal-UE u ħafna inqas mill-medja għall-pajjiżi ġirien. It-tbassir tax-xitwa 2020 tal-Kummissjoni, estiż mal-varjabbli fiskali għall-finijiet ta’ dan ir-rapport, ibassar l-investiment pubbliku li żdied għal 3,2 % tal-PDG fl-2019.

Qafas fiskali nazzjonali

Il-liġi dwar ir-Responsabbiltà Fiskali tistabbilixxi regoli fiskali numeriċi nazzjonali sabiex jiggwidaw il-proċess baġitarju. Din fiha regola dwar id-defiċit strutturali, li tirrikjedi konformità ma’ jew konverġenza għall-MTO ta’ bilanċ strutturali ta’ -1,0 % tal-PDG Il-qafas nazzjonali fih ukoll diversi regoli awżiljarji li jikkonċernaw il-bilanċ tal-baġit u l-infiq u d-dħul. Barra minn hekk, il-gvern huwa meħtieġ iħejji aġġornament tal-istrateġija fiskali — li tistabbilixxi s-suppożizzjonijiet makroekonomiċi, l-ippjanar baġitarju fuq perjodu ta’ żmien medju u l-limiti massimi tan-nefqa li għandhom jiggwidaw il-proċess tal-baġit annwali — u jibagħtu lill-Parlament sal-15 ta’ Awwissu tas-sena ta’ qabel.

Mill-2016 ‘l hawn, il-gvern b’mod sistematiku u b’mod ripetut idderogat minn ħafna regoli fiskali, u b’hekk sar ineffettiv. B’mod partikolari, il-mira tal-baġit oriġinali tal-2019 ta’ defiċit nominali ta’ 2,8 % tal-PDG (f’termini ta’ flus kontanti) kienet inkonsistenti mar-regola dwar id-defiċit strutturali. L-emendi baġitarji adottati f’Awwissu u Novembru 2019 b’mod addizzjonali ġew derogati minn għadd ta’ regoli fiskali awżiljarji, u, fil-każ tal-aħħar, mir-regola tad-defiċit strutturali, billi żiedu l-mira tal-iżbilanċ tal-2019 għal 4,4 % tal-PDG (f’termini ta’ flus). Barra minn hekk, fl-2019, bħal fis-snin preċedenti, l-awtoritajiet ma bagħtux aġġornament tal-istrateġija fiskali għall-perijodu medju lill-Parlament sal-iskadenza statutorja ta’ Awwissu, u b’hekk jimminaw ir-rwol ta’ gwida tal-istrateġija fiskali. Il-baġit tal-2020 u l-istrateġija fiskali ta’ akkumpanjament ukoll idderogaw mir-regola tal-bilanċ strutturali u minn diversi regoli fiskali awżiljarji.

4.3.    pożizzjoni tad-dejn tal-gvern fuq perjodu ta’ żmien medju

Ir-Rumanija qed taffaċċja riskji ta’ sostenibbiltà fiskali għoljin fuq perjodu medju u twil, xprunati minn defiċits fiskali għoljin u spejjeż ta’ tixjiħ.

Id-dinamika tad-dejn u s-sostenibbiltà tad-dejn 6

Id-dejn tal-amministrazzjoni pubblika tar-Rumanija bħalissa huwa ferm taħt is 60 % tal-valur ta’ referenza tal-PDG (34,7 % tal-PDG fl-2018). Madankollu, minħabba defiċit primarju strutturali għoli, il-proporzjon bejn id-dejn u l-PDG huwa stabbilit b’mod qawwi. Jekk ma jkunx hemm tibdil fil-politika, huwa pprojettat li se jkun hemm ksur ta’ 60 % fl-2025 u jmur lil hinn minn 90 % tal-PDG sal-2030. It-triq tad-dejn hija sensittiva għal xokkijiet ta’ tkabbir, fiskali u tar-rata tal-imgħax. L-istruttura tal-maturità tad-dejn tal-gvern tgħin biex jiġu mitigati l-vulnerabbiltajiet, b’madwar 3,3 % biss tad-dejn ġenerali tal-gvern li għandu maturità ta’ inqas minn sena (1). Madankollu, is-sehem għoli tad-dejn tal-gvern denominat f’munita barranija u l-parteċipazzjonijiet sostanzjali ta’ dejn minn mhux residenti huma sorsi ta’ riskju addizzjonali, kif inhi l-pożizzjoni ta’ investiment internazzjonali netta negattiva.

Il-valur tal-indikatur ta’ identifikazzjoni bikrija tal-istress fiskali (“S0”), żviluppat mill-Kummissjoni Ewropea biex jivvaluta r-riskji fi żmien sena, huwa taħt il-livell limitu kritiku tagħha.

L-indikatur tad-distakk tas-sostenibbiltà għall-perijodu medju (“S1”) juri riskji għoljin.
Dan juri li r-Rumanija tkun teħtieġ aġġustament fiskali ta’ 5.7 pp tal-PDG biex trażżan id-dejn fi ħdan 60 % tal-PDG sal-2034. Dak il-valur huwa fost l-ogħla fost l-Istati Membri.

L-indikatur tad-distakk tas-sostenibbiltà fiskali fit-tul (“S2”) juri wkoll riskji għoljin. Huwa jindika aġġustament fiskali meħtieġ ta’ 8.8 pps tal-PDG biex jiġi żgurat li l-proporzjon tad-dejn pubbliku jistabbilizza fuq terminu twil. Dak il-valur, l-ogħla fost l-Istati Membri, huwa xprunat mill-pożizzjoni baġitarja inizjali għolja (kontribuzzjoni ta’ 5.1 punti perċentwali) u mill-ispejjeż tat-tixjiħ, b’mod partikolari l-pensjonijiet u l-kura tas-saħħa (kontribuzzjoni ta’ 3.7 punti perċentwali).

Il-perċezzjonijiet tas-swieq finanzjarji tar-riskju sovran tar-Rumanija huma fil-livell l-aktar baxx tal-grad ta’ investiment, bi klassifikazzjoni “BBB-” jew rata ekwivalenti tad-dejn sovran mit-tliet aġenziji ta’ klassifikazzjoni ewlenin. Fl-10 ta’ Diċembru 2019, il-klassifikazzjonijiet globali S & P irrevedew il-prospetti tagħhom minn stabbli għal negattiv, minħabba l-pożizzjoni baġitarja tar-Rumanija.

Liġi ġdida dwar il-pensjonijiet

Il-liġi tal-pensjonijiet, promulgata fis-sajf tal-2019, bidlet b’mod sinifikanti diversi parametri tal-iskema tal-pensjonijiet pubbliċi. Dan fih il-bidliet ewlenin li ġejjin: (i) żidiet ad hoc tal-pensjonijiet sal-2021, minflok indiċjar standard: bi 15 % minn Settembru 2019 (diġà inklużi fil-liġi tal-baġit tal-2019), 40 % minn Settembru 2020 u 6 % minn Settembru 2021; (ii) mill-2022’il quddiem, l-indiċjar tal-pensjonijiet se jkun 100 % tar-rata ta’ inflazzjoni miżjuda b’ 50 % tal-medja reali tat-tkabbir fil-pagi gross; (iii) pensjonijiet ġodda se jiġu kkalkolati billi jintuża fid-denominatur perjodu kontributorju fiss ta’ 25 sena, minflok 25–35 sena (skont is-sena tal-irtirar) taħt il-liġi preċedenti; (iv) minn Settembru 2021, il-pensjonijiet eżistenti se jiġu kkalkolati ‘l fuq biex jaqblu ma’ din il-formula ġdida.

Minħabba l-iskeda ta’ implimentazzjoni tagħha, il-liġi hija mistennija li żżid b’mod sinifikanti l-infiq pubbliku fuq il-pensjonijiet f’perjodu qasir. Hija l-motivatur ewlieni taż-żieda rapida mbassra tal-iżbilanċ ġenerali tal-gvern u ta’ riskji għoljin ta’ sostenibbiltà fiskali. Barra minn hekk, il-liġi mhijiex akkumpanjata minn miżuri li għandhom l-għan li jżidu l-parteċipazzjoni fix-xogħol u t-tul tal-ħajja tax-xogħol lil hinn mill-minimu statutorju, li huma essenzjali biex jittejbu kemm l-adegwatezza tal-pensjonijiet kif ukoll is-sostenibbiltà tas-sistema tal-pensjonijiet.

Grafika 1: Nefqa gross fuq il-pensjonijiet pubblika fl-2018–2022

Sors: Kummissjoni Ewropea, Skeda dwar il-pensjonijiet pubbliċi għar-Rapport dwar it-Tixjiħ 2018 — ir-Rumanija (aġġornament tal-2019)

4.4.    Fatturi oħra mressqa mill-Istat Membru

Fis-6 ta’ Frar 2020, l-awtoritajiet Rumeni bagħtu ittra li tippreżenta l-fatturi rilevanti biex il-Kummissjoni tqis fil-valutazzjoni tagħha, skont l-Artikolu 2(3) tar-Regolament (KE) Nru 1467/97.

L-awtoritajiet jargumentaw li d-deterjorament tad-defiċit baġitarju fl-2019 huwa fil-biċċa l-kbira spjegat miż-żieda fin-nefqa tal-persunal, l-assistenza soċjali u l-investiment, filwaqt li d-dħul baqa’ fil-biċċa l-kbira mhux mibdul bħala sehem mill-PDG. Barra minn hekk, l-awtoritajiet jargumentaw li fuq in-naħa tal-infiq, l-eżitu tal-baġit tal-2019 kien affettwat b’mod negattiv minn diversi partiti ta’ darba . 7 .

L-awtoritajiet jindikaw li l-Istrateġija Fiskali turi aġġustament gradwali tad-defiċit tal-baġit fuq medda medja ta’ żmien filwaqt li tibqa’ ogħla mill-valur ta’ referenza sal-2021. L-aġġustament huwa ppjanat wara tliet snin ta’ deterjorament kontinwu fil-baġit. L-awtoritajiet jispjegaw ukoll li l-pass tal-konsolidazzjoni fiskali prevista huwa fil-biċċa l-kbira limitat mill-qafas legali fis-seħħ, b’mod partikolari d-dispożizzjonijiet tal-liġi l-ġdida dwar il-pensjonijiet approvata mill-Parlament fl-2019.

Rigward il-kundizzjonijiet makroekonomiċi, l-awtoritajiet jispjegaw li l-ekonomija tar-Rumanija kibret b’rata reali ta’ 4,1 % fl-ewwel tliet trimestri tal-2019, prinċipalment minħabba l-investiment u l-konsum privat, fost tnaqqis f’dawn tal-aħħar. L-awtoritajiet ibassru li l-PDG reali se jikber b’ 4.0 % fl-2019, b’deċellerazzjoni żgħira meta mqabbla mal-2018 u marġinalment taħt il-livell potenzjali. It-tkabbir nominali aċċellera l-2016 u huwa mistenni mill-awtoritajiet li jibqa’ b’saħħtu fuq perjodu medju ta’ żmien.

Fl-aħħar nett, l-awtoritajiet ifakkru li r-Rumanija introduċiet riforma tal-pensjonijiet bit-tieni pilastru mandatorju tal-fondi tal-pensjonijiet privati flimkien mal-ewwel pilastru “pay-as-you-go” fl-2008. Huma jispjegaw li l-kost annwali tat-tieni pilastru kien bħala medja qrib iż-0,7 % tal-PDG fil-perjodu 2014–15, u huwa mistenni li jkun 0,8 % tal-PDG matul l-2016–2019. Dan huwa konformi mal-istimi tal-Kummissjoni tal-ispejjeż annwali tat-tieni pilastru. Madankollu, id-defiċit baġitarju ppjanat tal-2019 fir-Rumanija jaqbeż b’mod sinifikanti livell li jista’ jitqies qrib il-valur ta’ referenza ta’ 3 % tal-PDG u għalhekk, skont l-Artikolu 2(7) tar-Regolament (KE) Nru 1467/97, l-implikazzjonijiet baġitarji tar-riforma tal-pensjonijiet ma jistgħux jitqiesu fil-valutazzjoni tal-ksur tal-kriterju tad-defiċit.

L-awtoritajiet iżidu li, fil-bidu tal-2020, huma neħħew dispożizzjoni li dgħajfet in-natura obbligatorja tat-tieni pilastru tal-pensjonijiet li kien fis-seħħ fl-2019. Jiġifieri, huma neħħew il-possibbiltà għall-impjegati li jagħżlu l-esklużjoni tat-tieni pilastru tal-pensjonijiet wara ħames snin li jikkontribwixxu għaliha, u li jagħtu direzzjoni ġdida lill-kontribuzzjonijiet annwali tal-pensjonijiet tagħhom għall-ewwel pilastru (l-ordinanza ta’ emerġenza 1/2020, li temenda d-dispożizzjonijiet tal-ordinanza ta’ emerġenza 114/2018).

5.    Konklużjonijiet

Skont l-Istrateġija Fiskali tal-gvern, huwa ppjanat li d-defiċit nominali ġenerali tal-gvern fl-2019 jiżdied għal 3,8 % tal-PDG,’il fuq u mhux qrib il-valur ta’ referenza ta’ 3 % tal-PDG skont it-Trattat. L-eċċess ippjanat fuq il-valur ta’ referenza jitqies li la huwa eċċezzjonali u lanqas temporanju.

Id-dejn gross tal-amministrazzjoni pubblika jibqa’ sew taħt il-valur ta’ referenza ta’ 60 % tal-PGD.

L-analiżi ppreżentata f’dan ir-rapport tinkludi l-valutazzjoni tal-fatturi rilevanti kollha, li skont it-Trattat u l-PST għandhom jitqiesu fl-istadji li jwasslu għad-deċiżjoni dwar l-eżistenza ta’ defiċit eċċessiv kull meta l-proporzjon tad-dejn tal-gvern mal-PDG ma jaqbiżx il-valur ta’ referenza. Il-fatturi rilevanti fil-każ attwali ma jipprovdux elementi ta’ mitigazzjoni u għalhekk ma jbiddlux il-valutazzjoni.

B’mod ġenerali, l-analiżi tissuġġerixxi li l-kriterju tad-defiċit kif definit fit-Trattat u fir-Regolament (KE) Nru 1467/1997 għandu jitqies bħala li ma ġiex rispettat, u li għalhekk hija meħtieġa proċedura ta’ defiċit eċċessiv.

(1) 1    OJ L 209, 2.8.1997, p. 6. Ir-rapport iqis ukoll “L-ispeċifikazzjonijiet dwar l-implimentazzjoni tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir Ekonomiku u l-linji gwida dwar il-format u l-kontenut ta’ programmi ta’ stabbiltà u konverġenza”, adottati mill-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju fil-5 ta’ Lulju 2016, disponibbli hawn:    
http://ec.europa.eu/economy_finance/economic_governance/sgp/legal_texts/index_en.htm .
(2)    kont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 479/2009, darbtejn fis-sena l-Istati Membri jridu jagħtu rendikont lill-Kummissjoni dwar il-livelli ppjanati u attwali tagħhom tal-iżbilanċ u tad-dejn tal-gvern. Tista’ ssib l-aktar notifiki riċenti tar-Rumanija fuq: https://ec.europa.eu/eurostat/web/government-finance-statistics/excessive-deficit-procedure/edp-notification-tables
(3)    Stqarrija għall-istampa tal-Eurostat Nru. 161/2019, https://ec.europa.eu/eurostat/documents/2995521/10064349/2-21102019-AP-EN.pdf/61ae39d7-6764-2a16-ede5-e6da00249c27
(4) Ara l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni COM (2019) 150 final, 27.02.2019 " Is-Semestru Ewropew tal-2019: Valutazzjoni tal-progress tar-riformi strutturali, tal-prevenzjoni u tal-korrezzjoni tal-iżbilanċi makroekonomiċi, u r-riżultati tal-analiżijiet fil-fond skont ir-Regolament (UE) Nru 1176/2011.
(5) Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tad-9 ta' Lulju 2019 dwar il-Programm Nazzjonali ta' Riforma tal-2019 tar-Rumanija u li tagħti opinjoni tal-Kunsill dwar il-Programm ta' Konverġenza tal-2019 tar-Rumanija, ĠU C 301, 5.9.2019, p. 135–142.
(6) Din it-taqsima hija bbażata fuq il-Monitoraġġ tas-Sostenibbiltà tad-Dejn tal-2019 tal-Kummissjoni Ewropea, disponibbli hawn: https://ec.europa.eu/info/sites/info/files/economy-finance/ip120_en.pdf
(7) Fil-valutazzjoni tal-Kummissjoni, l-infiq ta’ darba f’termini ta’ dovuti kien jammonta għal 0,1 % tal-PDG fl-2019, minħabba rifużjoni tat-taxxa tal-boll għall-ambjent fuq il-karozzi.
Top