Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52020AE5705

    Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-ġestjoni tal-ażil u l-migrazzjoni u li jemenda d-Direttiva tal-Kunsill 2003/109/KE u r-Regolament propost (UE) XXX/XXX (Il-Fond għall-Migrazzjoni u l-Ażil)” (COM(2020) 610 final — 2020/0279 (COD)) u dwar “Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jindirizza sitwazzjonijiet ta’ kriżi u ta’ force majeure fil-qasam tal-migrazzjoni u tal-ażil” (COM(2020) 613 final — 2020/0277 COD))

    EESC 2020/05705

    ĠU C 155, 30.4.2021, p. 58–63 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    30.4.2021   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 155/58


    Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-ġestjoni tal-ażil u l-migrazzjoni u li jemenda d-Direttiva tal-Kunsill 2003/109/KE u r-Regolament propost (UE) XXX/XXX (Il-Fond għall-Migrazzjoni u l-Ażil)”

    (COM(2020) 610 final — 2020/0279 (COD))

    u dwar “Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jindirizza sitwazzjonijiet ta’ kriżi u ta’ force majeure fil-qasam tal-migrazzjoni u tal-ażil”

    (COM(2020) 613 final — 2020/0277 COD))

    (2021/C 155/09)

    Relatur:

    Dimitri DIMITRIADIS

    Konsultazzjoni

    Parlament Ewropew, 11.11.2020

    Kummissjoni Ewropea, 27.11.2020

    Bażi legali

    Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

    Sezzjoni kompetenti

    Sezzjoni għax-Xogħol, l-Affarijiet Soċjali u ċ-Ċittadinanza

    Adottata fis-sezzjoni

    8.2.2021

    Opinjoni adottata fil-plenarja

    25.2.2021

    Sessjoni plenarja Nru

    558

    Riżultat tal-votazzjoni

    (favur/kontra/astensjonijiet)

    235/5/25

    1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

    1.1.

    L-iżgurar tal-bilanċ fit-trattament tal-applikazzjonijiet għall-ażil, sabiex dawk fil-bżonn ta’ protezzjoni internazzjonali jirċevuha jew dawk li mhumiex fil-bżonn ta’ protezzjoni jiġu ritornati b’mod effettiv, m’għandux ikun ir-responsabbiltà tal-Istati Membri individwali biss, iżda għandu jiġi ġestit mill-UE kollha kemm hi.

    1.2.

    Il-KESE jirrikonoxxi li l-migrazzjoni hija fenomenu uman u strutturali, li l-ażil u l-protezzjoni internazzjonali huma drittijiet fundamentali għall-persuni ppersegwitati u obbligu legali skont id-dritt internazzjonali għall-Istati Partijiet għall-Konvenzjoni ta’ Ġinevra. Il-KESE jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li d-drittijiet fundamentali u d-data personali għandhom jiġu protetti skont il-proposti għal regolamenti diskussi f’din l-Opinjoni.

    1.3.

    Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon l-informazzjoni mtejba għal dawk li jfittxu l-ażil dwar il-proċess ta’ applikazzjoni previst f’dawn ir-regolamenti u d-drittijiet u l-obbligi tagħhom taħtu, li tippermettilhom jiddefendu aħjar dawk id-drittijiet. Id-dritt ta’ appell huwa msaħħaħ bid-definizzjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-appell u l-istabbiliment ta’ mira għal deċiżjonijiet tal-qorti li għandhom jittieħdu f’limitu ta’ żmien armonizzat. Ir-regoli dwar ir-rimedji ġew adattati wkoll sabiex il-proċess tal-appell jitħaffef u jiġi armonizzat konsiderevolment.

    1.4.

    Il-KESE bi pjaċir jinnota wkoll li d-dritt għall-ħajja privata u tal-familja u d-drittijiet tal-minorenni mhux akkumpanjati huma msaħħa billi jitwessa’ l-kamp ta’ applikazzjoni biex jinkludi aħwa, kif ukoll familji ffurmati f’pajjiżi ta’ tranżitu, fi ħdan il-kriterji għar-riunifikazzjoni tal-familja u billi jiġi applikat il-prinċipju tal-aħjar interessi tat-tfal.

    1.5.

    Il-KESE jirrikonoxxi l-importanza li l-proposti jkollhom l-istatus legali ta’ regolament — għall-kuntrarju ta’ Direttiva — li huwa vinkolanti fl-intier tiegħu u direttament applikabbli fl-Istati Membri skont it-Trattati. Madankollu, ir-regolamenti proposti rilevanti kollha jeħtieġ li jiġu adottati fl-istess ħin sabiex jirrappreżentaw politika sħiħa: jekk wieħed minnhom ma jiġix adottat, dan ikollu impatt serju fuq l-implimentazzjoni tal-oħrajn. Barra minn hekk, in-nuqqas ta’ konformità fil-passat mal-liġi vinkolanti tal-UE min-naħa ta’ xi Stati Membri jħalli ħafna lok għal dubju dwar l-implimentazzjoni ta’ diversi dispożizzjonijiet tar-regolamenti proposti.

    1.6.

    Il-KESE jilqa’ l-fatt li l-proposti huma riżultat ta’ konsultazzjonijiet bir-reqqa mal-partijiet interessati, l-awtoritajiet nazzjonali u lokali (1), l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, u organizzazzjonijiet mhux governattivi u internazzjonali, bħall-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Rifuġjati (UNHCR) (2) u l-Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Migrazzjoni (IOM) (3), kif ukoll gruppi ta’ riflessjoni u d-dinja akkademika.

    1.7.

    Il-KESE huwa kuntent li r-regolamenti jinvokaw il-prinċipji tas-solidarjetà u t-tqassim ġust tar-responsabbiltà, iżda jħoss li dan il-piż mhuwiex ibbilanċjat biżżejjed minn livell korrispondenti ta’ solidarjetà. Fi kliem sempliċi, is-solidarjetà, fil-forma ta’ rilokazzjoni, ma tistax tkun volontarja. Is-solidarjetà jeħtieġ li tkun vinkolanti, fil-forma ta’ rilokazzjonijiet obbligatorji.

    1.8.

    Il-KESE għandu tħassib doppju dwar is-sikurezza tal-persuni li jfittxu protezzjoni internazzjonali jew ħajja aħjar, minn naħa, u min-naħa l-oħra l-benesseri tal-pajjiżi fil-fruntieri esterni tal-UE, li jinkwetaw li l-pressjonijiet migratorji jaqbżu l-kapaċitajiet tagħhom.

    1.9.

    Il-KESE jaqbel li r-Regolament Dublin III ma kienx imfassal biex jittratta sitwazzjonijiet ta’ pressjoni migratorja jew tqassim ġust tar-responsabbiltà fl-Istati Membri kollha. Lanqas ma qies is-sitwazzjoni tal-ġestjoni tal-migrazzjoni ta’ flussi migratorji mħallta u l-pressjoni konsegwenti ta’ dawk il-flussi mqiegħda fuq is-sistemi ta’ migrazzjoni tal-Istati Membri.

    1.10.

    Madankollu, minħabba li l-kunċett ġenerali tal-Patt dwar il-Migrazzjoni u l-Ażil (PMA) jiddependi fuq il-kontroll tal-fruntieri u l-evitar ta’ movimenti sekondarji, dan iżid il-piż tar-responsabbiltà u l-inkonvenjenza għall-pajjiżi tal-ewwel dħul, flimkien mal-obbligi previsti fil-proposti ta’ qabel l-iskrinjar u l-kontroll tal-fruntieri. Dawn l-obbligi huma onerużi għal dawk il-pajjiżi, peress li jżidu l-għadd ta’ persuni li għandhom jibqgħu fil-fruntiera, b’konsegwenzi gravi possibbli għall-benesseri tagħhom stess, iżda wkoll għal dak tas-soċjetajiet ospitanti.

    1.11.

    Il-KESE huwa mħeġġeġ mir-rikonoxximent li huwa meħtieġ kunċett ta’ solidarjetà usa’ u li s-solidarjetà għandha tkun obbligatorja fin-natura tagħha biex tiggarantixxi rispons prevedibbli u effettiv għas-sitwazzjoni li qed tinbidel, fejn sehem dejjem jikber ta’ flussi migratorji mħallta qed jimxu lejn l-Unjoni, u biex tiġi żgurata l-kondiviżjoni ġusta tar-responsabbiltà f’konformità mat-Trattat. Madankollu, dan ma jilħaqx l-aspettattivi għal mekkaniżmu ta’ solidarjetà li jtaffi verament il-piż tal-istati tal-ewwel dħul.

    1.12.

    Il-KESE jipproponi li l-politika ta’ ritorn proposta għall-pajjiżi ta’ oriġini tkun appoġġjata minn sistema ta’ inċentivi u diżinċentivi ċari għall-pajjiżi terzi. Barra minn hekk, il-politika ta’ ritorn għandha tiġi ttrattata billi l-UE jkollha rwol aktar b’saħħtu u involviment aktar attiv, b’politiki nazzjonali li jassistu f’każijiet fejn l-Istat Membru kkonċernat għandu effett ta’ lieva fuq pajjiż terz partikolari. Jeħtieġ li jsir aktar sforz fir-rigward tal-hekk imsejħa rabta tripla tal-azzjoni umanitarja, l-iżvilupp u l-paċi fil-pajjiżi ta’ oriġini ta’ dawk li jfittxu l-ażil.

    1.13.

    Il-KESE japprova azzjoni immedjata u obbligatorja kif previst fil-proposta tal-Kummissjoni Ewropea, peress li kontinent kbir u sinjur daqs l-Ewropa għandu jkun jista’ jikkontribwixxi aktar għall-protezzjoni effettiva tar-refuġjati.

    1.14.

    Minħabba n-natura volontarja tal-għażla bejn ir-rilokazzjoni u r-ritorni sponsorjati, il-KESE jista’ jaċċetta allokazzjoni obbligatorja ta’ rilokazzjonijiet, fis-sens li jekk l-istati kollha jagħżlu li jiffinanzjaw ir-ritorni iżda ma jagħżlux li jirrilokaw jew jaċċettaw biss numru żgħir ħafna ta’ rilokazzjonijiet, dan ser ikompli jiggrava s-sitwazzjoni attwali fil-pajjiżi tal-ewwel dħul.

    1.15.

    Il-KESE jista’ jikkunsidra l-proposta dwar il-ħtieġa li jiġu stabbiliti mekkaniżmi ta’ monitoraġġ sabiex tiġi ssorveljata l-proċedura, mill-iskrinjar sar-ritorn, u l-konformità tagħha mad-drittijiet fundamentali. Tali mekkaniżmi jistgħu, fost affarijiet oħra, jevitaw l-użu tal-hekk imsejħa pushbacks. Barra minn hekk, għandu jingħata biżżejjed żmien biex jiġi stabbilit il-mekkaniżmu, peress li l-proċeduri ġenerali proposti fir-Regolament dwar l-iskrinjar u fir-Regolament dwar il-proċeduri tal-asil u l-perjodi ta’ żmien involuti jidhru kemxejn diffiċli biex jinkisbu.

    1.16.

    Il-KESE huwa favur it-tisħiħ tar-regolamenti dwar kriżijiet u force majeure billi jiġu introdotti dispożizzjonijiet legali sostantivi dwar il-protezzjoni tad-data personali. Barra minn hekk, jissuġġerixxi l-estensjoni tal-limitu ta’ żmien għas-sospensjoni tal-obbligi internazzjonali ta’ stat li jkun jinsab fi kriżi, sakemm iddum il-kriżi.

    1.17.

    Il-KESE jesprimi x-xettiċiżmu tiegħu dwar l-applikazzjoni effettiva tad-dispożizzjonijiet previsti fir-regolamenti proposti taħt skrutinju, u jesprimi t-tħassib tiegħu li l-persuni fil-bżonn tal-ażil jistgħu ma jkunux jistgħu jibbenefikaw mid-drittijiet tagħhom minħabba l-proċeduri previsti li ma jiffunzjonawx tajjeb.

    2.   Kuntest

    2.1.

    Il-kriżi tal-2015 kixfet dgħufijiet u nuqqasijiet strutturali sinifikanti fit-tfassil u fl-implimentazzjoni tal-politika Ewropea dwar l-ażil u l-migrazzjoni, inkluż is-sistema ta’ Dublin li ma kinitx imfassla biex tiżgura tqassim sostenibbli tar-responsabilità għall-applikanti għall-protezzjoni internazzjonali madwar l-UE. Il-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tat-28 ta’ Ġunju 2018 sejħu għal riforma tar-Regolament ta’ Dublin abbażi ta’ bilanċ tar-responsabbiltà u tas-solidarjetà fir-rigward tal-persuni żbarkati wara operazzjonijiet ta’ tiftix u salvataġġ.

    2.2.

    Il-Patt Ġdid dwar il-Migrazzjoni u l-Ażil, ippreżentat flimkien mal-proposta għal Regolament ġdid dwar il-ġestjoni tal-Ażil u l-Migrazzjoni, huwa maħsub biex jirrappreżenta bidu ġdid fir-rigward tal-migrazzjoni abbażi ta' approċċ komprensiv għall-ġestjoni tal-migrazzjoni. Din il-proposta tistabbilixxi qafas komuni għall-ġestjoni tal-ażil u l-migrazzjoni fil-livell tal-UE bħala kontribut ewlieni għall-approċċ komprensiv u tfittex li tippromwovi l-fiduċja reċiproka bejn l-Istati Membri.

    L-isfidi li ġejjin b’mod partikolari huma enfasizzati minn kriżijiet migratorji reċenti.

    2.2.1.

    Nuqqas ta’ approċċ integrat għall-implimentazzjoni tal-politika Ewropea dwar l-ażil u l-migrazzjoni:

    nuqqas ta’ kundizzjonijiet ekwi fl-Istati Membri kollha, li jxekkel l-isforzi biex jiġi żgurat l-aċċess għall-proċeduri, it-trattament ugwali, iċ-ċarezza u ċ-ċertezza legali.

    2.2.2.

    Ineffiċjenzi nazzjonali u nuqqas ta’ armonizzazzjoni tal-UE fil-ġestjoni tal-ażil u l-migrazzjoni:

    l-isfidi tar-rabta bejn ir-ritorn u l-ażil;

    użu limitat ta’ programmi ta’ ritorn volontarju assistit;

    nuqqas ta’ proċeduri semplifikati mal-wasla;

    dewmien fl-aċċess għall-proċedura tal-ażil xierqa u l-ipproċessar bil-mod tal-applikazzjonijiet;

    diffikultà biex tintuża l-proċedura fuq il-fruntiera.

    2.2.3.

    Nuqqas ta’ mekkaniżmu wiesa’ u flessibbli għas-solidarjetà:

    ir-rilokazzjoni mhijiex l-unika reazzjoni effettiva biex jiġu indirizzati l-flussi mħallta.

    2.2.4.

    Ineffiċjenzi fis-sistema ta’ Dublin:

    nuqqas ta’ tqassim sostenibbli tar-responsabbiltà taħt is-sistema attwali;

    ir-regoli attwali dwar iċ-ċaqliq tar-responsabbiltà jikkontribwixxu għal movimenti mhux awtorizzati;

    proċessar ineffiċjenti tad-data.

    l-ineffiċjenzi proċedurali tas-sistema ta’ Dublin joħolqu piż amministrattiv.

    2.2.5.

    Nuqqas ta’ mekkaniżmi mmirati biex jindirizzaw sitwazzjonijiet ta’ kriżi estrema:

    diffikultà għall-UE biex tiżgura l-aċċess għall-ażil jew proċeduri oħrajn fil-fruntieri waqt sitwazzjonijiet ta’ kriżi estrema.

    2.2.6.

    Nuqqas ta’ sistema ġusta u effettiva għall-eżerċitar tad-drittijiet fundamentali. u diffikultajiet fid-definizzjoni ta’ mogħdijiet legali ġodda lejn l-ażil u fl-indirizzar b’mod effettiv tar-raġunijiet wara l-migrazzjoni, fosthom kwistjonijiet umanitarji, ta’ żvilupp u ta’ paċi.

    2.3.

    Huwa ttamat li l-proposti jindirizzaw dawn l-isfidi bil-mod li ġej.

    2.3.1.

    Sistema ta’ ġestjoni tal-migrazzjoni aktar effiċjenti, mingħajr xkiel u armonizzata:

    approċċ komprensiv għall-ġestjoni effiċjenti tal-ażil (il-proposta għal Regolament li jistabbilixxi qafas komuni għall-ġestjoni tal-ażil u l-migrazzjoni tal-UE);

    proċedura ta’ ritorn għall-ażil mingħajr xkiel u użu aktar faċli ta’ proċeduri aċċellerati u fil-fruntieri;

    fażi ta’ skrinjar ikkoordinat, effettiv u rapidu (proposta għal Regolament li jintroduċi l-iskrinjar ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi maqbuda b’rabta ma’ qsim irregolari ta’ fruntieri esterni, żbarkati wara operazzjonijiet ta’ tiftix u salvataġġ jew li jitolbu protezzjoni internazzjonali fil-punti ta’ qsim tal-fruntieri).

    2.3.2.

    Approċċ aktar ġust u komprensiv għas-solidarjetà u r-rilokazzjoni:

    mekkaniżmu ta’ solidarjetà li jipprovdi għal solidarjetà obbligatorja b’kamp ta’ applikazzjoni usa’ (proposta għal Regolament dwar il-ġestjoni tal-ażil u l-migrazzjoni).

    2.3.3.

    Regoli semplifikati u aktar effiċjenti għal ġestjoni b’saħħitha tal-migrazzjoni:

    definizzjoni usa’ u aktar ġusta tal-kriterji ta’ responsabbiltà, li tillimita l-waqfien u ċ-ċaqliq tar-responsabbiltà (proposta għal Regolament dwar il-ġestjoni tal-ażil u l-migrazzjoni);

    ġbir/ipproċessar tad-data aktar effiċjenti, li jippermettu l-għadd tal-applikanti aktar milli l-applikazzjonijiet, u l-inklużjoni ta’ kategorija speċifika għal operazzjonijiet ta’ tiftix u salvataġġ (riformulazzjoni tar-Regolament Eurodac);

    effiċjenza proċedurali mtejba (proposta għal Regolament dwar il-ġestjoni tal-ażil u l-migrazzjoni).

    2.3.4.

    Mekkaniżmu mmirat biex jindirizza sitwazzjonijiet ta’ kriżi estrema (proposta għal Regolament li jindirizza sitwazzjonijiet ta’ kriżi).

    2.3.5.

    Ħarsien aktar effettiv tad-drittijiet fundamentali tal-migranti u ta’ dawk li jfittxu l-ażil (4).

    3.   Kummenti dwar il-proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-ġestjoni tal-ażil u l-migrazzjoni u li jemenda d-Direttiva tal-Kunsill 2003/109/KE u r-Regolament propost (UE) XXX/XXX (Il-Fond għall-Migrazzjoni u l-Ażil)

    3.1.

    Il-PMA jenfasizza b'mod korrett l-inkonsistenzi bejn is-sistemi tal-ażil u r-ritorn tal-Istati Membri, u jenfasizza l-ħtieġa li tiżdied is-solidarjetà fl-UE billi jingħelbu n-nuqqasijiet fl-implimentazzjoni u tittejjeb u tissaħħaħ il-kooperazzjoni ma' pajjiżi li mhumiex fl-UE. Madankollu, mhuwiex ċar jekk il-prinċipju ta’ solidarjetà volontarja u selettiva hux se jgħin biex jissolvew l-isfidi ewlenin ta’ koordinazzjoni ta’ dawn l-aħħar għaxar snin, speċjalment fid-dawl tal-fatt li l-piż jaqa’ fil-biċċa l-kbira fuq l-istati tal-ewwel dħul.

    3.2.

    Kif ġie nnotat fl-Opinjoni tal-KESE SOC/649 (5), taħt il-mekkaniżmu ta' solidarjetà l-ġdid l-Istati Membri se jkunu jistgħu jipparteċipaw fir-rilokazzjoni jew ir-ritorn sponsorizzat ta' persuni f'sitwazzjoni irregolari. Il-KESE għandu dubji dwar il-fattibbiltà tal-mekkaniżmu, li huwa bbażat fuq solidarjetà volontarja ipotetika. Ma jissemmew bl-ebda mod l-inċentivi li huma meħtieġa biex l-Istati Membri jiġu mħeġġa jipparteċipaw f'dan il-mekkaniżmu, speċjalment wara r-rifjut ta' wħud minnhom li jipparteċipaw fil-programm ta' rilokazzjoni preċedenti (6), jew in-nuqqas ta’ obbligu espliċitu. Dan il-mekkaniżmu “ibbażat fuq is-solidarjetà” jista’ jkollu wkoll l-effett kuntrarju li l-individwu kkonċernat jiġi rilokat lejn l-Istat Membru li qed jisponsorizza, jekk ir-ritorn fil-fatt ma jsirx fi żmien tmien xhur, li jirriżulta f’diskrepanzi fir-responsabbiltà fir-rigward tad-drittijiet tal-persuni rimpatrijati. Barra minn hekk, skont il-mekkaniżmu ta’ solidarjetà ġdid propost, l-Istati Membri huma inċentivati biex ma jipparteċipawx fir-rilokazzjoni — l-għażla aktar pressanti, diffiċli u għalja — iżda biex jagħżlu r-ritorn minflok (7). Għalhekk, jeħtieġ li jiġu stabbiliti miżuri ta’ solidarjetà vinkolanti fil-forma ta’ azzjoni obbligatorja kif previst fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea.

    3.3.

    Il-KESE jilqa' t-tqassir tal-perjodi minn ħames snin għal tliet snin biex tiġi żgurata residenza fit-tul għal persuni li jgawdu protezzjoni internazzjonali meta jiddeċiedu li jibqgħu fl-Istat Membru li jkun tahom tali protezzjoni. L-għan huwa b’mod ċar li tiġi ffaċilitata l-integrazzjoni fil-komunitajiet lokali, għalkemm jista’ jitqies li qed jillimita l-mobbiltà fl-UE, u b’hekk jiġi kkonfermat li l-piż għadu f’idejn il-pajjiżi tal-ewwel dħul.

    3.4.

    Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon il-kunċett tal-qsim ġust tar-responsabbiltà; madankollu, huwa jħoss li l-piż ta’ din ir-responsabbiltà mhuwiex ibbilanċjat biżżejjed minn livell korrispondenti ta’ solidarjetà.

    3.5.

    Il-KESE jilqa' l-miżuri biex tittejjeb il-koordinazzjoni bejn l-istrateġiji nazzjonali dwar il-politiki tal-ażil u r-ritorn, imma jesprimi dispjaċir dwar il-fatt li saru aktar proposti dwar il-koordinazzjoni ta’ strumenti ta' ritorn milli dwar il-koordinazzjoni ta’ proċeduri ta' ażil u akkoljenza ta' rifuġjati.

    3.6.

    Il-KESE jinnota d-diffikultajiet li l-pajjiżi tal-UE jiffaċċjaw biex jiżguraw ritorni effettivi, kif ukoll ir-rieda tal-Kummissjoni li tgħaddi għal sistema Ewropea ta' ritorni komuni u effettiva. Il-proposta hija bbażata fuq it-titjib tal-appoġġ operazzjonali għar-ritorni u jipprovdi għall-ħatra ta’ koordinaturi tar-ritorn nazzjonali. Il-KESE jesprimi dispjaċir dwar il-fatt li l-problemi fl-operat ta' programmi ta' ritorn mhumiex identifikati kif xieraq (8), li jagħmel dan l-approċċ — li hu meqjus bħala wieħed ta' importanza strateġika — dipendenti mir-rieda li jkun hemm kollaborazzjoni ma' pajjiżi li mhumiex fl-UE, kemm ta' oriġini kif ukoll ta' tranżitu. Għalhekk, l-UE għandha tieħu rwol aktar b’saħħtu fir-rigward ta’ politika ġenerali ta’ ritorn.

    3.7.

    Il-KESE jissuġġerixxi li s-solidarjetà għandha tkun awtomatika. L-obbligi ta’ solidarjetà tal-istati tal-ewwel dħul huma sproporzjonati. Il-proċeduri jibqgħu kumplessi u twal, u ma jipprovdu l-ebda assigurazzjoni għal rilokazzjoni. Hemm biss proċeduri obbligatorji fil-fruntieri mingħajr mekkaniżmu awtomatiku ta’ tqassim. Il-miżuri li l-Istati Membri għandhom jieħdu huma li jsaħħu l-infrastruttura (tined, assistenza in natura, eċċ.), appoġġ finanzjarju jew ritorni volontarji. M’hemmx kriterji ċari dwar kif kull pajjiż se jikkontribwixxi. Dan mhuwiex effettiv — kull ma jagħmel hu li jżid il-pressjoni fuq l-istat tad-dħul — u jieħu żmien twil (8 xhur) biex jiġi implimentat, għalhekk hemm ir-riskju li l-applikanti jaħarbu. Dak li huwa meħtieġ huwa mekkaniżmu li huwa aktar awtomatiku u li jipprovdi għal distribuzzjoni aħjar tal-applikanti lill-Istati Membri kollha.

    3.8.

    Fl-istess dawl, il-KESE jissuġġerixxi li għal finijiet ta’ solidarjetà mhuwiex prattiku l-fatt li hemm tliet kategoriji differenti ta’ emerġenzi (każi ta’ pressjoni jew theddid ta’ pressjoni akbar, każi ta’ kriżi, u każi ta’ operazzjonijiet ta’ tiftix u salvataġġ). L-Istati Membri se jkollhom japplikaw għal appoġġ f’waħda mit-tliet kategoriji. Il-Kummissjoni se tiddetermina jekk it-talba hijiex valida (b’21 kriterju ta’ evalwazzjoni) u se titlob lil pajjiżi oħrajn għal assistenza prattika, li tista’ tieħu żewġ forom ewlenin: rilokazzjoni u l-isponsorizzazzjoni tar-ritorn. Huwa proċess li ma jiffunzjonax tajjeb u jieħu ħafna ħin: l-ewwel wieħed irid jitlob għal solidarjetà, umbagħad tiġi formulata l-Opinjoni, wara wieħed jista’ jikkontribwixxi solidarjetà volontarja, u fl-aħħar nett issir deċiżjoni dwar solidarjetà obbligatorja. Anki fil-każ ta’ solidarjetà obbligatorja, id-deċiżjoni tal-Kummissjoni tiddependi fuq l-opinjoni ta’ kumitat speċjali u jekk dak il-kumitat ma jagħtix opinjoni pożittiva, ma tittieħed l-ebda miżura.

    3.9.

    Skont il-KESE, minbarra n-nuqqas ta’ preċiżjoni fid-definizzjonijiet ipprovduti (speċjalment fir-regolamenti dwar kriżijiet u force majeure), il-kunċett tal-pressjoni tal-migrazzjoni mhuwiex definit b’mod ċar, minkejja r-referenza frekwenti għalih fit-test propost tar-regolament.

    3.10.

    Għalkemm l-idea ta’ ritorni mill-Istati Membri skont ir-relazzjonijiet tagħhom ma’ pajjiżi terzi tista’ tkun attraenti, dan jista’ ma jaħdimx minħabba li l-kundizzjonijiet fil-pajjiż tal-oriġini jistgħu jinbidlu jew il-pajjiżi inkwistjoni jistgħu sempliċement jipprojbixxu r-ritorni. Hemm ukoll il-kwistjoni li essenzjalment jinħolqu kundizzjonijiet ta’ detenzjoni; inevitabbilment dawk li għandhom jiġu ritornati jibqgħu fil-fruntiera, u jittrasformaw il-pajjiż tal-ewwel dħul f’ċentru kbir ta’ qabel it-tluq. Fil-prattika, lanqas biss huwa ċert li t-tħaffif tal-proċeduri (kif previst fir-Regolament dwar l-iskrinjar) se jkollu impatt reali f’termini ta’ żieda fl-għadd ta’ ritorni, peress li r-ritorni jiddependu prinċipalment fuq il-kooperazzjoni ta’ pajjiżi terzi li magħhom l-UE għad trid tinnegozja (pereżempju dwar il-ħruġ ta’ viżi), u dan iżid il-possibbiltajiet għal ksur tad-drittijiet tal-bniedem kif ukoll pressjoni fuq il-komunitajiet lokali.

    3.11.

    Il-KESE jifhem li l-pajjiż responsabbli għall-applikazzjoni għall-ażil — li tikkostitwixxi s-sinsla tal-proċedura l-ġdida ta’ ġestjoni tal-ażil — jista’ jiġi ddeterminat bħala dak li fih immigrant għandu aħwa, li fih ħadem jew studja, jew dak li fih inħarġet viża. Għalkemm dan it-twessigħ tal-kriterji huwa milqugħ tajjeb, madankollu jikkonferma biss il-piż tqil li għadu jaqa’ fuq il-pajjiżi tal-ewwel dħul.

    4.   Kummenti dwar ir-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jindirizza sitwazzjonijiet ta’ kriżi u ta’ force majeure fil-qasam tal-migrazzjoni u tal-ażil

    4.1.

    Il-KESE jilqa’ l-introduzzjoni ta’ komponent ta’ kriżijiet u force majeure fil-qasam tal-migrazzjoni u l-ażil. Madankollu, il-KESE jħoss li l-istess definizzjonijiet mhumiex ċari jew adegwati. Dan il-fatt, flimkien man-nuqqas jew l-eżistenza ta’ indikaturi oġġettivi, joħloq nuqqas ta’ ċertezza legali.

    4.2.

    Il-KESE jirrimarka li għalkemm ir-regolament dwar kriżijiet u force majeure jipprovdi opportunità għal solidarjetà vinkolanti, huwa jkopri l-appoġġ proċedurali aktar milli l-miżuri ta’ solidarjetà ta’ emerġenza. Is-solidarjetà tiddgħajjef minħabba l-proċeduri kumplessi u burokratiċi meħtieġa għall-implimentazzjoni tagħha. Huwa ċar li f’sitwazzjoni ta’ kriżi jew sitwazzjoni ta’ pressjoni, jeħtieġ li jiġu żgurati ir-rilokazzjonijiet. Barra minn hekk, għandhom jiġu stabbiliti miżuri li ma jħallux lill-Istati Membri jaslu f’sitwazzjoni ta’ kriżi.

    4.3.

    Il-KESE jinnota li l-istabbiliment ta’ proċeduri u mekkaniżmi li jindirizzaw sitwazzjonijiet ta’ kriżi u force majeure fil-qasam tal-migrazzjoni u l-ażil għandhom ikunu kompatibbli wkoll mad-drittijiet fundamentali u mal-prinċipji ġenerali tal-Unjoni, kif ukoll mad-dritt internazzjonali.

    4.4.

    Il-KESE jilqa’ l-fatt li fi żminijiet ta’ kriżi, l-Istat Membru li jattiva l-mekkaniżmu ser ikun jista’ jissospendi l-obbligi internazzjonali tiegħu (eż. għall-ipproċessar tal-applikazzjonijiet għall-żsil) għal massimu ta’ tliet xhur. Barra minn hekk, dan il-perjodu ta’ żmien għandu jkun jista’ jiġi estiż sakemm il-kriżi tkun fis-seħħ. Iċ-ċarezza dwar kif ser jiġu ddeterminati s-sitwazzjonijiet ta’ kriżi u punti ta’ riferiment ċari għal meta l-kapaċità ta’ pajjiż hija/tista’ tiġi mgħobbija żżejjed tista’ tkun utli.

    4.5.

    Il-KESE jilqa’ l-proposta biex l-Istati Membri jingħataw iż-żmien addizzjonali meħtieġ biex jittrattaw sitwazzjonijiet ta’ kriżi filwaqt li jiżguraw ukoll aċċess effettiv u fil-pront għall-proċeduri u d-drittijiet rilevanti, u l-kapaċità tal-Kummissjoni li tawtorizza l-applikazzjoni tal-proċedura tal-ġestjoni tal-kriżijiet tal-ażil u l-proċedura tal-ġestjoni tal-kriżijiet tar-ritorn għal perjodu ta’ sitt xhur, li jista’ jiġi estiż sa perjodu ta’ mhux aktar minn sena. Wara li jiskadi l-perjodu rilevanti, l-iskadenzi estiżi previsti fil-proċeduri ta’ ġestjoni tal-kriżijiet tal-ażil u tar-ritorn jenħtieġ li ma jiġux applikati għal applikazzjonijiet ġodda għall-protezzjoni internazzjonali.

    4.6.

    Madankollu, il-KESE jħoss li l-kamp ta’ applikazzjoni limitat tal-proposta, jiġifieri l-estensjoni jew l-aċċelerazzjoni tal-proċeduri, idgħajjef il-funzjoni tagħha bħala mekkaniżmu li għandu jintuża fil-każ ta’ miżuri ta’ solidarjetà ta’ emerġenza.

    4.7.

    Għalkemm il-KESE jemmen li din il-proposta tista’ sservi bħala opportunità għal solidarjetà vinkolanti, mhijiex inkluża fit-test tar-regolament rilevanti. Għalhekk, il-KESE jħoss li dan għandu jiġi inkorporat fil-korp tar-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-ġestjoni tal-ażil u l-migrazzjoni u li jemenda d-Direttiva tal-Kunsill 2003/109/KE u r-Regolament propost (UE) XXX/XXX (Fond għall-Migrazzjoni u l-Ażil) biex jiġu evitati kwalunkwe inċertezzi u biex jitneħħa r-riskju li ma jiġix adottat, peress li wieħed ma jistax jeżisti mingħajr l-ieħor.

    Brussell, il-25 ta’ Frar 2021.

    Christa SCHWENG

    Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew


    (1)  Pereżempju, il-Pjan ta’ Azzjoni ta’ Berlin dwar Politika Ewropea ġdida dwar l-Ażil, il-25 ta’ Novembru 2019, iffirmat minn 33 organizzazzjoni u muniċipalità.

    (2)  Ir-rakkomandazzjonijiet tal-UNHCR għall-Patt propost tal-Kummissjoni Ewropea dwar il-Migrazzjoni u l-Ażil, Jannar 2020.

    (3)  Ir-Rakkomandazzjonijiet tal-IOM għall-Patt tal-Unjoni Ewropea l-ġdid dwar il-Migrazzjoni u l-Ażil, Frar 2020.

    (4)  SWD(2020) 207 final (mhux disponibbli bil-Malti).

    (5)  ĠU C 123, 9.4.2021, p. 15.

    (6)  Sentenza fil-Kawżi Magħquda C-715/17, C-718/17 and C-719/17 Il-Kummissjoni vs Il-Polonja, L-Ungerija u r-Repubblika Ċeka.

    (7)  Sfortunatament ma hemm l-ebda salvagwardja kontra sitwazzjonijiet fejn xi gvernijiet jiddeċiedu li jsiru atturi ewlenin tar-ritorn bħala parti minn mobilizzazzjoni populista kontra l-migranti u r-rifuġjati.

    (8)  Komunikazzjoni COM(2017) 200 final.


    Top