This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52020AE3369
Opinion of the European Economic and Social Committee on ‘Proposal for a Regulation of the European Parliament and of the Council amending Regulation (EU) 2016/1011 as regards the exemption of certain third country foreign exchange benchmarks and the designation of replacement benchmarks for certain benchmarks in cessation’ (COM(2020) 337 final – 2020/0154 (COD))
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (UE) 2016/1011 fir-rigward tal-eżenzjoni ta’ ċerti parametri referenzjarji tal-kambju ta’ pajjiżi terzi u l-iffissar ta’ parametri referenzjarji ta’ sostituzzjoni minflok ċerti parametri referenzjarji li jkunu se jitwaqqfu” (COM(2020) 337 final – 2020/0154 (COD))
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (UE) 2016/1011 fir-rigward tal-eżenzjoni ta’ ċerti parametri referenzjarji tal-kambju ta’ pajjiżi terzi u l-iffissar ta’ parametri referenzjarji ta’ sostituzzjoni minflok ċerti parametri referenzjarji li jkunu se jitwaqqfu” (COM(2020) 337 final – 2020/0154 (COD))
EESC 2020/03369
ĠU C 10, 11.1.2021, p. 35–39
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
11.1.2021 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 10/35 |
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (UE) 2016/1011 fir-rigward tal-eżenzjoni ta’ ċerti parametri referenzjarji tal-kambju ta’ pajjiżi terzi u l-iffissar ta’ parametri referenzjarji ta’ sostituzzjoni minflok ċerti parametri referenzjarji li jkunu se jitwaqqfu”
(COM(2020) 337 final – 2020/0154 (COD))
(2021/C 10/06)
Relatur Ġenerali: |
Christophe LEFÈVRE |
Konsultazzjoni |
Kunsill tal-Unjoni Ewropea, 28.8.2020 Parlament Ewropew, 14.9.2020 |
Bażi legali |
Artikoli 114 u 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea |
Sezzjoni kompetenti |
Sezzjoni għall-Unjoni Ekonomika u Monetarja u l-Koeżjoni Ekonomika u Soċjali |
Deċiżjoni tal-Bureau |
14.7.2020 |
Adottata fil-plenarja |
29.10.2020 |
Sessjoni plenarja Nru |
555 |
Riżultat tal-votazzjoni (favur/kontra/astensjonijiet) |
244/0/7 |
1. Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet
1.1 |
Bħala segwitu tar-rakkomandazzjonijiet stabbiliti fl-Opinjonijiet tal-KESE (1), u filwaqt li jieħu nota b’mod partikolari tal-waqfien tal-pubblikazzjoni tal-LIBOR (2), il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon il-proposti tal-Kummissjoni Ewropea biex tiġi żgurata l-kontinwità tal-arranġamenti għall-funzjonament tal-operaturi finanzjarji fl-Unjoni tas-Swieq Kapitali, fir-rigward tal-eżenzjoni ta’ ċerti parametri referenzjarji tal-kambju ta’ pajjiżi terzi u l-iffissar ta’ parametri referenzjarji ta’ sostituzzjoni minflok ċerti parametri referenzjarji li jkunu se jitwaqqfu. |
1.2 |
Dawn il-proposti mhux biss jipprovdu rispons dirett għall-konsegwenzi tal-waqfien tal-pubblikazzjoni tal-LIBOR u l-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea, iżda fl-istess ħin jipprevedu l-integrazzjoni tas-sitwazzjoni tal-parametri referenzjarji f’pajjiżi li għalihom ir-rata tal-kambju mhijiex liberament konvertibbli, u b’hekk jikkontribwixxu wkoll għall-kisba ta’ objettivi usa’. |
1.3 |
Il-KESE jemmen li Unjoni tas-Swieq Kapitali li tiffunzjona tajjeb tirrikjedi li dawn is-swieq ikunu sikuri, stabbli u reżiljenti għax-xokkijiet. F’dan ir-rigward, il-waqfien tal-LIBOR se jkollu konsegwenzi ekonomiċi sinifikanti ħafna, peress li għadd konsiderevoli ta’ kuntratti ma pprevedewx mekkaniżmu alternattiv bil-ħsieb li titneħħa r-referenza għal-LIBOR sa tmiem l-2021. |
1.4 |
Għalhekk huwa importanti ferm u ta’ prijorità li tiġi organizzata s-sostituzzjoni tar-referenza għal-LIBOR, u fl-istess ħin il-KESE jilqa’ l-proposta tal-Kummissjoni li tinvolvi lill-awtoritajiet nazzjonali f’dan il-proċess billi tadotta Regolament Ewropew li jinnewtralizza r-riskji ta’ leġiżlazzjoni differenti li jistgħu jiġu osservati matul proċess ta’ traspożizzjoni ta’ Direttiva. |
1.5 |
Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon il-fatt li l-bidliet proposti għal dawn il-parametri referenzjarji se jintroduċu setgħa legali li permezz tagħha l-Kummissjoni Ewropea tidentifika rata ta’ sostituzzjoni meta parametru referenzjarju, li l-waqfien tiegħu jirriżulta fi tfixkil sinifikanti għall-funzjonament tas-swieq finanzjarji fl-UE, ma jibqax jiġi ppubblikat. |
1.6 |
Il-KESE jilqa’ wkoll b’sodisfazzjon il-fatt li, skont il-liġi, ir-rata ta’ sostituzzjoni legali se tissostitwixxi r-referenzi kollha għall-“parametru referenzjarju li jkun se jitwaqqaf” fil-kuntratti kollha konklużi minn entità taħt is-superviżjoni tal-UE. |
1.7 |
Is-KESE iqis li huwa rilevanti li għal kuntratti li ma jinvolvux entità taħt superviżjoni tal-UE, l-Istati Membri huma mħeġġa jadottaw rati ta’ sostituzzjoni legali nazzjonali. |
1.8 |
Fl-aħħar nett, sabiex tiġi vverifikata l-adegwatezza tal-eżenzjoni l-ġdida, il-KESE jaqbel li l-awtoritajiet kompetenti u l-entitajiet sorveljati għandhom jintalbu jirrapportaw perjodikament lill-Kummissjoni dwar l-użu mill-intrapriżi tal-UE tal-parametri referenzjarji ikkonċernati minn din l-eżenzjoni u dwar l-evoluzzjoni tal-karti tal-bilanċ tal-entitajiet taħt superviżjoni f’termini ta’ esponiment għall-fluttwazzjonijiet fil-muniti ta’ pajjiżi terzi. |
1.9 |
Id-deċiżjoni hija konformi mar-rakkomandazzjonijiet tal-Bord għall-Istabbiltà Finanzjarja (3), iżda l-KESE jistaqsi dwar il-fatt li jekk wieħed iħares lejn l-attività globali, l-Unjoni Ewropea tidher li hija l-unika ġurisdizzjoni li tipprova tirregola l-mekkaniżmu tal-funzjonament tal-indiċijiet tar-rati tal-kambju spot. |
1.10 |
Naturalment, il-KESE jirrakkomanda l-monitoraġġ tal-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament u l-integrazzjoni tiegħu fil-livell tas-swieq finanzjarji. Għall-KESE huwa essenzjali li r-regoli kkonċernati jikkontribwixxu b’mod konkret u dirett għall-kisba tal-għanijiet u jipproduċu effetti pożittivi għall-partijiet kollha kkonċernati u fl-Istati Membri kollha. |
2. Kuntest
2.1 |
Il-programm ta’ ħidma tal-Kummissjoni għall-2020 jipprevedi rieżami tar-Regolament dwar il-parametri finanzjarji użati bħala parametri referenzjarji biex jiġi ddeterminat l-ammont li għandu jitħallas taħt strument finanzjarju jew kuntratt finanzjarju jew il-valur ta’ strument finanzjarju. Sabiex tissaħħaħ il-fiduċja tal-parteċipanti fis-swieq kapitali fil-parametri li jservu bħala parametri referenzjarji fl-Unjoni, ir-Regolament dwar il-Parametri Referenzjarji jistabbilixxi standards għall-governanza u l-kwalità tad-data għall-parametri referenzjarji użati fil-kuntratti finanzjarji. Dan jikkontribwixxi għall-isforzi tal-Kummissjoni favur l-Unjoni tas-Swieq Kapitali. |
2.2 |
Ir-Regolament dwar il-Parametri Referenzjarji jintroduċi obbligu ta’ awtorizzazzjoni għall-amministraturi tal-parametri referenzjarji finanzjarji, jimponi rekwiżiti fuq il-kontributuri li jipprovdu data tal-input użata għall-kalkolu tal-parametru referenzjarju finanzjarju u jirregola wkoll l-użu tal-parametri referenzjarji finanzjarji. Ir-Regolament dwar il-Parametri Referenzjarji jirrikjedi li l-entitajiet taħt superviżjoni tal-UE (bħal banek, intrapriżi tal-investiment, intrapriżi tal-assigurazzjoni, impriża ta’ investiment kollettiv f'titoli trasferibbli – UCITS) jużaw biss indiċijiet li għalihom l-amministratur huwa awtorizzat. Il-parametri referenzjarji amministrati f’pajjiżi terzi jistgħu jintużaw biss fl-UE wara proċedura ta’ ekwivalenza, rikonoxximent jew approvazzjoni. |
2.3 |
Ir-Regolament dwar il-Parametri Referenzjarji ilu applikabbli minn Jannar 2018. Madankollu, sakemm ir-reġim tranżizzjonali jiskadi fl-aħħar ta’ Diċembru 2021, il-parteċipanti tas-suq tal-UE jistgħu jkomplu jużaw parametri referenzjarji amministrati f’pajjiż barra mill-Unjoni irrispettivament minn jekk hemmx deċiżjoni ta’ ekwivalenza fis-seħħ jew jekk l-indiċi ġiex rikonoxxut jew approvat għall-użu fl-Unjoni. |
2.4 |
L-ewwel nett, l-emendi proposti fil-proposta leġiżlattiva, li hija s-suġġett ta’ din l-Opinjoni tal-KESE dwar dawn il-parametri referenzjarji, se jintroduċu setgħa legali, li permezz tagħha l-Kummissjoni Ewropea tidentifika rata ta’ sostituzzjoni meta punt ta’ riferiment, li l-waqfien tiegħu jfixkel b’mod sinifikanti l-funzjonament tas-swieq finanzjarji fl-Unjoni ma jibqax jiġi ppubblikat. |
2.5 |
It-tieni nett, ir-rata statutorja ta’ sostituzzjoni, bl-operat tal-liġi, se tissostitwixxi r-referenzi kollha għall-“parametru referenzjarju li jkun se jitwaqqaf” fil-kuntratti kollha konklużi minn entità taħt is-superviżjoni tal-UE. |
2.6 |
It-tielet nett, fir-rigward tal-kuntratti li ma jinvolvux entità taħt superviżjoni tal-UE, l-Istati Membri huma mħeġġa jadottaw rati ta’ sostituzzjoni legali nazzjonali. |
2.7 |
Fl-aħħar nett, sabiex tiġi vverifikata l-adegwatezza tal-eżenzjoni l-ġdida, l-awtoritajiet kompetenti u l-entitajiet sorveljati għandhom jintalbu jirrapportaw perjodikament lill-Kummissjoni Ewropea dwar l-użu mill-intrapriżi tal-UE tal-parametri referenzjarji kkonċernati minn din l-eżenzjoni u dwar l-evoluzzjoni tal-karti tal-bilanċ tal-entitajiet taħt superviżjoni f’termini ta’ skopertura għall-fluttwazzjonijiet fil-muniti ta’ pajjiżi terzi. |
3. Kummenti
3.1 |
Bħala segwitu tar-rakkomandazzjonijiet li saru fl-Opinjonijiet tal-KESE (4), u filwaqt li jinnota b’mod partikolari l-waqfien tal-pubblikazzjoni tal-LIBOR, il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon il-proposti tal-Kummissjoni biex tinżamm kontinwità fid-dispożizzjonijiet operattivi tal-operaturi finanzjarji fl-Unjoni tas-Swieq Kapitali fir-rigward tal-eżenzjoni ta’ ċerti parametri referenzjarji tal-kambju ta’ pajjiżi terzi u l-iffissar ta’ parametri referenzjarji ta’ sostituzzjoni minflok ċerti parametri referenzjarji li jkunu se jitwaqqfu. |
3.2 |
Dawn il-proposti mhumiex biss rispons dirett għall-konsegwenzi tal-ħruġ tar-Renju Unit mill-UE, iżda jipprovdu wkoll opportunità biex tiġi inkluża s-sitwazzjoni tal-parametri referenzjarji f’pajjiżi fejn ir-rata tal-kambju mhijiex liberament konvertibbli, u b’hekk jikkontribwixxu wkoll għall-kisba ta’ objettivi usa’. |
3.3 |
Fil-fatt, dawn jippermettu li jitqies l-użu ta’ parametri referenzjarji tar-rata tal-kambju biex ikopru l-volatilità tal-munita ta’ pajjiżi terzi, il-pagament ta’ kuntratti tad-derivattivi f’munita li mhijiex il-munita b’konvertibilità limitata, b’mod partikolari meta l-munita tal-pajjiż terz ma tkunx liberament konvertibbli. |
3.4 |
Din ir-riforma hija essenzjali biex takkumpanja l-iżvilupp brutali, b’rabta mal-Brexit, tal-Unjoni tas-Swieq Kapitali fir-rigward tal-Unjoni Bankarja, biex jiġi żgurat il-funzjonament tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja (UEM) u biex tgħin fit-tisħiħ tal-pożizzjoni tal-UE u tal-Istati Membri f’ambjent globali li qed jevolvi. |
3.5 |
Ir-riforma tal-parametri referenzjarji vitali, bħar-rati IBOR (5), saret prijorità ewlenija fil-Pjan ta’ Azzjoni tal-Kummissjoni dwar l-Unjoni tas-Swieq Kapitali, f’konformità mar-rakkomandazzjonijiet tal-Bord għall-Istabbiltà Finanzjarja. |
3.6 |
L-objettiv li l-Unjoni tas-Swieq Kapitali tiffunzjona tajjeb jirrikjedi li dawn is-swieq ikunu sikuri, stabbli u reżiljenti għax-xokkijiet. Bħala tali, l-impatt tal-waqfien ta’ LIBOR, anke jekk huwa parti minn telf gradwali tar-rappreżentattività tas-suq jew tar-realtà ekonomika tal-prodotti sottostanti li suppost ikejjel, se jkollu konsegwenzi ekonomiċi sinifikanti ħafna peress li għadd konsiderevoli ta’ kuntratti ma fihomx dispożizzjonijiet ta’ riżerva biex ikopru l-perjodu sa tmiem l-2021, meta l-LIBOR mhux se tibqa’ tintuża bħala referenza. |
3.7 |
Għalhekk huwa importanti ferm u ta’ prijorità li tiġi organizzata s-sostituzzjoni tar-referenza għal-LIBOR, u fl-istess ħin il-KESE jilqa’ l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea li tinvolvi lill-awtoritajiet nazzjonali f’dan il-proċess billi tadotta Regolament Ewropew li jinnewtralizza r-riskji ta’ leġiżlazzjoni differenti li jistgħu jiġu osservati matul proċess ta’ traspożizzjoni ta’ Direttiva. |
3.8 |
Għall-intrapriżi u l-komunitajiet, li ġew ikkonsultati minn qabel mill-Kummissjoni Ewropea, l-adozzjoni ta’ parametri referenzjari tgħin biex jiġu żgurati tranżazzjonijiet transfruntiera fis-suq u jissaħħu kondizzjonijiet ekwivalenti ta’ kompetizzjoni, speċjalment għal pajjiżi b’rata tal-kambju li għadha regolata wisq. |
3.9 |
Din il-bidla regolatorja qed isseħħ biex jiġi indirizzat riskju sistemiku importanti ħafna: it-tipi ta’ kuntratti li se jiġu affettwati mill-waqfien ta’ parametru referenzjarju tar-rata tal-imgħax użat b’mod wiesa’ jinkludu:
Parti sostanzjali ta’ kuntratti finanzjarji li jirreferu għal parametri referenzjarji tar-rati tal-imgħax użati b’mod wiesa’ huma relatati ma’ entitajiet taħt superviżjoni li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament dwar il-Parametri Referenzjarji. |
3.10 |
L-inċertezza legali u l-impatt ekonomiku negattiv potenzjali li jistgħu jirriżultaw minn diffikultajiet fl-infurzar tal-obbligi kuntrattwali attwali se joħolqu riskju għall-istabbiltà finanzjarja tal-Unjoni:
|
3.11 |
Peress li fil-premessa 10, il-proposta għal emenda tiddikjara li għandhom jitqiesu r-rakkomandazzjonijiet mill-gruppi ta’ ħidma, u li għallinqas, fir-rigward tat-tranżizzjoni minn “Eonia” (Euro Overnight Index Average) għal “€STR” (Euro short-term rate), il-grupp ta’ ħidma relatat irrakkomanda li din it-tranżizzjoni ssir għal €STR flimkien mal-firxa, il-KESE jqis li jkun utli li jiġi kkonfermat li l-“parametru referenzjarju” għandu jinftiehem bħala l-“parametru l-ġdid flimkien mal-firxa”. |
3.12 |
Il-KESE jqis li jkun utli li jiġi ċċarat it-terminu “tfixkil sinifikanti fil-funzjonament tas-swieq finanzjarji fl-Unjoni”. F’dan ir-rigward, jekk huwa veru li, abbażi tad-dispożizzjonijiet tal-premessa 4, nistgħu nifhmu li l-waqfien ta’ LIBOR jaqa’ f’din il-kategorija, jekk inħarsu lejn il-futur u nqisu li f’xi mument ikun possibbli li l-EURIBOR jgħib, huwa xieraq li jiġi rakkomandat li dan il-kunċett jiġi definit. |
3.13 |
Il-KESE jemmen li jkun utli wkoll li jiġi indikat f’liema qafas il-Kummissjoni Ewropea ser teżerċita dan id-dritt, f’dan il-każ f’liema l-punt ta’ riferiment ta’ sostituzzjoni ser jiġi deżinjat ladarba l-kundizzjonijiet stabbiliti jkunu ġew sodisfatti. |
3.14 |
Kjarifika utli oħra tkun li jiġi ċċarat il-grad ta’ extraterritorjalità tal-applikazzjoni ta’ dik il-miżura jew, fi kliem ieħor, li jiġi indikat li din tapplika meta waħda mill-entitajiet taħt superviżjoni jkollha s-sede tagħha f’wieħed mill-Istati Membri, irrispettivament mil-leġiżlazzjoni li tirregola l-kuntratt, u dwar dan il-punt il-KESE jirreferi b’mod partikolari għall-kuntratti konklużi skont il-liġi Ingliża, li, fl-1 ta’ Jannar 2021, ser issir dik ta’ pajjiż terz, barra mill-Unjoni Ewropea. |
3.15 |
Ir-riforma tar-Regolament dwar il-Parametri Referenzjarji hija għalhekk il-mezz xieraq biex tiġi stabbilita rata ta’ sostituzzjoni statutorja li timmitiga kwalunkwe konsegwenza negattiva għaċ-ċertezza legali u l-istabbiltà finanzjarja li tista’ tirriżulta jekk LIBOR, jew kwalunkwe parametru referenzjarju ieħor li l-waqfien tiegħu jirriżulta fi tfixkil sinifikanti fil-funzjonament tas-swieq finanzjarji tal-Unjoni, ma titkompliex mingħajr ma tali rata ta’ sostituzzjoni tkun disponibbli u integrata f’kuntratti eżistenti li jinvolvu entitajiet taħt superviżjoni li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament. |
3.16 |
Id-deċiżjoni hija konformi mar-rakkomandazzjonijiet tal-Bord għall-Istabbiltà Finanzjarja, iżda l-KESE jistaqsi dwar il-fatt li jekk wieħed iħares lejn l-attività globali, l-Unjoni Ewropea tidher li hija l-unika ġurisdizzjoni li tipprova tirregola l-mekkaniżmu għall-funzjonament tal-parametri referenzjarji tar-rati tal-kambju spot. |
3.17 |
Naturalment, il-KESE jirrakkomanda l-monitoraġġ tal-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament u l-integrazzjoni tiegħu fil-livell tas-swieq finanzjarji. Għall-KESE huwa essenzjali li r-regoli kkonċernati jikkontribwixxu b’mod konkret u dirett għall-kisba tal-għanijiet u jipproduċu effetti pożittivi għall-partijiet kollha kkonċernati u fl-Istati Membri kollha. |
Brussell, id-29 ta’ Ottubru 2020.
Christa SCHWENG
Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
(1) Sistema Ewropea ta’ Superviżjoni Finanzjarja (SESF) – Riforma (ĠU C 227, 28.6.2018, p. 63), Finanzjament sostenibbli: Tassonomija u Punti ta’ Referenza (ĠU C 62, 15.2.2019, p. 103) u Sistema Ewropea ta’ Superviżjoni Finanzjarja (SESF) – Proposta emendata għall-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus) (ĠU C 110, 22.3.2019, p. 58).
(2) Il-LIBOR (London Interbank Offered Rate – Ir-rata Interbankarja Offruta ta’ Londra) isservi bħala r-rata tal-imgħax normattiva ewlenija rikonoxxuta internazzjonalment għall-kalkolu tal-ispejjeż tas-self interbankarju.
(3) Grupp Ekonomiku Internazzjonali stabbilit fil-laqgħa tal-G20 f’Londra f’April 2009. Dan ilaqqa’ flimkien 26 awtorità finanzjarja nazzjonali (banek ċentrali, ministeri tal-finanzi, eċċ.), kif ukoll diversi organizzazzjonijiet u gruppi internazzjonali li jiżviluppaw standards fil-qasam tal-istabbiltà finanzjarja.
(4) Sistema Ewropea ta’ Superviżjoni Finanzjarja (SESF) – Riforma (ĠU C 227, 28.6.2018, p. 63), Finanzjament sostenibbli: Tassonomija u Punti ta’ Referenza (ĠU C 62, 15.2.2019, p. 103) u Sistema Ewropea ta’ Superviżjoni Finanzjarja (SESF) – Proposta emendata għall-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus (ĠU C 110, 22.3.2019, p. 58).
(5) Ir-rati ta’ offerti interbankarji (Interbank offer rates – IBOR) huma rati ta’ referenza ta’ rilevanza sistemika, li huma l-bażi għal ħafna kuntratti fis-settur finanzjarju.