Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52019PC0636

    Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fi ħdan il-Kumitat Amministrattiv għall-Konvenzjoni Doganali dwar it-Trasport Internazzjonali ta’ oġġetti li jaqgħu taħt il-carnets TIR fir-rigward tal-proposta biex tiġi emendata l-Konvenzjoni

    COM/2019/636 final

    Brussell, 17.12.2019

    COM(2019) 636 final

    ANNESS

    tal-

    Proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill

    dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fi ħdan il-Kumitat Amministrattiv għall-Konvenzjoni Doganali dwar it-Trasport Internazzjonali ta’ oġġetti li jaqgħu taħt il-carnets TIR fir-rigward tal-proposta biex tiġi emendata l-Konvenzjoni


    FAJL MEHMUŻ

    Emendi għall-Konvenzjoni Doganali dwar it-Trasport Internazzjonali ta’ oġġetti li jaqgħu taħt il-carnets TIR (il-Konvenzjoni TIR tal-1975)

    A. Emendi għall-Konvenzjoni TIR

    1.Paragrafu (s) ġdid f’Artikolu 1

    (s)    It-terminu “proċedura eTIR” għandu jfisser il-proċedura TIR, implimentat permezz ta’ skambju elettroniku ta’ data, li jipprovdi l-ekwivalenti funzjonali għall-Carnet TIR. Billi japplikaw id-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni TIR, l-ispeċifiċitajiet tal-proċedura eTIR huma definiti fl-Anness 11.

    1bis.Artikolu 3(b)

       (b)    l-operazzjonijiet tat-trasport għandhom ikunu garantiti mill-assoċjazzjonijiet awtorizzati skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 6. Dawn iridu jitwettqu taħt kopertura ta’ Carnet TIR, li għandu jkun konformi mal-mudell riprodott fl-Anness 1 ta’ din il-Konvenzjoni jew jitwettqu permezz tal-proċedura eTIR.

    2.Artikolu 43

    In-Noti ta’ Spjegazzjoni stabbiliti fl-Anness 6, fil-Parti III tal-Anness 7, u fil-Parti II tal-Anness 11 jinterpretaw ċerti dispożizzjonijiet ta’ din il-Konvenzjoni u tal-Annessi tagħha. Huma jiddeskrivu wkoll ċerti prattiki rakkomandati.

    3.Kwart ġdid tal-Artikolu 58

    Għandu jiġi stabbilit Korp Tekniku ta’ Implimentazzjoni. Il-kompożizzjoni, il-funzjonijiet u r-regoli ta’ proċedura tiegħu ġew stabbiliti fl-Anness 11.

    4.Artikolu 59

    1.    Din il-Konvenzjoni, inkluż l-Annessi tagħha, tista’ tiġi emendata fuq proposta ta’ Parti Kontraenti permezz tal-proċedura speċifikata f’dan l-Artikolu.

    2.    Ħlief kif hemm ipprovdut fl-Artikolu 60 bis, kwalunkwe emenda proposta għal din il-Konvenzjoni għandha titqies mill-Kumitat Amministrattiv magħmul mill-Partijiet Kontraenti kollha skont ir-regoli ta’ proċedura stabbiliti fl-Anness 8. Kwalunkwe emenda bħal din meqjusa jew ippreparata matul il-laqgħa tal-Kumitat Amministrattiv u adottata minnu b’maġġoranza ta’ żewġ terzi tal-membri preżenti u li jivvotaw għandha tkun ikkomunikata mis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonjiet Uniti lill-Partijiet Kontraenti għall-aċċettazzjoni tagħhom.

    3.    Ħlief kif inhu pprovdut fl-Artikoli 60 u 60 bis, kwalunkwe emenda proposta li ġiet ikkomunikata skont il-paragrafu preċedenti għandha tidħol fis-seħħ fir-rigward tal-Partijiet Kontraenti kollha tliet xhur wara l-iskadenza ta’ perjodu ta’ tnax-il xahar wara d-data ta’ komunikazzjoni tal-emenda proposta, u meta matul dan il-perjodu ma tkun ġiet ikkomunikata l-ebda oġġezzjoni għall-emenda proposta lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonjiet Uniti minn Stat li huwa Parti Kontraenti.

    4.    Jekk, skont il-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu, tkun ġiet ikkomunikata oġġezzjoni għall-emenda proposta, għandu jitqies li l-emenda ma ġietx aċċettata u m’għandu jkollha l-ebda effett.

    5.Artikolu 60 bis ġdid

    Proċedura speċjali għad-dħul fis-seħħ tal-Anness 11 u l-emendi tiegħu

    1.    L-Anness 11, ikkunsidrat skont il-paragrafi 1 u 2 tal-Artikolu 59 għandu jidħol fis-seħħ fir-rigward tal-Partijiet Kontraenti kollha tliet xhur wara l-iskadenza ta’ perjodu ta’ tnax-il xahar wara d-data ta’ komunikazzjoni mis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti lill-Partijiet Kontraenti, ħlief għal dawk il-Partijiet Kontraenti li nnotifikaw lis-Segretarju Ġenerali bil-miktub, matul il-perjodu msemmi qabel ta’ tliet xhur dwar in-nonaċċettazzjoni tagħhom tal-Anness 11. L-Anness 11 għandu jidħol fis-seħħ għall-Partijiet Kontraenti li jirtiraw in-notifika tagħhom ta’ nonaċċettazzjoni sitt xhur wara d-data li fiha d-depożitarju jkun irċieva l-irtirar ta’ din in-notifika.

    2.    Kwalunkwe emenda proposta għall-Anness 11 għandha tiġi kkunsidrata mill-Kumitat Amministrattiv. Dawn l-emendi għandhom jiġu adottati mill-maġġoranza tal-Partijiet Kontraenti marbuta bl-Anness 11 preżenti u li jivvutaw.

    3.    L-emendi għall-Anness 11 li jkunu kkunsidrati u adottati skont il-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu għandhom jiġu kkomunikati mis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti lill-Partijiet Kontraenti kollha għall-informazzjoni jew, għal dawk il-Partijiet Kontraenti li huma marbuta bl-Anness 11, għall-aċċettazzjoni.

    4.    Id-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dawn l-emendi għandha tiġi determinata fiż-żmien tal-adozzjoni tagħhom, b’maġġoranza tal-Partijiet Kontraenti marbuta bl-Anness 11 preżenti u li jivvutaw.

    5.    L-emendi għandhom jidħlu fis-seħħ skont il-paragrafu 4 ta’ dan l-Artikolu sakemm f'xi data qabel, determinata fiż-żmien tal-adozzjoni, ma jkunx hemm kwint inkella ħamsa mill-Istati li huma Partijiet Kontraenti marbutin bl-Anness 11, skont liema numru jkun inqas, li jinnotifikaw lis-Segretarju Ġenerali dwar l-oġġezzjoni tagħhom għall-emendi.

    6.    Mad-dħul fis-seħħ, kwalunkwe emenda adottata skont il-proċeduri stabbiliti fil-paragrafi 2 sa 5 ta’ dan l-Artikolu għandha għall-Partijiet Kontraenti kollha marbuta bl-Anness 11 tissostitwixxi u tieħu post kwalunkwe dispożizzjoni preċedenti li għaliha tirreferi l-emenda.

    6.Artikolu 61

       Is-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti għandu jinforma lill-Partijiet Kontraenti kollha u lill-Istati kollha msemmija f’paragrafu 1 tal-Artikolu 52 ta’ din il-Konvenzjoni dwar kwalunkwe talba, komunikazzjoni, jew oġġezzjoni skont l-Artikoli 59, 60 u 60 bis hawn fuq u dwar id-data li fiha kwalunkwe emenda tidħol fis-seħħ.

    7.Subparagrafu ġdid (xi) fil-paragrafu 3 tal-Parti I tal-Anness 9

    (xi)    jikkonferma, fil-każ ta’ proċedura alternattiva deskritta fil-paragrafu 2 tal-Anness 11 tal-Artikolu 10, għall-Partijiet Kontraenti marbutin bl-Anness 11, fuq talba tal-awtoritajiet kompetenti, li l-garanzija hija valida, li trasport TIR jitwettaq skont il-proċedura eTIR u jipprovdi informazzjoni oħra rilevanti għat-trasport TIR.

    B.Anness 11 - Il-proċedura eTIR

    1.Parti I

    Artikolu 1
    Kamp ta’ applikazzjoni

    1.    Id-dispożizzjonijiet f’dan l-Anness jirregolaw l-implimentazzjoni tal-proċedura eTIR kif definita f’paragrafu (s) tal-Artikolu 1 tal-Konvenzjoni u għandhom japplikaw fir-relazzjonijiet bejn il-Partijiet Kontraenti marbuta b’dan l-Anness, kif previst f’paragrafu 1 tal-Artikolu 60 bis.

    2. Il-proċedura eTIR ma tistax tintuża għal trasporti li jseħħu parzjalment fit-territorju ta’ Parti Kontraenti, li mhijiex marbuta bl-Anness 11 u li hija Stat Membru ta’ unjoni doganali jew ekonomika b’territorju doganali wieħed.

    Artikolu 2
    Definizzjonijiet

    Għall-iskopijiet ta’ dan l-Anness:

    (a)    It-terminu “sistema internazzjonali eTIR” għandu jfisser is-sistema tat-Teknoloġija tal-Informazzjoni u l-Komunikazzjoni (ICT) ippjanata biex tippermetti l-iskambju ta’ informazzjoni elettronika bejn il-parteċipanti involuti fil-proċedura eTIR.

    (b)    It-terminu “speċifikazzjonijiet eTIR” għandu jfisser l-ispeċifikazzjonijiet konċettwali, funzjonali u tekniċi tal-proċedura eTIR adottata u emendata skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 5 ta’ dan l-Anness.

    (c)    It-terminu “data TIR bil-quddiem” għandu jfisser id-dejta ppreżentata lill-awtoritajiet kompetenti tal-pajjiż tat-tluq, skont l-ispeċifikazzjonijiet eTIR, dwar l-intenzjoni tad-detentur li jqiegħed oġġetti skont il-proċedura eTIR.

    (d)    It-terminu “data dwar emendi bil-quddiem” għandu jfisser id-dejta ppreżentata lill-awtoritajiet kompetenti tal-pajjiż li fih tkun mitluba emenda għad-dejta tad-dikjarazzjoni, skont l-ispeċifikazzjonijiet eTIR, dwar l-intenzjoni tad-detentur li jemenda d-data tad-dikjarazzjoni.

    (e)    It-terminu “data tad-dikjarazzjoni” għandu jfisser id-data TIR bil-quddiem u d-data dwar emendi bil-quddiem li ġew aċċettati mill-awtoritajiet kompetenti.

    (f)    It-terminu “dikjarazzjoni” għandu jfisser l-att li bih id-detentur, jew ir-rappreżentant tiegħu jew tagħha, jindika, skont l-ispeċifikazzjonijiet eTIR, l-intenzjoni li l-merkanzija titqiegħed skont il-proċedura eTIR. Mill-mument ta’ aċċettazzjoni tad-dikjarazzjoni mill-awtoritajiet kompetenti, ibbażata fuq id-data TIR bil-quddiem jew fuq id-data dwar emendi bil-quddiem, u t-trasferiment tad-data tad-dikjarazzjoni fis-sistema internazzjonali eTIR, dan għandu jikkostitwixxi l-ekwivalenti legali ta’ Carnet TIR aċċettat.

    (g)    It-terminu “dokument ta’ akkumpanjament” għandu jfisser id-dokument stampat, iġġenerat b’mod elettroniku mis-sistema doganali, wara l-aċċettazzjoni tad-dikjarazzjoni, b’konformità mal-linji gwida li jinsabu fl-ispeċifikazzjonijiet tekniċi eTIR. Id-dokument ta’ akkumpanjament jista’ jintuża biex jirreġistra inċidenti waqt ir-rotta u jieħu post ir-rapport iċċertifikat skont l-Artikolu 25 ta’ din il-Konvenzjoni u għall-proċedura alternattiva.

    (h)    It-terminu “awtentikazzjoni” għandu jfisser proċess elettroniku li jippermetti l-identifikazzjoni elettronika ta’ persuna fiżika jew ġuridika, jew l-oriġini u l-integrità ta’ data f’forma elettronika li għandha tiġi kkonfermata.

    Noti ta’ Spjegazzjoni għall-Artikolu 2 (h)

    11.2 (h)-1    Sakemm ikun ġie stabbilit u deskritt approċċ armonizzat fl-ispeċifikazzjonijiet eTIR, il-Partijiet Kontraenti marbuta bl-Anness 11 jistgħu jawtentikaw lid-detentur bi kwalunkwe proċess previst fil-liġi nazzjonali tagħhom, inklużi l-isem/il-password tal-utent jew firem elettroniċi, iżda mhux limitati għalihom.

    11.2. (h)-2    L-integrità tad-data skambjata bejn is-sistema internazzjonali eTIR u l-awtoritajiet kompetenti kif ukoll l-awtentikazzjoni tas-sistemi tat-Teknoloġija tal-Informazzjoni u l-Komunikazzjoni (ICT) sejrin jiġu żgurati permezz ta’ konnessjonijiet siguri, kif definit fl-ispeċifikazzjonijiet tekniċi eTIR.

    Artikolu 3
    Implimentazzjoni tal-proċedura eTIR

    1.    Il-Partijiet Kontraenti marbuta bl-Anness 11 għandhom jgħaqqdu s-sistemi doganali tagħhom mas-sistema internazzjonali eTIR skont l-ispeċifikazzjonijiet eTIR.

    2.    Kull Parti Kontraenti hija ħielsa li tistabbilixxi sa liema data hija tgħaqqad is-sistemi doganali tagħha mas-sistema internazzjonali eTIR. Id-data tal-konnessjoni għandha tiġi kkomunikata lill-Partijiet Kontraenti l-oħra kollha marbuta bl-Anness 11 mill-inqas sitt xhur qabel id-data effettiva tal-konnessjoni.

    Nota ta’ Spjegazzjoni għall-paragrafu 2 tal-Artikolu 3

    11.3.2        Il-Partijiet Kontraenti marbuta bl-Anness 11 huma rrakkomandati li jkollhom is-sistema doganali nazzjonali tagħhom aġġornata u li l-konnessjoni tagħha mas-sistema internazzjonali eTIR tiġi żgurata malli l-Anness 11 jidħol fis-seħħ għalihom. L-unjonijiet doganali jew ekonomiċi jistgħu jiddeċiedu f’data aktar tard, u b’hekk ikollhom żmien biex jgħaqqdu s-sistemi doganali nazzjonali tal-Istati Membri kollha tagħhom mas-sistema internazzjonali TIR.

    Artikolu 4
    Kompożizzjoni, funzjonijiet u regoli ta’ proċedura tal-Korp Tekniku ta’ Implimentazzjoni

    1.    Il-Partijiet Kontraenti marbuta bl-Anness 11 għandhom ikunu membri tal-Korp Tekniku ta’ Implimentazzjoni. Is-sessjonijiet tiegħu għandhom jitlaqqgħu f’intervalli regolari jew fuq talba tal-Kumitat Amministrattiv, kif meħtieġ għaż-żamma tal-ispeċifikazzjonijiet eTIR. Il-Kumitat Amministrattiv għandu jiġi infurmat regolarment dwar l-attivitajiet u l-kunsiderazzjonijiet tal-Korp Tekniku ta’ Implimentazzjoni.

    2.    Il-Partijiet Kontraenti li m’aċċettawx l-Anness 11 kif previst f’paragrafu 1 tal-Artikolu 60 bis u r-rappreżentanti ta’ organizzazzjonijiet internazzjonali jistgħu jattendu sessjonijiet tal-Korp Tekniku ta’ Implimentazzjoni bħala osservaturi.

    3.    Il-Korp Tekniku ta’ Implimentazzjoni għandu jimmonitorja l-aspetti tekniċi u funzjonali tal-implimentazzjoni tal-proċedura eTIR, kif ukoll jikkoordina u jrawwem l-iskambju ta’ informazzjoni dwar kwistjonijiet li jaqgħu fi ħdan il-kompetenza tiegħu.

    4.    Il-Korp Tekniku ta’ Implimentazzjoni għandu, fl-ewwel sessjoni tiegħu, jadotta r-regoli ta’ proċedura tiegħu u jissottomettihom lill-Kumitat Amministrattiv għall-approvazzjoni mill-Partijiet Kontraenti marbuta bl-Anness 11.

    Artikolu 5
    Proċeduri ta’ adozzjoni u ta’ emenda għall-ispeċifikazzjonijiet eTIR

    Il-Korp Tekniku ta’ Implimentazzjoni għandu:

    (a)    jadotta l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi tal-proċedura eTIR, u l-emendi għalihom, biex jiġi żgurat l-allinjament tagħhom mal-ispeċifikazzjonijiet funzjonali tal-proċedura eTIR. Fiż-żmien tal-adozzjoni, huwa għandu jiddeċiedi dwar il-perjodu tranżitorju xieraq għall-implimentazzjoni tagħhom.

    (b)    iħejji l-ispeċifikazzjonijiet funzjonali tal-proċedura eTIR, u l-emendi għaliha, biex jiġi żgurat l-allinjament tagħhom mal-ispeċifikazzjonijiet kunċettwali tal-proċedura eTIR. Huma għandhom jiġu trażmessi lill-Kumitat Amministrattiv għall-adozzjoni mill-maġġoranza tal-Partijiet Kontraenti marbuta bl-Anness 11 preżenti u li jivvutaw, kif ukoll jiġu implimentati u, meta meħtieġ, jiġu żviluppati fi speċifikazzjonijiet tekniċi f’data li trid tiġi determinata fiż-żmien tal-adozzjoni.

    (c)    jikkunsidra emendi għall-ispeċifikazzjonijiet konċettwali tal-proċedura eTIR jekk ikun mitlub mill-Kumitat Amministrattiv. L-ispeċifikazzjonijiet kunċettwali tal-proċedura eTIR, u l-emendi għaliha, għandhom jiġu adottati minn maġġoranza tal-Partijiet Kontraenti marbuta bl-Anness 11 preżenti u li jivvutaw, kif ukoll jiġu implimentati u, meta meħtieġ, jiġu żviluppati fi speċifikazzjoni funzjonali f’data li għandha tiġi determinata fi żmien l-adozzjoni.

    Artikolu 6
    Sottomissjoni ta’ data TIR bil-quddiem u data dwar emendi bil-quddiem

    1.    Id-data TIR bil-quddiem u d-data dwar emendi bil-quddiem għandhom jiġu ppreżentati mid-detentur, jew mir-rappreżentant tiegħu jew tagħha, lill-awtoritajiet kompetenti tal-pajjiż tat-tluq u tal-pajjiż li fih tkun qiegħda tintalab emenda għad-data tad-dikjarazzjoni. Ladarba d-dikjarazzjoni, jew l-emenda, tkun ġiet aċċettata b’konformità mal-liġi nazzjonali, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jgħaddu d-data tad-dikjarazzjoni, jew l-emenda tagħha, lis-sistema internazzjonali eTIR.

    2.    Id-data TIR bil-quddiem u d-data dwar emendi bil-quddiem imsemmija f’paragrafu 1 jistgħu jiġu ppreżentati jew direttament lill-awtoritajiet kompetenti jew permezz tas-sistema internazzjonali eTIR.

    3.    Partijiet Kontraenti marbuta bl-Anness 11 għandhom jaċċettaw is-sottomissjoni tad-data TIR bil-quddiem u tad-data dwar emendi bil-quddiem permezz tas-sistema internazzjonali eTIR.

    Nota ta’ Spjegazzjoni għall-paragrafu 3 tal-Artikolu 6

    11.6.3        Il-Partijiet Kontraenti marbuta bl-Anness 11 huma rrakkomandati li jirrikonoxxu, kemm jista' jkun, is-sottomissjoni tad-data TIR bil-quddiem u tad-data dwar emendi bil-quddiem permezz tal-metodi indikati fl-ispeċifikazzjonijiet funzjonali u tekniċi.

    4.    L-awtoritajiet kompetenti għandhom jippubblikaw il-lista tal-mezzi elettroniċi kollha li bihom tista’ tiġi ppreżentata d-dejta TIR bil-quddiem u d-data dwar emendi bil-quddiem.

    Artikolu 7
    Awtentifikazzjoni tad-detentur

    1.    Waqt li jaċċettaw id-dikjarazzjoni fil-pajjiż tat-tluq jew emenda tad-data tad-dikjarazzjoni fi kwalunkwe pajjiż tul l-itinerarju, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jawtentikaw id-data TIR bil-quddiem, jew id-data dwar emendi bil-quddiem, u d-detentur, f’konformità mal-liġi nazzjonali.

    2.    Il-Partijiet Kontraenti marbuta bl-Anness 11 għandhom jaċċettaw l-awtentikazzjoni tad-detentur imwettqa mis-sistema internazzjonali eTIR.

    Nota ta’ Spjegazzjoni għall-paragrafu 2 tal-Artikolu 7

    11.7.2        Is-sistema internazzjonali eTIR tiżgura, permezz ta’ mezzi deskritti fl-ispeċifikazzjonijiet eTIR, l-integrità tad-data TIR bil-quddiem, jew tad-dejta dwar emendi bil-quddiem, u li d-dejta ntbagħtet mid-detentur.

    3.    L-awtoritajiet kompetenti għandhom jippubblikaw lista ta’ mekkaniżmi ta’ awtentikazzjoni minbarra dawk speċifikati fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu li jistgħu jintużaw għall-awtentikazzjoni.

    4.    Il-Partijiet Kontraenti marbutin bl-Anness 11 għandhom jaċċettaw id-data tad-dikjarazzjoni li jirċievu mill-awtoritajiet kompetenti tal-pajjiż tat-tluq u tal-pajjiż li fih tintalab emenda għad-data tad-dikjarazzjoni permezz tas-sistema internazzjonali eTIR bħala l-ekwivalenti legali għal Carnet TIR aċċettat.

    Nota ta’ Spjegazzjoni għall-paragrafu 4 tal-Artikolu 7

    11.7.4        Is-sistema internazzjonali TIR tiżgura, permezz ta’ mezzi deskritti fl-ispeċifikazzjonijiet eTIR, l-integrità tad-data tad-dikjarazzjoni u li d-data ntbagħtet mill-awtoritajiet kompetenti tal-pajjiżi involuti fit-trasport.

    Artikolu 8
    Rikonoxximent reċiproku tal-awtentikazzjoni tad-detentur

    L-awtentikazzjoni tad-detentur imwettqa mill-awtoritajiet kompetenti tal-Partijiet Kontraenti marbutin bl-Anness 11 li jaċċettaw id-dikjarazzjoni, jew it-tibdil fid-data tad-dikjarazzjoni, għandha tiġi rikonoxxuta mill-awtoritajiet kompetenti tal-Partijiet Kontraenti sussegwenti kollha marbutin bl-Anness 11 matul it-trasport TIR.

    Nota ta’ spjegazzjoni għall-Artikolu 8

    11.8        Is-sistema internazzjonali eTIR tiżgura, permezz ta’ mezzi deskritti fl-ispeċifikazzjonijiet eTIR, l-integrità tad-data tad-dikjarazzjoni, inkluża r-referenza għad-detentur, awtentikata mill-awtoritajiet kompetenti li jaċċettaw id-dikjarazzjoni, irċevuta mill-awtoritajiet kompetenti u trażmessa lilhom.

    Artikolu 9
    Rekwiżiti addizzjonali tad-data

    1.    Minbarra d-data speċifikata fl-ispeċifikazzjonijiet funzjonali u tekniċi, l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jitolbu data addizzjonali stipulata mil-leġiżlazzjoni nazzjonali.

    2.    L-awtoritajiet kompetenti għandhom, kemm jista' jkun, jillimitaw ir-rekwiżiti tad-data għal dawk li jinsabu fl-ispeċifikazzjonijiet funzjonali u tekniċi u għandhom jagħmlu ħilithom biex jiffaċilitaw is-sottomissjoni ta’ data addizzjonali sabiex ma jfixklux it-trasport TIR imwettaq skont dan l-Anness.

    Article 10
    Proċedura alternattiva

    1.    Fejn il-proċedura eTIR ma tistax tinbeda għal raġunijiet tekniċi fl-uffiċċju doganali tat-tluq, id-detentur tal-Carnet TIR jista’ jerġa’ lura għall-proċedura TIR.

    2.    Fejn proċedura eTIR tkun bdiet iżda l-kontinwazzjoni tagħha tkun imfixkla għal raġunijiet tekniċi, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jaċċettaw id-dokument u l-proċess ta’ akkumpanjament li jkun konformi mal-proċedura deskritta fl-ispeċifikazzjonijiet eTIR, soġġetti għad-disponibbiltà ta’ informazzjoni addizzjonali minn sistemi elettroniċi alternattivi kif deskritt fl-ispeċifikazzjonijiet funzjonali u tekniċi.

    3.    L-awtoritajiet kompetenti tal-Partijiet Kontraenti huma intitolati wkoll li jitolbu lill-assoċjazzjonijiet garanti nazzjonali jikkonfermaw li l-garanzija hija valida, li trasport TIR jitwettaq skont il-proċedura eTIR, u jipprovdu informazzjoni oħra rilevanti għat-trasport TIR.

    4.    Il-proċedura deskritta f’paragrafu 3 għandha tiġi stabbilita fil-ftehim bejn l-awtoritajiet kompetenti u l-assoċjazzjoni garanti nazzjonali, kif stipulat f’paragrafu 1 (d) tal-Parti I tal-Anness 9.

    Artikolu 11
    Ospitar tas-sistema internazzjonali eTIR

    1.    Is-sistema internazzjonali eTIR għandha tkun ospitata u amministrata taħt l-awspiċi tal-Kummissjoni Ekonomika għall-Ewropa (KEE) tan-Nazzjonijiet Uniti.

    2.    Il-KEE għandha tassisti lill-pajjiżi biex jgħaqqdu s-sistemi doganali tagħhom mas-sistema internazzjonali eTIR, inkluż permezz ta’ testijiet ta’ konformità biex ikun żgurat it-tħaddim kif suppost tagħhom qabel il-konnessjoni operazzjonali.

    3.    Ir-riżorsi meħtieġa għandhom ikunu disponibbli għall-KEE sabiex jiġu ssodisfati l-obbligi stabbiliti f’paragrafi 1 u 2 ta’ dan l-Artikolu. Sakemm is-sistema internazzjonali eTIR ma tkunx iffinanzjata minn riżorsi mill-baġit regolari tan-Nazzjonijiet Uniti, ir-riżorsi meħtieġa għandhom ikunu soġġetti għar-regoli u r-regolamenti finanzjarji għall-fondi extrabaġitarji u għall-proġetti tan-Nazzjonijiet Uniti. Il-mekkaniżmu ta’ finanzjament għat-tħaddim tas-sistema internazzjonali eTIR fil-KEE għandu jiġi deċiż u approvat mill-Kumitat Amministrattiv.

    Nota ta’ Spjegazzjoni għall-paragrafu 3 tal-Artikolu 11

    11.11.3    Jekk ikun meħtieġ, il-Partijiet Kontraenti jistgħu jiddeċiedu li jiffinanzjaw l-ispejjeż operazzjonali tas-sistema internazzjonali eTIR permezz ta’ ammont għal kull trasport TIR. F’każijiet bħal dawn, il-Partijiet Kontraenti għandhom jiddeċiedu dwar iż-żmien xieraq biex jiġu introdotti mekkaniżmi alternattivi ta’ finanzjament u dwar il-modalitajiet tagħhom. Il-baġit meħtieġ għandu jitħejja mill-KEE, rivedut mill-Korp Tekniku ta’ Implimentazzjoni u approvat mill-Kumitat Amministrattiv.

    Artikolu 12
    Amministrazzjoni tas-sistema internazzjonali eTIR

    1.    Il-KEE għandha tagħmel l-arranġamenti xierqa għall-ħżin u l-arkivjar tad-data fis-sistema internazzjonali eTIR għal perjodu minimu ta’ 10 snin.

    2.    Id-data kollha maħżuna fis-sistema internazzjonali eTIR tista’ tintuża mill-KEE f’isem il-korpi kompetenti ta’ din il-Konvenzjoni għall-iskop ta’ estrazzjoni ta’ statistika aggregata.

    3.    L-awtoritajiet kompetenti tal-Partijiet Kontraenti li fit-territorju tagħhom jitwettaq trasport TIR skont il-proċedura eTIR, li jsir is-suġġett ta’ proċeduri amministrattivi jew legali rigward l-obbligu ta’ ħlas tal-persuna jew persuni direttament responsabbli jew tal-assoċjazzjoni garanti nazzjonali, jistgħu jitolbu lill-KEE u jiksbu informazzjoni maħżuna fis-sistema internazzjonali eTIR li jappartjeni għat-talba fit-tilwima għal finijiet ta’ verifika. Din l-informazzjoni tista’ tingħata bħala evidenza fi proċeduri nazzjonali amministrattivi jew legali.

    4.    F’każijiet oħra minbarra dawk speċifikati f’dan l-Artikolu, it-tixrid jew id-divulgazzjoni ta’ informazzjoni maħżuna fis-sistema internazzjonali eTIR lil persuni jew entitajiet mhux awtorizzati għandhom ikunu pprojbiti.

    Artikolu 13
    Pubblikazzjoni tal-uffiċċji doganali li jistgħu jimmaniġġaw eTIR

       L-awtoritajiet kompetenti għandhom jiżguraw li l-lista ta’ uffiċċji doganali tat-tluq, ta’ uffiċċji doganali waqt ir-rotta u ta’ uffiċċji doganali tad-destinazzjoni approvata għat-twettiq ta’ operazzjonijiet TIR skont il-proċedura eTIR, tkun f’kull ħin preċiża u aġġornata fil-bażi tad-data elettronika għal uffiċċji doganali approvati, żviluppata u miżmuma mill-Bord Eżekuttiv TIR.

    Artikolu 14
    Rekwiżiti legali għas-sottomissjoni tad-data skont l-Anness 10 tal-Konvenzjoni TIR

    Ir-rekwiżiti legali għas-sottomissjoni tad-data, kif stipulati f’paragrafi 1, 3 u 4 tal-Anness 10 ta’ din il-Konvenzjoni, jitqiesu li ġew issodisfati bl-implimentazzjoni tal-proċedura eTIR.

    Top

    Brussell, 17.12.2019

    COM(2019) 636 final

    2019/0279(NLE)

    eTIR Package

    Proposta għal

    DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

    dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fi ħdan il-Kumitat Amministrattiv għall-Konvenzjoni Doganali dwar it-Trasport Internazzjonali ta’ oġġetti li jaqgħu taħt il-carnets TIR fir-rigward tal-proposta biex tiġi emendata l-Konvenzjoni


    MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

    1.Suġġett tal-proposta

    Din il-proposta tikkonċerna d-Deċiżjoni li tistabbilixxi l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-Kumitat Amministrattiv stabbilit mill-Konvenzjoni Doganali dwar it-Trasport Internazzjonali ta’ oġġetti koperti b’carnets TIR 1 (“il-Konvenzjoni TIR”) b’rabta mal-adozzjoni prevista ta’ emendi li jikkonċernaw l-introduzzjoni tal-bażi ġuridika għall-proċedura elettronika TIR (eTIR).

    2.Kuntest tal-proposta

    2.1.Il-Konvenzjoni Doganali dwar it-Trasport Internazzjonali ta’ oġġetti koperti b’carnets TIR

    Il-Konvenzjoni Doganali dwar it-Trasport Internazzjonali ta’ oġġetti koperti b’carnets TIR tal-14 ta’ Novembru 1975 (il-Konvenzjoni TIR”) għandha l-għan li tiffaċilita l-ġarr internazzjonali ta’ oġġetti minn uffiċċji doganali tat-tluq lejn uffiċċji doganali tad-destinazzjoni u minn ġol-pajjiżi kollha meħtieġa.

    Il-Konvenzjoni TIR daħlet fis-seħħ fl-1978. Minn Jannar 2019, hemm 76 parti għall-Konvenzjoni, li jinkludu 75 stat u l-Unjoni Ewropea. L-Unjoni Ewropea ilha parti għall-Konvenzjoni TIR 2 mill-20 ta’ Ġunju 1983. L-Istati Membri kollha huma wkoll partijiet għall-Konvenzjoni TIR.

    2.2.Il-Kumitat Amministrattiv

    Il-Kumitat Amministrattiv jaġixxi fi ħdan il-qafas tal-Konvenzjoni TIR. Ir-rwol tiegħu huwa li jikkunsidra u jadotta emendi għall-Konvenzjoni TIR. Issir votazzjoni rigward il-proposti u kull Stat, li huwa parti u jiġi rrappreżentat f’sessjoni tal-Kumitat Amministrattiv, għandu vot wieħed. L-Unjoni għandha kompetenza esklussiva fil-qasam tad-dwana regolata mill-Konvenzjoni TIR. Madankollu, l-Unjoni, bħala orgnaizzazzjoni internazzjonali, m’għandhiex drittijiet tal-vot; l-Istati Membri kollha huma partijiet kontraenti bi drittijiet tal-vot.

    L-emendi għall-Konvenzjoni TIR jiġu adottati minn maġġoranza ta’ żewġ terzi tal-partijiet preżenti u li jivvotaw. Biex tittieħed deċiżjoni, huwa meħtieġ kworum li jikkonsisti minn mhux inqas minn terz tal-Istati li huma partijiet.

    2.3.L-att previst tal-Kumitat Amministrattiv

    Fis-sessjoni ta’ Frar 2020, il-Kumitat Amministrattiv huwa probabbli li jieħu deċiżjoni dwar l-adozzjoni tal-emendi proposti għall-Konvenzjoni TIR (“l-att previst”).

    L-għan tal-att previst huwa li jipprovdi l-bażi ġuridika meħtieġa għall-proċedura eTIR. Din il-bażi ġuridika se tkun magħmula minn Anness 11 ġdid tal-Konvenzjoni TIR u minn diversi emendi relatati mal-korp u l-Anness 9 tal-Konvenzjoni.

    L-att previst se jkun vinkolanti għall-partijiet f’konformità mal-Artikolu 59 tal-Konvenzjoni TIR li jipprevedi: “Ħlief kif inhu pprovdut fl-Artikolu 60, kwalunkwe emenda proposta li ġiet ikkomunikata skont il-paragrafu preċedenti għandha tidħol fis-seħħ rigward il-Partijiet Kontraenti kollha tliet xhur wara l-iskadenza ta’ perjodu ta’ tnax-il xahar wara d-data ta’ komunikazzjoni tal-emenda proposta, fejn matul dan il-perjodu ma tkun ġiet ikkomunikata l-ebda oġġezzjoni għall-emenda proposta lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonjiet Uniti minn Stat li huwa Parti Kontraenti. Jekk, skont il-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu, tkun ġiet ikkomunikata oġġezzjoni għall-emenda proposta għandu jitqies li l-emenda ma ġietx aċċettata u m’għandu jkollha l-ebda effett.”

    3.Il-pożizzjoni li trid tittieħed f’isem l-Unjoni

    3.1 Deskrizzjoni tal-emendi proposti għall-Konvenzjoni TIR

    Billi l-Konvenzjoni TIR taqa’ taħt il-kompetenza esklussiva tal-Unjoni, l-Unjoni għandha tadotta pożizzjoni komuni għall-Istati Membri kollha tagħha li huma Partijiet Kontraenti għall-Konvenzjoni TIR dwar l-emendi proposti tagħha. Id-deċiżjoni li trid tittieħed hija jekk tintrabatx jew le mal-Anness 11 il-ġdid propost li huwa mmirat li jipprovdi l-bażi ġuridika għall-possibbiltà li tintuża proċedura elettronika TIR minflok il-Carnet TIR tal-karta. Madankollu, għandu jiġi nnutat li, anki jekk l-Unjoni ddeċidiet li tkun marbuta bl-Anness 11 il-ġdid propost, l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha xorta jkollhom il-flessibilità li jiddeċiedu meta jgħaqqdu s-sistemi tal-IT tagħhom mas-sistema eTIR ospitata min-Nazzjonijiet Uniti.

    Hawn taħt hawn spjegazzjoni dettaljata tal-kontenut tal-Anness 11 il-ġdid propost kif ukoll tal-bidliet proposti għall-korp tal-Konvenzjoni TIR li huma konsegwenza tal-introduzzjoni tal-Anness 11 il-ġdid propost.

    Artikoli tal-Konvenzjoni relatati mal-Anness 11

    L-Anness 11 il-ġdid ma jistax jiġi implimentat mingħajr ma jiġu emendati l-korp u l-Anness 9 tal-Konvenzjoni TIR.

    Il-proposta għal paragrafu (s) ġdid f’Artikolu 1 tal-Konvenzjoni TIR ġiet elaborata sabiex tagħti definizzjoni tal-“proċedura eTIR” li hija proċedura TIR, implimentata permezz ta’ skambju elettroniku ta’ data, li tipprovdi l-ekwivalenti funzjonali għall-Carnet TIR. Dan l-Artikolu jistipula wkoll li l-“proċedura TIR” hija definita legalment fl-Anness 11 il-ġdid tal-Konvenzjoni TIR.

    Il-proposta għal emenda tal-paragrafu b) tal-Artikolu 3 tal-Konvenzjoni TIR hija meħtieġa sabiex tispeċifika li t-trasport TIR li jitwettaq mill-proċedura eTIR irid ikun garantit minn assoċjazzjoni awtorizzata.

    Il-proposta għal emenda tal-Artikolu 43 tal-Konvenzjoni TIR għandha l-għan li tqis in-nota ta’ Spjegazzjoni l-ġdida fil-Parti II tal-Anness 11, li tinterpreta ċerti dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni u tal-Annessi tagħha. Din l-emenda tista’ titqies bħala waħda ta’ natura editorjali.

    Il-proposta għal kwart ġdid fl-Artikolu 58 tal-Konvenzjoni TIR ġiet elaborata biex jiġi stabbilit il-Korp Tekniku ta’ Implimentazzjoni. Dan il-korp se jkun responsabbli għall-adozzjoni u l-emenda tal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi eTIR f’konformità mal-ispeċifikazzjonijiet kunċettwali u funzjonali adottati mill-Kumitat Amministrattiv.

    Il-proposta għal emenda tal-Artikolu 59, għal Artikolu 60 bis ġdid u għal emenda tal-Artikolu 61 tal-Konvenzjoni TIR tinkludi l-proċedura għad-dħul fis-seħħ tal-Anness 11 u ta’ emendi futuri. L-Anness 11 għandu jidħol fis-seħħ fir-rigward tal-Partijiet Kontraenti kollha ħlief għal dawk li se jinnotifikaw in-nonaċċettazzjoni tagħhom lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti. Għalhekk, dan se jwassal għal sitwazzjoni fejn xi Partijiet Kontraenti għall-Konvenzjoni TIR se jkunu marbuta b’dan l-Anness il-ġdid u oħrajn le.

    Il-proposta għal subparagrafu (xi) ġdid f’paragrafu 3 tal-Parti I tal-Anness 9 toħloq dazju ġdid għall-assoċjazzjonijiet awtorizzati f’każ ta’ sitwazzjoni ta’ riżerva waqt proċedura eTIR. Fuq talba tal-awtoritajiet kompetenti, l-assoċjazzjonijiet se jkollhom jikkonfermaw li t-trasport jitwettaq skont il-proċedura eTIR, li l-garanzija hija valida u jipprovdu kwalunkwe informazzjoni rilevanti oħra relatata mat-trasport TIR.

    L-Anness 11 il-Ġdid

    L-ewwel parti tal-Anness 11 hija komposta minn erbatax-il Artikolu li jiddeskrivu fid-dettall il-funzjonament tal-proċedura eTIR futura.

    L-Artikolu 1 jenfasizza li d-dispożizzjonijiet ta’ dan l-Anness għandhom japplikaw biss għall-Partijiet Kontraenti marbuta bl-Anness 11 kif previst fil-paragrafu 1 il-ġdid tal-Artikolu 60 bis tal-Konvenzjoni TIR u li l-proċedura eTIR ma tistax tintuża għal trasporti li jseħħu parzjalment fit-territorju ta’ Parti Kontraenti li mhijiex marbuta bl-Anness 11 u li hija Stat Membru ta’ unjoni doganali jew ekonomika b’territorju doganali wieħed.

    L-Artikolu 2 jipprovdi għad-definizzjonijiet meħtieġa sabiex is-sistema eTIR il-ġdida tiġi deskritta b’mod korrett. F’dan l-artikolu, qiegħda tiġi pprovduta d-definizzjoni tat-termini li ġejjin: “sistema internazzjonali TIR”, “speċifikazzjonijiet TIR”, “data TIR bil-quddiem”, “data dwar emendi bil-quddiem”, “data ta’ dikjarazzjoni”, “dikjarazzjoni”, “dokument ta’ akkumpanjament” u “awtentikazzjoni”.

    In-Noti ta’ Spjegazzjoni għall-paragrafu (h) tal-Artikolu 2 jenfasizzaw li sakemm jiġi stabbilit u deskritt approċċ armonizzat fl-ispeċifikazzjonijiet eTIR, il-Partijiet Kontraenti se jkollhom ċerta flessibbiltà biex jawtentikaw lid-detentur tal-proċedura eTIR skont il-liġi nazzjonali tagħhom. Huma jiddikjaraw ukoll li s-sigurtà tad-data skambjata bejn is-sistema internazzjonali eTIR u l-awtoritajiet kompetenti se tiġi żgurata kif definit fl-ispeċifikazzjonijiet tekniċi eTIR.

    L-Artikolu 3 jittratta l-implimentazzjoni konkreta tas-sistema eTIR li teħtieġ li l-Partijiet Kontraenti jgħaqqdu s-sistemi tal-IT tagħhom mas-sistema Internazzjonali eTIR. Madankollu, dan l-artikolu, f’konformità mal-formulazzjoni proposta mill-Unjoni, jagħti lill-Partijiet Kontraenti marbuta bl-Anness 11 il-flessibbiltà li jistabbilixxu sa liema data s-sistemi doganali tagħhom ikunu konnessi mas-sistema internazzjonali eTIR. Dan il-punt huwa kruċjali għall-Unjoni għaliex se jkollu impatt fuq is-sistemi tal-IT Doganali tal-Istati Membri kollha u fuq il-komponenti ċentrali ospitati mill-Kummissjoni Ewropea (u l-ispeċifikazzjonijiet komuni tas-sistema tal-UE). Bħala konsegwenza, anke jekk l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha kienu marbuta bl-Anness 11 u kellhom vuċi fl-emendi futuri tagħha, dawn ikunu liberi li jagħżlu meta jgħaqqdu s-sistemi tagħhom mas-sistema internazzjonali eTIR il-ġdida.

    In-Nota ta’ Spjegazzjoni għall-paragrafu 2 tal-Artikolu 3 tirrakkomanda lill-Partijiet Kontraenti marbuta bl-Anness 11 li s-sistemi doganali nazzjonali tagħhom jiġu aġġornati u l-konnessjonijiet tagħhom mas-sistema internazzjonali eTIR jiġu żgurati hekk kif l-Anness 11 jidħol fis-seħħ. Madankollu, f’konformità mat-talba magħmula mill-Unjoni, din tħalli lill-unjonijiet doganali jew ekonomiċi l-flessibbiltà li jiddeċiedu aktar tard, u b’hekk ikollhom żmien biex jgħaqqdu s-sistemi doganali nazzjonali tal-Istati Membri kollha tagħhom mas-sistema internazzjonali eTIR.

    L-Artikolu 4 jistabbilixxi l-kompożizzjoni, il-funzjonijiet u d-dispożizzjonijiet għar-regoli ta’ proċedura tal-Korp Tekniku ta’ Implimentazzjoni l-ġdid stabbilit mill-kwart il-ġdid tal-Artikolu 58 tal-Konvenzjoni TIR. Huwa importanti li jiġi enfasizzat li l-Partijiet Kontraenti marbuta bl-Anness 11 biss se jkunu membri ta’ dan il-korp. Il-Partijiet Kontraenti li m’aċċettawx l-Anness 11 jistgħu biss jattendu sessjonijiet tal-Korp Tekniku ta’ Implimentazzjoni bħala osservaturi.

    L-Artikolu 5 jispjega kif il-Korp Tekniku ta’ Implimentazzjoni l-ġdid se jħejji għall-adozzjoni u l-emenda tal-ispeċifikazzjoni kunċettwali u funzjonali tas-sistema internazzjonali eTIR mill-Kumitat Amministrattiv. Dan l-artikolu jispeċifika wkoll kif il-Korp Tekniku ta’ Implimentazzjoni jipprepara u jadotta jew jemenda l-ispeċifikazzjoni teknika tal-proċedura eTIR f’konformità mal-ispeċifikazzjonijiet kunċettwali u funzjonali.

    L-Artikolu 6 jiddeskrivi s-sottomissjoni tad-data TIR bil-quddiem. Din id-data se tiġi ppreżentata minn operaturi bil-quddiem b’mezzi elettroniċi. L-awtoritajiet kompetenti se jkollhom jippubblikaw il-lista tal-mezzi elettroniċi kollha li bihom jistgħu jiġu ppreżentati d-data TIR u d-data dwar emendi bil-quddiem. Dan l-artikolu għandu jinqara b’konnessjoni mal-abbozz tal-Artikolu 9 tal-Anness 11 li jiddeskrivi kif rekwiżiti addizzjonali tad-data, imposti mil-leġiżlazzjoni, jistgħu jiżdiedu mad-dejta TIR bil-quddiem. Barra minn hekk, dan l-artikolu jistipula li l-Partijiet Kontraenti għandhom jiffaċilitaw is-sottomissjoni ta’ data addizzjonali bħal din flimkien mad-dejta TIR bil-quddiem.

    In-Nota ta’ Spjegazzjoni għall-paragrafu 3 tal-Artikolu 6 tirrakkomanda lill-Parti Kontraenti marbuta bl-Anness 11 li tirrikonoxxi l-metodi indikati fl-ispeċifikazzjonijiet biex tiġi ppreżentata d-data TIR bil-quddiem.

    L-Artikolu 7 jiddefinixxi l-mekkaniżmi meħtieġa biex jiġi awtentikat id-detentur, jew ir-rappreżentant tiegħu, li jippreżenta d-data TIR bil-quddiem lill-awtoritajiet kompetenti. Huwa importanti li jiġi enfasizzat li l-Partijiet Kontraenti marbuta bl-Anness 11 se jkollhom jaċċettaw id-data tad-dikjarazzjoni li jirċievu mill-awtoritajiet kompetenti tal-pajjiż tat-tluq u tal-pajjiż li fih tintalab emenda għad-data tad-dikjarazzjoni permezz tas-sistema internazzjonali eTIR.

    In-Nota ta’ Spjegazzjoni għall-paragrafu 2 tal-Artikolu 7 tiżgura li s-sistema internazzjonali eTIR tkun tista’ tikkonferma l-integrità tad-data TIR bil-quddiem jew tal-emenda bil-quddiem mibgħuta mid-detentur.

    In-Nota ta’ Spjegazzjoni għall-paragrafu 4 tal-Artikolu 7 tiżgura li s-sistema internazzjonali eTIR tkun tista’ tikkonferma l-integrità tad-data tad-dikjarazzjoni mibgħuta mill-awtoritajiet kompetenti.

    L-Artikolu 8 ifakkar prinċipju fundamentali għall-Konvenzjoni TIR li huwa r-rikonoxximent reċiproku tal-awtentikazzjoni tad-detentur imwettaq mill-awtoritajiet kompetenti tal-Partijiet Kontraenti marbuta bl-Anness 11.

    In-Nota ta’ Spjegazzjoni għall-Artikolu 8 tiżgura li s-sistema internazzjonali eTIR tkun tista’ tikkonferma l-integrità tar-referenza għad-detentur li tirċievi mill-awtoritajiet kompetenti li aċċettaw id-dikjarazzjoni.

    L-Artikolu 10 jintroduċi proċedura alternattiva fil-każ li proċedura eTIR tiġi mxekkla għal raġunijiet tekniċi u jfakkar fid-dmirijiet tal-assoċjazzjonijiet garanti nazzjonali f’dik is-sitwazzjoni.

    L-Artikolu 11 u l-Artikolu 12 jiddeskrivu kif is-sistema internazzjonali eTIR ser tiġi ospitata, iffinanzjata u amministrata. Sa mill-bidu tad-diskussjoni dwar din il-kwistjoni, l-Unjoni kienet favur is-soluzzjoni proposta li jkun hemm sistema eTIR li tiġi ospitata u amministrata direttament skont l-awspiċji tal-Kummissjoni Ekonomika għall-Ewropa tan-Nazzjonijiet Uniti sabiex tiġi żgurata l-indipendenza tas-sistema Internazzjonali eTIR mill-organizzazzjoni internazzjonali (bħalissa l-IRU).

    In-Nota ta’ Spjegazzjoni għall-paragrafu 3 tal-Artikolu 11 tiċċara r-regoli biex jiġu ffinanzjati l-ispejjeż operattivi tas-sistema internazzjonali eTIR f’każ li l-ispejjeż għandhom jiġu koperti permezz ta’ ammont għal kull trasport TIR. F’dan il-każ, il-Partijiet Kontraenti għandhom ir-responsabbiltà li jiddeċiedu dwar il-mekkaniżmi ta’ finanzjament xierqa u dwar il-modalitajiet tagħhom. Il-baġit se jiġi approvat mill-Kumitat Amministrattiv.

    L-Artikolu 13 jistabbilixxi r-regoli li jikkonċernaw il-pubblikazzjoni tal-uffiċċji doganali li jistgħu jimmaniġġjaw operazzjonijiet eTIR. L-awtoritajiet kompetenti għandhom jiżguraw li l-lista tal-uffiċċji doganali għat-twettiq tal-operazzjonijiet TIR skont il-proċedura eTIR hija preċiża u aġġornata fil-bażi tad-data elettronika għall-uffiċċji doganali approvati żviluppati u miżmuma mill-Bord Eżekuttiv TIR.

    L-Artikolu 14 jispeċifika li s-sottomissjoni tad-data għat-tmiem tal-operazzjoni TIR hija meqjusa bħala li għandha tiġi ssodisfata permezz tal-applikazzjoni tal-proċedura eTIR.

    3.2 Pożizzjoni proposta

    L-Unjoni tikkondividi l-objettiv tal-Anness 11 il-ġdid propost tal-Konvenzjoni TIR: wara aktar minn ħmistax-il sena ta’ xogħlijiet preparatorji, wasal iż-żmien li jsir pass lejn ambjent elettroniku TIR. Dan huwa għalkollox konformi mal-politika u l-leġiżlazzjoni tal-UE dwar id-dwana elettronika li hija bbażata fuq il-pass min-naħa tad-dwana lejn ambjent mingħajr karti u kompletament elettroniku u interoperabbli b’valuri ewlenin ta’ sempliċità, servizz u ħeffa.

    Saru konsultazzjonijiet dwar l-emendi proposti mal-Istati Membri fi ħdan il-Grupp ta’ Esperti Doganali għal TIR (koordinazzjoni ta’ Ġinevra). Saru aktar konsultazzjonijiet matul is-sessjonijiet tal-Grupp ta’ Ħidma dwar Kwistjonijiet Doganali li Jaffettwaw it-Trasport tal-Kummissjoni Ekonomika għall-Ewropa tan-Nazzjonijiet Uniti (UNECE). Il-Kummissjoni Ewropea f’isem l-Unjoni u n-numru tal-Istati Membri tagħha pparteċipaw ukoll fi gruppi ta’ esperti taħt l-awspiċju tal-UNECE li ġew stabbiliti biex jitfasslu dispożizzjonijiet kemm legali kif ukoll tekniċi għal eTIR.

    Il-koordinazzjoni interna kif ukoll id-diskussjonijiet konġunti mal-Istati Membri wrew biċ-ċar li hemm appoġġ wiesa’ għall-Anness 11 il-ġdid propost.

    Huwa għalhekk propost li l-Unjoni tappoġġja l-adozzjoni tal-emendi li jikkonċernaw l-introduzzjoni tal-bażi ġuridika għall-proċedura elettronika TIR (eTIR).

    4.4. Bażi ġuridika

    4.1.Bażi ġuridika proċedurali

    4.1.1.Prinċipji

    L-Artikolu 218(9) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) jistipula deċiżjonijiet li jistabbilixxu “il-pożizzjonijiet li għandhom jiġu adottati f’isem l-Unjoni f’sede stabbilita bi ftehim, meta dik is-sede tintalab tadotta atti li jkollhom effetti legali, sakemm dawn ma jkunux atti li jissupplimentaw jew jemendaw il-qafas istituzzjonali tal-ftehim.”

    L-Artikolu 218(9) tat-TFUE japplika irrispettivament minn jekk l-Unjoni hix membru tas-sede jew parti għall-ftehim 3 .

    Il-kunċett ta’ “atti li jkollhom effetti ġuridiċi” jinkludi l-atti li jkollhom effetti ġuridiċi skont ir-regoli tad-dritt internazzjonali li jirregola s-sede kkonċernata. Dan jinkludi wkoll l-istrumenti li ma għandhomx effett vinkolanti skont id-dritt internazzjonali, iżda li "jistgħu jinfluwenzaw b’mod determinanti l-kontenut tal-leġiżlazzjoni adottata mil-leġiżlatura tal-Unjoni 4 .

    4.1.2.Applikazzjoni għall-każ preżenti

    Il-Kumitat Amministrattiv huwa korp stabbilit permezz ta’ ftehim, jiġifieri l-Konvenzjoni Doganali dwar it-Trasport Internazzjonali ta’ oġġetti li jaqgħu taħt il-carnets TIR.

    L-att li l-Kumitat Amministrattiv huwa mitlub jadotta jikkostitwixxi att b’effetti legali. L-att previst se jkun vinkolanti skont id-dritt internazzjonali f’konformità mal-Artikoli 59 u 60 tal-Konvenzjoni Doganali dwar it-Trasport Internazzjonali ta’ oġġetti li jaqgħu taħt il-carnets TIR.

    Għaldaqstant, il-bażi ġuridika proċedurali għad-deċiżjoni proposta hija l-Artikolu 218(9) tat-TFUE.

    4.2.Bażi ġuridika sostantiva

    4.2.1.Prinċipji

    Il-bażi ġuridika sostantiva biex tittieħed deċiżjoni skont l-Artikolu 218(9) tat-TFUE tiddependi primarjament mill-għan u mill-kontenut tal-att previst li dwarhom tittieħed pożizzjoni f’isem l-Unjoni. Jekk l-att previst ikollu żewġ għanijiet jew żewġ komponenti, u jekk wieħed minn dawn l-għanijiet jew komponenti jkun jista’ jiġi identifikat bħala dak ewlieni, filwaqt li l-ieħor ikun sempliċiment inċidentali, id-deċiżjoni skont l-Artikolu 218(9) tat-TFUE trid tkun imsejsa fuq bażi ġuridika sostantiva waħda, jiġifieri dik rikjesta mill-għan jew mill-komponent ewlieni jew predominanti.

    4.2.2.Applikazzjoni għall-każ preżenti

    L-objettiv ewlieni u l-kontenut tal-att previst jirrigwardaw id-dwana.

    Għalhekk, il-bażi ġuridika sostantiva tad-Deċiżjoni proposta hija l-Artikolu 207 tat-TFUE.

    4.3.Konklużjoni

    Il-bażi ġuridika tad-Deċiżjoni proposta jenħtieġ li tkun l-Artikolu 207 flimkien mal-Artikolu 218(9) tat-TFUE.

    5.Il-pubblikazzjoni tal-att previst

    Peress li l-att tal-Kumitat Amministrattiv se jemenda l-Konvenzjoni Doganali dwar it-Trasport Internazzjonali ta’ oġġetti li jaqgħu taħt il-carnets TIR u l-Annessi tagħha, huwa xieraq li dan jiġi ppubblikat f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea wara l-adozzjoni tiegħu.

    2019/0279 (NLE)

    Proposta għal

    DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

    dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fi ħdan il-Kumitat Amministrattiv għall-Konvenzjoni Doganali dwar it-Trasport Internazzjonali ta’ oġġetti li jaqgħu taħt il-carnets TIR fir-rigward tal-proposta biex tiġi emendata l-Konvenzjoni

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 207, flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

    Billi:

    (1)Il-Konvenzjoni Doganali dwar it-Trasport Internazzjonali ta’ oġġetti li jaqgħu taħt il-carnets TIR tal-14 ta’ Novembru 1975 (“il-Konvenzjoni TIR”) ġiet konkluża mill-Unjoni permezz tar-Regolament tal-Kunsill(KEE) Nru 2112/78 5 u daħlet fis-seħħ fil-Komunità fl-20 ta’ Ġunju 1983 6 .

    (2)Skont l-Artikolu 59 tal-Konvenzjoni TIR, il-Kumitat Amministrattiv jista’ jadotta emendi b’maġġoranza ta’ żewġ terzi tal-Partijiet Kontraenti preżenti u li jivvutaw.

    (3)Il-Kumitat Amministrattiv , waqt sessjoni fi Frar 2020, għandu jadotta Anness 11 ġdid u emendi relatati mal-Konvenzjoni TIR.

    (4)Ikun xieraq li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-Kumitat Amministrattiv, peress li l-emendi għall-Konvenzjoni TIR se jkunu vinkolanti fuq l-Unjoni.

    (5)L-Unjoni tappoġġa l-Anness 11 il-ġdid tal-Konvenzjoni TIR u l-emendi meħtieġa għall-korp tal-Konvenzjoni TIR għaliex din issegwi l-politika stabbilita mir-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 7 skont liema, fil-prinċipju, il-komunikazzjonijiet kollha mal-awtoritajiet doganali għandhom ikunu elettroniċi.

    (6)Paragrafu (s) ġdid tal-Artikolu 1 tal-Konvenzjoni TIR għandu jiddefinixxi l-“proċedura eTIR” applikabbli għall-iskambju elettroniku tad-data bejn l-awtoritajiet doganali.

    (7)Artikolu 58 ġdid tal-Konvenzjoni TIR għandu jistabbilixxi korp tekniku ta’ implimentazzjoni li għandu jadotta l-ispeċifikazzjoni teknika tas-sistema Internazzjonali eTIR.

    (8)Artikolu 60 bis ġdid għandu jistabbilixxi l-proċedura speċjali għad-dħul fis-seħħ tal-Anness 11 il-ġdid tal-Konvenzjoni TIR u tal-emendi futuri tagħha.

    (9)L-emendi għall-Artikoli 43, 59 u 61 jagħmlu l-adattamenti meħtieġa għall-introduzzjoni tal-Anness 11 il-ġdid.

    (10)L-Anness 11 il-ġdid tal-Konvenzjoni TIR għandu jippermetti lill-Partijiet Kontraenti marbuta minnu jużaw l-operazzjonijiet TIR. Għandu jippermetti lill-Unjoni u lill-Istati Membri tagħha jagħżlu b’mod flessibbli f’liema ħin jistgħu jgħaqqdu s-sistemi tagħhom mas-sistema internazzjonali eTIR.

    (11)Għalhekk, il-pożizzjoni li trid tiġi adottata f’isem l-Unjoni fi ħdan il-Kumitat Amministrattiv, jeħtieġ li tkun ibbażata fuq l-abbozz ta’ emendi mehmuż ma’ din id-Deċiżjoni,

    ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    Il-pożizzjoni li trid tittieħed f’isem l-Unjoni fit-tnejn u sebgħin jew fis-sessjoni sussegwenti tal-Kumitat Amministrattiv għandha tkun ibbażata fuq l-abbozzi ta’ emendi mehmuża ma’ din id-Deċiżjoni.

    Artikolu 2

    Il-pożizzjoni msemmija fl-Artikolu 1 għandha tiġi espressa mill-Istati Membri tal-Unjoni li huma membri tal-Kumitat Amministrattiv, li jaġixxu b’mod konġunt.

    Artikolu 3

    Aktar bidliet fl-abbozz ta’ emendi tal-Artikolu 1 jistgħu jiġu miftiehma mir-rappreżentant tal-Unjoni fil-Kumitat Amministrattiv, jekk in-negozjati jirrikjedu dan.

    Artikolu 4

    Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

    Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

    Magħmul fi Brussell,

       Għall-Kunsill

       Il-President

    (1)    TIR tfisser “Transports Internationaux Routiers” jew “Trasporti Internazzjonali bit-Triq”.
    (2)    Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2112/78 tal-25 ta’ Lulju 1978 dwar il-konklużjoni tal-Konvenzjoni Doganali fuq it-trasport internazzjonali ta’ oġġetti taħt il-carnets TIR (Konvenzjoni TIR) tal-14 ta’ Novembru 1975 f’Ġinevra ĠU L 252/1.
    (3)    Is-Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta’ Ottubru 2014, Il-Ġermanja vs Il-Kunsill, il-Kawża C-399/12, ECLI:EU:C:2014:2258, il-paragrafu 64.
    (4)    Is-Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta’ Ottubru 2014, Il-Ġermanja vs Il-Kunsill, il-Kawża C-399/12, ECLI:EU:C:2014:2258, il-paragrafi 61 sa 64.
    (5)    Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2112/78 tal-25 ta’ Lulju 1978 dwar il-konklużjoni tal-Konvenzjoni Doganali fuq it-trasport internazzjonali ta’ oġġetti li jaqgħu taħt il-carnets TIR (Konvenzjoni TIR) tal-14 ta’ Novembru 1975 f’Ġinevra (ĠU L 252, 14.9.1978, p. 1).
    (6)    ĠU L 31, 2.2.1983, p. 13.
    (7)    Ir-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Ottubru 2013 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (ĠU L 269, 10.10.2013, p. 1).
    Top