EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52019PC0631

Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL dwar il-pożizzjoni li trid tittieħed, f’isem l-Unjoni Ewropea, fit-tlieta u sittin sessjoni tal-Kummissjoni dwar id-Drogi Narkotiċi dwar l-iskedar ta’ sustanzi taħt il-Konvenzjoni Unika dwar Drogi Narkotiċi tal-1961, kif emendata mill-Protokoll tal-1972, u l-Konvenzjoni dwar is-Sustanzi Psikotropiċi tal-1971

COM/2019/631 final

Brussell, 13.12.2019

COM(2019) 631 final

2019/0278(NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar il-pożizzjoni li trid tittieħed, f’isem l-Unjoni Ewropea, fit-tlieta u sittin sessjoni tal-Kummissjoni dwar id-Drogi Narkotiċi dwar l-iskedar ta’ sustanzi taħt il-Konvenzjoni Unika dwar Drogi Narkotiċi tal-1961, kif emendata mill-Protokoll tal-1972, u l-Konvenzjoni dwar is-Sustanzi Psikotropiċi tal-1971


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.Suġġett tal-proposta

Din il-proposta tikkonċerna d-deċiżjoni li tistabbilixxi l-pożizzjoni li għandha tiġi adottata f’isem l-Unjoni fit-63 sessjoni tal-Kummissjoni dwar id-Drogi Narkotiċi fir-rigward tal-iskedar ta’ sustanzi taħt il-Konvenzjoni Unika tan-NU dwar id-Drogi Narkotiċi tal-1961, kif emendata mill-Protokoll tal-1972, u l-Konvenzjoni tan-NU dwar is-Sustanzi Psikotropiċi tal-1971. It-63 sessjoni tal-Kummissjoni dwar id-Drogi Narkotiċi se ssir bejn it-2 u s-6 ta’ Marzu 2020.

2.Kuntest tal-proposta

2.1. Il-Konvenzjoni Unika tan-NU dwar id-Drogi Narkotiċi tal-1961, kif emendata mill-Protokoll tal-1972, u l-Konvenzjoni tan-NU dwar is-Sustanzi Psikotropiċi tal-1971

Il-Konvenzjoni Unika tan-Nazzjonijiet Uniti (NU) dwar id-Drogi Narkotiċi tal-1961, kif emendata mill-Protokoll tal-1972, (il-“Konvenzjoni dwar id-Drogi Narkotiċi”) 1 għandha l-għan li tiġġieled l-abbuż tad-drogi permezz ta’ azzjoni kkoordinata fil-livell internazzjonali. Hemm żewġ forom ta’ intervent u ta’ kontroll li jaħdmu id f’id. L-ewwel u qabel kollox jiġi żgurat li l-pussess, l-użu, il-kummerċ, id-distribuzzjoni, l-importazzjoni, l-esportazzjoni, il-manifattura u l-produzzjoni ta’ drogi jkunu biss għal skopijiet mediċi u xjentifiċi. It-tieni, it-traffikar tad-droga jiġi miġġieled permezz ta’ kooperazzjoni internazzjonali li tkun ta’ deterrent u skuraġġament għat-traffikanti tad-droga.

Il-Konvenzjoni tan-NU dwar is-Sustanzi Psikotropiċi tal-1971 (il-“Konvenzjoni dwar is-Sustanzi Psikotropiċi”) 2 tistabbilixxi sistema ta’ kontroll internazzjonali għas-sustanzi psikotropiċi. Hija rrispondiet għad-diversifikazzjoni u l-espansjoni tal-ispettru tad-drogi u introduċiet kontrolli fuq numru ta’ drogi sintetiċi skont l-abbuż potenzjali tagħhom, minn naħa, u l-valur terapewtiku tagħhom min-naħa l-oħra.

L-Istati Membri kollha tal-UE huma firmatarji tal-Konvenzjonijiet, iżda l-Unjoni mhijiex.

2.2.Il-Kummissjoni dwar id-Drogi Narkotiċi

Il-Kummissjoni dwar id-Drogi Narkotiċi (Commission on Narcotic Drugs - CND) hija kummissjoni tal-Kunsill Ekonomiku u Soċjali tan-NU (UN Economic and Social Council - ECOSOC) u l-funzjonijiet u s-setgħat tagħha huma mniżżla, fost l-oħrajn, fiż-żewġ Konvenzjonijiet. Hija magħmula minn 53 Stat Membru tan-NU eletti mill-ECOSOC. F’Marzu 2020, 13-il Stat Membru se jkunu membri tas-CND bid-dritt li jivvutaw 3 . L-Unjoni għandha status ta’ osservatur fis-CND.

2.3.L-att previst tal-Kummissjoni dwar id-Drogi Narkotiċi

Is-CND temenda fuq bażi regolari l-lista ta’ sustanzi li huma annessi mal-Konvenzjonijiet abbażi tar-rakkomandazzjonijiet tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO) li tingħata pariri mill-Kumitat ta’ Esperti tagħha dwar id-Dipendenza fuq id-Droga.

Fil-15 ta’ Novembru 2019 id-WHO rrakkomandat lis-Segretarju Ġenerali tan-NU 4 biex iżid 12-il sustanza minn dawk li ġew rieżaminati b’mod kritiku mill-Kumitat ta’ Esperti tad-WHO dwar id-Dipendenza fuq id-Droga mal-iskedi tal-Konvenzjonijiet.

Fit-63 sessjoni tagħha, li tentattivament se ssir fi Vjenna mit-2 sas-6 ta’ Marzu 2020, is-CND mitluba tadotta d-deċiżjonijiet dwar l-iskedar ta’ dawn is-sustanzi taħt il-Konvenzjonijiet.

3.Pożizzjoni li trid tittieħed f’isem l-Unjoni

Bidliet fl-Iskedi tal-Konvenzjonijiet għandhom riperkussjonijiet diretti fil-kamp tal-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni fil-qasam tal-kontroll tad-droga għall-Istati Membri kollha. L-Artikolu 1(1) tad-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2004/757/ĠAI tal-25 ta’ Ottubru 2004 li tistabbilixxi dispożizzjonijiet minimi dwar l-elementi kostitwenti ta’ atti kriminali u ta’ pieni fil-qasam tat-traffikar illeċitu tad-drogi 5 (id-“Deċiżjoni Kwadru”) jiddikjara li, għall-finijiet tad-Deċiżjoni Kwadru, “droga” tfisser sustanza koperta jew mill-Konvenzjoni dwar id-Drogi Narkotiċi jew mill-Konvenzjoni dwar is-Sustanzi Psikotropiċi u kwalunkwe waħda mis-sustanzi mniżżla fl-Anness tad-Deċiżjoni Kwadru. Għaldaqstant id-Deċiżjoni Kwadru tapplika għas-sustanzi elenkati fl-Iskedi tal-Konvenzjoni dwar id-Drogi Narkotiċi u tal-Konvenzjoni dwar is-Sustanzi Psikotropiċi. Għaldaqstant kwalunkwe tibdil fl-iskedi annessi ma’ dawn il-Konvenzjonijiet jaffettwa b’mod dirett ir-regoli komuni tal-UE u jibdel il-kamp ta’ applikazzjoni tagħhom skont l-Artikolu 3(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE). Dan huwa irrispettivament minn jekk is-sustanza kkonċernata kinitx diġà tqiegħdet taħt kontroll madwar l-UE 6 .

L-ebda waħda mit-13-il sustanza, li ġew rieżaminati mill-Kumitat ta’ Esperti dwar id-Dipendenza fuq id-Droga, ma għadha suġġetta għal miżuri ta’ kontroll madwar l-Unjoni.

Il-proposta tal-Kummissjoni għall-pożizzjoni komuni tal-Unjoni tissuġġerixxi li jingħata appoġġ għar-rakkomandazzjonijiet tad-WHO billi dawn huma konformi mal-għarfien xjentifiku ta’ bħalissa. Fir-rigward tas-sustanzi psikoattivi, iż-żieda ta’ dawn is-sustanzi fl-Iskedi tal-Konvenzjonijiet hija appoġġata wkoll mill-informazzjoni li hija disponibbli mill-Bażi ta’ data Ewropea dwar Drogi Ġodda taċ-Ċentru Ewropew għall-Monitoraġġ tad-Droga u d-Dipendenza fuq id-Droga (EMCDDA).

Huwa meħtieġ li l-Kunsill jistabbilixxi l-pożizzjoni tal-Unjoni għal-laqgħa tas-CND meta din tissejjaħ biex tiddeċiedi dwar l-iskedar ta’ sustanzi. Tali pożizzjoni, minħabba l-limitazzjonijiet intrinsiċi tal-istatus ta’ osservatur tal-Unjoni, għandha tiġi espressa mill-Istati Membri li se jkunu membri tas-CND f’Marzu 2020, filwaqt li jaġixxu b’mod konġunt fl-interess tal-Unjoni fi ħdan is-CND. Għalkemm l-Unjoni mhijiex parti f’dawn il-Konvenzjonijiet hija għandha kompetenza esklużiva f’dan il-qasam.

Għal dan il-għan, il-Kummissjoni qed tipproponi li l-Istati Membri li se jkunu membri tas-CND f’Marzu 2020 jesprimu l-pożizzjoni tal-Unjoni f’isem l-Unjoni Ewropea fit-63 sessjoni tas-CND dwar l-iskedar ta’ sustanzi taħt il-Konvenzjoni dwar id-Drogi Narkotiċi u l-Konvenzjoni dwar is-Sustanzi Psikotropiċi. Din hija r-raba’ darba li l-Kummissjoni qiegħda tippreżenta tali proposta dwar il-pożizzjoni tal-Unjoni 7 . Il-Kunsill adotta l-pożizzjonijiet tal-Unjoni 8 u dan ippermetta lill-UE titkellem b’vuċi waħda fil-laqgħat preċedenti tas-CND dwar l-iskedar internazzjonali, billi l-Istati Membri li pparteċipaw fis-CND ivvotaw favur l-iskedar f’konformità mal-pożizzjoni tal-Unjoni.

4.Bażi ġuridika

4.1.Bażi ġuridika proċedurali

L-Artikolu 218(9) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) jipprovdi għal deċiżjonijiet li jistabbilixxu “il-pożizzjonijiet li għandhom jiġu adottati f’isem l-Unjoni f’sede stabbilita bi ftehim, meta dik is-sede tintalab tadotta atti li jkollhom effetti ġuridiċi, sakemm dawn ma jkunux atti li jissupplimentaw jew jemendaw il-qafas istituzzjonali tal-ftehim.”

L-Artikolu 218(9) tat-TFUE japplika irrispettivament jekk l-Unjoni tkunx membru tal-korp jew tkunx Parti għall-ftehim 9 . Il-kunċett ta’ “atti li jkollhom effetti ġuridiċi” jinkludi l-atti li jkollhom effetti ġuridiċi skont ir-regoli tad-dritt internazzjonali li jirregola l-korp ikkonċernat. Dan jinkludi l-istrumenti li ma għandhomx effett vinkolanti skont id-dritt internazzjonali, iżda li “jistgħu jinfluwenzaw b’mod determinanti l-kontenut tal-leġiżlazzjoni adottata mil-leġiżlatura tal-Unjoni 10 .

Is-CND hija “korp imwaqqaf bi ftehim” fi ħdan it-tifsira ta’ dan l-Artikolu, minħabba li hija korp stabbilit mill-ECOSOC – organu tan-Nazzjonijiet Uniti — u li ngħata kompiti speċifiċi taħt il-Konvenzjoni dwar id-Drogi Narkotiċi u l-Konvenzjoni dwar is-Sustanzi Psikotropiċi.

Id-deċiżjonijiet ta’ skedar tas-CND huma “atti li għandhom effetti ġuridiċi” skont it-tifsira tal-Artikolu 218(9) tat-TFUE. Skont il-Konvenzjoni dwar id-Drogi Narkotiċi u l-Konvenzjoni dwar is-Sustanzi Psikotropiċi, id-deċiżjonijiet tas-CND isiru vinkolanti awtomatikament, sakemm parti ma tkunx ippreżentat id-deċiżjoni għal rieżami lill-ECOSOC fil-perjodu ta’ żmien applikabbli 11 . Id-deċiżjonijiet tal-ECOSOC dwar din il-kwistjoni huma finali. Id-deċiżjonijiet ta’ skedar tas-CND għandhom ukoll effetti ġurudiċi fl-ordinament ġuridiku tal-UE minħabba l-fatt li jistgħu jinfluwenzaw b’mod deċiżiv il-kontenut tal-leġiżlazzjoni tal-UE, jiġifieri d-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2004/757/ĠAI. Il-bidliet fl-iskedi tal-Konvenzjonijiet għandhom riperkussjonijiet diretti għall-ambitu tal-applikazzjoni ta’ dan l-istrument legali tal-UE.

L-att previst ma jissupplimentax u ma jemendax il-qafas istituzzjonali tal-Ftehim.

Għaldaqstant, il-bażi ġuridika proċedurali tad-Deċiżjoni proposta hija l-Artikolu 218(9) tat-TFUE.

4.2.Bażi ġuridika sostantiva

Il-bażi ġuridika sostantiva biex tittieħed deċiżjoni skont l-Artikolu 218(9) tat-TFUE tiddependi primarjament mill-għan u mill-kontenut tal-att previst li dwarhom tittieħed pożizzjoni f’isem l-Unjoni.

L-objettiv ewlieni u l-kontenut tal-att previst jirrelataw mat-traffikar illeċitu tad-droga.

Għaldaqstant, il-bażi ġuridika sostantiva tad-deċiżjoni proposta hija l-Artikolu 83(1) tat-TFUE li tidentifika t-traffikar illeċitu tad-droga bħala wieħed mir-reati b’dimensjoni transfruntiera speċjali u tagħti s-setgħa lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill biex jistabbilixxu regoli minimi dwar id-definizzjoni ta’ reati u sanzjonijiet fil-qasam tat-traffikar illeċitu tad-droga.

4.3.Ġeometrija varjabbli

F’konformità mal-Artikolu 10(4) tal-Protokoll (Nru 36) dwar id-dispożizzjonijiet tranżitorji annessi mat-Trattati, ir-Renju Unit innotifika li ma jaċċettax is-setgħat sħaħ tal-Kummissjoni u tal-Qorti tal-Ġustizzja fir-rigward ta’ atti fil-qasam tal-kooperazzjoni tal-pulizija u dik ġudizzjarja f’materji kriminali li ġew adottati qabel id-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona. Bħala konsegwenza, id-Deċiżjoni Kwadru 2004/757 ĠAI waqfet milli tapplika għar-Renju Unit mill-1 ta’ Diċembru 2014 12 . 

Peress li d-deċiżjonijiet ta’ skedar tas-CND ma jaffettwawx ir-regoli komuni fil-qasam tat-traffikar illeċitu tad-drogi li jorbtu lir-Renju Unit, dan l-Istat Membru ma jipparteċipax fl-adozzjoni tad-Deċiżjoni tal-Kunsill li tistabbilixxi l-pożizzjoni li għandha tiġi adottata f’isem l-Unjoni meta jiġu adottati deċiżjonijiet ta’ skedar simili 13 .

Id-Danimarka hija marbuta bid-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill Nru 2004/757/ĠAI applikabbli sal-21 ta’ Novembru 2018 li tistipula fl-Artikolu 1 tagħha li “drogi” għandhom ifissru kwalunkwe waħda mis-sustanzi koperti jew mill-Konvenzjoni dwar id-Drogi Narkotiċi jew mill-Konvenzjoni dwar is-Sustanzi Psikotropiċi.

Peress li d-deċiżjonijiet ta’ skedar tas-CND ma jaffettwawx ir-regoli komuni fil-qasam tat-traffikar illeċitu tad-drogi li bih hija marbuta d-Danimarka, id-Danimarka tipparteċipa fl-adozzjoni tad-Deċiżjoni tal-Kunsill li tistabbilixxi l-pożizzjoni li għandha tiġi adottata f’isem l-Unjoni meta jiġu adottati deċiżjonijiet ta’ skedar simili.

4.4.Konklużjoni

Il-bażi ġuridika għal din il-proposta hija l-Artikolu 83(1), flimkien mal-Artikolu 218(9) TFUE.

5.IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI

Ebda implikazzjoni baġitarja.

2019/0278 (NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar il-pożizzjoni li trid tittieħed, f’isem l-Unjoni Ewropea, fit-tlieta u sittin sessjoni tal-Kummissjoni dwar id-Drogi Narkotiċi dwar l-iskedar ta’ sustanzi taħt il-Konvenzjoni Unika dwar Drogi Narkotiċi tal-1961, kif emendata mill-Protokoll tal-1972, u l-Konvenzjoni dwar is-Sustanzi Psikotropiċi tal-1971

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 83(1) flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)Il-Konvenzjoni Unika tan-Nazzjonijiet Uniti (NU) dwar id-Drogi Narkotiċi tal-1961, kif emendata mill-Protokoll tal-1972 14 , (il-“Konvenzjoni dwar id-Drogi Narkotiċi”) daħlet fis-seħħ fit-8 ta’ Awwissu 1975.

(2)Skont l-Artikolu 3 tal-Konvenzjoni dwar id-Drogi Narkotiċi, il-Kummissjoni dwar id-Drogi Narkotiċi tista’ tiddeċiedi li żżid sustanzi mal-Iskedi ta’ dik il-Konvenzjoni. Tista’ biss tagħmel tibdiliet fl-Iskedi skont ir-rakkomandazzjonijiet tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO), iżda tista’ wkoll tiddeċiedi li ma tagħmilx il-bidliet irrakkomandati mill-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO).

(3)Il-Konvenzjoni tan-NU dwar is-Sustanzi Psikotropiċi tal-1971 (il-“Konvenzjoni dwar is-Sustanzi Psikotropiċi”) 15 daħlet fis-seħħ fis-16 ta’ Awwissu 1976.

(4)Skont l-Artikolu 2 tal-Konvenzjoni dwar is-Sustanzi Psikotropiċi, il-Kummissjoni dwar id-Drogi Narkotiċi tista’ tiddeċiedi li żżid sustanzi mal-Iskedi ta’ dik il-Konvenzjoni, jew li tneħħihom, abbażi tar-rakkomandazzjonijiet tad-WHO. Hija għandha setgħat diskrezzjonali estensivi biex tieħu kont ta’ fatturi ekonomiċi, soċjali, legali, amministrattivi u ta’ fatturi oħra, iżda ma tistax taġixxi b’mod arbitrarju.

(5)Il-bidliet fl-Iskedi taż-żewġ Konvenzjonijiet għandhom riperkussjonijiet diretti fuq l-ambitu tal-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni fil-qasam tal-kontroll tad-drogi. Id-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2004/757/ĠAI 16 tapplika għas-sustanzi elenkati fl-Iskedi ta’ dawn il-Konvenzjonijiet. Għaldaqstant kwalunkwe tibdil fl-Iskedi annessi mal-Konvenzjonijiet jaffettwa b’mod dirett ir-regoli komuni tal-Unjoni u jibdel il-kamp ta’ applikazzjoni tagħhom skont l-Artikolu 3(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE).

(6)Matul it-tlieta u sittin sessjoni, li tentattivament se ssir bejn it-2 u s-6 ta’ Marzu 2020 fi Vjenna, il-Kummissjoni dwar id-Drogi Narkotiċi se tadotta deċiżjonijiet dwar iż-żieda ta’ 12-il sustanza ġdida mal-Iskedi tal-Konvenzjonijiet tan-NU.

(7)L-Unjoni mhijiex Parti għall-Konvenzjonijiet rilevanti tan-NU. Hija għandha status ta’ osservatur fi ħdan il-Kummissjoni dwar id-Drogi Narkotiċi li f’Marzu 2020 se tkun tinkludi tlettax-il Stat Membru bħala membri bid-dritt għall-vot 17 . Għaldaqstant huwa meħtieġ li l-Kunsill jawtorizza lill-Istati Membri biex jesprimu l-pożizzjoni tal-Unjoni dwar l-iskedar ta’ sustanzi taħt il-Konvenzjoni dwar id-Drogi Narkotiċi u l-Konvenzjoni dwar is-Sustanzi Psikotropiċi peress li d-deċiżjonijiet dwar iż-żieda ta’ sustanzi ġodda mal-Iskedi tal-Konvenzjonijiet jaqgħu fil-kompetenza esklużiva tal-Unjoni.

(8)Id-WHO irrakkomandat iż-żieda ta’ żewġ sustanzi ġodda fl-Iskeda I tal-Konvenzjoni dwar id-Drogi Narkotiċi, sustanza ġdida fl-Iskeda I, seba’ sustanzi ġodda fl-Iskeda II u żewġ sustanzi ġodda fl-Iskeda IV tal-Konvenzjoni dwar is-Sustanzi Psikotropiċi 18 .

(9)Is-sustanzi l-ġodda li ġew rieżaminati mill-Kumitat tal-Esperti tad-WHO dwar id-Dipendenza fuq id-Droga (“il-Grupp ta’ Esperti”) u li ġew irrakkomandati biex jiġu skedati mid-WHO huma mmonitorjati miċ-Ċentru Ewropew għall-Monitoraġġ tad-Droga u d-Dipendenza fuq id-Droga (“EMCDDA”) bħala sustanzi psikoattivi skont it-termini tar-Regolament (KE) Nru 1920/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 19 . L-ebda waħda minn dawn is-sustanzi ma ġiet suġġetta la għal rapport inizjali u lanqas għal valutazzjoni tar-riskju fil-livell tal-Unjoni.

(10)Skont il-valutazzjoni tal-Kumitat ta’ Esperti, il-krotonilfentanil (isem kimiku: N-fenil-N-[1-(2-feniletil)-4-piperidinil]-2-butenamid) hija oppjojde sintetika u hija strutturalment simili għall-fentanil, sustanza kkontrollata użata b’mod wiesa’ fil-mediċina għal anestesija ġenerali waqt il-kirurġija u għall-immaniġġjar tal-uġigħ. Il-krotonilfentanil ma għandha l-ebda użu terapewtiku u lanqas ma ġiet awtorizzata titqiegħed fis-suq bħala prodott mediċinali. Hemm biżżejjed evidenza li l-krotonilfentanil qed tiġi, jew x’aktarx qed tiġi, abbużata, u tista’ tikkostitwixxi problema soċjali u tas-saħħa pubblika li tiġġustifika t-tqegħid tas-sustanza taħt kontroll internazzjonali. Għaldaqstant, id-WHO tirrakkomanda li l-krotonilfentanil titqiegħed fl-Iskeda I tal-Konvenzjoni dwar id-Drogi Narkotiċi.

(11)Kien biss fil-ħarifa tal-2019 li l-krotonilfentanil ġiet identifikata għall-ewwel darba fl-UE (fin-Netherlands). Għadhom ma ġew assoċjati l-ebda mewta jew intossikazzjoni akuta ma’ din is-sustanza.

(12)L-Istati Membri għandhom jieħdu l-pożizzjoni li jżidu l-krotonilfentanil fl-Iskeda I tal-Konvenzjoni dwar id-Drogi Narkotiċi.

(13)Skont il-valutazzjoni tal-Kumitat ta’ Esperti, il-valerilfentanil (magħrufa wkoll bħala analoġija tal-fentanil pentanamid; isem kimiku: N-fenil-N-[1-(2-feniletil)-4-piperidil]pentanamid) hija oppjojde sintentika. Il-valerilfentanil ma għandha l-ebda użu terapewtiku u lanqas ma ġiet awtorizzata li titqiegħed fis-suq bħala prodott mediċinali. Hemm biżżejjed evidenza li l-valerilfentanil qed tiġi jew x’aktarx qed tiġi abbużata, u tista’ tikkostitwixxi problema soċjali u tas-saħħa pubblika li tiġġustifika t-tqegħid tas-sustanza taħt kontroll internazzjonali. Għaldaqstant, id-WHO tirrakkomanda li l-valerilfentanil titqiegħed fl-Iskeda I tal-Konvenzjoni dwar id-Drogi Narkotiċi.

(14)Il-valerilfentanil instabet f’ħames Stati Membri u hija kkontrollata f’mill-anqas erba’ Stati Membri. Għadhom ma ġew assoċjati l-ebda mewta jew intossikazzjoni akuta ma’ din is-sustanza.

(15)Għaldaqstant, l-Istati Membri għandhom jieħdu l-pożizzjoni li jżidu l-valerilfentanil fl-Iskeda I tal-Konvenzjoni dwar id-Drogi Narkotiċi.

(16)Skont il-valutazzjoni tal-Kumitat ta’ Esperti, id-DOC (magħrufa wkoll bħala 2,5-Dimetossi-4-kloroamfetamina; isem kimiku: 1-(4-kloro-2,5-dimetossifenil)propan-2-ammina) hija fenetilamina. Id-DOC ma għandha l-ebda użu terapewtiku u lanqas ma rċeviet awtorizzazzjoni biex titqiegħed fis-suq bħala prodott mediċinali. Hemm biżżejjed evidenza li d-DOC qed tiġi jew x’aktarx qed tiġi abbużata, u tista’ tikkostitwixxi problema soċjali u tas-saħħa pubblika li tiġġustifika t-tqegħid tas-sustanza taħt kontroll internazzjonali. Għaldaqstant, id-WHO tirrakkomanda li d-DOC titqiegħed fl-Iskeda I tal-Konvenzjoni dwar is-Sustanzi Psikotropiċi.

(17)Id-DOC instabet f’27 Stat Membru u hija kkontrollata f’mill-anqas tnax-il Stat Membru. Ġiet assoċjata ma’ tal-anqas mewta waħda u erba’ intossikazzjonijiet akuti.

(18)Għaldaqstant, l-Istati Membri jenħtieġ li jieħdu l-pożizzjoni li jżidu d-DOC fl-Iskeda I tal-Konvenzjoni dwar is-Sustanzi Psikotropiċi.

(19)Skont il-valutazzjoni tal-Kumitat Espert, l-AB-FUBINACA (magħrufa wkoll bħala FUB-AMB; isem kimiku: N-(1-ammino-3-metil-1-ossobutan-2-yl)-1-(4-fluworobenżil)-1H-indażolu-3-karbossammid) hija kannabinojdi sintetika. AB-FUBINACA ma għandha l-ebda użu terapewtiku u lanqas ma rċeviet awtorizzazzjoni biex titqiegħed fis-suq bħala prodott mediċinali. Hemm biżżejjed evidenza li AB-FUBINACA qed tiġi jew x’aktarx qed tiġi abbużata, u tista’ tikkostitwixxi problema soċjali u tas-saħħa pubblika li tiġġustifika t-tqegħid tas-sustanza taħt kontroll internazzjonali. Għaldaqstant, id-WHO tirrakkomanda li AB-FUBINACA titqiegħed fl-Iskeda II tal-Konvenzjoni dwar is-Sustanzi Psikotropiċi.

(20)AB-FUBINACA nstabet f’24 Stat Membru u hija kkontrollata f’mill-anqas 13-il Stat Membru. Ġiet assoċjata ma’ tal-anqas 20 mewt u 19-il intossikazzjoni akuta.

(21)Għaldaqstant, l-Istati Membri jeħtieġ li jieħdu l-pożizzjoni li jżidu AB-FUBINACA fl-Iskeda II tal-Konvenzjoni dwar is-Sustanzi Psikotropiċi.

(22)Skont il-valutazzjoni tal-Kumitat ta’ Esperti, il-5F-AMB-PINACA (magħrufa ukoll bħala 5F-AMB, 5F-MMB-PINACA, 5-fluworo AMB, 5-fluworo AMP jew 5F-AMP; isem kimiku: Il-Metil 2-({[1-(5-fluworopentil)-1H-indażol-3-yl]karbonil}ammino)-3-metilbutanoat) hija kannabinojdi sintetika. 5F-AMB-PINACA ma għandha l-ebda użu terapewtiku u lanqas ma ġiet awtorizzata li titqiegħed fis-suq bħala prodott mediċinali. Hemm biżżejjed evidenza li 5F-AMB-PINACA qed tiġi jew x’aktarx qed tiġi abbużata, u tista’ tikkostitwixxi problema soċjali u tas-saħħa pubblika li tiġġustifika t-tqegħid tas-sustanza taħt kontroll internazzjonali. Għaldaqstant, id-WHO tirrakkomanda li l-5F-AMB-PINACA titqiegħed fl-Iskeda II tal-Konvenzjoni dwar is-Sustanzi Psikotropiċi.

(23)Il-5F-AMB-PINACA instabet fi 17-il Stat Membru u hija kkontrollata f’mill-anqas tmien Stati Membri. Ġiet assoċjata ma’ tal-anqas żewġ imwiet u tliet intossikazzjonijiet akuti.

(24)Għaldaqstant, l-Istati Membri għandhom jieħdu l-pożizzjoni li jżidu l-5F-AMB-PINACA fl-Iskeda II tal-Konvenzjoni dwar is-Sustanzi Psikotropiċi.

(25)Skont il-valutazzjoni tal-Kumitat ta’ Esperti, il-5F-MDMB-PICA (magħrufa wkoll bħala 5F-MDMB-2201 jew MDMB-2201; isem kimiku: metil 2-[[1-(5-fluworopentil)indol-3-karbonil]ammino]-3,3-dimetil-butanoat) hija kannabinojdi sintetika. 5F-MDMB-PICA ma għandha l-ebda użu terapewtiku u lanqas ma rċeviet awtorizzazzjoni biex titqiegħed fis-suq bħala prodott mediċinali. Hemm biżżejjed evidenza li 5F-MDMB-PICA qed tiġi jew x’aktarx qed tiġi abbużata, u tista’ tikkostitwixxi problema soċjali u tas-saħħa pubblika li tiġġustifika t-tqegħid tas-sustanza taħt kontroll internazzjonali. Għaldaqstant, id-WHO tirrakkomanda li l-5F-MDMB-PICA titqiegħed fl-Iskeda II tal-Konvenzjoni dwar is-Sustanzi Psikotropiċi.

(26)Il-5F-MDMB-PICA instabet fi 22-il Stat Membru u hija kkontrollata f’mill-anqas tliet Stati Membri. Ġiet assoċjata ma’ tal-anqas tmien imwiet u intossikazzjoni akuta waħda.

(27)Għaldaqstant, l-Istati Membri għandhom jieħdu l-pożizzjoni li jżidu l-5F-MDMB-PICA fl-Iskeda II tal-Konvenzjoni dwar is-Sustanzi Psikotropiċi.

(28)Skont il-valutazzjoni tal-Kumitat ta’ Esperti, il-4-F-MDMB-BINACA (magħrufa wkoll bħala 4F-ADB, 4F-MDMB-BINACA jew 4F-MDMB-BUTINACA; isem kimiku: metil 2-(1-(4-fluworobutil)-1H-indazol-3-karbosammid)-3,3-dimetilbutanoat) hija kannabinojdi sintetika. 4-F-MDMB-BINACA ma għandha l-ebda użu terapewtiku u lanqas ma ġiet awtorizzata li titqiegħed fis-suq bħala prodott mediċinali. Hemm biżżejjed evidenza li 4-F-MDMB-BINACA qed tiġi jew x’aktarx qed tiġi abbużata, u tista’ tikkostitwixxi problema soċjali u tas-saħħa pubblika li tiġġustifika t-tqegħid tas-sustanza taħt kontroll internazzjonali. Għaldaqstant, id-WHO tirrakkomanda li l-4-F-MDMB-BINACA titqiegħed fl-Iskeda II tal-Konvenzjoni dwar is-Sustanzi Psikotropiċi.

(29)Il-4-F-MDMB-BINACA instabet fi 14-il Stat Membru u hija kkontrollata f’mill-anqas Stat Membru wieħed. Ġiet assoċjata ma’ tal-anqas intossikazzjoni akuta waħda. L-4-F-MDMB-BINACA kienet is-suġġett ta’ briefing Sistema ta’ Twissija Bikrija tal-UE f’April 2019.

(30)Għaldaqstant, l-Istati Membri għandhom jieħdu l-pożizzjoni li jżidu l-4-F-MDMB-BINACA fl-Iskeda II tal-Konvenzjoni dwar is-Sustanzi Psikotropiċi.

(31)Skont il-valutazzjoni tal-Kumitat ta’ Esperti, il-4-CMC (magħrufa wkoll bħala 4-klorometkatinon jew klefedron; isem kimiku: 1-(4-klorofenil)-2-(metilammin)propan-1-one) hija katinon sentetika, li strutturalment hija relatata mal-mefedron 20 , li hija skedata fil-Konvenzjoni dwar is-Sustanzi Psikotropiċi. 4-CMC ma għandha l-ebda użu terapewtiku u lanqas ġiet awtorizzata li titqiegħed fis-suq bħala prodott mediċinali. Hemm biżżejjed evidenza li 4-CMC qed tiġi jew x’aktarx qed tiġi abbużata, u tista’ tikkostitwixxi problema soċjali u tas-saħħa pubblika li tiġġustifika t-tqegħid tas-sustanza taħt kontroll internazzjonali. Għaldaqstant, id-WHO tirrakkomanda li l-4-CMC titqiegħed fl-Iskeda II tal-Konvenzjoni dwar is-Sustanzi Psikotropiċi.

(32)Il-4-CMC instabet fi 24-il Stat Membru u hija kkontrollata f’mill-anqas tmien Stati Membri. Ġiet assoċjata ma’ tal-anqas erbat imwiet u tliet intossikazzjonijiet akuti.

(33)Għaldaqstant, l-Istati Membri għandhom jieħdu l-pożizzjoni li jżidu l-4-CMC fl-Iskeda II tal-Konvenzjoni dwar is-Sustanzi Psikotropiċi.

(34)Skont il-valutazzjoni tal-Kumitat ta’ Esperti, N-etilessedron (magħrufa wkoll bħala NEH, Essen, Etil-Ess, Etil-essedron jew HEX-EN; isem kimiku: 2-(etilamin)-1-fenilessan-1-one) hija katinon sintetika. L-N-etilessedron ma għandha l-ebda użu terapewtiku u lanqas ma ġiet awtorizzata li titqiegħed fis-suq bħala prodott mediċinali. Hemm biżżejjed evidenza li l-N-etilessedron qed tiġi jew x’aktarx qed tiġi abbużata, u tista’ tikkostitwixxi problema soċjali u tas-saħħa pubblika li tiġġustifika t-tqegħid tas-sustanza taħt kontroll internazzjonali. Għaldaqstant, id-WHO tirrakkomanda li l-N-etilessedron titqiegħed fl-Iskeda II tal-Konvenzjoni dwar is-Sustanzi Psikotropiċi.

(35)L-N-etilessedron instabet f’23 Stat Membru u hija kkontrollata f’mill-anqas sitt Stati Membri. Ġiet assoċjata ma’ tal-anqas 31 mewt u disa’ intossikazzjonijiet akuti.

(36)Għaldaqstant, l-Istati Membri għandhom jieħdu l-pożizzjoni li jżidu N-etilessedron fl-Iskeda II tal-Konvenzjoni dwar is-Sustanzi Psikotropiċi.

(37)Skont il-valutazzjoni tal-Kumitat ta’ Esperti, l-alfa-PHP (magħrufa wkoll bħala PV-7, α-PHP, α-pirrolidinoessanofenon; isem kimiku: il-1-Fenil-2-(pirrolidin-1-yl)essan-1-one) hija katinon sintetiku. Hija omologu ogħla tal-alfa-PVP, 21 li hija skedata taħt il-Konvenzjoni dwar is-Sustanzi Psikotropiċi. L-alfa-PHP ma għandha l-ebda użu terapewtiku u lanqas ma rċeviet awtorizzazzjoni biex titqiegħed fis-suq bħala prodott mediċinali. Hemm biżżejjed evidenza li l-alfa-PHP qed tiġi jew x’aktarx qed tiġi abbużata, u tista’ tikkostitwixxi problema soċjali u tas-saħħa pubblika li tiġġustifika t-tqegħid tas-sustanza taħt kontroll internazzjonali. Għaldaqstant, id-WHO tirrakkomanda li l-alfa-PHP titqiegħed fl-Iskeda II tal-Konvenzjoni dwar is-Sustanzi Psikotropiċi.

(38)L-alfa-PHP instabet f’21 Stat Membru u hija kkontrollata f’mill-anqas seba’ Stati Membri. Ġiet assoċjata ma’ tal-anqas 27 mewt u żewġ intossikazzjonijiet akuti.

(39)Għaldaqstant, l-Istati Membri jeħtieġ li jieħdu l-pożizzjoni li jżidu l-alfa-PHP fl-Iskeda II tal-Konvenzjoni dwar is-Sustanzi Psikotropiċi.

(40)Skont il-valutazzjoni tal-Kumitat ta’ Esperti, il-fluwalprazolam (magħrufa wkoll bħala Ro 11-5073/000; isem kimiku: 8-kloro-6-(2-fluworofenil)-1-metil-4H-[1,2,4]triażol[4,3-a][1,4]benżodiażepina) hija benżodiażepina. Il-fluwalprażolam ma għandha l-ebda użu terapewtiku u lanqas ma ġiet awtorizzata li titqiegħed fis-suq bħala prodott mediċinali. Hemm biżżejjed evidenza li l-fluwalprażolam qed tiġi, jew x’aktarx qed tiġi, abbużata, u tista’ tikkostitwixxi problema soċjali u tas-saħħa pubblika li tiġġustifika t-tqegħid tas-sustanza taħt kontroll internazzjonali. Għaldaqstant, id-WHO tirrakkomanda li l-fluwalprażolam titqiegħed fl-Iskeda IV tal-Konvenzjoni dwar is-Sustanzi Psikotropiċi.

(41)Il-fluwalprażolam instabet fi tmien Stati Membri u hija kkontrollata f’mill-anqas żewġ Stati Membri. Ġiet assoċjata ma’ tal-anqas 26 mewt. Il-fluwalprażolam kienet is-suġġett ta’ briefing tas-Sistema ta’ Twissija Bikrija tal-UE f’Marzu 2019.

(42)Għaldaqstant, l-Istati Membri għandhom jieħdu l-pożizzjoni li jżidu l-fluwalprażolam fl-Iskeda IV tal-Konvenzjoni dwar is-Sustanzi Psikotropiċi.

(43)Skont il-valutazzjoni tal-Kumitat ta’ Esperti, l-etiżolam (magħrufa wkoll bħala Y-7131 jew Depas; isem kimiku: 4-(2-klorofenil)-2-etil-9-metil-6H-tjeno[3,2-f][1,2,4]triażol[4,3-a][1,4]diażepina) hija sustanza tat-tip benżodiażepina. L-etiżolam ġiet rieżaminata minn Kumitat ta’ Esperti fi tliet okkażjonijiet, l-aħħar darba fl-2017. Hemm biżżejjed evidenza li l-etiżolam qed tiġi, jew x’aktarx qed tiġi, abbużata, u tista’ tikkostitwixxi problema soċjali u tas-saħħa pubblika li tiġġustifika t-tqegħid tas-sustanza taħt kontroll internazzjonali. Għaldaqstant, id-WHO tirrakkomanda li l-etiżolam titqiegħed fl-Iskeda IV tal-Konvenzjoni dwar is-Sustanzi Psikotropiċi.

(44)L-etizolam instabet f’21 Stat Membru u hija kkontrollata f’mill-anqas seba’ Stati Membri. Ġiet assoċjata ma’ 43 mewt 22 . Filwaqt li l-etizolam hija mediċina awtorizzata 23 f’diversi pajjiżi (fil-Ġappun, fl-Italja, fl-Indja), huwa maħsub li l-parti l-kbira tas-sustanza li tinbiegħ fis-suq tad-drogi fl-Ewropa ma tiġix minn mediċini li jiġu ddevjati iżda tinxtara f’forma ta’ trab fi kwantitajiet bl-ingrossa mingħand kumpaniji tal-kimiki li huma bbażati barra mill-Ewropa. Imbagħad tiġi importata fl-Unjoni permezz tal-posta rapida jew tas-servizzi tal-merkanzija u tipikament wara tiġi ppressati f’pilloli li jew jinbiegħu bħala etiżolam jew inkella bħala diażepam u alprażolam foloz. Ta’ sikwit l-etiżolam tinbiegħ bħala l-”valium tat-triq”. L-għadd ta’ każi spontanji fl-Ewropa li ġew irrapportati lil EudraVigilance (EV) fir-rigward tal-etiżolam li jistgħu jiġu identifikati permezz tal-Mistoqsija Standardizzata tal-MedDRA “Abbuż mid-droga, id-dipendenza u l-astinenza” huwa żgħir 24 . Fl-2017, l-etiżolam kienet l-aktar benzodiazepina li nqabdet u li ġiet irrappurtata lis-Sistema ta’ Twissija Bikrija ta’ sikwit, kemm f’dak li huwa għadd ta’ każi kif ukoll b’rabta mal-ammont. L-etiżolam kienet is-suġġett ta’ Briefing tas-Sistema ta’ Twissija Bikrija tal-Unjoni f’Marzu 2019.

(45)Għaldaqstant, l-Istati Membri għandhom jieħdu l-pożizzjoni li jżidu l-etiżolam fl-Iskeda IV tal-Konvenzjoni dwar is-Sustanzi Psikotropiċi.

(46)Huwa xieraq li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-Kummissjoni dwar id-Drogi Narkotiċi, peress li d-deċiżjonijiet dwar id-deċiżjonijiet differenti dwar l-iskedar fir-rigward tat-12-il sustanza se jkunu jistgħu jinfluwenzaw b’mod deċiżiv il-kontenut tad-dritt tal-Unjoni, jiġifieri d-Deċiżjoni Kwadru 2004/757/ĠAI.

(47)Il-pożizzjoni tal-Unjoni għandha tiġi espressa mill-Istati Membri li huma membri tal-Kummissjoni dwar id-Drogi Narkotiċi f’azzjoni konġunta.

(48)Id-Danimarka hija marbuta bid-Deċiżjoni Kwadru 2004/757/ĠAI kif applikabbli sal-21 ta’ Novembru 2018 u għalhekk qed tieħu sehem fl-adozzjoni u l-applikazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni.

(49)L-Irlanda hija marbuta bid-Deċiżjoni Kwadru 2004/757/ĠAI u għalhekk qed tieħu sehem fl-adozzjoni u l-applikazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni.

(50)Ir-Renju Unit mhuwiex marbut bid-Deċiżjoni Kwadru 2004/757/ĠAI u għalhekk mhuwiex qed jieħu sehem fl-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni, u mhuwiex marbut biha jew suġġett għall-applikazzjoni tagħha,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata f’isem l-Unjoni fit-tlieta u sittin sessjoni tal-Kummissjoni dwar id-Drogi Narkotiċi mit-2 sas-6 ta’ Marzu 2020, meta dak il-korp jintalab jadotta deċiżjonijiet dwar iż-żieda ta’ sustanzi fl-Iskedi tal-Konvenzjoni Unika tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drogi Narkotiċi tal-1961 kif emendata bil-Protokoll tal-1972 u l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar is-Sustanzi Psikotropiċi tal-1971, hija stabbilita fl-Anness ta’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Il-pożizzjoni msemmija fl-Artikolu 1 għandha tiġi espressa mill-Istati Membri li huma membri tal-Kummissjoni dwar id-Drogi Narkotiċi, filwaqt li dawn jaġixxu b’mod konġunt.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri b’konformità mat-Trattati.

Magħmul fi Brussell,

   Għall-Kunsill

   Il-President

(1)    United Nations Treaty Series (Sensiela tat-Trattati tan-Nazzjonijiet Uniti), vol. 978, Nru. 14152.
(2)    United Nations Treaty Series (Sensiela tat-Trattati tan-Nazzjonijiet Uniti), vol. 1019, Nru. 14956.
(3)    Mill-1 ta’ Jannar 2020, it-13-il Stat Membru li ġejjin se jkunu membri tas-CND bid-dritt li jivvutaw: l-Awstrija, il-Belġju, il-Kroazja, ir-Repubblika Ċeka, Franza, il-Ġermanja, l-Ungerija, l-Italja, in-Netherlands, il-Polonja, Spanja, l-Iżvezja u r-Renju Unit.
(4)     https://www.who.int/medicines/access/controlled-substances/UNSG_letter_42ECDD_recommendations_15Nov19.pdf?ua=1 .
(5)    ĠU L 335, 11.11.2004, p. 8, kif emendata bid-Direttiva (UE) 2017/2103 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Novembru 2017 li temenda d-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2004/757/ĠAI sabiex id-definizzjoni ta’ “droga” tinkludi sustanzi psikoattivi ġodda u li tħassar id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/387/ĠAI, ĠU L 305, 21.11.2017, p. 12.
(6)    Ara l-Anness tad-Deċiżjoni Kwadru kif emendata bid-Direttiva Delegata tal-Kummissjoni (UE) 2019/369 tat-13 ta’ Diċembru 2018 li temenda l-Anness tad-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2004/757/ĠAI rigward l-inklużjoni ta’ sustanzi psikoattivi ġodda fid-definizzjoni ta’ “droga”, ĠU L 66, 7.3.2019, p. 3.
(7)    COM(2017) 72 final; COM(2018) 31 final; COM(2018) 862 final.
(8)    Adottati mill-Kunsill fis-7 ta’ Marzu 2017, fis-27 ta’ Frar 2018, u fil-5 ta’ Marzu 2019, rispettivament.
(9)    Il-paragrafu 64 tas-Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta’ Ottubru 2014 fil-Kawża C-399/12, Il-Ġermanja vs Il-Kunsill (ECLI:EU:C:2014:2258).
(10)    Il-paragrafi 61 sa 64 tas-Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta’ Ottubru 2014 fil-Kawża C-399/12, Il-Ġermanja vs Il-Kunsill (ECLI:EU:C:2014:2258).
(11)    L-Artikolu 3(7) tal-Konvenzjoni dwar id-Drogi Narkotiċi; l-Artikolu 2(7) tal-Konvenzjoni dwar is-Sustanzi Psikotropiċi.
(12)    Ara l-punt 29 tal-Lista ta’ atti tal-Unjoni adottati qabel id-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona fil-qasam tal-kooperazzjoni tal-pulizija u tal-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali li ma jibqgħux japplikaw għar-Renju Unit mill-1 ta’ Diċembru 2014 skont it-tieni sentenza tal-Artikolu 10(4), tal-Protokoll (Nru 36) dwar id-dispożizzjonijiet tranżitorji (ĠU C 430 tal-1.12.2014, p. 17).
(13)    Din il-proposta tikkonċerna l-iffissar tal-pożizzjoni li trid tiġi adottata f’isem l-Unjoni fil-laqgħa li se ssir wara l-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni, sakemm ir-Renju Unit ma jitlobx ir-raba’ estensjoni tal-perjodu skont l-Artikolu 50 tat-Trattat bi qbil unanimu tal-Kunsill Ewropew (l-Artikolu 50). Madankollu, fil-mument li l-Kummissjoni tadotta l-proposta tagħha r-Renju Unit se jkun Stat Membru. Għaldaqstant, pereżempju, ir-referenzi fil-premessi tal-proposta fir-rigward ta’ għadd ta’ Stati Membri fejn instabu sustanzi partikolari jkopru lir-Renju Unit ukoll.
(14)    United Nations Treaty Series (Sensiela tat-Trattati tan-Nazzjonijiet Uniti), vol. 978, Nru. 14152.
(15)    United Nations Treaty Series (Sensiela tat-Trattati tan-Nazzjonijiet Uniti), vol. 1019, Nru. 14956.
(16)    Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2004/757/ĠAI tal-25 ta’ Ottubru 2004 li tistabbilixxi dispożizzjonijiet minimi dwar l-elementi kostitwenti ta’ atti kriminali u ta’ pieni fil-qasam tat-traffikar illeċitu ta’ drogi (ĠU L 335, 11.11.2004, p. 8).
(17)    Mill-1 ta’ Jannar 2020, it-13-il Stat Membru li ġejjin se jkunu membri tas-CND bid-dritt li jivvutaw: l-Awstrija, il-Belġju, il-Kroazja, ir-Repubblika Ċeka, Franza, il-Ġermanja, l-Ungerija, l-Italja, in-Netherlands, il-Polonja, Spanja, l-Iżvezja u r-Renju Unit.
(18)     https://www.who.int/medicines/access/controlled-substances/UNSG_letter_42ECDD_recommendations_15Nov19.pdf?ua=1 .
(19)    Regolament (KE) Nru 1920/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2006 dwar iċ-Ċentru Ewropew għall-Monitoraġġ tad-Droga u d-Dipendenza fuq id-Droga (ĠU L 376, 27.12.2006, p. 1).
(20)    Fil-livell tal-UE l-mefedron hija kkontrollata mid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/759/UE tat-2 ta’ Diċembru 2010 biex il-4-metilmetkatinon (mefredron) tiġi sottomessa għal miżuri ta’ kontroll, ĠU L 322, 8.12.2010, p.44, u hija inkluża bħala n-numru 5 fl-Anness tad-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2004/757/ĠAI.
(21)    Fil-livell tal-UE,l-alfa-PVP hija kkontrollata mid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2016/1070 tas-27 ta’ Ġunju 2016 li tissottoponi l-1-phenyl-2-(pyrrolidin-1-yl)pentan-1-one (α-pyrrolidinovalerophenone, α-PVP) għal miżuri ta’ kontroll, ĠU L L178, 2.7.2016, p. 18, u hija inkluża bħala n-numru 10 fl-Anness tad-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2004/757/ĠAI.
(22)    Jidher li l-għadd każi identifikati ta’ mwiet u intossikazzjonijiet mhux fatali rrapportati mill-EMCDDA ma kien anqas milli seħħ fil-fatt. Skont id-data tar-Reġistri Nazzjonali tal-Iskozja, f’dawn l-aħħar ftit snin l-etiżolam ġiet identifikata f’diversi mijiet ta’ mwiet fl-Iskozja, fir-Renju Unit, fil-kuntest tal-użu polidroga fost persuni b’riskju għoli li jużaw l-oppjojdi.
(23)    L-iskedar tal-mediċini jista’ jħalli konsegwenza fuq l-użu medikali ta’ dawk il-mediċini bħala prodotti mediċinali fl-indikazzjonijiet awtorizzati tagħhom, minkejja l-użu rikonoxxut tagħhom fil-prattika klinika.
(24)    MedDRA il-verżjoni 22.1, EV sas-7 Ottubru 2019.
Top

Brussell, 13.12.2019

COM(2019) 631 final

ANNESS

ta' [...]

Proposal for a Council Decision

dwar il-pożizzjoni li trid tittieħed, f’isem l-Unjoni Ewropea, fit-tlieta u sittin sessjoni tal-Kummissjoni dwar id-Drogi Narkotiċi dwar l-iskedar ta’ sustanzi taħt il-Konvenzjoni Unika dwar Drogi Narkotiċi tal-1961, kif emendata mill-Protokoll tal-1972, u l-Konvenzjoni dwar is-Sustanzi Psikotropiċi tal-1971


ANNESS

Il-pożizzjoni li għandha tittieħed mill-Istati Membri li huma membri tal-Kummissjoni dwar id-Drogi Narkotiċi u li jaġixxu b’mod konġunt fl-interess tal-Unjoni matul it-tlieta u sittin sessjoni tal-Kummissjoni dwar id-Drogi Narkotiċi, li tentattivament se ssir mit-2 sas-6 ta’ Marzu 2020, dwar il-bidliet fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-kontroll tas-sustanzi:

(1)Il-krotonilfentanil għandha tiġi inkluża fl-Iskeda I tal-Konvenzjoni dwar id-Drogi Narkotiċi;

(2)Il-valerilfentanil għandha tiġi inkluża fl-Iskeda I tal-Konvenzjoni dwar id-Drogi Narkotiċi;

(3)Id-DOC għandha tiġi inkluża fl-Iskeda I tal-Konvenzjoni dwar is-Sustanzi Psikotropiċi;

(4)L-AB-FUBINACA għandha tiġi inkluża fl-Iskeda II tal-Konvenzjoni dwar is-Sustanzi Psikotropiċi;

(5)Il-5F-AMB-PINACA (5F-AMB, 5F-MMB-PINACA) għandha tiġi inkluża fl-Iskeda II tal-Konvenzjoni dwar is-Sustanzi Psikotropiċi;

(6)Il-5F-MDMB-PICA (5F-MDMB-2201) għandha tiġi inkluża fl-Iskeda II tal-Konvenzjoni dwar is-Sustanzi Psikotropiċi;

(7)Il-4-F-MDMB-BINACA għandha tiġi inkluża fl-Iskeda II tal-Konvenzjoni dwar is-Sustanzi Psikotropiċi;

(8)4-CMC (4-klorometkatinon; klefedron) għandha tiġi inkluża fl-Iskeda II tal-Konvenzjoni dwar is-Sustanzi Psikotropiċi;

(9)L-N-etilessedron għandha tiġi inkluża fl-Iskeda II tal-Konvenzjoni dwar is-Sustanzi Psikotropiċi;

(10)L-Alfa-PHP għandha tiġi inkluża fl-Iskeda II tal-Konvenzjoni dwar is-Sustanzi Psikotropiċi;

(11)Il-fluwalprażolam għandha tiġi inkluża fl-Iskeda IV tal-Konvenzjoni dwar is-Sustanzi Psikotropiċi;

(12)L-etiżolam għandha tiġi inkluża fl-Iskeda IV tal-Konvenzjoni dwar is-Sustanzi Psikotropiċi.

Top