EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52019PC0623

Proposta għal REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL li jemenda r-Regolament (UE) Nru 654/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-eżerċizzju tad-drittijiet tal-Unjoni għall-applikazzjoni u l-infurzar ta’ regoli kummerċjali internazzjonali

COM/2019/623 final

Brussell, 12.12.2019

COM(2019) 623 final

2019/0273(COD)

Proposta għal

REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

li jemenda r-Regolament (UE) Nru 654/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-eżerċizzju tad-drittijiet tal-Unjoni għall-applikazzjoni u l-infurzar ta’ regoli kummerċjali internazzjonali


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.KUNTEST TAL-PROPOSTA

Raġunijiet u objettivi tal-proposta

Il-proposta preżenti tikkonċerna emenda tar-Regolament (UE) Nru 654/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Mejju 2014 dwar l-eżerċizzju tad-drittijiet tal-Unjoni għall-applikazzjoni u l-infurzar ta’ regoli kummerċjali internazzjonali u li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 3286/94 li jistabbilixxi l-proċeduri tal-Komunità fil-qasam ta' politika kummerċjali komuni sabiex jiżgura l-eżerċizzju tad-drittijiet tal-Komunità skont ir-regoli internazzjonali tal-kummerċ, b'mod partikolari dawk stabbiliti taħt l-awspiċji tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (“ir-Regolament ta’ Infurzar” jew “ir-Regolament”) 1 . L-għan tal-emenda huwa l-protezzjoni tal-interessi tal-Unjoni taħt ftehimiet kummerċjali internazzjonali f’sitwazzjonijiet fejn pajjiżi terzi jadottaw miżuri illegali u fl-istess ħin jimblukkaw proċess ta’ soluzzjoni tat-tilwim. Ir-Regolament ma ġiex oriġinarjament imfassal biex jindirizza sitwazzjonijiet bħal dawn iżda l-iżviluppi attwali, jiġifieri l-imblukkar tas-soluzzjonijiet ta’ tilwim skont il-Ftehim tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (id-WTO), jeħtieġu li l-Unjoni taġixxi malajr kemm jista’ jkun biex tipproteġi l-interessi tagħha.

Il-proposta hija konformi mal-prijorità tal-Unjoni li tinforza b’mod effettiv id-drittijiet tal-Unjoni skont il-ftehimiet kummerċjali internazzjonali. Il-Linji Gwida Politiċi għall-Kummissjoni jistipulaw li: “jeħtieġ li niżguraw li ninfurzaw id-drittijiet tagħna, inkluż permezz tal-użu ta’ sanzjonijiet, jekk oħrajn jimblokkaw ir-riżoluzzjoni ta’ kunflitt kummerċjali” 2 u din il-lingwa hija riflessa fl-Ittra ta’ Missjoni lill-Kummissarju għall-Kummerċ 3 .

L-emenda proposta testendi l-ambitu tar-Regolament ta’ Infurzar biex tippermetti azzjoni f’sitwazzjoni fejn il-proċeduri ta’ soluzzjoni ta’ tilwim huma bblukkati. Jeħtieġ li din l-emenda tiġi adottata malajr kemm jista’ jkun biex jiġi żgurat li d-drittijiet tal-Unjoni jkunu protetti. Biex tiġi faċilitata adozzjoni rapida mill-koleġiżlaturi, ma ġiet proposta l-ebda bidla oħra.

Imblukkar ta’ soluzzjoni ta’ tilwim

Għal aktar minn sentejn, il-Korp għas-Soluzzjoni tat-Tilwim tad-WTO (DSB — Dispute Settlement Body) ma setax jimla postijiet battala fil-Korp tal-Appell tad-WTO. Minħabba l-imblokk tal-ħatriet se jkun hemm Membru wieħed biss fil-Korp tal-Appell mill-11 ta’ Diċembru 2019. Konsegwentement, il-Korp tal-Appell ma jkunx jista’ jisma’ appelli ġodda minn dik id-data ‘il quddiem. Il-membri tad-WTO se jkunu jistgħu jevitaw deċiżjonijiet vinkolanti u għalhekk jaħarbu l-obbligi internazzjonali tagħhom billi jappellaw rapporti tal-panel. Meta rapport tal-panel jiġi appellat iżda l-Korp tal-Appell ma jkunx jista’ jiffunzjona, it-tilwima titpoġġa f’vojt ġuridiku u tibqa’ mhux solvuta (din ġiet imsejħa “fil-baħħ”). Dan ifisser li f’dawk is-sitwazzjonijiet is-sistema tar-riżoluzzjoni tat-tilwim tad-WTO mhux se tkun vinkolanti. Fl-aħħar mill-aħħar, l-interessi ekonomiċi tal-Unjoni jiġu kompromessi jekk ir-regoli tal-kummerċ internazzjonali ma jkunux jistgħu jiġu infurzati b’mod effettiv.

Fid-dawl ta’ din is-sitwazzjoni emerġenti, l-Unjoni qed taħdem b’mod intensiv fuq żewġ linji: i) tagħmel proposti biex jiġi indirizzat it-tħassib imqajjem mill-Membru tad-WTO li qed jibblokka l-ħatriet u l-involviment sussegwenti mas-Sħubija fid-WTO 4 , u ii) tiżviluppa miżuri ta’ kontinġenza fil-forma ta’ arranġament interim, li għandu l-għan li jirreplika l-mekkaniżmu tal-appell tad-WTO sakemm jerġa’ jiġi restawrat, permezz ta’ arbitraġġ skont l-Artikolu 25 tal-Ftehim dwar is-Soluzzjoni tat-Tilwim tad-WTO (DSU - Dispute Settlement Understanding) 5 . Tali arranġament ta’ appell interim iżomm rieżami ta’ appell u għalhekk jipproduċi mhux biss deċiżjoni finali wara t-tlestija sħiħa tal-proċess ta’ aġġudikazzjoni tad-WTO li jkun magħmul f’żewġ stadji, iżda wkoll deċiżjoni li tista’ tiġi infurzata skont ir-regoli tad-WTO. Din hija soluzzjoni temporanja maħsuba biex tiffunzjona fil-perjodu qabel it-tkomplija tal-operat tal-Korp tal-Appell. L-arranġament interim, madankollu, mhuwiex mekkaniżmu awtomatiku u se jeħtieġ il-qbil individwali ta’ Membri oħra tad-WTO.

Hemm ukoll ir-riskju li s-soluzzjoni tat-tilwim li tikkonċerna ftehimiet kummerċjali internazzjonali oħra tal-Unjoni, inklużi l-ftehimiet bilaterali u reġjonali, b’mod partikolari dawk antiki, tista’ tiġi mminata meta pajjiż terz ma jikkooperax, kif meħtieġ, biex jiffunzjona s-soluzzjoni tat-tilwim. Pereżempju, il-pajjiż terz jista’ ma jaħtarx arbitru u ma hemm previst l-ebda mekkaniżmu ta’ riżerva biex il-proċess tas-soluzzjoni tat-tilwim madankollu jkun jista’ jipproċedi. F’din is-sitwazzjoni, l-interessi ekonomiċi tal-Unjoni se jiġu kompromessi u se jkunu jeħtieġu protezzjoni bl-istess mod kif spjegat hawn fuq. Din is-sitwazzjoni tikseb rilevanza addizzjonali fid-dawl tal-enfasi dejjem akbar tal-Unjoni fuq l-infurzar. Użu akbar ta’ soluzzjoni ta’ tilwim skont il-ftehimiet ta’ kummerċ ħieles bilaterali u reġjonali tal-Unjoni huwa mistenni wkoll hekk kif aktar minn dawn il-ftehimiet isiru applikabbli u jipprevedu obbligi tad-WTO plus. Fil-fatt l-Unjoni dan l-aħħar bdiet l-ewwel tliet każijiet bħal dawn.

Ir-Regolament ta’ Infurzar

Wara t-Trattat ta’ Liżbona, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill adottaw ir-Regolament ta’ Infurzar bħala qafas leġiżlattiv komuni għall-infurzar tad-drittijiet tal-Unjoni skont ftehimiet kummerċjali internazzjonali, abbażi ta’ regoli ċari u prevedibbli għal azzjoni mill-Kummissjoni. Il-koleġiżlaturi taw lill-Kummissjoni s-setgħa li tadotta atti ta’ implimentazzjoni skont l-Artikolu 291 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), b’mod immedjat, fi ħdan l-ambitu stabbilit mir-Regolament u fil-limiti u skont il-kriterji espressament stabbiliti.

Skont ir-Regolament, il-Kummissjoni tista' tadotta dawn it-tipi ta' miżuri ta' politika kummerċjali: dazji tad-dwana, ir-restrizzjonijiet kwantitattivi fuq importazzjonijiet jew esportazzjonijiet ta' oġġetti, u miżuri fil-qasam tal-akkwist pubbliku. Tali miżuri għandhom jintgħażlu u jiġu mfassla abbażi ta' kriterji oġġettivi inkluż l-effettività tal-miżuri li jwasslu għall-konformità ta' pajjiżi terzi ma' regoli kummerċjali internazzjonali, il-potenzjal tagħhom li jipprovdu għajnuna lil operaturi ekonomiċi fl-Unjoni affettwati mill-miżuri tal-pajjiż terz, u l-objettiv li jiġu minimizzati l-impatti ekonomiċi negattivi fuq l-Unjoni, inkluż fir-rigward ta' materja prima essenzjali.

L-ambitu tar-Regolament jestendi għall-adozzjoni, is-sospensjoni, il-modifika u t-terminazzjoni ta’ atti ta’ implimentazzjoni fir-rigward ta’:

(a)L-infurzar tad-drittijiet tal-Unjoni skont regoli għas-soluzzjoni tat-tilwim bilaterali u multilaterali li jorbtu;

(b)Miżuri ta' ri-ekwilibriju skont regoli multilaterali u bilaterali ta' salvagwardja; kif ukoll

(c)Miżuri ta' riekwilibriju f'każijiet ta' modifiki minn pajjiż terz tal-konċessjonijiet tiegħu skont l-Artikolu XXVIII tal-GATT 1994.

B’mod partikolari fir-rigward tal-infurzar tad-drittijiet tal-Unjoni taħt soluzzjoni tat-tilwim multilaterali u bilaterali vinkolanti, il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tintroduċi miżuri ta’ politika kummerċjali fil-każ ta’ miżura illegali miżmuma minn pajjiż terz, b’mod partikolari biex twassal għall-konformità mill-pajjiż terz fil-protezzjoni tal-interessi tal-Unjoni. Tali miżuri huma madankollu possibbli biss abbażi tat-tlestija b’suċċess ta’ proċeduri ta’ soluzzjoni ta’ tilwim fir-rigward tal-miżura tal-pajjiż terz.

Għalhekk ir-Regolament ma jipprovdix setgħat għas-sitwazzjonijiet li fihom il-proċeduri għas-soluzzjoni tat-tilwim ma jaħdmux u għalhekk ma jistgħux jiġu kkompletati, bħal sitwazzjonijiet ta’ imblokk ta’ mekkaniżmi għas-soluzzjoni tat-tilwim. Din il-proposta għal emenda tar-Regolament ta’ Infurzar tirrimedja din il-lakuna permezz ta’ estensjoni tal-iskattaturi għal azzjoni skont ir-Regolament ta’ Infurzar għal sitwazzjonijiet bħal dawn.

Kunsiderazzjonijiet ta’ politika

Il-fokus prinċipali tal-emenda proposta huwa li jiġu indirizzati sitwazzjonijiet fejn, wara li l-Unjoni tkun irnexxielha tikseb deċiżjoni favorevoli minn bord ta’ soluzzjoni tat-tilwim tad-WTO, il-proċess jiġi mblukkat minħabba li l-parti l-oħra tappella rapport tal-bord tad-WTO “fil-baħħ” u ma tkunx qablet ma’ arbitraġġ ta’ appell interim skont l-Artikolu 25 tad-WTO DSU. F’sitwazzjoni bħal din, mhux se jkun hemm eżitu vinkolanti għall-proċess ta’ soluzzjoni tat-tilwim.

Barra minn hekk, l-emenda proposta taħseb għal sitwazzjonijiet simili li jistgħu jirriżultaw minn ftehimiet kummerċjali internazzjonali oħra, b’mod partikolari ftehimiet reġjonali jew bilaterali, meta pajjiż terz ma jikkooperax, kif meħtieġ, biex tiffunzjona s-soluzzjoni tat-tilwim. Pereżempju, il-pajjiż terz jista’ ma jaħtarx arbitru u ma hemm previst l-ebda mekkaniżmu ta’ riżerva biex madankollu jkun jista’ jipproċedi l-arbitraġġ.

Il-proposta tkopri ż-żewġ sitwazzjonijiet flimkien għal raġunijiet ta’ koerenza u effiċjenza. Iż-żewġ sitwazzjonijiet jikkondividu l-istess kawżi fundamentali u jġibu l-istess konsegwenzi negattivi għall-interessi ekonomiċi tal-Unjoni. Il-karatteristika komuni hija li l-Unjoni għandha tkun tista’ tinforza d-drittijiet tagħha, u dan għandu jsir kemm jista’ jkun possibbli permezz ta’ aġġudikazzjoni indipendenti. Fejn dan ma jkunx possibbli u l-parti l-oħra tkun responsabbli biex timblokka l-operazzjoni ta’ aġġudikazzjoni indipendenti vinkolanti, l-Unjoni għandha madankollu tkun tista’ tinforza d-drittijiet tagħha.

Il-proposta preżenti tiżgura li l-Unjoni tkun mgħammra bl-għodod meħtieġa biex tipproteġi l-interessi ekonomiċi tagħha, jekk dan ikun meħtieġ. L-azzjoni hija riflessjoni tal-impenn tal-Unjoni favur il-multilateraliżmu u l-aġġudikazzjoni indipendenti vinkolanti.

Kieku l-Unjoni għażlet li ma tiħux din l-azzjoni, il-konsegwenza fis-sitwazzjonijiet ta’ soluzzjoni ta’ tilwim imblukkati deskritta hawn fuq tkun li l-Unjoni ma tkunx tista’ tipproteġi d-drittijiet tagħha fil-ħin. Dan jista’ joħloq ukoll inċentiv għal pajjiżi terzi li jfixklu l-aġġudikazzjoni meta l-Unjoni jkollha drittijiet skont ftehim internazzjonali, li l-pajjiż terz ikun kiser.

Il-ħidma fuq il-qafas li diġà jeżisti fil-forma tar-Regolament tista’ tiżgura l-kapaċità tal-Unjoni li taġixxi malajr. Il-ħeffa tal-azzjoni hija vitali. Din l-azzjoni, skont il-loġika tar-Regolament stess, hija għalhekk preferibbli milli tiġi prevsita proċedura leġiżlattiva ordinarja għall-adozzjoni ta’ miżuri ta’ politika kummerċjali f’kull każ individwali li fih pajjiż terz iżomm miżura tat-tip li regolarment tmur għal soluzzjoni ta’ tilwim iżda jimblokka l-proċedura ta’ aġġudikazzjoni.

Il-miżuri ta’ politika kummerċjali meħuda skont ir-Regolament iservu b’mod partikolari biex iġiegħlu lil pajjiż terz itemm ksur ta’ ftehim kummerċjali tal-Unjoni wara r-rikors li l-Unjoni għamlet b’suċċess għas-soluzzjoni ta’ tilwim. L-emenda proposta toħloq il-possibbiltà li l-Unjoni timponi miżuri skont ir-Regolament b’mod partikolari biex twassal għat-terminazzjoni ta’ ksur anke mingħajr rikors sħiħ għal proċedura ta’ soluzzjoni ta’ tilwim fejn il-pajjiż terz jipprevjeni dak ir-rikors.

Il-miżuri previsti jkunu kompatibbli mal-obbligi internazzjonali tal-Unjoni. Il-liġi pubblika internazzjonali ġenerali tippermetti, taħt ċerti kundizzjonijiet tali proporzjonalità u avviż minn qabel, l-impożizzjoni ta’ kontromiżuri, jiġifieri ta’ miżuri li inkella jkunu kontra l-obbligi internazzjonali ta’ parti inġurjata vis-à-vis il-pajjiż responsabbli għal ksur tad-dritt internazzjonali, u li huma mmirati li jiksbu l-waqfien tal-ksur jew il-kumpens għalih. Din il-liġi internazzjonali konswetudinarja ġiet ikkodifikata mill-Kummissjoni tad-Dritt Internazzjonali, korp tan-Nazzjonijiet Uniti, fl-Abbozz tagħha ta’ Artikoli dwar ir-Responsabbiltà tal-Istati għal Atti Internazzjonali Ħżiena 6 . Fil-prinċipju, parti li tieħu kontromiżuri mhix eżentata milli tissodisfa l-obbligi tagħha skont kwalunkwe proċedura ta’ soluzzjoni ta’ tilwim applikabbli 7 . Dawn id-dispożizzjonijiet jikkostitwixxu lex specialis fir-rigward tad-dispożizzjonijiet tad-dritt internazzjonali ġenerali dwar kontromiżuri 8 . Madankollu, fejn il-parti responsabbli tonqos milli tikkoopera in bona fede fil-proċeduri ta’ soluzzjoni ta’ tilwim, u b’hekk tipprevjeni lill-parti danneġġjata milli tlesti tali proċeduri, il-possibbiltà li tirrikorri għal kontromiżuri skont ir-rekwiżiti tal-liġi internazzjonali pubblika ġenerali trid tiddaħħal neċessarjament fis-seħħ mill-ġdid. Il-Kummissjoni tad-Dritt Internazzjonali tinnota li d-dħul mill-ġdid ta’ dik il-possibbiltà jfiġġ meta Parti waħda “tonqos milli timplimenta l-proċeduri għas-soluzzjoni ta’ tilwim in bona fide” jew “fejn Stat parti jonqos milli jikkoopera fl-istabbiliment tat-tribunal rilevanti” 9 . Dawn huma s-sitwazzjonijiet li fihom topera l-emenda attwali.

Konsistenza mad-dispożizzjonijiet eżistenti ta’ politika fil-qasam ta’ politika

Il-proposta hija konformi mal-prijorità tal-Unjoni li tinforza b’mod effettiv id-drittijiet tal-Unjoni skont il-ftehimiet kummerċjali internazzjonali, fl-interess li jiġu salvagwardjati l-impjiegi u tal-promozzjoni tat-tkabbir fl-Unjoni. Hija tadatta l-qafas leġiżlattiv komuni eżistenti għal din is-sitwazzjoni l-ġdida.

Konsistenza ma’ politiki oħra tal-Unjoni

Il-proposta hija konformi ma’ politiki oħra tal-Unjoni u tafferma mill-ġdid l-impenn tal-Unjoni favur il-multilateraliżmu u l-aġġudikazzjoni indipendenti. Il-proposta hija li jiġi emendat ir-Regolament eżistenti dwar l-Infurzar li diġà kien konsistenti ma’ politiki oħra tal-Unjoni.

2.BAŻI ĠURIDIKA, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ

Bażi ġuridika

L-objettiv ewlieni u l-kontenut tal-att previst jirrigwardaw il-politika kummerċjali komuni minħabba n-natura tal-miżuri adottati u minħabba li l-għan tagħhom li huwa l-infurzar tal-ftehimiet kummerċjali internazzjonali tal-Unjoni. Għalhekk, il-bażi ġuridika sostantiva tal-emenda proposta huwa l-Artikolu 207 tat-TFUE.

Sussidjarjetà (għall-kompetenza mhux esklużiva)

Mhux applikabbli. Il-politika kummerċjali komuni hija qasam ta’ kompetenza esklussiv tal-Unjoni. Il-prinċipju tas-sussidjarjetà ma japplikax f’oqsma ta’ kompetenza esklussiva.

Proporzjonalità

L-objettiv tal-protezzjoni mgħaġġla tal-interessi tal-Unjoni taħt ftehimiet kummerċjali internazzjonali f’sitwazzjonijiet fejn pajjiżi terzi jadottaw miżuri illegali u fl-istess ħin jimblukkaw proċess ta’ soluzzjoni tat-tilwim jinkiseb l-aħjar permezz tal-emenda proposta tar-Regolament ta’ Infurzar. L-emenda hija limitata għall-introduzzjoni ta’ żewġ skattaturi ġodda għall-Unjoni biex taġixxi u ma tmurx lil hinn minn dak li hu meħtieġ biex jintlaħaq l-għan tagħha. Barra minn hekk, il-miżuri adottati skont ir-Regolament iridu huma stess ikunu proporzjonati. Għall-każijiet fejn dan ma jirriżultax mid-dispożizzjonijiet tal-ftehim internazzjonali inkwistjoni, l-emenda żżid dispożizzjoni espliċita f’dan is-sens. Dan huwa konformi mar-rekwiżit tal-liġi internazzjonali ġenerali li l-kontromiżuri jkunu proporzjonati.

Għażla tal-istrument

Il-Kummissjoni tqis li din l-emenda leġiżlattiva hija xierqa minħabba li temenda Regolament eżistenti diġà adottat fuq il-bażi tal-Artikolu 207 tat-TFUE.

3.RIŻULTATI TAL-KONSULTAZZJONIJIET U L-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

Evalwazzjonijiet ex-post/kontrolli tal-idoneità tal-leġiżlazzjoni eżistenti

Mhux applikabbli.

Konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati

Ma saret l-ebda konsultazzjoni pubblika għal din l-inizjattiva. L-emendi proposti għandhom idaħħlu biss skattaturi ġodda għall-użu tar-Regolament f’dak li għandu x’jaqsam mal-emerġenza li tinħoloq fid-WTO.

Għall-adozzjoni ta’ kwalunkwe miżura ta’ politika kummerċjali skont ir-Regolament, il-Kummissjoni diġà għandha l-obbligu li twettaq eżerċizzju ta’ ġbir ta’ informazzjoni u ssegwi proċedura ta’ att ta’ implimentazzjoni f’kull każ individwali ta’ applikazzjoni. Permezz tal-eżerċizzju ta’ ġbir ta’ informazzjoni l-Kummissjoni se tfittex u tikseb informazzjoni u fehmiet mill-partijiet interessati rigward l-interessi ekonomiċi tal-Unjoni f’setturi speċifiċi li fihom jistgħu jiġu kkontemplati kontromiżuri. Il-Kummissjoni għandha tieħu kont tal-kontribut riċevut. Il-Kumitat stabbilit bir-Regolament (UE) Nru 2015/1843 10 se jassisti lill-Kummissjoni fl-applikazzjoni tar-Regolament ta’ Infurzar. Il-Kumitat jikkonsisti minn rappreżentanti tal-Istati Membri tal-Unjoni.

Ġbir u użu tal-għarfien espert

Mhux applikabbli. Id-dettalji rilevanti huma pprovduti hawn taħt.

Valutazzjoni tal-impatt

Ma saret l-ebda valutazzjoni tal-impatt għal din l-inizjattiva minħabba n-natura tas-suġġett li huwa l-infurzar u l-implimentazzjoni tad-drittijiet skont il-ftehimiet kummerċjali internazzjonali. Din l-inizjattiva ma għandhiex impatt ekonomiku, soċjali jew ambjentali dirett u n-natura tal-miżuri li jistgħu jiġu adottati (fuq każ b’każ) ma tippermetti fl-ebda każ valutazzjoni ex-ante.

Kif spjegat hawn fuq, għall-adozzjoni ta’ kwalunkwe miżura ta’ politika kummerċjali, il-Kummissjoni diġà għandha l-obbligu li twettaq eżerċizzju ta’ ġbir ta’ informazzjoni u ssegwi proċedura f’kull każ individwali ta’ applikazzjoni. Permezz tal-eżerċizzju ta’ ġbir ta’ informazzjoni l-Kummissjoni se tfittex u tikseb informazzjoni u fehmiet mill-partijiet interessati rigward l-interessi ekonomiċi tal-Unjoni f’setturi speċifiċi.

Il-proposta ġġedded l-obbligu tal-Kummissjoni li tirrevedi l-ambitu tar-Regolament wara ċertu perjodu ta’ żmien. Għalhekk, il-Kummissjoni se tkun tista’ teżamina l-impatt tal-emenda skont dan.

Barra minn hekk, il-proposta preżenti tindirizza sitwazzjoni urġenti u għalhekk teħtieġ azzjoni rapida.

Idoneità regolatorja u simplifikazzjoni

Mhux applikabbli.

Drittijiet fundamentali

Mhux applikabbli.

4.IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI

Xejn.

L-emenda proposta tipprovdi mekkaniżmu biex jiġu infurzati d-drittijiet tal-Unjoni.

5.ELEMENTI OĦRA

Pjanijiet ta’ implimentazzjoni u arranġamenti dwar il-monitoraġġ, l-evalwazzjoni u r-rapportar

Mhux applikabbli.

Spjegazzjoni fid-dettall tad-dispożizzjonijiet speċifiċi tal-proposta

Il-proposta hija limitata għall-introduzzjoni ta’ numru limitat ta’ emendi għar-Regolament eżistenti dwar l-Infurzar.

Id-dispożizzjonijiet il-ġodda huma kif ġej:

Fl-Artikolu 3 (Ambitu), il-punti (aa) u (bb) jiżdiedu sabiex l-Unjoni tkun tista’ tieħu miżuri fis-sitwazzjonijiet meta ma tkunx tista’ tiġi segwita proċedura ta’ soluzzjoni tat-tilwim minħabba n-nuqqas ta’ kooperazzjoni tal-parti l-oħra, f’tilwima kummerċjali taħt il-Ftehim tad-WTO jew inkella skont ftehimiet kummerċjali internazzjonali reġjonali jew bilaterali oħra, rispettivament. F’dak li għandu x’jaqsam mat-tilwim li jaqa’ taħt il-Ftehim tad-WTO, dan ikun jeħtieġ li l-Unjoni tkun kisbet deċiżjoni minn panel tad-WTO li tikkonferma d-dritt ta’ azzjoni tal-UE u ma jkunx hemm ftehim dwar arranġament interim għall-arbitraġġ ta’ appell.

Fl-Artikolu 4, jiżdied il-punt (bb) biex jiġi stabbilit ir-rekwiżit li l-kontromiżuri tal-Unjoni f’tali sitwazzjonijiet ma jeċċedux it-tħassir jew l-indeboliment ikkawżat minn miżura tal-pajjiż terz. Dan diġà jinsab fis-seħħ fil-qafas eżistenti bis-saħħa tar-regoli rispettivi ta’ soluzzjoni ta’ tilwim, u huwa konformi mar-rekwiżit ġenerali tad-dritt internazzjonali pubbliku li l-kontromiżuri jkunu proporzjonati mal-ksur.

L-Artikolu 10 huwa emendat sabiex iġedded l-obbligu tal-Kummissjoni li tirrevedi l-ambitu tar-Regolament, inkluż obbligu ta’ reviżjoni fir-rigward tal-emenda proposta, wara perjodu ta’ ħames snin.

2019/0273 (COD)

Proposta għal

REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

li jemenda r-Regolament (UE) Nru 654/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-eżerċizzju tad-drittijiet tal-Unjoni għall-applikazzjoni u l-infurzar ta’ regoli kummerċjali internazzjonali

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 207(2) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja,

Billi:

(1)Ir-Regolament (UE) Nru 654/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 11 jistabbilixxi qafas leġiżlattiv komuni għall-eżerċizzju tad-drittijiet tal-Unjoni skont ftehimiet kummerċjali internazzjonali f’ċerti sitwazzjonijiet speċifiċi.

(2)Waħda minn dawk is-sitwazzjonijiet hija relatata mal-mekkaniżmi ta’ soluzzjoni tat-tilwim stabbiliti mill-Ftehim li jistabbilixxi l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (“WTO”) u permezz ta’ ftehimiet kummerċjali internazzjonali oħra, inklużi ftehimiet reġjonali jew bilaterali. Ir-Regolament (UE) Nru 654/2014 jippermetti lill-Unjoni li tissospendi l-obbligi wara li jiġu konklużi l-proċedimenti għas-soluzzjoni tat-tilwim.

(3)Madankollu, dak ir-Regolament ma jindirizzax sitwazzjoni fejn l-Unjoni għandha dritt ta’ azzjoni b’reazzjoni għal miżura miżmuma minn pajjiż terz, iżda r-riżoluzzjoni ta’ tilwim permezz ta’ aġġudikazzjoni tkun imblukkata jew inkella mhux disponibbli għal raġunijiet ta’ nuqqas ta’ kooperazzjoni tal-pajjiż terz li jkun adotta dik il-miżura.

(4)Il-Korp ta’ Soluzzjoni tat-Tilwim tad-WTO ma setax jimla l-pożizzjonijiet vakanti pendenti fuq il-Korp tal-Appell. Il-Korp tal-Appell ma għadux jista’ jissodisfa l-funzjoni tiegħu mill-mument li għad baqagħlu inqas minn tliet Membri tal-Korp tal-Appell. Sakemm din is-sitwazzjoni tiġi riżolta u sabiex jiġu ppreservati l-prinċipji u l-karatteristiċi essenzjali tas-sistema tas-soluzzjoni tat-tilwim tad-WTO u tad-drittijiet proċedurali tal-Unjoni f’tilwim li jkun għaddej u dak futur, l-Unjoni fittxet li tilħaq ftehim dwar arranġamenti interim għall-arbitraġġ ta’ appell skont l-Artikolu 25 tal-Ftehim dwar ir-Regoli u l-Proċeduri li Jirregolaw is-Soluzzjoni ta’ Tilwim tad-WTO (“il-Fehim dwar is-Soluzzjoni tat-Tilwim tad-WTO”). Dan l-approċċ ġie approvat mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea fis-27 ta’ Mejju 2019 u fil-15 ta’ Lulju 2019 u ġie appoġġat f’riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew fit-28 ta’ Novembru 2019. Jekk Membru tad-WTO jirrifjuta li jidħol f’arranġament bħal dan, u jippreżenta appell quddiem tal-Korp tal-Appell li ma jkunx qed jiffunzjona, is-soluzzjoni tat-tilwim hija effettivament imblukkata.

(5)Bl-istess mod, sitwazzjoni simili tista’ tirriżulta taħt ftehimiet kummerċjali internazzjonali oħra, b’mod partikolari ftehimiet reġjonali jew bilaterali, fejn pajjiż terz ma jikkooperax, kif meħtieġ, għas-soluzzjoni tat-tilwim biex tiffunzjona, pereżempju billi jonqos milli jaħtar arbitru u fejn ma jkun previst l-ebda mekkaniżmu sabiex jiġi żgurat il-funzjonament tas-soluzzjoni tat-tilwim f’din is-sitwazzjoni.

(6)Fid-dawl tal-imblokk tas-soluzzjoni tat-tilwim, l-Unjoni mhux se tkun tista’ tinforza l-ftehimiet kummerċjali internazzjonali. Għalhekk, huwa xieraq li jiġi estiż l-ambitu tar-Regolament (UE) Nru 654/2014 għal sitwazzjonijiet bħal dawn.

(7)Għal dan il-għan, l-Unjoni jenħtieġ li tkun tista’ tissospendi bil-ħeffa l-obbligi taħt ftehimiet kummerċjali internazzjonali, inklużi ftehimiet reġjonali jew bilaterali, meta l-użu effettiv ta’ mekkaniżmu vinkolanti għas-soluzzjoni tat-tilwim ma jkunx possibbli minħabba li l-pajjiż terz ikun għamilha impossibbli għall-Unjoni li tagħmel dan.

(8)Huwa wkoll xieraq li jiġi stabbilit li fejn jittieħdu miżuri li jirrestrinġu l-kummerċ ma’ pajjiż terz fis-sitwazzjonijiet inkwistjoni, tali miżuri għandhom ikunu proporzjonati mal-annullament jew ħsara tal-interessi kummerċjali tal-Unjoni kkawżati mill-miżuri ta’ dak il-pajjiż terz, f’konformità mal-obbligi tal-Unjoni skont id-dritt internazzjonali.

(9)Fl-aħħar nett, il-klawsola ta’ rieżami tar-Regolament (UE) Nru 654/2014 għandha tiġġedded għal perjodu ieħor ta’ ħames snin u għandha tkopri l-applikazzjoni tal-emenda proposta.

(10)Għaldaqstant, jenħtieġ li r-Regolament (UE) Nru 654/2014 jiġi emendat skont dan,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament (UE) Nru 654/2014 għandu jiġi emendat kif ġej:

(1)L-Artikolu 3 huwa emendat kif ġej:

(a)jiżdied il-paragrafu (aa) li ġej:

“(aa)“wara ċ-ċirkolazzjoni ta’ rapport tal-panel tad-WTO li jikkonferma, b’mod sħiħ jew parzjali, it-talbiet imressqa mill-Unjoni Ewropea, jekk ma jkunx jista’ jitlesta appell skont l-Artikolu 17 tal-Ftehim dwar is-Soluzzjoni tat-Tilwim tad-WTO u jekk il-pajjiż terz ma jkunx qabel ma’ arbitraġġ ta’ appell interim skont l-Artikolu 25 tal-Fehim dwar is-Soluzzjoni tat-Tilwim tad-WTO;”

(b)jiddaħħal il-punt (bb) li ġej:

“(bb)“f’tilwim kummerċjali relatat ma’ ftehimiet kummerċjali internazzjonali oħra, inklużi ftehimiet reġjonali jew bilaterali, jekk l-aġġudikazzjoni ma tkunx possibbli minħabba li l-pajjiż terz ma jkunx qed jieħu l-passi li huma meħtieġa biex il-proċedura ta’ soluzzjoni tat-tilwim tkun tista’ tiffunzjona;”

(2)Fl-Artikolu 4(2), jiddaħħal il-punt (bb) li ġej:

“(bb)fejn jittieħdu miżuri li jirrestrinġu l-kummerċ ma’ pajjiż terz f’sitwazzjonijiet taħt l-Artikolu 3(aa) jew l-Artikolu 3(bb), tali miżuri għandhom ikunu proporzjonati għall-annullament jew ħsara tal-interessi kummerċjali tal-Unjoni kkawżati mill-miżuri ta’ dak il-pajjiż terz;”

(3)L-Artikolu 10 huwa emendat kif ġej:

(a)il-paragrafu 1 għandu jiġi ssostitwit b’dan li ġej:

“Sa mhux aktar tard mill-1 ta’ Marzu 2025, il-Kummissjoni għandha tirrevedi l-ambitu ta’ dan ir-Regolament, b’kont meħud b’mod partikolari tal-emendi għall-ambitu li għandhom effett minn [data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament emendatorju], il-miżuri ta’ politika kummerċjali li jistgħu jiġu adottati, kif ukoll l-implimentazzjoni tagħha, u għandha tirrapporta s-sejbiet tagħha lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.”

(b)il-paragrafu 2 huwa emendat kif ġej:

(i)fl-ewwel sottoparagrafu tal-paragrafu 2, l-ewwel frażi hi ssostitwita bit-test li ġej:

“Meta taġixxi skont il-paragrafu 1, il-Kummissjoni għandha tagħmel rieżami bl-għan li tipprevedi taħt dan ir-Regolament miżuri addizzjonali ta' politika kummerċjali li jissospendu konċessjonijiet jew obbligi oħra fil-qasam tal-kummerċ f'servizzi”.

(ii)it-tieni sottoparagrafu huwa mħassar.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-[…] jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell,

Għall-Parlament Ewropew    Għall-Kunsill

Il-President    Il-President

(1)    Ir-Regolament (UE) Nru 654/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Mejju 2014 dwar l-eżerċizzju tad-drittijiet tal-Unjoni għall-applikazzjoni u l-infurzar ta’ regoli kummerċjali internazzjonali u li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 3286/94 li jistabbilixxi l-proċeduri tal-Komunità fil-qasam ta' politika kummerċjali komuni sabiex jiżgura l-eżerċizzju tad-drittijiet tal-Komunità skont ir-regoli internazzjonali tal-kummerċ, b'mod partikolari dawk stabbiliti taħt l-awspiċji tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (ĠU L 189, 27.6.2014, p. 50).
(2)    Linji gwida politiċi għall-Kummissjoni Ewropea li jmiss 2019-2024.     https://ec.europa.eu/commission/sites/beta-political/files/political-guidelines-next-commission_en.pdf  
(3)    Ittra ta’ Missjoni tal-1 ta’ Diċembru 2019 mill-President von der Leyen, lill-Kummissarju għall-Kummerċ.
(4)    Il-proċess huwa mmexxi mill-Ambaxxatur Walker ta’ New Zealand, il-President attwali tal-Korp għas-Soluzzjoni tat-Tilwim tad-WTO.
(5)    L-inizjattiva ġiet approvata mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea fis-27 ta’ Mejju 2019 u fil-15 ta’ Lulju 2019. Il-Parlament Ewropew adotta riżoluzzjoni li tappoġġjaha fit-28 ta' Novembru 2019.
(6)    Aral-Kummissjoni Internazzjonali tal-Liġi, Draft Articles on Responsibility of States for Internationally Wrongful Acts, Novembru 2001, Assemblea Ġenerali, Rekords Uffiċjali, Il-Ħamsa u ħamsin sessjoni, Suppliment Nru. 10 (A/56/10), kap.IV.E.1, Kapitolu II u b’mod partikolari, l-kummentarju introduttorju (1). 
(7)    Ibid., l-Artikolu 50.2(a).
(8)    Ibid, l-Artikolu 55.
(9)    Ibid., l-Artikoli 52(3)(b) u 52(4) u l-kummentarji (2), (8) u (9).
(10)    Ir-Regolament (UE) 2015/1843 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta' Ottubru 2015 li jistabbilixxi l-proċeduri tal-Unjoni fil-qasam tal-politika kummerċjali komuni sabiex jiżgura l-eżerċizzju tad-drittijiet tal-Unjoni skont ir-regoli internazzjonali tal-kummerċ, b'mod partikolari dawk stabbiliti taħt l-awspiċji tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (kodifikazzjoni) (ĠU L 272, 16.10.2015, p. 1).
(11)    Ir-Regolament (UE) Nru 654/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Mejju 2014 dwar l-eżerċizzju tad-drittijiet tal-Unjoni għall-applikazzjoni u l-infurzar ta’ regoli kummerċjali internazzjonali u li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 3286/94 li jistabbilixxi l-proċeduri tal-Komunità fil-qasam ta' politika kummerċjali komuni sabiex jiżgura l-eżerċizzju tad-drittijiet tal-Komunità skont ir-regoli internazzjonali tal-kummerċ, b'mod partikolari dawk stabbiliti taħt l-awspiċji tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (ĠU L 189, 27.6.2014, p. 50).
Top