EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52019PC0563

Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Kunsill Ġenerali tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ

COM/2019/563 final

Brussell, 30.10.2019

COM(2019) 563 final

2019/0245(NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Kunsill Ġenerali tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.Suġġett tal-proposta

Din il-proposta hija dwar id-deċiżjoni li tistabbilixxi l-pożizzjoni li trid tittieħed f’isem l-Unjoni fil-Kunsill Ġenerali tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (id-WTO) b’rabta mal-adozzjoni prevista ta’ deċiżjoni dwar ir-Rieżami tal-Fehim għal Dispożizzjonijiet Amministrattivi dwar il-Kwoti Tariffarji ta’ Prodotti Agrikoli, kif definiti fl-Artikolu 2 tal-Ftehim dwar l-Agrikoltura.

2.Kuntest tal-proposta

2.1.Il-Ftehim ta’ Marrakesh li jistabbilixxi l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ

Id-Deċiżjoni proposta tal-Kunsill għandha l-għan li tawtorizza lill-Kummissjoni Ewropea biex, f’isem l-Unjoni tappoġġa deċiżjoni li trid tittieħed fil-Kunsill Ġenerali tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (id-WTO). L-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ ġiet stabbilita permezz tal-Ftehim ta’ Marrakesh (“il-Ftehim tad-WTO”) li daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 1995.

L-Unjoni Ewropea hija parti għal dak il-Ftehim.

2.2.Il-Konferenza Ministerjali u l-Kunsill Ġenerali tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ

Skont il-paragrafu 1 tal-Artikolu IV tal-Ftehim tad-WTO, il-Konferenza Ministerjali għandha l-awtorità li tieħu deċiżjonijiet dwar il-kwistjonijiet kollha li jaqgħu taħt kwalunkwe Ftehim Kummerċjali Multilaterali.

Madankollu, skont il-paragrafu 2 tal-Artikolu IV tal-Ftehim tad-WTO, fl-intervalli bejn laqgħa u oħra tal-Konferenza Ministerjali, il-funzjonijiet tagħha jitmexxew mill-Kunsill Ġenerali.

Skont il-paragrafu 1 tal-Artikolu IX, id-WTO tieħu d-deċiżjonijiet b’kunsens.

2.3.L-att previst tal-Konferenza Ġenerali tad-WTO

F’Diċembru 2013, waqt id-Disa’ Sessjoni tal-Konferenza Ministerjali tad-WTO, il-Ministri (għall-Kummerċ) adottaw deċiżjoni ta’ “Fehim għal Dispożizzjonijiet Amministrattivi dwar il-Kwoti Tariffarji ta’ Prodotti Agrikoli, kif definit fl-Artikolu 2 tal-Ftehim dwar l-Agrikoltura” (WT/MIN(13)/39 (“Il-Fehim dwar il-Kwoti Tariffarji”).

L-objettiv ta’ dan il-Fehim dwar il-Kwoti Tariffarji huwa li jissimplifika l-amministrazzjoni tal-kwota tariffarja għall-prodotti agrikoli. Fil-paragrafu 13, il-Fehim dwar il-Kwoti Tariffarji jipprevedi r-rieżami tiegħu, filwaqt li jqis l-esperjenza li kellha sa issa bl-operat tagħha. Ir-rieżami kellu jinbeda mhux aktar tard minn erba’ snin wara l-adozzjoni tal-Fehim dwar il-Kwoti Tariffarji. Fl-2018, il-Kumitat għall-Agrikoltura pproċeda bil-proċess ta’ rieżami. Kmieni fl-2019, is-Segretarjat tal-Kumitat dwar l-Agrikoltura ħareġ l-abbozz ta’ rapport li għandu jiġi indirizzat lill-Kunsill Ġenerali tad-WTO li jagħti rendikont tal-iżviluppi li saru s’issa.

Minħabba n-nuqqas ta’ kunsens fost il-membri tad-WTO dwar il-bidliet sostantivi fil-Fehim dwar il-Kwoti Tariffarji, il-Kumitat jirrakkomanda li l-Kunsill Ġenerali jestendi l-perjodu ta’ rieżami sa tmiem l-2021 u li jsaħħaħ it-trasparenza tal-amministrazzjoni tal-Kwoti Tariffarji (Ara l-Anness 2 tar-rapport).

Dawn ir-rakkomandazzjonijiet (fl-Anness 2 tar-rapport) jenħtieġ li jiġu ppreżentati lill-Kunsill Ġenerali f’Diċembru 2019. Jenħtieġ li l-Kunsill Ġenerali jadotta dawn ir-rakkomandazzjonijiet fil-forma ta’ deċiżjoni dwar ir-rieżami tal-Fehim dwar il-Kwoti Tariffarji.

3.Pożizzjoni li trid tittieħed f’isem l-Unjoni

L-objettiv ta’ din il-proposta huwa li tippermetti lill-Unjoni tasal għall-adozzjoni ta’ deċiżjoni dwar ir-rieżami tal-Fehim dwar il-Kwoti Tariffarji fil-laqgħa ta’ Diċembru 2019 tal-Kunsill Ġenerali tad-WTO.

Mill-perspettiva tal-Unjoni, l-estensjoni tal-perjodu tar-rieżami sa tmiem l-2021 hija kruċjali, għaliex tippermetti t-tkomplija tal-Fehim eżistenti dwar il-Kwoti Tariffarji u tħalli lill-membri tad-WTO jkollhom aktar diskussjonijiet dwar ir-rieżami ta’ dan il-Fehim dwar il-Kwoti Tariffarji.

4.Bażi ġuridika

4.1.Bażi ġuridika proċedurali

4.1.1.Prinċipji

L-Artikolu 218(9) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (it-TFUE) jipprevedi deċiżjonijiet li jistabbilixxu “l-pożizzjonijiet li għandhom jiġu adottati f’isem l-Unjoni f’sede stabbilita fi ftehim, meta dik is-sede tintalab tadotta atti li jkollhom effetti legali, sakemm dawn ma jkunux atti li jissupplimentaw jew jemendaw il-qafas istituzzjonali tal-ftehim.”

Il-kunċett ta’ “atti li jkollhom effetti legali” jinkludi l-atti li jkollhom effetti legali bis-saħħa tar-regoli tad-dritt internazzjonali li jirregolaw is-sede kkonċernata. Jinkludi wkoll l-istrumenti li ma jkollhomx effett vinkolanti skont id-dritt internazzjonali iżda li “jistgħu jinfluwenzaw b’mod determinanti l-kontenut tal-leġiżlazzjoni adottata mil-leġiżlatur tal-Unjoni” 1 .

4.1.2.Applikazzjoni għal dan il-każ

Il-Kunsill Ġenerali tad-WTO huwa korp imwaqqaf permezz ta’ ftehim, jiġifieri l-Ftehim tad-WTO.

L-att li l-Kunsill Ġenerali qed jintalab jadotta jikkostitwixxi att li għandu effetti ġuridiċi. L-att previst se jkun vinkolanti skont id-dritt internazzjonali b’konformità mal-paragrafu 2 tal-Artikolu II u mal-paragrafu 3 tal-Artikolu IX tal-Ftehim tad-WTO.

L-att previst la jissupplimenta u lanqas ma jemenda l-qafas istituzzjonali tal-Ftehim.

Għalhekk, il-bażi ġuridika proċedurali għad-deċiżjoni proposta hija l-Artikolu 218(9) tat-TFUE.

4.2.Bażi ġuridika sostantiva

4.2.1.Prinċipji

Il-bażi ġuridika sostantiva għal deċiżjoni skont l-Artikolu 218(9) tat-TFUE tiddependi primarjament fuq l-għan u fuq il-kontenut tal-att previst li fir-rigward tiegħu tittieħed pożizzjoni f’isem l-Unjoni. Jekk l-att previst ikollu żewġ għanijiet jew ikollu żewġ komponenti, u jekk wieħed minn dawk l-għanijiet jew minn dawk il-komponenti jkun jista’ jiġi identifikat bħala dak ewlieni, filwaqt li l-ieħor ikun sempliċement wieħed inċidentali, id-deċiżjoni skont l-Artikolu 218(9) tat-TFUE trid tissejjes fuq bażi ġuridika sostantiva unika, jiġifieri dik meħtieġa mill-għan jew mill-komponent ewlieni jew predominanti.

4.2.2.Applikazzjoni għal dan il-każ

L-objettiv ewlieni u l-kontenut tal-att previst huma relatati mal-politika kummerċjali komuni.

Għalhekk, il-bażi ġuridika sostantiva tad-Deċiżjoni proposta hija l-Artikolu 207 tat-TFUE.

4.3.Konklużjoni

Jenħtieġ li l-bażi ġuridika tad-deċiżjoni proposta tkun l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 207(4), flimkien mal-Artikolu 218(9) TFUE.

5.Pubblikazzjoni tal-att previst

Peress li l-att tal-Kunsill Ġenerali tad-WTO se jissupplimenta l-Ftehim tad-WTO billi jestendi l-applikazzjoni tal-Fehim dwar il-Kwoti Tariffarji u billi jipprovdi regoli dwar l-użu aħjar tal-kwoti tariffarji, huwa xieraq li l-Att jiġi ppubblikat f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea wara l-adozzjoni tiegħu.

2019/0245 (NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Kunsill Ġenerali tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 207(4), flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)Il-Ftehim ta’ Marrakesh li jistabbilixxi l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (“il-Ftehim tad-WTO”) kien konkluż mill-Unjoni bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 94/800/KE tat-22 ta’ Diċembru 1994 2 u daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 1995.

(2)Skont il-paragrafu 1 tal-Artikolu IV tal-Ftehim tad-WTO, il-Konferenza Ministerjali tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (“id-WTO”) għandha l-awtorità li tieħu deċiżjonijiet dwar il-kwistjonijiet kollha li jaqgħu taħt kwalunkwe Ftehim Kummerċjali Multilaterali.

(3)Skont il-paragrafu 2 tal-Artikolu IV tal-Ftehim tad-WTO, fl-intervalli bejn laqgħa oħra tal-Konferenza Ministerjali, il-funzjonijiet tagħha jridu jitmexxew mill-Kunsill Ġenerali tad-WTO.

(4)Skont il-paragrafu 1 tal-Artikolu IX, id-WTO normalment tieħu d-deċiżjonijiet b’kunsens.

(5)Id-Disa’ Sessjoni tal-Konferenza Ministerjali tad-WTO (f’Bali, Diċembru 2013), rat l-adozzjoni ta’ Deċiżjoni dwar il-Fehim għal Dispożizzjonijiet Amministrattivi dwar il-Kwoti Tariffarji ta’ Prodotti Agrikoli, kif definit fl-Artikolu 2 tal-Ftehim dwar l-Agrikoltura” (WT/MIN(13)/39 (“Il-Fehim dwar il-Kwoti Tariffarji”) li jmexxi l-ġestjoni tal-kwoti tariffarji ta’ prodotti agrikoli.

(6)Skont il-paragrafu 13 tal-Fehim dwar il-Kwoti Tariffarji, għandu jinbeda rieżami tal-operat tal-Ftehim mhux aktar tard minn erba’ snin wara l-adozzjoni tagħha, li jqis l-esperjenza miksuba sa dak iż-żmien. L-objettiv ta’ dan ir-rieżami huwa li jippromwovi proċess kontinwu ta’ titjib fl-utilizzazzjoni tal-kwoti tariffarji.

(7)Skont il-paragrafu 13, il-Kumitat għall-Agrikoltura pproċeda bir-rieżami tal-Fehim dwar il-Kwoti Tariffarji fl-2018. Is-sejbiet tar-rieżami ser jiġu ppreżentati fil-laqgħa ta’ Diċembru 2019 tal-Kunsill Ġenerali fil-forma ta’ rapport maħruġ mill-Kumitat għall-Agrikoltura (Rapport Nru... “Rieżami tal-Operat tad-Deċiżjoni Bali dwar l-Amministrazzjoni tal-Kwoti Tariffarji”, datat...).

(8)Minħabba n-nuqqas ta’ kunsens fost il-membri tad-WTO dwar l-emendi sostantivi għall-Fehim dwar il-Kwoti Tariffarji, ir-rapport jirrakkomanda li l-perjodu ta’ reviżjoni jittawwal sa tmiem l-2021, sabiex ikun jista’ jintlaħaq kunsens dwar emendi sostantivi. Ir-rapport jinkludi wkoll rakkomandazzjonijiet li jimmiraw lejn żieda fit-trasparenza tal-amministrazzjoni tal-Kwoti Tariffarji.

(9)Fil-laqgħa tiegħu ta’ Diċembru 2019, il-Kunsill Ġenerali tad-WTO jenħtieġ li jiġi mistieden jikkunsidra l-adozzjoni tar-rakkomandazzjonijiet stabbiliti fl-Anness 2 tar-Rapport Nru... fil-forma ta’ deċiżjoni dwar ir-rieżami tal-Fehim dwar il-Kwoti Tariffarji.

(10)Jixraq li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li trid tittieħed f’isem l-Unjoni fil-Kunsill Ġenerali tad-WTO, billi d-Deċiżjoni li trid tiġi adottata se tkun vinkolanti fuq l-Unjoni.

(11)Fil-Kunsill Ġenerali tad-WTO, l-Unjoni tiġi rrappreżentata mill-Kummissjoni, f'konformità mal-Artikolu 17(1) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (it-TUE),

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-pożizzjoni li trid tittieħed mill-Kummissjoni Ewropea f’isem l-Unjoni fil-laqgħa tal-Kunsill Ġenerali tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ f’Diċembru 2019 għandha tkun ibbażata fuq l-abbozz ta’ Deċiżjoni li tadotta r-rakkomandazzjonijiet magħmula lill-Kunsill Ġenerali mill-Kumitat dwar l-Agrikoltura fl-Anness 2 tar-Rapport tiegħu Nru ... ta’..... mehmuż ma’ din id-Deċiżjoni.

Tibdiliet tekniċi minuri fl-abbozz tad-Deċiżjoni jistgħu jiġu miftiehma mir-rappreżentanti tal-Unjoni fil-Kunsill tal-Membri tad-WTO mingħajr deċiżjoni ulterjuri tal-Kunsill.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Kummissjoni.

Magħmul fi Brussell,

   Għall-Kunsill

   Il-President

(1)    Is-Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta# Ottubru 2014, C-399/12, il-Ġermanja v il-Kunsill, EU:C:2014:2258, il-paragrafi 61 sa 64.
(2)    Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 94/800/KE tat-22 ta’ Diċembru 1994 dwar il-konklużjoni f’isem il-Komunità Ewropea, fejn għandhom x’jaqsmu affarijiet fil-kompetenza tagħha, fuq il-ftehim milħuq fil-Laqgħa ta’ negozjati multilaterali fl-Urugwaj (1986-1994) (ĠU L 336, 23.12.1994, p. 1).
Top

Brussell, 30.10.2019

COM(2019) 563 final

ANNESS

ta'

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar il-pożizzjoni li trid tittieħed f'isem l-Unjoni Ewropea fil-Kunsill Ġenerali tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ


ANNESS

RIEŻAMI TAL-OPERAT TAD-DEĊIŻJONI TA’ BALI DWAR L-AMMINISTRAZZJONI TAL-KWOTI TARIFFARJI

Rapport lill-Kunsill Ġenerali

(1)Waqt id-Disa’ Sessjoni tal-Konferenza Ministerjali, il-Ministri adottaw id-Deċiżjoni dwar “il-Fehim għal Dispożizzjonijiet Amministrattivi dwar il-Kwoti Tariffarji ta’ Prodotti Agrikoli, kif definit fl-Artikolu 2 tal-Ftehim dwar l-Agrikoltura” (WT/MIN (13)/39) (“Id-Deċiżjoni ta’ Bali dwar il-Kwoti Tariffarji”). Il-Ministri taw struzzjonijiet lill-Kumitat biex jirrieżamina u jissorvelja l-implimentazzjoni tal-obbligi tal-Membri stabbiliti taħt id-Deċiżjoni ta’ Bali dwar il-Kwoti Tariffarji bl-objettiv li r-rieżami jippromwovi proċess kontinwu ta’ titjib fl-utilizzazzjoni tal-kwoti tariffarji, li beda mhux aktar tard mill-2017, u li jqis l-esperjenza miksuba sa dak iż-żmien 1 . Id-diskussjonijiet għal rieżami bdew fil-laqgħa tal-Kumitat f’Ottubru 2017 2 . Waqt il-laqgħa ta’ Frar 2018, il-Kumitat qabel mal-proċess u l-iskedi ta’ żmien biex jitwettaq ir-Rieżami fid-dokument G/AG/W/171 3 . Skont il-proċedura maqbula, ir-rieżami twettaq permezz ta’ laqgħat informali u miftuħa tal-Kumitat skedati biex jaħbtu mal-laqgħat regolari tal-Kumitat 4 .

(2)Il-membri ddiskutew ir-Rieżami f’erba’ laqgħat informali tal-Kumitat fl-2018, fit-20 ta’ Frar, fil-11 ta’ Ġunju, fil-25 ta’ Settembru u fis-26 ta’ Novembru. Matul il-laqgħa informali ta’ Novembru saret sessjoni tematika dwar l-amministrazzjoni ta’ kwoti tariffarji u l-użu insuffiċjenti li kienet tinvolvi l-parteċipazzjoni ta’ rappreżentanti tal-industrija. Waqt id-diskussjonijiet dwar ir-rieżami kien hemm ukoll għadd ta’ kontributi bil-miktub mill-Membri. B’mod simili, b’reazzjoni għal talbiet mill-Membri u skont il-proċess u l-iskedi ta’ żmien miftiehma biex jitwettaq ir-rieżami, is-Segretarjat ħejja dokument ta’ sfond 5 dwar l-amministrazzjoni tal-kwoti tariffarji u r-rati ta’ mili biex jitħaffef ir-Rieżami. L-Anness 1 jinkludi lista tad-dokumenti kollha bil-miktub ikkunsidrati s’issa fir-rieżami.

(3)Il-membri identifikaw it-temi li ġejjin fid-diskussjonijiet tar-rieżami: 1) Implimentazzjoni effettiva u segwitu tal-obbligi sostantivi li joħorġu mid-Deċiżjoni ta’ Bali dwar il-Kwoti Tariffarji; 2) Rekwiżiti ta’ trasparenza tal-Kwoti Tariffarji; 3) Mekkaniżmu f’każ ta’ insuffiċjenza. Xi elementi 6 mqajma taħt kull waħda mit-tliet temi, inkluż matul id-diskussjonijiet tematiċi f’Novembru, huma indikati hawn taħt.

IMPLIMENTAZZJONI U SEGWITU EFFETTIVI

i.Riallokazzjoni ta’ liċenzji mhux użati fi kwota tariffarja; 

ii.Proċessi ta’ riallokazzjoni, inkluż allokazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż 7 ;

iii.Il-kondiviżjoni ta’ esperjenzi u tal-aħjar prattiki dwar it-titjib tal-mili tal-kwoti tariffarji, inkluż riallokazzjoni tal-kwoti tariffarji skont il-Ftehimiet Kummerċjali Reġjonali (l-RTAs).

REKWIŻITI TA’ TRASPARENZA TAL-KWOTI TARIFFARJI;

i.Notifiki dwar Kwoti Tariffarji fil-ħin u kompluti;

ii.Rappurtar fil-pront ta’ bidliet fl-amministrazzjoni tal-Kwoti Tariffarji;

iii.Rapportar konsistenti tar-rati ta’ milli mill-Membri kollha b’impenji tal-Kwoti Tariffarji;

iv.Prattiki ta’ notifika armonizzati (eż. għal Kwoti Tariffarji mhux miftuħa jew Kwoti Tariffarji mingħajr vantaġġ tariffarju);

v.Rapportar bir-raġunijiet f’każijiet ta’ insuffiċjenza;

vi.Il-kondiviżjoni ta’ esperjenzi nazzjonali u tal-aħjar prattiki ta’ amministrazzjoni tal-Kwoti Tariffarji;

vii.Trattament speċjali u differenzjali (It-toqol tar-rekwiżit ta’ notifika);

viii.Konnessjoni mar-rekwiżit ta’ notifika fil-qasam tal-proċeduri tal-ħruġ ta' liċenzji għall-importazzjoni;

ix.Assistenza teknika mis-Segretarjat lejn konformità ta’ notifika mtejba min-naħa tal-Membri.

MEKKANIŻMU F’KAŻ TA’ INSUFFIĊJENZA

i.Obbligi differenti tal-Membri (il-paragrafu 4 tal-Anness A);

ii.Trattament speċjali u differenzjali;

iii.Applikabbiltà potenzjalment inqas minn universali fil-futur;

iv.Konnessjoni bejn l-Anness B u l-paragrafu 4 tal-Anness A;

v.Esplorazzjoni tal-kawżi ta’ każijiet ta’ użu insuffiċjenti;

vi.Eżaminazzjoni mmirata tal-Kwoti Tariffarji f’każijiet ta’ użu insuffiċjenti f’xi setturi speċifiċi;

vii.Applikabbiltà prattika tal-Mekkaniżmu f'każ ta' użu insuffiċjenti.(esplorazzjoni tar-raġunijiet inkluża l-kumplessità potenzjali, dwar għaliex għadu ma ġiex invokat, il-kondiviżjoni ta’ esperjenzi, is-simplifikazzjoni ta’ rekwiżiti proċedurali);

viii.Iż-żamma ta’ lista ta’ Kwoti Tariffarji b’każijiet ta’ użu insuffiċjenti mis-Segretarjat.

(4)Dwar il-kwistjoni tal-operat fil-futur tal-mekkaniżmu f’każ ta’ użu insuffiċjenti u tad-dispożizzjoni S&D (Speċjali u Differenzjat) assoċjata miegħu fil-paragrafu 4, il-pożizzjonijiet tal-Membri kienu diverġenti. Xi Membri li qed jiżviluppaw sostnew li d-dispożizzjonijiet S&D fid-Deċiżjoni ta’ Bali dwar il-Kwoti Tariffarji ma għandhomx jitħalltu; xi Membri oħra argumentaw li t-trattament S&D għall-pajjiżi li qed jiżviluppaw ma għandux iwassal għal konċessjoni u li l-pajjiżi benefiċjarji li qed jiżviluppaw għandhom minflok jassumu l-impenji tagħhom fir-rigward tal-ġestjoni tal-Kwoti Tariffarji filwaqt li jieħdu kont tal-istatus ta’ żvilupp tagħhom.

(5)Diversi Membri kkunsidraw li l-ambitu ta’ dan ir-rieżami huwa limitat għat-tiftix ta’ titjib fl-amministrazzjoni tal-Kwoti Tariffarji biex jiddistingwihom min-negozjati dwar l-aċċess għas-suq. Oħrajn irreferew għall-possibbiltà li jiddaħħlu n-negozjati dwar il-Kwoti Tariffarji fin-negozjati dwar l-aċċess għas-suq.

(6)Xi Membri kkunsidraw li abbażi tas-sottomissjonijiet tal-Membri, il-Kumitat għandu jeżamina r-raġunijiet għaliex il-mekkaniżmu f’każ ta’ użu insuffiċjenti għadu ma ġiex invokat.

(7)Skont il-paragrafi 13–15 tad-Deċiżjoni ta’ Bali dwar il-Kwoti Tariffarji (WT/MIN (13)/39), il-Kumitat, fil-laqgħa tiegħu tat-30 ta’ Ottubru 2019, jaqbel mar-rakkomandazzjonijiet li ġejjin kif inklużi fl-Anness 2 ta’ dan ir-rapport għall-kunsiderazzjoni mill-Kunsill Ġenerali.



Anness 1

Lista tad-dokumenti

G/AG/W/169

l-10 ta’ Ottubru 2017

Monitoraġġ u rieżami tal-obbligi tal-Membri stabbiliti skont id-Deċiżjoni ta’ Bali dwar l-amministrazzjoni tal-Kwoti Tariffarji.

Nota mis-Segretarjat:

G/AG/W/171

id-9 ta’ Frar 2018

Proċess propost għar-Rieżami tal-Operat tad-Deċiżjoni ta’ Bali dwar l-Amministrazzjoni tal-Kwoti Tariffarji.

Nota mis-Segretarjat:

G/AG/W/175

it-18 ta’ Mejju 2018

kif ukoll

G/AG/W/175/Add.1

is-7 ta’ Mejju 2019

Sottomissjoni tal-Unjoni Ewropea lill-Kumitat għall-Agrikoltura dwar il-Proċess għar-Rieżami tal-Operat tad-Deċiżjoni ta’ Bali dwar l-Amministrazzjoni tal-Kwoti Tariffarji 8 .

Komunikazzjoni mill-Unjoni Ewropea

G/AG/W/179

is-6 ta’ Ġunju 2018

Rieżami tal-Operat tad-Deċiżjoni Ministerjali ta’ Bali dwar “Il-Fehim dwar id-dispożizzjonijiet Amministrattivi tal-Kwoti Tariffarji għall-Prodotti Agrikoli... 9 .

Sottomissjoni mill-Cairns Group

G/AG/W/183

il-31 ta’ Lulju 2018

Metodi ta’ amministrazzjoni ta’ kwoti tariffarji u rati ta’ mili 2007–2016.

Dokument ta’ Sfond mis-Segretarjat

G/AG/W/186

id-19 ta’ Settembru 2018

Rieżami tad-Deċiżjoni ta’ Bali dwar il-ġestjoni tal-Kwoti Tariffarji.

Sottomissjoni mill-Awstralja

G/AG/W/197

l-24 ta’ Mejju 2019

Il-Mekkaniżmu f’każ ta’ użu insuffiċjenti tad-Deċiżjoni ta’ Bali dwar l-Amministrazzjoni tal-Kwoti Tariffarji

Sottomissjoni f’isem il-Cairns Group



Anness 2

(1)[L-iskeda ta’ żmien speċifikata fil-Paragrafu 14 u n-nota 2 f’qiegħ il-paġna tad-Deċiżjoni ta’ Bali dwar il-Kwoti Tariffarji għal deċiżjoni dwar il-Paragrafu 4 tal-Anness A għandha tiġi estiża sal-aħħar tal-2021 jew tal-MC13, liema minnhom tiġi l-ewwel. [Għal aktar ċertezza, jekk la l-Konferenza Ministerjali u lanqas il-Kunsill Ġenerali ma jiddeċiedu, qabel tmiem l-2021, li jiġi estiż il-paragrafu 4 ta’ l-Anness A tad-Deċiżjoni ta’ Bali dwar il-Kwoti Tariffarji kemm fil-forma attwali tagħha kif ukoll f’dik modifikata, il-paragrafu 4 tal-Anness A, soġġett għall-paragrafu 15 ta’ dik id-Deċiżjoni, m’għandux jibqa’ japplika mill-1 ta’ Jannar, 2022 [fir-rigward ta’ dawk il-Membri elenkati fl-Anness B, kif ukoll ta’ kwalunkwe Membru li jitlob li qabel tmiem l-2021 jiżdied mal-Anness B].]

(2)Sadanittant, il-Kumitat dwar l-Agrikoltura (“il-Kumitat”) ser ikompli bid-diskussjonijiet dwar l-applikazzjoni tal-paragrafu 4 tal-Anness A. [Għal aktar ċertezza, filwaqt li din id-diskussjoni għadha għaddejja, id-Deċiżjoni ta’ Bali dwar il-Kwoti Tariffarji, flimkien mal-Annessi tagħha, għandha tinżamm.]

(3)Il-Kumitat ser jipprovdi rakkomandazzjonijiet lill-Kunsill Ġenerali dwar l-applikazzjoni tal-paragrafu 4 [tal-Anness A u skont il-paragrafu 14] qabel tmiem l-2021.]

(4)Filwaqt li jirrikonoxxi l-importanza ta’ trasparenza mtejba tal-amministrazzjoni tal-Kwoti Tariffarji u tar-rati ta’ mili kif ukoll tas-sottomissjoni f’waqtha ta’ notifiki mill-Membri, u filwaqt li jirrikonoxxi li s-sistema ta’ notifika online dwar l-agrikoltura għandha twassal għal armonizzazzjoni mtejba, il-Kumitat jaqbel dwar dan li ġej:

(a)Is-Segretarjat se jħejji lista tal-prattiki ta’ notifika tal-Kwoti Tariffarji eżistenti tal-Membri inkluż f’każijiet fejn ma tkunx infetħet Kwota Tariffarja skedata.

(b)Il-Kumitat ser jagħti bidu għal diskussjonijiet dwar l-armonizzazzjoni tal-prattiki ta’ notifika tal-Kwoti Tariffarji għall-Membri, inkluż għar-rati ta’ mili tal-Kwoti Tariffarji.

(c)Il-Kumitat iħeġġeġ lill-Membri biex jinkludu spjegazzjoni fin-notifiki tagħhom tat-Tabella MA:2 f’każijiet fejn il-Kwoti Tariffarji skedati ma jinfetħux.

(d)Is-Segretarjat jaġġorna l-informazzjoni dwar l-amministrazzjoni tal-Kwoti Tariffarji u r-rati ta’ mili regolarment kif inklużi f’G/AG/W/183 10 kif ukoll l-informazzjoni aġġornata li fuqha l-Membri jkunu nnotifikaw ir-rati ta’ mili u dwar kwistjonijiet li tqajmu fil-Kumitat dwar ir-rati ta’ mili.

(e)Abbażi tas-sottomissjonijiet mill-Membri, il-Kumitat għandu jeżamina r-raġunijiet għaliex il-Mekkaniżmu f’Każ ta’ użu insuffiċjenti għadu ma ġiex invokat.

(5)Il-Kumitat jaqbel li kull tliet snin wara l-konklużjoni ta’ dan ir-rieżami jwettaq rieżamijiet regolari tad-Deċiżjoni ta’ Bali dwar il-Kwoti Tariffarji. Dawn ir-rieżamijiet regolari se jinkludu, fost l-oħrajn, eżaminazzjoni tal-użu tal-Mekkaniżmu f’każ ta’ użu insuffiċjenti mill-Membri abbażi tas-sottomissjonijiet mill-Membri.

__________

(1)    Il-paragrafu 13 ta’ WT/MIN (13)/39. Għadha ma ġiet irrappurtata l-ebda esperjenza fir-rigward tar-rikors għall-Mekkaniżmu f’Każ ta’ Użu insuffiċjenti.
(2)    Irreferi għat-Taqsima 2.2.1 ta’ G/AG/R/86.
(3)    Irreferi għat-Taqsima 2.5.1 ta’ G/AG/R/87.
(4)    Waqt il-laqgħa ta’ Ġunju 2019, il-Kumitat qabel li jestendi l-iskeda ta’ żmien għal-laqgħa tal-Kumitat ta’ Ottubru 2019 biex jiġi ffinalizzat ir-rapport tar-Rieżami.
(5)    G/AG/W/183.
(6)    Ma hemm l-ebda ftehim fost il-Membri dwar dawn l-elementi jew dwar it-trattament tagħhom fir-rakkomandazzjonijiet.
(7)    Il-paragrafu 9 tad-Deċiżjoni Ministerjali ta’ Bali dwar il-Kwoti Tariffarji jirreferi għall-proċess ta’ riallokazzjoni. Barra minn hekk, in-noti 3 u 5 ta’ qiegħ il-paġna tal-Anness A tad-Deċiżjoni ta’ Bali jirreferu għad-drittijiet tal-Membri li jkollhom allokazzjoni speċifika għall-pajjiż speċifikament fil-kuntest tal-mekkaniżmu f’każ ta’ użu insuffiċjenti.
(8)    Dokument G/AG/W/171 tad-9 ta’ Frar 2018.
(9)    WT/MIN (13)/39 AND WT/L/914 datat il-11 ta’ Diċembru 2013.
(10)    In-nota ta’ sfond tas-Segretarjat tista’ tinkludi speċifikament lista ta’ Kwoti Tariffarji fejn ma tkun tressqet l-ebda notifika tat-Tabella MA:2 jew fejn ir-rata ta’ mili hija inqas minn 65 %.
Top