Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52019PC0462

    Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Kumitat Konġunt u s-Sottokumitat dwar il-Kummerċ u l-Investiment stabbilit mill-Ftehim Qafas ta’ Sħubija u Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u l-Mongolja, min-naħa l-oħra fir-rigward tal-adozzjoni ta’ deċiżjonijiet dwar ir-regoli ta’ proċedura tal-Kumitat Konġunt u r-regoli ta’ proċedura tas-Sottokumitat dwar il-Kummerċ u l-Investiment

    COM/2019/462 final

    Brussell, 14.10.2019

    COM(2019) 462 final

    2019/0220(NLE)

    Proposta għal

    DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

    dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Kumitat Konġunt u s-Sottokumitat dwar il-Kummerċ u l-Investiment stabbilit mill-Ftehim Qafas ta’ Sħubija u Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u l-Mongolja, min-naħa l-oħra fir-rigward tal-adozzjoni ta’ deċiżjonijiet dwar ir-regoli ta’ proċedura tal-Kumitat Konġunt u r-regoli ta’ proċedura tas-Sottokumitat dwar il-Kummerċ u l-Investiment


    MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

    1.Suġġett tal-proposta

    Din il-proposta tikkonċerna d-deċiżjoni li tistabbilixxi l-pożizzjoni dwar l-adozzjoni prevista tar-regoli ta’ proċedura tal-Kumitat Konġunt u tar-regoli ta’ proċedura tas-Sottokumitat għall-Kummerċ u l-Investiment li jridu jittieħdu f’isem l-Unjoni fil-Kumitat Konġunt u s-Sottokumitat dwar il-Kummerċ u l-Investiment stabbilit mill-Ftehim Qafas ta’ Sħubija u Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u l-Mongolja, min-naħa l-oħra (“il-Ftehim”).

    2.Kuntest tal-proposta

    2.1.Il-Ftehim Qafas dwar Sħubija Komprensiva u Kooperazzjoni bejn l-UE u l-Mongolia

    Il-Ftehim għandu l-għan li jistabbilixxi sħubija msaħħa bejn l-UE u l-Istati Membri tagħha u l-Mongolja, u li japprofondixxi u jsaħħaħ il-kooperazzjoni fuq kwistjonijiet ta’ interess reċiproku, b’riflessjoni tal-valuri kondiviżi u l-prinċipji komuni. Il-Ftehim se joħloq qafas koerenti u legalment vinkolanti għar-relazzjonijet tal-UE mal-Mongolja. Il-ftehim daħal fis-seħħ fl-1 ta' Novembru 2017.

    2.2.Il-Kumitat Konġunt u s-Sottokumitat dwar il-Kummerċ u l-Investiment

    Il-Kumitat Konġunt twaqqaf bl-Artikolu 56 tal-Ftehim. Il-kompiti prinċipali tiegħu huma li: (a) jiżgura l-funzjonament korrett u l-implimentazzjoni ta' dan il-Ftehim; (b) jistabbilixxi prijoritajiet rigward l-għanijiet ta' dan il-Ftehim; (c) jagħmel rakkomandazzjonijiet biex jippromwovi l-objettivi ta’ dan il-Ftehim.

    Il-Kumitat Konġunt jagħmel rakkomandazzjonijiet u jadotta deċiżjonijiet, fejn xieraq, biex jagħti effett lill-aspetti speċifiċi ta’ dan il-Ftehim. Il-Kumitat Konġunt jiltaqa’ fl-ogħla livell adatt. Il-Kumitat Konġunt irid jadotta r-regoli ta’ proċedura tiegħu. Huwa jista' jistabbilixxi gruppi ta' ħidma speċjalizzati biex jittrattaw kwistjonijiet speċifiċi.

    Is-sottokumitat dwar il-Kummerċ u l-Investiment twaqqaf bl-Artikolu 28 tal-Ftehim. Il-kompitu tiegħu huwa li jassisti lill-Kumitat Konġunt fit-twettiq tal-kompiti tiegħu billi jittratta l-oqsma kollha ta’ kooperazzjoni dwar il-kummerċ u l-investiment.

    2.3.L-att previst tal-Kumitat Konġunt u s-Sottokumitat dwar il-Kummerċ u l-Investiment

    Il-Kumitat Konġunt għandu jadotta deċiżjoni dwar l-adozzjoni tar-regoli ta’ proċedura tiegħu u ta’ gruppi ta’ ħidma speċjalizzati. Is-Sottokumitat dwar il-Kummerċ u l-Investiment għandu jadotta deċiżjoni dwar l-adozzjoni tar-regoli ta’ proċedura tiegħu (“l-att previst”).

    L-għan tal-atti previsti huwa li jadottaw, skont l-Artikoli 28(3) u 56(6) tal-Ftehim, ir-regoli ta’ proċedura li jirfdu l-organizzazzjoni tal-Kumitat Konġunt u r-regoli ta’ proċedura tas-Sottokumitat dwar il-Kummerċ u l-Investiment u ta’ gruppi ta’ ħidma speċjalizzati li jippermettu l-implimentazzjoni tal-Ftehim.

    3.Il-pożizzjoni li trid tittieħed f’isem l-Unjoni

    Il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata f’isem l-Unjoni għandha timmira għall-adozzjoni tar-regoli ta’ proċedura tal-Kumitat Konġunt UE-Mongolja u r-regoli ta’ Proċedura tas-Sottokumitat dwar il-Kummerċ u l-Investiment u ta’ gruppi ta’ ħidma speċjalizzati. Il-pożizzjoni għandha tkun ibbażata fuq l-abbozz ta' deċiżjonijiet tal-Kumitat Konġunt u s-Sottokumitat dwar il-Kummerċ u l-Investiment.

    4.Bażi ġuridika

    4.1.Bażi ġuridika proċedurali

    4.1.1.Prinċipji

    L-Artikolu 218(9) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) jipprevedi deċiżjonijiet li jistabbilixxu “l-pożizzjonijiet li jridu jiġu adottati f’isem l-Unjoni f’sede stabbilita fi ftehim, meta dik is-sede tintalab tadotta atti li jkollhom effetti legali, sakemm dawn ma jkunux atti li jissupplimentaw jew jemendaw il-qafas istituzzjonali tal-ftehim.

    Il-kunċett ta’ “atti li jkollhom effetti legali” jinkludi l-atti li jkollhom effetti legali bis-saħħa tar-regoli tad-dritt internazzjonali li jirregolaw il-korp ikkonċernat. Dan jinkludi wkoll l-istrumenti li ma għandhomx effett vinkolanti skont id-dritt internazzjonali, iżda li “jistgħu jinfluwenzaw b’mod determinanti l-kontenut tal-leġiżlazzjoni adottata mil-leġiżlatur tal-UE 1 .

    4.1.2.Applikazzjoni għall-każ preżenti

    Il-Kumitat Konġunt u s-Sottokumitat dwar il-Kummerċ u l-Investiment huma korpi stabbiliti bi ftehim, jiġifieri l-Ftehim Qafas dwar Sħubija u Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u l-Mongolja, min-naħa l-oħra.

    L-atti li dawn il-korpi huma mitluba jadottaw jikkostitwixxu atti li għandhom effetti legali. Dan għaliex skont l-Artikolu 56(2) tal-Ftehim, il-Kumitat Konġunt u s-Sottokumitat dwar il-Kummerċ u l-Investiment għandhom jadottaw deċiżjonijiet li huma vinkolanti fuq il-Partijiet.

    L-atti previsti la jissupplimentaw u lanqas ma jemendaw il-qafas istituzzjonali tal-Ftehim.

    Għalhekk, il-bażi ġuridika proċedurali tad-deċiżjoni proposta hija l-Artikolu 218(9) TFUE.

    4.2.Bażi ġuridika sostantiva

    4.2.1.Prinċipji

    Il-bażi ġuridika sostantiva biex tittieħed deċiżjoni skont l-Artikolu 218(9) TFUE tiddependi primarjament mill-objettiv u mill-kontenut tal-att previst li tittieħed pożizzjoni f’isem l-Unjoni dwaru. Jekk l-att previst ikollu żewġ għanijiet jew żewġ komponenti, u jekk wieħed minn dawk l-għanijiet jew komponenti jkun jista’ jiġi identifikat bħala dak ewlieni, filwaqt li l-ieħor ikun sempliċement inċidentali, id-Deċiżjoni skont l-Artikolu 218(9) TFUE trid tkun ibbażata fuq bażi ġuridika sostantiva waħda, jiġifieri dik meħtieġa mill-għan jew mill-komponent ewlieni jew predominanti.

    Fir-rigward ta’ att previst li simultanjament isegwi għadd ta’ għanijiet, jew li għandu diversi komponenti, li huma inseparabbilment marbuta mingħajr ma wieħed ikun inċidentali għall-ieħor, il-bażi ġuridika sostantiva ta’ deċiżjoni skont l-Artikolu 218(9) tat-TFUE għandha tinkludi, eċċezzjonalment, id-diversi bażijiet ġuridiċi korrispondenti.

    4.2.2.Applikazzjoni għall-każ preżenti

    L-atti previsti għandhom l-għan li jippromwovu l-għanijiet tal-Ftehim u li jiffaċilitaw l-implimentazzjoni tiegħu. Ir-regoli ta’ proċedura tal-Kumitat Konġunt jikkonċernaw il-funzjonament ġenerali ta’ korp stabbilit abbażi ta’ ftehim. Għalhekk, il-qasam li taħtu taqa’ d-deċiżjoni għandu jiġi evalwat fid-dawl tal-Ftehim fl-intier tiegħu 2 . 

    F’dan il-każ partikolari, l-għan u l-komponent predominanti tal-Ftehim huwa l-kooperazzjoni ma’ pajjiż fil-fażi tal-iżvilupp (l-Artikolu 209 TFUE) 3 . Għalhekk, jenħtieġ li l-bażi legali xierqa tkun l-Artikolu 209 TFUE.

    4.3.Konklużjoni

    Jenħtieġ li l-bażi ġuridika tad-deċiżjoni proposta tkun l-Artikolu 209 TFUE flimkien mal-Artikolu 218(9) TFUE.

    5.Pubblikazzjoni tal-att previst

    Minħabba li l-att tal-Kumitat Konġunt se jistabbilixxi r-Regoli ta’ Proċedura tiegħu, huwa xieraq li dan jiġi ppubblikat f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea wara li jiġi adottat.

    2019/0220 (NLE)

    Proposta għal

    DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

    dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Kumitat Konġunt u s-Sottokumitat dwar il-Kummerċ u l-Investiment stabbilit mill-Ftehim Qafas ta’ Sħubija u Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u l-Mongolja, min-naħa l-oħra fir-rigward tal-adozzjoni ta’ deċiżjonijiet dwar ir-regoli ta’ proċedura tal-Kumitat Konġunt u r-regoli ta’ proċedura tas-Sottokumitat dwar il-Kummerċ u l-Investiment

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 209 flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

    Billi:

    (1)Il-Ftehim Qafas dwar Sħubija u Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u l-Mongolja, min-naħa l-oħra (“il-Ftehim”) daħal fis-seħħ fl-1 ta' Novembru 2017.

    (2)L-Artikolu 56(1) tal-Ftehim jistabbilixxi Kumitat Konġunt biex jiżgura l-implimentazzjoni u l-funzjonament sew tal-Ftehim. 

    (3)L-Artikolu 56(6) tal-Ftehim jipprevedi li l-Kumitat Konġunt għandu jadotta r-regoli ta' proċedura tiegħu u l-Artikolu 56(4) jipprevedi li jista' jwaqqaf gruppi ta’ ħidma speċjalizzati.

    (4)L-Artikolu 28(1) tal-Ftehim jistabbilixxi Sottokumitat dwar il-Kummerċ u l-Investiment

    (5)L-Artikolu 28(3) tal-Ftehim jipprevedi li s-Sottokumitat dwar il-Kummerċ u l-Investiment jistabbilixxi r-regoli ta’ proċedura tiegħu.

    (6)Sabiex tiġi żgurata l-implimentazzjoni effettiva tal-Ftehim, jenħtieġ li r-regoli ta' proċedura tal-Kumitat Konġunt jiġu adottati malajr kemm jista' jkun.

    (7)Għalhekk, huwa xieraq li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li trid tittieħed f'isem l-Unjoni fil-Kumitat Konġunt u s-Sottokumitat dwar il-Kummerċ u l-Investiment. Il-pożizzjoni tal-Unjoni fi ħdan il-Kumitat Konġunt u s-Sottokumitat dwar il-Kummerċ u l-Investiment għandha tkun ibbażata fuq l-abbozz tad-Deċiżjonijiet mehmuż tal-Kumitat Konġunt u tas-Sottokumitat dwar il-Kummerċ u l-Investiment.

    ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    Il-pożizzjoni dwar l-adozzjoni prevista tar-regoli ta’ proċedura tal-Kumitat Konġunt li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-Kumitat Konġunt UE-Mongolja għandha tkun ibbażata fuq l-abbozz ta’ Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt mehmuż ma’ din id-Deċiżjoni.

    Il-pożizzjoni dwar l-adozzjoni prevista tar-regoli ta’ proċedura tas-Sottokumitat dwar il-Kummerċ u l-Investiment li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fis-Sottokumitat UE-Mongolja għandha tkun ibbażata fuq l-abbozz ta’ Deċiżjoni tas-Sottokumitat dwar il-Kummerċ u l-Investiment mehmuż ma’ din id-Deċiżjoni.

    Artikolu 2

    Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Kummissjoni.

    Magħmul fi Brussell,

       Għall-Kunsill

       Il-President

    (1)    Il-Kawża C-399/12 Il-Ġermanja vs il-Kunsill (OIV), ECLI:EU:C:2014:2258, il-paragrafi 61 sa 64.
    (2)    Il-Kawża C-244/17 il-Kummissjoni vs il-Kunsill (il-Każakistan), ECLI:EU:C:2018:662, il-paragrafu 40.
    (3)    Għall-kamp ta’ applikazzjoni tal-politika tal-iżvilupp ara l-kawża C-377, Il-Kummissjoni vs il-Kunsill (il-Filippini), il-paragrafi 36–37.
    Top

    Brussell, 14.10.2019

    COM(2019) 462 final

    ANNESS

    ta' [...]

    Proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill

    dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Kumitat Konġunt u s-Sottokumitat dwar il-Kummerċ u l-Investiment stabbilit mill-Ftehim Qafas ta’ Sħubija u Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u l-Mongolja, min-naħa l-oħra fir-rigward tal-adozzjoni ta’ deċiżjonijiet dwar ir-regoli ta’ proċedura tal-Kumitat Konġunt u r-regoli ta’ proċedura tas-Sottokumitat dwar il-Kummerċ u l-Investiment


    ANNESS I

    Id-Deċiżjoni Nru 1/of tal-Kumitat Konġunt stabbilit mill-Ftehim Qafas dwar Sħubija u Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u l-Mongolja, min-naħa l-oħra (“il-Kumitat Konġunt UE-Mongolja”)

    ta’....

    li tadotta r-Regoli ta' Proċedura tiegħu

    IL-KUMITAT KONĠUNT UE-MONGOLJA,

    Wara li kkunsidra l-Ftehim Qafas dwar Sħubija u Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u l-Mongolja, min-naħa l-oħra (“il-Ftehim”), u b'mod partikolari l-Artikolu 56 tiegħu,

    Billi:

    (1)Il-ftehim daħal fis-seħħ fl-1 ta' Novembru 2017.

    (2)Skont l-Artikolu 56(6), il-Kumitat Konġunt UE-Mongolja għandu jadotta r-regoli ta’ proċedura tiegħu stess.

    IDDEĊIEDA KIF ĠEJ:

    Artikolu Waħdieni

    Ir-Regoli ta’ Proċedura tal-Kumitat Konġunt UE-Mongolja, kif jinsabu fl-Anness, huma b’dan adottati.

    Din id-Deċiżjoni tidħol fis-seħħ fil-jum tal-adozzjoni tagħha.

    Magħmul fi Brussell/Ulaanbaatar,

    Għall-Kumitat Konġunt UE-Mongolja

    Il-Presidenza

    ANNESS

    REGOLI TA’ PROĊEDURA TAL-KUMITAT KONĠUNT UE-MONGOLJA

    Artikolu 1
    Kompożizzjoni u presidenza

    1.    Il-Kumitat Konġunt stabbilit skont l-Artikolu 56 tal-Ftehim Qafas ta’ Sħubija u Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u l-Mongolja, min-naħa l-oħra (“il-Kumitat Konġunt UE-Mongolja”) għandu jwettaq il-kompiti previsti fl-Artikolu 56 tal-Ftehim.

    2.    Il-Kumitat Konġunt UE-Mongolja għandu jkun kompost minn rappreżentanti tal-Partijiet kif definit mill-Ftehim fl-ogħla livell possibbli.

    3.    Il-Kumitat Konġunt UE-Mongolja għandu jkun presedut alternattivament mill-Ministru għall-Affarijiet Barranin tal-Mongolja u r-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà, għal perijodu ta’ sena kalendarja. Il-Presidenti jistgħu jiddelegaw l-awtorità tagħhom li jippresjiedu fuq il-laqgħat kollha tal-Kumitat Konġunt jew parti minnhom tal-Kumitat Konġunt UE-Mongolja lil uffiċjal għoli.

    Artikolu 2
    Laqgħat

    1.    Il-Kumitat Konġunt UE-Mongolja għandu normalment jiltaqa’ darba fis-sena, sakemm ma jkunx miftiehem mod ieħor mill-Partijiet. Il-laqgħat tal-Kumitat Konġunt UE-Mongolja għandhom jissejħu mill-President. Il-laqgħat għandhom isiru alternattivament fi Brussell u f’Ulaanbaatar, f’data stabbilita bi ftehim reċiproku. Laqgħat straordinarji tal-Kumitat Konġunt UE-Mongolja jistgħu jsiru fuq talba ta’ waħda mill-Partijiet, jekk il-Partijiet jaqblu li jsir hekk.

    2.    Bħala eċċezzjoni u jekk il-Partijiet jaqblu, il-laqgħat tal-Kumitat Konġunt UE-Mongolja jistgħu jsiru wkoll permezz ta’ mezzi tekniċi, pereżempju permezz ta’ vidjokonferenza. 

    Artikolu 3
    Delegazzjonijiet

    1.    Kull Parti għandha tgħarraf lill-President dwar il-konfigurazzjoni tad-delegazzjoni tagħha, qabel kull laqgħa tal-Kumitat Konġunt UE-Mongolja.

    2.    Il-President, bi ftehim mal-Partijiet, jista' jistieden esperti jew rappreżentanti ta' korpi oħra għal-laqgħa biex jaġixxu bħala osservaturi jew biex jipprovdu informazzjoni dwar suġġett partikolari. Il-Partijiet għandhom jaqblu dwar it-termini u l-kundizzjonijiet li skonthom dawk l-esperti jew rappreżentanti ta’ korpi oħra jistgħu jattendu l-laqgħat.

    Artikolu 4
    L-informazzjoni lill-pubbliku

    1.    Il-laqgħat tal-Kumitat Konġunt UE-Mongolja ma għandhomx ikunu pubbliċi sakemm ma jkunx deċiż mod ieħor mill-President, bi qbil mal-Partijiet. Meta Parti tippreżenta informazzjoni mmarkata bħala kunfidenzjali lill-Kumitat Konġunt UE-Mongolja, il-Parti l-oħra tittratta dik l-informazzjoni bħala tali.

    2.    Il-Kumitat Konġunt UE-Mongolja jista’ jagħmel dikjarazzjonijiet lill-pubbliku kif jidhirlu xieraq.

    Artikolu 5
    Segretarjat

    Rappreżentant tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna u rappreżentant tal-Gvern tal-Mongolja għandhom jaġixxu b’mod konġunt bħala Segretarji tal-Kumitat Konġunt UE-Mongolja. Għandhom ikunu konxji tal-komunikazzjoni kollha, lill-President u minn għandu, inkluż permezz ta’ kwalunkwe mezz bil-miktub, bħal posta elettronika.

    Artikolu 6
    Aġenda tal-laqgħat

    1.    Il-President għandu jfassal aġenda proviżorja għal kull laqgħa tal-Kumitat Konġunt UE-Mongolja. L-aġenda proviżorja għandha tintbagħat, flimkien mad-dokumenti rilevanti, lill-Parti l-oħra sa mhux iktar tard minn 21-il jum qabel id-data tal-laqgħa.

    2.    Kull Parti tista’ titlob lill-President biex tpoġġi punt fuq l-aġenda.

    3.    L-aġenda għandha tiġi adottata mill-Kumitat Konġunt UE-Mongolja fil-bidu ta’ kull laqgħa. Punti oħra minbarra dawk li jkunu jidhru fl-aġenda proviżorja jistgħu jiddaħħlu fl-aġenda jekk il-Partijiet jaqblu li jsir hekk.

    4.    Is-Segretarji tal-Kumitat Konġunt UE-Mongolja għandhom jippubblikaw l-aġenda proviżorja tal-Kumitat Konġunt UE-Mongolja qabel il-laqgħa.

    5.    F'ċirkostanzi speċjali u bi qbil mal-Partijiet, il-President jista' jqassar l-iskadenzi msemmija fil-paragrafu 1 sabiex jitqiesu l-ħtiġijiet ta' każ partikolari.

    Artikolu 7
    Minuti miftiehma

    1.    Il-konklużjonijiet tal-laqgħat tal-Kumitat Konġunt UE-Mongolja għandhom jiġu rreġistrati fil-forma ta’ minuti miftiehma.

    2.    Il-President għandu jagħmel sommarju tal-konklużjonijiet li wasal għalihom il-Kumitat Konġunt UE-Mongolja f'kull laqgħa. Iż-żewġ Segretarji għandhom ifasslu b'mod konġunt l-abbozz tal-minuti abbażi ta' dawk il-konklużjonijiet, preferibbilment fi tmiem il-laqgħa jew sa mhux aktar tard minn 30 jum kalendarju wara d-data tal-laqgħa.

    3.    Il-Kumitat Konġunt UE-Mongolja għandu japprova l-abbozz preferibbilment fi tmiem il-laqgħa jew sa mhux aktar tard minn 45 jum kalendarju mid-data tal-laqgħa jew sa kwalunkwe data oħra maqbula mill-Kumitat Konġunt UE-Mongolja. Ladarba l-Kumitat Konġunt UE-Mongolja jkun approva l-abbozz tal-minuti, żewġ kopji oriġinali għandhom jiġu ffirmati mill-President. Kull Parti għandha tirċievi kopja oriġinali waħda.

    Artikolu 8
    Deċiżjonijiet u rakkomandazzjonijiet

    1.    Il-Kumitat Konġunt UE-Mongolja jista’ jaqbel li jadotta rakkomandazzjonijiet jew deċiżjonijiet għall-finijiet li jintlaħqu l-objettivi tal-Ftehim.

    2.    Id-deċiżjonijiet jew ir-rakkomandazzjonijiet tal-Kumitat Konġunt UE-Mongolja għandhom ikollhom it-titolu “Deċiżjoni” jew "Rakkomandazzjoni" rispettivament u jkunu segwiti b'numru tas-serje, id-data tal-adozzjoni tagħhom u deskrizzjoni tas-suġġett tagħhom. Kull deċiżjoni għandha tistipula d-data li fiha tidħol fis-seħħ.

    3.    Fejn iċ-ċirkostanzi jirrikjedu dan, il-Kumitat Konġunt UE-Mongolja jista' jadotta d-Deċiżjonijiet jew ir-Rakkomandazzjonijiet tiegħu bi proċedura bil-miktub.

    4.    Id-deċiżjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet tal-Kumitat Konġunt UE-Mongolja għandhom jiġu stabbiliti f’żewġ kopji awtentiċi kull waħda iffirmata mill-President.

    5.    Il-partijiet jistgħu jippubblikaw id-deċiżjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet tal-Kumitat Konġunt UE-Mongolja fil-ġurnali uffiċjali tagħhom.

    Artikolu 9
    Spejjeż

    1.    Kull Parti għandha tassumi l-ispejjeż sostnuti fir-rigward tal-parteċipazzjoni tagħha fil-laqgħat tal-Kumitat Konġunt UE-Mongolja, kemm rigward tan-nefqa tal-persunal, tal-ivvjaġġar u tal-għajxien kif ukoll rigward tan-nefqa tal-posta u tat-telekomunikazzjonijiet. Kull Parti għandha tassumi l-ispejjeż konnessi mal-interpretazzjoni fil-laqgħat u mat-traduzzjoni.     

    2.    Il-Parti li tospita l-laqgħa għandha tħallas l-ispejjeż konnessi mal-organizzazzjoni tal-laqgħat u mar-riproduzzjoni tad-dokumenti.

    Artikolu 10
    Gruppi ta’ ħidma speċjalizzati

    1.    Il-Kumitat Konġunt UE-Mongolja jista’ jistabbilixxi gruppi ta’ ħidma speċjalizzati biex jgħinuh fit-twettiq tal-kompiti tiegħu.

    2.    Il-Kumitat Konġunt UE-Mongolja jista’ jiddeċiedi li jabolixxi kull grupp ta’ ħidma speċjalizzat, kif ukoll jadotta jew jemenda t-termini ta’ referenza tagħhom.

    3.    Il-gruppi ta’ ħidma speċjalizzati għandhom ikollhom setgħat ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet. Huma għandhom jagħmlu rapporti orali u bil-miktub dettaljati tal-attivitajiet tagħhom lill-Kumitat Konġunt UE-Mongolja wara kull waħda mil-laqgħat tagħhom u jistgħu jagħmlu rakkomandazzjonijiet lill-Kumitat Konġunt UE-Mongolja.

    Artikolu 11
    Emenda għar-Regoli ta’ Proċedura

    Ir-Regoli ta’ Proċedura jistgħu jiġu emendati permezz ta’ ftehim reċiproku tal-Partijiet, f’konformità mal-Artikolu 8.



    ANNESS II

    Id-Deċiżjoni Nru 1/.... tas-Sottokumitat UE-Mongolja dwar il-Kummerċ u l-Investiment stabbilit mill-Ftehim Qafas dwar Sħubija u Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u l-Mongolja, min-naħa l-oħra (“is-Sottokumitat UE-Mongolja dwar il-Kummerċ u l-Investiment”)

    ta’....

    li tadotta r-Regoli ta' Proċedura tiegħu

    IS-SOTTOKUMITAT UE-MONGOLJA DWAR IL-KUMMERĊ U L-INVESTIMENT,

    Wara li kkunsidra l-Ftehim Qafas dwar Sħubija u Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u l-Mongolja, min-naħa l-oħra (“il-Ftehim”), u b'mod partikolari l-Artikolu 28 tiegħu,

    Billi:

    (1)Skont l-Artikolu 28 tal-Ftehim, is-Sottokumitat dwar il-Kummerċ u l-Investiment bejn l-UE u l-Mongolja ġie stabbilit sabiex jassisti lill-Kumitat Konġunt fit-twettiq tal-kompiti tiegħu, billi jittratta l-oqsma kollha koperti mit-Titolu IV tal-Ftehim (Kooperazzjoni dwar il-Kummerċ u l-Kwistjonijiet ta’ Investiment).

    (2)Skont l-Artikolu 28(3) tal-Ftehim, is-Sottokumitat dwar il-Kummerċ u l-Investiment bejn l-UE u l-Mongolja għandu jistabbilixxi r-regoli ta’ proċedura tiegħu.

    IDDEĊIEDA KIF ĠEJ:

    Artikolu Waħdieni

    Ir-Regoli ta’ Proċedura tas-Sottokumitat UE-Mongolja dwar il-Kummerċ u l-Investiment, kif jinsabu fl-Anness, huma b’dan adottati.

    Din id-Deċiżjoni tidħol fis-seħħ fil-jum tal-adozzjoni tagħha.

    Magħmul fi Brussell/Ulaanbaatar,

    Is-Sottokumitat UE-Mongolja dwar il-Kummerċ u l-Investiment

    Il-Presidenza



    ANNESS

    IR-REGOLI TA’ PROĊEDURA DWAR IS-SOTTOKUMITAT UE-MONGOLJA DWAR IL-KUMMERĊ U L-INVESTIMENT

    Artikolu 1
    Kompożizzjoni u presidenza

    1.    Is-Sottokumitat li huwa stabbilit skont l-Artikolu 28 tal-Ftehim Qafas dwar Sħubija u Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u l-Mongolja, min-naħa l-oħra (“is-Sottokumitat dwar il-Kummerċ u l-Investiment bejn l-UE u l-Mongolja”) għandu jwettaq il-kompiti previsti fl-Artikolu 28(2) tal-Ftehim.

    2.     Is-Sottokumitat UE-Mongolja dwar il-Kummerċ u l-Investiment għandu jkun magħmul minn rappreżentanti tal-Unjoni u tal-Mongolja f’livell xieraq u għandu jkun presedut b’mod alternat minn rappreżentant tas-servizz tal-Kummissjoni Ewropea inkarigat min-naħa tal-UE u minn [...] fuq in-naħa tal-Mongolja, għal perjodu ta’ sena kalendarja.

    Artikolu 2
    Laqgħat

    1.    Is-Sottokumitat UE-Mongolja dwar il-Kummerċ u l-Investiment għandu jiltaqa’ kull sena, ftit qabel il-laqgħa tal-Kumitat Konġunt UE-Mongolja. Il-laqgħat tas-Sottokumitat UE-Mongolja dwar il-Kummerċ u l-Investiment għandhom jissejħu mill-President. Il-laqgħat għandhom isiru alternattivament fi Brussell u f’Ulaanbaatar, f’data stabbilita bi ftehim reċiproku. Jistgħu jsiru sessjonijiet speċjali tas-Sottokumitat UE-Mongolja dwar il-Kummerċ u l-Investiment fuq talba ta' waħda mill-Partijiet, jekk il-Partijiet jaqblu li jsir dan. 

    2.    Jekk il-Partijiet jaqblu, il-laqgħat tas-Sottokumitat UE-Mongolja dwar il-Kummerċ u l-Investiment jistgħu jsiru permezz ta’ vidjokonferenza.

    Artikolu 3
    Delegazzjonijiet

    1.     Kull Parti għandha tgħarraf lill-President dwar il-konfigurazzjoni tad-delegazzjoni tiegħu, qabel kull laqgħa tas-Sottokumitat UE-Mongolja dwar il-Kummerċ u l-Investiment

    2.    Il-President, bi ftehim mal-Partijiet, jista' jistieden esperti jew rappreżentanti ta' korpi oħra għal-laqgħa biex jaġixxu bħala osservaturi jew biex jipprovdu informazzjoni dwar suġġett partikolari. Il-Partijiet għandhom jaqblu dwar it-termini u l-kundizzjonijiet li skonthom dawk l-osservaturi u r-rappreżentanti ta’ korpi oħra jistgħu jattendu l-laqgħat.

    Artikolu 4
    L-informazzjoni lill-pubbliku

    1.    Sakemm ma jiġix deċiż mod ieħor mill-President, bi qbil mal-Partijiet, il-laqgħat tas-Sottokumitat UE-Mongolja dwar il-Kummerċ u l-Investiment ma għandhomx ikunu pubbliċi. Meta Parti tippreżenta informazzjoni mmarkata bħala kunfidenzjali lis-Sottokumitat UE-Mongolja dwar il-Kummerċ u l-Investiment, il-Parti l-oħra għandha tittratta dik l-informazzjoni bħala tali.

    2.    Is-Sottokumitat UE-Mongolja dwar il-Kummerċ u l-Investiment jista’ joħroġ dikjarazzjonijiet u rapporti lill-pubbliku kif jidhirlu xieraq.

    Artikolu 5
    Segretarjat

    1.    Rappreżentant tas-servizz tal-Kummissjoni Ewropea inkarigat u rappreżentant tal-Ministeru għall-Affarijiet Barranin tal-Mongolja għandhom jaġixxu b’mod konġunt bħala Segretarji tas-Sottokumitat UE-Mongolja dwar il-Kummerċ u l-Investiment.

    Artikolu 6
    Aġendi tal-laqgħat

    1.    Il-President għandu jfassal aġenda proviżorja għal kull laqgħa tas-Sottokumitat UE-Mongolja dwar il-Kummerċ u l-Investiment.

    2.    Kull Parti tista’ titlob lill-President biex tpoġġi punt fuq l-aġenda.

    3.    L-aġenda għandha tiġi adottata mis-Sottokumitat UE-Mongolja dwar il-Kummerċ u l-Investiment fil-bidu ta’ kull laqgħa. Punti oħra minbarra dawk li jkunu jidhru fl-aġenda proviżorja jistgħu jiddaħħlu fl-aġenda jekk il-Partijiet jaqblu li jsir hekk.

    4.    Is-Segretarji tas-Sottokumitat UE-Mongolja dwar il-Kummerċ u l-Investiment għandhom jippubblikaw l-aġenda proviżorja tas-Sottokumitat UE-Mongolja dwar il-Kummerċ u l-Investiment qabel il-laqgħa.

    Artikolu 7
    Minuti

    1.    Il-konklużjonijiet tal-laqgħat tas-Sottokumitat UE-Mongolja dwar il-Kummerċ u l-Investiment għandhom jiġu rreġistrati fil-forma ta’ minuti miftiehma.

    2.    Il-President għandu jagħmel sommarju tal-konklużjonijiet li jkunu ntlaħqu mis-Sottokumitat dwar il-Kummerċ u l-Investiment bejn l-UE u l-Mongolja f’kull laqgħa u jirrapportahom lill-Kumitat Konġunt UE-Mongolja. Iż-żewġ Segretarji għandhom ifasslu b'mod konġunt l-abbozz tal-minuti abbażi ta' dawk il-konklużjonijiet, preferibbilment fi tmiem il-laqgħa jew sa mhux aktar tard minn 30 jum kalendarju wara d-data tal-laqgħa.

    3.    Is-Sottokumitat UE-Mongolja dwar il-Kummerċ u l-Investiment għandu japprova l-abbozz preferibbilment fi tmiem il-laqgħa jew sa mhux aktar tard minn 45 jum kalendarju mid-data tal-laqgħa jew sa kwalunkwe data oħra maqbula mis-Sottokumitat UE-Mongolja dwar il-Kummerċ u l-Investiment.

    Artikolu 8
    Deċiżjonijiet

    1.    Is-Sottokumitat UE-Mongolja dwar il-Kummerċ u l-Investiment jista’ jaqbel dwar deċiżjonijiet fejn previst mill-Ftehim.

    2.    Id-deċiżjonijiet tas-Sottokumitat UE-Mongolja dwar il-Kummerċ u l-Investiment għandhom ikollhom it-titolu “Deċiżjoni tas-Sottokumitat dwar il-Kummerċ u l-Investiment” segwit b'numru tas-serje, id-data tal-adozzjoni tagħhom u deskrizzjoni tas-suġġett tagħhom. Kull deċiżjoni għandha tistipula d-data li fiha tidħol fis-seħħ.

    3.    Fejn iċ-ċirkostanzi jkunu jirrikjedu dan, is-Sottokumitat UE-Mongolja dwar il-Kummerċ u l-Investiment jista’ jadotta d-Deċiżjonijiet tiegħu bi proċedura bil-miktub.

    4.    Id-Deċiżjonijiet tas-Sottokumitat UE-Mongolja dwar il-Kummerċ u l-Investiment għandhom jiġu stabbiliti f’żewġ kopji awtentiċi kull waħda ffirmata mill-President.

    5.    Il-partijiet jistgħu jippubblikaw id-deċiżjonijiet tas-Sottokumitat UE-Mongolja dwar il-Kummerċ u l-Investiment fil-ġurnali uffiċjali rispettivi tagħhom.

    Artikolu 9
    Spejjeż

    1.    Kull Parti għandha tassumi l-ispejjeż sostnuti fir-rigward tal-parteċipazzjoni tagħha fil-laqgħat tas-Sottokumitat UE-Mongolja dwar il-Kummerċ u l-Investiment, kemm rigward in-nefqa tal-persunal, tal-ivvjaġġar u tal-għajxien kif ukoll rigward in-nefqa tal-posta u tat-telekomunikazzjonijiet. Kull Parti għandha tassumi l-ispejjeż konnessi mal-interpretazzjoni fil-laqgħat u mat-traduzzjoni.

    2.    Il-Parti li tospita l-laqgħa għandha tħallas l-ispejjeż konnessi mal-organizzazzjoni tal-laqgħat u mar-riproduzzjoni tad-dokumenti.

    Artikolu 10
    Emenda tar-Regoli ta’ Proċedura

    Ir-Regoli ta’ Proċedura jistgħu jiġu emendati permezz ta’ ftehim reċiproku tal-Partijiet.

    Top