IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 27.9.2019
COM(2019) 420 final
ANNESS
ta' [...]
Rakkommandazzjoni
għal
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL
biex tawtorizza l-ftuħ ta' negozjati għal Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Ġappun għat-trasferiment u l-użu tad-data tar-Reġistru tal-Ismijiet tal-Passiġġieri (PNR) għall-prevenzjoni u l-ġlieda kontra t-terroriżmu u kriminalità transnazzjonali serja oħra
ANNESS
Direttivi għan-negozjar ta’ Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Ġappun għat-trasferiment u l-użu ta’ data tar-Reġistru tal-Ismijiet tal-Passiġġieri (PNR) għall-prevenzjoni u l-ġlieda kontra t-terroriżmu u kriminalità transnazzjonali serja oħra
Matul in-negozjati, il-Kummissjoni Ewropea għandu jkollha l-għan li tilħaq l-objettivi stabbiliti fid-dettall hawn taħt.
(1)L-għan ta’ dan il-Ftehim għandu jkun li jipprovdi l-bażi legali, il-kundizzjonijiet u s-salvagwardji għat-trasferiment tad-data tal-PNR lejn il-Ġappun.
(2)Il-Ftehim għandu jirrifletti b’mod xieraq il-ħtieġa u l-importanza tal-użu tad-data tal-PNR fil-prevenzjoni u l-ġlieda kontra t-terroriżmu u kriminalità transnazzjonali serja oħra.
(3)Għal dan il-għan, l-objettiv ta’ dan il-Ftehim għandu jkun li jirregola t-trasferiment u l-użu tad-data tal-PNR għall-iskop uniku tal-prevenzjoni u l-ġlieda kontra t-terroriżmu u ta’ kriminalità transnazzjonali serja oħra, b’rispett sħiħ għall-protezzjoni tal-privatezza, tad-data personali u tad-drittijiet u l-libertajiet fundamentali tal-individwi skont il-kundizzjonijiet li għandhom jiġu stabbiliti fil-Ftehim.
(4)Il-Ftehim għandu jirrikonoxxi wkoll it-trasferiment ta’ data tal-PNR lill-Ġappun bħala trawwim tal-kooperazzjoni tal-pulizija u dik ġudizzjarja li se jinkiseb permezz tat-trasferiment ta’ informazzjoni analitika li toħroġ minn data tal-PNR. Għalhekk, il-Ftehim għandu jiżgura t-trasferiment ta’ informazzjoni analitika li toħroġ mill-awtoritajiet kompetenti tal-Ġappun lill-awtoritajiet tal-pulizija u ġudizzjarji tal-Istati Membri, kif ukoll lill-Europol u l-Eurojust fi ħdan il-kompetenzi rispettivi tagħhom.
(5)Sabiex tiġi garantita konformità mal-prinċipju tal-limitazzjoni tal-iskop, il-Ftehim għandu jillimita l-ipproċessar tad-data tal-PNR esklussivament għall-prevenzjoni, l-identifikazzjoni, l-investigazzjoni jew il-prosekuzzjoni tat-terroriżmu u kriminalità transnazzjonali serja oħra kif ibbażat fuq definizzjonijiet stabbiliti fl-istrumenti rilevanti tal-UE.
(6)Il-Ftehim għandu jiżgura rispett sħiħ għad-drittijiet u l-libertajiet fundamentali kif minqux fl-Artikolu 6 tat-Trattat dwar l-UE, b’mod partikolari d-dritt għall-protezzjoni ta’ data personali kif stipulat fl-Artikolu 16 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-UE u l-Artikolu 8 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE. Għandu jiżgura wkoll rispett sħiħ għall-prinċipji ta’ neċessità u proporzjonalità rigward id-dritt għall-ħajja privata u tal-familja u l-protezzjoni ta’ data personali kif stabbilit fl-Artikolu 7 l-Artikolu 8 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE kif interpretati mill-Qorti tal-Ġustizzja fl-Opinjoni tagħha 1/15 dwar il-Ftehim previst bejn l-UE u l-Kanada bejn l-UE u l-Kanada.
(7)Il-Ftehim għandu jipprovdi ċertezza legali, b’mod partikolari għat-trasportaturi bl-ajru, billi jipprovdi bażi legali għalihom biex jittrasferixxu d-data tal-PNR li tinsab fis-sistemi awtomatizzati tagħhom ta’ prenotazzjoni u ta’ kontroll tat-tluq.
(8)Il-Ftehim għandu jispjega b’mod ċar u preċiż is-salvagwardji u l-kontrolli meħtieġa fir-rigward tal-protezzjoni tad-data personali, id-drittijiet u l-libertajiet fundamentali tal-individwi, irrispettivament min-nazzjonalità u l-post ta’ residenza, fil-kuntest tat-trasferiment tad-data tal-PNR lejn il-Ġappun. Dawn is-salvagwardji għandhom jiżguraw dan li ġej:
(a)Il-kategoriji tad-data tal-PNR li għandhom jiġu ttrasferiti għandhom jiġu speċifikati b’mod eżawrjenti u b’mod ċar u preċiż, f’konformità mal-istandards internazzjonali. It-trasferimenti tad-data għandhom jinżammu għall-minimu meħtieġ u għandhom ikunu proporzjonati għall-għan speċifikat tal-Ftehim.
(b)Data sensittiva fis-sens tal-liġi tal-UE, inkluża data personali li tiżvela oriġini razzjali jew etnika, opinjonijiet politiċi, twemmin reliġjuż jew filosofiku, sħubija fi trejdjunjin jew li tikkonċerna s-saħħa jew il-ħajja jew l-orjentazzjoni sesswali ta’ persuna, ma għandhiex tiġi pproċessata.
(c)Il-Ftehim għandu jinkludi dispożizzjonijiet dwar is-sigurtà tad-data, speċjalment li jippermettu biss numru limitat ta’ individwi awtorizzati b’mod speċjali li jkollhom aċċess għad-data tal-PNR u li jipprevedu obbligu ta’ notifika mingħajr dewmien lill-awtoritajiet superviżorji tal-protezzjoni tad-data Ewropej dwar ksur tas-sigurtà tad-data li jaffettwa d-data tal-PNR sakemm il-ksur ma jkunx probabbli li jirriżulta f’riskju għad-drittijiet u l-libertajiet tal-persuni fiżiċi kif ukoll li ssir referenza għal sanzjonijiet effettivi u ta’ deterrent.
(d)Il-Ftehim għandu jkun fih dispożizzjonijiet għall-informazzjoni adegwata u trasparenti għall-passiġġieri fir-rigward tal-ipproċessar tad-data tal-PNR tagħhom, kif ukoll id-dritt ta’ notifika individwali f’każ ta’ użu wara l-wasla, aċċess, u fejn xieraq, rettifika u tħassir.
(e)Jenħtieġ li l-Ftehim jiżgura d-drittijiet ta’ rimedju amministrattiv u ġudizzjarju effettiv fuq bażi mhux diskriminatorja, irrispettivament min-nazzjonalità jew mill-post ta’ residenza għal kwalunkwe persuna li d-data tagħha tiġi pproċessata skont il-Ftehim, f’konformità mal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE.
(f)Jenħtieġ li l-Ftehim jiżgura li l-ipproċessar awtomatizzat ikun ibbażat fuq kriterji speċifiċi, oġġettivi, mhux diskriminatorji u affidabbli, stabbiliti minn qabel u ma għandux jintuża bħala l-unika bażi għal kwalunkwe deċiżjoni b’effetti legali negattivi jew b’impatt serju fuq l-individwu. Il-bażijiet tad-data li jitqabblu mad-data tal-PNR għandhom ikunu biss dawk rilevanti għall-finijiet koperti mill-Ftehim u għandhom ikunu affidabbli u aġġornati.
(g)Jenħtieġ li l-użu tad-data tal-PNR mill-awtorità kompetenti Ġappuniża lil hinn mill-kontrolli ta’ sigurtà u kontrolli fil-fruntieri jkun ibbażat fuq ċirkostanzi ġodda u soġġett għal kundizzjonijiet sostantivi u proċedurali bbażati fuq kriterji oġġettivi. B’mod partikolari, tali użu għandu jkun soġġett għal reviżjoni minn qabel li ssir jew minn qorti jew minn korp amministrattiv indipendenti, ħlief f’każijiet ta’ urġenza stabbilita b’mod validu.
(h)Il-perjodu ta’ żamma tad-data tal-PNR għandu jkun ristrett u ma għandux ikun itwal milli meħtieġ għall-għan oriġinali segwit. Iż-żamma tad-data tal-PNR wara t-tluq tal-passiġġieri tal-ajru mill-Ġappun għandha tkun konformi mar-rekwiżiti stabbiliti fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja. Il-Ftehim għandu jirrikjedi li d-data titħassar hekk kif jiskadi l-perijodu taż-żamma jew issir anonima b’tali mod li l-individwu kkonċernat ma jibqax identifikabbli.
(i)Il-Ftehim għandu jiżgura li aktar divulgazzjoni tad-data tal-PNR lil awtoritajiet oħra tal-gvern fl-istess pajjiż jew lejn pajjiżi oħra tista’ ssir biss fuq bażi ta’ każ b’każ u taħt ċerti kundizzjonijiet u salvagwardji. B’mod partikolari, tali żvelar jista’ jseħħ biss jekk l-awtorità riċeventi teżerċita l-funzjonijiet relatati mal-ġlieda kontra t-terroriżmu jew il-kriminalità transnazzjonali serja u tiżgura l-istess protezzjonijiet bħal dawk stabbiliti fil-Ftehim. It-trasferimenti ulterjuri lil awtoritajiet kompetenti ta’ pajjiżi terzi oħra għandhom ikunu limitati għal dawk il-pajjiżi li magħhom l-UE għandha Ftehim PNR ekwivalenti jew li għalihom l-UE adottat deċiżjoni ta’ adegwatezza skont il-liġi tal-UE dwar il-protezzjoni tad-data li tkopri l-awtoritajiet rilevanti li lilhom huwa maħsub li tiġi ttrasferita d-data tal-PNR.
(9)Il-Ftehim għandu jiżgura sistema ta’ sorveljanza minn awtorità pubblika indipendenti responsabbli għall-protezzjoni tad-data b’setgħat effettivi ta’ investigazzjoni, ta’ intervent u ta’ infurzar sabiex tiġi eżerċitata sorveljanza fuq dawk l-awtoritajiet pubbliċi li jużaw id-data tal-PNR. Dik l-awtorità għandu jkollha s-setgħat li tisma’ lmenti minn individwi, b’mod partikolari rigward l-ipproċessar tad-data tal-PNR tagħhom. L-awtoritajiet pubbliċi li jużaw id-data PNR għandhom ikunu responsabbli sabiex ikunu konformi mar-regoli dwar il-protezzjoni tad-data personali skont dan il-Ftehim.
(10)Il-Ftehim għandu jirrikjedi li d-data tiġi ttrasferita esklussivament fuq il-bażi ta’ sistema ‘push’.
(11)Jenħtieġ li l-Ftehim jiżgura li l-frekwenza u l-iskeda ta’ żmien tat-trasmissjonijiet tad-data tal-PNR ma għandhomx joħolqu piż mhux raġonevoli fuq it-trasportaturi u jenħtieġ li jkunu limitati għal dak strettament meħtieġ.
(12)Jenħtieġ li l-Ftehim jiżgura li t-trasportaturi tal-ajru ma jkunux meħtieġa jiġbru data addizzjonali meta mqabbla ma’ dak li diġà jagħmlu jew li jiġbru ċerti tipi ta’ data, iżda biss li jittrażmettu dak li diġà jiġbru bħala parti min-negozju tagħhom.
(13)Jenħtieġ li l-Ftehim jinkludi dispożizzjonijiet għal rieżami konġunt regolari dwar l-aspetti kollha tal-implimentazzjoni tal-Ftehim, inklużi l-affidabbiltà u l-attwalità ta’ mudelli u kriterji stabbiliti minn qabel u ta’ bażijiet ta’ data u li jinkludi valutazzjoni ta’ proporzjonalità tad-data miżmuma bbażata fuq il-valur tagħhom għall-prevenzjoni u l-ġlieda kontra t-terroriżmu u kriminalità transnazzjonali serja oħra.
(14)Il-Ftehim għandu jipprovdi għal mekkaniżmu għas-soluzzjoni tat-tilwim fir-rigward tal-interpretazzjoni, l-applikazzjoni u l-implimentazzjoni tiegħu.
(15)Il-Ftehim għandu jiġi konkluż għal perjodu ta’ 7 snin u għandu jinkludi dispożizzjoni li permezz tagħha l-Ftehim jista’ jiġġedded għal perjodu simili sakemm Parti ma ttemmux.
(16)Il-Ftehim għandu jinkludi klawżola li tindirizza l-applikazzjoni territorjali tiegħu.
(17)Il-Ftehim għandu jkun awtentiku bl-ilsien Bulgaru, Kroat, Ċek, Daniż, Netherlandiż, Ingliż, Estonjan, Finlandiż, Franċiż, Ġermaniż, Grieg, Ungeriż, Taljan, Latvjan, Litwan, Malti, Pollakk, Portugiż, Rumen, Slovakk, Sloven, Spanjol u Żvediż u għandu jinkludi klawsola lingwistika f’dan is-sens.