EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52019PC0298

Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-proċedura bil-miktub li għandha titnieda mill-Kumitat ta’ Esperti Tekniċi tal-Organizzazzjoni Intergovernattiva għat-Trasport Internazzjonali bil-Ferrovija (OTIF) għall-adozzjoni ta’ modifiki għall-NVR u għall-UTPs tat-TAF

COM/2019/298 final

Brussell, 9.7.2019

COM(2019) 298 final

2019/0143(NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-proċedura bil-miktub li għandha titnieda mill-Kumitat ta’ Esperti Tekniċi tal-Organizzazzjoni Intergovernattiva għat-Trasport Internazzjonali bil-Ferrovija (OTIF) għall-adozzjoni ta’ modifiki għall-NVR u għall-UTPs tat-TAF


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.Suġġett tal-proposta

It-12-il sessjoni tal-Kumitat ta’ Esperti Tekniċi (CTE) tal-Organizzazzjoni Intergovernattiva għat-Trasport Internazzjonali bil-Ferrovija (OTIF) se ssir f’Bern, l-Iżvizzera, nhar it-12 u t-13 ta’ Ġunju 2019. L-aġenda tal-laqgħa tinkludi:

Proposta għal deċiżjoni li timmodifika s-sistema tar-Reġistru tal-OTIF – Reġistri Nazzjonali tal-Vetturi Ferrovjarji (NVR); kif ukoll

Proposta għal deċiżjoni li timmodifika l-Anness 1 tal-Preskrizzjonijiet Tekniċi Uniformi – Applikazzjonijiet telematiċi għas-servizz tat-trasport tal-merkanzija (il-UTPs tat-TAF).

(a)L-ispeċifikazzjonijiet attwali tal-NVR applikabbli skont ir-regoli tal-OTIF huma ekwivalenti għal dawk previsti fid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2007/756/KE 1 .

Fil-qafas tar-raba’ pakkett ferrovjarju, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/1614 2 , li tipprevedi speċifikazzjonijiet aġġornati għar-reġistri nazzjonali tal-vetturi tal-UE kif ukoll speċifikazzjonijiet għar-Reġistru Ewropew tal-Vetturi (EVR), u li tħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2007/756/KE. Dan ir-Reġistru se jieħu post ir-reġistri nazzjonali tal-vetturi tal-UE mill-2021 ’il quddiem.

Il-fini tad-deċiżjoni tas-CTE hija li timmodifika l-NVR u li żżomm l-ekwivalenza tiegħu mad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/1614.

(b)Il-Preskrizzjonijiet Tekniċi Uniformi (UTPs) tal-OTIF huma sett ta’ speċifikazzjonijiet tekniċi li jitnisslu mill-prinċipji, l-objettivi u l-proċeduri tal-COTIF għall-kostruzzjoni u l-operat tal-materjal tal-ferroviji, bl-objettiv ewlieni li tinkiseb l-ikbar interoperabbiltà possibbli. B’hekk, il-UTPs fl-OTIF huma ekwivalenti għall-ispeċifikazzjonijiet tekniċi ta’ interoperabbiltà (TSIs) tal-UE.

Il-UTPs tat-TAF jistabbilixxu rekwiżiti bażiċi u addizzjonali li mingħajrhom is-subsistema TAF ma tistax taħdem. Dawn jirrigwardaw il-proċess ta’ komunikazzjoni bejn l-impriżi ferrovjarji u l-maniġers tal-infrastruttura, il-bażijiet ta’ data maħsuba biex jintużaw għall-insegwiment tal-ferroviji u l-movimenti tal-vaguni, u l-informazzjoni li trid titwassal lill-klijenti tal-merkanzija. Dawn ir-rekwiżiti huma ekwivalenti għat-TSIs tat-TAF speċifikati fir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1305/2014 3 u fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/278 4 .

Il-Kummissjoni adottat modifika tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1305/2014 fis-27 ta’ Mejju 2019  5 .

Il-fini tad-deċiżjoni li jiġu mmodifikati l-UTPs tat-TAF hija li tinżamm l-ekwivalenza tagħhom mar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1305/2014 kif modifikat dan l-aħħar.

Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni dwar id-deċiżjonijiet imsemmija hawn fuq li se jiġu adottati mis-CTE, għandha tiġi stabbilita b’Deċiżjoni tal-Kunsill abbażi tal-Artikolu 218(9) tat-TFUE.

2.Kuntest tal-proposta

2.1.Il-Konvenzjoni dwar it-Trasport Internazzjonali bil-Ferrovija (COTIF)

Il-Konvenzjoni COTIF hija t-test legali li jistabbilixxi l-OTIF. Skont l-Artikolu 2(1) tal-COTIF, l-għan tagħha huwa li tippromwovi, ittejjeb u tiffaċilita, f’kull aspett, it-traffiku internazzjonali bil-ferrovija, b’mod partikolari billi tistabbilixxi sistemi ta’ liġi uniformi f’diversi oqsma tal-liġi relatati mat-traffiku internazzjonali bil-ferrovija. Il-COTIF tirregola wkoll it-tmexxija tal-Organizzazzjoni, l-objettivi, l-attribuzzjonijiet, ir-relazzjonijiet tagħha mal-Istati Kontraenti, u l-attivitajiet tagħha b’mod ġenerali.

Il-COTIF għalhekk tittratta l-leġiżlazzjoni ferrovjarja fuq għadd ta’ kwistjonijiet legali u tekniċi ferrovjarji differenti, li huma maqsuma f’żewġ partijiet: il-Konvenzjoni nnifisha, li tirregola l-ġestjoni tal-OTIF u t-tmien Appendiċijiet (inkluż Appendiċi H ġdida li għandha tiġi adottata waqt it-13-il-Assemblea Ġenerali li jmiss tal-OTIF) li jistabbilixxu liġi ferrovjarja uniformi.

Appendiċi A – Kuntratt tat-Trasport Internazzjonali ta’ Passiġġieri bil-Ferrovija (CIV)

Appendiċi B – Kuntratt tat-Trasport Internazzjonali ta’ Prodotti bil-Ferrovija (CIM)

Appendiċi C – Trasport Internazzjonali ta’ Oġġetti Perikolużi bil-Ferrovija (RID)

Appendiċi D – Kuntratt tal-użu ta’ vetturi fit-traffiku internazzjonali bil-ferrovija (CUV)

Appendiċi E – Kuntratt tal-użu ta’ infrastruttura fit-traffiku internazzjonali bil-ferrovija (CUI)

Appendiċi F – Regoli Uniformi li jirrigwardaw il-Validazzjoni ta’ Standards Tekniċi u l-Adozzjoni ta’ Preskrizzjonijiet Tekniċi Uniformi applikabbli għall-Materjal tal-Ferroviji bl-intenzjoni li jintużaw mit-Traffiku Internazzjonali (APTU UR)

Appendiċi G – Regoli Uniformi li jirrigwardaw l-Ammissjoni Teknika ta’ Materjal tal-Ferroviji użat fit-Traffiku Internazzjonali (ATMF UR)

Appendiċi H – Regoli Uniformi dwar l-operat sikur tal-ferroviji fit-traffiku internazzjonali (EST UR)

Abbażi tal-Appendiċijiet F u G tal-COTIF, hemm 12-il UTP għall-interoperabbiltà teknika.

Il-COTIF japplika għal 46 stat, inkluż 26 Stat Membru tal-UE (kollha minbarra Malta u Ċipru).

2.2.Il-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Konvenzjoni tal-Organizzazzjoni Intergovernattiva għat-Trasport Internazzjonali bil-Ferrovija (OTIF)

Fis-16 ta’ Ġunju 2011, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/103/UE 6 billi ffirma u kkonkluda l-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-OTIF dwar l-Adeżjoni tal-Unjoni Ewropea mal-Konvenzjoni li tirrigwarda t-Trasport Internazzjonali bil-Ferrovija (COTIF) tad-9 ta’ Mejju 1980, kif emendata mill-Protokoll ta’ Vilnius tat-3 ta’ Ġunju 1999. Dan il-Ftehim daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Lulju 2011.

L-Unjoni hi parti għall-Ftehim, l-istess bħalma huma l-Istati Membri kollha għajr Ċipru u Malta. Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/103/UE tispeċifika li l-Kummissjoni għandha tirrappreżenta lill-Unjoni fil-laqgħat tal-OTIF. Fiha wkoll Dikjarazzjoni mill-Unjoni dwar l-eżerċizzju ta’ kompetenza (l-Anness I) u tistipula arranġamenti interni għall-Kunsill, għall-Istati Membri u għall-Kummissjoni fi proċedimenti taħt l-OTIF (l-Anness III).

2.3.Il-Kumitat ta’ Esperti Tekniċi tal-OTIF

Is-CTE huwa organu tal-OTIF stabbilit bl-Artikolu 8 tal-COTIF. Huwa magħmul mill-Istati Membri tal-OTIF li japplikaw l-Appendiċijiet F u G (APTU, ATMF) tal-COTIF.

Is-CTE għandu kompetenza fi kwistjonijiet ta’ interoperabbiltà u ta’ armonizzazzjoni teknika fil-qasam ferrovjarju u fi proċeduri ta’ approvazzjoni teknika. Jiżviluppa l-Appendiċijiet APTU u ATMF u r-Regoli Uniformi tiegħu, li japplikaw għall-materjal tal-ferroviji bl-intenzjoni li jintuża fit-traffiku internazzjonali, u li jikkonċernaw b’mod partikolari:

·l-adozzjoni ta’ preskrizzjonijiet tekniċi għall-vetturi u għall-infrastruttura, u l-validazzjoni tal-istandards;

·il-proċeduri li jikkonċernaw il-valutazzjoni tal-konformità tal-vetturi;

·id-dispożizzjonijiet li jikkonċernaw il-manutenzjoni tal-vetturi;

·ir-responsabbiltajiet għall-kompożizzjoni tal-ferroviji u l-użu sikur tal-vetturi;

·id-dispożizzjonijiet li jikkonċernaw l-evalwazzjoni u l-valutazzjoni tar-riskju;

·l-ispeċifikazzjonijiet għar-reġistri.

Is-CTE bħalissa għandu grupp ta’ ħidma permanenti (WG TECH) li huwa responsabbli għat-tħejjija tad-deċiżjonijiet tas-CTE.

2.4.L-adozzjoni ta’ atti mis-CTE

Il-proċess ta’ adozzjoni tas-soltu għall-UTPs huwa preskritt fl-Artikoli 6 u 8 tal-APTU, u jista’ jieħu madwar sena u nofs.

2.5.L-atti previsti għall-adozzjoni bi proċedura bil-miktub mis-CTE tal-OTIF

Is-CTE ressaq il-modifiki li ġejjin biex tiġi adottata deċiżjoni dwarhom permezz ta’ proċedura bil-miktub:

proposta għal deċiżjoni li timmodifika l-NVR; kif ukoll

proposta għal deċiżjoni li timmodifika l-Anness 1 tal-UTPs tat-TAF.

2.5.1.Modifika tal-ispeċifikazzjonijiet tal-NVR

Il-fini tad-deċiżjoni li timmodifika l-ispeċifikazzjonijiet tal-NVR hija li żżomm l-ekwivalenza tiegħu mad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/1614.

Għal dan il-għan, il-modifiki jikkonċernaw il-proċeduri marbutin mar-reġistri u mar-reġistrazzjonijiet. Ma jikkonċernawx is-software jew il-funzjonament tal-NVR.

Fil-qosor, il-modifiki jinkludu dawn li ġejjin:

·Jiddaħħal ir-rekwiżit il-ġdid li skontu l-Istati Kontraenti mhux tal-UE għandhom jinfurmaw lis-Segretarju Ġenerali tal-OTIF bid-dettalji ta’ kuntatt tal-Entitajiet ta’ Reġistrazzzjoni, li mbagħad jiġu ppubblikati mis-Segretarju Ġenerali tal-OTIF (il-punt ġdid 2.3);

·Tiddaħħal skadenza (20 jum ta’ xogħol) għar-reġistrazzjoni tal-bidliet fl-NVR (fil-punt 3.2.3);

·Ikompli jiġi ċċarat il-proċess ta’ reġistrazzjoni addizzjonali għal dawk il-vetturi li ma ġewx irreġistrati fl-NVR u ma ġewx konnessi mar-Reġistru Virtwali Ċentralizzat Ewropew tal-Vetturi (ECVVR) (3.2.5);

·Ikompli jiċċara kif tiġi ttrasferita r-reġistrazzjoni bejn l-NVRs u kif jinbidel in-numru Ewropew tal-vettura (EVN) (3.2.6);

·Jaġġorna t-tabelli bi drittijiet tal-aċċess (3.3) u bil-lista ta’ kodiċijiet ta’ restrizzjoni armonizzati [l-Appendiċi 1 – Il-kodifikazzjoni tar-restrizzjonijiet];

·Jaġġorna l-istruttura u l-kontenut tan-Numru Ewropew tal-Identifikazzjoni (EIN) [l-Appendiċi 2: il-kodiċi tal-pajjiż (kamp 1) u t-tip ta’ dokument (kamp 2)];

·Modifiki editorjali matul it-test.

Skont l-Artikolu 20 § 1 e) tal-COTIF u l-Artikolu 13 §§ 1, 4 u 5 tar-Regoli Uniformi tal-ATMF, is-CTE għandu l-kompetenza biex jieħu deċiżjonijiet dwar dawn l-emendi.

2.5.2.Modifika tal-UTPs tat-TAF

Il-fini tad-deċiżjoni li timmodifika l-UTPs tat-TAF hija li tinżamm l-ekwivalenza tagħhom mat-TSIs tat-TAF inklużi fir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1305/2014 kif modifikat dan l-aħħar.

Bħat-TSIs tat-TAF, il-UTPs tat-TAF jagħmlu referenza għal dokumenti tekniċi li jiġu ppubblikati u aġġornati regolarment fuq is-sit web tal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Ferroviji (is-soltu tal-anqas darba fis-sena). L-aħħar aġġornamenti ta’ dawn id-dokumenti tekniċi huma adattamenti minuri marbutin speċifikament mal-format tad-data u tal-messaġġi għall-iskambju ta’ informazzjoni bejn l-impriżi ferrovjarji u l-maniġers tal-infrastruttura.

Billi l-modifika ta’ dawn ir-referenzi tikkostitwixxi formalment modifika tal-UTPs tat-TAF, trid tkun soġġetta għal deċiżjoni mis-CTE skont l-Artikolu 20 § 1 b) tal-COTIF u l-Artikolu 6 tal-APTU.

L-atti previsti se jkunu jorbtu legalment lill-Istati Membri tal-OTIF u lill-organizzazzjonijiet ta’ integrazzjoni ekonomika reġjonali li aderew mal-COTIF, b’mod partikolari l-Unjoni Ewropea.

2.6.Il-kompetenza tal-Unjoni u d-drittijiet tal-votazzjoni

Skont l-Artikolu 6 tal-Ftehim bejn l-UE u l-OTIF:

“1. Għal deċiżjonijiet fi kwistjonijiet fejn l-Unjoni għandha kompetenza esklużiva, l-Unjoni għandha teżerċita d-drittijiet ta’ votazzjoni tal-Istati Membri tagħha taħt il-Konvenzjoni.

2. Għal deċiżjonijiet fi kwistjonijiet fejn l-Unjoni taqsam il-kompetenza mal-Istati Membri tagħha, għandhom jivvutaw l-Unjoni jew l-Istati Membri tagħha.

3. Soġġett għall-paragrafu 7 tal-Artikolu 26 tal-Konvenzjoni, l-Unjoni għandu jkollha l-istess għadd ta’ voti daqs l-Istati Membri tagħha li huma wkoll Partijiet għall-Konvenzjoni. Meta l-Unjoni tivvota, l-Istati Membri tagħha ma għandhomx jivvutaw.”

Skont il-liġi tal-Unjoni, l-Unjoni kisbet kompetenza esklużiva fi kwistjonijiet ta’ trasport bil-ferrovija fejn il-COTIF jew l-istrumenti legali adottati skontu jistgħu jaffettwaw jew ibiddlu l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dawn ir-regoli eżistenti tal-Unjoni. Ir-regoli tal-Unjoni se jintlaqtu b’mod ċar mill-adozzjoni ta’ tali modifiki, billi l-objettiv tal-miżura huwa li tallinja l-NVR u l-UTPs tat-TAF, rispettivament, mad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/1614, u mar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1305/2014 kif modifikati dan l-aħħar.

Billi l-Unjoni għandha kompetenza esklużiva fuq il-kwistjonijiet koperti miż-żewġ deċiżjonijiet tas-CTE imsemmija hawn fuq, l-Unjoni, irrappreżentata mill-Kummissjoni, għandha teżerċita d-drittijiet tal-votazzjoni fir-rigward tal-adozzjoni ta’ dawn iż-żewġ deċiżjonijiet.

3.Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni

Għar-raġunijiet kollha msemmija hawn fuq, jenħtieġ li l-Unjoni tivvota favur.

4.Bażi ġuridika

4.1.Bażi ġuridika proċedurali

4.1.1.Prinċipji

L-Artikolu 218(9) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) jipprevedi deċiżjonijiet li jistabbilixxu “l-pożizzjonijiet li għandhom jiġu adottati f’isem l-Unjoni f’sede stabbilita fi ftehim, meta dik is-sede tintalab tadotta atti li jkollhom effetti legali, sakemm dawn ma jkunux atti li jissupplimentaw jew jemendaw il-qafas istituzzjonali tal-ftehim”.

L-Artikolu 218(9) tat-TFUE japplika irrispettivament jekk l-Unjoni tkunx membru tal-korp jew tkunx Parti għall-Ftehim 7 .

Il-kunċett ta’ “atti li jkollhom effetti legali” jinkludi l-atti li jkollhom effetti legali bis-saħħa tar-regoli tad-dritt internazzjonali li jirregolaw il-korp inkwistjoni. Jinkludi wkoll l-istrumenti li ma għandhomx effett vinkolanti skont id-dritt internazzjonali, iżda li “jistgħu jinfluwenzaw b’mod determinanti l-kontenut tal-leġiżlazzjoni adottata mil-leġiżlatur tal-Unjoni 8 .

4.1.2.Applikazzjoni għall-każ preżenti

L-atti li s-CTE huwa mitlub jadotta jikkostitwixxu atti li għandhom effetti legali. L-atti previsti għandhom effetti legali għaliex jimmodifikaw il-qafas legali tal-OTIF billi jallinjaw l-UTPs tal-COTIF mat-TSIs tal-UE fir-rigward tas-Subsistemi, u huma vinkolanti għall-Unjoni.

Għaldaqstant, il-bażi ġuridika proċedurali għad-deċiżjoni proposta hija l-Artikolu 218(9) tat-TFUE.

4.2.Bażi ġuridika sostantiva

4.2.1.Prinċipji

Il-bażi ġuridika sostantiva għal deċiżjoni skont l-Artikolu 218(9) tat-TFUE tiddependi b’mod ewlieni fuq l-objettiv u l-kontenut tal-att previst li għalih tkun qed tiġi adottata pożizzjoni f’isem l-Unjoni. Jekk l-att previst ikollu żewġ għanijiet jew żewġ komponenti, u jekk wieħed minn dawk l-għanijiet jew il-komponenti jkun jista’ jiġi identifikat bħala dak ewlieni, filwaqt li l-ieħor ikun sempliċement inċidentali, id-deċiżjoni skont l-Artikolu 218(9) tat-TFUE trid tkun ibbażata fuq bażi ġuridika sostantiva waħda, jiġifieri dik meħtieġa mill-għan jew mill-komponent ewlieni jew predominanti.

4.2.2.Applikazzjoni għall-każ preżenti

L-objettiv u l-kontenut ewlenin tal-att previst jirrigwardaw it-trasport ferrovjarju.

Għalhekk, il-bażi ġuridika sostantiva għad-deċiżjoni proposta hija l-Artikolu 91 tat-TFUE.

4.3.Konklużjoni

Jenħtieġ li l-bażi ġuridika tad-deċiżjoni proposta tkun l-Artikolu 91 tat-TFUE, flimkien mal-Artikolu 218(9) tat-TFUE.

2019/0143 (NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-proċedura bil-miktub li għandha titnieda mill-Kumitat ta’ Esperti Tekniċi tal-Organizzazzjoni Intergovernattiva għat-Trasport Internazzjonali bil-Ferrovija (OTIF) għall-adozzjoni ta’ modifiki għall-NVR u għall-UTPs tat-TAF

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 91, flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)L-Unjoni aderiet mal-Konvenzjoni li tirrigwarda t-Trasport Internazzjonali bil-Ferrovija tad-9 ta’ Mejju 1980 kif emendata mill-Protokoll ta’ Vilnius tat-3 ta’ Ġunju 1999 (“il-COTIF”), skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/103/UE 9 .

(2)L-Istati Membri kollha, bl-eċċezzjoni ta’ Ċipru u Malta, huma Partijiet għall-COTIF.

(3)Skont l-Artikolu 8 tal-COTIF, ġie stabbilit il-Kumitat tal-Esperti Tekniċi (“is-CTE”) tal-Organizzazzjoni Intergovernattiva għat-Trasport Internazzjonali bil-Ferrovija (OTIF). Skont l-Artikolu 20(1)(e) tal-COTIF u l-Artikoli 13(1), (4) u (5) tal-Appendiċi G (ATMF), is-CTE għandu l-kompetenza biex jieħu deċiżjonijiet dwar l-adozzjoni jew il-modifika tar-Reġistru tal-OTIF – Reġistri Nazzjonali tal-Vetturi Ferrovjarji (NVR). Skont l-Artikolu 20(1)(b) tal-COTIF u l-Artikolu 6 tal-Appendiċi F (APTU), is-CTE għandu l-kompetenza biex jieħu deċiżjonijiet dwar l-adozzjoni ta’ Preskrizzjonijiet Tekniċi Uniformi – Applikazzjonijiet telematiċi għas-servizz tat-trasport tal-merkanzija (UTPs tat-TAF), jew dwar dispożizzjoni li temenda UTP abbażi tal-Appendiċi F (APTU) u l-Appendiċi G (ATMF) tal-Konvenzjoni tal-COTIF.

(4)Is-CTE se jadotta, bi proċedura bil-miktub, proposta għal deċiżjoni li timmodifika l-ispeċifikazzjonijiet tal-NVR, kif ukoll proposta għal deċiżjoni li timmodifika l-Anness 1 tal-UTPs tat-TAF.

(5)Jixraq li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fis-CTE, għax il-modifiki proposti se jkunu vinkolanti għall-Unjoni.

(6)L-objettiv ta’ dawn l-emendi huwa li l-NVR u l-UTPs tat-TAF jiġu allinjati, rispettivament, mad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/1614 10 u mar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 2019/778 11 .

(7)L-emendi proposti huma konformi mal-liġi u mal-objettivi strateġiċi tal-Unjoni billi jikkontribwixxu għall-allinjament tal-leġiżlazzjoni tal-OTIF mad-dispożizzjonijiet ekwivalenti tal-Unjoni, u għalhekk jenħtieġ li jkunu appoġġati mill-Unjoni,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-proċedura bil-miktub, li għandha titnieda mill-Kumitat ta’ Esperti Tekniċi tal-Konvenzjoni li tirrigwarda t-Trasport Internazzjonali bil-Ferrovija tad-9 ta’ Mejju 1980, fir-rigward tal-modifiki għall-NVR u għall-Anness 1 tal-UTPs tat-TAF, għandha tkun kif ġej:

1.Vot favur l-emendi proposti mis-CTE għall-NVR, kif misjuba fid-Dokument ta’ Ħidma tas-CTE TECH-19001-CTE12-5.1.

2.Vot favur l-emenda proposta mis-CTE għall-UTPs tat-TAF, kif misjuba fid-Dokument ta’ Ħidma tas-CTE TECH-18037-CTE12-5.2.

Artikolu 3

Wara l-adozzjoni tiegħu, l-att tal-Kumitat ta’ Esperti Tekniċi għandu jiġi ppubblikat f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, b’indikazzjoni tad-data tad-dħul fis-seħħ tiegħu.

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Kummissjoni.

Magħmul fi Brussell,

   Għall-Kunsill

   Il-President

(1)    Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2007/756/KE tad-9 ta’ Novembru 2007 li tadotta speċifikazzjoni komuni tar-reġistru nazzjonali tal-vetturi previst fl-Artikoli 14(4) u (5) tad-Direttivi 96/48/KE u 2001/16/KE (ĠU L 305, 23.11.2007, p. 30).
(2)    Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/1614 tal-25 ta’ Ottubru 2018 li tistabbilixxi l-ispeċifikazzjonijiet għar-reġistri tal-vetturi msemmija fl-Artikolu 47 tad-Direttiva (UE) 2016/797 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li temenda u tħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2007/756/KE (OJ L 268, 26.10.2018, p. 53).
(3)    Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1305/2014 tal-11 ta’ Diċembru 2014 dwar l-ispeċifikazzjoni teknika għall-interoperabbiltà fir-rigward tas-subsistema “applikazzjonijiet telematiċi għas-servizz tat-trasport tal-merkanzija” tas-sistema ferrovjarja tal-Unjoni Ewropea u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 62/2006 (ĠU L 356, 12.12.2014, p. 438).
(4)    Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/278 tat-23 ta’ Frar 2018 li jemenda l-Anness tar-Regolament (UE) Nru 1305/2014 rigward l-istruttura tal-messaġġi, il-mudell tad-data u tal-messaġġi, u l-Bażi tad-Data Operazzjonali tal-Vaguni u tal-Unitajiet Intermodali, u li jadotta standard tal-IT għas-saff ta’ komunikazzjoni tal-Interfaċċa Komuni (ĠU L 54, 24.2.2018).
(5)    Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/778 tas-16 ta’ Mejju 2019 li jemenda r-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1305/2014 fir-rigward tal-Ġestjoni tal-Kontroll tat-Tibdil (ĠU L 139I, 27.5.2019, p. 356-359).
(6)    Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/103/UE tas-16 ta’ Ġunju 2011 dwar l-iffirmar u l-konklużjoni tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Organizzazzjoni Intergovernattiva għat-Trasport Internazzjonali bil-Ferrovija dwar l-Adeżjoni tal-Unjoni Ewropea mal-Konvenzjoni li tirrigwarda t-Trasport Internazzjonali bil-Ferrovija (COTIF) tad-9 ta’ Mejju 1980, kif emendata mill-Protokoll ta’ Vilnius tat-3 ta’ Ġunju 1999 (ĠU L 51, 23.2.2013, p. 1).
(7)    Is-Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta’ Ottubru 2014, Il-Ġermanja vs Il-Kunsill, C-399/12, ECLI:EU:C:2014:2258, il-paragrafu 64.
(8)    Is-Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta’ Ottubru 2014, Il-Ġermanja vs il-Kunsill, C-399/12, ECLI:EU:C:2014:2258, il-paragrafi 61 sa 64.
(9)    Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/103/UE tas-16 ta’ Ġunju 2011 dwar l-iffirmar u l-konklużjoni tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Organizzazzjoni Intergovernattiva għat-Trasport Internazzjonali bil-Ferrovija dwar l-Adeżjoni tal-Unjoni Ewropea mal-Konvenzjoni li tirrigwarda t-Trasport Internazzjonali bil-Ferrovija (COTIF) tad-9 ta’ Mejju 1980, kif emendata mill-Protokoll ta’ Vilnius tat-3 ta’ Ġunju 1999 (ĠU L 51, 23.2.2013, p. 1).
(10)    Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/1614 tal-25 ta’ Ottubru 2018 li tistabbilixxi l-ispeċifikazzjonijiet għar-reġistri tal-vetturi msemmija fl-Artikolu 47 tad-Direttiva (UE) 2016/797 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li temenda u tħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2007/756/KE (OJ L 268, 26.10.2018, p. 53).
(11)    Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/778 tas-16 ta’ Mejju 2019 li jemenda r-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1305/2014 fir-rigward tal-Ġestjoni tal-Kontroll tat-Tibdil (ĠU L 139I, 27.5.2019, p. 356-359).
Top