EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52019PC0246

Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL dwar il-pożizzjoni li trid tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fl-Organizzazzjoni Internazzjonali tad-Dielja u l-Inbid (l-OIV)

COM/2019/246 final

Brussell, 4.6.2019

COM(2019) 246 final

2019/0121(NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar il-pożizzjoni li trid tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fl-Organizzazzjoni Internazzjonali tad-Dielja u l-Inbid (l-OIV)


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.Suġġett tal-proposta

Din il-proposta tikkonċerna d-deċiżjoni li tistabbilixxi l-pożizzjoni li trid tittieħed f’isem l-Unjoni fl-Assemblea Ġenerali tal-OIV fid-19 ta’ Lulju 2019, b’rabta mal-adozzjoni prevista tar-riżoluzzjonijiet tal-OIV li jista’ jkollhom effetti legali fuq id-dritt tal-Unjoni.

2.Kuntest tal-proposta

2.1.Status partikolari tal-UE fl-OIV

Bħalissa, 47 Stat huma membri tal-OIV, fosthom 20 li huma Stati Membri tal-Unjoni. L-UE mhijiex membru tal-OIV. Madankollu, mill-20 ta’ Ottubru 2017, l-OIV tat lill-Unjoni l-istatus partikolari previst fl-Artikolu 4 tar-Regoli ta’ Proċedura tal-OIV, li jippermettilha tintervjeni fil-ħidmiet tal-Kummissjonijiet, tas-Sottokummissjonijiet u tal-gruppi ta’ esperti u tattendi l-laqgħat tal-Assemblea Ġenerali u tal-Kumitat Eżekuttiv.

2.2.L-OIV

L-Organizzazzjoni Internazzjonali tad-Dielja u l-Inbid (l-OIV) hija organizzazzjoni intergovernattiva xjentifika u teknika attiva fis-settur tad-dwieli, tal-inbid, tax-xorb abbażi tal-inbid, tal-għeneb tal-mejda, taż-żbib u ta’ prodotti oħra tad-dwieli. L-għanijiet tal-OIV huma li (i) tinforma dwar miżuri li permezz tagħhom jista’ jitqies it-tħassib tal-produtturi, tal-konsumaturi u ta’ partijiet oħra kkonċernati fis-settur tad-dwieli u tal-prodotti tal-inbid, (ii) tassisti lil organizzazzjonijiet internazzjonali oħra involuti f’attivitajiet ta’ standardizzazzjoni, u (iii) tikkontribwixxi għall-armonizzazzjoni internazzjonali ta’ prattiki u standards eżistenti.

2.3.L-att previst tal-OIV

L-Assemblea Ġenerali tal-OIV li jmiss se ssir fl-Iżvizzera fid-19 ta’ Lulju 2019. F’dak il-kuntest u abbażi ta’ diskussjonijiet li saru fil-laqgħa tal-grupp ta’ esperti li saret f’Marzu u f’April 2019 f’Pariġi, wieħed jista’ jistenna li r-riżoluzzjonijiet li ġejjin, li joħolqu effett legali fuq id-dritt tal-UE, se jkunu fuq l-aġenda tal-Assemblea Ġenerali għall-adozzjoni:

l-abbozz tar-Riżoluzzjoni OENO-MICRO 16-594A li jistabbilixxi prattika enoloġika ġdida u l-abbozz tar-Riżoluzzjoni OENO-MICRO 17-611 li jaġġorna l-objettivi ta’ prattika enoloġika eżistenti. Skont l-Artikolu 80(3)(a) u l-Artikolu 90(2) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 1 , u l-Artikolu 9 tar-Regolament (KE) Nru 606/2009 2 , dawn ir-Riżoluzzjonijiet se jkollhom effett legali fuq id-dritt tal-Unjoni;

l-abbozzi tar-Riżoluzzjonijiet OENO-TECHNO 15-586, 17-612, 17-613 li jaġġornaw l-applikazzjonijiet u l-objettivi tal-prattiki enoloġiċi korrispondenti, l-abbozz tar-Riżoluzzjoni OENO-TECHNO 18-633 li jżid l-użu ta’ sustanza ġdida biex titwettaq il-prattika enoloġika eżistenti u l-abbozz tar-Riżoluzzjoni OENO-TECHNO 17-616 li jistabbilixxi prattika enoloġika ġdida għall-produzzjoni tal-inbid. Skont l-Artikolu 80(3)(a) u l-Artikolu 90(2) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013, dawn ir-Riżoluzzjonijiet se jkollhom effett fuq id-dritt tal-Unjoni;

l-abbozzi tar-Riżoluzzjonijiet OENO-SPECIF 17-617, 18-646 u 18-650 li jaġġornaw il-monografiji li jistabbilixxu l-ispeċifikazzjonijiet tal-purità u tal-identifikazzjoni tas-sustanzi użati fil-prattiki enoloġiċi. Skont l-Artikolu 80(3)(a) u l-Artikolu 90(2) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013, u l-Artikolu 9 tar-Regolament (KE) Nru 606/2009, dawn ir-Riżoluzzjonijiet se jkollhom effett legali fuq id-dritt tal-Unjoni;

L-abbozzi tar-Riżoluzzjonijiet OENO-SCMA 16-596, 17-619, 17-621, u l-abbozz tar-Riżoluzzjoni OENO-SCMA 17-622 li jistabbilixxu metodi ġodda tal-analiżi. OENO-SCMA 18-638 li jistabbilixxi metodu ġdid tal-analiżi u li jiffissa limitu ġdid fir-rigward tal-preżenza taċ-ċomb fl-inbid. Skont l-Artikolu 80(3)(a) u l-Artikolu 80(5) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013, dawn ir-Riżoluzzjonijiet se jkollhom effett legali fuq id-dritt tal-Unjoni.

Bħal fl-imgħoddi, wieħed jista’ jistenna li l-aġenda tal-laqgħa tal-Assemblea Ġenerali tal-OIV se tibqa’ tevolvi u li mal-aġenda se jiżdiedu aktar riżoluzzjonijiet li joħolqu effetti legali fuq id-dritt tal-Unjoni. Sabiex tiżgura l-effiċjenza tal-ħidma tal-Assemblea Ġenerali filwaqt li tirrispetta r-regoli tat-Trattati, fiż-żmien dovut il-Kummissjoni se tissupplimenta jew temenda l-proposta attwali biex tippermetti lill-Kunsill jadotta l-pożizzjoni li trid tittieħed ukoll b’rabta ma’ dawn ir-Riżoluzzjonijiet.

3.Pożizzjoni li trid tittieħed f’isem l-Unjoni

L-abbozzi tar-Riżoluzzjonijiet li se jiġu sottomessi għall-votazzjoni fl-Assemblea Ġenerali tal-OIV li jmiss ġew diskussi b’mod estensiv mill-esperti xjentifiċi u tekniċi tas-settur tal-inbid. Dawn jikkontribwixxu għall-armonizzazzjoni internazzjonali tal-istandards tal-inbid u se jistabbilixxu qafas li se jiżgura kompetizzjoni ġusta fin-negozjar tal-prodotti tas-settur tal-inbid. Għalhekk jenħtieġ li jiġu appoġġati.

4.Bażi ġuridika

4.1.Bażi ġuridika proċedurali

4.1.1.Prinċipji

L-Artikolu 218(9) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) jipprevedi deċiżjonijiet li jistabbilixxu “l-pożizzjonijiet li għandhom jiġu adottati f’isem l-Unjoni f’sede stabbilita fi ftehim, meta dik is-sede tintalab tadotta atti li jkollhom effetti legali, sakemm dawn ma jkunux atti li jissupplimentaw jew jemendaw il-qafas istituzzjonali tal-ftehim.”

L-Artikolu 218(9) tat-TFUE japplika irrispettivament minn jekk l-Unjoni tkunx membru tas-sede jew tkunx Parti tal-ftehim jew le 3 .

Il-kunċett ta’ “atti li jkollhom effetti legali” jinkludi l-atti li jkollhom effetti legali skont ir-regoli tad-dritt internazzjonali li jirregola l-korp ikkonċernat. Dan jinkludi wkoll l-istrumenti li ma għandhomx effett vinkolanti skont id-dritt internazzjonali, iżda li “jistgħu jinfluwenzaw b’mod determinanti l-kontenut tal-leġiżlazzjoni adottata mil-leġiżlatur tal-Unjoni 4 .

4.1.2.Applikazzjoni għall-każ preżenti

L-Organizzazzjoni Internazzjonali tad-Dielja u l-Inbid (l-OIV) hija organizzazzjoni intergovernattiva xjentifika u teknika attiva fis-settur tad-dwieli, tal-inbid, tax-xorb abbażi tal-inbid, tal-għeneb tal-mejda, taż-żbib u ta’ prodotti oħra tad-dwieli. Bħalissa, 46 Stat huma membri tal-OIV, fosthom 20 li huma Stati Membri tal-Unjoni. L-UE mhijiex membru tal-OIV. Madankollu, mill-20 ta’ Ottubru 2017, l-OIV tat lill-Unjoni l-istatus partikolari previst fl-Artikolu 4 tar-Regoli ta’ Proċedura tal-OIV, li jippermettilha tintervjeni fil-ħidmiet tal-Kummissjonijiet, tas-Sottokummissjonijiet u tal-gruppi ta’ esperti u tattendi l-laqgħat tal-Assemblea Ġenerali u tal-Kumitat Eżekuttiv.

Skont ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 606/2009, ċerti riżoluzzjonijiet adottati u ppubblikati mill-OIV għandhom effett legali fuq id-dritt tal-UE. Għaldaqstant jenħtieġ li l-pożizzjoni tal-Unjoni fir-rigward ta’ dawk ir-Riżoluzzjonijiet b’rabta mal-kwistjonijiet li jaqgħu taħt il-kompetenza tagħha, tiġi adottata mill-Kunsill u espressa waqt il-laqgħat tal-OIV mill-Istati Membri li huma membri tal-OIV, li jaġixxu b’mod konġunt fl-interess tal-Unjoni.

Għaldaqstant, il-bażi ġuridika proċedurali għad-deċiżjoni proposta hija l-Artikolu 218(9) tat-TFUE.

4.2.Bażi ġuridika sostantiva

4.2.1.Prinċipji

Il-bażi ġuridika sostantiva biex tittieħed deċiżjoni skont l-Artikolu 218(9) tat-TFUE tiddependi primarjament mill-objettiv u mill-kontenut tal-att previst li dwaru tittieħed pożizzjoni f’isem l-Unjoni. Jekk l-att previst ikollu żewġ għanijiet jew żewġ komponenti, u jekk wieħed minn dawn l-għanijiet jew il-komponenti jkun jista’ jiġi identifikat bħala dak ewlieni, filwaqt li l-ieħor ikun sempliċement inċidentali, id-deċiżjoni skont l-Artikolu 218(9) tat-TFUE trid tkun ibbażata fuq bażi ġuridika sostantiva waħda, jiġifieri dik meħtieġa mill-għan jew mill-komponent ewlieni jew predominanti.

4.2.2.Applikazzjoni għall-każ preżenti

L-objettiv ewlieni tal-abbozzi tar-Riżoluzzjonijiet previsti huwa marbut mal-armonizzazzjoni tal-istandards tal-inbid u għalhekk mal-implimentazzjoni tal-politika agrikola komuni. Għalhekk, il-bażi ġuridika sostantiva għad-deċiżjoni proposta hija magħmula mill-Artikolu 43 tat-TFUE.

4.3.Konklużjoni

Jenħtieġ li l-bażi ġuridika tad-deċiżjoni proposta tkun l-Artikolu 43 tat-TFUE, flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu.

5.Pubblikazzjoni tal-att previst

Mhux applikabbli

2019/0121 (NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar il-pożizzjoni li trid tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fl-Organizzazzjoni Internazzjonali tad-Dielja u l-Inbid (l-OIV)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 43, flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)Waqt l-Assemblea Ġenerali li jmiss tagħha, li se ssir fid-19 ta’ Lulju 2019, l-Organizzazzjoni Internazzjonali tad-Dielja u l-Inbid (l-OIV) se teżamina u possibbilment tadotta riżoluzzjonijiet li se jaffettwaw id-dritt tal-Unjoni. L-Unjoni mhijiex membru tal-OIV. Madankollu, fl-20 ta’ Ottubru 2017, l-OIV tat lill-Unjoni l-istatus partikolari previst fl-Artikolu 4 tar-Regoli ta’ Proċedura tal-OIV.

(2)20 Stat Membru huma membri tal-OIV. Dawk l-Istati Membri għandhom il-possibbiltà jipproponu emendi għall-abbozzi tar-Riżoluzzjonijiet tal-OIV u se jintalbu jadottaw uħud mill-abbozzi tar-Riżoluzzjonijiet tal-OIV waqt l-Assemblea Ġenerali tal-OIV li jmiss li se ssir fid-19 ta’ Lulju 2019.

(3)Għaldaqstant jenħtieġ li l-pożizzjoni tal-Unjoni fir-rigward ta’ dawk ir-Riżoluzzjonijiet b’rabta mal-kwistjonijiet li jaqgħu taħt il-kompetenza tagħha, tiġi adottata mill-Kunsill u espressa waqt il-laqgħat tal-OIV mill-Istati Membri li huma membri tal-OIV, li jaġixxu b’mod konġunt fl-interess tal-Unjoni.

(4)Skont ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 5 u r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 606/2009 6 , ċerti riżoluzzjonijiet adottati u ppubblikati mill-OIV jaffettwaw id-dritt tal-Unjoni.

(5)L-Artikolu 80(3)(a) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 jipprevedi li, meta tawtorizza l-prattiki enoloġiċi, il-Kummissjoni trid tqis il-prattiki enoloġiċi u l-metodi tal-analiżi rrakkomandati u ppubblikati mill-OIV.

(6)L-Artikolu 80(5) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 jistipula li meta tistabbilixxi l-metodi tal-analiżi sabiex tiġi ddeterminata l-kompożizzjoni tal-prodotti tas-settur tal-inbid, il-Kummissjoni trid tibbaża dawn il-metodi fuq xi metodu rilevanti rrakkomandat u ppubblikat mill-OIV, sakemm dawn il-metodi jkunu effettivi u xierqa fid-dawl tal-objettiv fil-mira tal-Unjoni.

(7)L-Artikolu 90(2) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 jipprevedi li l-prodotti tas-settur tal-inbid importati fl-Unjoni jridu jkunu magħmulin skont il-prattiki enoloġiċi awtorizzati mill-Unjoni f’konformità ma’ dak ir-Regolament jew, qabel dik l-awtorizzazzjoni, magħmulin skont il-prattiki enoloġiċi rrakkomandati u ppubblikati mill-OIV.

(8)L-Artikolu 9 tar-Regolament (KE) Nru 606/2009 jipprevedi li l-ispeċifikazzjonijiet tal-purità u tal-identifikazzjoni tas-sustanzi użati fil-prattiki enoloġiċi jridu jkunu dawk stabbiliti u ppubblikati mill-OIV, meta dawn ma jkunux stabbiliti mill-Kummissjoni.

(9)L-abbozz tar-Riżoluzzjoni OENO-MICRO 16-594A jistabbilixxi prattika enoloġika ġdida. L-abbozz tar-Riżoluzzjoni OENO-MICRO 17-611 jaġġorna l-objettivi ta’ prattika enoloġika eżistenti. Skont l-Artikolu 80(3)(a) u l-Artikolu 90(2) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013, u l-Artikolu 9 tar-Regolament (KE) Nru 606/2009, dawn ir-Riżoluzzjonijiet se jkollhom effett legali fuq id-dritt tal-Unjoni.

(10)L-abbozzi tar-Riżoluzzjonijiet OENO-TECHNO 15-586, 17-612 u 17-613 jaġġornaw l-applikazzjonijiet u l-objettivi tal-prattiki enoloġiċi korrispondenti. L-abbozz tar-Riżoluzzjoni OENO-TECHNO 18-633 iżid l-użu ta’ sustanza ġdida biex titwettaq il-prattika enoloġika eżistenti. L-abbozz tar-Riżoluzzjoni OENO-TECHNO 17-616 jistabbilixxi prattika enoloġika ġdida għal-produzzjoni tal-inbid. Skont l-Artikolu 80(3)(a) u l-Artikolu 90(2) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013, dawn ir-Riżoluzzjonijiet se jkollhom effett legali fuq id-dritt tal-Unjoni.

(11)L-abbozzi tar-Riżoluzzjonijiet OENO-SPECIF 17-617, 18-646 u 18-650 li jaġġornaw il-monografiji li jistabbilixxu l-ispeċifikazzjonijiet tal-purità u tal-identifikazzjoni tas-sustanzi użati fil-prattiki enoloġiċi. Skont l-Artikolu 80(3)(a) u l-Artikolu 90(2) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013, u l-Artikolu 9 tar-Regolament (KE) Nru 606/2009, dawn ir-Riżoluzzjonijiet se jkollhom effett legali fuq id-dritt tal-Unjoni.

(12)L-abbozzi tar-Riżoluzzjonijiet OENO-SCMA 16-596, 17-619, 17-621 u 17-622 jistabbilixxu metodi ġodda tal-analiżi. L-abbozz tar-Riżoluzzjoni OENO-SCMA 18-638 jistabbilixxi metodu ġdid tal-analiżi u jiffissa limitu ġdid fir-rigward tal-preżenza taċ-ċomb fl-inbid. Skont l-Artikolu 80(3)(a) u l-Artikolu 80(5) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013, dawn ir-Riżoluzzjonijiet se jkollhom effett legali fuq id-dritt tal-Unjoni.

(13)Dawn l-abbozzi tar-Riżoluzzjonijiet ġew diskussi b’mod estensiv mill-esperti xjentifiċi u tekniċi tas-settur tal-inbid. Dawn jikkontribwixxu għall-armonizzazzjoni internazzjonali tal-istandards tal-inbid u se jistabbilixxu qafas li se jiżgura kompetizzjoni ġusta fin-negozjar tal-prodotti tas-settur tal-inbid. Għalhekk jenħtieġ li jiġu appoġġati.

(14)Sabiex ikun hemm il-flessibbiltà meħtieġa matul in-negozjati qabel il-laqgħa tal-Assemblea Ġenerali tal-OIV, l-Istati Membri li huma membri tal-OIV jenħtieġ li jkunu awtorizzati jaqblu ma’ bidliet f’dawn ir-Riżoluzzjonijiet sakemm dawn il-bidliet ma jbiddlux is-sustanza tagħhom,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-pożizzjoni li trid tittieħed f’isem l-Unjoni fl-Assemblea Ġenerali tal-OIV fid-19 ta’ Lulju 2019 hija stipulata fl-Anness u għandha tiġi espressa mill-Istati Membri li huma membri tal-OIV, li jaġixxu b’mod konġunt fl-interess tal-Unjoni.



Artikolu 2

1.Meta l-pożizzjoni msemmija fl-Artikolu 1 x’aktarx tkun se tiġi affettwata minn informazzjoni xjentifika jew teknika ġdida li tkun ippreżentata qabel il-laqgħat tal-OIV jew matulhom, l-Istati Membri li huma membri tal-OIV għandhom jitolbu li l-votazzjoni fl-Assemblea Ġenerali tal-OIV tiġi posposta sa ma l-pożizzjoni tal-Unjoni tiġi stabbilita abbażi tal-elementi l-ġodda.

2.Wara l-koordinazzjoni, b’mod partikolari fuq il-post, u mingħajr deċiżjoni ulterjuri tal-Kunsill li tistabbilixxi l-pożizzjoni tal-Unjoni, l-Istati Membri li huma Membri tal-OIV, u li jaġixxu b’mod konġunt fl-interess tal-Unjoni, jistgħu jaqblu ma’ bidliet fl-abbozzi tar-riżoluzzjonijiet li hemm referenza għalihom fl-Anness li ma jbiddlux is-sustanza tagħha.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell,

   Għall-Kunsill

   Il-President

(1)    Ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 922/72, (KEE) Nru 234/79, (KE) Nru 1037/2001 u (KE) Nru 1234/2007 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 671).
(2)    Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 606/2009 tal-10 ta’ Lulju 2009 li jistabbilixxi regoli ddettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 479/2008 fir-rigward tal-kategoriji tal-prodotti tad-dwieli, il-prattiċi enoloġiċi u r-restrizzjonijiet applikabbli (ĠU L 193, 24.7.2009, p. 1).
(3)    Is-Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta’ Ottubru 2014, Il-Ġermanja vs Il-Kunsill, C-399/12, ECLI:EU:C:2014:2258, il-paragrafu 64.
(4)    Is-Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta’ Ottubru 2014, il-Ġermanja vs il-Kunsill, C-399/12, ECLI:EU:C:2014:2258, il-paragrafi 61 sa 64.
(5)    Ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 922/72, (KEE) Nru 234/79, (KE) Nru 1037/2001 u (KE) Nru 1234/2007 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 671).
(6)    Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 606/2009 tal-10 ta’ Lulju 2009 li jistabbilixxi regoli ddettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 479/2008 fir-rigward tal-kategoriji tal-prodotti tad-dwieli, il-prattiċi enoloġiċi u r-restrizzjonijiet applikabbli (ĠU L 193, 24.7.2009, p. 1).
Top

Brussell, 4.6.2019

COM(2019) 246 final

ANNESS

tal-

Proposta għal
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar il-pożizzjoni li trid tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fl-Organizzazzjoni Internazzjonali tad-Dielja u l-Inbid (l-OIV)


ANNESS

Lista ta’ abbozzi ta’ Riżoluzzjonijiet fl-istadju 7 li se jiġu vvutati fl-Assemblea Ġenerali tal-OIV ta’ Lulju 2019

Referenza tar-Riżoluzzjoni

Stadju

Titolu

OENO-MICRO 16-594A

7

Eliminazzjoni tal-mikroorganiżmi selvaġġi fl-għeneb u fil-most permezz ta’ proċessi diskontinwi ta’ pressjoni għolja (Pressjoni Idrostatika Għolja — HHP)

OENO-MICRO 17-611

7

Deaċidifikazzjoni bil-batterji tal-aċidu lattiku

OENO-TECHNO 15-586

7

Limitu tal-karbossimetilċelluloża tal-OIV — aġġornament

OENO-TECHNO 17-612

7

Aġġornament tal-prattika enoloġika dwar iż-żieda tat-tannin fil-most

OENO-TECHNO 17-613

7

Aġġornament tal-prattika enoloġika dwar iż-żieda tat-tannin fl-inbejjed

OENO-TECHNO 17-616

7

Estrazzjoni tal-komposti fenoliċi u/jew aromatiċi fl-għeneb bl-użu tal-ultrasound

OENO-TECHNO 18-633

7

Aġġornament tal-fajl 2.3.2. Attivaturi tal-fermentazzjoni: ċelluloża tal-ikel (mill-istadju 3)

OENO-SPECIF 17-617

7

Aġġornament tal-monografija dwar id-diossidu tal-siliċju kollojdali u tal-iskedi rilevanti tal-kodiċi internazzjonali tal-prattiki enoloġiċi

OENO-SPECIF 18-646

7

Aġġornament tal-fajl E-COEI-1-POTBIS dwar is-sulfit tal-idroġenu tal-potassju

OENO-SPECIF 18-650

7

Reviżjoni tal-fajl F-COEI-1-OEUALB Albumina tal-bajd — il-kontenut xott u l-pH tal-albumini tal-bajd

OENO-SCMA 16-596

7

Validazzjoni tal-analiżi tal-ftalati fl-inbejjed (OIV-OENO 477-2013)

OENO-SCMA 17-619

7

Metodu għad-determinazzjoni tal-poliaspartat tal-potassju fl-inbid permezz tal-kromatografija likwida bi prestazzjoni għolja flimkien ma’ detettur tal-fluworexxenza

OENO-SCMA 17-621

7

Determinazzjoni tal-aċidu aċetiku fl-inbejjed permezz tal-metodu enżimatiku awtomatizzat

OENO-SCMA 17-622

7

Determinazzjoni tal-aċidu d-glukoniku fl-inbejjed u fil-most permezz tal-metodu enżimatiku

OENO-SCMA 18-638

7

Aġġornament tal-limitu taċ-ċomb fl-inbejjed (mill-istadju 3)

Top